Debates tal-kamra tad-deputati


TQEGĦID TA' KARTI FUQ IL-MEJDA



Yüklə 356,57 Kb.
səhifə2/5
tarix03.04.2018
ölçüsü356,57 Kb.
#46781
1   2   3   4   5

TQEGĦID TA' KARTI FUQ IL-MEJDA



ONOR. JOE MIZZI: Madam Speaker, f'isem il-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Informazzjoni dwar safar li sar minn uffiċjali fid-dikasteru tal-Ministru tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali bejn l-1 ta' Mejju u l-31 ta' Ottubru 1997, bi tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 9588.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Stqarrijiet Ministerjali? Mozzjonijiet? Ordnijiet tal-Ġurnata.

ORDNIJIET TAL-ĠURNATA

KUMITAT TA' PROVVISTA - ESTIMI ĠENERALI 1998

IT-TIELET JUM STABBILIT

MINISTERU TAL-ĦARSIEN SOĊJALI



L-ordni għal Kumitat ġie moqri.
FIL-KUMITAT
L-Onor. Michael Bonnici, President, tal-Kumitati, jippresjedi
THE CHAIRMAN: Nixtieq ninforma lill-Kumitat li skond il-Mozzjoni ta' Proċedura Nru. 98 ta' l-10 ta' Novembru, 1997 il-ħin tad-diskussjoni ta' llum għandu jinqasam indaqs bejn kelliema tal-Gvern u kelliema ta' l-Oppożizzjoni, bl-aħħar nofs għall-Gvern.
Il-Ministru tal-Ħarsien, jekk jogħġbu, iressaq ir-riżoluzzjonijiet tiegħu.
ONOR. EDWIN GRECH (Ministru tal-Ħarsien Soċjali): Nipproponi:
VOT 45 - MINISTERU TAL-ĦARSIEN SOĊJALI
Illi s-somma ta' mhux iżjed minn Lm3,872,000 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot 45 - Ministeru tal-Ħarsien Soċjali, kif dettaljata fl-Abbozz ta' l-Estimi Ġenerali ta' Nefqa għas-sena 1998.
VOT 46 - SIGURTA' SOĊJALI
Illi s-somma ta' mhux iżjed minn Lm48,169,000 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot 46 - Sigurta' Soċjali, kif dettaljata fl-Abbozz ta' l-Estimi Ġenerali ta' Nefqa għas-sena 1998.
VOT 48 - XOGĦOL
Illi s-somma ta' mhux iżjed minn Lm627,000 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot 48 - Xogħol, kif dettaljata fl-Abbozz ta' l-Estimi Ġenerali ta' Nefqa għas-sena 1998.
VOT 49 - AFFARIJIET TAL-FAMILJA
Illi s-somma ta' mhux iżjed minn Lm598,000 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot 49 - Affarijiet tal-Familja, kif dettaljata fl-Abbozz ta' l-Estimi Ġenerali ta' Nefqa għas-sena 1998.
VOT XI - MINISTERU TAL-ĦARSIEN SOĊJALI
Illi s-somma ta' mhux iżjed minn Lm762,000 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot XI - Ministeru tal-Ħarsien Soċjali, kif dettaljata fl-Abbozz ta' l-Estimi Ġenerali ta' Nefqa għas-sena 1998.
THE CHAIRMAN: L-Onor. Joe Cassar.
ONOR. JOE CASSAR: Sur President, nipproponi din l-emenda:
VOT 45 - MINISTERU TAL-ĦARSIEN SOĊJALI
Personal Emoluments
Item 11 - Ministru
Ħassar iċ-ċifra "Lm 10,388" u ssostitwixxi minflok iċ-ċifra "Lm10,387”.
Delete the figure "Lm 10,388" and substitute therefor the figure "Lm 10,387”.
Sur President, fid-diskors tal-budget u tal-Prim Ministru smajna ħafna kliem bħal "onesta'", "kuraġġ", "galbu" u "għaqal". Aħna ma nafux xi jridu jfissru b'dan il-kliem għax għal dan il-Gvern illum ċertu kliem ifisser mod u għada jfisser mod ieħor. Jekk wieħed jagħti ħarsa lejn dan il-budget isib li dan se jkisser in-nisġa soċjali ta' pajjiżna u li fih m'hemm l-ebda sens ta' solidarjeta'. F'dan il-budget iddaħħlu madmad ta' taxxi fuq min jiflaħ l-inqas u qed ngħid dan għax meta żżid l-ilma, id-drenaġġ, il-gass, id-dawl u tagħmel taxxa fuq min jieħu l-mediċini b'xejn tkun qed titfa' lil ħafna nies fir-relative poverty line, kif jgħidulu llum. F'dan il-budget hawn taqliba sħiħa ta' l-element soċjali li dejjem emminna fih f'dan il-pajjiż.
Meta kien qed jagħmel id-diskors tiegħu, il-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ qalilna li l-ħolma saret ħmar il-lejl u fil-fatt għalija dan il-budget huwa ħmar il-lejl għax bih il-qasam soċjali se jitkisser għal kollox. Il-qasam soċjali huwa jedd tal-poplu u għalhekk ara ma jmurx jiġi l-Prim Ministru u jgħidilna x'kiseb il-poplu. Aħna rridu dejjem nagħmluha ċara li l-poplu għandu ċerti jeddijiet li huma tiegħu u li ma jagħtihomlu l-ebda gvern. Jien dejjem għidt li l-qasam soċjali huwa wieħed vast u għalhekk nispera li qabel ma tressaq dan il-budget il-Ministru tal-Ħarsien Soċjali - li qiegħed hemm biex iħares lil dan il-qasam tant importanti u tant essenzjali għall-ħajja ta' kuljum ta' kull wieħed minna - għamel xi studju dwar kif dan il-budget se jolqot soċjalment lill-Maltin u lill-familji tagħhom.
Sur President, per eżempju xi ngħidu għall-kwestjoni ta' l-istipendji? Mela tajjeb, min għandu l-flus jista' jibgħat lil uliedu l-Univerista' u min m'għandux flus ma jistax jibgħathom! Il-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali qalilna kemm-il darba li teżisti kompetizzjoni sfrenata bejn l-istudenti, imma bit-tneħħija ta' l-istipendju din il-kompetizzjoni se tkompli tiżdied. Din il-budget qed jaqleb kollox ta' taħt fuq u għalhekk jien ma nafx xi jfissru l-kliem "onesta'" u "kuraġġ", li beda juża l-Prim Ministru meta kien qed jitkellem hawn ġew. Jien jiddispjaċini li jkolli nuża dan it-ton pero' jidher li hawn ġew id-definizzjonijiet tal-kliem jinqalbu minn ġurnata għall-oħra u għalhekk ħassejt li għandi niġbed l-attenzjoni ta' din il-Kamra għal dan ħalli b'hekk wieħed joqgħod iktar attent x'jgħid, għax fl-aħħar kull wieħed minna jrid jagħti r-rendikont tiegħu lill-poplu.
Sur President, issa nixtieq nirriferi għad-diskors tal-budget tas-sena l-oħra, fejn f'paġna 13 l-Onor. Lino Spiteri, li kien ministru tal-finanzi, qal:
"... nħeġġu t-tkattir ta' l-impjiegi li jżidu valur, waqt li nħeġġu u ninċentivaw liż-żgħażagħ tagħna biex ikunu dejjem u bla riserva xprun għal tħejjija minn issa għal ġejjieni aħjar, li jridu jirtuh huma u li għandhom kull jedd ifittxu li jipparteċipaw fil-bini tiegħu minn issa.".
Issa 'l quddiem se naraw jekk dan l-għan ta' l-ex-Ministru Spiteri seħħx verament.
Hawn ta' min jinnota wkoll x'qal f'dan il-budget l-Onor. Leo Brincat, bħala l-ministru tal-finanzi u kummerċ, fuq l-istess materja. F'paġna 1 insibu li dan qal hekk:
"Sa mill-ewwel paragrafi tal-manifest elettorali tagħna għamilniha ċara li dan se jġibilna ..."
- hawnhekk kien qed jgħid għall-millenju l-ġdid -
".... lilna l-Maltin u l-Għawdxin kollha, sfidi ġodda, sfidi li se jolqtuna lkoll mill-qrib, sfidi li se jeffetwaw bil-kbir lin-nies tax-xogħol kollha kemm huma, sew nisa kemm irġiel.".
Meta l-poplu ra l-manifest elettorali tal-partit li llum qiegħed fil-gvern żgur li ma ħasibx li dawn l-isfidi se jfissru qgħad u ħerba fil-qasam soċjali. Filwaqt li fil-manifest elettorali l-kelma "sfidi" kellha ċerta tifsira, f'dan il-budget ingħatat ċerta tifsira oħra għax illum il-kelma "sfidi" tfisser "qgħad" u "għaks". Il-Prim Ministru qal li l-Gvern mhux qed jagħmel madmad ta' taxxi. Mela x'qed jagħmel? Madmad ta' taxxi fuq min jiflaħ l-inqas. Sur President, issa ħalli ngħaddu għall-qasam tax-xogħol. (Interruzzjonijiet) Mhux jien għandi rasi iebsa imma għandu rasu iebsa l-Ministru tal-Ħarsien Soċjali, li jmissu kien hu li ħeġġeġ lil sħabu biex ma joħorġux b'budget bħal dan.
Sur President, kif kont qed ngħid qabel ma ntervjena l-ħabib tiegħi - nittama li jkompli d-dibattitu b'dan l-ispirtu - li dawn huma affarijiet serjissimi u ta' min jikkonsidrahom. Huwa d-dmir ta' kull gvern li f'dan il-pajjiż joħloq ambjent li jkattar l-impjiegi. GĦalkemm għandna l-Korporazzjoni ta' Xogħol u Taħriġ, din ma tistax taħdem waħedha. Jekk ma jkunx hawn sitwazzjoni tajba għall-impjiegi, l-ETC għalxejn tħarreġ lin-nies u tibgħathom ifittxu x-xogħol jekk il-Gvern ma jaħdimx b'politika li tkattar l-impjiegi. U f'pajjiżna hekk qed jiġri. Il-figuri li qed jagħtina l-istess Ministru juru li ċerti miżuri qed iġibu f'pajjiżna staġnar u tħarbit kbir u żgur li m'humiex qed iżidu l-impjiegi. L-impjiegi f'dan il-pajjiż qegħdin jonqsu u meta nitkellmu fuq l-impjiegi rridu naraw x'inhu l-konċett tax-xogħol. Il-konċett tax-xogħol m'huwiex biss il-flus fil-but imma kif qed tolqot lill-bniedem u l-familji u kif qed issallab lin-nies bil-qgħad. Dan hu l-element soċjali u llum irridu niddiskutu kif f'dan il-pajjiż is-soċjal spiċċa u nqaleb kollox ta' taħt fuq.
Hawn nixtieq nikkwota minn rapport li l-Ministru ilu jwiegħedna li se jġibu għal dawn l-aħħar 40 ġurnata, qisna qegħdin fir-randan, u issa fl-aħħar wasal dan l-imbierek rapport. Minkejja li dan ir-rapport jikkritika lill-ETC qatta' bla ħabel - dan sar taħt il-baldakkin ta' Kastilja - almenu f'paġna 49 hemm kumment tajjeb u forsi l-Ministru jista' jsegwini jekk għandu r-rapport quddiemu. Min għamel dan ir-rapport qal hekk:
"Diment li jkun hemm opportunitajiet ta' xogħol fis-suq, in-numru ta' dawk li jirreġistraw għax-xogħol jista' jonqos b'ħidma iktar effettiva mill-ETC".
Jiġifieri fir-rapport lill-Ministru qalulu li jekk fil-pajjiż ma jkunx hawn ambjent li jkattar l-impjiegi, l-ETC se tiġi lampa stampa. Mid-dibattitu tal-bieraħ irriżulta li f'dan il-pajjiż hawn kollass ta' l-investiment u investiment ġdid qed isir mill-inqas. Il-Ministru tal-Ħarsien Soċjali kemm-il darba qalilna li l-VAT naqqset l-impjiegi. Issa li neħħew il-VAT, x'sar bis-sistema l-ġdida? F'Novembru ta' l-1996 il-qgħad kien 5,400 u fl-aħħar ta' Ottubru ta' din is-sena dan tela' għal 7,100 ruħ. Il-Ministru xahar wara xahar ġentilment jagħtina dawn il-figuri u minnhom jirriżulta li f'din l-aħħar sena kien hawn żieda fil-qgħad ta' 1,700 ruħ. Din hija l-ekonomija moderna li dejjem miexja 'l quddiem!
Hawn nixtieq insemmi wkoll ir-redundancies, it-telf ta' impjiegi. Minn Novembru tas-sena li għaddiet sa Ottubru ta' din is-sena kien hawn 2,028 redundancy. Dan ifisser li kien hawn 2,028 ruħ li tilfu l-impjieg u nixtieq li l-Ministru jgħidilna - naħseb li issa għandu dawn il-figuri - kemm minn dawn in-nies sabu impjieg u kemm minnhom għadhom mingħajr impjieg. Per eżempju, darba lill-Ministru għamiltlu mistoqsija fuq ix-xahar ta' Awissu imma għadu ma weġibnix għax kien qalli li qed jiġbor it-tagħrif u nittama li sal-lum ġabru!
Filwaqt li minn meta twaqqfet l-ETC ta' kull sena kienet dejjem issib iżjed postijiet tax-xogħol, f'daqqa waħda din is-sena mar kollox żmerċ. Per eżempju, bejn l-1991 u l-1992 l-ETC sabet impjieg għal 1,625 ruħ; is-sena ta' wara għal 1,706 ruħ; is-sena ta' wara għal 2,478 ruħ; is-sena ta' wara għal 3,113-il ruħ; u s-sena ta' wara għal 3,317-il ruħ. Dan ifisser li kull sena kien hemm żieda u bejn l-1991 u l-1996 l-ETC sabet 12,239 impjieg, li m'hijiex ċajta. Imma issa x'ġara? F'daqqa waħda din is-sena l-impjiegi li sabet l-ETC niżlu sewwa għax niżlu għal 2,538, jiġifieri erġajna morna lura. Mill-figuri li tana l-istess Ministru jirriżulta li, meta mqabbla mas-sena l-oħra, l-ETC sabet 600 impjieg inqas fis-settur privat u 180 impjieg inqas fis-settur pubbliku. Dan m'huwiex tort ta' l-ETC jew tal-ħaddiema tagħha imma huwa tort ta' l-ekonomija staġnata li hawn bħalissa.
Il-problema l-oħra li rrid insemmi hi ta' kemm qed idumu jirreġistraw in-nies. Jiddispjaċini li llum - kif qal anke l-Prim Ministru - qed ikolli nikkwota ħafna ċifri imma naħseb li b'dan il-mod l-affarijiet joħorġu iktar ċari. Per eżempju, meta l-Ministru kien qed jippreżenta l-budget ta' l-ETC tkaża dwar kemm in-nies qed idumu jirreġistraw u tana xi figuri imma llum għandna l-figuri jien u nistgħu nikkwotawhom. Per eżempju, skond il-figuri li ħarġu f'Settembru għandna 1,061 ruħ li ilhom jirreġistraw għal tmien ġimgħat, żieda ta' 50 persuna fuq is-sena l-oħra; hemm 1,041 persuna li ilhom jirreġistraw bejn disa' u 16-il ġimgħa, żieda ta' 241 persuna; hemm 533 persuna li ilhom jirreġistraw bejn 17 u 24 ġimgħa, żieda ta' 80 persuna; u hemm 1,430 persuna li ilhom jirreġistraw bejn 25 u 52 ġimgħa, żieda ta' 453 persuna. Issa niġi għall-aqwa figura ta' dawk li ilhom jirreġistraw għal 53 ġimgħa jew iktar u nsibu li mill-figura ta' 2,242 tas-sena l-oħra tlajna għall-figura astronomika ta' 2,873 persuna, żieda ta' 631. Jekk il-Ministru jara l-figuri tas-snin ta' qabel jintebaħ li l-ETC qabel kienet qed tikkontrolla n-numru tal-long term unemployed billi ssib l-impjiegi lil dawn il-persuni, imma issa f'daqqa waħda dan in-numru qed jiżdied b'mod esaġerat. F'dan il-budget għandna l-miżura ta' ċertu tnaqqis fil-kontribuzzjoni soċjali għal min jimpjega nies li għandhom 'il fuq minn 40 sena u j'Alla li din tirnexxi. Pero' hawn wieħed jibda jaħseb kif f'ekonomija staġnata tista' sseħħ xi ħaġa billi jingħata dan il-benefiċċju. Jien nawgura għall-ġid tal-ħaddiema Maltin li din il-bidla ġġib xi ftit aktar xogħol f'dan il-pajjiż.
Sur President, il-Ministru ġie jgħidilna kemm hawn nies jirreġistraw bejn is-16 u d-29 sena. F'Settembru tas-sena l-oħra dawn kienu jammontaw għal 1,008 persuna u issa telgħu għal 1,185, żieda ta' 177 persuna. Fil-każ ta' persuni bejn l-20 u d-29 sena minn 1,210 persuna telgħu għal 1,688, żieda ta' 478 persuna u nistgħu nibqgħu sejrin hekk għal kull eta'. Jiġifieri f'kull eta', f'kull kwalita' ta' xogħol u f'kull kwalita' ta' ħaddiema għandna l-problema tal-qgħad.
Il-Ministru l-bieraħ tana figura astronomika oħra ta' 700 persuna li fix-xahar ta' Ottubru ma baqgħux jirreġistraw. Hawn il-Ministru għandu jara jekk dawk li ma jibqgħux jirreġistraw humiex qegħdin isibu x-xogħol u nittama li joħroġilna xi rapport. Darba qal li għandu r-rapport ta' l-ETC li s'issa għadu ma qal xejn fuqu u lanqas fuq ir-rapport tal-Labour Office.
Il-bieraħ il-Ministru għamel konferenza stampa fuq is-saħħa u s-sigurta' u jien nawguralu suċċess. Hu jaf kemm ikkollaborajna fuq din il-ħaġa fil-Kumitat ta' l-Affarijiet Soċjali, imma kont nistenna li l-Gvern joħroġ iktar fondi fuq is-saħħa u s-sigurta'. Aħna konna bdejna b'ċertu ammont u llum hemm ċans li jkompli jiżviluppa għax il-Ministru sab il-kodiċi tal-bini lest u ħarġu, imma issa jrid jgħaddi għal ħidma oħra u naħseb li jeħtieġ iktar flus milli ġew ivvotati fl-estimi ta' din is-sena. Din il-ħaġa ġrat anke fil-każ tal-part-timers.
Per eżempju, l-Ministru f'mistoqsija parlamentari qal li l-figura ta' dawk li għandhom full-time job u jagħmlu x-xogħol part-time f'Lulju kienet ta' 14,227 persuna - fil-figura li ħarġet jidher li hemm xi żball tat-tipa għax minflok Diċembru naħseb li trid tiġi Settembru - filwaqt li dik ta' Settembru kienet ta' 14,107. Jiġifieri bejn Lulju u Settembru dan l-ammont naqas b'125 persuna u issa beda jberraq. Din hi l-ekonomija li qed insibu ruħna fiha f'dan il-pajjiż.
Sur President, irrid ngħid xi ħaġa wkoll dwar il-koperattivi. Minkejja l-ftaħir li sar li twaqqfu seba' koperattivi f'għaxar xhur, dawn kollha bdihom il-Gvern preċedenti, inkluż il-koperattiva tal-mastrudaxxi, li l-Ministru tax-Xoglijiet u Kostruzzjoni ħadem ħafna sabiex titkompla. Irrid ngħid li l-iskop tal-koperattivi kien li jissaħħaħ is-support unit għax mingħajr is-support unit il-koperattivi ma jistgħux jimxu u aħna għamilna minn kollox biex insaħħuh. Dan ma nistgħux inħalluh imur lura għax huwa s-sinsla tal-moviment koperattiv. Fil-fatt dan hu li qed jiġri għax minbarra li jagħti l-pariri b'xejn, is-support unit jieħu ħsieb il-public relations. Il-messaġġ tal-moviment koperattiv irnexxielna nwassluh fl-iskejjel u mal-ħaddiema kollha, inkluż dawk tal-gvern, għax fil-każ tal-ħaddiema tal-gvern daħħalna żewġ skemi, A u B. Il-ħaddiema tal-gvern iridu l-inċentivi wkoll. Aħna m'aħniex se noqogħdu ngħidu kontra l-ħaddiema tal-gvern, kif intqal fid-diskussjoni tal-budget u kif qal xi ħadd il-bieraħ, li aħna ngħajru lill-ħaddiema tal-gvern. Jien ma naħsibx li l-parti l-kbira tal-ħaddiema tal-gvern qegħdin hemm biex jabbużaw mill-pożizzjoni tagħhom jew biex jisirqu lil xi ħadd. Jien naħseb li f'dan il-pajjiż hawn ħafna nies li jagħmlu dmirhom u huwa tajjeb li nagħtuhom inċentiv lil dawn in-nies.
Per eżempju, hawn nista' nsemmi s-sistema ta' l-attachment mal-kunsilli lokali. Il-Ministru responsabbli mill-kunsilli lokali qalilna li kulma applikaw għaliha kienu 12-il ruħ minn Malta u Għawdex kollha. Allura issa l-Gvern se jaqbad in-nies bl-addoċċ u jibgħathom jaħdmu mal-kunsilli lokali. Għalfejn ma kompliex fuq is-sistema ta' qabel u organizza l-koperattivi? Għandek il-kunsilli lokali b'demokrazija politika u l-koperattivi b'demokrazija fil-qasam tax-xogħol u jekk dawn tgħaqqadhom f'daqqa u tagħtihom inċentiv se jaqbel lil kulħadd, kemm lill-gvern u kif ukoll lill-ħadiema. Per eżempju, twaqqfet il-koperattiva tas-sinjali tat-traffiku. Din marret tajjeb ħafna, minkejja li damu ma ħadu l-ħlas għax ma nafx xi ġralu dan il-Gvern. Jien ma nafx kemm dan il-Gvern jemmen fil-koperattivi, imma naf li l-Prim Ministru ma jemminx. Din hija politika serja? Din ma tiswa xejn! Imbagħad noqogħdu ngħajru lill-ħaddiema tal-gvern.
Hawn irrid insemmi l-programm Scoop, li tgħidx kemm ħdimna fuqu, u fl-aħħar mument il-Gvern iddeċieda li jerġa' jagħmel il-konferenza u jkompli bil-programm. Imbagħad saret mistoqsija lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali li jiena ma nafx xi tfisser għax donnu qed jingħad li se nduru l-iskejjel kollha u mbagħad nieqfu. Issa aħna nafu li fl-iskejjel ta' kull sena jidħlu tfal ġodda. Allura dan il-proġett se jkompla jew le? Forsi l-Ministru jkun qiegħed f'pożizzjoni li jirrispondina dwar dan ukoll.
Rigward il-koperattivi, aħna konna għamilna minn kollox biex dawn jirnexxu. Per eżempju, rajna li l-qligħ mill-koperattivi ma jibqax soġġett għat-taxxa u l-bdiewa u s-sajjieda full-time kellhom nofs il-bolla riveduta. Jiġifieri aħna mhux biss tajna spinta fil-qasam tal-biedja imma f'oqsma oħra wkoll. Il-koperattivi għandhom ikunu parti mis-sisien ta' l-ekonomija tal-pajjiż u għalhekk waqqafna fond ċentrali u tajna l-maġġoranza lill-membri tal-koperattiva. Forsi veru li darba inqalgħet kwestjoni imma hawnhekk nixtieq nagħti parir ġenwin lill-Ministru. Jiena ngħidlu li biex iwettaq dak l-avviż li ħareġ irid ibiddel il-liġi u nista' ngħidlu minn issa li aħna nivvotaw favur. Importanti wkoll li l-koperattivi jżommu assoċjazzjoni ma' l-ILO jew ma' l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Koperattivi. Imma qed isir xi ħaġa dwar dan? Qed ngħid dan għaliex fil-Konferenza ta' New Delhi, is-suġġerimenti ta' Malta fuq il-koperattivi daħlu fid-dokument aħħari imma milli jidher illum mhu qed isir xejn. Jiena naf li kellha ssir konferenza għall-bidu li tela' dan il-Gvern imma f'daqqa waħda din tħassret mingħajr ma nafu x'kienet ir-raġuni u minkejja li Malta kienet saret hub tal-koperattivi mhux biss għall-pajjiżi tal-Mediterran imma anke għal pajjiżi barra mill-Mediterran. Kien hemm anke koperazzjoni ma' dipartiment fl-Universita', id-WPDC, li ħadmet ħafna flimkien mal-koperattivi. Anke l-Ministru preżenti jista' jaħdem ħafna ma' dan id-dipartiment. Minn dak li qrajt fil-gazzetti, dan l-aħħar daħħalhom f'xi ħaġa imma milli jidher għall-bidu ma tantx ħallewh jagħmel li jrid iżda huwa ħażin li l-Ministru jċedi għal xi pressjonijiet li jsirulu għaliex id-dipartimenti u d-dikasteri tiegħu jrid imexxihom hu quddiem il-poplu, u minbarra li hemm responsabbilta' kolleġġjali tal-Gvern hemm ukoll responsabbilta' personali.
Nixtieq ngħid xi ħaġa wkoll dwar il-Labour Office. Fis-seduta Nru. 23 tat-3 ta' Frar, 1997 il-Ministru qalilna:
"Għalkemm ma tantx baqa' ħin, se nitkellem ftit fuq id-Dipartiment tax-Xogħol peress li l-Gvern Laburista jemmen li dan għandu importanza kbira fit-twettiq ta' parti mill-programm elettorali tiegħu. Dan id-dipartiment irid ikun aktar qrib l-issues kurrenti li hawn fid-dinja tax-xogħol ħalli jiżgura dak li wiegħed Gvern Laburista. Fi kliem ieħor, trid tiġi regolata l-qagħda ta' dawk li jaħdmu part-time, irid jiġi limitat l-użu ta' kuntratti ta' xogħol għal żmien definit; .....".
X'ġara minnu dan ir-rapport? Dan bagħtulna l-Ministru d-dar fil-vaganzi tas-sajf biex ikollna aktar żmien naqrawh - u ta' dan nirringrazzjah - imma ġara xi ħaġa? U x'irid ifisser meta qed jgħid li l-qagħda ta' dawk li jaħdmu part-time trid tiġi rregolata? Il-Ministru ma jafx li l-qagħda ta' dawn diġa' ġiet irregolata? Ma jafx li min jaħdem iktar minn 20 siegħa jieħu l-benefiċċji in proporzjon ta' min jaħdem full-time? Allura mhux xorta se jitħallas bir-rata ta' min jaħdem full-time? Jew il-Ministru, meta tkellem dwar dan, jiġifieri fit-3 ta' Frar, ma kienx jaf b'dawn l-affarijiet? Kien qal li l-użu ta' kuntratti ta' xogħol għal żmien definit irid jiġi limitat. Imma x'ġara? Kif jirriżulta minn żewġ mistoqsijiet parlamentari li għamilt, nafu li ħafna nies li kien jaħdmu fl-ajruport u li huma mpjegati tal-gvern intemmilhom l-impjieg u spiċċaw barra. Jiġifieri l-Gvern tassew qed jagħti eżempju tajjeb!
Kwestjoni oħra hija dwar is-social workers. Kif diġa' għidt fil-Kumitat ta' l-Affarijiet Soċjali u anke f'din il-Kamra, nittama li l-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali jagħti palata u jara x'għandu jsir ħalli f'pajjiżna jkollna aktar social workers. U jekk is-social workers se nwarrbuhom jew inkella nnaqqsu n-numru tagħhom nagħmlu ħażin ħafna. Issa fil-ftit ħin li baqagħli nixtieq nagħmel xi kummenti qosra.
Fl-ewwel budget ta' dan il-Gvern ma kien hemm ivvotat xejn fil-vot għall-Maltin ta' barra u milli jidher lanqas din is-sena m'hemm ivvotat xejn. Din kienet inizjattiva sabiex inżommu solidarjeta' bejn il-Maltin li bqajna hawnhekk u l-Maltin li qegħdin barra. Forsi meta l-Prim Ministru mar l-Awstralja, qalilhom li din issa se tispicca wkoll!
X'ġara fil-vot ta' l-Industrial Development Act li tamministra l-ETC, Mr Chairman? L-ammont ivvotat fl-1996 kien ta' ¥748,000, u fl-1997 dan naqas bi ¥28,000. Imma din is-sena nsibu illi dan il-kapital niżel għal ¥300,000. Jiġifieri minn ¥748,000 fl-1996 il-grants lill-ETC niżlu għal ¥300,000. Il-Ministru jaf li l-ammont ta' grants biex l-ETC tħaddem lit-trainees naqas iktar minn nofs? Allura kif irridu mmexxu l-industrija ta' dan il-pajjiż 'il quddiem? Mill-figuri li ħarġu s'issa, bejn l-1987 u l-1995, kien hemm 1,116-il kumpannija li gawdew minn din is-sistema u l-ħaddiema li ġew imħarrġa permezz ta' din l-iskema kienu kważi 37,000. Imma milli jidher illum spiċċa kollox u allura tassew li fil-qasam soċjali għaddejjin minn ħmar il-lejl.
Mr Chairman, għandna gvern li m'għandux kuxjenza soċjali. Għandna gvern li ma jafx x'inhu l-qasam soċjali. Għandna gvern li qed iressaq in-nies lejn l-għaks u li qed iniżżel in-nies fil-poverty line minħabba piki, minħabba politika bla sens, minħabba baħħ u minħabba konfużjoni. Dan il-budget qaleb kollox ta' taħt fuq. Dan huwa budget bla ideat u ma nafx fejn se jwassal lil dan il-poplu. Grazzi.
THE CHAIRMAN: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Giovanna Debono.
ONOR. GIOVANNA DEBONO: Sur President, il-ministeru li qegħdin niddiskutu dalgħodu jiġbor fih il-vot għall-affarijiet tal-familja. Għalhekk jiena ħassejt illi f'din is-seduta għandi nagħmel intervent għalkemm, meta tħares lejn kif ġew imniżżla l-ismijiet tal-ministeri fid-diversi seduti allokati għalihom, issib illi meta se jiġi diskuss il-ministeru tas-saħħa u l-kura ta' l-anzjani hemm imniżżel ukoll l-affarijiet tal-familja. Imma apparti li l-vot għall-affarijiet tal-familja qiegħed taħt il-ministeru tal-ħarsien soċjali, nafu wkoll illi matul is-sena l-affarijiet tal-familja għaddew mill-ministeru li huwa responsabbli minnu l-Onor. Michael Farrugia għall-ministeru tal-ħarsien soċjali, li hu responsabbli minnu l-Onor. Edwin Grech. Dan qed ngħidu biex niċċara għalfejn se nitkellem dwar il-familja proprju f'din is-seduta u biex nuri wkoll illi jiena in order. La qed insemmi dan il-punt nixtieq niġbed l-attenzjoni tal-Ministru tal-Ħarsien Soċjali biex dan id-dettall jiġi kkorreġut, għaliex dan in-nuqqas qiegħed jiġi mniżżel kull darba fil-mistoqsijiet parlamentari u effettivament ġie mniżżel hekk ukoll fl-estimi ta' dan il-budget. Permezz ta' mistoqsija parlamentari li għamel illum l-Onor. Louis Deguara, għandna konferma ta' dan li qed ngħid. Imma ħalli nkompli bid-diskors tiegħi.
Sur President, illum daħlet id-drawwa li waqt id-diskorsi dwar il-budget imressqa f'dan il-Parlament, ħafna mill-kelliema jlaqqmu l-budget b'diversi titli. Nistqarr li ħafna minnhom ikunu verament jixirqu lil dak il-budget partikolari għaliex bl-isem li jagħtuh jolqtu tassew il-musmar fuq rasu, kif inħobbu ngħidu bil-Malti. Jiena wkoll ġieli xebbaħt jew aħjar laqqamt xi budgets tul l-għaxar snin li ilni membru ta' din il-Kamra pero' l-aktar wieħed illi baqa' stampat f'moħħi kien proprju l-ewwel budget ta' amministrazzjoni nazzjonalista ta' wara l-elezzjoni ta' l-1987. Dakinhar il-Gvern Nazzjonalista kien għadu kif wiret pajjiż verament imfarrak u, proprju f'dak l-ewwel budget, il-ministru tal-finanzi ta' dak inhar, in-Nutar George Bonello du Puis, kien ippreżenta budget illi biddel ir-rotta li kien miexi biha l-Gvern Laburista u tefa' t-tmexxija tal-pajjiż f'direzzjoni li kattret il-ġid. Tant hu hekk, illi ħafna kienu laqqmu dak il-budget bħala l-budget ta' l-elezzjoni għalkemm, nerġa' ngħid, kien għadu l-ewwel budget ta' amministrazzjoni Nazzjonalista u warajh kien għad fadal erbgħa oħra għall-elezzjoni. Niftakar illi dak inhar dan l-ewwel budget jiena kont sejjaħtlu "l-budget tal-familja u ta' Għawdex" għaliex kien budget illi verament ħaseb biex jintroduċi miżuri li jolqtu tajjeb lill-familja, speċjalment dik il-familja li l-aktar li kienet fil-bżonn, u kien ukoll introduċa diversi miżuri favur Għawdex. Irrid ngħid ukoll illi kien għall-ewwel darba dak inhar illi ġie diskuss il-ministeru ta' Għawdex, b'vot parikolari għalih fil-budget.
Sur President, nista' ngħid b'wiċċi minn quddiem illi l-budgets l-oħra li ġew wara wkoll kienu ndirizzati f'din il-linja. Sena wara sena, budget wara budget, kollha ħasbu sabiex ħadd ma jibqa' lura. Pero' sfortuntament u b'dispjaċir kbir, ma nistgħux ngħidu l-istess għaż-żewġ budgets imressqa mill-Gvern Laburista, b'mod partikolari l-budget ta' din is-sena. Minkejja d-diversi diskorsi li nisimgħu min-naħa l-oħra u minkejja l-ħafna ittri fil-ġurnali, jibqa' l-fatt illi dan il-budget werwer lil kulħadd. U ddur kemm iddur ma tista' qatt issiblu isem jew laqam illi jixbaħ imqar xi ftit lill-budgets ta' żmienna. Għall-kuntrarju, aktar ma tifli dan il-budget aktar titbiegħed minn xi isem illi wara kollox ilkoll nixtiequ li nagħtuh, xi isem illi jkun jirrifletti miżuri ta' fejda għall-familja tagħna u anke għall pajjiż. Imma laqam ta' dan it-tip ma jgħoddx għal dan il-budget anzi jiġuk f'moħħok titli bħal dawk li diġa' smajna, per eżempju, budget bla kuxjenza soċjali, budget bla qalb u oħrajn li ma nixtieqx noqgħod nirripetihom.
Jiena personalment ukoll għamilt osservazzjoni imma qabel irrid ngħid li hija dispożizzjoni fija li nipprova nkun ottimista u pożittiva u anke nuża stil paċifiku, ħalli possibilment ma nkunx negattiva u ma nweġġa' u ma noffendi s-sentimenti ta' ħadd. Jiena kontra kull tip ta' vjolenza imma jekk se nagħmel riferenza għall-mezzi ta' vjolenza li jużaw xi kriminali ta' żmienna, dan se nagħmlu f'tentattiv li joħroġ messaġġ pożittiv, f'tentattiv li joħroġ frott u ġid għal dawk kollha konċernati. Fi żmienna, bħala mezz ta' vjolenza jissemmew 'l hekk imsejħa land-mines. Aħna lkoll nafu x'inhuma dawn il-land-mines u għalfejn jiġu wżati, pero' biex il-poplu Malti u Għawdxi jifhem il-messaġġ tiegħi tajjeb li jkunu jafu dawn x'inhuma. Il-land-mines huma speċi ta' bombi jew inkella time bombs moħbija taħt l-art b'ċertu teknika, li x'ħin wieħed jgħaddi minn fuqhom, b'mod speċjali l-mezzi tat-trasport, jisplodu u jġibu ħerba u diżastru u sfortunatament l-aktar li jbatu minnhom huma l-innoċenti. Jiena għamilt din l-ispjegazzjoni tal-land-mines għaliex ninsab konvinta mix-xebħ u mill-validita' ta' l-eżempju u l-applikazzjoni ta' dawn il-land-mines sabiex il-poplu, iżda fuq kollox l-amministrazzjoni tal-lum, tiġi konxja mir-responsabbilta' tagħha u speċjalment tal-ħsara lill-innoċenti.
Irrid ngħid, Sur President, li din l-idea tal-land-mines ġietni f'rasi proprju nhar it-Tnejn fil-għaxija meta kont qed nisma' lill-Prim Ministru jitkellem f'din il-Kamra u għoġbu jiddeskrivi xi aġir min-naħa ta' l-Oppożizzjoni bħala torpedoes. Ngħid il-verita', il-kelma torpedoes laqtitni, u għidt: Mela kemm aktar nista' napplika u nxebbaħ ċerti miżuri f'dan il-budget bħala land-mines għall-familji tagħna? F'din is-sena ta' amministrazzjoni Laburista, tpoġġew dawk li jiena nsejjaħ u nikkonsidra bħala żewġ land-mines kontra l-familja Maltija u Għawdxija. L-ewwel land-mine li jiena nikkonsidraha bħala li se therri l-fibra u l-pedament morali tal-familja huwa d-divorzju. Land-mine oħra, din id-darba ta' natura finanzjarja pero' b'konsegwenzi soċjali kbar, li f'xi każijiet jistgħu jkollhom konsegwenzi anke psikoloġiċi u morali, huma l-policies ekonomiċi li jolqtu l-familja.
L-Onor. Alfred Sant iddikjara bil-qawwa kollha li huwa favur id-divorzju u saħansitra waqqaf kummissjoni li bi kliem ekwivoku għandha skop li tfassal policy għad-dħul tad-divorzju f'pajjiżna. Din l-għajta divorzista mhux biss sabet eku fost persuni bi problemi familjari iżda saħansitra sabet eku sabiex toħloq mentalita' divorzista fost dawk li fil-prattika huma favur id-divorzju u li bħala teorija u filosofija qegħdin jippromwovu din il-mentalita' divorzista, bħalma qegħdin jagħmlu l-membri tal-Forum Żgħażagħ Laburisti. F'din l-okkażjoni jiena m'iniex se nidħol fid-dettalji dwar id-divorzju - dan se nħallih għal xi okkażjoni oħra - ukoll għaliex l-argumenti favur u kontra d-divorzju ilhom jiġu esposti fil-pubbliku. Għalhekk sostanzjalment diġa' nistgħu ngħidu li qiegħda ssir diskussjoni pubblika, għalkemm jien personalment inħoss li l-poplu, the man in the street, jinħtieġ aktar informazzjoni b'lingwaġġ li jfiehmu sabiex ikun konxju bid-dettalji konkreti u reali ta' l-effetti tad-divorzju.
Ngħaddi issa għall-qagħda ta' tbatija finanzjarja li toħloq problemi fil-familja. B'riżultat tat-tmexxija Laburista, matul din is-sena li għaddiet u issa bit-tip ta' miżuri li ġew introdotti f'dan il-budget, fil-familja bdiet tinħass tensjoni li tista' tkun waħda permanenti. Għaliex illum f'ħafna familji Maltin u Għawdxin - u bir-raġun kollu - hemm il-biza' u d-dubju kontinwu jekk humiex se jlaħħqu mal-bżonnijiet tal-ħajja. F'dawn l-aħħar 15-il ġurnata kienu ħafna dawk il-familji li esprimew din il-biża' u li spikkat fihom tensjoni li, nerġa' ngħid, tista' tkun waħda permanenti. Dawn bilfors li jħossuhom hekk, speċjalment f'dawk il-familji fejn xi familjari jiddependu kuljum minn għadd sostanzjali ta' mediċina u li jinħtieġu attenzjoni oħra partikolari li tirrikjedi finanzi konsiderevoli. Hemm tensjoni wkoll f'dawk il-familji fejn għandek persuna waħda biss bħala breadwinner, fejn għandek persuna waħda biss taħdem u li minnha jiddependi l-għajxien ta' dik il-familja, iżjed u iżjed jekk l-impjieg ta' din il-persuna joffri paga minima.
Mill-miżuri proposti f'dan il-budget, miżuri li kif ngħidu se jolqtu fil-laħam il-ħaj, il-futur tal-familji, b'mod partikolari dawk meqjusa bħala ż-żgħar, huwa futur li lkoll għandna għaliex nibżgħu minnu. Iż-żidiet fl-ilma, fl-elettriku, fil-pitrolju u fil-gass, l-introduzzjoni tat-taxxa ġdida fuq id-drenaġġ, il-ħlas ta' miżati fuq mediċini b'xejn, il-fatt li l-ħajja se tkompli togħla mas-smewwiet, minkejja dak kollu li wegħedna l-Onor. Sant qabel l-elezzjoni, il-problema ta' nuqqas ta' xogħol, kif spjega qabli l-Onor. Joe Cassar, iċ-ċaħda ta' allowances u overtime ta' ħafna ħaddiema, kollha se jwasslu għal tensjoni fil-familji tagħna. Imma mhux hekk kien jiġri taħt amministrazzjoni Nazzjonalista, Sur President.
Budget wara budget, sena wara sena, bil-miżuri u bit-tmexxija ta' gvern li verament u bil-fatti kien jaħseb f'kulħadd, pero' b'attenzjoni akbar fuq iż-żgħar, fuq dawk il-koppji li kienu għadhom irabbu, fuq il-persuni b'diżabilita', fuq il-pensjonanti u l-bqija, Gvern Nazzjonalista ħoloq il-fiduċja u assigura futur sabiħ u ċert għall-familji tagħna. Fi żmienna ma ġiex budget fejn ma kienx hemm żidiet fis-servizzi soċjali u l-pensjonijiet, jew inkella ma kienx hemm introduzzjoni ta' benefiċċji soċjali oriġinali. Meta tgħaqqad kollox flimkien, jirriżulta li ma kienx hemm settur, ma kienx hemm qasam, kategorija jew klassi ta' nies li ma bbenefikawx sostanzjalment f'xi ħin jew ieħor mill-politika li mexa biha Gvern Nazzjonalista. Imma l-qagħda tal-pajjiż illum, is-sitwazzjoni tal-familji tagħna hija differenti. Illum hawn tensjoni li konna ilna ma nħossuha żmien twil. X'qed jiġri aktar, Sur President?
B'effett tat-tbatija finanzjarja, l-istess membri tal-familja, aktar ma jinħtieġu mistrieħ sabiex inaqqsu mit-tensjoni li sabu ruħhom fiha u miċħuda kif inhuma mill-finanzi, qed ikollhom jiċċaħdu wkoll minn ċertu divertiment u minn ċertu ħruġ. Per eżempju, qegħdin ikollhom jiċċaħdu mid-drawwa sabiħa li kienet daħlet ġmielha li jmorru jieklu barra f'xi weekend, li jmorru jieħdu dik il-pizza is-Sibt filgħaxija u xi tip ta' divertiment ieħor. Dan it-tip ta' mistrieħ, dan it-tip ta' divertiment kien iservi ta' relax għall-familja, apparti li minnu nnifsu kien jiġġenera l-ekonomija fil-pajjiż. Pero' hemm raġuni oħra għaliex il-familji Maltin u Għawdxin illum qegħdin isibu ruħhom f'pożizzjoni finanzjarja ssikata u mwiegħra, dejjem permezz tal-miżuri mħabbra fil-budget u t-tip ta' amministrazzjoni Laburista.
Il-frustrazzjoni fil-ħajja ta' kuljum qed tiżdied għaliex, filwaqt li f'pajjiżi oħra fid-dinja naraw l-iżvilupp u l-progress ikompli jikber, hawn Malta flok li bqajna mexjin 'l quddiem bħall-bqija tad-dinja, bdejna sejrin lura. GĦalhekk il-familji tagħna, konxji minn dak li qed jiġri f'pajjiżi oħra anke permezz tal-media, iħossu x-xewqa ta' ħafna kumditajiet li jiena nsejħilhom leġittimi u relattivi għall-pożizzjoni tagħhom iżda li minħabba n-nuqqas ta' finanzi ma jistgħux jakkwistawhom u jgawduhom. Il-konsegwenzi ta' din il-frustrazzjoni u l-kwestjoni ta' nuqqas ta' finanzi jġibu aktar il-probabbilta' li jinbtu problemi fil-familja bħal, ngħidu aħna, il-vjolenza domestika. Jien għalhekk fil-bidu użajt il-kelma land-mines biex inxebbaħ ċerti miżuri ta' dan il-budget għaliex ridt nuri kif il-proposti ta' dan il-Gvern bħal-land-mines se jħarbtu u jfarrku lill-familji tagħna. Li qed jiġri, Sur President, huwa li ffaċċjati b'dawn il-fatti, bid-divorzju wara l-bieb - għalkemm il-Prim Ministru fil-kampanja elettorali tiegħu lill-poplu ħbielu għal kollox x'kellu f'moħħu dwar il-kwestjoni tad-divorzju - u ffaċċjati bil-qagħda finanzjarja batuta b'konsegwenzi soċjali, kif diġa' spjegajt, id-domanda għall-kwalitajiet ta' servizzi ta' għajnuna għall-familji bi problemi, li jsibu ruħhom fi kriżi u li jaqtgħu qalbhom milli jaraw il-familja tagħhom titfarrak, aktar se tikber. Biex tkompli tagħqad, aktar ma din id-domanda qiegħda tikber, qegħdin naraw li l-Gvern tal-lum qiegħed jivvota inqas flus f'dawn is-servizzi li jtaffu jew jirrimedjaw għad-diversi problemi li jinħolqu fil-familja.
Pero' jiena fil-bidu għidt illi jien ottimista u rrid insemmi li l-Gvern qiegħed ikompli bil-programm "Fejda" u anke żied sostanzjalment l-ispiża għas-sena d-dieħla. Aħna fejn jittieħdu passi għall-aħjar nirrikonoxxuh u nsemmuh, għax hekk għandha tkun l-etika fil-kritika tagħna u hekk jixraq jekk verament irridu li l-kritika tagħna tkun kredibbli. Jiġifieri daqskemm niġbdu l-attenzjoni tal-Gvern għar-rigward ta' miżuri inaċċettabbli u skorretti għal pajjiżna, daqshekk ieħor napprovaw u ngħaddu rimarki ta' tifħir għar-rigward ta' miżuri ġusti u tajba. Kif qed ngħid, fil-każ tal-programm "Fejda" nifraħ lill-Gvern talli din l-inizjattiva li oriġinat u kien hemm diġa' fondi għaliha taħt l-amministrazzjoni preċedenti, jiġifieri taħt Gvern Nazzjonalista, ma warrabhiex fil-ġenb u mpenja ruħu biex jaraha taħdem u wkoll żied l-ammonti ta' fondi għaliha. Jiena nħeġġeġ lill-Ministru u lill-Gvern li jkompli bil-ħsieb tiegħu illi l-programm "Fejda" ma jibqax iżjed bħala servizz għat-tfajliet biss imma jinfirex ukoll għall-ġuvintur, kif insibu miktub fil-mission statement fl-estimi għas-sena d-dieħla. Ladarba qed nitkellem fuq l-applikazzjoni ta' servizz biex jibbenefikaw minnu ż-żewġ sessi, nixtieq niġbed l-attenzjoni tal-Gvern għar-rigward taċ-child day care centres.
Fil-verita', jiena ma xtaqtx insemmi ċ-child day-care centres fid-dibattitu ta' dalgħodu għaliex bħala vot dan jidher taħt il-Prim Ministru imma rrid nirrimarka li għall-mistoqsija parlamentari li jiena għamilt lill-Prim Ministru dan l-aħħar, il-mistoqsija numru 9797 dwar id-day-care centre tal-Kalkara, il-Prim Ministru qalli biex nagħmel din l-istess mistoqsija lill-ministru konċernat u allura tani x'nifhem li dan huwa l-Ministru tal-Ħarsien Soċjali. Pero' jista' jkun li ħa żball għaliex imbagħad mistoqsija oħra simili weġibha huwa. Jiena nħoss li huwa xieraq li nagħmel riferenza żgħira għal dawn id-day centres għaliex dawn huma marbuta mal-familja. Dan is-servizz m'għandux jitqies bħala xi avvanz tal-mara, bħala xi privileġġ għall-mara biss imma huwa servizz għall-ġenituri, għall-familja. U dan iwassalni għall-punt li rrid inqajjem, jiġifieri sabiex noqogħdu attenti u ma niddiskriminawx bejn il-ġenituri.
F'paġna 73 tal-budget speech, u anke kif inhu mniżżel u deskritt il-vot fl-estimi għal dawn id-day-care centres, naqraw illi dawn iċ-ċentri se jinfetħu:
"biex ommijiet li jaħdmu u li għandhom l-ulied taħt it-tliet snin ikunu jistgħu jħalluhom hemm matul il-jum"
Dan il-Vot huwa mniżżel bħala "day-care centres for working mothers". Qed nagħmel enfasi fuq il-kelma "ommijiet" u "mothers" għaliex illum aktar minn qatt qabel ma nistgħux ngħabbu l-piż tat-tfal fuq l-omm biss, qisu t-trobbija tat-tfal hija responsabbilta' ta' l-omm biss. Irridu nkunu aħna minn hawn ġew stess illi ngħinu sabiex tinbidel il-kultura u l-mentalita' illi t-trobbija ta' l-ulied u r-responsabbilta' tat-tfal hija taż-żewġ ġenituri, ta' l-omm u l-missier. Għalhekk meta nitkellmu dwar servizz bħal dan li joffru day-care centres irridu noqogħdu attenti u ma nintrabtux biss ma' ġenitur wieħed, per eżempju, ma' l-ommijiet kif qed jidher f'dan il-budget. Il-lingwaġġ tagħna kull meta nitkellmu dwar ulied u familja jrid jinkorpora liż-żewġ ġenituri. Qed ngħid dan għaliex jista' jkollok single parent li huwa missier. Allura f'dan il-każ dan il-ġenitur m'għandux dritt jibbenefika minn dan is-servizz? Jiena ma naħsibx li se jiġri hekk imma allura iżjed u iżjed irridu noqogħdu attenti kif inpoġġu l-kliem. Dan l-eżempju jitfa' dawl ukoll fuq il-kwesjtoni ta' kemm huwa aktar xieraq illi ċ-child day-care centres jingħaqdu ma' dan il-ministeru ta' l-affarijiet tal-familja, imma l-punt tiegħi hu illi bħalma l-programm "Fejda" se jinfetaħ ukoll għas-subien, u bħalma l-parental leave li ntroduċejna aħna jistgħu jeħduh kemm l-omm u kemm il-missier, hekk ukoll kull servizz ieħor għall-familja, hu x'inhu, m'għandu bl-ebda mod jiddiskrimina bejn il-ġenituri.
Barra minn hekk, fejn hemm diskriminazzjoni bejn il-ġenituri jew fejn hemm anomaliji, dawn għandna nikkorreġuhom, bħalma għamilna taħt l-amministrazzjoni Nazzjonalista, fejn issewwew diversi anomaliji, speċjalment fil-qasam tas-sigurta' soċjali, illi kienu jiddiskriminaw bejn il-mara u r-raġel jew bejn l-omm u l-missier. U dan il-Gvern qed jagħmel sewwa li f'dan il-budget qed isewwi żewġ anomaliji oħra. Qed nirriferi għall-benefiċċju tas-sigurta' soċjali dwar ir-romol u l-benefiċċju għar-rata ta' min jaħdem - jiġifieri rrilevanti jekk ikunx ir-raġel jew il-mara - dejjem f'każ ta' tnejn miżżewġin. Meta ssemmi l-kelma "romol" mingħajr ma trid, mill-ewwel jiġik f'moħħok kif aħna, fiż-żewġ amministrazzonijiet preċedenti, lir-romol sostnejnielhom il-livell ta' benefiċċji soċjali u servizzi oħra illi bħalhom qatt ma kellhom. Imma dwar dan nieqaf hawnhekk għaliex dawn il-fatti għamilna riferenza għalihom f'diskorsi oħrajn f'din l-istess Kamra u ma nixtieqx nirrepeti minħabba l-ħin limitat. Fil-fatt niġi biex nikkonkludi, Mr Chairman.
L-appell tiegħi lill-Gvern huwa biex ma jibqax iwebbes rasu jekk verament jemmen f'dak li jgħid. Fil-mission statement ta' dan il-ministeru, fis-section tal-family welfare, għandna kliem sabiħ imma jien għandi d-dubji tiegħi kemm bil-miżuri mħabbra f'paġni oħra f'dan il-budget huwa possibbli li l-familja tkun verament imħarsa. Għalhekk nappella lill-Ministru responsabbli mill-affarijiet tal-familja, illum l-Onor. Edwin Grech, sabiex jimpenja ruħu ħalli l-familji Maltin u GĦawdxin, speċjalment il-familji ż-żgħar - u kif jidhru l-affarijiet għada aktar mil-lum - jingħataw dik l-għajnuna kollha meħtieġa għall-għaqda u għal livell ta' għajxien diċenti.
Yüklə 356,57 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin