AĠĠORNAMENT
ONOR. JOE MIZZI: Madam Speaker, nipproponi l-Aġġornament tal-Kamra għal-lum l-Erbgħa 13 ta' Mejju, 1998 fis-6.00 p.m. b'din l-agenda:
Ordnijiet tal-Ġurnata
Abbozz ta’ Liġi dwar Self Lokali – it-Tieni Qari (Kont);
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar Dazju tas-Sisa (Emenda Nru 4) - it-Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi dwar Taxxa Speċjali fuq Banek Kummerċjali - it-Tieni Qari (Kont.);
Abbozz ta' Liġi dwar il-Kummerċ ta' l-Assigurazzjoni - Kumitat (Kont.);
Abbozz ta' Liġi dwar Servizzi tat-Turiżmu għal Malta - Kumitat;
Abbozz ta' Liġi dwar il-Protezzjoni Ċivili - it-Tieni Qari (Kont);
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar il-Ħabs - it-Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Ordinanza dwar il-Pensjonijiet - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi dwar il-Forzi tal-Pulizija ta' Malta - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar Taxxa tar-Reġistrazzjoni ta' Vetturi bil-Mutur (Emenda Nru 3) - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi kontra l-Korruzzjoni - it-Tieni Qari (Kont);
Abbozz ta' Liġi li jemenda diversi ligijiet dwar Servizzi fl-Ajruport - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar Tribunal għal Talbiet Żgħar – it-Tielet Qari; u
Riżoluzzjoni tal-Kap ta' l-Oppożizzjoni dwar Malta u l-Unjoni Ewropea - Kontinwazzjoni.
---------------------
Abbozz ta' Liġi dwar Brokers fl-Assigurazzjoni u Intermedjarji oħra - Kumitat Permanenti;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda Diversi Liġijiet dwar it-Telekomunikazzjoni - Kumitat Permanenti; u
Abbozz ta' Liġi dwar is-Sigurta' fl-Ajruportijiet u fl-Avjazzjoni Ċivili - Kumitat Permanenti.
MADAM SPEAKER: Rimarki? L-Onor. Chris Agius.
ONOR. CHRIS AGIUS: Madam Speaker, bħalissa t-tfal li qegħdin fis-sitt klassi ta' l-iskola primarja qegħdin jippreparaw sabiex fi ftit ġranet oħra jagħmlu l-eżamijiet tal-Junior Lyceum. Wara snin ta' tagħlim issa waslu għas-siegħa tal-prova u hawnhekk nixtieq nagħmel ftit kummenti dwar l-eżamijiet tal-Junior Lyceum. Nibda billi nsemmi d-differenza li teżisti bejn il-passes ta' dawk li ġejjin minn skejjel statali u dawk li ġejjin minn skejjel li huma tal-Knisja jew tal-privat.
Mill-iskejjel ta' l-Istat ta' kull sena jkun hemm mat-3,500 student li jagħmlu dawn l-eżamijiet iżda minkejja l-impen u l-attenzjoni li jagħtu l-għalliema, ma jkun hemm qatt aktar minn 50% mill-istudenti li jgħaddu. L-ogħla persentaġġ ta' studenti li għaddew u li kienu ġejjin minn skejjel primarji ta' l-Istat kien fis-sena 1996 meta għaddew 51.2%. Meta mbagħad inħarsu lejn l-iskejjel kemm privati kif ukoll dawk tal-Knisja nsibu li l-figura medja ta' kemm jersqu għal dawn l-eżamijiet hija ta' bejn 800 u 850 student. Minn dawn dejjem jgħaddu aktar minn 50%. Is-sena l-oħra biss minn 854 student li resqu għall-eżamijiet għaddew 602. Dan iġib persentaġġ ta' 70.5%. Madam Speaker, dan juri d-differenza kbira li teżisti minkejja li fl-iskejjel ta' l-Istat għandna għalliema mill-iktar kwalifikati u dedikati. Jien nittama li n-numru ta' dawk li ġejjin mill-iskejjel statali li jkollhom suċċess fl-eżamijiet tal-Junior Lyceum fil-futur ikun akbar.
La qed insemmi l-passes f'dawn l-eżamijiet nixtieq insemmi wkoll l-iskejjel li ġejjin mid-distrett tiegħi u nibda b'dik tal-Fgura, fejn is-sena l-oħra għaddew 37.7% ta' dawk li għamlu l-eżami, meta s-sena ta' qabel dan il-persentaġġ kien ta' aktar minn 50%. Meta mbagħad niġi biex insemmi l-iskejjel statali tat-Tliet Ibliet, jiġifieri dawk tal-Birgu, ta' Bormla u ta' l-Isla, nasal għall-konklużjoni li hemm bżonn tingħata attenzjoni speċjali lil dawn in-naħat fejn tidħol l-edukazzjoni. Nerġa' ntenni li dan mhux qed ngħidu biex innaqqas xi mertu mill-impenn ġenwin ta' l-għalliema. Is-sena l-oħra minn Bormla għaddew biss 17, rata ta' 18.7% ta' dawk li għamlu l-eżami. Mill-Isla għaddew 12, persentaġġ ta' 25.5%, u mill-Birgu għaddew biss 6, persentaġġ ta' 19.4%. Meta tara dan mill-ewwel tinduna li hemm xi ħaġa li m'hijiex sejra tajjeb fl-edukazzjoni f'dawn in-naħat. Saru ħafna seminars u laqgħat dwar dan is-suġġett tul dawn l-aħħar snin. Saru wkoll ħafna suġġerimenti u ideat ġodda pero' b'dispjaċir ngħid li l-livell baqa' l-istess. In-numru ta' dawk li wara għaxar snin fi skola jispiċċaw ma jafux la jiktbu u lanqas jaqraw f'dawn in-naħat baqa' kostanti, anzi nista' ngħid li qed jiżdied, u dan qed iwassalna sabiex ikollna problemi kbar meta żgħażagħ li jkunu spiċċaw snin fl-iskola jiġu biex isibu l-ewwel xogħol tagħhom. Ftit tax-xhur ilu twaqqfet il-Cottonera Community Development Initiative. Waħda mill-inizjattivi li ttieħdet mill-istess chairperson ta' dan il-kumitat kienet fl-edukazzjoni. J'Alla li dak li fil-passat ma rnexxilniex intejbu, jirnexxielna nagħmluh fiż-żmien li ġej sabiex anke fil-Kottonera jkollna aktar żgħażagħ li jkunu preparati għall-isfidi li tal-ġejjieni.
Madam Speaker, la qiegħed insemmi l-edukazzjoni u t-tagħlim inkun qed nonqos jekk ma nsemmix il-proġetti li bħalissa għaddejjin bejn il-kunsilli lokali tat-Tliet Ibliet flimkien ma' kumpannija privata. Konxji minn din il-problema ta' nuqqas ta' interess fl-edukazzjoni mit-tfal li ġejjin minn dawn l-ibliet, il-kunsilli ta' Bormla, tal-Birgu u ta' l-Isla, flimkien ma' kumpannija privata li xogħolha huwa fil-qasam ta' l-informatika u t-teknoloġija, qed jinvestu f'dan il-proġett. F'din l-inizjattiva qed jiġu mistiedna dawk kollha li jgħixu fit-Tliet Ibliet sabiex jattendu għal lezzjonijiet tal-computer. Kulħadd kellu ċans li jattendi għaliex il-korsijiet huma miftuħa għat-tfal, għaż-żgħażagħ, għall-adulti kif ukoll għall-anzjani. It-tliet kunsilli għamlu kampanja qawwija fl-iskejjel dwar dan it-tagħlim u b'sodisfazzjon irrid ngħid li mhux inqas minn 250 persuna qed jattendu għal dawn il-korsijiet li bdew f'dawn il-ġranet. Affarijiet bħal dawn, Madam Speaker, lili jimlewni b'kuraġġ. Jista' jkun li dawn l-ibliet fl-aħħar qabdu t-triq tal-qawmien. Il-kunsilli lokali, b'aktar attivitajiet ta' dan it-tip ikunu qed jgħinu sabiex il-komunita' tal-Kottonera tkompli tqum fuq saqajha biex tilqa' għall-isfidi ġodda li se joffri l-ġejjieni. Huwa xieraq għalhekk li llum nifraħ lil dawn it-tliet kunsilli ta' dawn l-inizjattivi li ħadu. Jiena ngħidilhom sabiex ikomplu joħolqu opportunitajiet ta' tagħlim divers, kemm akkademiku kif ukoll ta' snajja' fiċ-ċentri tal-kunsilli lokali.
Madam Speaker, minbarra din l-inizjattiva marbuta mat-tagħlim u l-edukazzjoni huwa xieraq ukoll li llum insemmi Dar it-Tama. Sa mit-twaqqif tagħha din ħadmet fost it-tfal ta' dawn in-naħat. Ingħataw lezzjonijiet f'diversi suġġetti fiċ-ċentru li għandna ġewwa Bormla. Illum Dar it-Tama qed tniedi inizjattiva ġdida ta' sistema ta' tagħlim ġdid. Bħalma kien l-għan tagħha mill-bidu, Dar it-Tama se tkun ta' benefiċċju għat-tfal ta' dawn in-naħat. Permezz ta' din l-iskola ġdida, ħalli nsejħilha hekk, Dar it-Tama se tkun qed toffri sistema ta' tagħlim fuq linji moderni bl-użu ta' l-aħjar metodu preżenti fl-Ewropa. Se jkun użat tagħmir mill-aktar modern li nxtara apposta sabiex jagħmel it-tagħlim aktar attraenti għat-tfal. Dar it-Tama qed tħejji dan il-proġett għat-tfal ta' dawn in-naħat, pero' żgur li fil-futur ikunu jistgħu jibbenefikaw minnu ħafna aktar lokalitajiet imxerrdin ma' Malta u Għawdex. Dwn it-tfal tal-Kottonera tar-raba' klassi se jkunu mistħarrġa fil-qasam tal-litteriżmu u tan-numerija u dawk it-tfal li jeħtieġu l-għajnuna se jiġu identifikati sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn dan il-proġett. Dar it-Tama, li titmexxa u titħaddem kollha kemm hi mill-volontiera, se tipprovdi taħriġ fil-qari, fil-kitba fin-numerija u fil-crafts lil dawk il-voluntieri li se jkunu qed jaħdmu fuq dan il-proġett. J'Alla li istituzzjonijiet bħal Dar it-Tama jkomplu jaħdmu u jwettqu ġid fost il-kommunita' li jkunu ħarġu minnha. Nispera wkoll li inizjattivi bħal dawn ikomplu jsibu l-għajnuna u l-appoġġ, bħalma qed issib Dar it-Tama, kemm mill-ministeru ta' l-edukazzjoni kif ukoll mill-kunsilli lokali. Jien min-naħa tiegħi lil membri ta' Dar it-Tama nawguralhom aktar suċċess u nirringrazzjahom f'isem in-nies tal-Kottonera tal-ġid li qed ixerrdu.
Madam Speaker, xtaqt li fil-ħin li għad baqa' nitkellem ftit fuq x'sar s'issa minn dan il-Gvern u x'se jsir fi żmien qasir fit-Tieni Distrett. Nibda sabiex insemmi l-problemi kbira li kien hemm fil-Fgura, cioe' l-istat ħażin li kienet tinstab fih Zabbar Road. Ix-xogħlijiet li saru hawnhekk għandhom ikunu ta' eżempju ta' kif għandhom jinbnew toroq ġodda fil-futur. Mhux biss it-triq saritilha sodda tal-concrete sabiex tkun tiflaħ aktar toqol imma saru servizzi ġodda ta' ilma, dawl, drenaġġ, water culverts u telephone lines. Dawn saru kollha minn taħt il-bankini l-ġodda fuq iż-żewġ naħat tat-triq. Nisperaw, kif qed jispera wkoll il-Kunsill Lokali tal-Fgura, li fi żmien qasir titkompla t-tieni parti ta' Hompesch Road.
Id-dar ta' l-anzjani f'Bormla li nbdiet taħt l-amministrazzjoni Nazzjonalista, tkompliet b'ritmu mgħaġġel u x-xogħlijiet tal-ġebel waslu fl-aħħar. Wara dan ix-xogħol mistenni li jinbeda x-xogħol tad-dawl, ta' l-ilma u r-refurbishing sabiex fi ftit ta' żmien ieħor din id-dar tkun tista' tilqa' fiha l-ewwel anzjani.
Sar xogħol kbir ukoll f'area fil-Birgu magħrufa bħala Couvre Porte, fejn l-area ngħatat wiċċ verament sabiħ ħafna, sar xogħol bil-ġebel tal-qawwi u dan huwa għal kollox kompatibbli mal-ħitan u s-swar tal-viċinanzi.
Proġett ieħor li għandha tibbenefika minnu l-area kollha tal-Kottonera hu l-proġett tal-poliklinika ġdida li hemm proġettata li ssir ġewwa Bormla. Din se ssir fl-istess sit fejn hemm il-poliklinika llum pero' se tkun fuq tliet sulari. Qiegħed ikun stmat li meta jitlesta x-xogħol, din il-poliklinika tkun qamet mal-Lm180,000. Din se tkun attrezzata bl-aktar servizzi moderni u varji. In-nies qegħdin jilmentaw li x-xogħlijiet qegħdin idumu wisq sabiex jinbdew. Kulħadd qiegħed jistenna li jara dan ix-xogħol jinbeda sabiex meta tkun lesta n-nies tal-Kottonera jkunu moqdija bl-aħjar servizzi.
Madam Speaker, nixtieq nitkellem ukoll fuq dak li n-nies tal-Kottonera qegħdin isejħu bħala rigal tal-millennju mill-Gvern. Hawn qed nirriferi għat-trasformazzjoni li hemm ippjanata għax-xtut ta' Bormla, l-Isla u l-Birgu. Wara għexieren ta' snin ta' stennija jidher li fl-aħħar wasal iż-żmien sabiex dawn in-naħat jiġu ttrasformati. Jidher li wasalna fl-istadju finali u kulħadd f'dawn in-naħat qiegħed jistenna b'ħerqa kbira sabiex jara l-bidu tax-xogħlijiet. Dan il-proġett qed ikun stmat li se jqum mat-Lm12.9 miljun, u se jittrasforma din l-area mil-lejl għan-nhar. Il-promoturi qegħdin jgħidu li jridu jbiddlu d-daħla tad-Dockyard Creek f'yacht marina ta’ standard internazzjonali. Madam Speaker, meta tkun qed titkellem fuq Dockyard Creek ma tistax ma ssemmix il-Baċir Nru.1.
Il-promoturi tal-marina qalu li diġa' kellhom laqgħat mal-Malta Drydocks dwar dan il-baċir. Nafu wkoll li fir-ristrutturazzjoni tat-Tarzna, waħda mill-units imwaqqfa hija dwar it-trasformazzjoni tal-Baċir Nru.1. Nafu wkoll li delegazzjoni mit-Tarzna għamlet żjajjar barra min Malta f'areas fejn saret bidla ta' dan it-tip, ċioe' minn dockyard għal xi ħaġa attraenti li tiġbed it-turisti. Min dak li nara jien, minħabba l-fatt li jien ngħix viċin ħafna ta' din l-area, imħażen tat-Tarzna ta' madwar il-Baċir Nru.1 bdew jitbattlu, kif ukoll f'dawn l-aħħar ġranet tneħħa għal kollox crane antik li kien hemm f'din l-area. Għalhekk, Madam Speaker, jidher li fl-aħħar, waħda mill-ħolmiet kbar tan-nies tal-Kottonera waslet biex issir realta'. In-nies tal-Kottonera kollha qegħdin iqisu dan bħala rigal tal-millennju mill-Gvern.
Madam Speaker, sabiex nikkonkludi ma jistax jonqos li f'isem il-poplu ta' Malta u Għawdex kollha, u b'mod partikolari dak tal-Kottonera, nifraħ lil Chiara għas-suċċess li rnexxielha tikseb għal pajjiżna u għaliha waqt il-Eurovision Song Contest. Is-suċċess ta' Chiara, flimkien ma' Jason u Sonny, li t-tlieta ġejjin min-naħa tal-Kottonera, huwa ta’ xhieda kbira tal-potenzjal kbir li jeżisti f'Malta, kif ukoll fil-Kottonera. Grazzi.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Angelo Farrugia.
ONOR. ANGELO FARRUGIA: Madam Speaker, jiena wkoll nifraħ lil Chiara tas-suċċess kbir li għamlet - allavolja m'hijiex ġejja mid-distrett tiegħi tal-Mosta - u nawguralha li tkompli bil-karriera li poġġiet lill-Malta fl-Ewropa, allavolja m'aħniex se nidħlu membri sħaħ! Tneħħi l-Ingilterra - għax l-Iżrael mhuwiex pajjiż Ewropew - din poġġiet lilna l-aqwa fost l-Ewropej, allavolja hawn min igħid li issa Malta se tintnesa mill-Ewropej!
Madam Speaker, illum xtaqt naqbad suġġett li dan l-aħħar qrajt dwaru fil-gazzetti. Se nitkellem dwar il-fatt li ma' l-2,000 applikant li s-soltu kienu jkunu ntitolati li jieħdu ċ-children allowance ma applikawx għaliha. Dan il-fatt lili jħassibni. Dan ifisser li kien hawn familji li għal snin twal kienu jieħdu din l-allowance meta forsi ma kellhomx dritt għaliha. Jista' jkun li dan sar minħabba li kien hawn ċerta laxkezza fit-tmexxija ta' dan il-pajjiż. Waħda mir-rikjesti għal dan il-benefiċċju soċjali hija li persuna trid tgħid x'kienu s-savings tagħha during the preceding year. Dan ifisser li allura kien hemm min kien jiehu flus li ma kenux tiegħu. Hawnhekk jissaħħaħ l-argument tal-Gvern Laburista preżenti li l-moralita' fiskali - mhux fuq iż-żgħir u fuq tan-nofs biss - trid verament titħaddem fuq kulħadd, trid tagħti r-riżultati u trid verament tipprovdi in full force. Jiena nawgura liċ-Chairman il-ġdid li għadu kif ġie nnominat, l-Avukat Joe Micallef Stafrace, bniedem abbli u kompetenti, biex jibqa’ miexi f’din id-direzzjoni, f'ġieħ id-drittijiet u f'ġieħ il-ġid ta' pajjiżna.
Madam Speaker, hemm anomaliji meta niġu biex nittrattaw dak li huwa dritt soċjali taħt is-Social Security Act. Meta wieħed jaqra l-artiklu li deher f’ "The Times" tat-12 ta' Frar, 1998 bilfors li jagħmel ċerti osservazzjonijiet. Illum mhux biss jista' jkollok min ma jibgħatx applikazzjoni minħabba li jrid jaħbi xi ħaġa imma għandek sitwazzjoni fejn nies li jgħixu in a state of total poverty, b’nuqqasijiet bażiċi, għal raġunijiet ta’ negliġenza ma jimlewx l-applikazzjoni in time, u dan jgħodd l-aktar fil-każ ta' single parents. L-aktar ħaġa vili - u ngħid vili għax donnu m'hawn ħadd li jaqbeż għalihom dawn in-nies - hija li issa wieħed donnu qed jgħid li rridu nirranġaw is-Social Security Act biex tinqata' l-pensjoni ta' dawk in-nies li huma single parents u pensjonanti fl-istess ħin, u li jgħixu ma' persuna oħra li m'hijiex ir-raġel jew il-mara tagħhom.
Madam Speaker, jien qed ngħid dan għaliex hawnhekk qegħdin inżidu d-doża tal-gravita' għax f'kumment li ta lil "The Times", is-Sur Karmenu Degabriele qal li għandna sitwazzjoni ta' koppji li jgħixu flimkien u li għandhom żewġ pensjonijiet. Jiġifieri issa qed ngħidu li jekk għandek anzjana li sabet il-kuntentizza ma' persuna anzjana bħalha, u forsi għandha pensjoni bi dritt, b'xi mod irridu nkissru din ir-relazzjoni biex inġegħluha toħroġ min-darha u tmur f'xi dar tax-xjuħ? Il-Partit Laburista fil-gvern kien dejjem minn ta' quddiem biex itejjeb il-kondizzjonijiet ta' l-anzjani u allura jrid jara li dawn ikollhom l-aħjar ambjent biex jibqgħu fi djarhom u jibqgħu jgawdu l-pensjoni t-tnejn flimkien, anke jekk jgħixu flimkien taħt l-istess saqaf. Madam Speaker, tajjeb li ngħiduhom dawn l-affarijiet ħalli ma jkunx hemm min jipprova jimpressjona li din hija xi anomalija u li wieħed għandu jagħmel xi emendi għas-Social Security Act. Ma nistgħux nagħmlu diskriminazzjoni b'dan il-mod għax wara kollox dawn ikunu ħadmu u ħallsu l-kontribuzzjonijiet tagħhom u allura huma ntitolati għall-pensjoni.
Il-Gvern Laburista diġa' ta prova li huwa kontra dawn it-tip ta' ħsebijiet, li huma ħsebijiet li qegħdin hemmhekk u minn dejjem kienu hemmhekk. Ta prova anke fejn għandu x'jaqsam il-pensjonijiet tal-Gvern Ingliż. Fl-aħħar dawk intitolati bdew jieħdu kemm il-pensjoni tal-Gvern Ingliż kif ukoll iż-żewġ terzi bla nuqqas. Dan ifisser li min qiegħed jipprova jitfa' dawn id-dubji għandu biss l-intenzjoni li jagħmel ħsara lill-Partit Laburista. Dan qed ngħidu għaliex mhux sewwa li nitfgħu kumment bl-addoċċ biex inwerwru lin-nies. Il-pensjoni hija dritt u għandha tibqa' titgawda kemm jekk raġel qiegħed jgħix ma' martu, u kemm jekk qed jgħix ma' persuna oħra, li tista' tkun pensjonanta. Irridu naraw li dan id-dritt jibqa' bla mittiefes u ħadd m'għandu jipprova jxekklu. Li rridu nagħmlu hu li nikkonċentraw fuq "is-suppost" invalidi foloz. Fil-bidu ta' l-intervent tiegħi tkellimt dwar dawk l-2,000 ruħ li dehrilhom li m'għandhomx japplikaw għaċ-children allowance għax saru komdi f'salt. Din ta' l-invalidi foloz hija wkoll parti mill-moralita' fiskali li trid tiġi ndirizzata mill-kummissjoni taħt il-presidenza ta’ l-Avukat Micallef Stafrace.
Madam Speaker, xtaqt ukoll nagħmel riferenza dwar l-art fl-Aħrax tal-Mellieħa. Hemm ħsieb li din tingħata bħalha camping site f'ċertu perijodu matul is-sena. Jien ma naqbilx li dan għandu jsir. Hemmhekk minn dejjem kienet area għall-kaċċaturi u l-gvern dejjem aċċetta li għandha tintuża mill-kaċċaturi. Issa xi ħadd deherlu li sar jifhem kemm fil-kampijiet, kemm fil-kaċċa kif ukoll fl-ambjent! Safejn naf jien ġeneralment ma tkunx tifhem fit-tlieta! Jien naf ħafna kaċċaturi u naf ukoll l-ambjent tagħhom. Dawn dejjem irawmu l-area biex din tkun waħda tajba għall-kaċċa. Inti ma tistax tagħmel vjolazzjoni fuq dik il-proprjeta' għal perijodu ta' xi tlieta jew erba' xhur fis-sena biex tagħmel camping, għax tkun qed tiddisturba l-ambjent li jkun inħoloq għall-iżvog tal-kaċċa. L-għasfur li jiġi fl-area jrid ikollu l-ambjent adatt u allura meta inti tagħmel camping site, dan l-ambjent - speċjalment il-ħaxix - tkun qed tagħmillu ħsara.
Barra minn hekk meta tagħmel hekk tkun qed tidħol fid-drittijiet li xi darba kont tajt lil ħaddieħor. Ma tistax taqbad u tiddeċiedi billi tgħid li se tagħmel perijodu għal camping u perijodu għal kaċċa fl-istess site. Dan ma jregix u hemm bżonn li jinstab post alternattiv għal dawn il-ftit dilettanti. Huwa veru li dawn għandhom kull dritt li jkollhom post fejn jikkampjaw pero' mbagħad irridu nissalvagwardaw ukoll id-drittijiet tal-kaċċaturi, li min dejjem kienu b'saħħithom f'dik l-area. Jiena naħseb li din se tkun deċiżjoni ħażina u għadna fil-ħin li nistgħu nerġgħu narawha. Hemm bżonn li nistudjaw il-possibbiltajiet kollha, naraw u niddiskutu mal-kaċċaturi l-kwestjoni dwar din l-art fl-Aħrax tal-Mellieħa u wkoll biex nikkuntentaw lil min qed jippretendi art biex jiżvoga l-eżerċizzju tal-camping, li llum huwa sport li qiegħed jieħu ċerta popolarita', għalkemm f'Malta għandna l-limitazzjonijiet tagħna.
Madam Speaker, xtaqt ukoll nagħmel riferenza għall-assemblea ta' l-OSCE li se ssir din is-sena bejn is-7 u l-10 ta' Lulju f'Copenhagen, peress li jien immexxi d-delegazzjoni Maltija f'din il-konferenza. Qiegħed nirriferi għaliha għaliex wieħed irid japprezza li l-OSCE tagħmel ġid kbir mhux biss fil-qasam tas-sigurta' imma wkoll f'oqsma oħra. Ovvjament kif insemmi l-Organisation for Security and Co-operation in Europe, awtomatikament moħħok imur fuq is-sigurta' tal-pajjiżi Ewropej. Barra li din l-organizzazzjoni tittratta s-sigurta' fi ħdanha hemm fora, bħalma hu l-economic forum, li qed jagħmlu ħafna ġid. Jien niftakar li kemm is-sena oħra f'Warsaw u anke b'riżultat ta' konferenza reġjonali li kienet suċċess kbir, li saret proprju f'Ottubru li għadda f'Monaco, jirriżulta li l-pajjiżi fi ħdan l-OSCE qegħdin jaraw li wieħed għandu jżid l-interess fit-trasformazzjoni ta’ l-ekonomiji ta' dawk il-pajjiżi tal-Lvant ta' l-Ewropa, ex-Warsaw pact, bħall-Bulgarija, l-Ungerija, ċ-Ċekoslovakkja u l-Polonja. Biex ekonomija tittrasforma ruħha f'ekonomija aktar ħielsa u aktar b'saħħitha trid bilfors tagħmel reinforcement tal-koperazzjoni reġjonali. Proprju l-konferenza ta' Monaco kienet riżultat tad-dikjarazzjoni ta' Warsaw ta' l-1997 dwar dan l-interess ekonomiku. Inti ma tistax tittrasforma ekonomija staġnata għal waħda li tridha tifjorixxi meta kien hemm din it-taqliba kollha. Irid bilfors ikollok il-koperazzjoni ta' pajjiżi oħra li jkunu qegħdin fi ħdan l-organizzazzjoni.
GĦalhekk f’Monaco ġew indirizzati suġġetti ta' importanza kemm għal pajjiżna, kif ukoll għal pajjiżi li qegħdin fi ħdan l-OSCE, fejn issa qed nitkellmu kif isir proċess ad hoc biex tiġi drafted leġislazzjoni li, per eżempju, tindirizza l-kwestjoni dwar il-proprjeta', il-kwestjoni ta' international contracts bejn banek internazzjonali li jkollhom seat f'diversi pajjiżi, u leġislazzjoni għal problemi ta' international bankruptcy bejn żewġ pajjiżi jew iktar. F'dan l-economic forum ġew indirizzati wkoll kwestjonijiet ta foreign and private investment u kwestjonijiet ta' taxation, ta' competition u anke ta' environmental protection. Dan kollu jiġri fi ħdan l-OSCE, u wieħed irid jgħid li dan jawgura tajjeb li l-fl-assemblea parlamentari li jmiss inkomplu nżidu u nsaħħu dak li tlaqna bih fis-sena 1997 f'Warsaw.
Irridu naraw li l-Ewropa ma tkunx Ewropa li ma jkollhiex kuxjenza imma tkun Ewropa fejn ikollok pajjiżi li jkunu jistgħu jsemmgħu leħinhom bl-iktar mod b'saħħtu biex isir dak kollu li għandu jsir għall-ġid ta' l-Ewropa u ta' Malta. Grazzi.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Sar il-ħin. Il-Kamra hija aġġornata għal-lum l-Erbgħa 13, ta' Mejju, 1998 fis-6.00 p.m. bl-aġenda kif komunikata mill-Ministru Mizzi.
Fin-12.30 p.m. il-Kamra aġġornat mingħajr ma saret il-mistoqsija.
Dostları ilə paylaş: |