Debates tal-kamra tad-deputati



Yüklə 469,96 Kb.
səhifə5/7
tarix16.12.2017
ölçüsü469,96 Kb.
#35012
1   2   3   4   5   6   7

AĠĠORNAMENT



ONOR. JOE MIZZI: Madam Speaker, nipproponi l-Aġġornament tal-Kamra għal nhar it-Tnejn, 6 ta' April, 1998 fis-6.00 p.m. b'din l-aġenda:
Ordnijiet tal-Ġurnata

Abbozz ta' Liġi dwar Brokers fl-Assigurazzjoni u Intermedjarji oħra - t-Tieni Qari (Kont.);


Abbozz ta' Liġi dwar il-Kummerċ ta' l-Assigurazzjoni - Kumitat (Kont.);
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar Dazju tas-Sisa (Emenda Nru 4) - t-Tieni Qari;

Abbozz ta’ Liġi dwar Taxxa Speċjali fuq Banek Kummerċjali – t-Tieni Qari;


Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar Taxxa tar-Reġistrazzjoni ta' Vetturi bil-Mutur (Emenda Nru 3) - t-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi dwar il-Forzi tal-Pulizija ta' Malta - t-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar il-Ħabs - it-Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda Diversi Liġijiet dwar it-Telekomunikazzjoni – t-Tieni Qari (Kont.);
Abbozz ta’ Liġi dwar is-Sigurta’ fl-Ajruportijiet u fl-Avjazzjoni Ċivili – t-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi dwar il-Protezzjoni Ċivili - t-Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Ordinanza dwar il-Pensjonijiet – it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi kontra l-Korruzzjoni - t-Tieni Qari (Kont);
Riżoluzzjoni tal-Kap ta' l-Oppożizzjoni dwar Malta u l-Unjoni Ewropea - Kontinwazzjoni.

--------------------


Abbozz ta' Liġi dwar Servizzi tat-Turiżmu għal Malta – Kumitat Permanenti.
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar Tribunal għal Talbiet Żgħar – Kumitat Permanenti.
MADAM SPEAKER: Rimarki? L-Onor. Maria Camilleri.
ONOR. MARIA CAMILLERI: Madam Speaker, kif jaf kulħadd fil-jiem li għaddew kien hawn dibattitu interessanti ħafna dwar is-sehem ta' Malta fl-Unjoni Ewropea. Għalija dan huwa proċess li għadu għaddej u li għadu ħaj. Minn dak li qed nisimgħu donnhom iż-żewġ naħat urew ix-xewqa li b'mod jew ieħor ikun hemm xi ċaqliq favur politika barranija waħdanija.
Madam Speaker, illum ma nixtieqx li noqgħod infettaq dwar dan, l-ewwelnett għax ma naħsibx li dan huwa kompitu tiegħi, u barra minn hekk lanqas naħseb li huwa l-waqt li niddiskutu dan is-suġġett. Biss irrid ngħid li waqt li qgħadt nisma' b'attenzjoni d-diskussjoni li kienet għaddejja l-ġimgħa l-oħra, laqtuni żewġ aspetti importanti ħafna u li kienu ġejjin miż-żewġ naħat tal-Kamra. Meta kont qed nisma' din id-diskussjoni fhimt li ż-żewġ partiti ħassew li d-dimensjoni u l-vokazzjoni Mediterranja ta' pajjiżna għandha tissaħħaħ u, aktar importanti minn hekk, li l-politika ta' newtralita' u non-allinjament ta' pajjiżna m'għadhiex toħloq dilemma, speċjalment għall-Oppożizzjoni meta tiġi biex titkellem dwar is-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea. Nafu li meta l-Awstrija ssieħbet fl-Unjoni Ewropea għamlet dan bil-patt u l-kondizzjoni li ma jitneħħilhiex il-prinċipju tan-newtralita'. U dan il-punt dwar in-newtralita' u non-allinjament iwassalni għas-suġġett tal-lum.
Illum, bħalma jaf kulħadd, ninsabu lejliet ġrajja importanti ħafna għall-poplu Malti u Għawdxi, għax għada l-31 ta' Marzu se nfakkru l-jum meta Malta kisbet il-ħelsien tagħha minn kull bażi militari. Din il-ġrajja, li seħħet dsatax-il sena ilu, ħafna minna għexniha u rajna taqlib sħiħ fl-istorja ta' pajjiżna. GĦalija din hija l-ġrajja ta' meta pajjiżna ħalef li jkun ħieles minn kull ħakma barranija, wara li għadda minn snin sħaħ ta' ħakma minn pajjiżi differenti. Imma mhux dan biss għaliex il-ħelsien ifisser ukoll li kull wieħed u waħda minna sfajna ħielsa intelletwalment u spiritwalment għax issa m'għandniex min jikkmandana. Kif nafu, pajjiżna għamel snin sħaħ bħala kolonja tal-Gvern Ingliż imma mbagħad wasalna għal dan il-jum meta l-poplu Malti u Għawdxi safa' ħieles u sar kmand tiegħu nnifsu.
Qed insemmi din il-ġrajja għaliex nemmen li bis-saħħa tagħha pajjiżna, li jinsab f'nofs il-Mediterran, għandu qagħda unika li tista' tgħin ħafna għaż-żamma tas-sliem f'dan ir-reġjun. F'dan il-kontest forsi hawn min qed jistaqsi: Issa x'għandha tkun il-politika barranija tagħna? U jien minn hawnhekk nixtieq inwieġeb li jkunu xi jkunu ċ-ċirkostanzi, sew jekk għada pitgħada nidħlu fl-Unjoni Ewropea, kif qed tipproponi l-Oppożizzjoni, u sew jekk iseħħ dak li jixtieq il-Gvern preżenti u naslu għal ftehim dwar żona ta' kummerċ ħieles, pajjiżna għandu jibqa' ħieles, newtrali u non-allinjat. Jien nemmen li din hija politika unika li tagħmel ġid mhux biss lill-ġnus li jinsabu fir-reġjun tal-Mediterran imma anke lil dawk Ewropej.
Nixtieq infakkar li din il-politika ta' non-allinjament kienet għenet sabiex fis-snin sebgħin jiżviluppaw u jikbru programmi ta' koperazzjoni ekonomika u bilaterali ma' pajjiżi ġirien tagħna, fosthom id-dinja GĦarbija. Kultant jiddispjaċini ngħid li meta nitkellmu dwar dak li għaddejna minnu matul dawn is-snin donnu ninsew li, meta Malta kienet tinsab fi kriżi ekonomika u Gvern Laburista rebaħ l-elezzjoni ta' l-1971, kien hemm pajjiżi ġirien tagħna, fosthom il-Libja, li tawna l-appoġġ kollu mhux biss morali imma anke finanzjarju. Dawn l-affarijiet għandna nsemmuhom għax huma parti mill-istorja ta' Malta.
B'dawn il-programmi Gvern Laburista rnexxielu jwassal lill-pajjiżi Ewropej għal għarfien siewi u wera' l-onesta' fil-politika barranija ta' Malta, li hija msejsa fuq in-newtralita' u n-non-allinjament. Dan l-għarfien jidher l-ewwelnett mill-koperazzjoni finanzjarja ma' l-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-protocol ma' l-Italja li għadu jgħodd sal-lum. Anke fis-snin sebgħin, il-Gvern Laburista kien qed jara kif se jindirrizza l-ftehim u l-għaqda ma' l-Unjoni Ewropea. Tajjeb li ngħid ukoll li fid-dibattitu li seħħ il-ġimgħa l-oħra, il-Kap ta' l-Oppożizzjoni qal li fil-fehma tiegħu l-Gvern Malti ta' l-1976 kien għaqli. Dan juri li l-Gvern ta' dak iż-żmien ma kienx jemmen fil-politika li sempliċement jiddobba xi ħaġa mill-Ewropa basta jkun hemm xi għamla ta' ftehim. Dan mhux qed ngħidu jien imma qalu l-Kap ta' l-Oppożizzjoni stess.
Huwa importanti li wieħed jirrifletti ftit dwar ir-relazzjonijiet barranin li kellna. Fost dawn nistgħu nsemmu r-relazzjonijiet maċ-Ċina u mal-Korea, li kienu minn ta' quddiem nett fir-relazzjonijiet bilaterali ma' pajjiżna. Nistgħu ngħidu li ċ-Ċiniżi baqgħu jgħożżu din il-ħbiberija u li minkejja li kien hemm żmenijiet meta l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ma kenitx taqbel ma' din il-kwalita' ta' politika barranija, din il-ħbiberija għadha teżisti sal-lum. Din hija r-realta' u għalhekk niskanta kif il-Kap ta' l-Oppożizzjoni qal li Gvern Laburista tas-snin sebgħin kien għaqli. Jekk wieħed ifittex fid-dibattiti li seħħew fl-aħħar tas-snin sebgħin u anke fil-bidu tas-snin tmenin isib li l-oppożizzjoni ta' dak iż-żmien dejjem uriet ċerta stmerrija lejn il-politika li kien iħaddan il-gvern u kemm-il darba ikkundannat il-politika li kien miexi biha l-Gvern Laburista ta' dak iż-żmien. Kultant jidħolli d-dubju u għalhekk nistaqsi: Fejn hija l-kredibbilta' ta' l-Oppożizzjoni? Dan li għadni kemm għidt ma qlajtux minn żniedi u wieħed jista' jmur ifittxu fid-dibattiti li hemm dokumentati biex jara eżattament x'kien jgħid il-Partit Nazzjonalista dak iż-żmien u x'inhu jgħid illum.
Gvern Laburista ħadem bis-sħiħ sa mis-snin sebgħin, u anke qabel, biex pajjiżna jħaddan politika newtrali u ta' non-allinjament sabiex ikollu status ta' pajjiż newtrali. Kultant issib min jgħidlek li Gvern Laburista ta' qabel is-snin sebgħin kien ifittex li Malta tingħaqad ma' l-Ingilterra. Din il-parti mill-istorja nafuha imma wieħed irid jistudja kif kienu ċ-ċirkostanzi f'dawk iż-żmenijiet. Tajjeb li wieħed jgħid li qabel ma Malta saret nazzjon, aħna bħala Maltin dejjem konna mmexxija mill-barrani. Jiddispjaċini ngħid li l-ftit Maltin li kienu jmexxu jew li kienu jippretendu li jmexxu, ma tantx kienu jħarsu lejn l-interessi tal-Maltin imma aktar kienu jħarsu lejn l-interessi tal-barrani. Fis-snin ħamsin, meta Malta kienet għadha kolonja, Gvern Laburista kien qal li jekk aħna qegħdin naqdu lill-Gvern Ingliż f'kollox allura jkun tajjeb li nissieħbu miegħu u nsiru parti mill-Ingilterra, bil-kondizzjoni li kull Malti jkollu l-istess kondizzjonijiet bħalma kellu l-Ingliż f'pajjiżu. Lill-Ingliżi din il-proposta ma għoġbithomx u kien għalhekk li saret dik il-famuża break with Britain resolution. Immedjatament wara Gvern Laburista kien qal li ladarba ma konniex wasalna b'dan il-mod, ridna naqbdu triq oħra, it-triq ta' l-indipendenza. Minn hemmhekk bdejna nagħmlu l-ewwel sisien lejn l-indipendenza u għalkemm l-ewwel fażi ta' l-indipendenza seħħet fl-1964, l-indipendenza totali seħħet fl-1979 meta l-Ingliżi telqu minn Malta u pajjiżna sar newtrali. Dak inhar konna ħlifna li ma nkomplux inkunu bażi tas-servizzi Ingliżi u lanqas tan-NATO. Kulħadd jaf li fis-snin sebgħin, l-Onor. Dom Mintoff, li dak iż-żmien kien prim ministru, kien qabad u tefa' lin-NATO 'l barra. Filwaqt li l-prinċipju tan-newtralita' huwa mniżżel fil-Kostituzzjoni tagħna, hemm żewġ ġrajjiet oħra li seħħew matul il-legislatura tal-Partit Nazzjonalista fil-gvern u dawn żgur ma jintesewx.
Sena wara l-Partit Nazzjonalista reġa' tela' fil-gvern, ried jinjora għal kollox dan il-prinċipju tan-newtralita' u aċċetta li tidħol l-HMS Ark Royal, li fuqha kien hemm armamenti nukleari. Aħna konna ħlifna li ladarba konna se nservu ta' pont ta' paċi ma ridniex dawn l-armi la f'pajjiżna u lanqas fil-Mediterran. Bis-saħħa tal-Partit Laburista sar l-imblokk tal-portijiet Maltin. Huwa tajjeb li dawn l-affarijiet infakkruhom għax b'hekk nuru kemm aħna konsistenti mhux biss f'dak li ngħidu imma anke f'dak li nagħmlu.
Kien hemm ġrajja oħra li kienet tmur kontra l-prinċipju tan-newtralita' u qed nirriferi għal meta l-Gvern Nazzjonalista ma onorax l-istatus ta' newtralita' u akkost ta' kollox ried jingħaqad mal-pajjiżi ta' l-Ewropa li huma fi ħdan l-Unjoni Ewropea, fl-eżerċizzju militari famuż tal-partnership for peace. Din hija xi ħaġa li minnha nnifisha tmur kontra ll-prinċipju ta' l-istess newtralita'. Il-Gvern Laburista għamel tajjeb li mill-għada stess li tela' fil-gvern tajjar għal kollox u neħħa lil Malta mil-lista tal-pajjiżi li jipparteċipaw fil-partnership for peace. Illum erġajna smajna lil min jitlob għal consensus dwar il-politika barranija. Huwa veru li fejn tidħol il-politika barranija ta' pajjiż żgħir bħal tagħna għandu jkun hemm għajta waħda, imma mbagħad jibda jiġik dubju jekk tistax tafda lill-Oppożizzjoni meta taf li din marret kontra l-aktar prinċipju sagrosant tan-newtralita'. Bejn il-kliem u l-fatti hemm baħar jikkumbatti u għalhekk wieħed irid jiżen sewwa l-affarijiet biex jara x'se tkun il-politika barranija.
Tajjeb li ngħidu hawnhekk li fid-dinja tal-lum il-ħbiberija tintwera l-ewwelnett minn min irid jgħinek. Nafu wkoll li l-veru ħbieb huma dawk li jiġu hawnhekk biex jinvestu, biex jagħmlu l-kummerċ u jkunu lesti jaqsmu miegħek dak kollu li għandhom. Din hija wkoll il-politika tagħna bħala gvern li rridu nixxerrdu max-xtut kollha tal-Mediterran. Ħafna drabi nibdew ngħidu li aħna Ewropej u aħna hekk u aħna hekk, imma naħseb li l-ewwelnett irridu ngħidu li aħna poplu Mediterranju qabel ma ngħidu li aħna poplu Ewropew jew poplu Afrikan. Bil-qagħda strateġika li għandha Malta, aħna nagħmlu parti mil-Ewropa daqskemm nagħmlu parti mill-Afrika. Il-Gvern Laburista dejjem sostna din il-pożizzjoni. Fil-fatt jekk wieħed iqalleb fid-dokumenti jsib li l-Gvern Laburista minn dejjem sostna l-pożizzjoni tiegħu biex tiżdied il-koperazzjoni u l-ħbiberija, mhux biss bejn il-ġens GĦarbi u l-Unjoni Ewropea imma anke bejn il-ġnus tal-Mediterran. Ladarba qegħdin insemmu din il-ħbiberija bejn il-ġnus tal-Mediterran u anke l-pajjiżi fi ħdan l-Unjoni Ewropea, wieħed ma jridx jinsa l-inizjattiva li ħadet Malta matul dawn is-snin sabiex flimkien ma' pajjiżi oħrajn tikkordina politika għal ftehim tekniku, ekonomiku u kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi li m'humiex membri tagħha sabiex ikun hemm aktar stabilita' fir-reġjun. Hawnhekk qed nirriferi għal Euro-Med process u nisperaw li din il-laqgħa, anke dik li seħħet hawn Malta, tkompli trendi l-frott sabiex f'dan ir-reġjun, speċjalment f'din il-parti tal-Mediterran, ikun hawn aktar paċi u kooperazzjoni bejn il-pajjiżi.
Gvern Laburista jemmen fil-ħtieġa tas-sliem fir-reġjun tal-Mediterran u allura se jibqa' jistinka biex pajjiżna ma jerġa' jkun qatt ċentru ta' gwerra imma jkun pont ta' paċi fil-Mediterran, bħalma dejjem sostna. Aħna hawnhekk irridu noqogħdu ferm u ferm attenti meta nitkellmu dwar il-politika barranija, speċjalment meta nitkellmu dwar l-Unjoni Ewropea, għax hemm aspetti politiċi li lilna jolqtuna ħafna mil-qrib. Per eżempju, aspett importanti ħafna li diġa' sħaqt ħafna fuqu huwa n-newtralita' u n-non-allinjament ta' pajjiżna li akkost ta' kollox irid jibqa' hemm. Aspett ieħor importanti huwa l-identita' u s-sovranita' ta' Malta. Aħna batejna biex sa fl-aħħar sirna nazzjon u jkun tajjeb għalhekk li naraw li din l-identita' u s-sovranita' li ksibna ma nitilfuhiex.
Aspett ieħor importanti ħafna huwa l-effett tas-sħubija fuq ir-relazzjonijiet barranin tagħna ma' pajjiżi oħrajn. Fejn se naslu fir-relazzjonijiet tagħna? Aħna se ninqatgħu ma' naħa waħda biss? X'se jiġri mill-parti l-oħra ta' l-Ewropa jew mill-parti t'isfel tal-Mediterran? Hemm imbagħad l-aspett ta' l-impatt tas-sħubija fuq id-dimensjoni u l-vokazzjoni Mediterranja tagħna. Kif diġa' għidt, ladarba Malta għandha din il-qagħda strateġika huwa importanti li tkompli taħdem għas-sliem. Jekk f'dan ir-reġjun iseħħu l-gwerrer u jkun hawn nuqqas ta' ftehim, l-ewwel ma jbati huwa pajjiżna u għalhekk huwa fl-interess tagħna li naraw li madwarna tinżamm il-paċi.
Aspett ieħor importanti huwa s-sehem ta' Malta f'fora internazzjonali u fost affarijiet oħrajn tajjeb li nkomplu nisħqu għas-sehem tagħna fil-Ġnus Magħquda u anke fil-Moviment tal-Pajjiżi Non-Allinjati. Huwa bżonjuż u importanti li nkomplu nagħtu l-kontribut tagħna f'dawn il-movimenti għax ladarba qed jddikjaraw li mhumiex allinjati jridu jibqgħu ħielsa minn kull ħakma barranija. Fl-imgħoddi l-istorja ta' pajjiżna kienet wisq marbuta mal-ġlied fil-Mediterran. Fis-sena 2000, jiġifieri fil-bidu tal-millennju l-ġdid, l-UNESCO se tiddedika l-ewwel sena ta' dan il-millennju għall-paċi. GĦalhekk inħoss li l-aħjar mod u l-aħjar kontribut kif il-poplu tagħna jista' jfakkar din is-sena, jiġifieri l-ftuħ ta' dan il-millennju bħala s-sena tal-paċi, hija billi nkabbru u nrawmu fost il-poplu tagħna l-fehma li l-politika tagħna ta' newtralita' hija maħsuba biex tkabbar il-paċi, speċjalment fir-reġjun tal-Mediterran.
Aħna rridu li pajjiżna jibqa' dejjem ħieles u jibqa' newtrali. Pajjiżna irid jaħdem aktar biex iġib il-paċi fost il-pajjiżi l-oħra. Irid jaħdem aktar biex ikabbar is-sigurta' tal-pajjiż u biex jiżdied il-progress soċjali tal-ġnus kollha speċjalment tal-ġirien tagħna fil-Mediterran. Huwa dmirna li nfehmu lill-poplu tagħna li jekk inkomplu bil-politika ta' non-allinjament, inkunu qegħdin inkabbru l-prospetti tal-paċi fil-Mediterran. Non-allinjament tfisser li ma jkollniex x'naqsmu ma' ebda alleanza militari u ma nħallux li pajjiżna jkun bażi militari tal-barrani u b'hekk ma nkunux nistgħu noffru l-faċilitajiet militari tagħna lill-ebda pajjiż barrani. Dawn huma l-prinċipji tal-politika u tan-non-allinjament.
Aħna inħossu li l-aħjar kontribut li nistgħu nagħtu għall-paċi huwa li l-poplu Malti u GĦawdxi jifhem aħjar dawn il-prinċipji, jissaħħaħ fihom u jiddikjara li jrid ikompli miexi fuqhom fil-ġejjieni, jiġifieri fis-seklu li ġej. Grazzi. Madam Speaker.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Sar il-ħin. Il-Kamra hija aġġornata għal nhar it-Tnejn, 6 ta' April fis-6.00 p.m. bl-agenda kif komunikata mil-Ministru Mizzi.
Fid-9.30 p.m. il-Kamra aġġornat mingħajr ma saret il-mistoqsija.

Yüklə 469,96 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin