Debates tal-kamra tad-deputati


ABBOZZ TA' LIĠI LI JEMENDA DIVERSI LIĠIJIET DWAR IT-TELEKOMUNIKAZZJONI



Yüklə 469,96 Kb.
səhifə4/7
tarix16.12.2017
ölçüsü469,96 Kb.
#35012
1   2   3   4   5   6   7

ABBOZZ TA' LIĠI LI JEMENDA DIVERSI LIĠIJIET DWAR IT-TELEKOMUNIKAZZJONI

VARIOUS LAWS (TELECOMMUNICATIONS) (AMENDMENT) BILL



THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: Sur President, nipproponi t-Tieni Qari ta' l-Abbozz ta' Liġi li jemenda Diversi Liġijiet dwar it-Telekomunikazzjoni .
THE DEPUTY SPEAKER: Min jissekonda?
ONOR. CARMELO ABELA: Nissekonda.
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. JOE MIZZI: Sur President, għall-aħħar tas-sena li għaddiet għaddejna l-Att biex jirregola t-Telekomunikazzjoni, li bih emendajna wkoll l-Ordinanza dwar it-Telegrafija mingħajr Fili, u wara l-pubblikazzjoni ta' din il-liġi stajna nindunaw li subartiklu (2) ta' artiklu 6 seta' ġie redatt aħjar. Il-liġi kienet tgħid li jekk xi ħadd ma jħallasx il-liċenzja fl-uffiċċju tal-wireless telegraphy fi żmien 14-il ġurnata jeħel multa; u bl-emenda li għaddejna għidna li l-perijodu ta' 14-il ġurnata għandu jitla' għal 30 jum jew għal dak il-perijodu itwal li l-ministru jista' jippermetti. Għidna ukoll li jekk il-liċenzja tkun ta' Lm12 tista' teħel id-doppju, imma jekk il-liċenzja tkun iktar minn Lm12 teħel multa ta' Lm25.
Sur President, nista' ngħid ukoll li permezz ta' l-Att biex jirregola t-Telekomunikazzjoni nħolqot era ġdida f'pajjiżna għax ir-responsabbilta` ta' regolazzjoni f'dan il-qasam ġiet ittrasferita mingħand l-ex-Korporazzjoni Telemalta għal għand regolatur ġdid. Tant hu hekk li ftit wara li ġiet fis-seħħ din il-liġi nħoloq regolatur għal perijodu temporanju - li kumbinazzjoni jiskadi għada - u tajjeb ngħid li issa l-Prim Ministru ħatar regolatur ġdid għal perijodu twil biex ikun jista' jibda jiffunzjona b'mod aktar regolari.
Tajjeb ngħid ukoll li l-bidla mit-Telemalta għal Maltacom - din saret possibbli permezz ta' l-Att biex jirregola t-Telekomunikazzjoni - ma kenitx biss bidla kosmetika imma kienet bidla importanti kemm mil-lat legali u kemm mil-lat ta' status kummerċjali għax il-Korporazzjoni Telemalta, li kienet istituzzjoni totalment governattiva, saret public liability company, il-Maltacom plc. Nista' ngħid li dan se jġib tibdil fil-kultura u jien persważ li l-pubbliku se jibbenefika minn servizz effiċjenti ta' kwalita` għolja. Jien nemmen ukoll li 'l quddiem mhux biss se jkun hawn prezzijiet favorevoli imma naħseb li għad jasal il-mument li jkunu kompetittivi wkoll. Meta wieħed jikkonsidra ċ-ċokon ta' Malta, m'hemmx dubbju li l-qasam tat-telekomunikazzjoni huwa wieħed b'saħħtu ħafna.
Fil-qasam tat-teknoloġija ta' l-informatika għandna kummissjoni li qed tipproġetta strateġija nazzjonali biex inkunu żguri li pajjiżna jibbenefika kompletament mir-rivoluzzjoni moderna fl-informatika. Nista' ngħid ukoll li l-andament ta' l-iżvilupp fit-telekomunikazzjoni qed ikun konformi mal-bżonijiet ta' pajjiżna u fl-istess ħin qed tingħata wkoll konsiderazzjoni għall-esperjenza ta' pajjiżi oħra u għar-rakkmandazzjonijiet ta' l-ITU u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra. Permezz tal-politika tagħna, f'dak li għandu x'jaqsam mal-kummerċ u t-turiżmu qed insaħħu l-għaqda u r-relazzjonijiet eċċellenti mal-popli kollha tar-reġjun u anke ma' dawk li qegħdin 'il bogħod aktar minna. L-aġenda ta' pajjiżna hija li ninkoraġġixxu l-paċi, il-ħbiberija u anke s-solidarjeta` Fl-opinjoni tiegħi din l-aġenda tista' tintlaħaq biss bi żvilupp kontinwu u sistematiku f'kull qasam li jinfluwenza s-soċjeta`, iktar u iktar fil-qasam tat-telekomunikazzjoni.
Huwa propizju li nsemmi xi ħaġa dwar il-WTDC, li qed issir proprju f'pajjiżna. L-enfasi tagħna kienet li din il-konferenza tkun ta' l-aħjar kwalita`, b'attenzjoni għall-budget u b'għajnuna finanzjarja permezz ta' sponsorships. Ir-riżultat illum huwa l-kliem ta' tifħir tad-delegati għall-organizzazzjoni tal-konferenza, li tista' tgħid li hi kważi perfetta. Il-Maltacom ħadet ħsieb l-organizzazzjoni f'isem il-Gvern u nista' ngħid li kull min tkellem mad-delegati jista' jixhed ir-riżultat pożittiv u l-livell ta' din il-konferenza, li għaliha attendew madwar 1,100 delegat, 170 staff personnel ta' l-ITU u 140 ruħ supporting staff tal-Maltacom. Kien hemm 37 ministru barrani, 197 ġurnalist u kien hemm ukoll kumpanniji barranin mill-qasam tat-telekomunikazzjoni li jammontaw għal madwar 200. Il-Maltacom kompliet tissapportja l-konferenza tul il-ġimgħa li għaddiet f'dik li hija loġistika b'mezzi ta' komunikazzjoni u permezz ta' supporting staff li għandna fil-Mediterranean Conference Centre. Barra minn dan il-Maltacom qed tieħu l-akbar benefiċċju mill-fatt li d-WTDC qed issir f'Malta. Għalhekk il-Maltacom għandha numru kbir ta' uffiċjali - sew dawk li jagħmlu parti mid-delegazzjoni Maltija għal din il-konferenza, kif ukoll bħala osservaturi - li qed jitħalltu mad-delegati biex jiddiskutu suġġetti importanti għall-Maltacom f'dan l-istadju u għas-snin li ġejjin. Aħna ridna nagħtu ċans lill-ħaddiema tal-wireless telegraphy u anke stedinna rappreżentanti mid-diversi dipartimenti ta' l-Universita` biex jaraw din il-konferenza, jitħalltu mad-delegati u jiggwadanjaw l-esperjenza. Għamilnieha ċara mill-bidu li rridu nħajru lill-ħaddiema tagħna, kemm tekniċi u anke legali, li għandhom x'jaqsmu ma' dan is-settur, biex jinvolvu ruħhom f'din il-konferenza biex isservi ta' esperjenza kemm għalihom u kemm għal pajjiżna.
In-nies tal-Maltacom kellhom diskussjonijiet dwar il-kwestjoni ta' l-accounting range bejn l-awtoritajiet u kif dawn jistgħu jwasslu biex jinġibed aktar traffiku lejn pajjiżna għall-benefiċċju finanzjarju ta' pajjiżna. Saru wkoll diskussjonijiet dwar il-konċett tal-hubbing għat-traffiku tat-telefonija minn Malta, speċjalment għar-reġjun Ewro-Mediterranju, u nista' ngħid ukoll li dan il-konċett qed jiġi żviluppat ukoll għall-internet. Tkellmu wkoll dwar il-problema tal-millennium bug jew l-AD2000, liema problema mistennija tolqot l-industrija fl-aħħar ta' dan is-seklu, u anke dwar il-possibbilta` ta' servizz permezz tas-satellita, kif ukoll kollaborazzjoni sħiħa f'dak li hu taħriġ u żvilupp ta' riżorsi umani. Ġiet diskussa wkoll il-possibbilta` ta' alleanzi strateġiċi ma' operaturi internazzjonali oħra.
Kif jiġri f'kull konferenza ta' din il-kwalita`, minbarra li hemm is-sezzjoni plenarja, hemm ukoll ħames kumitati u tliet working groups li qegħdin jaħsbu fl-istess waqt ħalli jħejju x-xogħol li mbagħad irid jiġi approvat mill-istess konferenza u mdaħħal fid-dikjarazzjoni finali, magħrufa bħala l-Valletta declaration, f'forma ta' riżoluzzjoni. Fil-fatt hemm l-isteering committee li jikkordina l-progress tal-konferenza u jistabilixxi l-ordni u n-numru ta' laqgħat biex kemm jista' jkun possibbli ma jkunx hemm limitazzjoni fuq id-delegati li jagħtu l-kontribut tagħhom. Imbagħad hemm il-kumitat "A" li eżamina dak kollu li għandu x'jaqsam mal-policies u l-istrateġiji ta' l-iżvilupp tat-telekomunikazzjoni, jiġifieri l-istrutturi nazzjonali, ir-riformi fis-settur, il-finanzjament u l-ħidma flimkien ta' kumpaniji u organizzazzjonijiet u partnerships. Hemm ukoll il-kumitat "B" li ndirizza t-teknoloġiji ġodda u ttratta l-iżvilupp tan-networks; dan ix-xogħol jinkludi proġetti kbar u inizjattivi fuq skala globali jew reġjonali. Imbagħad hemm l-editorial committee li għandu x-xogħol li jipperfezzjona l-forma mingħajr ma jibdel is-sens ta' l-abbozzi kollha u d-dokumenti jew riżoluzzjonijiet eċċ, kemm tal-kumitat "A" u tal-kumitat "B". Imbagħad hemm il-budget control committee li jiddetermina r-riżorsi għad-dispożizzjoni tad-delegati, jeżamina u japprova l-infiq li jsir matul il-konferenza.
Insemmi wkoll il-working groups, fosthom il-working groups li għandhom x'jaqsmu mal-Valletta action plan. Dan il-grupp għandu x-xogħol li jintegra l-proposti kollha li jsiru ġo pjan ta' azzjoni futura, inkluż l-abbozz ta' pjan strateġiku, u jippreżenta lil-laqgħa plenarja proposta konsolidata. Il-grupp jista' wkoll jikkonsidra proposta għall-Valletta declaration u jippreżenta l-abbozz tiegħu lil-laqgħa plenarja li mistennija tispiċċa nhar l-Erbgħa. Hemm ukoll il-working group għall-pajjiżi inqas żviluppati, li eżamina r-rapport dwar il-ħidma speċjali li saret matul dawn l-aħħar erba' snin, kif ukoll proposti għal pjan ta' azzjoni futura għal dawn il-pajjiżi. Dan il-working group għandu s-setgħa li jippreżenta wkoll l-abbozz ta' proposti għall-konsiderazzjoni tal-laqgħa plenarja. L-aħħar working group huwa dwar ir-rwol tas-settur privat. Kif juri sewwa ismu stess, dan il-grupp jikkonsidra l-proposti li huma mmirati biex jiġu mplimentati rakkmandazzjonijiet ta' l-ITU 2000 dwar ir-rwol tas-settur privat fl-ITU development sector, kif ukoll xi proposti oħra biex jistabilixxi abbozz ta' riżoluzzjoni jew rakkmandazzjonijiet għal parteċipazzjoni akbar mis-settur privat fix-xogħol ta' l-ITU-D. Dawn imbagħad jitressqu għall-konsiderazzjoni tal-laqgħa plenarja.
Ma rridx ninsa wkoll insemmi li kien hemm tliet sezzjonijiet speċjali dwar il-gender issues, jiġifieri dawk il-punti li għadhom ixekklu l-aċċess ugwali ta' telekomunikazzjoni bejn l-irġiel u n-nisa. Forsi aħna ftit nagħtu kas ta' dawn l-affarijiet għax f'pajjiżna m'hemmx dawk il-problemi li hemm f'pajjiżi oħra dwar restrizzjonijiet għall-aċċess tat-telekomunikazzjoni. Jista' jkun li aħna nieħdu l-affarijiet for granted iżda fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw sfortunatament in-nisa huma wkoll żvantaġġati f'dan is-settur. Nista' ngħid ukoll li waqt laqgħa minnhom kien hemm preżenti s-Segretarja Parlamentari għad-Drittijiet tan-Nisa, l-Onor. Helena Dalli. Ħadt pjaċir li kienet preżenti għax minkejja li f'pajjiżna m'għandniex din id-diskriminazzjoni pero' kellha l-opportunita` titkellem mad-delegati - kien hemm anke ministri nisa - u nimmaġina li setgħet tisma' mill-qrib il-problemi li qed jiffaċċjaw il-pajjiżi tat-Tielet Dinja mil-lat diskriminatorju, anke fejn għandha x'taqsam it-telekomunikazzjoni. Minn dawn il-laqgħat ħarġu rakkmandazzjonijiet li issa jridu jiġu approvati mil-laqgħa plenarja. F'dawn id-diskussjonijiet kollha kien hemm u għad hemm sehem attiv mid-delegazzjoni Maltija, li hija komposta minn uffiċjali tal-Maltacom, uffiċjali mid-dipartiment tat-telegrafija mingħajr fili, u xi delegati oħrajn kif semmejt.

Tajjeb li ngħid xi ħaġa dwar siltiet ta' diskorsi li saru f'din il-konferenza, b'mod speċjali fil-ftuħ tagħha. Fil-fatt is-segretarju ġenerali, Pekka Tarjanne, qal li Malta bħal pajjiżu wriet lid-dinja kif bis-saħħa tat-telekomunikazzjoni tista' tgħin lill-poplu ħalli jegħleb l-limitazzjonijiet imposti mir-realitajiet fiżiċi tal-ħin u l-ispazju. Qal li b'rieda, immaġinazzjoni, inizjattiva u intelliġenza, stati żgħar ukoll jistgħu jkunu fuq quddiem fil-qasam tat-telekomunikazzjoni, kif huwa l-każ ta' pajjiżna. Hawnhekk faħħar lil pajjiżna li tant huwa żviluppat f'dan il-qasam minkejja li aħna pajjiż żgħir. Semma wkoll li saru bidliet teknoloġiċi, l-aktar bl-introduzzjoni ta' sistemi ġodda tas-satellita, sabiex is-servizzi bażiċi tat-telekomunikazzjoni jkunu jistgħu jintlaħqu minn kulħadd. Semma wkoll li kien hemm żviluppi fis-servizzi u fl-applikazzjonijiet u qal li l-akbar żvilupp notevoli kien l-internet għaliex din is-sistema tat definizzjoni ġdida lit-telekomunikazzjoni. Pekka Tarjanne qal ukoll li kien hemm bidliet fil-politika u r-regoli għaliex t-telekomunikazzjonijiet qed jiġu meqjusa bħala qasam tan-negozju u mhux biss bħala servizz pubbliku essenzjali. Tajjeb li wieħed jgħid li din hija l-fehma ġenerali globali. Qal ukoll, kif kulħadd jaqbel, li d-dritt li wieħed jikkomunika jkun meqjus bħala dritt fundamentali tas-soċjeta` dinjija tas-seklu 21.


Tkellem ukoll il-Prim Ministru ta' Malta fejn saħaq fuq l-impatt li għandha t-telekomunikazzjoni fuq l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u kulturali tal-pajjiż. Fost l-istrateġiji li ttieħdu f'pajjiżna, elenka r-riforma li saret fil-qasam tal-liberalizzazzjoni tas-suq, il-privatizzazzjoni, l-adozzjoni tat-teknoloġiji ġodda u li se jkompli jsir investiment fl-infrastruttura meħtieġa. Kulħadd jaf li f'pajjiżna dan seħħ proprju wara li għaddiet din il-liġi minn dan il-Parlament. Il-Prim Ministru tkellem dwar l-ambjent politiku attwali, l-isfidi u t-theddid ġdid li qed tiffaċċja d-dinja, speċjalment wara t-tmiem tal-gwerra bierda. Qal ukoll li l-avvanz fit-telekomunikazzjoni jeħtieġ jintuża għall-ġid tal-bniedem, kif qed isir permezz tat-telemediċina, l-edukazzjoni, il-kontroll tal-kriminalita` b'mezzi elettroniċi u t-telekomunikazzjoni u t-teknoloġija ta' l-informazzjoni u nistgħu nipprovdu wkoll għodda suffiċjenti biex nikkombattu t-terroriżmu u l-emigrazzjoni illeċita u n-negozju illeċitu fil-qasam ta' l-armamenti u d-drogi u l-ħasil ta' flus. Fuq kollox il-Prim Ministru qal li għandna nsaħħu l-isforzi tagħna biex neqirdu l-faqar. Dan kien wieħed mill-punti li spikka ħafna fil-konferenza internazzjonali li qed issir f'pajjiżna bħalissa. Huwa importanti li anke pajjiżi li aħna nsejħulhom foqra jkollhom id-dritt tal-mezz tat-telekomunikazzjoni. Jidher biċ-ċar li dan ġie rikonoxxut tista' tgħid minn kull min qiegħed jagħti sehem f'din il-konferenza.
Mid-diskors li għamel iċ-Chairman tal-Maltacom, is-Sur Tony Mejlaq, ħareġ ċar li aħna, bħala pajjiż żgħir imma qalbu tajba, minkejja li m'aħniex sinjuri, mill-ftit li għandna nistgħu nagħtu xi ħaġa lill-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw. Fil-fatt is-Sur Mejlaq qal li l-Maltacom lesta biex tgħin lil dawn il-pajjiżi billi kull sentejn iġġib nies biex jitħarrġu f'pajjiżna u nagħtuhom assistenza f'xi affarijiet oħra wkoll. Dan qed nagħmluh għaliex aħna nemmnu li l-komunikazzjoni huwa dritt bażiku ta' l-umanita`. Minkejja li aħna pajjiż żgħir u m'għandniex riżorsi, aħna ħadna l-inizjattiva u wrejna lil pajjiżi oħra kemm ikbar minna, kemm daqsna u kemm iżgħar minna, li hemm bżonn li mill-paroli ngħaddu għall-fatti. Aħna mhux biss għidna li dan huwa dritt ta' kulħadd imma wrejna kif fir-realta` għandek tibda biex tagħmel xi ħaġa. Nispera li l-188 pajjiż li qed jieħdu sehem f'din il-konferenza jieħdu din it-tagħlima minn pajjiżna, li ħareġ b'idea biex jibda joffri xi ħaġa lil pajjiżi inqas żviluppati minna jew daqsna għax anke pajjiżi daqsna hemm min huwa inqas ixxurtjat minna. Jekk il-pajjiżi kollha li qegħdin jieħdu sehem f'din il-konferenza veru jemmnu li l-qasam tat-telekomunikazzjoni huwa dritt għal kulħadd, anke għal pajjiżi li ma jistgħux jaffordjaw, anke għal pajjiżi li m'humiex żviluppati, għandhom jieħdu l-eżempju ta' Malta u jmorru f'pajjiżhom bl-idea li fil-prattika jagħtu xi ħaġa lil dawn il-pajjiżi. Nispera li 'l quddiem nisma' li ħafna minn dawn il-pajjiżi hekk għamlu.

Bħala ministru responsabbli minn dan il-qasam waqt din il-konferenza kelli diversi laqgħat u nista' ngħid li meta ma kenux fuq livell politiku dejjem kien hemm preżenti uffiċjali mill-Maltacom u uffiċjali oħra biex nippromowvu lil pajjiżna bħala hub. Kien hemm laqgħa mad-Direttur Ġenerali ta' Utelsat, u laqgħa oħra mad-delegazzjoni Ġappuniża mmexxija mid-Deputy Minister tal-Posta u Telekomunikazzjoni Yoshio Utsumi, li wera li hu lest joffri f'pajjiżu taħriġ lil tekniċi u inġiniera Maltin f'dan il-qasam.


Kellna laqgħat oħra mad-delegazzjoni Ċiniża u tkellimna dwar il-possibbilta' li ċ-Ċina tuża pajjiżna bħala hub għal pajjiżi ġirien. Dawn talbuna ngħaddulhom iktar informazzjoni biex dan il-qasam ikun jista' jiġi diskuss f'aktar dettall. Saret ukoll laqgħa oħra mad-delegazzjoni Tuneżina fejn għidna li hemm bżonn li bħala ġirien naslu mhux biss biex niddiskutu dwar l-oqsma tat-telekomunikazzjoni imma mmorru għall-prattika ħalli nipprovaw nersqu lejn xulxin. Laqgħa oħra li saret kienet mad-delegazzjoni mill-ICO u ċ-chairman tal-Maltacom attenda għal xi laqgħat ta' natura teknika. Nista' ngħid ukoll li f'dawn il-laqgħat saru diskussjonijiet relatati mas-sħubija ta' Malta fl-organizzazzjoni Ewropea tas-satelliti magħrufa bħala Utelsat u dwar l-użu minn Malta ta' għadd ta' faċilitajiet li tipprovdi din l-organizzazzjoni, bħalma huma s-servizzi bil-VSAT, very small aperture turbulence.
Lid-delegazzjoni Ċiniża spjegajnilha x-xogħol li twettaq biex mit-Telemalta qlibna għall-Maltacom u dwar kif il-Gvern se jipprivatizza l-kumpannija billi joffri 40% mill-ishma lill-privat, li nofshom se jinbiegħu barra minn Malta. Għidnilhom ukoll li l-Maltacom inkarigat lill-HSBC Investment Bank ta' Londra biex joffru dawn l-ishma b'kordinazzjoni mal-Mid-Med Bank. Kif diġa' għidt, tkellimna wkoll mad-delegazzjoni Ċiniża dwar kif il-Maltacom tista' tiġġenera iktar traffiku telekomunikattiv ħalli nipprovaw inħajruhom jużaw lil pajjiżna bħala hub. Hija ħaġa importanti li matul dawn id-diskussjonijiet urejna l-kapaċita' li għandu pajjiżna. Fil-fatt l-organizzazzjoni ta' dawn il-laqgħat kienet serja u saret kif suppost. Barra minn hekk, il-Maltacom ħadet l-esperjenza ta' kuntatti ma' diversi kumpanniji kbar tad-dinja f'dawn l-oqsma u huwa tajjeb li ngħid li proprju llum il-Maltacom u Star Tek - din hi korporazzjoni tat-telekomunikazzjoni globali Amerikana - iffirmaw ftehim li jipprovdi għall-bidu ta' relazzjonijiet bejn iż-żewġ kumpanniji dwar it-traffiku tat-telekomunikazzjoni dirett lejn pajjiżna u kif ukoll għal dak it-traffiku li jgħaddi minn Malta u jibqa' sejjer lejn pajjiżi oħra. Jien minn hawn nixtieq nirringrazzja liċ-chairman tal-Maltacom, lill-bord, lill-ħaddiema, lill-inġiniera u lil kull min ħa sehem f'dawn id-diskussjonijiet, għaliex issa qed jidher biċ-ċar li d-diskussjonijiet li saru u li qed ikomplu jsiru matul il-konferenza qed iħallu l-frott mixtieq. Huwa tajjeb li ngħid ukoll li l-kumpannija Star Tek faħħret lill-Gvern Malti u lill-Maltacom għall-viżjoni ċara u għall-inizjattivi li qed jieħdu f'dan il-qasam. Madam Speaker, ma nixtieqx noqgħod insemmi ħafna affarijiet oħra imma xtaqt nuri xi frott qed tħalli din il-konferenza.
Jidher ċar kemm konna għaqlin bħala gvern bil-pass li ħadna s-sena li għaddiet meta l-Maltacom bdiet miexja lejn it-triq tal-privatizzazzjoni u kull min tkellem magħna qabel mal-mod kif qegħdin nimxu. Nista' ngħid li ġejna mfaħħrin minn kulħadd u ħadd ma kkritikana u dan juri biċ-ċar li ninsabu mexjin fit-triq it-tajba. Kulħadd qabel magħna li l-bidla li saret fil-Maltacom se ġġib 'il quddiem is-servizzi li tkun tista' toffri l-kumpannija għaliex jemmnu li ladarba din tiġi pprivatizzata tkun tista' tagħti servizzi aħjar u aktar effiċjenti. Jien nemmen ukoll li anke l-prezz ta' dawn is-servizzi jista' jkun wieħed vantaġġuż.
Ħaġa li dejqitni kienet li ċerti mezzi tal-media ma ħadux l-opportunita' li jieħdu sehem f'din il-konferenza ħalli jkunu jafu x'inhu jiġri, x'diffikultajiet qed isibu pajjiżi oħra u kemm dawn għadhom lura meta tikkomparahom magħna. Qed ngħid hekk mhux għax nixtieq li jkunu lura imma dan juri kemm pajjiżna żviluppa f'dan il-qasam. Jien xtaqt li l-mezzi tal-media jipparteċipaw f'dawn id-diskussjonijiet ħalli jaraw xi problemi qed isibu f'dan il-qasam pajjiżi li m'humiex żviluppati u ħalli jaraw ukoll x'servizzi qed joffru pajjiżi li huma żviluppati. Per eżempju, wieħed mill-mezzi li ġie muri f'din il-konferenza kien dak tal-telemedicine. Dan il-mezz, li qed nintroduċuh f'pajjiżna, jista' jkun ta' vantaġġ anke għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw għax permezz tiegħu speċjalista jista' jagħti istruzzjonijiet lil tabib viżwalment dwar kif jagħmel ċerti operazzjonijiet li otherwise ma jkunx kapaċi jagħmel. F'din il-konferenza ntwera wkoll mikroskopju li permezz tiegħu jkunu jistgħu jintbagħtu samples lit-tobba f'Norway biex jaraw jekk hemmx cancer jew le. Dan il-metodu mhux talli jgħinek sabiex tieħu riżultati b'mod effiċjenti talli jiffrankalek l-ispejjeż. U din hija xi ħaġa tajba kemm għall-pajjiżi żviluppati u anke għal pajjiżna.
Madam Speaker, din il-konferenza għadha ma spiċċatx u minkejja li għada f'pajjiżna hija ġurnata ta' festa, xorta għandna sezzjoni plenarja li se tibda minn filgħodu kmieni u probabbilment tibqa' sejra sa tard bil-lejl. Nhar l-Erbgħa filgħodu wkoll se jkollna sezzjoni plenarja mbagħad wara nofs inhar se jsir l-għeluq. Nispera li din tiġi trasmessa diretta fuq it-televiżjoni għaliex din hija xi ħaġa li tiġri darba f'pajjiżna u ma nafx meta jista' qatt jasal il-mument li nkunu nistgħu nerġgħu nospitaw konferenza bħal din. Din il-konferenza ssir kull erba' snin u naċċertakom li din is-sena se tibqa' tiġi mfakkra għall-mod effiċjenti kif ġiet organizzata. GĦalhekk nispera li minnha joħroġ riżultat pożittiv vis-a-vis l-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Nirringrazzjak, Madam Speaker.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Francis Zammit Dimech.
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Madam Speaker, wara li smajt dan id-diskors ma nistax ma naffermax is-sodifazzjon ta' din in-naħa tal-Kamra għall-fatt li din il-konferenza qed tinżamm f'Malta. Naturalment din il-konferenza tagħti ċertifikat doppju lill-amministrazzjoni preċedenti. L-ewwel ċertifikat huwa għaż-żamma tagħha fiha nnifisha għaliex din kienet inizjattiva u stedina ta' l-amministrazzjoni preċedenti. Pero' mbagħad tagħti ċertifikat ikbar għaliex l-istedina ta' Malta mill-Gvern ifformat mill-Partit Nazzjonalista kienet ġiet milqugħa minkejja li pajjiżi oħra kienu talbu sabiex jospitaw din il-konferenza. Meta fi Buenos Aires f'Marzu ta' l-1994 jien kont estendejt din l-istedina għan-nom tal-Gvern Malti, minkejja li kien hemm pajjiżi oħra li xtaqu li jospitaw din il-konferenza, Malta ġiet rikonoxxuta mill-ITU bħala pajjiż li joffri role model fil-qasam tat-telekomunikazzjoni. Dawn kienu qalu li jagħmel sens li konferenza bħal din tinżamm f'Malta għaliex, kif qal preċiżament is-segretarju ġenerali ta' l-ITU, Pekka Tarjanne, Malta wriet lid-dinja li stati żgħar jistgħu jkunu fuq quddiem nett fil-qasam tat-telekomunikazzjoni. U din hi preċiżament il-viżjoni li kellu l-unur jagħti l-Gvern preċedenti fformat mill-Partit Nazzjonalista fil-qasam tat-telekomunikazzjoni. Dan jeħodna lura għall-mibki Pierre Muscat u mbagħad għal dak li stajt nagħmel jien meta kont nokkupa din il-kariga. Naturalment insellem lill-kollega tiegħi l-Onor. Michael Frendo li kompla jmexxi l-qasam tat-telekomunikazzjoni b'iktar innovazzjonijiet u ideat. F'kelma waħda matul dawn id-disa' snin irrivoluzzjonajna dan is-settur. L-awgurju tiegħi lill-Gvern preżenti, kif kelli okkażjoni nappellalu f'okkażjonijiet oħrajn, huwa li jkompli jibni fuq dan il-pedament b'mod li nidentifikaw dan is-settur għal bipartisan approach, għaliex fil-qasam tat-telekomunikazzjoni tista' tħares biss lejn il-futur u tgħid x'se tagħmel minn issa 'l quddiem.
Naturalment mid-diversi rimarki li saru wieħed jifhem li Malta lesta li tagħti l-importanza meħtieġa lill-qasam ta' l-informatika. Evidentement naqblu li biex dan isir jrid ikollna s-sistema diġitali ta' telekomunikazzjoni. Il-Ministru semmielna b'enfasi li llum fil-kamp tat-telemediċina jista' jkollok mikroskopju f'Malta li permezz tiegħu tista' tagħmel kuntatt man-Norveġja fejn jagħmlulek l-analisi u jibagħtulek ir-riżultat dak il-ħin stess. (Interruzzjonijiet) Iva, dażgur! Fil-mument li jkollok l-ingredjenti bażiċi - naturalment il-Ministru jifhem f'dan is-settur u japprezza x'qed ngħid - dak li tkun qed tara b'għajnejk tkun tista' tittrasmettih immedjatament f'pajjiż ieħor permezz tas-sistema diġitali ta' komunikazzjoni, li l-essenzjali tagħha tinkludi s-sistema ta' l-exchanges li jkollok u s-sistema tat-trasmissjoni internazzjonali permezz tas-satellita jew permezz tat-trasmissjoni tal-fibre optic. Din is-sistema konna aħna li daħħalniha u għamilniha proprju bejn Malta u l-Italja għax meta tikkomunika ma' l-Italja tkun ikkomunikajt mal-kumplament tad-dinja. U mhux dan biss imma anke r-realta' viżwali li tidħol f'post u toqgħod iddur mal-kurituri minn post għall-ieħor u anke li titkellem. Naturalment ma rridux naslu fl-estrem li nneħħu d-dimensjoni umana għaliex jekk nagħmlu hekk kulħadd jista' jibqa' fl-uffiċju tiegħu u joqgħod jikkomunika permezz tal-video conferencing. Dan hu possibbli wkoll, biex niftehmu, pero' b'xorti tajba għal pajjiżna u għal kull pajjiż li jospita konferenzi internazzjonali, naħseb li jibqa' importanti l-fatt li n-nies jikkomunikaw ma' xulxin, anke billi jiltaqgħu fiżikament, għaliex inkella ma jsirux iktar konferenzi. Li rrid ngħid hawnhekk hu li t-teknoloġija li l-Gvern ifformat mill-Partit Nazzjonalista ta lil pajjiżna għamlet dan kollu possibbli.
Naturalment meta Pekka Tarjanne reġa' afferma dan iċ-ċertifikat favur pajjiżna kien qed jirrifletti preċiżament ir-rapport li sar bil-miktub fuq Malta mill-ITU fl-1994 u li ġie kkwotat fil-brochure li ntbagħat lid-delegati li kienu mistiedna biex jiġu Malta. Fejn kien dak iż-żmien l-Onor. Mizzi u x'kienet ir-reazzjoni tiegħu meta lilna tawna dan iċ-ċertifikat? Kemm kien jitkellem b'ton differenti! Illum l-Onor. Mizzi qed jikkwota x'qal Pekka Tarjanne u x'kienet tgħid l-ITU fl-1994! Mela llum l-Onor. Mizzi mhux biss qed jestendi ċ-ċertifikat ta' l-ITU imma qed jagħti ċertifikat personali lill-amministrazzjoni preċedenti.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Joe Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI; : ;:: L-Onor. Zammit Dimech huwa żbaljat għax hu jaf li jien dejjem tkellimt fuq l-istess linja li qed nitkellem illum. Jiġifieri dak li qed jgħid l-Onor. Membru huwa żbaljat għaliex l-ISDN tagħtik ċerti affarijiet imma sfortunatament din is-sistema ma teżistix f'dan il-pajjiż. Jiġifieri meta qed jgħid li din saret qabel m'hijiex kritika ġusta.
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Jien qed nipprova nibni fuq dak l-ispirtu imma qed nipprova npoġġi l-fatti kollha. Iva, f'pajjiżi oħra teżisti l-ISDN u anke s-signalling system number seven pero' trid tapprezza wkoll li l-ISDN issegwi mill-fatt li jkollok sistema digital platform. Mela jidher li qed naqblu dwar l-appell li għandna nibnu flimkien għall-futur, kif qed naqblu wkoll fuq il-privatizzazzjoni.
Nieħu gost ukoll nisma' lid-delegati jagħtu prosit lill-Gvern favur il-privatizzazzjoni. Naturalment il-Gvern preżenti ħa deċiżjoni tajba li aħna konna bdejna nippriedkawha ferm qabel, anke jekk mhux kulħadd kien japprezzaha dak iż-żmien. Issa d-deċiżjoni ttieħdet u nawgura li meta joħorġu x-shares tal-Maltacom jkun hemm is-suċċess mixtieq mil-lat nazzjonali, għalkemm nixtieq nagħmel żewġ domandi fuq l-aspett tax-shares tal-Maltacom. Smajt lill-Ministru jħabbar li t-Telecom Spanjola hija nteressata li tieħu xi ishma. Qal ukoll li saru diskussjonijiet mal-parti Ċiniża u naħseb li jkun tajjeb jekk il-Ministru fil-winding-up jgħidilna kemm hu pproġettat li se tieħu ishma l-kumpannija Spanjola u x'parteċipazzjoni se jkun hemm mill-pajjiżi barranin fil-Maltacom. Fl-opinjoni tiegħi din hija konsiderazzjoni importanti u huwa tajjeb li nkunu nafu aktar dwarha.
Madam Speaker, ma rridx intawwal ħalli nkun nista'nagħti ftit mill-ħin li kont se nieħu lill-kollega tiegħi l-Onor. Pullicino Orlando u lill-kelliema l-oħra li jixtiequ jitkellmu fuq din il-liġi. Apparti li ngħid x'inhi l-viżjoni tagħna għall-futur, nixtieq nagħmel xi żewġ rimarki direttament fuq l-abbozz ta' liġi li qegħdin niddiskutu għax, biex ngħid hekk, ma nistax nirreżisti t-tentazzjoni ovvja li nagħmel dan il-kumment u naħseb l-Onor. Mizzi ma jagħtinix tort. Għalkemm nofs dan l-abbozz ta' liġi qed jemenda l-Ordinanza dwar it-Telegrafija mingħajr Fili u n-nofs l-ieħor qed jemenda l-Att ta' l-1997 biex jirregola t-Telekomunikazzjoni, l-emendi li nsibu fih qed jemendaw l-aħħar Att li għadda minn dan il-Parlament f'Diċembru ta' l-1997. Bilkemm laħqu għaddew tliet xhur li l-Parlament ma ħassx il-bżonn li jemenda din il-liġi u forsi dan ġara għax għaġġilna żżejjed.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Joe Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: Li nista' ngħid hu li l-emendi li qed inressqu ma jaffettwawx l-operat tal-Maltacom.
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Pero' huma emendi għall-Att ta' l-1997.
ONOR. JOE MIZZI: Ma nixtieqx nitfa' t-tort fuq ħadd pero' naċċertak li dan ma kienx tort ta' l-amministrazzjoni.
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Kollox sew, pero' nixtieq li l-Ministru jippermettili nispjega l-emenda b'mod daqsxejn differenti milli spjegaha hu. Meta naqra l-emenda jien qed nifhem li din tittratta dwar min ma jħallasx il-liċenzja fil-ħin u fl-ideat tiegħi m'hijiex kwestjoni ta' jekk ikollokx erbatax-il jum jew tletin jum jew iżjed biex tħallas. Qabel il-Gvern kien jgħid li jekk ma tħallasx sa meta tiskadielek il-liċenzja u tħallas sa tletin jum wara, jew xi perijodu itwal li jagħti l-ministru, bħala penali trid tħallas id-doppju ta' kemm hi l-liċenzja u jekk din tkun taqbeż it-Lm12 trid tħallas Lm25. Naturalment jekk tagħmel ftit matematika malajr tifhem li Lm25 huwa kemm kemm iżjed mid-doppju ta' Lm12. Jiġifieri l-prinċipju huwa li dejjem tħallas id-doppju pero' għandek capping mal-livell ta' Lm25. Allura l-emenda x'inhi tgħid? L-emenda qed tgħid li issa sa tletin jum - jew sa dak iż-żmien itwal li jagħti l-ministru - il-liċenzja tista' titħallas mingħajr multa, imbagħad jistgħu jingħataw sebat ijiem oħra fejn trid tħallas il-liċenzja u l-multa, imbagħad jekk jaqbżu dawk is-sebat ijiem jittieħdu proċeduri skond il-liġi. Naħseb li huwa importanti li lill-Parlament nispjegawlu preċiżament x'tgħid l-emenda. Mhux li nġeddu jew li nnaqqsu mit-termini, għaliex it-terminu ta' tletin jum baqa' kif kien u miegħu żdied terminu ġdid.
Jekk qed nifhem tajjeb dak li qed naqra, il-Gvern issa qed jimxi b'żewġ tarġiet. L-ewwel tarġa hi li tħallas il-liċenzja tiegħek sa meta tagħlaq, jew sa tletin jum wara - jew inkella l-ministru jista' jistabilixxi terminu itwal minn tletin jum - u ma tħallasx multa; imbagħad jekk tibqa' ma tħallashiex jista' jagħmillek terminu ieħor ta' sebat ijiem fejn tħallas il-multa bil-capping ta' Lm25, imbagħad jekk taqbeż dik ukoll naturalment skond din l-Ordinanza teħel multi oħrajn u f'ċerti każi teħel anke priġunerija. Qed ngħid dan biex nifhmu x'għandna quddiemna.
Rigward l-emendi l-oħra li qed isiru direttament għall-Att ta' l-1997 biex Jirregola t-Telekomunikazzjoni, tnejn minnhom jirrigwardaw żbalji tekniċi jew ortografiċi - per eżempju, fl-Ingliż ġieli jkollok "of/from" u tkun trid tiġi "or/from" - imbagħad fl-artiklu 30 ta' dan l-Att hemm riferenza għal artiklu 18 li jrid jiġi artiklu 17. Minbarra dawn iż-żewġ emendi, li t-tnejn huma purament tekniċi, hemm emenda li m'hijiex daqstant teknika u tittratta dwar iż-żmien li jista' jieħu r-regolatur meta operatur jissuġġerilu tariffi fuq it-telekomunikazzjoni u dan ma jaqbilx magħhom.
Il-liġi li għaddiet f'Diċembru tgħid li jekk sa tletin jum ir-regolatur ma jgħid xejn lill-operatur, ikun ifisser li qed japprova t-tariffi li jkun issuġġerielu. Issa fl-emenda qed ngħidu li ż-żmien se jitwal għal sittin jum, jiġifieri l-Gvern għal raġunijiet tiegħu iddeċieda li jagħti lir-regolatur id-doppju taż-żmien li kien previst f'Diċembru biex jgħid iva jew le għat-tariffi proposti mill-operatur. Nimmaġina li l-Ministru din se jispjegaha fil-winding-up għax ma jidhirlix li hija ħaġa tajba li tliet xhur wara li tgħaddi l-liġi niġu nestendu bid-doppju t-terminu tar-regolatur li suppost se jkun simbolu ta' l-effiċjenza. Jiġifieri biex niftehmu l-emenda li nsibu f'paragrafu (b) ta' klawsola 3 m'hijiex teknika bħalma huma l-emendi li nsibu f'paragrafi (a) u (b) ta' l-istess klawsola. Dawn huma l-ispjegi li deherli li kelli nagħti lill-Parlament dwar l-abbozz ta' liġi li għandna quddiemna, naturalment dejjem fil-kontest li l-Parlament Malti jkollu dawk l-opportunitajiet biex jiddiskuti l-qasam tat-telekomunikazzjoni f'pajjiżna. Forsi teżisti wkoll l-ironija storika li qed niddisktu dawn l-emendi tliet xhur wara li l-liġi ġiet approvata mill-Kamra.
Il-WTDC li qed tiltaqa' f'Malta qed tersaq lejn tmiemha u għalhekk nixtieq nieħu l-opportunita' biex għan-nom ta' l-Oppożizzjoni nirringrazzja lid-delegati u lill-ministri kollha li ġew hawn Malta għal din l-opportunita' storika. Nawgura li l-Maltacom tibqa' protagonista fil-kamp internazzjonali u tibqa' wkoll mutur ta' l-iżvilupp ekonomiku għal pajjiżna billi nkunu nnovatittivi u billi nieħdu bil-kuraġġ id-deċiżjonijiet meħtieġa fil-qasam tat-telekomunikazzjoni.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Jeffrey Pullicino Orlando.
ONOR. JEFFREY PULLICINO ORLANDO: Madam Speaker, l-ewwelnett nixtieq ningħaqad mal-kummenti pożittivi li saru kemm mill-Onor. Zammit Dimech u anke mill-Onor. Mizzi rigward l-aspetti pożittivi tad-WTDC. Ħadt gost ħafna nara li ż-żewġ naħat tal-Kamra għarfu l-ġid li akkwistajna permezz ta' l-organizzazzjoni ta' dan l-avveniment prestiġjuż ferm li jsir darba kull erba' snin u lkoll qegħdin naqblu li kien ta' siwi kbir għal pajjiżna. Iż-żewġ naħat tal-Kamra taw il-fehmiet differenti tagħhom u forsi tkellmu fuq aspetti differenti imma mbagħad wasalna għall-consensus li din il-konferenza kienet ta' ġid kbir għal pajjiżna. GĦalhekk jien inħoss li tkun ħaġa tajba jekk din il-Kamra tikkonsidra li anke f'materji oħra li huma ta' importanza għan-nazzjon, bħalma huma l-affarijiet barranin, kemm jista' jkun naslu għal consensus għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi.
Il-fatt li llum ġejna f'din il-Kamra sabiex niddiskutu emendi verament żgħar għal liġi li għaddejna ftit xhur ilu jfakkarni f'sitwazzjonijiet simili li qed issib ruħha fihom din il-Kamra f'aspetti oħra. Ma nixtieqx intawwal fuq dan il-punt imma din il-ħaġa lili tinkwetani għax turi nuqqas ta' preparament f'ċerti aspetti tal-politika ta' dan il-Gvern. Per eżempju, jien ma nħossx li hija ħaġa serja li ftit xhur biss wara li ntroduċejna t-tariffi l-ġodda tad-dawl u ta' l-ilma, pajjiżna għadu mdendel b'ħajta u ma jafx fejn sejjer. Jien m'iniex se nagħmel aċċenn fuq dan il-punt imma xtaqt ngħaddi xi kummenti fil-qosor f'dan ir-rigward. Jien inħoss li dan il-pajjiż għandu bżonn tmexxija ċara u deċiżjonijiet li jħarsu fit-tul, fejn mhux niġu f'dan il-Parlament jew immorru quddiem il-poplu Malti ftit xhur wara li nintroduċu ċerti inizjattivi poltiċi u ngħidu li hemm bżonn nemendawhom. Naħseb li l-poplu Malti jkollu aktar fiduċja fil-futur ta' pajjiżna jekk kull pass li nieħdu nikkonsidrawh b'ċertu ħsieb u għaqal.
L-Onor. Mizzi semma l-fatt li kien hemm tifħir kważi minn kulmin ipparteċipa fid-WTDC għall-politika tal-Gvern Soċjalista f'dik li hi privatizzazzjoni, jew privatizzazzjoni parzjali, ta' l-akbar entita' li għandha x'taqsam mat-telekomunikazzjoni f'pajjiżna, dik li llum qed tissejjaħ il-Maltacom, u li ftit xhur ilu ħadet post il-Korporazzjoni Telemalta. Hawn nixtieq insemmi l-fatt li sa ftit żmien ilu, meta l-Partit Laburista kien għadu fl-oppożizzjoni, kien kompletament kontra dan il-pass. Irrid infakkar ukoll li l-Onor. Alfred Sant, bħala kap ta' l-oppożizzjoni, waqt laqgħa li għamel għall-ħaddiema tat-Telemalta f'Ġunju ta' l-1996, ftit xhur biss qabel l-elezzjoni, kien qal li l-fehma tiegħu kienet kontra l-privatizzazzjoni - j'Alla jbiddel il-fehma tiegħu skond il-ħteġijiet ta' pajjiżna - u li l-Partit Laburista kien lest jagħmel ġlieda sħiħa kontra l-privatizzazzjoni. Jien nerġa' ngħid li huwa fatt pożittiv li l-Prim Ministru biddel fehemtu fuq dan l-aspett li kien tant kontrih u nawgura li dan iseħħ anke f'aspetti oħra li l-Partit Laburista tant jaċċenna għalihom u jgħid li għax għandu l-mandat elettorali ma jistax issa jagħmel mod ieħor. Is-serjeta' fil-politika tirrikjedi li wieħed jikkonsidra ċ-ċirkostanzi reali nazzjonali u anke dawk internazzjonali. Meta l-politiku jkollu għal qalbu l-interess internazzjonali, għandu jifhem li għalkemm meta jkun għamel ċerti wegħdiet ikun ħass li huma tajbin, ladarba jinbidlu ċ-ċirkostanzi għandu jara kif jista' jadattahom għall-ġid komuni.
L-Onor. Mizzi aċċenna wkoll għall-fatt pożittiv ferm li l-Maltacom se tbigħ parti sostanzjali mill-ishma tagħha. Fil-fatt parti mill-ishma se jkunu offruti lill-pubbliku - din hija miżura pożittiva ferm li ttieħdet anke fir-rigward ta' entitajiet oħra pprivatizzati fi żmien l-amministrazzjoni Nazzjonalista - u parti oħra se jkunu offruti b'mod vantaġġuż lill-ħaddiema tal-kumpannija. Din il-ħaġa ta' min ifaħħarha għaliex se tagħti iktar inċentiv lill-ħaddiema tal-Maltacom biex jaħdmu iktar bil-qalb u b'ċerta konvinzjoni u dan huwa ta' ġid għall-istess kumpannija. Pero' ta' min jgħid ukoll li dan il-pass ma ġiex ikkonsidrat fit-tul u dan jista' jiġi kkonfermat mill-fatt li Malta ma pparteċipatx b'mod sħiħ fil-konferenza li organizzat il-WTO rigward il-liberalizzazzjoni tat-telekomunikazzjoni. Xi rrid ngħid? Irrid ngħid li ma jfissirx li biex wieħed ikun politiku tajjeb irid ikollu ideat fissi imma għandu jadattahom skond iċ-ċirkostanzi. Quddiemna għandna eżempju ħaj u hekk għandna nagħmlu meta fin-nofs hemm il-ġid għas-soċjeta' Maltija.
Issemma wkoll il-punt pożittiv tad-deregulation. Dan il-pass ma stajniex nevitawh jekk minn korporazzjoni ridna mmorru għal public liability company. Nixtieq niġbed l-attenzjoni ta' din il-Kamra għall-fatt li din il-liġi ddiskutejniha ftit xhur ilu u nista' ngħid li ħafna minnha ġiet ikkopjata mil-liġi li kienet ġiet ippreparata qabel l-elezzjoni ta' l-1996. Allura meta nara dawn l-iżbalji li saru u meta nisma' x'qed jingħad hawn ġew bilfors ikolli ngħid li kien ikun ferm aħjar kieku l-liġi m'għaddejnihiex b'dik l-għaġġla kollha tliet xhur ilu. Hawn naraw li meta wieħed ikun kostrett li jieħu ċerti passi fi żmien qasir għall-ġid nazzjonali forsi bla ma jrid iwettaq xi żbalji. M'iniex nirriferi għal dan l-aspett partikolari - mhux se taqa' d-dinja billi qed nemendaw din il-liġi - imma rrid nenfasizza li l-għaġġla qatt m'hi tajba, iktar u iktar meta nkunu qed niddiskutu liġijiet li jkunu se jaffettwaw lill-poplu in ġenerali.
Issemmiet ukoll il-WTDC u għalija kien sodisfazzjon kbir meta smajt lill-Onor. Mizzi jgħid lill-poplu Malti u Għawdxi kemm kienet ta' suċċess din il-konferenza. Kif diġa' semma' l-kollega tiegħi, l-Onor. Zammit Dimech, il-fatt li Malta ntgħażlet biex tospita din il-konferenza tant prestiġuża minnu nnifsu huwa ċertifikat għall-qabża kbira fil-kwalita' li seħħet fis-sistema tat-telekomunikazzjoni f'pajjiżna.
L-Onor. Mizzi tkellem dwar l-isponsorships u forsi dan huwa punt daqsxejn kontroversjali. Il-mod kif ġew handled l-isponsorships mill-Maltacom huwa diskutibbli u l-Onor. Mizzi jaf li dak li qed ngħid huwa minnu. Kien hemm kumpanniji u entitajiet kbar barranin ta' ċertu prestiġju li wrew it-tħassib tagħhom għall-mod kif ġew organizzati l-isponsorships għall-WTDC. (Interruzzjonijiet)
MADAM SPEAKER: L-Onor. Joe Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: Jien naċċertak li dak li qed tgħid huwa skorrett. (Interruzzjonijiet) L-ITU mxew proprju fuq dak li għamilna aħna għax is-sistema għoġbithom.
ONOR. JEFFREY PULLICINO ORLANDO: Jien naf u l-Onor. Mizzi jaf li kien hemm entitajiet prestiġjużi barranin - m'huwiex il-każ li nsemmihom bħalissa - li wrew it-tħassib tagħhom dwar kif tmexxiet l-iskema ta' l-isponsorships f'dan ir-rigward. Il-punt li rrid nagħmel huwa li forsi din kienet okkażjoni unika għal dan il-pajjiż u għalhekk għandna naraw li fil-futur inkunu nistgħu nittrattaw okkażjonijiet bħal dawn b'mod iktar sensittiv.
Kif qal l-Onor. Mizzi, l-ITU fissret li l-għan ewlieni ta' din il-konferenza kien li l-pajjiżi tat-tielet dinja jimxu 'l quddiem fil-qasam tat-telekomunikazzjoni. Din l-inizjattiva ta' min ifaħħarha, kif nixtieq infaħħar ukoll l-inizjattiva li semma s-Sur Tony Mejlaq, iċ-chairman tal-Maltacom, li aħna bħala pajjiż b'riżorsi limitati tagħna se nagħmlu li nistgħu biex nipprovaw ngħinu lill-pajjiżi tat-tielet dinja jimxu 'l quddiem f'dan il-qasam. Aħna nafu li fi ftit snin biss il-qasam tat-telekomunikazzjoni f'pajjiżna għamel qabża tremenda f'dik li hi kwalita' u allura forsi aktar nistgħu napprezzaw kemm din il-qabża tista' ttejjeb mhux biss il-ħajja ta' kuljum tal-poplu ta' dak il-pajjiż li jkun ikkonċernat imma anke l-ekonomija tiegħu. GĦax kif nafu llum il-ġurnata, l-ekonomija tal-pajjiż ma tistax timxi 'l quddiem jekk ma jkollhiex sistema ta' telekomunikazzjoni soda.
MADAM SPEAKER: Onorevoli, se jkolli ninterrompik għax sar il-ħin. Se tibqa' in possession?
ONOR. JEFFREY PULLICINO ORLANDO: Iva, nibqa' in possession. Grazzi.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Sar il-ħin. Nistieden lill-Ministru Mizzi biex, jekk jogħġbu, jressaq l-Aġġornament tal-Kamra.
Fid-9.00 p.m id-diskussjoni ġiet interrota u baqgħet aġġornata.


Yüklə 469,96 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin