ONOR. AUSTIN GATT: Illum m’għadhomx.
ONOR. TONIO BORG: Illum m’għadhomx, imma fl-antik kienu jippubblikaw ukoll l-ismijiet ta’ dawk li ma jivvotawx. Illum din m’għadhiex issir, u naħseb li hija ħaġa tajba, però hemm aċċess komplet tal-partiti għal min ikun ivvota u min ma jkunx ivvota. Per eżempju, meta tagħlaq il-polling station jien kont immur u niċċekkja, flimkien ma’ rappreżentant tal-Partit Laburista, il-voting documents ta’ dawk in-nies kollha li jkunu vvotaw. Min ma jivvotax ma jkollux il-voting document hemmhekk. Imbagħad isir it-tallying u wara mbagħad konna mmorru Ħal Far jew Ta’ Qali sabiex ngħoddu l-voti.
THE CHAIRMAN: Aktar rimarki? L-Onor. Joseph Muscat.
ONOR. JOSEPH MUSCAT (Kap tal-Oppożizzjoni): Għalissa se nillimita ruħi għall-mistoqsijiet dwar l-emendi min-naħa tal-gvern imbagħad għandna xi emendi aktar tard li nixtiequ nressqu. Dwar din il-proċedura li għadu kif semma l-Viċi Prim Ministru, qed nifhem sew li jista’ jkun hemm il-possibbiltà li jkun hemm żewġ dokumenti tal-vot printed ta’ persuna partikolari? Ejja nieħdu każ ta’ wieħed li jkun ħa l-ġurament l-Erbgħa u sa dakinhar ikun għadu ma rċeviex il-voting document. Dan imur jieħu l-ġurament għand il-Kummissjoni Elettorali jew fejn ikun il-post u dak il-ħin, ladarba jkun ħa l-ġurament, jipprintjawlu voting document. Dakinhar stess, b’kumbinazzjoni, il-Pulizija jkunu se jħabbtulu l-bieb u jħallu l-voting document tiegħu mal-mara, per eżempju. Allura dan se jispiċċa b’voting document li jkun ġabar mingħand il-Kummissjoni Elettorali u b’voting document ieħor li jkun wasallu d-dar? B’liema mod se jkun hemm assigurazzjoni li t-tieni vot se jkun inġabar?
THE CHAIRMAN: Il-Ministru Austin Gatt.
ONOR. AUSTIN GATT: Billi l-votazzjoni ssir sebat ijiem qabel il-ġurnata tal-votazzjoni, sa sebat ijiem qabel il-voti jkunu ġew ikkonsenjati kollha. Wara li jispiċċa t-tqassim ikun hemm perijodu għall-collection mill-għases, imbagħad wara li jispiċċa dak il-perijodu, jgħaddu għand il-Kummissjoni Elettorali. Jiġifieri l-possibbiltajiet huma li l-voting document jew ikun l-għassa, jew inkella jkun għand il-Kummissjoni Elettorali. Issa jekk, per eżempju, ikun għadu l-għassa, li jiġri, għal dik il-polling booth virtwali u l-voting document partikolari huwa sempliċement kif jiġri fil-każ tal-assistenti kummissjonarji. Per eżempju, Austin Gatt votes f’polling booth 6, għax mill-Belt, taqliblu l-polling booth u tieħu l-voting document eżistenti. Ma tipprintjax voting document ieħor. Fil-każ tal-assisenti kummissjonjarji ma jiġux ipprintjati voting documents oħra. Dawn ikollhom f’idejhom il-voting document oriġinali u jivvotaw bih. Billi l-allokazzjoni u l-assignment tal-assisenti kummissjonarji jsiru wara li jkunu bdew jitqassmu l-voting documents, ikollhom f’idejhom biss il-voting document oriġinali. Din hija ugwali perfettament għas-sistema preżenti.
THE CHAIRMAN: Aktar rimarki? L-Onor. Joseph Muscat.
ONOR JOSEPH MUSCAT: Sur President, nixtiequ nippreżentaw numru ta’ emendi min-naħa tal-Oppożizzjoni, però sakemm jitqassmu nixtieq nagħmel introduzzjoni qasira ħafna.
THE CHAIRMAN: Ippermettili ftit, Onor. Muscat. L-emendi huma addizzjonali ma’ dawn li hawn hawnhekk jew inkella huma fuq l-emenda għal klawsola 2 li ppreżenta l-Viċi Prim Ministru?
ONOR JOSEPH MUSCAT: L-emendi mhumiex għall-emenda li ppreżenta l-Viċi Prim Ministru imma huma fuq l-emenda oriġinali kollha kemm hi. Dawn huma new clauses.
THE CHAIRMAN: In-new clauses jiġu ppreżentati wara li tiġi ssetiljata d-diskussjoni fuq klawsola 2 u l-emenda. Però jekk hemm emenda għal klawsola 2, dik tista’ ssir f’dan l-istadju.
Rimarki? (Onor. Membri: No) Il-mistoqsija hija l-emenda kif imressqa u moqrija mill-Viċi Prim Ministru. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
L-emenda “A” għaddiet nem.com
THE CHAIRMAN: Il-mistoqsija hija klawsola 2 kif emendata. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Klawsola 2, kif emendata, għaddiet nem. con. u ġiet ordnata biex issir parti mill-Abbozz ta’ Liġi.
THE CHAIRMAN: Mela jekk hemm xi klawsoli ġodda tistgħu tressquhom f’dan il-mument qabel ma mmorru għal Klawsola 1. Rimarki? Il-Kap tal-Oppożizzjoni.
ONOR. JOSEPH MUSCAT: Sur President, din hija l-ewwel esperjenza tiegħi f’Kumitat tal-Kamra fil-Parlament nazzjonali u nista’ ngħid li fil-Parlament Ewropew konna nimxu kemmxejn differenti. Jiena hawnhekk nixtieq inressaq din l-emenda.
THE CHAIRMAN: Ippermettili ftit Onor. Muscat. Aħna diġà ivvotajna fuq Klawsola 2. Il-Viċi Prim Ministru.
ONOR. TONIO BORG: Sur President, din il-klawsola diġà għaddejnieha u allura ma tistax titressaq emenda fuq klawsola li għaddiet nem. con.
THE CHAIRMAN: Ippermettili ftit Onor. Tonio Borg. Il-kumment tiegħi kien f’dan is-sens, li jekk hemm emenda fuq Klawsola 2 jew fuq l-emenda li ressaq il-Viċi Prim Ministru, li diġà vvotajna fuqhom, dik l-emenda kellha titressaq qabel. Jekk hemm new clauses - u jien ġejt informat li kien hemm new clauses - dan huwa l-mument li nressquhom. Issa jew tiġi ppreżentata bħala new clause jew jekk hemm il-qbil bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra, nistgħu nerġgħu nagħmlu r-recommittal tagħha. Hemm qbil li mmorru għar-recommittal ta’ Klawsola 2? Onor. Tonio Borg, qiegħed nifhem tajjeb li hemm qbil li mmorru għar-recomnittal? Mela nsejjaħ lill-Kap tal-Oppożizzjoni.
ONOR. JOSEPH MUSCAT: Sur President, aħna qed ngħidu hekk:
“(B) Klawsola 2 għandha tiġi emendata kif ġej:
(a) Is-subartiklu (3A) tal-artikolu 77 kif propost, għandu jiġi emendat kif ġej:
(i) fil-paragrafu (a) tiegħu, minnufih wara l-kliem “mhijiex se tkun Malta fil-jum tal-votazzjoni” għandhom jidħlu l-kliem “u tipproduċi in korroborazzjoni biljett tal-ivvjaġġar validu bl-ajru jew bil-baħar, anke jekk f’forma elettronika”;
(ii) minnufih wara s-subparagrafu (ii) tal-paragrafu (b) tas-subartikolu (3A), għandu jiżdied subparagrafu ġdid enumerat (iii):
“(iii) għandha, fi żmien xahar mid-data tal-elezzjoni relattiva, tiġi korroborata bil-preżentata lill-Kummissjoni Elettorali tal-boarding pass rigwardanti l-vjaġġ indikat fid-dikjarazzjoni ġuramentata.”; u
(iii) minflok it-tieni proviso tal-paragrafu (ċ) tas-subartikolu (3A) kif emendat, għandu jidħol dan il-proviso li ġej:
“Iżda persuna li tkun għamlet dikjarazzjoni ġuramentata skont il-paragrafu (a) ma tistax tivvota ħlief fil-jum stabbilit sabiex persuni jivvotaw qabel il-jum tal-votazzjoni.”.
(B) Clause 2 shall be amended as follows:
(a) Subarticle (3A) of article 77 shall be amended as follows:
(i) in parargraph (a) thereof, immediately after the words “that he will not be in Malta on the day of the elections” there shall be added the words “and produces a valid ticket for air or sea travel, even if in electronic form, in corraboration”;
(ii) immediatlely after sub-paragraph (ii) of paragraph (b) of subarticle (3A) there shall be added the following new sub-paragraph numbered (iii)
“(iii) it shall be corraborated within one month from the date of the relative election by the presentation to the Electoral Commission of the boarding pass regarding the journey indicated in the sworn declaration.”; and
(iii) the second proviso to sub-paragraph (c) of subarticle (3A) shall be substituted by the following:
“Provided that a person who makes a sworn declaration in accordance with paragraph (a) shall not be entitled to vote except on the day established for persons to vote before polling day.”.
Għalissa se nikkummenta fuq dawn it-tliet punti li għadni kif semmejt. L-iskop ta’ dawn l-emendi huwa sabiex jiżgura s-serjetà. Aħna qed ngħidu li mhux billi se tmur tieħu ġurament u tgħid li mhux se tkun hawn Malta fil-jum tal-votazzjoni imma qed ngħidu li każ ġenwin m’għandu l-ebda problema biex flimkien mal-ġurament jipproduċi a printed version tal-biljett, anke tal-electronic ticket, u jkun hemm il-PNR number. Jiġifieri xejn ta’ barra minn hawn, imma xi ħaġa li tkun aktar ta’ assigurazzjoni li dak il-ġurament huwa ġenwin u mhux falz. Naħseb f’dan ikun tajjeb li ndaħħlu aktar serjetà u li dik il-persuna li m’għandha xejn x’taħbi tipproduċi din it-tip sempliċi ta’ evidenza. Qed ngħidu wkoll li l-persuna li se tieħu vantaġġ minn din il-possibbiltà għandha wara tipproduċi wkoll il-boarding pass li juri fil-verità jekk tkunx siefret jew le.
Fit-tielet emenda tagħna qed ngħidu li ma nistgħux noħolqu żewġ klassijiet ta’ votanti, fejn ikollok votant li jekk ma jivvotax dakinhar tal-elezzjoni jitlef il-jedd tal-vot filwaqt li jkollok votant ieħor li japplika biex jivvota ġimgħa qabel, jingħata dak il-jedd li jivvota ġimgħa qabel, imma xorta ma jmurx jivvota. U mbagħad wara li ma jkunx mar jivvota l-ġimgħa ta’ wara, dan il-votant xorta waħda jibqagħlu l-jedd li jmur jivvota. Bl-emenda mressqa mill-Prim Ministru stess, li llum reġa’ mhux qiegħed hawn, se jkollna nies li se jkollhom żewġ possibbiltajiet li jivvotaw, jew darba jew oħra, filwaqt li se jkollok persuni oħra, il-maġġoranza, li se jkollhom il-possibbiltà ta’ ġurnata biss sabiex jivvotaw. Aħna qed ngħidu li min ikun applika biex jivvota kmieni, jiġifieri biex jivvota minn ġimgħa qabel u ma jivvotax, jitlef dak il-jedd tal-vot kif jiġri fil-każ tal-assistenti kummissarji elettorali. Dawn in-nies jingħataw il-possibbiltà li jivvotaw ġurnata qabel, u jekk ma jivvotawx f’dik il-ġurnata ma jkunux jistgħu jivvotaw dakinhar tal-elezzjoni. Fl-opinjoni tiegħi hawnhekk qegħdin indaħħlu sens ta’ ġustizzja.
Sur President, qegħdin inressqu wkoll dawn l-emendi:
Klawsola 2 għandha tiġi rinumerata bħala subklawsola 2 (a) u minnufih wara subklawsola 2(a) għandha tidħol din is-subklawsola li ġejja:
“2(b) Il-paragrafu (a) tas-subartikolu (4) tal-artikolu 77 għandu jiġi emendat kif ġej:
(i) il-paragrafu (4)(a) għandu jiġi rinumerat bħala subparagrafu (4)(a)(i) u għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:
“(i) Minkejja kull dispożizzjoni oħra f’dan l-Att, kull membru tal-Kummissjoni Elettorali, kif ukoll kull min ikun ġie magħżul biex iservi bħala Assistent Kummissjonarju Elettorali, inkluż jekk ikun ġie magħżul bħala riżerva, għandu jitfa’ l-vot tiegħu fil-post indikat fis-subartikolu (3) (a) u għandu jagħmel dan fil-jum ta’ qabel il-jum tal-votazzjoni bejn is-7.00 a.m. u l-10.00 p.m.”; u
(ii) minnufih wara s-subparagrafu (4)(a)(i) għandu jidħol dan is-subparagrafu li ġej:
“(ii) Minkejja kull dispożizzjoni oħra f’dan l-Att, kull min ikun reġistrat bħala votant f’San Vincenz de Paule għandu jitfa’ l-vot tiegħu fil-post indikat fis-subartikolu (3) (b) u għandu jagħmel dan fil-jum ta’ qabel il-votazzjoni bejn is-7.00 a.m. u l-10.00 p.m.””.
Clause 2 shall be renumbered as subclause 2(b) and immediately after subclause 2(a) as renumbered, there shall be inserted the following subclause:
“2(b) Paragraph (4)(a) of article 77 shall be amended as follows:
(i) the present paragraph (4)(a) shall be renumbered as sub-paragraph (4)(a)(i) and shall be substituted by the following:
“(i) Notwithstanding any other provision of this Act, every member of the Electoral Commission, as well as any person chosen to serve as an Assistant Electoral Commissioner, including a person chosen as a substitute, shall cast his vote in the place indicated in subarticle (3)(a) and shall do so on the day immediately preceeding polling day between 7:00a.m. and 10:00p.m.”; and
(ii) immediately after the said sub-paragraph (4)(a)(i) there shall be added the following new sub-paragraph:
“(ii) Notwithstanding any other provision of this Act, any person registered as a voter at St. Vincent de Paule Hospital shall cast his vote at the place indicated in subarticle (3)(b) and shall do so on the day immediately preceeding polling day between 7:00a.m. and 10:00p.m.””.
L-ewwel emenda hija waħda sempliċi ħafna. Illum għandna sitwazzjoni fejn l-AECs jivvotaw ġurnata qabel imma l-membri tal-Kummissjoni Elettorali ma jistgħux jivvotaw ġurnata qabel. Għalhekk aħna qed ngħidu li dan il-jedd tal-vot ġurnata qabel, anke minħabba l-volum kbir ta’ xogħol li jkollhom dawn il-persuni, għandu jingħata lill-membri tal-Kummissjoni Elettorali. Fit-tieni emenda qed ngħidu li sabiex f’San Vinċenz de Paule, minkejja dak kollu li qal il-Viċi Prim Ministru - jiena nsostni l-istejjer li waslu u li se jibqgħu jaslu għala widnejna, speċjalment fl-għażla tal-istaff f’San Vinċenz dakinhar tal-elezzjonijiet - ikun hemm aktar sorvelja tal-proċess. Aħna li m’għandna xejn x’naħbu, u nittama li ħaddieħor m’għandux ukoll x’jaħbi, il-votazzjoni hemmhekk issir ġurnata qabel il-votazzjoni ħalli b’hekk ikun hemm aktar serħan il-moħħ f’dak kollu li għandu x’jaqsam mal-mod ta’ kif se tkun qiegħda titmexxa l-votazzjoni.
Sur President, aħna xtaqna li ressaqna emendi li għandhom x’jaqsmu mal-mod ta’ kif titmexxa s-sistema tal-Air Malta imma ma nistgħux inressquhom hawnhekk minħabba li ma jidħlux direttament taħt il-liġi, u dik hija xi ħaġa amministrattiva. Nittamaw li jkun hemm il-qbil fil-Kummissjoni Elettorali li s-sistema li għandha x’taqsam man-nies li jinġiebu minn barra fil-verità ma tibqax titmexxa minn kumpanniija tal-Istat, b’chairman li jgħid, jikteb - u nerġa’ ngħid li personalment, fil-konfront tiegħu m’għandi l-ebda problema ta’ xejn - u jikkonferma li hu membru tal-grupp ta’ strateġija ta’ partit politiku, li f’dan il-każ huwa l-Partit Nazzjonalista.
Min-naħa tagħna ma jista’ qatt ikollna l-fiduċja f’sistema li titmexxa mill-gvern u tkun taħt it-treġija ta’ xi ħadd li għandu rwol ċentrali fi ħdan il-Partit Nazzjonalista li huwa l-partit fil-gvern. Fuq din is-sistema tal-allokazzjoni ta’ seats għadna qed nistennew li jgħidulna minn fejn se jiġu l-flights u x’inhuma s-seat commitments. Per eżempju, se jkun hemm flight mil-Lussemburgu? Min se jkunu l-persuni li għandhom jinżammu responsabbli għal dan kollu? Aħna nistennew li jkollna dawn it-tip ta’ dettalji. Nittamaw li jkun hemm soluzzjoni u qbil - u se nkunu qegħdin nagħfsu - ħalli s-sistema titmexxa mill-Kummissjoni Elettorali u mhux mill-Air Malta.
Sur President, għalfejn qegħdin nieħdu din il-pożizzjoni ferma u soda? Qegħdin nagħmlu hekk għas-sempliċi raġuni li issa għaddiet aktar minn ġimgħa minn meta l-Viċi Prim Ministru u l-Prim Ministru ma setgħux jagħtuna assigurazzjoni li r-reġistru elettorali huwa korrett. Dawn ma jistgħux jagħtu assigurazzjoni li kull min ivvota fl-elezzjoni li għaddiet, jew li jista’ jivvota fl-elezzjonijiet li ġejjin, verament għandu d-dritt tal-vot. Għalina dawk huma assigurazzjonijiet kruċjali għad-demokrazija. Ma nistgħux nimxu b’attitudni immorali bħal din, fejn qed ngħidu lil min għandu verament id-dritt għal vot li l-vot tiegħu jiswa daqs il-vot ta’ min m’għandux dak id-dritt għal vot. Din hija inġustizzja mad-demokrazija u inġustizzja maċ-ċittadini!
Dawk huma l-emendi li nixtiequ nressqu min-naħa tagħna. Issa nħalli f’idejn l-Onor. Anġlu Farrugia sabiex iressaq emenda oħra li għandha x’taqsam mad-dokument tal-vot u mal-identity cards.
THE CHAIRMAN: Rimarki? L-Onor. Anġlu Farrugia.
ONOR. ANĠLU FARRUGIA: Sur President, se nressaq din l-emenda mmarkata “C” li tgħid hekk:
“(C) Fis-subklawsola 2(b) minnufih wara s-subparagrafu (4)(a)(ii) tal-artikolu 77 għandu jiżdied is-subparagrafu ġdid li ġej:
“(iii) Kull persuna li jkollha jedd tivvota f’elezzjoni ġenerali, f’elezzjoni għall-Parlament Ewropew jew f’elezzjoni għall-kunsilli lokali tista’ teżerċita dak id-dritt billi tmur f’kamra tal-votazzjoni speċifikata f’avviż maħruġ lilha mill-Kummissjoni Elettorali u hemm tippreżenta l-karta tal-identità tagħha lill-Assistenti Kummissjunarji li għandhom jivverifikaw l-identità tal-votant; u ħadd ma jitħalla jivvota kemm-il darba ma jurix il-karta tal-identità tiegħu lill-Assistenti Kummissjunarji.”.
“(C) In sub-clause 2(b) immediately after sub-paragragh (4)(a)(ii) there shall be added the following new sub-paragraph:
“(iii) Every person entitled to vote at a general election, at an election of members of the European Parliament or at a local council election, may exercise that right by going to the specified polling booth carrying a notice issued to him by the Electoral Commission and presenting his identity card to the Assistant Commissioners who shall verify the identity of the voter; and no person shall be allowed to vote unless he shows his identity card to the Assistant Commissioners.”.
Hawnhekk qed ngħidu li ma jibqax jiġi wżat aktar id-dokument tal-vot u l-persuna tkun tista’ tivvota billi tippreżenta l-karta tal-identità tagħha, liema karta tal-identità tkun waħda valida u mhux skaduta. Meta tiġi vverifikata l-identità tal-persuna ma’ dik il-karta tal-identità, il-persuna titħalla tivvota. Allura awtomatikament f’din l-emenda qegħdin ngħidu li kull fejn hemm riferenza fil-Kapitolu 354 tal-Att tal-Elezzjonijiet Ġenerali għad-dokument tal-votazzjoni din titħassar bl-emendi meħtieġa u minflok ngħidu li dik il-persuna li jkollha karta tal-identità valida f’pajjiżna.
THE CHAIRMAN: Aktar rimarki? Il-Ministru Austin Gatt.
ONOR. AUSTIN GATT: Sur President, l-ewwel,nett nixtieq ngħid li għandu jkollna ftit ordni fil-preżentazzjoni tal-emendi għax qiegħed ikun hemm ċerta diffikultà!
THE CHAIRMAN: Ministru, nassigurak li s-Sedja diġà tkellmet f’dan is-sens u nixtieq li kieku nkunu aktar ċari.
ONOR. AUSTIN GATT: Sur President, anke fejn jidħlu l-emendi ħafna drabi tagħmel differenza, imma se nimxi fuq il-bażi ta’ dak li smajna u se nipprova nimxi minn hemmhekk. Se nibda niddiskuti waħda waħda u se nibda minn wara. Jekk fhimt sew, l-emenda li ressaq l-Onor. Farrugia, apparti li m’iniex se noqgħod nidħol fid-dettal tagħha, nixtieq ngħid li m’hemm l-ebda kelma li tispeċifika x’inhu avviż fil-liġi elettorali. Il-konċett ta’ avviż ma jeżistix fil-liġi elettorali, jiġifieri qed nirreferu għal xi ħaġa li hija non-eżistenti. L-Onor. Farrugia qalli li din l-emenda kitibha issa u allura nifhem li ma kellux ċans jagħmel ir-riferenzi meħtieġa.
Issa ħalli mmur ftit lura u ngħid għaliex ma naqblux ma’ din l-emenda. Fl-1976 u fl-1981 il-votazzjonijiet ma kenux isiru kif isiru llum. Fl-1976 u fl-1981 konna nirċievu dokument tal-votazzjoni li kien sempliċiment karta bħal din li għandi quddiemi, bil-kulur differenti skont id-distrett, li fuqha jkollok ismek u l-identity card number, u din il-karta kont teħodha miegħek. Issa fuq din il-karta ma kellekx ritratt, u allura ma kenitx sigura. Kienet biss karta stampata u magħha kont tieħu l-identity card biex tivvota għax l-identity card dak iż-żmien - għalkemm forsi l-Kap tal-Oppożizzjoni ma jiftakarhiex għax għadu żgħir wisq, imma jien li għandi ċerta età niftakarha - ma kienet sigura xejn. Inti kont tiftaħha kif trid imma almenu kienet toffri xi tip ta’ identifikazzjoni għax kien ikollok ir-ritratt.
Tajjeb ngħidu li qabel l-1976 lanqas kellna identity cards. Fl-1981 użajnieha l-ewwel darba u hemmhekk kien hemm il-problema fejn stajt tbiddel faċilment id-dokument tal-votazzjoni, għax min jirċievi biċċa karta li jgħid li huwa Austin Gatt, jiena stajt nagħtiha lil Tonio Borg li seta’ imur biha, għax ma kien hemm l-ebda tqabbil ta’ xejn. Sussegwentement, fl-1981 morna nivvotaw bil-karta tal-identità u din kienet tinżamm mill-assistant commissioners u mbagħad wara l-elezzjoni, il-Kummissjoni terġa’ tibgħathielek lura.
Fl-1987 il-partiti, fi żmien gvern immexxi mill-Partit Laburista, qablu li s-sistema tal-identity cards mhijiex tajba u li kellna nissostitwuha b’sistema ta’ voting document li jkollu żewġ kondizzjonijiet fondamentali. L-ewwel li jkun dokument sigur u t-tieni li l-partiti jkollhom il-faċilità li jiċċekkjaw mhux biss il-printing u t-tqassim tal-voting documents imma saħansitra anke l-wasla u l-ħażna tal-karta li fuqha jsiru l-voting documents. Il-karta tal-voting documents hija a special security paper li tiġi ordnata minn barra, u l-partiti jmorru jarawha tasal l-ajruport, imbagħad jibagħtu l-aġenti tagħhom is-Central Bank fejn din tiġi stivata. Is-Central Bank għandhom dritt - u kien hemm żmien fejn kienu jħallu n-nies mal-kaxxaforti tas-Central Bank - li jaraw il-printing tiegħu.
Dan il-proċess li nbeda għall-ewwel darba fl-1987, issodisfa lil kulħadd, u sal-lum bqajna nużaw dan il-proċess, u jien m’għandi ebda dubju li għandu jinżamm. Jien ma naqbilx ma’ dak li qal l-Onor. Farrugia fuq punt ta’ prinċipju. Ma naqbilx għax waqt li l-voting document huwa responsabbiltà tal-Kummissjoni Elettorali u jiġi stampat fl-aħħar taħt is-solveljanza tal-partiti u mqassam taħt is-solveljanza tal-partiti, l-Onor. Farrugia forsi nesa’ li se nagħmlu l-validità dipendenti fuq il-kummissarju tal-Pulizija. Dan għaliex għalkemm fil-prattika l-karta tal-identità ssir mill-Kummissjoni Elettorali, l-issuer tal-karta tal-identità huwa l-kummissarju tal-Pulizija. L-ID card, bħala mezz ta’ identità, u aktar u aktar fi żmien meta se mmorru issa għall-biometrics, irid ikun bilfors responsabbilità tal-Istat. Huwa l-Istat li jiċċertifika li Austin Gatt huwa Austin Gatt u mhux il-Kummissjoni Elettorali, għax il-Kummissjoni għandha funzjoni elettorali. Mela l-ID card eventwalment xi darba trid tasal biex tkun biometrika wkoll. U l-agħar ħaġa li nistgħu nagħmlu biex nerġgħu indaħħlu l-insigurtà fil-proċess tal-votazzjoni hi li ngħidu li tista’ tivvota b’dokument maħruġ mill-Istat u mhux mill-Kummissjoni Elettorali.
Sur President, qed ngħid dan għax jien kont fil-pożizzjonijiet differenti. Jien, li mexxejt l-elezzjoni għall-Partit Nazzjonalista fl-1981, ma kelli l-ebda kontroll fuq min jista’ jivvota u ma jivvotax. Insa’ r-reġistru elettorali, imma jien ma kelli l-ebda kontroll fuq min qed joħroġ voting document u ma kelli l-ebda kontroll fuq l-ID cards. Persuna partikolari kellha sitt ID cards b’ismijiet differenti bl-istess ritratt tiegħu għax kienu joħorġu mill-Istat. Mas-segretarju ġenerali Marie Louise Coleiro - illum qiegħda hawnhekk u tiftakar żgur - qbilna li l-partiti jkollhom track sħiħ tal-proċess tal-voting documents u track sħiħ tal-valid papers. Dan ma kienx għadu fil-liġi dak iż-żmien, imbagħad daħħalnieha aħna meta għamilna liġi ġdida. Rigward valid papers kulħadd kien jgħid, għalkemm qatt ma ġiet approved fl-opinjoni tiegħi, li kien ikun hemm l-invalid papers fl-idejn u dawn jinbidlu. Meta l-partiti kellhom dawn iż-żewġ tracks kien assigurat li kellhom il-proċess taħt kontroll. Imbagħad kien hemm it-tielet waħda tal-assistent kummissarju, però dik ġiet wara l-1987. Jiena sinċerament nitlob lill-Onor. Farrugia jifhem li jekk immorru lura biex nissostitwixxu l-voting document b’ID card se nkunu qegħdin nagħmlu xi ħaġa li tneħħi l-kontroll fuq il-proċess.
Punt ieħor f’dan ir-rigward hu li jekk għandhom ħaġa tajba l-voting documents, din hija li dan mhuwiex dokument li nħareġ 10 snin qabel. L-ID cards, meta eventwalment immorru għal ID card elettronika biċ-chip, se tkun probabbilment valida għal 10 snin għax int għandek il-biometrika fl-ID card. Ir-ritratt huwa sekondarju, però se toħroġ ID card għal 10 snin, jiġifieri jien nista’ mmur nivvota b’ID card li ilha 10 snin iddur. Issa tagħmel kemm tagħmel dokumenti ta’ sigurtà, il-possibbiltà u probabbiltà ta’ falsifikazzjoni dejjem tibqa’. Hawn ġew f’din l-Kamra jintalbu ħafna garanziji li l-ID cards huma kollha sewwa u mhux counterfeit, però garanzija bħal din ħadd ma’ jista’ jagħtiha. L-Onor Farrugia almenu bħala pulizija żgur li qatt ma seta’ jagħti garanzija li m’għandna xejn counterfeit f’dan il-pajjiż, u allura int għandek numru ta’ ID cards li qed iduru hemm barra għax hemm il-possibbiltà li wieħed jista’ jiffalsifika. Li għandu aħjar il-voting document mill-ID card hu li jiġi stampat biss erba’ ġimgħat qabel ma ssir l-elezzjoni, u l-fatt li għandu security paper li taf biha biss il-Kummissjoni, li ġabitha biss hi, u li qiegħda taħt għajnejn il-partiti politiċi, ikompli dejjem jagħmilha ħafna aktar diffiċli biex int tiffalsifika l-voting document.
Minħabba dawn ir-raġunijiet jien ma nara assolutament l-ebda skop għaliex għandna nbiddlu s-sistema li mill-1987 sal-lum ħadmet perfettament u li ż-żewġ partiti huma sodisfatti biha. Qatt ma kien hemm ilment wieħed miż-żewġ partiti dwar kif issir, u allura m’hemmx skop li issa u f’daqqa waħda nbiddlu dan kollu biex immorru lura għal xi ħaġa li kienet ipprattikata sal-1981, ma ntużatx iżjed, u tneħħiet mill-liġi bi qbil miż-żewġ partiti. Dan qed ngħidu għax waħda mill-emendi li qed isemmi l-Onor. Farrugia hi li jrid ikollok a valid ID card. Din lanqas fil-liġi l-antika ma kienet. Stajt tmur tivvota fl-1981 b’ID card li kienet skaduta li ovvjament ma tagħmilx sens għax jew għandek ID card valida..... (Interruzzjonijiet) Jekk hi skaduta, teknikament you are an unknown person, li ma jagħmilx sens fis-sens elettorali. Jista’ jkun li huwa an unknown person għal raġunijiet ċivili, però li tgħidli li min skadietlu l-ID card m’għandux dritt jivvota, sinċerament għalija ma tagħmilx sens.
Issa nixtieq ngħid xi ħaġa dwar iż-żewġ emendi ġodda li ressaq il-Kap tal-Oppożizzjoni. L-ewwel waħda fejn qed jagħti lill-Kummissjoni Elettorali d-dritt li jivvutaw ġurnata qabel flimkien ma’ l-assistant commissioners m’hemm assolutament l-ebda problema minn din in-naħa. Nistgħu nagħmluha. M’għandna problema ta’ xejn. L-emenda l-oħra jien m’għandi xejn kontra tagħha u hemmhekk irridu naslu, però hemm żball fundamentali u ma nistgħux nikkoreġuh illum. Id-dritt li int tivvota fil-postijiet tal-anzjani mhux dritt biss ta’ San Vinċenż de Paule, huwa dritt ta’ kull retirement home li għandha aktar minn 50 persuna. Huwa l-artiklu 80 li se naqra:
“For the purposes of this Part, "a retirement home" means retirement home, such place or places principally used for the care of elderly persons in which at least fifty voters reside.”.
Imbagħad hemm numru ta’ provisions oħra applikabbli biss għall-gvern, parti applikabbli għal private u government homes, però kull retirement home li għandha aktar minn 50 persuna tista’ tapplika biex tivvota hemmhekk. Fir-realtà s’issa qatt ħadd m’applika, biex inkunu ċari, però hemm retirement homes f’dan il-pajjiż li għandhom aktar minn 50, u jekk iridu jistgħu japplikaw għal din. Il-problema għalija hi kif inhi drafted l-emenda. Din trid ħafna u ħafna aktar illimar milli nistgħu nagħmlu llum hawnhekk, għax irridu nagħmlu cross reference mhux biss għal din il-parti imma anke għall-partijiet li għandna tal-voting documents, għax trid tapplika mbagħad l-istess regolamenti tal-voting documents hemmhekk, u għandek numru ta’ provisions oħra li jolqtu l-voting retirement homes li ma tistax sempliċiment issolvihom f’dan l-istadju. Biex niftiehmu, hija biss problema teknika li nistgħu nsolvuha fil-committee stage u nibqgħu għaddejjin biha darb’oħra. Però ma tagħmel l-ebda differenza jekk jivvutaw ġurnata qabel jew le.
Rigward in-numru ta’ emendi tal-artiklu li ġie recommitted jien ma naqbilx mar-raġunar tal-Oppożizzjoni. Ħa nibda bi ftit lura. Jien kont immexxi l-elezzjoni tal-Partit Nazzjonalista meta l-Kummissjoni Elettorali taħt liġi differenti kellha dritt sal-aħħar ġurnata tal-votazzjoni li mhux biss ittajjar lin-nies mingħajr dritt tal-appell mir-reġistru elettorali – u tajret nies tafux – imma li teħdilhom il-voting documents. Jien niftakar li fl-1987, il-ġurnata ta’ qabel l-elezzjoni, jitilgħu żewġ assistant commissioners partikolari - issa mhux se noqgħod ngħid min huma - l-Imġarr, jidħlu f’mill-inqas 40 dar, u kumbinazzjoni nzertaw 40 dar kollha ta’ familji Nazzjonalisti, u jieħu l-voting documents minn idejn votanti bl-iskuża li dawn kienu raw psikjatra u allura mhumiex mentally capable! Din ġrat - mhux qed nivvinta - bħalma ġraw diversi każi fix-Xewkija Għawdex. Fl-1981 kien hemm ħafna iktar. Fl-1981 f’San Vinċenz ħadu madwar 170 vot fit-tlett ijiem ta’ qabel għax il-liġi dak iż-żmien kienet diskrezzjonarja, u l-election commissioners setgħu jagħmlu li jridu.
Meta ġejna biex nemendaw il-liġi ħadna deċiżjoni li ħadu diversi pajjiżi u daħħalna dak li jgħidulu l-closed register fejn kull ċittadin Malti, apparti l-partiti, għandhom kull dritt jeżaminaw ir-reġistru elettorali u għandhom kull dritt jappellaw kontra l-inklużjoni ta’ kull isem. Jekk il-Kumissjoni Elettorali jew xi ħaddieħor jippretendi li Austin Gatt għandu jinqata’, allura Austin Gatt għandu dritt jiddefendi ruħu, mhux kif kienet qabel. Però sa ċerta ġurnata qabel l-elezzjoni r-reġistru jiġi closed, immaterjalment jekk hux tajjeb, ħażin jew hemmx nies li għandhom il-kwalifika kostituzzjonali. Mhux m’għandhomx dritt tal-vot, għax id-dritt tal-vot jagħtihulek ir-reġistru bil-liġi tagħna. Jekk hemm xi persuna mill-kwart ta’ miljun li m’għandhiex l-erba’ kwalifiki li tipprovdi l-Kostituzzjoni, tajjeb jew ħażin, għandek linja li taqta’, u hekk għandu jkun. Jien nibqa’ ngħid li hekk għandu jkun għax dak biss jagħti ċ-ċertezza lill-partiti politiċi li jkunu jafu min se jivvota.
Jekk se nibqgħu b’din l-illużjoni li se jkollna reġistru elettorali 100% inkluż kull min għandu dritt tal-vot, noqgħodu attenti mhux biss għal min kien fir-reġistru u forsi tilef il-kwalifiki u ħadd ma jaf bih, imma anke għal min għandu l-kwalifiki u mhuwiex fir-reġistru elettorali, għax kultant jinqalgħu każi ta’ nies li jinqabżu jew ta’ nies li jinqatgħu bi żball u ma jappellawx. Fl-aħħar elezzjoni kellna anke nies li tajruhom mir-reġistru elettorali, ma tawx kas li jappellaw, imbagħad fl-aħħar ittendew li m’għandhomx vot u kellna nagħmlu rikors. Wieħed minnhom sar fl-aħħar ġurnata tar-rikorsi, fejn persuna li kienet ilha hawn Malta sentejn kienet inqatgħet mir-reġistru elettorali qabel, ma kenitx tat kas, u fl-aħħar ittendiet li hawn elezzjoni u ma rċevietx voting document. Dan fil-ġurnata ta’ qabel l-elezzjoni, fl-aħħar ġurnata meta stajna nagħmlu rikorsi!
Mr. Chairman, issa forsi wieħed jista’ jgħidli: Din hi l-perfezzjoni? Dażgur li mhijiex il-perfezzjoni! Daqskemm hemm il-perfezzjoni l-Ingilterra, biex nuża eżempju wieħed, għax nista’ nuża l-pajjiżi kollha, fejn tmur tivvota bla identifikazzjoni. L-Ingilterra tmur tgħidlu li jiena Austin Gatt, u jekk qiegħed fuq il-lista, qiegħed fuq il-lista. L-Amerika tista’ faċilment tirreġistra f’20 post bil-metodu ta’ reġistrazzjoni li għandhom huma. Jiġifieri ebda pajjiż fid-dinja m’għandu la reġistru perfett u lanqas sistemi perfetti, għax min-natura tagħhom, la huma liġijiet, la huma reġistri u lanqas huma sistemi perfetti. Ir-reġistru tagħna ħaġa waħda għandu, il-preżenza kontinwa tal-partiti politiċi.
Dan jagħti iktar minn kull pajjiż Ewropew ieħor il-faċilità lill-partiti li l-iktar għandhom interess li jikkontrollaw il-possibbiltà ta’ abbuż, u jekk irridu nkunu onesti u mhux nilagħbu għall-gallarija rridu nammettu li m’hemmx sistema aħjar minn din. Din hija l-unika sistema li sabu l-Iżrael fejn hemm akkanitiżmu politiku iktar minna u fejn fil-parlament hemm bejn 20 u 25 partit. Issa hemmhekk għandhom problema ikbar minn tagħna għax is-sistema elettorali tagħhom hija nationwide. Il-kwota tagħhom hija one over 66, u bi ftit voti tiġi rappreżentat fil-parlament, u għalhekk trid toqgħod iktar attent li ma jilagħbulekx bil-voti. Hemmhekk ma jistgħux jagħmlu elezzjoni amministrattivament. Hemmhekk l-elezzjoni ddum sitt xhur, għax il-partiti tant jikkontrollaw kull pass kif nagħmlu hawn Malta, imma b’elettorat ikbar u partiti iktar, li l-perijodu taż-żmien jitwal.
Mr Chairman, għaliex qed ngħid dan? Għax jiena dejjem ispirajt, kont l-arkitett ta’ dawn l-elezzjonijiet. Jiena mhux biss mexxejt il-Partit Nazzjonalista f’diversi elezzjonijiet. Tlift ukoll, però kien hemm waħda photo finish u kien hemm waħda tkaxkira, però kont intimament involut u ktibt ħafna mill-partijiet ta’ din il-liġi. Din il-liġi mhijiex pefetta. Din hija liġi mfassla fuq dak li jiena u l-Onor. Marie Louise Coleiro Preca, li dak iż-żmien qabel l-1987 kienet segretarja ġenerali tal-Partit Laburista, ipprovajna nagħmlu għall-elezzjoni tal-1987, cioè li għall-ewwel darba l-partiti jkunu fuq livell ugwali. Kien minn hemm ‘il quddiem li nista’ ngħid żgur li fl-elezzjonijiet il-partiti kellhom aċċess għal kollox u anke bejn l-elezzjonijiet.
Issa naħseb li wasalna fil-punt fejn irridu nibdew naħsbu għall-affarijiet differenti. Illum pajjiżna ma jistax jibqa’ jiddependi fuq il-prinċipju tal-kontroll. Nixtieq naslu xi darba, mhux qed ngħid f’din l-elezzjoni. Imma għandna nibdew naħsbu fuq elezzjonijiet li min għandu dritt tal-vot jista’ jivvota bil-computer mid-dar bl-internet? Lesti nafdaw security softwares li jeżistu? M’hemmx diffikultà biex tivvota bis-sistema tagħna. L-Irlanda għandhom l-istess sistema tagħna, proportional representation transferrable vote, u vvotaw permezz ta’ electronic voting machines. L-Isvezja jivvotaw mid-dar, tidħol fl-internet u tivvota. Aħna l-uniku pajjiż fl-Ewropa fejn m’għandniex postal voting. Ma nafdawx, din hija l-verità!
Mr Chairman, wasalna bħala partiti biex nagħmlu l-qabża li nibdew nafdaw? Nifhem id-diffikultà f’elezzjoni li tintrebaħ b’madwar 1,400 vot, kull vot jgħodd, u m’għandi ebda dubju li dan huwa l-każ. Qegħdin fis-sitwazzjoni fejn we leverage it-teknoloġija u niftħu l-bażi tagħna għal iktar parteċipazzjoni demokratika? Din hija l-vera domanda! Għalhekk ma naqbilx mal-emendi fuq il-klawsola li ġiet recommitted għax l-intenzjoni hija biex tagħlaq. L-intenzjoni hi li lilek ma nafdakx li tieħu ġurament, int giddieb, ġibli t-ticket għax ma nemmnekx! Issa mhux billi ġġibli t-ticket, imma wara ġibli wkoll li mort, għax il-Kap tal-Oppożizzjoni ġustament qal bħala fatt li dan se jkollu darbtejn ċans biex jivvota, u allura ejja nagħtuh wieħed mhux tnejn. Se mai nirraġuna bil-kontra. Agħti lill-oħrajn darbtejn. Mhux din għandha tkun id-demokrazija, il-faċilità li kulħadd jivvota kemm jista’ jkun taħt il-kontrolli stretti? Aħna għandna nkunu pajjiż fejn jagħlaq in-nies tiegħu għax ma jafdahomx jew għandna nkunu pajjiż li soġġett li l-partiti jikkontrollaw il-proċess kollu?
Illum xtaqt li kien hawn l-Onor. Michael Falzon għax hu kien il-counterpart tiegħi li bena l-magna elettorali tal-Partit Laburista. Xtaqt li kien hawn u jgħid jekk il-partiti jikkontrollawx sodisfaċentement il-proċess elettorali. Dwar ir-reġistru elettorali, naħseb li l-Kap tal-Oppożizzjoni u l-Onor. Farrugia jiftakru kemm ġejna kkritikati ż-żewġ partiti għax konna nagħmlu mijiet ta’ rikorsi. Tant ġejna kkritikati t-tnejn, kemm aħna kif ukoll intom, li l-public pressure qatgħet ir-rikorsi li konna nagħmlu. Din hija l-verità! Bqajna nagħmluhom, intom bqajtu żgur. Mela insejt meta qlibtu dawk in-nies mir-Rabat għall-Munxar biex tirbħu l-elezzjoni tal-kunsill lokali tal-Munxar?! Għadna nagħmluhom it-tnejn li aħna! Meta jkollna bżonn, it-tnejn nagħmluhom, però m’għadniex nagħmlu l-eluf!
Sirna naqra aktar selective biex ma nagħtux wisq f’għajn in-nies, it-tnejn li aħna! Fil-magni elettorali tagħna ma nimxux daqshekk differenti. Il-magni elettorali tagħna, għal min jaf kif jaħdmu, jimxu ħafna l-istess, u allura r-raġuni għaliex se nivvotaw kontra l-emenda għall-klawsola recommitted hija propriju din. Irridu nħasru lejn l-elezzjonijiet bħala opportunità ta’ demokrazija, u kif qed iħares il-Partit Nazzjonalista ’l quddiem hu li jkabbar din l-opportunità, mhux inaqqasha jew irażżanha. Ċertament ma naqblux mas-suġġeriment li jivvota biss min iħallas it-taxxa. Dik żgur m’intix se ssibna miegħek! Assolutament lanqas nikkonsidrawha, għax hija l-aktar proposta retrograda li qatt tista’ ssir. L-aħħar żmien meta konna nivvotaw skont il-poter tal-but kien meta kellna s-senat, u kienu jikkwalifikaw għalih min kellu ċertu renta, kera fuq il-propjetà, jew jirċievi jew iħallas. Żgur li ma rridux immorru għal dak iż-żmien! Żgur ma rridux nneħħu d-dritt għall-vot lil min ma jħallasx it-taxxa, lill-eluf ta’ pensjonanti, ta’ żgħażagħ, ta’ ħaddiema li ma jħallsux it-taxxa għax ma jikkwalifikawx biex iħallsu t-taxxa. Allura din hija domanda, u minflok jien nisma’ … (Interruzzjonijiet) Dażgur li l-istess! (Interruzzjonijiet). Jien smajt il-proposta ….
Dostları ilə paylaş: |