Debates tal-kamra tad-deputati



Yüklə 356,57 Kb.
səhifə3/5
tarix03.04.2018
ölçüsü356,57 Kb.
#46781
1   2   3   4   5

THE CHAIRMAN: Nirringrazzjak. Aktar rimarki? L-Onor. Lawrence Gonzi.
ONOR. LAWRENCE GONZI: Dan il-budget ġie deskritt minn xi wħud bħala "budget bla viżjoni ta' gvern li qata' qalbu". Oħrajn iddeskrivewh bħala "budget bla kuxjenza soċjali" u oħrajn iddeskrivewh bħala "budget inġust ta' gvern fi kriżi". Dan l-għaliex huwa budget illi jattakka s-sustanza tal-prinċipji ta' ġustizzja soċjali u solidarjeta'. Dan huwa budget li huwa nieqes kompletament minn kull sens ta' ġustizzja soċjali.
Il-ministeru li qegħdin niddiskutu dalgħodu - bir-rispett kollu u bl-umilta' kollha, ngħid jien - huwa l-qalba ta' dan il-budget, huwa l-iktar ministeru milqut b'daqqa ta' mannara b'dan il-budget li l-Gvern Laburista ppreżentalna pajjiżna fix-xahar ta' Novembru ta' l-1997 biex jgħidilna kif beħsiebu jattakka l-qalba tal-pedament soċjali ta' pajjiżna. Mela r-responsabbilta' kollha u l-piż kollu jaqgħu fuq dan il-ministeru, hekk imsejjaħ tal-ħarsien soċjali, f'budget li litteralment ikisser il-pedament soċjali. Dalgħodu qegħdin hawnhekk fis-sala tal-Parlament bil-Ministru tal-Ħarsien Soċjali biss preżenti min-naħa tal-Gvern faċċata tiegħi u ma nistax ma nikkundannax lil dan il-Gvern fl-aktar ministeru importanti li qegħdin niddiskutu dalgħodu fil-budget fil-preżenza biss tal-Ministru tal-Ħarsien Soċjali, u bħala sinjal ta' protesta, Sur President, insejjaħ quorum.
THE CHAIRMAN: Skond Ordni Permanenti No. 111, il-Membru li jkun jippresjedi għandu jħalli postu u terġa' tieħu postha l-iSpeaker.
Fl-10.30 a.m. il-President tal-Kumitati rrapporta lill-iSpeaker nuqqas ta' quorum u s-seduta ġiet sospiża, skond Ordni Permanenti Nru 112.
Fl-10.35 a.m. il-Kamra rriżumiet.
MADAM SPEAKER: Hawn quorum. Is-seduta tista' tkompli.
L-ordni għal Kumitat ġie moqri.

FIL-KUMITAT
L-Onor Michael Bonnici, President tal-Kumitati, jippresjedi.

THE CHAIRMAN: L-Onor. Joe Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: Mr Chairman, hija ħasra li min-naħa l-oħra kulma hawn huma ħamsa jew sitta kollox meta min-naħa tagħna hawn il-bankijiet mimlijin!
THE CHAIRMAN: L-Onor. Gonzi.
ONOR. LAWRENCE GONZI: Mr Chairman, kont qiegħed ngħid illi dan huwa budget ta' gvern fi kriżi li nesa l-kuxjenza soċjali u nsostni illi dan huwa ġudizzju li kulħadd qiegħed jgħaddih. Insostni illi l-poplu kollu Malti u Għawdxi jħossu muġugħ u ma jistax jifhem kif wara 12-il xahar sħaħ ta' Gvern Laburista f'pajjiżna sibna ruħna f'din is-sitwazzjoni. Illum hawn qbil li dan huwa budget li fl-aħħar mill-aħħar jgħaffeġ lid-dgħajjef u wkoll ikisser lil min jista' jgħin lid-dgħajjef f'pajjiżna. Jiena għidt diġa' li dan huwa budget ta' gvern fi kriżi, kriżi li m'hijiex ġejja biss mill-fatt illi dan il-budget qajjem diżgwid internament fil-Gvern stess - tant li qiegħed jintalab vot ta' fiduċja internament fil-Partit Laburista relatat direttament ma' dan il-budget - iżda li ġejja wkoll mill-faqar tar-riżultati li dan il-Gvern irnexxielu jakkwista wara 12-il xahar sħaħ ta' amministrazzjoni. Allura bilfors li l-introduzzjoni tiegħi għal dan il-vot ikolli npoġġiha f'perspettiva aktar wiesgħa ta' x'inhu eżattament il-qasam soċjali llum, x'qiegħed ibati u għal liema raġuni qiegħed ibati wara dan il-perjodu ta' sena ta' amministrazzjoni Laburista.
Din il-perspettiva bilfors trid tibda mill-ħafna wegħdiet li aħna smajna qabel l-elezzjoni u li komplejna nisimgħu matul dawn it-12-il xahar, u cioe' wegħdiet li dan se jkun il-Gvern li jrażżan l-għoli tal-ħajja. Jiena nistaqsi lill-poplu Malti jekk s'issa, wara 12-il xahar, rax xi xaqq ta' dawl ta' trażżin ta' l-għoli tal-ħajja jew jekk ġarax proprju bil-kontra, jiġifieri illi kien il-Gvern stess li bil-miżuri li ħa bl-ewwel budget tiegħu li ġie ppreżentat f'Jannar li għadda għolla l-ħajja f'pajjiżna. Niftakru li qabel l-elezzjoni u anke wara l-elezzjoni kien sar ħafna diskors li bit-tneħħija tal-VAT se jissolvew il-problemi u se nikkontrollaw l-għoli tal-ħajja, pero' jiena ngħid li l-liġijiet il-ġodda li daħħal dan il-Gvern tad-dazji u s-sisa huma proprju waħda mill-kawżi ewlenin illi qegħdin jgħollu l-prezzijiet u jgħollu l-ħajja f'pajjiżna. Niftakru wkoll fil-wegħda li l-mara tad-dar ma jkollhiex għalfejn toħroġ taħdem pero' llum il-familji Maltin u Għawdxin, speċjalment dawk li huma l-aktar batuti, jaraw f'din il-wegħda wegħda ta' ngann li bdiet minn qabel l-elezzjoni u li ġiet ipprovata matul dawn l-aħħar 12-il xahar.

Ta' min wieħed jgħid ukoll li fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista hemm miktub li l-Partit Laburista fil-gvern ma jħallix l-għoli tal-prezzijiet igerrem il-benefiċċji soċjali. Jien ngħid li l-valur tal-benefiċċji soċjali li għandna f'pajjiżna mhux talli ġew imgerrma mill-għoli tal-prezzijiet imma talli ġew attakkati b'mod fundamentali fl-ewwel budget tal-Partit Laburista fil-gvern f'Jannar li għadda u b'mod speċjali fit-tieni budget tiegħu, jiġifieri dak li qed niddiskutu llum. Jien nixtieq nistaqsi lil dawk il-ħaddiema li llum qed ifittxu x-xogħol u m'humiex qegħdin isibuh, lil dawk il-ħaddiema li sa ftit taż-żmien ilu kienu qed jaħdmu u llum ġew issensjati, kif ukoll lil dawk il-ħaddiema li sa ftit taż-żmien ilu kienu qed igawdu minn kondizzjonijiet ta' xogħol mill-aqwa b'pagi, b'allowances u b'overtime kemm iridu, jekk il-wegħda li għamlilhom il-Partit Laburista 12-il xahar ilu fil-manifest elettorali tiegħu, jiġifieri dik li l-mira ewlenija tal-politika ekonomika tal-Partit Laburista se tkun dik li tassigura l-ogħla livell possibbli ta' mpjiegi f'pajjiżna, spiċċatx u saretx suf. Nixtieq nistaqsi wkoll jekk illum jirriżultax bil-fatti jekk il-wegħda li għamel il-Prim Ministru lill-poplu xi ħmistax jew tliet ġimgħat ilu, jiġifieri li dan il-budget mhux se jmiss is-servizzi soċjali ta' pajjiżna, kenitx wegħda oħra ta' ngann lill-poplu Malti għax illum ilkoll nafu li wieħed mill-effetti ta' dan il-budget huwa li l-valur tas-servizzi soċjali tkisser. Is-servizzi soċjali jistgħu jew jitnaqqsu jew inkella jitnaqqsilhom il-valur tagħhom u fil-fatt li għamel dan il-budget hu li naqqsilhom il-valur, kif se ngħid iktar 'il quddiem.


Sur President, ir-realta' hi li dawn it-12-il xahar ta' amministrazzjoni Laburista biddlet lil dan il-pajjiż min-nhar għal-lejl, u f'dawn it-12-il xahar ittieħdu deċiżjonijiet kruċjali għax tellfu l-ġid kollu li dan il-pajjiż kien qiegħed igawdi taħt amministrazzjoni Nazzjonalista. Dan għandna nenfasizzawh il-ħin kollu għax f'dawn it-12-il xahar li għaddew dan il-Gvern ma qagħadx bil-qiegħda fuq xi siġġu jistenna l-bajtra taqa' f'ħalqu imma ħa żewġ deċiżjonijiet li kkreaw gambetti lilu nnifsu u lil pajjiżna. Dawn iż-żewġ deċiżjonijiet iffriżaw l-iżvilupp ta' pajjiżna għax filwaqt li l-ewwel deċiżjoni li ttieħdet minn dan il-Gvern iffriżat it-triq li l-Gvern Nazzjonalista kien qabad biex pajjiżna jidħol sħab ma' l-Unjoni Ewropa, u għalhekk pajjiżna ġie ffriżat kollu kemm hu, it-tieni deċiżjoni, liema deċiżjoni tant hija żbaljata u kruċjali li biddlet in-natura ta' pajjiżna stess, żarmat liġi li kellha x'taqsam ma' sistema ta' tassazzjoni mibnija fuq prinċipju ta' ġustizzja soċjali - għax permezz tagħha kien iħallas l-iktar min jonfoq l-iktar - biex daħħlet f'pajjiżna sistema ġdida ta' tassazzjoni li, kif aħna għidna lill-Gvern mill-ewwel, ħolqot diżgwid, għoli tal-ħajja, inċertezza u nuqqas ta' kompetittivita'. Sur President, x'kien ir-riżultat ta' dawn it-12-il xahar?
L-ewwelnett ejjew naqtgħuh id-diskors ta' ngann li qed isir fejn biex niġġustifikaw dan ir-riżultat qed noqogħdu nwaħħlu f'dak li ġara sena, sentejn jew tliet snin ilu, għax il-verita' hi li r-riżultat ta' llum huwa l-frott ta' 12-il xahar immexxija mill-Gvern Laburista. Il-Gvern m'għamilx dawn l-aħħar 12-il xahar rieqed imma għamel 12-il xahar jagħti l-gambetti lil pajjiżna bid-deċiżjonijiet żbaljati li ħa. Uħud mir-riżultati ta' dawn l-aħħar 12-il xahar diġa' ssemmew mill-kelliema ta' qabli u hawn nixtieq nieħu l-okkażjoni li nifirħilhom għad-diskors tajjeb li għamlu. Minn Settembru ta' l-1996, jiġifieri tas-sena l-oħra, sa Settembru li għadda l-qgħad tela' b'26%. Illum aħna qed nitkellmu fuq 7,100 persuna qegħda għax minn Settembru ta' l-1996 sa Settembru li għadda n-numru ta' nies qegħda żdied b'1,415-il persuna. Hawn ta' min jgħid ukoll li 46% ta' dawn l-1,415-il persuna, jiġifieri kważi n-nofs, huma żgħażagħ li spiċċaw mill-iskola u ma jistgħux isibu xogħol. Ir-riżultat ta' dawn l-aħħar 12-il xahar mhux qed jolqot biss il-ħolqien ta' l-impjiegi imma wkoll lill-iktar nies batuti ta' pajjiżna. Minn qabel ma l-Gvern ressaq dan il-budget, l-anzjani ta' pajjiżna, li l-għajxien tagħhom jiddependi mid-dħul tal-pensjoni, għamlu 12-il xahar sħaħ jinkwetaw kif se jiffaċċjaw il-prezzijiet tal-mediċini u tal-bżonnijiet ta' kuljum biex ikunu jistgħu jibqgħu jgħixu b'dik il-ħajja ta' kwalita' li kienu mdorrijin jgħixu biha taħt l-amministrazzjoni Nazzjonalista. Sur President, ir-responsabbilta' ta' dan ir-riżultat taqa' fuq spallejn il-Gvern għax id-deċiżjonijiet li ħa l-Gvern f'dawn l-aħħar 12-il xahar bilfors jikkreaw kriżi interna fl-istess gvern, kriżi kostituzzjonali kif ukoll kriżi politika.
Dan il-budget huwa s-siġill u l-konferma tal-falliment tal-politika li uża dan il-Gvern, liema politika issa ilha ma' saqajna għal 12-il xahar sħaħ. Ir-riedni tal-pajjiż huwa f'idejn il-Gvern, iż-żiemel hu qed isuqu u ġaladarba llum iż-żiemel maradlu dan ifisser li mhux qed jikkurah u jidderiġieh kif suppost. Jien kont nippretendi li issa li rajna l-frott ta' 12-il xahar ta' amministrazzjoni Laburista u ġejna għat-tieni budget tiegħu ... Għax f'budget mhux suppost titkellem fuq x'għamilt fit-12-il xahar li għaddew imma fuq x'se tagħmel fit-12-il xahar li ġejjin. Madanakollu minkejja li issa l-Gvern Laburista qed jifrex fuq sentejn permezz ta' dan il-budget qed jgħidilna: Jiddispjaċini, imma f'dawn it-12-il xahar li ġejjin m'iniex se nkun kapaċi noħloq il-ġid għal dan il-pajjiż u għalhekk lestu ruħkom għal iktar sagrifiċċji u għal iktar fallimenti. Jien m'għandix ideat kif nevita dawn is-sagrifiċċji u l-fallimenti u l-unika idea fantastika li għandi hija dik li jkollu l-Partit Laburista s-soltu, jiġifieri li ndaħħal idejja fi bwietkom u neħdilkom il-flus ħalli b'hekk insolvi l-problemi li ġibt b'idejja stess!
Sur President, aħna għidna lil dan il-Gvern li f'dan il-budget m'hemmx ġustizzja soċjali, imma fid-diskors li għamel il-Prim Ministru nhar it-Tnejn li għaddew qalilna: Mhux veru! Dan huwa budget ta' ġustizzja soċjali. Allura f'dan il-Parlament għandna bżonn nagħmlu lezzjoni fuq x'ifissru l-kliem ''ġustizzja soċjali''? Jekk ilkoll nafu x'ifissru l-kliem ''ġustizzja soċjali'', dan huwa eżerċizzju ieħor ta' ngann għax irid ikollok veru wiċċ biex tiddeskrievi dan il-budget bħala budget ta' ġustizzja soċjali! Xi jfissru l-kliem ''ġustizzja soċjali''? Lill-Gvern spjegalu xi jfissru l-kliem ''ġustizzja soċjali'' Onor. Membru min-naħa tal-Gvern stess. Ġustizzja soċjali tfisser li taħseb fiż-żgħir, 'ġustizzja soċjali tfisser li tħaddem politika li permezz tagħha ħadd ma jibqa' lura. Ġustizzja soċjali tfisser li l-morda, il-ħaddiema u l-familji bi problemi soċjali jsibu s-soluzzjonijiet fil-politika tal-gvern. Ġustizzja soċjali tfisser li tħaddem politika li permezz tagħha toħloq il-ġid il-ħin kollu fuq pedament ta' solidarjeta'. Ġustizzja soċjali tfisser li min jiflaħ jagħmel tajjeb għal min ma jiflaħx. Ġustizzja soċjali tfisser li min hu b'saħħtu jservi ta' spalla għal min hu dgħajjef. Jekk infittxu dawn il-prinċipji ta' ġustizzja soċjali f'dan il-budget insibu kollox bil-kontra.
Kif tista' tgħid li inti għandek ġustizzja, jew aħjar kuxjenza soċjali, jekk int, bħala gvern, f'dan il-Parlament ressaqt budget li qed jipproponi li jkun hemm tariffa ta' 50ċ fuq kull mediċina li bniedem is-soltu jieħu b'xejn? Anzi issa donnu dan il-Gvern induna b'dan l-iżball li għamel, induna li l-Oppożizzjoni għandha raġun u nduna li b'hekk attakka lill-iktar nies morda bi problemi serji li għandna f'dan il-pajjiż. Fil-fatt dawn in-nies illum huma nkwetati ferm b'din il-miżura li ttieħdet f'dan il-budget u qed iċemplu fuq l-istazzjonijiet lokali kollha tar-radju biex jesprimu l-inkwiet tagħhom għax ma jistgħux jifhmu kif meta bilkemm qed ilaħħqu mal-ħajja tagħhom ta' kuljum issa ġie dan il-Gvern li b'daqstant kuxjenza soċjali qed jimponilhom dan il-piż żejjed fuqhom u jwaħħlilhom 50ċ fuq kull mediċina. Anzi issa jidher li l-50ċ se jitħallsu għal kull riċetta u mhux għal kull mediċina, pero' anke jekk stess il-50ċ jitħallsu għal kull riċetta, il-fatt xorta jibqa' li l-mod kif daħlet din il-miżura hija nieqsa kompletament minn kull kuxjenza soċjali. (Interruzzjonijiet) Aqra l-budget sew u tara kif il-50ċ kienet maħsuba fuq kull mediċina!
Kif tista' tgħid li għandek kuxjenza soċjali jekk mingħajr ma tajt kas ta' xejn, int bħala gvern iddeċidejt li żżid għal darb'oħra l-prezz tal-pitrolju, il-prezz tal-gass u prezzijiet oħra ta' oġġetti li fl-aħħar mill-aħħar nafu lkoll kemm aħna li jintużaw mill-familji u mill-anzjani li l-inqas jifilħu? Kif jista' jkun li inti f'budget iddaħħal miżura bħal din mingħajr ma jgħaddilek minn rasek jew għallinqas mingħajr ma teżamina kif se tagħmel tajjeb għal dan il-piż żejjed li qed titfa' fuq dawn in-nies? Kif tista' tgħid li għandek kuxjenza soċjali meta r-rati ġodda li qed tippreżenta b'dan il-budget qed iġennu lil nofs Malta għax il-familji tagħna jafu li qed jintefa' fuqhom piż enormi u ma jistgħux ilaħħqu ma' dawn ir-rati l-ġodda? Kif tista' tgħid li għandek kuxjenza soċjali meta b'dak li qed tagħmel qed tkompli toħloq il-qgħad f'pajjiżna u m'inti qed tippreżenta l-ebda proġett jew għallinqas tagħti xi xaqq dawl li beħsiebek tara kif tagħmel biex f'pajjiżna toħloq l-impjiegi u opportunitajiet ta' xogħol? Fil-fatt f'dan il-budget lanqas jissemma proġett wieħed jew inizjattiva waħda li forsi b'xi mod jew ieħor tista' tinkoraġġik u tgħid li għallinqas dan il-Gvern qed jirrealizza li f'pajjiżna hawn sitwazzjoni serja ta' qgħad. Mhux talli hekk imma talli, kif se ngħid minn hawn u ftit ieħor, il-Gvern fil-budget stess qiegħed jipproġetta li n-numru ta' nies qegħda għas-sena d-dieħla se jkompli jiżdied, jiġifieri hu stess qata' qalbu mill-politika li toħloq l-opportunitajiet tax-xogħol u qed jipprepara biex jagħmel tajjeb għal dawk in-nies qegħda li se jiżdiedu man-numru li diġa' għandna. Kif tista' tgħid li għandek kuxjenza soċjali jekk int stess, bħala gvern, qed iddaħħal miżuri li huma stess jgħollu l-ħajja minħabba t-taxxi kollha li qed tippreżenta? Kif tista' tgħid li għandek kuxjenza soċjali jekk int, bħala gvern, qed iddaħħal miżura li tolqot fil-laħam il-ħaj lil dawk il-familji li jinsabu l-iktar batuti billi żidt ir-rati ta' l-ilma minbarra dawk ta' l-elettriku? Dalgħodu jien eżaminajt daqsxejn l-effett tar-rati ta' l-ilma fuq ċerti familji tagħna. Aħna nafu li f'pajjiżna jeżistu familji li jgħixu bl-assistenza soċjali, jiġifieri dawn jiddependu totalment mill-assistenza tal-gvern biex ikun jistgħu jkampaw mal-ħajja. Il-Water Services Corporation taf li bejn wieħed u ieħor hemm 5,000 familja - issa hawn qed nitkellmu fuq households u mhux fuq individwi għax jekk neħduha li f'kull household jgħixu żewġ individwi diġa' qed nitkellmu fuq 10,000 individwu - u meta dalgħodu kkalkolajt kif ir-rati l-ġodda ta' l-ilma se jolqtu lil dawn il-familji skantajt. L-ewwelnett ta' min jgħid li filwaqt li taħt Gvern Nazzjonalista familja li tgħix bil-benefiċċji soċjali kellha l-konċessjoni li ma tħallasx il-meter charge illum, peress li ma' l-ilma li tikkonsma din il-familja se tkun trid tħallas ukoll il-meter charge, jirriżulta li ... Għax jekk tħares lejn il-budget ma ssib imkien li l-familji li jgħixu permezz tal-benefiċċji soċjali m'humiex se jħallsu r-rata tad-drenaġġ u għalhekk naħseb li se jħallsuha wkoll. Kulma hemm f'dan il-budget huwa li s-service charge huwa zero u mhux se jħallsuh, bħalma ma kenux iħallsuh taħt Gvern Nazzjonalista. Dan il-Ministru tal-Ħarsien Soċjali jaf xi jfisser? Ifisser li familja ta' tnejn min-nies li jgħixu permezz tal-benefiċċji soċjali - hawnhekk qed nirriferi għal dawk li għandhom il-karta r-roża - u li għalhekk ma jaqilgħux iktar minn Lm4,000 kull wieħed, minn kont ta' l-ilma ta' Lm2.92 - hawnhekk m'iniex qed ninkludi l-elettriku wkoll - se jibdew jirċievu kont ta' Lm16.62. Għarukaża! Għajb! Dan hu l-ħarsien soċjali? Dan hu l-piż li rridu nitfgħu fuq il-familji tagħna? Koppja li tgħix permezz tal-benefiċċji soċjali minn kont ta' l-ilma ta' Lm2.92 se tibda tirċievi kont ta' Lm16.62 kull erba' xhur, jiġifieri żieda ta' 470%! Għarukaża! Żieda ta' Lm13.70! Jekk stess għall-grazzja ta' l-argument tneħħi l-piż tad-drainage li vvinta dan il-gvern u għalhekk tnaqqas Lm8 mit-Lm13.70ċ issib li dawn il-familji se jkollhom żieda ta' madwar Lm4 jew Lm5 kull quarter. Minn hawn jien nixtieq nappella minn qalbi, bħalma għamel membru min-naħa tal-Gvern, biex il-Gvern jirrivedi dawn l-affarijiet malajr kemm jista' jkun u, biex iserraħ moħħ in-nies, għandu jiddikjara li dawn ir-rati se jiġu riveduti għax il-ħlas tad-drainage żgur li m'għandux jitħallas minn dawn il-5,000 familja li qed jgħixu permezz tal-benefiċċji soċjali.
Sur President, kif tista' tgħid li inti għandek kuxjenza soċjali jekk Alla jbierek, waħda mill-miżuri li għandna fil-budget tolqot bil-lant lil kull ħaddiem tal-gvern u donnu anke tal-privat - issa naraw jekk din tolqotx lill-ħaddiema li jaħdmu fis-settur privat ukoll! - minħabba l-light duties? Paġna 65 tad-diskors tal-budget turina l-kuxjenza soċjali li għandu dan il-Gvern fejn minkejja li qed jgħid li:
"Mal-Gvern biss hemm madwar 950 ħaddiem fuq light duty.",
mhux qed jgħid kemm hemm ħaddiema li qegħdin fuq light duties fis-settur privat. F'dan il-budget il-Gvern qed jgħid lil dawn il-ħaddiema: Aħna m'aħniex se nibqgħu naċċettaw li inti tibqa' tagħmel light duties; issa jew terġa' tibda tagħmel ix-xogħol li kellek qabel jew inkella tiġi boarded out bi skema li għad trid tiġi mħabbra. Hekk għandna nittrattawhom lill-ħaddiema? Hekk għandna nittrattawhom lill-morda u lil dawk li korrew? Minn din il-policy dawk il-ħaddiema li korrew fuq il-post tax-xogħol tagħhom biss se jiġu esklużi. Allura jekk xi ħadd ikun qed jagħmel xogħol daqsxejn skabruż u jagħtih attakk f'qalbu m'huwiex soċjalment korrett li aħna, bħala pajjiż, lil dan il-ħaddiem nipprovdulu xogħol alternattiv minħabba l-kondizzjoni ta' saħħtu? Dan il-Gvern għandu wiċċ joħroġ bi proposta bħal din, liema proposta jien informat li diġa' qed tiġi implimentata? Fil-fatt quddiemi jien għandi kopja ta' ittra datata 3 ta' Novembru maħruġa mill-ministeru tas-saħħa, kura ta' l-anzjani u affarijiet tal-familja lil individwu partikolari - m'iniex se ngħid l-isem ta' din il-persuna - liema ittra tgħid hekk:
"In the light of the above you are kindly requested to submit a medical certificate on the basis of which you are performing light duties only. This will enable the department to submit you to a medical board in accordance with directives from OPM, otherwise you may wish to inform me whether you are in a position to perform the full range of duties pertaining to your grade.".

GĦalhekk fi kliem ieħor il-Gvern qed jgħid lil kull min qiegħed fuq light duties biex jew jerġa' jmur għax-xogħol jew inkella joħroġ boarded out. Dan hu s-sens ta' ġustizzja soċjali li għandna f'pajjiżna? Għarukaża għall-mod ta' kif dan il-Gvern qed jittratta lill-ħaddiema! Jien m'iniex niġġustifika l-abbużi pero' l-abbuż ma tikkontrollahx billi toħroġ miżura nieqsa kompletament minn kull sens uman u minn kull rispett lejn id-dinjita' tal-ħaddiema tagħna.


Ġaladarba dan il-budget huwa nieqes mill-kuxjenza soċjali, aħna jkollna nduru fuq il-Ministru tal-Ħarsien Soċjali u nistaqsuh: Meta dan il-budget kien qed jiġi diskuss, inti, bħala ministru, x'kont qed tagħmel? Kont rieqed waqt id-diskussjoni tal-budget? Kont rieqed waqt il-famużi laqgħat ġewwa Kastilja? Kont rieqed waqt il-famużi laqgħat ġewwa l-Girgenti? Kont rieqed waqt il-laqgħat kollha mal-General Workers Union u ma' l-unions l-oħra kollha? Kont rieqed waqt il-konsultazzjonijiet kollha li saru? Fejn hu l-aspett soċjali? X'kont qed tagħmel bħala ministru? X'kont qed tagħmel għall-piż li l-pajjiż - għax dan il-piż mhux il-Prim Ministru poġġihulek imma l-pajjiż - poġġielek fuq spallejk? X'kont qed tagħmel meta kien qed jiġi diskuss dan il-budget? Nista' nitkellem b'mod dettaljat fuq il-ministeru tiegħek u fil-fatt se nipprova ngħid xi ħaġa fil-ħin qasir li għandi għad-dispożizzjoni tiegħi fuq dan ir-rigward, pero' fl-aħħar mill-aħħar is-sustanza ta' dan il-budget m'hijiex fuq kemm se tonfoq is-sena d-dieħla fit-trasport, fl-ikel u fis-salarji tal-ħaddiema tad-dipartiment tiegħek. L-essenzjal ta' dan il-budget huwa li qed nittrattaw ma' familji li bħalissa jinsabu nkwetati. Onor. Grech, kulma għandek tagħmel biex tara kemm illum il-familji tagħna jinsabu nkwetati huwa li tixgħel ir-radio kuljum u ssegwi l-istazzjonijiet kollha tar-radju. Fil-fatt waqt li kont qed nieħu sehem fi programm tar-radju daħlet telefonata mingħand wieħed raġel li beda jibki għax qal li hu ilu jivvota lill-Partit Laburista għal dawn l-aħħar sitt elezzjonijiet, pero' issa ma jistax ikampa bil-miżuri li ttieħdu f'dan il-budget u għalhekk se jkollu jmur jittallab. Din kienet diskursata pubblika fuq stazzjon tar-radju. Hawn ta' min jgħid li jien wara skoprejt min kien dan l-individwu u sibt li kien ġenwin f'dak li kien qed jgħid. Sur President, issa ħalli naraw malajr kif il-ministeru ġie mitlub mill-Gvern stess biex jipprepara għad-diżastru li ġej f'dawn it-12-il xahar. Per eżempju, jien qed ninnota li taħt il-vot tas-sigurta' soċjali l-Gvern qed jagħti dettalji dwar kemm qed jikkalkola li se jdaħħal ħlas f'bolol matul it-12-il xahar li ġejjin. U xi nsibu? Insibu li filwaqt li fl-1997 kien ipproġettat li l-ministeru jdaħħal Lm144.765 miljun mis-sigurta' soċjali, għas-sena 1998 qed ngħidu li dan id-dħul se jinżel għal Lm137 miljun. Issa jien nistaqsi: Il-Gvern kif qiegħed jippjana li għal dawn it-12-il xahar li ġejjin se jkollu dħul ta' Lm8 miljun inqas? F'pajjiż li suppost qiegħed jikber u jiżviluppa, fejn suppost li n-numru ta' nies jaħdmu qed jiżdied u għalhekk l-ammont ta' kontribuzzjonijiet tas-sigurta' soċjali suppost li qed jiżdied ukoll, il-Gvern kif qed jippjana li jkollu dħul ta' Lm8 miljun inqas? Ir-risposta hija ovvja. Il-Gvern jaf li se jkollu falliment sħiħ fil-qasam tax-xogħol. Il-Gvern bilfors li qed jgħid: Jien se jkolli iktar nies qegħda, se jkolli inqas nies li jħallsu l-bolla u għalhekk id-dħul tiegħi se jonqos. Il-Gvern qed jagħmel budget għal żieda qawwija fil-qgħad f'pajjiżna. Aħna f'din is-sitwazzjoni ġejna. Ħalli nieħdu l-assistenza soċjali.
Assistenza soċjali tinkludi r-relief, tinkludi l-assistenza għad-diżimpjieg u tinkludi wkoll dawk l-ammonti ta' flus li l-gvern joħroġ biex jgħin lin-nies fil-bżonn. Imma fl-assistenza soċjali qed insibu l-kontra għax filwaqt li l-gvern qed jipproġetta li se jkollu dħul inqas, x'qed insibu għal dak li għandu x'jaqsam ma' ħruġ, jiġifieri dawk l-ispejjeż li l-Gvern se jkollu joħroġ biex jagħmel tajjeb għal dawk il-familji li ma jistgħux ikampaw minn jeddhom? Filwaqt li għas-sena li għaddiet kien ipproġettat li l-Gvern se joħroġ kważi Lm11 miljun, għal din is-sena qed jiġi pproġettat li l-Gvern se joħroġ madwar Lm14 miljun, jiġifieri żieda ta' Lm3.5 miljun. F'dawn is-snin riċenti aħna qatt ma rajna żieda bħal din pero' llum dan il-Gvern qed jipprospetta li se jkun hawn ħafna familji fil-bżonn u għalhekk ikollu jagħtihom l-assistenza soċjali. Fi kliem ieħor il-Gvern stess qed jipprepara t-triq u qed jifrex is-sodda biex hu stess jgħid: F'pajjiżna se jkolli diżastru, se jkolli ħafna familji batuti u għalhekk se jkolli noħroġ iktar flus.
Jien quddiemi għandi lista sħiħa ta' figuri u fil-fatt fost affarijiet oħrajn nista' ngħid li filwaqt li f'Diċembru ta' l-1996 kien hemm 2,900 ruħ li kienu qed jirċievu l-assistenza tad-diżimpjieg, sa Settembru ta' din is-sena dan in-numru tela' għal 3,528 persuna, jiġifieri żieda ta' kważi 21%. GĦalhekk f'pajjiżna hawn 3,528 persuna li qed jgħidu lill-Gvern: Aħna ma nistgħux ngħixu u għalhekk inti trid tgħinna nibbenefikaw mis-servizzi soċjali. Huwa tajjeb li jeżistu s-servizzi soċjali, pero' aħna rriduh jonqos in-numru ta' nies li jibbenefikaw minn dawn is-servizzi u mhux jiżdied. Sur President, issa ħalli naqbeż għal xi punti li wħud minnhom diġa' ssemmew.
Ta' min jgħid li l-vot ta' l-ETC jaqa' taħt dan il-ministeru wkoll. Jien m'iniex se nidħol fil-qasam ta' l-ETC għax dawn l-estimi għad iridu jiġu diskussi f'din il-Kamra, pero' rrid ninnota li f'dan il-budget inħarġet ordni mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru li kull ministeru u kull dipartiment għandu jnaqqas 5% mill-ispiża tiegħu. Mela tajjeb! Pajjiżna għandu kriżi fil-qgħad u mbagħad jiġi l-Prim Ministru jgħid: Jien ma jimportanix minn dan kollu imma kull ministeru u kull dipartiment għandu jnaqqas 5% mill-ispiża tiegħu! Issa hawn ta' min jgħid li għal din is-sena se jitnaqqsu Lm100,000 mill-vot għall-ETC għax filwaqt li s-sena l-oħra kien ġie budgeted vot ta' Lm1.2 miljun, issa ġie budgeted vot ta' Lm1.1 miljun. Jien kont nippretendi bil-kontra ta' dan kollu. Kieku jien nemmen verament li dan il-Gvern għandu viżjoni u ġustizzja soċjali kont ngħid li naqbel li kulħadd għandu jagħmel l-ekonomija u għalhekk huwa tajjeb li kull ministeru u dipartiment inaqqas 5% mill-ispiża tiegħu, pero' minħabba li jien nemmen li l-qagħda ta' l-impjiegi f'pajjiżna hija serja lill-ETC se nagħmlilha eċċezzjoni u ngħidilha: Inti mhux tnaqqas 5% għandek bżonn imma żżid 10% ta' l-ispejjeż ħalli tkun tista' tinvesti fl-opportunitajiet ħalli b'hekk il-ħaddiema tagħna jiġu megħjuna jsibu x-xogħol. Kieku jien hekk kont nagħmel, bil-kontra ta' dak li qed jagħmel dan il-Gvern. Din hija għarukaża! Dawn huma affarijiet li ma jitwemmnux!
Sur President, issa nixtieq ngħid żewġ kelmiet fuq il-persuni b'diżabilita'. L-ewwelnett nixtieq ngħid kelma ta' kuraġġ lil dawk il-persuni b'diżabilita' li kollha kitbuli jew ċempluli minħabba li jinsabu preokkupati. Fil-fatt quddiemi għandi ittra indirizzata lill-Ministru ta' l-Ekonomija u Finanzi, lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja, kif ukoll lill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' mingħand familja li tinsab inkwetata għax qed tgħid li biż-żieda tal-mediċini ma tistax tlaħħaq. Bħal din l-ittra nista' nġib oħrajn u nista' wkoll nikkwota telefonati oħrajn. X'għamlet il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' biex tieħu stand fuq dawn l-affarijiet u biex tiddefendi lil dawn il-familji, li wara kollox huma fost l-iktar nies milquta minn dawn il-miżuri? Fil-fatt irrid ngħid li jien jiddispjaċini nara li matul dawn l-aħħar 12-il xahar il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' donnha sparixxiet xi ftit mix-xena, u qed ngħid dan għax nixtiqilha l-ġid. Dan ma jistax ikun. Il-persuni b'diżabilita' għandhom tarka fuq min jaqgħu u din it-tarka jisimha Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita'. Meta riċentement l-Onor. Helen D'Amato għamlet mistoqsija parlamentari lill-Ministru Edwin Grech fejn staqsietu kemm-il darba ltaqgħet il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' fi 12-il xahar, it-tweġiba kienet li din iltaqgħet darbtejn, f'Marzu u f'Lulju. Ma jistax ikun li kummissjoni importanti bħal din, li qed tirrappreżenta 10% tal-popolazzjoni Maltija ... GĦax huwa magħruf li pajjiżna għandu l-istess rata ta' persuni b'diżabilita' bħall-Ewropa, jiġifieri ta' 10%, u jekk ma' dawn l-individwi tgħodd ukoll lill-familji tagħhom tkun qed titkellem fuq eluf ta' nies. Il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' għandha tiltaqa' spiss ħalli tiddiskuti dwar x'inhu jiġri minn dan il-qasam għax jien jiddispjaċini li fi 12-il xahar din iltaqgħet biss darbtejn.
Yüklə 356,57 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin