ONOR. GUIDO DE MARCO (Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l- Affarijiet Barranin: Sur President, jiena segwejt dak li qal il-kollega tagħna l-Onor. Mintoff.
Rigward il-kwestjoni tal- Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ta' Strasbourg, ma kien hemm l-ebda maġġoranza ta' żewġ terzi f'affarijiet oħrajn bħal dawn u dan il-kontest ma nafx għalfejn daħal għax ma kellu x'jaqsam xejn. Meta aħna għamilna l-liġi biex tajna effett għal dak li hemm fil- Konvenzjoni tad-Drittijiet tal- Bniedem, ma kellha l-ebda bżonn tal-maġġoranza taż-żewġ terzi. (Interruzzjonijiet) Qed ngħid għal dak li jirrigwarda l-Qorti għad-drittijiet tal-bniedem, ir-right of individual petition, li ġiet preżentata fit-3 ta' Mejju, 1987 proprju fl-aħħar ġranet ta' l- Amministrazzjoni Laburista.
Sur President, meta aħna għamilna l-Konvenzjoni bħala parti mill-liġijiet ta' pajjiżna - l-ewwel Att li għadda dan il-Parlament - ma kienx hemm bżonn iż-żewġ terzi. Voldieri d-due terzi għal dak li jirrigwarda t-tribunal tad- drittijiet tal-bniedem ta' Strasbourg qiegħed nagħmilha ċara li ma kien hemm xejn minn dan kollu. Jien ma semmejtx it-Tribunal ta' Strasbourg għax huwa simili għat-Tribunal tas- Sacra Romana Rota imma sempliċement peress li l-Onor. Mintoff semma' l-fatt jekk għandniex noqogħdu għat- tribunali ta' barra.
Meta aħna qegħdin naċċettaw il-ġurisdizzjoni anke abbażi tad-dritt ta' petizzjoni individwali, inkluż il- jurisdiction tal-Court of Human Rights - u kulħadd hawn ġew f'dan il-kontest orgoljuż biha - qegħdin naċċettaw tribunal internazzjonali li għandu f'ċertu kontest ġurisdizzjoni hawn Malta, anzi superjuri għax tappella mid-deċiżjonijiet tal- Qorti Kostituzzjonali ta' Malta stess. Dan qed ngħidu għall- preċiżjoni tal-fatti u mhux biex nikkontesta dak li qal l- Onor. Mintoff. Din hija s- sitwazzjoni. Voldieri ma kienx hemm kwestjoni ta' maġġoranza tad-due terzi u għamilt il- paragun mhux għax il-fatt li tribunal barrani fih innifsu huwa ħażin - fih innifsu jista' jkun tajjeb u jista' jkun ħażin - imma għax huwa fatt newtru u biex nippreċiża dan il-punt.
It-tieni punt li nixtieq nagħmel huwa dan. Meta nitkellmu dwar it-Tribunali Ekklesjastiċi aħna nirreferu għal dawk li għażlu biex jiżżewġu skond ir-ritwal tal- Knisja Kattolika u mhux għal min ma jridx. Min ma jridx li jiżżewwġ bil-Knisja jaqa' biss taħt it-Tribunali tal-Qrati ta' Malta. Min irid jagħżel li jiżżewweġ bis-sistema reliġjuża - u dik hija għażla tiegħu u m'hija imposta fuq ħadd jekk jiżżewwiġx ċivilment jew reliġjożament - meta jiġi għall-annullament qed jagħżel ukoll is-sistema ta' annullament stabbilita mil-Liġi Kanonika. Aħna qegħdin nagħtu liċ-ċittadin Malti li għamel dik l-għażla, id-dritt li jkollu l-għażla tiegħu anke għal dak li jiggverna l- annullament eventwali taż-żwieġ tiegħu, la iżjed u lanqas inqas. Anzi qed immorru 'l hemm minn hekk għax forsi dan il-fatt lanqas spjegajtu tajjeb biżżejjed fis-seduta li għadha kemm għaddiet. Peress li għalina s-sovranita' ta' l- Istat Malti hija wkoll determinanti, dik id-deċiżjoni, kemm jekk tkun taż-żewġ tribunali li hawn f'Malta kif ukoll kemm jekk tkun deċiżjoni tas-Sagra Romana Rota, mhijiex biżżejjed għall-Qrati ta' Malta, voldieri għall-Istat Malti. Biex id-deċiżjoni jkollha effett quddiem l-Istat Malti, dik id-deċiżjoni trid tgħaddi minn ċerti proċeduri stabbiliti mill-Qorti ta' l- Appell ta' pajjiżna. Mela allura din l-interpretazzjoni li qed tingħad - bir-rispett kollu lejn min qed jgħidha - ma naqbilx magħha għal raġunijiet li qed nipprova nispjega.
It-tielet ħaġa li rrid ngħid hija li hawnhekk issemmiet ukoll il-kwestjoni dwar l- interpretazzjoni li ngħatat riċentement għall-emendi li saru fuq il-konkordat bejn l- Italja u l-Istat tal-Vatikan.
Kif qal tajjeb l-Onor. Mintoff, din kienet tinkorpora aspetti sħaħ tar-relazzjonijiet bejn stat u knisja u huwa dan il-konkordat li f'ċertu kontest irrikonoxxa l-eżistenza ta' l- Istat tal-Vatikan. Għaliex kif ċertament l-Onor. Mintoff igħallimna lkoll, kien b'riżultat ta' l-ewwel konkordat - li jekk ma niżbaljax sar fl-1929 - li nħoloq l-Istat tal-Vatikan u l- hekk imsejħa kwestjoni Rumana ġiet riżolta.
Biex niġu għall-parti li għandha x'taqsam maż-żwieġ, il- Qrati tal-Knisja kellhom il- ġurisdizzjoni esklussiva fuq iż-żwiġijiet kattoliċi ċelebrati skond ir-rit tal- Knisja Kattolika. Wara li t- trattat ġie emendat waqt il- presidenza ta' Craxi jidher li din in-nozzjoni ta' l-esklussivita' ma ġietx riaffermata u minħabba f'hekk f'Diċembru li għadda ttieħedet id-deċiżjoni - li issa hemm appell minnha - li l-Qrati Taljani jirrikonoxxu l- annullamenti mogħtija mit- Tribunal Ekkleżjastiċi pero' jikkontestaw l-esklussivita' li għandhom it-Tribunali Ekkleżjastiċi biex jiddeterminaw dan. Voldieri din hija, għallinqas s'issa, is-sentenza mogħtija mill-Qorti Taljana li saret referenza għaliha.
Irrid ngħid li f'din il- Kamra, partikolarment mill- Onor. Karmenu Mifsud Bonniċi, saret argumentazzjoni interessanti ħafna. F'ċertu kontest, anke aħna kellna diskussjonijiet sħaħ ma' rappreżentant tas-Santa Sede u ma' l-Isqfijiet ta' Malta dwar din l-esklussivita' li kienet toħroġ mill-konkordat ta' l- 1929 u li donnu ma toħroġx ċara fi żmien il-presidenza ta' Craxi. Aħna sostnejna li jekk iż-żewġ partijiet - allavolja huma riedu jiċċelebraw iż-żwieġ tagħhom bis-sistema tar-rit Kattoliku - ikunu jridu li l- kwestjoni tan-nullita' tagħhom tiġi determinata mill-Qrati Ċivili u mhux mill-Qrati Ekklesjastiċi, dawn xorta għandhom id-dritt li jmorru quddiem il-Qrati Ċivili.
F'dan il-kontest aħna ġejna kkritikati mhux f'sens negattiv imma f'sens ta' loġiċita' mill- Onor. Karmenu Mifsud Bonnici u jekk ma niżbaljax minn xi kollega ieħor. Dawn qed igħidu li jekk aħna se nirrikonoxxu l- effetti ċivili taż-żwieġ Kattoliku, in teoria għandna nibqgħu mexjin b'dak il-ħsieb u nagħtu l-esklussivita'. Aħna għidna li rigward l-annullament, m'għandniex nagħtu l- esklussivita' jekk iż-żewġ partijiet - għalkemm ikunu għażlu li jiżżewġu skond it- tagħlim tal-Knisja Kattolika - jagħżlu li l-kwestjoni għandha tiġi determinata fil-Qrati Ċivili. Aħna ma nistgħux ngħidulhom li l-Qrati Ċivili m'għandhomx ġurisdizzjoni biex jiddeterminaw. Effettivament qed ngħidu dan għax jidher li huwa għaqli li jkollna l-ideat preċiżi.
L-Onor. Mintoff qed iħares lejn l-effetti tad-divorzju u l-effetti ta' l-annullament. Għalkemm dawn l-effetti jistgħu jkunu l-istess, hemm xi raġunijiet li minħabba fihom mhumiex l-istess. Per eżempju, tfal imweldin minn żwieġ li jiġi dikjarat null għandhom jikkonservaw id-drittijiet kollha tagħhom quddiem għajnejn l-Istat. Dawn it-tfal jissejħu tfal putattivi. F'każ ta' divorzju - li s'issa f'Malta m'għandniex - din il-kwestjoni ma tqumx. Il-kwestjoni tad- divorzju għandha konċett differenti għax minħabba xi raġunijiet raġel u mara jindunaw li ma jistgħux jibqgħu jgħixu flimkien wara ż-żwieġ. Meta t-Tribunal Ċivili u t- Tribunal Ekklesjastiku jiġu biex jiddeterminaw annullament - kif hemm stabbilit fil-liġi ta' l-1975 - ... Ir-raġunijiet ta' l-annullament huma raġunijiet speċifiċi li jirrigwardaw - ħlief il- kwestjoni tar-rato et non consummato - il-fatt li l- volonta' tal-konjuġi fil-mument taż-żwieġ kienet b'xi mod effett għat-tenur tal-liġi.
Mela allura din mhijiex kwestjoni fejn il-partijiet wara ż-żwieġ ma qablux u jkomplu jabitaw flimkien u jridu jifformaw ħajja ċivili differenti. Fin-nozzjoni ġuridika s-sitwazzjoni hija totalment differenti, anke jekk għal ċerti aspetti l-effetti jistgħu jkunu simili jew forsi identiċi. Imma dan qed nipprovaw nagħmluh biex forsi ma nħalltux ideat li jistgħu ma jagħtux nozzjoni ċara tal-liġi li għandna quddiemna.
L-Onor. Mintoff semma wkoll il-kwestjoni ta' l-Abbozz ta' Liġi fil-kontest tal-Ftehim li diġa' jeżisti u li aħna marbutin bih. Sur President, naħseb li kull min għandu x'jaqsam ma'legal drafting, inkluż l-Onor. Mintoff, li għandu esperjenza parlamentari u ta' gvern ħafna iżjed minni, jaf li meta tagħmel ftehim, bħalma hu dan il-Ftehim bejn il-Gvern u s-Santa Sede, trid tara kif dak il-ftehim - skond is-sistema istituzzjonali, aktar milli kostituzzjonali, li nsegwu f'dan il-pajjiż - tittrasformah f'liġi għal pajjiżna. Meta tipprova tittrasforma ftehim f'liġi, trid tagħtih il-forma ta' Abbozz ta' Liġi u fl-istess ħin, kemm jista' jkun, tibqa' leali lejn il-ftehim li tkun għamilt. Allura aħna ridna naraw li l-liġi tkun tirrispondi għall-partijiet li waslu għat-Tratat u f'dan il- kontest naturalment iddiskutejna l-Abbozz ta' Liġi mal-parti l-oħra fit-Trattat għax inkella stajna niġu attakkati li konna in mala fede fil-mod kif ittraduċejna dak li hemm fit- Trattat.
Naturalment kulħadd jista' jikkritikani kemm irid u kemm jogħġbu - ħafna drabi forsi l- kritika tkun mistħoqqa - pero' ma rridx niġi kkritikat b' mala fede fil-mod kif ninterpreta trattat. Dan ma jfissirx li jien ma nistax naċċetta ċerti emendi.
L-Onor. Karmenu Mifsud Bonnici għamel osservazzjoni dwar xi diskrepanza bejn id- definition ta' Civil Marriage skond id-definiton clause u dak li huwa Catholic Marriage f'artiklu 21 kif qed jiġi propost minn dan l-Abbozz ta' Liġi. Wara li rajt il-punt li qajjem l-Onor. Karmenu Mifsud Bonnici, deherli li huwa punt validu, tant li meta l-Onor. Mintoff kien qed jitkellem, għaddejt kopja ta' l-emenda li beħsiebni nintroduċi, lill- Onor. Karmenu Mifsud Bonnici billi kien hu li attirali l- attenzjoni li a Catholic marriage kif inhu verbalizzat fid-definition clause għandu aspetti li ma jidentifikawx ruħhom għal kollox ma' kif inhu l-istess Catholic marriage spjegat fl-artiklu 20 ta' l- Abbozz ta' Liġi. Dan ma jfissirx li tkun inflessibbli meta tiftiehem fuq Abbozz ta' Liġi imma jfisser li tkun flessibbli biex tikkorreġih u tagħmlu aħjar. Ħadd ma jista' jlum lil ħadd għax din hija liġi diffiċli. Sakemm wasalna għal dan it-trattat domna niddiskutu snin sħaħ u wieħed japprezza li hemm xi punti li jeħtieġ li jasal għalihom bl- għaqal tad-diskussjoni u bil- flessibilita' intellettwali.
L-Onor. Mintoff staqsieni jekk hemmx xi programm elettorali fuq dan il-kontest. Fil-Programm Elettorali ta' l- 1987 hemm speċifikat li għandhom jingħataw effetti ċivili għaż-żwieġ Kattoliku u hemm ukoll li s-sentenzi tan- nullita' tat-Tribunali Ekklesjastiċi jiġu rikonoxxuti. Issa dak li hemm fil-programm elettorali, aħna għamilnieh trattat u aktar tard tajnieh forma ta' Abbozz ta' Liġi.
Jien naħseb li din kienet il-kritika li kelli pero' fl-aħħar seduta tkellem l-Onor. Lino Spiteri. Dan għamel osservazz- joni f'waqtha. Fuq risposta għal dak li kont issottomettejt lill-Kamra jien, qal li jien għidt li 95% miż-żweġijiet li jsiru hawn Malta huma żweġijiet Kattoliċi u li 100% huma Maltin. Hu ried jagħmel enfasi fuq l-argument tal-95% u l- 100%. Issa jekk dawn humiex Maltin imħallta jew humiex barranin li jiżżewġu Malta mhuwiex relevanti għall-forza ta' l-argument li jrid jagħmel l-Onor. Lino Spiteri. L-Onor. Spiteri qal li ż-żwieġ ċivili jiggverna 100% taż-żweġijiet ċelebrati Malta. Dan huwa tajjeb fil-kontest li qed igħidha hu għax aħna qed ngħidu li l-effett ċivili taż-żwieġ Kattoliku huwa rikonoxxut mill- Istat. Aħna li qed ngħidu huwa kważi dak li ntqal fil-Liġi ta' l-1975 li għal ċerti raġunijiet, - u ma nidħlux fl- argumenti ta' dak inhar - iż- żwieġ Kattoliku ma jingħatax effetti ċivili jekk ma jiġix segwit bir-ritwal li ħafna drabi jsir fis-sagristija fejn ikun hemm ir-Reġistratur taż- żweġijiet li joħroġ iċ- ċertifikat ta' dak iż-żwieġ. Aħna qed ngħidu li jekk iż- żwieġ isir biss biċ-ċivil, isir bis-sistema li hija parti mis- sistema li aħna naqblu magħha u I am on record li anke fl-1975 qbilt magħha. Lil min jagħżel iż-żwieġ Kattoliku, - u hawn jidħol il-persentaġġ ta' 95%, li jirrifletti r-realta' soċjali ta' pajjiżna - aħna qed ngħidulu li dan iż-żwieġ se jingħata effetti ċivili fil- mument taċ-ċelebrazzjoni tiegħu. Jiġifieri għall- effetti ċivili ta' żwieġ Kattoliku mhux meħtieġ l- istadju addizzjonali tar- Reġistratur. Meta tagħmel dan għall-benefiċċju ta' dawk il- 95% li jagħżlu dik is-sistema, ma tkunx qed teskludi l-5% l- oħra, imma tkun qed taċċetta dik ir-realta' soċjali għall- effetti ċivili. Min jagħżel sistema oħra, żgur li għandu jiġi rikonoxxut. Xi stat ċivili jkun dak li ma jkunx f'dan il-kontest? Qabel ikkonkludejna l-aħħar seduta, lill-Onor. Spiteri għidtlu li jien naqbel ħafna ma' l- argumentar tiegħu u fil-fatt l- iskop kollu ta' din il-liġi huwa li dak l-argumentar ikollu s-saħħa u l-attwalita'.
Mr Chairman, għal klawsola 2, 'il quddiem beħsiebni nipproponi din l-emenda:
"Minnufih wara t-tifsira ta' "żwieġ Kattoliku" għandu jidħol dan li ġej:
"Żwieġ Kattoliku" tfisser żwieġ ċelebrat skond in-normi u l- formalitajiet tad-Dritt Kanoniku jew b'dispensa ta' l-istess mogħtija mill-organu kompetenti skond id-Dritt Kanoniku".
Dan qed nagħmlu għaliex kif diġa' osservajt, irid jikkonforma ma' artiklu 21 li qed nipproponu fi clause 10 ta' dan l-Abbozz ta' Liġi li jgħid:
"Żwieġ li jiġi ċelebrat f'Malta wara d-dħul fis- seħħ ta' dan l-artikolu, skond in-normi u l- formalitajiet stabbiliti bid-Dritt Kanoniku, għandu mill-waqt taċ- ċelebrazzjoni tiegħu, jiġi rikonoxxut u jkollu l- istess effetti ċivili bħal żwieġ ċelebrat skond in- normi u l-formalitajiet ta' dan l-Att.".
L-Onor. Karmenu Mifsud Bonnici għamel l-osservazzjoni li naħseb kienet ġustifikata, li dan ma jaqbilx mad-definizzjoni ta' żwieġ Kattoliku li hemm f'paragrafu (b) ta' klawsola 2 fejn hemm li:
"Żwieġ Kattoliku" tfisser żwieġ ċelebrat skond in-normi u l- formalitajiet tal-Knisja Kattolika jew b'dispensa ta' l-istess Knisja mogħti mill-organu kompetenti ta' dik il-Knisja.".
Għalhekk issa fl-emenda li qed nipproponu għamilniha "mogħti mill-organu kompetenti skond id-Dritt Kanoniku" biex kemm jista' jkun nibqgħu fidili mal- kliem użat fi klawsola 10 ta' l-Abbozz ta' Liġi.
THE CHAIRMAN: L-Onor.Mintoff.
ONOR. DOM MINTOFF: Mr Chairman, jiddispjaċini imma l- fatt li joqogħdu jirrepetu l- istess argumenti ma jfissirx li dawn se jikkonvinċuna jekk ma jirrispondux għall-argumenti tagħna.
Ħalli nibdew minn dak li l- Viċi Prim Ministru rrisponda dwar it-Trattat. Huwa qal li marbut li ma jbiddel xejn minn dak it-Trattat għax jekk jiġi hawnhekk lest biex ibiddel dak li hemm fih ikun qed jagħmel xi ħaġa in mala fede. Dan mhux il- mod kif taffronta kwestjoni bħal din. Din mhix xi ħaġa ta' matematika fejn trid tkun preċiż. Jekk trid tkun demokratiku trid tisma' l- veduti tar-rappreżentanti tal- poplu u ma tistax tgħid li qed tiġi hawnhekk bid-deċiżjoni li ma tbiddel xejn mit-Trattat. (Interruzzjonijiet)
ONOR. GUIDO DEMARCO: Jien m'għidtx hekk. ONOR. DOM MINTOFF: Allura x'għidt?
ONOR. GUIDO DEMARCO: Aħna konna qed nitkellmu fuq l- Abbozz ta' Liġi.
ONOR. DOM MINTOFF: Le, l- Abbozz huwa bbażat fuq it- Trattat u inti pprovajt timplimenta dak li hemm fit- Trattat. Issa inti qed tgħid li jekk issib min jgħinek ħalli timplimentah aħjar, se taċċetta l-proposti tiegħu, imma jekk issib min jgħidlek li fundamentalment ma jaqbilx ma' din il-parti, ma taċċettax is- suġġerimenti tiegħu. Jekk inhu hekk għalxejn qed nagħżqu, għax mhux se tintefa' żerriegħa fejn qed nagħżqu.
Rigward it-tieni risposta li tajtni rrid ngħid li inti dejjem tenfasizza fuq il-fatt li jekk tnejn ikunu żżewġu bil- Knisja Kattolika, dawn għandhom jibqgħu hekk sal-mument meta jfettlilhom jgħidu li ż-żwieġ tagħhom kien sar ħażin. Qed ngħid hekk biex inżomm mad- diċitura tiegħek u mhux għax naqbel ma' dan. Fil-fatt dawn jgħidu li ż-żwieġ tagħhom kien sar ħażin għax ikunu ddejqu. Ħalli nitkellmu ċar u mhux b'ħafna kliem ekwivoku. Dawn ifittxu l-annullament mhux għax jiskruplaw li ż-żwieġ tagħhom kien sar ħażin u allura jkunu jridu jidħlu għal żwieġ ieħor li jkun aktar perfett, imma għax ikunu ddejqu u jaraw kif se jagħmlu biex jiddivorzjaw. Jekk ma jkunux ddejqu, ikomplu bl-imperfezzjoni b'kollox. Veru li jiġri dan? Mela jkun hemm min ikun kuntent bl- imperfezzjonijiet kollha li tathom in-natura u ż-żwieġ jibqa' miexi, u jkun hemm min jiddejjaq u jfittex l- imperfezzjonijiet kollha biex jiddivorzja. Il-ħażin huwa li jeħlu t-tfal. Jien għalhekk ridtek tidħol f'dan l-argument, għax mhuwiex tajjeb li jeħlu t- tfal. Mela jekk dan ikun jgħix l-Ingilterra se jsib Qorti li tgħid li jekk il- ġenituri ddejqu miżżewġin mhux tort tat-tfal, u hemm soluzzjoni, u jekk se jiġi Malta se jsib qassis li se jgħid lit-tfal li huma differenti minn tfal li l- ġenituri tagħhom ma jgħidux li ż-żwieġ tagħhom kien imperfett. B'dan li qed nagħmlu anke d- drittijiet tat-tfal qed noħonqu! (Interruzzjonijiet) Se nippermettilek titkellem allavolja ma naqbilx miegħek.
ONOR. GUIDO DE MARCO: Jien qed ninterropmik bil-permess tiegħek għax m'għandi l-ebda dritt li nitkellem waqt li int qed titkellem. Int semmejt l- Ingilterra u anke l-Ingilterra hemm lok għall-annullamenti taż-żwieġ. (Interruzzjonijiet) Ippermettili ftit, għax aħjar inkunu preċiżi dwar dan. Ħafna drabi fl-Ingilterra jiġri li, per eżempju xi ħadd jiżżewweġ lil xi ħadd b'ċittadinanza Ingliża biex hu wkoll jieħu ċ- ċittadinanza t'hemm - u dawn l- affarijiet ġieli ġraw u jibqgħu jiġru - u allura dak iż-żwieġ ikun null. Din mhijiex kwestjoni ta' divorzju u wieħed jista' jitlob l-annullament taż-żwieġ jekk ikun hemm ir- rekwiżiti neċessarji li jneħħu l-volonta' tal-partijiet biex jiżżewġu.
Mela f'dak il-kontest, anke skond il-Liġi Ngliża, non si tratta ta' divorzju għax f'dan il-każ il-kunsens tal-partijiet fil-mument taċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ kien vizzjat. Allura s-sitwazzjoni ta' l-annullament ma teżistix biss f'reġimi fejn m'hemmx divorzju, kif donnu qed jifhem jew irid jifhem l-Onor. Minotff. Il-kwestjoni ta' l- annullament taqa' taħt reġim legali differenti, għalkemm jista' jkollu l-istess effetti. U billi t-tfal qatt m'għandhom jiġu penalizzati ... Kemm l- Onor. Mintoff, kif ukoll kull wieħed minna hawnhekk, jemmen li t-tfal bl-ebda mod m'għandhom jiġu penalizzati u fil-fatt dan l-Abbozz ta' Liġi - bħalma tagħmel ukoll il-Liġi ta' l-1975, li wieħed mill- awturi tagħha kien l-Onor. Mintoff - preċizament jissalvagwarda d-dritt tat- tfal. (Interruzzjonijiet)
Jiena qed nitkellem hekk biex wieħed ikun preċiż dwar dak li qed jingħad u mhux biex nikkontesta xi effetti li għalihom qed jirreferi l-Onor. Mintoff. Jekk tara l-Att ta' l-1975 - u kieku aħna ma ntroduċejniex dawn l-emendi għalih, ħadd ma kien qed igħid li hemm bżonn li jiġi emendat - issib li f'dan il-kontest igħid preċiżament dak li qed ngħid jien.
THE CHAIRMAN:L-Onor. Mintoff.
ONOR. DOM MINTOFF: Mr Chairman, kull darba jsemmu l- Att ta' l-1975 qisu aħna xi darba ddikjarajna li dak kien l-aħħar pass li għandna nagħmlu f'dan il-qasam.
Aħna qed niddikjaraw li dak kien l-ewwel pass u intom se tmorru lura. Din hija d- differenza. Kull darba inti qed tgħid li fl-1975 l-annullament ġie aċċettat. Mil-lat ċiviku, il-maġġoranza ta' dan il- Parlament s'hemmhekk waslet pero' dan ma jfissirx li din se tibqa' l-istess! Għalfejn qed taqla' dan l-argument? Per eżempju, jekk tmur l-Imdina, l- ewwel tista' tieqaf Birkirkara imma jekk minn hawnhekk tmur Sant'Iermu u tgħidli li sejjer l-Imdina, jien nibda nidħak! Qed ngħid hekk għax kull darba qed nitilfu ż-żmien imbagħad ngħidu li aħna progressivi. Din hija konfużjoni għal xejn.
Inti kull darba ddaħħal il- fatt li jista' jkun hemm annullamenti ta' żweġijiet li fl-imgħoddi l-Knisja u kull min hu f'sensih kien jammetti li saru ħżiena. Illum inti taf bħali li dawn mhumiex l-istess raġunijiet li l-Knisja kienet issib biex tannulla fil-każi normali. Issa jien m'inix nirreferi għar-rejiet jew għal xi nies nobbli imma qed nirreferi għall-membri komuni tal-Knisja.
Illum daħħalna affarijiet oħrajn u jekk inti m'intix temmen dan, għandek issib li aħna bdilna l-liġi għax ipprevedejna li l-Knisja se tibdel il-liġi u tinduna li l- affarijiet qed jinbidlu. Allura għalfejn bħala eżempju kull darba nsemmu annullamenti li kulħadd ... Jekk wieħed kellu jiżżewweġ bilfors għax kellu pistola ma' rasu, min se jgħidlu li dak iż-żwieġ huwa tajjeb? Jekk ieħor kellu t- tfal u jinduna li dak iż-żmien li żżewweġ kellu xi ħaġa u mar għand psychoanalyst - u nista' ngħid li 200 membru tal- Parlament Taljan kienu treated bis-psychoanalyst uffiċjali tagħhom pero' jien naħseb li aħna m'għandniex bżonnu jew forsi għandna bżonnu wkoll - ... Dan qed ngħidu biex nuri kemm imorru għand psychoanalyst. Issa, din tista' tkun raġuni għaliex ma kenux f'kondizzjonijiet perfetti. Imma kemm-il darba se ngħiduhom dawn l-affarijiet? Pero' llum din il-Knisja aċċettata mhux għaliex imur wieħed u jgħid li hu skrupluż ta' żwieġ imperfett, u li jrid jerġa' jiżżewweġ għaliex issa ġie f'tiegħu. Jien qed ngħid li dan ikun idejjaq. Inti forsi taf b'raġunijiet oħra, forsi ma jkunx iddejjaq imma hemm waħda ħelwa u jrid jiżżewwiġha. (Interruzzjonijiet) Allura għaliex kull darba nitkellmu bil-brigu? Għaliex ma ngħiduhomx kif inhuma l- affarijiet? Kieku inti tgħidli li ma taqbilx li dawn l- affarijiet isiru, nifhmek għaliex mhux kulħadd għandu jaqbel f'dawn l-affarijiet. Min fl-imgħoddi ma qabilx mad- divorzju, ma qabilx għaliex kien jifhimha hekk u mhux għaliex kien raġel ħażin. Jien mhux qed ngħid li l-maġġornaza ta' Membri f'din il-Kamra għandhom jaqblu mad-divorzju. Jien qed ngħid li jekk inti trid tagħti d-drittijiet sħaħ lill-individwu u ma torbtux mar-rieda tal-maġġoranza f'affarijiet li ma jirrigwardaw xejn lill-maġġoranza imma jirrigwardaw lill-individwu, trid tagħtih il-liberta'.
Fid-dinja għandek żewġ affarijiet. L-ewwelnett, għandek l-affarijiet li minnhom innifishom jolqtu lil kulħadd u allura ma tistax tħalli lill- individwu jagħmel li jrid u li jogħġbu. Per eżempju, kieku llum - u mhux għaxar snin ilu - tagħmlu ċumnija bħalma għamiltu f'Delimara, suppost li jżommukom u jitfgħukom il-ħabs għaliex tkunu qed tagħmlu affarijiet kriminali u għaliex hija xi ħaġa li tirrigwarda lil kulħadd. Imma jekk illum ikun hemm wieħed li jrid imur fit- triq u jitkellem, la m'hu se jdejjaq lil ħadd, iħalluh. Mela hemm affarijiet li huma drittijiet individwali li ma jolqtux lil kulħadd u li m'hu se jagħmlu ħsara lil ħadd ħlief li jaffettwaw lil dak l-individwu li jkun qed jagħmilhom, u hemm affarijiet li jaffettwaw lill-komunita' kollha.
Issa naħseb li lkoll naqblu li ż-żwieġ hija kwestjoni ta' l-individwu, hija l-volonta' ta' l-individwu u suppost - u hawn jien naqbel ħafna ma' Kristu - li ħadd m'għandu jindaħal. Jekk żewġ individwi fl-1993 igħidu li m'hemmx għalfejn jiżżewġu biċ-Ċivil u jiżżewġu biss bil-Knisja, allura b'liema dritt tgħidilhom li ladarba żżewġu bil-Knisja, f'każ ta' annullament iridu jissottomettu ruħhom bilfors quddiem it-Tribunal tal-Knisja? Il-Ministru tal-Ġustizzja lil dawn qed igħidilhom li ladarba llum żżewġu bil-Knisja, għada ma jistax jibdielhom u ma jmorrux knisja aktar. Għaliex qed jingħad dan? F'dawn it- termini rridu nibdew nitkellmu, inkella mhux se naslu.
Inti toqgħod issemmi l- irqaqat li hawn 'l hawn u 'l hemm, imma issa niġu għall- affarijiet li għidtli dwar il- human rights. Int m'għandek l- ebda dritt tagħmel dawn l- affarijiet, u lanqas jien għaliex lil wieħed minnhom qed tnaqqaslu l-liberta' li ma jagħżilx biex imur f'tal- Knisja. Illum għandu l-għażla biex jiżżewweġ. Allura din l- għażla għaliex se tneħħihielu wara li jiżżewweġ? Għax hekk jogħġbok! Ħalli nieqaf u mbagħad inkompli fuq il-punti l-oħrajn.
THE CHAIRMAN: Il-Viċi Prim Ministru.
ONOR. GUIDO DE MARCO: Li kieku f'dan l-Abbozz ta' Liġi pproponejna l-esklussivita' kont nifhem l-argument ta' l- Onor. Mintoff imma aħna mhux dak li qed nipproponu. Jien nispera li dak li qed ngħidu issa ma jkunx hemmx għalfejn jiġi ripetut meta niġu għal klawsoli oħrajn. Il-verita' hi li fuq klawsola 2 qed niftħu d- dibattitu fuq l-Abbozz in ġenerali. Jien naħseb li l- Onor. Mintoff qed jagħmel dan għaliex jixtieq li he makes his point fuq l-Abbozz ta' Liġi kollu kemm hu. Għalkemm nistgħu nerġgħu nirrepetu, mhux soltu li noqogħdu nirrepetu l- istess punti. Li kieku jien qbilt mat-talba li kienet saret dwar l-esklussivita', jiġifieri li ż-żwieġ ċelebrat bir-ritwal tal-Knisja Kattolika bilfors esklussivament għandu jibqa' f'idejn it-tribunali tal-Knisja f'każ li tqum il-kwestjoni ta' l-annullament .... Jien nifhem dak li qed tgħid l- Oppożizzjoni. Pero' l- kwestjoni li kelli jien u d- dewmien li sar kien preċiżament fuq dan il-punt.
Jien f'isem il-Gvern - u qed ngħid "jien" għax jien kont involut fid-diskussjonijiet - deherli li jekk iż-żewġ naħat, allavolja jkunu għażlu ż-żwieġ Kattoliku, jgħidu li ma jridux li d-deċiżjoni dwar l- annullament tagħhom tkun abbażi tat-Tribunal Ekklesjastiku imma jridu li tkun abbażi tat- Tribunal Ċivili, dan id-dritt m'għandniex niċħduhulhom, u bir-rispett kollu lejn min ma jaqbilx miegħi, għadni naħseb li għamilt tajjeb. L-unika ħaġa u l-massimu li stajt naqbel fuqha kienet li la t-tnejn għażlu li ż-żwieġ tagħhom ikun governat bid-Dritt Kanoniku, jekk it-tnejn jaqblu li għall- annullament ta' dak iż-żwieġ jirreferu għaċ-ċivil, imorru quddiem il-Qrati Ċivili. Pero' la t-tnejn kienu qablu li ż- żwieġ ikun regolat bid-Dritt Kanoniku, jekk issa wieħed mill-partijiet jirrifjuta li jmur quddiem it-Tribunal tal- Knisja għall-annullament, ma nistgħux inwaqqgħu dak li kien riżultat ta' ftehim bejniethom. Jekk it-tnejn jiftiehmu li jiġi rigwardat bil-liġi Ċivili, din l-għażla qegħda f'idejhom u ma nistax nagħti esklussivita' meta ż-żewġ partijiet ma jridux dik l-esklussivita'. Pero' jew f'każ meta ż-żewġ partijiet ikunu jridu li jkun bid-Dritt Kanoniku - u hawn il-problema ma tkunx kbira - jew f'każ li parti minnhom tinsisti li jkun bid-Dritt Kanoniku, peress li t-tnejn kienu qablu li dan jiġi regolat bid-Dritt Kanoniku, ma nistax inneħħi d-dritt ta' wieħed għax il-parti l-oħra deherilha li għandha tbiddel dak li ftehmu t-tnejn. Pero' meta t-tnejn iridu li jkun regolat ċivilment, jien ma nistax nagħti l-esklussivita' mhux għax irrid nonqos lil xi ħadd jew ma naqbilx mat-teoriji ta' ħaddieħor, mhux għax jiena konfessjonali - jien ma jien xejn konfessjonali - pero' għas-sempliċi fatt li trid tosserva ċerti prinċipji f'kollox fil-ħajja. Dak l- uniku aspett li hemm tal- kwestjoni.
Dostları ilə paylaş: |