ABBOZZ TA' LIĠI GĦAT-TWAQQIF TA' AWTORITA` TA' MALTA DWAR IL-KOMUNIKAZZJONI 108
MALTA COMMUNICATIONS AUTHORITY BILL 108
KONSIDERAZZJONI MILL-ĠDID FIL-KUMITAT 110
ABBOZZ TA' LIĠI GĦAT-TWAQQIF TA' AWTORITA` TA' MALTA DWAR IL-KOMUNIKAZZJONI 110
MALTA COMMUNICATIONS AUTHORITY BILL 110
ABBOZZ TA' LIĠI DWAR L-AWTORITA` MALTIJA DWAR L-ISTANDARDS 112
MALTA STANDARDS AUTHORITY BILL 112
ABBOZZ TA' LIĠI LI JEMENDA L-ATT DWAR L-AFFARIJIET TAL-KONSUMATUR 113
CONSUMER AFFAIRS (AMENDMENT) BILL 113
AĠĠORNAMENT 125
MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB 129
MISTOQSIJA GĦAL TWEĠIBA BIL-MIKTUB 141
MINUTI
Il-Minuti tas-Seduta Nru. 343 li saret fil-11 ta' Lulju, 2000 ġew konfermati.
KUNSENS GĦAL ATTI
MR SPEAKER (Onor. Anton Tabone): Ninforma lill-Kamra li l-President ta' Malta għoġbu jagħti l-kunsens tiegħu għal:
Att Nru XVII ta’ l-2000 - Att dwar il-Privattivi Industrijali.
MISTOQSIJIET - TWEĠIBIET ORALI
SKEJJEL SEKONDARJI - EDUC. ASSESSMENT UNIT
17651. L-ONOR. EVARIST BARTOLO staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni: Jista' l-Ministru jgħid jekk tlestiex ix-xogħol biex ikun hemm spazju aħjar għall-educational assessment unit kif intqal f'mistoqsija parlamentari numru 11940?
ONOR. LOUIS GALEA (Ministru ta' l-Edukazzjoni): Jien informat li ħarġet l-offerta relattiva għal dawn ix-xogħlijiet u t-tenders sottomessi qegħdin jiġu evalwati.
MR SPEAKER: L-Onor. Bartolo, mistoqsija supplimentari.
ONOR EVARIST BARTOLO: Mr Speaker, jien kont tlabt lill-Ministru biex b'mod konfidenzjali jgħaddili l-informazzjoni ta kif imorru l-istudenti fl-iskejjel sekondarji skond studju intern ta' l-education assessment unit. Nifhem u naqbel li din l-informazzjoni tkun konfidenzjali minħabba li m'hijiex idea tajba li nippubblikaw xi league tables ta' kif inhuma l-istudenti tagħna fid-diversi skejjel. Nixtieq nistaqsih jekk huwiex f'pożizzjoni li jipprovdi din l-informazzjoni.
MR SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR LOUIS GALEA:Sur President, effettivament wara li kont tajt dik it-tweġiba, kont bgħatt instructions bil-miktub lid-director general ta' l-education biex jgħaddi din l-informazzjoni lill-Onor. Interpellant. Jekk m'iniex informat ħażin dan l-uffiċjal kien imsiefer u ġie lura l-bieraħ, pero` nerġa' infakkru.
SITI STORIĊI - PROĠETTI 17652. L-ONOR. EVARIST BARTOLO staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni: Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tat-tempji ta' Ħal Tarxien mal-BOVI heritage trust? Kien hemm progress fl-aħħar sitt xhur fuq proġetti bi sħab mas-settur privat?
ONOR. LOUIS GALEA: F'dan l-istadju m'għandix progress x'nirraporta fiq it-tagħrif mogħti fil-mistoqsija parlamentari nru. 11939, imma naturalment qed nibqa' ninsiti għal konklużjoni definittiva tal-ftehim. Jien naf li minn dak iż-żmien sal-lum kien hemm diversi laqgħat bejn id-direttur tal-mużewijiet u r-rappreżentat tal-BOVIheritage trust.
Jiena nnifsi ppresedejt aktar minn laqgħa waħda bejn iż-żewġ naħat biex naslu fuq ċerti dettalji u rrid ngħid li niddejjaq li wara kull laqgħa fejn suppost inkunu ftehemna fuq kollox, jerġa' jiġi għall-attenzjoni tiegħi xi punt li fuqu hemm diverġenza. Pero` fl-aħħar inkontru li kelli maċ-chairman tal-Bank of Valletta ftehemna li l-materja għandna naqbduha t-tnejn li aħna biex din tiġi konkluża darba għal dejjem u ħadt gost li anke s-Sur Zahra minkejja xi diffikultajiet li jkun hemm anke mis-subalterni sew tiegħu u sew tiegħi, wera r-rieda li din l-inizjattiva tiġi kompletata.
MR SPEAKER: L-Onor. Bartolo, mistoqsija supplimentari.
ONOR. EVARIST BARTOLO: Waqt li bla dubju ta' xejn hemm qbil li huma dawn it-tip ta' skemi bejn il-pubbliku u l-privat li jistgħu jwassluna biex nimmaniġjaw aħjar ċerti siti storiċi, xtaqt nistaqsi jekk hemmx xi problema partikolari li minnha nistgħu nitgħallmu għal skemi oħra simili li żgur se jkollna bżonn.
Fuq l-istess linja, Sur President, xtaqt nistaqsi jekk sarx progress fuq ix-xogħol li qed isir fil-hypogeum liema xogħol nifhem li se jkun bi sħubija mal-fondazzjoni patrimonju Malti?
MR SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. LOUIS GALEA: Id-diffikulta` prinċipali fir-rigward ta' din l-iskema ġejja mill-qafas ta' kondizzjonijiet li jridu jiġu stabiliti għall-finijiet ta' l-ippreservar, il-konservazzjoni u r-restawr tas-siti konċernati. Meta d-dipartiment tal-mużewijiet ikun miexi lejn id-direzzjoni li sit ta' valur storiku u ta' wirt, li anke huwa listed fuq il-world heritage list, jgħaddih taħt it-tmexxija ta' enti privata jew li m'hijiex governattiva, dejjem ikun hemm il-preokkupazzjoni ta' jekk humiex se jiġu segwiti l-prinċipji u l-kondizzjonijiet li huma internazzjonalment rikonoxxuti bħala l-bażi tal-konservazzjoni u ta' l-ippreservar u t-tmexxija ta' dawn is-siti. Dawn huma kondizzjonijiet ta' ċerta strettezza li ħafna drabi jimpinġu fuq l-interessi kummerċjali tal-privat li jkun se jitgħabba bl-ispiża rikorrenti tat-tmexxija u anke bi spiża ta' ċerta entita` kapitali biex ikun jista' jagħmel upgrading tas-sit partikolari ħalli jippreżentah b'mod aktar attraenti u jkun jista' jattira lejh iktar viżitaturi. Jien naħseb li dan kien il-punt prinċipali li baqa' ikaxkar id-diskussjonijiet s'issa. Jekk id-dipartiment tal-mużewijiet u l-BOVIheritage trust jiftehmu fuq dawn il-kondizzjonijiet, naħseb li jkunu jistgħu jservu bħala mudell ta' kondizzjonijiet li nkunu rridu nittrattaw ma' entijiet oħrajn.
Għar-rigward ta' l-ipoġew irrid ngħid li ninsabu viċin li niftħuh, pero` m'hemmx il-ftehim li dan jitmexxa mill-fondazzjoni patrimonju Malti. Irrid ngħid li oriġinarjament kienet tħajret din il-fondazzjoni, pero` sussegwentement ġiet espressa x-xewqa li tidħol fi sħab fuq siti u xi mużew ieħor u allura ma bqajniex insegwu dik il-linja. Jiena fittixt li jkun hemm il-ħolqien ta' fondazzjoni oħra li tkun tista' tieħu t-tmexxija ta' l-ipoġew. Fil-fatt l-abbozz għat-twaqqif ta' din il-fondazzjoni sar, pero` meta komplejna niddiskutuh internament fil-ministeru - u anke ssottomettejtu lill-heritage project group li jmexxi Dr. Ugo Mifsud Bonnici - ma kienx hemm qbil dwar il-partners li ġew suġġeriti biex jiffurmaw din il-fondazzjoni u allura għall-mument qegħdin inkomplu niddiskutu biex ikun hawn qbil fuq min għandu jmexxi. Ir-raġuni hija li filwaqt li l-proposta li konna qegħdin nikkonsidraw kienet waħda ta' fondazzjoni li tmexxi l-ipoġew u mbagħad tieħu żewġ siti oħra - pero` li ma jkunux siti arkeoloġiċi biex dawn is-siti mir-rikavat ta' l-ipoġew tkun tista' tirrestawrahom u tagħmel użu minnhom għall-finijiet ta' l-espożizzjoni tal-wirt ta' pajjiżna - erġejt bdejt ningħata l-pariri li jekk wieħed kien se jagħti xi mansjoni fuq xi siti oħra lill-fondazzjoni li tieħu ħsieb l-ipoġew, allura dawk is-siti għandhom ikunu ta' l-istess natura neolitika u tat-tip arkeoloġiku. Inħoloq b'hekk dan il-punt ta' dibattitu fl-intern ta' l-organi, inkluż id-dipartiment tal-mużewijiet, liema punt għadna ma solvejnihx.
MR SPEAKER: L-Onor. Bartolo.
ONOR. EVARIST BARTOLO: Waqt li ċertament ħadd ma joħlom li jipprivatizza siti ta' wirt storiku, xtaqt nistaqsi jekk fuq l-esperjenza ta' pajjiżi oħra fejn saru skemi ta' sħubija bejn il-pubbliku u l-privat - bħal Spanja, l-Ingilterra, il-Ġermanja u l-Italja - nistgħux ngħidu li r-raġuni għat-tkaxkir tas-saqajn hija minħabba r-riluttanza li teżisti min-naħa ta' uffiċjali pubbliċi li jitilqu minn taħt il-kontroll tagħhom affarijiet li ilhom is-snin imexxu. Jien naħseb li għandna x'nitgħallmu minn pajjiżi oħra fit-tajjeb u fil-ħażin.
It-tieni parti tal-mistoqsija tiegħi tirrigwarda l-fondazzjoni patrimonju Malti. Din il-fondazzjoni kienet esprimiet xewqa qawwija li jinfetaħ mużew tal-kostumi. Xtaqt nistaqsi hekk kienx hemm xi ċaqliq dwar dan il-proġett.
MR SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. LOUIS GALEA: Sur President, naturalment lil min ikollu r-responsabbilta` li jħares ċertu patrimonju - u jkun ilu mgħobbi b'din ir-responsabbilta' għal ħafna snin - ma tistax tagħtih tort li jaħseb li dak li hu fdat lilu mill-Istat m'għandux jitlaq is-sovraintendenza tiegħu f'idejn terzi kif ġieb u laħaq. Illum il-ġurnata fid-dipartiment tal-mużewijiet hemm grupp ta' uffiċjali li huma altament kwalifikati u motivati - għadhom ftit pero` nispera li n-numru jikber - li forsi qegħdin jibżgħu li meta għad m'hemmx liġi li tirregola l-għoti ta' dawn is-siti għat-tmexxija ta' terzi, ikunu qed jitilqu xi ħaġa minn idejhom ġo qafas li mhux ċar. U allura jien forsi ninterpreta din ir-riluttanza tagħhom f'dan ir-rigward.
Naħseb li meta hawnhekk fil-parlament inkunu ġibna l-liġi u nkunu ftehemna fuq il-fatt li d-dipartiment tal-mużewijiet għandu jkun sovraintendenza b'saħħitha u organizzata li jkun jista' jaqdi dik il-funzjoni, u mbagħad ikun hemm mil-liġi l-poter li wieħed ikun jista' jilħaq ftehim ma' diversi enti oħrajn dwar it-tmexxija, allura ma jibqax ikun hemm aktar riluttanza. Aħna mexjin fuq dan il-front tal-liġi u għad hemm xi kwestjonijiet li jridu jiġu diskussi ma' istituzzjonijiet importanti fil-pajjiż, pero` nispera li nsibu xi manjiera kif negħlbu dawn l-istess diffikultajiet.
MR SPEAKER: L-Onor. Joe Cuschieri, mistoqsija supplimentari.
ONOR. JOSEPH CUSCHIERI: Mr Speaker, xtaqt nagħmel domanda lill-Ministru li għalkemm m'hijiex relatata mal-mistoqsija oriġinali, nitolbu biex jekk jista' jweġibha. Għandi informazzjoni li nqalgħet xi kwestjoni bejn il-kap ta' l-iskola primarja ta' San Ġiljan u l-kunsill lokali ta' hemmhekk dwar l-entratura għall-uffiċini tal-kunsill lokali. Bħalma jaf il-Ministru, il-kunsill lokali ta' San Ġiljan qiegħed jagħmel parti mill-iskola primarja ta' dak il-lokal u kemm ilha li nqalgħet din il-problema s-surmast ta' l-iskola lanqas biss irid jifħilhom aktar il-gate lil tal-kunsill lokali. Jista' l-Ministru jekk jogħġbu jinformana ftit dwar l-aħħar żviluppi f'din il-kwestjoni?
MR SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. LOUIS GALEA: Sur President, l-ewwelnett xtaqt nirriferi wkoll għad-domanda li għamel aktar kmieni l-Onor. Bartolo dwar il-mużew tal-kostumi. Nista' ngħid li dwar dan s'issa għadna ma sibniex soluzzjoni. Kien hemm diversi suġġerimenti, pero` għadna ma ftehmna fuq l-ebda wieħed minnhom.
Għar-rigward tal-kwestjoni ta' San Ġiljan, nista' ngħid li kellmuni kemm in-nies tad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni kif ukoll is-sindku tal-lokal. Huwa veru li hija problema għaliex l-uffiċini tal-kunsill lokali qegħdin fil-konfini ta' l-iskola nnifisha, u s-sitwazzjoni kif inhi lanqas togħġob lill-kunsill lokali ta' San Ġiljan, għaliex dawn jixtiequ li jew ikollhom uffiċini oħrajn jew inkella jekk se jibqgħu fuq is-sit ta' l-iskola, ikollhom l-uffiċini maqtugħin għalihom. Din il-kwestjoni qiegħda tiġi diskussa bejn iż-żewġ naħat u ma niskantax li kultant ikun hemm xi diffikultajiet, pero` il-persuna li dejjem tibqa' responsabbli ta' l-iskola hija l-kap ta' l-istess skola. Issa jekk dan ikollu xi bibien jew gates li ma jingħalqux, bilfors jibqa' preokkupat li jistgħu jinqalgħu xi diffikultajiet li jkun irid jirrispondi għalihom hu. Madankollu jien ċert li kif ġew solvuti kwestjonijiet simili f'irħula oħra, tiġi solvuta wkoll din il-materja.
MR SPEAKER: L-Onor. Cuschieri.
ONOR. JOSEPH CUSCHIERI: Xtaqt nistaqsi taħt liema dipartiment jew ministeru jaqa' Palazzo Spinola u jekk parti minnu tistax tiġi wżata mill-kunsill lokali. Jien naf li l-kunsill lokali ta' San Ġiljan ilu li għamel talba biex ikun jista' juża Palazzo Spinola sa mill-bidu tat-twaqqif tiegħu fl-1994. Jista' l-Ministru jgħid jekk din it-talba tistax tiġi kkonsidrata biex b'hekk l-uffiċini tal-kunsill lokali jkunu aktar fiċ-ċentru u n-nies ikunu jistgħu jinqdew aħjar?
MR SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. LOUIS GALEA: Ir-risposta hija sempliċi. Palazzo Spinola ma jaqax taħt il-ministeru ta' l-edukazzjoni.
MR SPEAKER: Il-Ministru Refalo.
ONOR. MICHAEL REFALO (Ministru għat-Turiżmu): Mr Speaker, Palazzo Spinola huwa okkupat kollu mill-ministeru u mid-dipartiment u hemm nies li anke qegħdin band'oħra.
MR SPEAKER: L-Onor. Cuschieri.
ONOR. JOSEPH CUSCHIERI: Safejn naf jien il-kunsill lokali ta' San Ġiljan għad m'għandux risposta definittiva dwar it-talba li kien għamel. Jista' jiġi ċċarat x'inhi l-pożizzjoni fir-rigward tat-talba tal-kunsill lokali ta' San Ġiljan li parti minn Palazzo Spinola jintuża bħala uffiċċini? (Interruzzjonijiet) It-talba mill-kunsill lokali ilha li saret mill-1994 filwaqt li l-ministeru għat-turiżmu tħajjar imur hemmhekk fl-1998.
MR SPEAKER: Il-Ministru Gatt.
ONOR. AUSTIN GATT (Ministru tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali): Il-policy dwar id-devoluzzjoni ta' proprjeta` lill-kunsilli lokali hija ċara. Sakemm art jew bini ikunu qed jiġu okkupati minn xi ħadd li għandu titolu validu fil-liġi mogħti mill-gvern, kull talba pendenti ta' kunsill lokali ma tiġix ikkonsidrata qabel ma jiġi vakat il-post.
MR SPEAKER: L-Onor. Cuschieri.
ONOR. JOSEPH CUSCHIERI: Jista' l-Ministru jgħid ta' min hi din il-proprjeta` li qed nitkellmu dwarha? Safejn naf jien għad hemm kawża pendenti bejn il-gvern u l-Knisja dwar din l-istess proprjeta`.
MR SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. AUSTIN GATT: M'iniex qed nirriferi għat-titolu ta' proprjeta` imma qed ngħid li sakemm proprjeta` tkun okkupata, il-gvern ma jikkonsidrax li jgħaddi titolu. Jiġifieri f'dan il-każ sakemm hemm il-ministeru għat-turiżmu, it-talba tal-kunsill lokali ta' San Ġiljan ma tistax tiġi kkonsidrata.
Apparti dan, hemm imbagħad il-problema l-oħra dwar ta' min hi l-proprjeta', kif qal sew l-Onor. Interpellant. Illum hemm sentenzi li joħolqulek problemi għat-trapass ta' dik il-proprjeta`.
MR SPEAKER: Grazzi. Il-ħin tal-mistoqsijiet għadda. Ngħaddu issa għal Tqegħid ta' Karti. Il-Prim Ministru.