Malta debates tal-kamra tad-deputati


MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB



Yüklə 401,19 Kb.
səhifə6/6
tarix08.01.2019
ölçüsü401,19 Kb.
#93110
1   2   3   4   5   6

MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB



IMPJIEGI - REĠISTRAZZJONI GĦAX-XOGĦOL

7920. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 6956 u t-tweġiba mogħtija fis-Seduta tal-15 ta' Lulju, jista' l-Ministru jgħid għal-liema xogħol kienu qed jirreġistraw il-505 persuni li f'Ġunju ma komplewx jirreġistraw minn jeddhom?
ONOR. EDWIN GRECH: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.


VETERINARJI

7921. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn veterinarji f'Malta w Għawdex u kemm minnhom jaħdmu fis-Servizz Pubbliku?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Mir-reġistru Mediku jirriżulta li veterinarji hawn 18 joqogħdu Malta u wieħed Għawdex.
Rigward kemm minn dawn il-veterinarji jaħdmu fis-servizz pubbliku għandha ssir talba lill-Ministru ta' l-Agrikultura.

TELEMALTA - LINJI

7922. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru mingħajr Portafoll fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru: Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn linji tat-telephones fid-djar; u għall-użu ta' kummerċ jew ta' professjoni f'Malta w Għawdex?
ONOR. JOE MIZZI: L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jiddispjaċini ninnota li dak li kienet tgħid l-amministrazzjoni l-oħra li bis-sistema ġdida kompjuterizzata l-informazzjoni setgħet tinġabar kollha u malajr ma kienx minnu.


IMPJIEGI - ĦADDIEMA F'XI UNIONS

7923. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali: Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn ħaddiema f'Malta w Għawdex li huma msieħba f'xi union? Kemm minn dawn jaħdmu fis-servizz pubbliku u f'korpi parastatali/mal-privat?
ONOR. EDWIN GRECH: In-numru ta' ħaddiema imseħbin f'unions f'Malta u f'Għawdex huwa ta' 79,136. Ir-Reġistratur tat-Trade Unions ma jkollux tagħrif dwar fejn jaħdmu il-membri tal-unions.
Għalkemm xi unions bħalma huma il-GWU u l-UHM għandhom taqsimiet għal ħaddiema mal-Gvern u mal-Parastatali, ma jistax jiġi eskluż li jkun hemm ħaddiema fis-setturi tal-Gvern u tal-Parastatali li jifformaw parti minn taqsimiet oħrajn.
Għal tagħrif aħjar nitlob lill-Onor. Interpellant biex jikkonsulta rapport tar-reġistratur tat-Trade Unions maħruġ fit-3 ta' Jannar, 1997.


RAĦAL ĠDID - ĠNIEN SIR PAUL BOFFA

7924. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 5987 dwar l-istat ta' żdingar li jinsab fih il-Ġnien Sir Paul Boffa, f'Raħal Ġdid, jista' l-Ministru jgħid jekk ittieħdux il-passi li semma fit-tweġiba tiegħu ta' l-4 ta' Ġunju u jekk iva, hemmx kerrej ġdid fil-kjosk biex jieħu ħsieb il-manutenzjoni tal-ġnien?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Il-passi msemmija fil-mistoqsija parlamentari numru 5987 ittieħdu. L-Eviction Order ġiet servuta fit-13 ta' Mejju, 1997 u ċ-ċwievet jinsabu f'idejn id-Dipartiment tal-Art li bħalissa qed jilqa' offerti għall-kiri tal-kiosk li jinsab fl-imsemmi ġnien. Fil-kondizzjonijiet qed jiġi stipulat li l-ġnien irid jinżamm fi stat tajjeb ta' manutenzjoni.


FURJANA - LIBRERIJA ĊENTRALI

7929. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus għax-xiri ta' kotba għal-librerija ċentrali tal-Furjana fix-xhur ta' Mejju u Ġunju?
Jista' l-Ministru jgħid bejn wieħed u ieħor kemm nies jagħmlu użu minn din il-librerija kull xahar?
ONOR. EVARIST BARTOLO: F'Mejju 1997 intnefqu Lm3,285.49 f'kotba u ġew ordnati b'Lm5,996.91c filwaqt li f'Ġunju 1997 intnefqu Lm3,357.71 u ġew ordnati b'Lm5,764.04.
Kull xahar bejn wieħed u ieħor 7,000 persuna jagħmlu użu mis-sezzjonijiet tal-kbar u tat-tfal permezz ta' self ta' kotba. 750 persuna oħra jagħmlu użu mis-servizzi ta' riferenza.


TOROQ - ASFALTAR

7939. L-ONOR. FRANCIS AGIUS staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni meta se tingħata t-tarmac Triq San Ġużepp, mill-Bypass ta' Wied il-Għajn saż-Żejtun (Zabbar Road) (arterial road) peress li tinsab fi stat mill-aktar diżastruż?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Ix-xogħol meħtieġ fit-triq indikata mill-Onor. Interpellant huwa meqjus li hu ta' manutenzjoni u jsir mill-kunsill lokali.


WIED IL-GĦAJN - DWAL

7940. L-ONOR. FRANCIS AGIUS staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jagħti ż-żmien meta se jsir street lighting fi Triq l-Irmiġġ u Triq il-Baħħara ġewwa Wied il-Għajn fejn kienu twaħħlu l-arbli fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti?
ONOR. LEO BRINCAT: Ix-xogħol li jonqos biex titħaffer it-trinka u jitpoġġa l-cable biex ikun jista' jitkompla l-proġett fi Triq l-Irmiġġ se jsir wara li l-livelli tat-toroq jiġu ffissati mid-dipartiment ikkonċernat. Rigward xogħol ta' street lighting fi Triq il-Baħħara, ma' jirriżultax li l-Enemalta waħħlet xi arbli jew kellha xi approvazzjoni biex tagħmel xogħol għal dan l-iskop


U.E - SĦUBIJA

7941. L-ONOR. FRANCIS AGIUS staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent.: Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet biex il-poplu Malti permezz tal-mezzi tax-Xandir ta' l-Istat, ikun informat bl-iktar mod oġġettiv fuq il-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta' sħubija sħiħa ta' Malta fl-Unjoni Ewropea?

ONOR. GEORGE VELLA: Il-Gvern preżenti se juża l-mezzi kollha li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu, biex bl-aktar mod oġġettiv, iwassal lill-poplu nformazzjoni dwar l-aspetti kollha u l-vantaġġi u żvantaġġi ta' kull tip ta' relazzjoni preżenti u futuri li pajjiżna jista' jkollu ma' l-Unjoni Ewropea.


MOSTA - TRIQ IĊ-ĊINJU

7944. L-ONOR. ANĠLU FARRUGIA staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari numru W790 u b'riferenza għall-ittra mibgħuta lili li qed nibgħat separatament dwar Triq iċ-Ċinju, Mosta, jista' l-Ministru jikkonferma li l-ħajt tas-sejjiegħ f'nofs it-triq fil-parti ta' Triq iċ-Ċinju se titneħħa max-xogħol tat-tfassil tat-triq?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Iva, nikkonferma li l-ħajt tas-sejjiegħ f'nofs it-triq fil-parti ta' fuq tat-Triq iċ-Cinju se jitneħħa max-xogħol tat-tfassil tat-triq. Dan sejjer isir permezz tal-ftehim li sar bejn il-Kunsill Lokali Mosta u s-sidien ta' l-art konċernat.


MOSTA - ARBLU TAD-DAWL

7945. L-ONOR. ANĠLU FARRUGIA staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jgħid hux ġustifikat il-każ imsemmi fid-dokumenti mibgħuta separatament fejn wara li saret ħsara lil persuna konċernata minħabba connections ħżiena mill-arblu, ġiet miktuba ittra lil persuna biex tħallas l-ammont neċessarju biex proprju jiċċaqlaq l-arblu in kwestjoni?
ONOR. LEO BRINCAT: Il-ħsara li qed jirriferi għaliha l-Onor. Membru kienet tikkonsisti f'nugrufun li ġie kkaġunat mill-ħsara li ġarraf il-cable li kien impoġġi mal-ħajt ta' l-individwu kkonċernat u mhux minn connections ħżiena kif qal l-Onor. Membru. Din il-ħsara qiegħda tiġi stmata.
L-ittra li qiegħed jirriferi għaliha l-Onor. Membru tirrigwardja spejjeż għal ċaqliq ta' l-arblu minn quddiem ir-reżidenza tal-persuna kkonċernata biex l-arblu jitpoġġa f'post skond ix-xewqa ta' l-individwu.


WSC - KAŻ TA' APPLIKANT

7946. L-ONOR. JOE PSAILA SAVONA staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 7576, filwaqt li nifhem u naqbel ma' l-ispirtu tad-domanda għax jeżistu ħafna każi bħal dawn, jista' jekk jogħġbu l-Ministru jinformani jekk il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għandhiex policy li tagħti skonti fuq bażi umanitarja? U jekk fl-affermattiv, fuq liema kriterji tiġi bbażata l-kondizzjoni li tkun tenħtieġ din l-assistenza?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għandha policy li tagħti skonti fuq bażi umanitarji. Meta konsumatur jirċievi kont b'konsum qawwi ta' l-ilma li seta' rriżulta minn xi leakage interna, dan għandu jikteb lill-korporazzjoni dwar l-ilment tiegħu. Dan il-każ jiġi mressaq quddiem l-Advisory Board li hi komposta minn uffiċjal tal-korporazzjoni. Fejn jista' jkun hemm lok ta' tbatija finanzjarja, dan il-Board jitlob lid-Dipartiment tas-Servizzi Socjali biex jissostanzja t-talba tal- konsumatur permezz ta' Means Test. Jekk jinstab li l-persuna kkonċernata hija fuq assistenza socjali jew ma taħdimx, l-Advisory Board ikun jista' jagħti skont fuq bażi umanitarja.

SISTEMA ĠDIDA TA' TASSAZZJONI - LOTTERIJA

7947. L-ONOR. JOE PSAILA SAVONA staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 7738 u t-tweġiba għaliha, speċfikament l-ewwel paragrafu, filwaqt li nifhem li n-numri ta' reġistrazzjoni ta' l-10,000 cash register jidħlu kollha fil-computer, jista' jekk jogħġbu l-Ministru jfiehem għaliex bilfors irid jitla' xi wieħed minnhom, jekk ikunu qegħdin jidħlu wkoll id-digits miż-0 sad-9 tal-bqija tan-numri li jagħmlu l-8 digit number tan-numru tar-reġistrazzjoni, u m'iniex qiegħed ninkludi n-numri għal ġurnata u għaċ-ċenteżmi apposta biex l-argument jibqa' sempliċi?
ONOR. LEO BRINCAT: Nifhem li forsi ma fehimtx tajjeb biżżejjed biex l-Onor. Membru jifhem tajjeb kif taħdem il-Lotterija tas-Sistema l-Ġdida ta' tassazzjoni. Għalhekk, se nfiehem aħjar u nispjega lill-Onor. Interpellant dwar il-Lotterija tas-Sistema l-Ġdida ta' tassazzjoni li dejjem jitla' numru rebbieħ.

L-ewwel tmien numri ikopru n-numru tar-reġistrazzjoni ta' l-istabbilimenti li huma intitolati li jipparteċipaw f'din il-lotterija. Dawn in-numri tar-reġistrazzjoni huma mdaħħlin f'database li jinżamm aġġornat regolarment. B'hekk ikun żgurat li wieħed minn dawn in-numri jiġi estratt.


Rigward id-data u ċ-ċenteżimi dawn m'għandhomx x'jaqsmu xejn man-numru tar-reġistrazzjoni imma jiġu estratti bis-sistema kompjuterizzata separatament wara li jkun tela' n-numru tar-reġistrazzjoni.


BANEK - SERVIZZI

7969. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienu jiswew is-servizzi tal-banek Maltin fit-30/6/96 u kemm hu l-ħlas ta' l-istess servizzi kif kienu fit-30/6/97?
ONOR. LEO BRINCAT: Nispera li l-Onor. Membru japprezza li t-talba hi ġenerika wisq. Minħabba li t-tariffi tal-banek ikopru kull servizz offrut minnhom, dawn huma estensivi ħafna u jistgħu ukoll ivarjaw bejn il-banek.


MISTOQSIJIET PARLAMENTARI

7970. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru tal-Biedja u Sajd: B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari numru 7692, jista' l-Ministru jagħti risposta għal dawn il-mistoqsijiet parlamentari numri 5265, 6662, 6848, 6899, 6900, 7368, 6983, 6986, 7535 u 7553?
ONOR. NOEL FARRUGIA: L-informazzjoni mitluba fil-mistoqsija numru 5265 ġiet mogħtija fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari nurmu 5619;
L-informazzjoni mitluba fil-mistoqsija parlamentari nurmu 6662 ġiet mogħtija fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 6849.
L-informazzjoni mitluba fil-mistoqsija parlamentari numru 6983 ġiet mogħtija f' stqarrija għall-istampa li ħarġet illum 25 ta' Lulju. Kopja ta' din l-istqarrija tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra aktar kmieni f'din is-seduta.
Nirriferi wkoll l-Onor. Membru għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 6467;
Għar-rigward ta' l-ewwel parti tal-mistoqsija parlamentari numru 6986 nirriferi l-Onor. membru għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 4033.
Il-kitba għall-patata taż-żriegħ mistennija li tibda' fil-bidu tax-xaħar id-dieħel.
L-Alpha u l-Arran Banner sejrin jiġu mportati bħas-soltu, waqt li dwar varjetajiet oħra għadhom qed jsiru taħditiet;
L-informazzjoni għall-mistoqsija parlamentari numru 7535 hi kif tidher hawn taħt:
(a) Ammont ta' prodott mibjugħ mid-Dipartiment tal-Biedja u Sajd mill-Pitkalija madwar 18,400 kilo.
(b) Il-varjetajiet ta' prodott kienu jinkludu: Larinġ, Lumi, Naspli, Ħawħ, Nuċiprisk, Prodotti tas-Serrer bħall-Brunġiel, Tadam, Bżar Aħdar, Fażola u prodotti tar-raba' bħall-Patata, Ħass, Qara Bagħli eċċ,
(c) Id-dħul min dan il-bejgħ kien ta' Lm2907.56.
(vi) L-informazzjoni għall-mistoqsija parlamentari numru 7368 hija kif jidher hawn taħt.
Slaughter in MALTA & GOZO between 01.05.97-12.07.97
Week Total Hds Numru ta'A1 Weight in A1 Tot.Wt.Other

Grades
19 2722 1581 121.223 95.895

20 2429 1505 113.596 78.773

21 2472 1497 112.422 80.663

22 2154 1456 109.061 57.940

23 2136 1365 103.411 64.311

24 2431 1439 108.974 73.665

25 2375 1560 117.117 66.856

26 2239 1458 108.106 64.132

27 2299 1519 113.123 64.110

28 2302 1486 108.123 71.958
(vi) L-informazzjoni għall-mistoqsijiet parlamentari numri 6848, 6899,6900,u 7553 tingħata f' seduta oħra.


TRASPORT PUBBLIKU - ROTOT ĠODDA

7971. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru għat-Trasport u Portijiet: Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex jibdew joperaw rotot ġodda tal-karozzi tal-linja li jgħaqqdu ċ-ċentru turistiku ta' Buġibba/San Pawl il-Baħar ma' inħawi oħra bħal Birżebbugia u Marsaxlokk?
ONOR. JOE DEBONO GRECH: Jiena nformat li diġa' jeżisti servizz dirett bejn Buġibba u Marsaxlokk (Rotta 427). Qed isiru diskussjonijiet bejn l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku u l-Għaqda tas-Sidien tal-Karozzi tal-Linja biex jitjieb is-servizz tal-karozzi tal-linja fl-inħawi ta' Marsaxlokk u Birżebbuġa b'mod li jkun hemm servizz li jgħaqqad liż-żewġ lokalitajiet.


SAN PAWL IL-BAĦAR - PROVVISTA TA' ILMA

7972. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'wassal biex diversi familji kellhom il-provvista ta' l-ilma maqtugħa fid-djar tagħhom għal diversi ġimgħat fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar? X'passi qed jittieħdu biex il-provvista f'dawn l-inħawi tiġi lura għan-normal?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra


SAN PAWL IL-BAĦAR - SISTEMA TAD-DRENAĠĠ

7973. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba matul il-perijodu 1/7/97 - 22/7/97 kien hemm rapporti ta' fawran u ħsarat fis-sistema tad-drenaġġ fl-inħawi kollha ta' San Pawl il-Baħar? X'irriżulta f'kull każ li kienet ir-raġuni għal dan il-fawran?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Matul il-perijodu 1.7.97 sa 22.7.97, il-fawran tad-drenaġġ fis-sistema tad-drenaġġ seħħew hekk:fl-1, fit-8, u fil-21 ta Lulju, fl-għelieqi fis-Salina. Fil-21 ta' Lulju, 1997 f'Qawra Road, Qawra.
Ir-raġuni għall dan il-fawran kien ammonti ta' xaħmijiet kif ukoll materjal tal-bini bħal ġebel u żrar.
Kien hemm fawran ieħor fit-22 ta' Lulju, 1997 f'Mosta Road, San Pawl il-Baħar. Dan il-fawran kien ikkaġunat minn stoppage ta' house connection privata.
Fit-29 ta' Lulju, 1997, kawża ta' ħsara fit-tagħmir elettriku tal-pumping station ta' Buġibba.
Fl-10 ta' Lulju, 1997, kawża ta' ħsara fuq linja tad-dawl li tissuplixxi l-pumping station ta' Steps Str. (ħdejn il-Barrakuda).
L-aħħar żewġ ħsarat issewwew minnufih fl-istess ġranet li seħħu u l-ammont ta' drenaġġ li far fil-baħar kien wieħed minimu.


KENNEDY GROVE - ĦRUĠ TA' DRENAĠĠ

7974. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'wassal biex fil-21 ta' Lulju, 1997 kien hemm fawran (li dam sejjer wara wkoll) tad-drenaġġ fl-inħawi ta' Kennedy Grove? Billi dan il-fawran kien wieħed kbir ħafna, jista' l-Ministru jgħid fil-fatt x'investigazzjoni saret dwar dan? X'instab?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Ir-raġuni tal-fawran tad-drenaġġ fl-inħawi ta' Kennedy Grove sar minħabba kwantita kbira ta' xaħam u materjal tal-bini.
Ta' min jgħid illi l-fawran ġie kkontrollat f'inqas minn 24 siegħa u ma affetwax il-kwalita ta' l-ilma baħar.

KUMPANNIJI - TENDER TAL-MACHINE READABLE PASSPORTS

7991. L-ONOR. TONIO BORG staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid liema hi l-kumpannija li rebħet it-tender tal-machine readable passports?
ONOR. ALFRED SANT: Ninsab informat li l-kumpannija li rebħet it-tender biex tissupplixxi s-sistema għal ħruġ ta' Machine Readable Passports hi De La Rue Identity Systems Limited ta' l-Ingilterra.


SKEJJEL - ŻURRIEQ

7992. L-ONOR. NINU ZAMMIT staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Fid-dawl tar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 7342 dwar bini ta' area secondary school, jidhirlu l-Ministru li minħabba raġunijiet ovvji ta' viċinanza, aċċess u raġunijiet oħra ambjentali, l-area secondary school għandha tinbena fiċ-ċentru ta' l-area fin-nofs inhar liema area tinkludi l-irħula taż-Żurrieq, Safi, Kirkop, Qrendi, Mqabba, Luqa, Gudja, Għaxaq u Birżebbuġia?
Jista' l-Ministru jgħid ukol għat-tfal ta' liema rħula hija ntiża l-imsemmija skola?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra


SKEJJEL - ŻURRIEQ

7993. L-ONOR. NINU ZAMMIT staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Fid-dawl tar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 7342 dwar bini ta' area school, jista' l-Ministru jippubblika r-raġunijiet tad-Direttorat ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għaliex is-site alternattiva fil-Karwija ma ġietx aċċettata kif ukoll ir-raġunijiet għaliex l-Awtorita' ta' l-Ippjanar baqgħet marbuta mas-sit taż-Żurrieq?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra


HOMPESCH STEEL CO. LTD.

7996. L-ONOR. JOE PSAILA SAVONA staqsa lill-Prim Ministru: B'riferenza għal interpellanzi oħra li saru fuq l-operat tal-Hompesch Steel Co. Ltd., jista' l-Prim Ministru jgħid x'passi ttieħdu mill-pulizija u x'inhi s-sitwazzjoni attwali?
ONOR. ALFRED SANT: Ninsab informat illi l-inkonvenjent qed jiġi kkaġunat minn ħsejjes u trab fin li jirriżulta waqt il-proċess tat-tqattiegħ tal-metall. Ser jittieħdu proċeduri fil-Qorti kontra l-persuna li qed tmexxi dan l-impjant.


POWER STATION - DELIMARA

7997. L-ONOR. FRANCIS AGIUS staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jagħti nformazzjoni aġġornata fuq il-proġett tal-Power Station ta' Delimara sa l-aħħar ta' Ġunju, 1997?
ONOR. LEO BRINCAT: Il-pjanti tal-proġett tal-Power Station ta' Delimara huma kompluti. Il-makkinarju ordnat huwa diġa' mmanifatturat u fil-parti l-kbira tiegħu diġa' qiegħed fuq il-post.
Ix-xogħol tal-bini ta' impjant, jiġifieri, iż-żewġ turbini tal-gass, il-boilers u l-main transformer kif ukoll ix-xogħol ta' inġinerija ċivili diġa beda.
SAĦĦA - FAMILY PLANNING

7998. L-ONOR. FRANCIS AGIUS staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-faċilitajiet ta' family planning fi ħdan id-Dipartiment tas-Saħħa? Jista' l-Ministru jgħid x'metodi (u allura appliances, farmaċewti, operazzjonijiet bħal vasektomija) huma offruti b'xejn liċ-ċittadini Maltin?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Is-servizzi ta' family planning jingħataw bħala parti mis-servizzi li jingħataw fil-klinika tal-Ġinekoloġija fiċ-Ċentri tas-Saħħa. Il-klijenti li jiġu f'din il-klinika jingħataw tagħrif dwar il-metodi kollha li hawn għal ippjanar tal-familja u jingħataw l-għajnuna u l-pariri meħtieġa biex jagħżlu l-aħjar metodu għalihom. Fil-klinika jinkitbu riċetti għall-contraceptive pill kif ukoll jitneħħew Intra Uterine Devices. Ma jsir l-ebda fitting ta' caps jew Intra Uterine Devices. Operazzjonijiet għall-steriliżżazzjoni permanenti, sew fuq irġiel kif ukoll nisa ma jsirux.


ENEMALTA - STORES

7999. L-ONOR. FRANCIS AGIUS staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu fl-istores tal-Korporazzjoni Enemalta sabiex ikun hemm materjal fl-ammont u l-kwalita' li wieħed jixtieq?
ONOR. LEO BRINCAT: Il-proċedura għal xiri ta' stores għadha kif kienet qabel. Il-Bord tad-Diretturi tal-korporazzjoni qed jistudja l-proċedura preżenti biex jara jistax isir titjib fiha.


ŻEBBUĠ - DAWL

8001. L-ONOR. MICHAEL BONNICI staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li minkejja diversi talbiet lill-uffiċċju tal-Korporazzjoni Enemalta f'Ħal Qormi sabiex tissewwa street lighting f'Misraħ l-Isptar, f'Ħaż-Żebbuġ, din għadha ma nbidlitx wara aktar minn tlett ġimgħat? Meta hemm il-ħsieb li tiġi mibdula?
ONOR. LEO BRINCAT: Il-lampa ndikata mill-Onor. Membru ġiet mibdula. Din kienet irrapportata fil-11 ta' Lulju u ġiet mibdula fit-22 ta' Lulju u mhux wara 'aktar minn tliet ġimgħat' kif qal l-Onor. Membru.

SAĦĦA - CARDIAC SURGEON

8002. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern huwiex se jġedded il-kuntratt ta' Mr Manche' li jagħti s-servizzi tiegħu bħala Cardiac Surgeon meta jagħlaq?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Id-diskussjonijiet qegħdin fi stadju avvanżat.


ITALJA - PROTOKOLL FINANZJARJU MA' MALTA

8003. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent.: Jista' l-Viċi Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 7746
ONOR. GEORGE VELLA: It-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 7746 se tingħata fis-Seduta Nru. 110, nhar it-Tnejn filgħaxija.

ARMATA - KAŻIJIET TA' DIXXIPLINA

8004. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Prim Ministru: B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 7656, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li ġew akkużati iżda ma nstabux ħatja fl-istess perijodu? Fost dawk li ma nstabux ħatja kien hemm min kien akkużat b'serq ta' materjali?
ONOR. ALFRED SANT: Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.


PULIZIJA - SNIETER LIĊENZJATI

8005. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Prim Ministru: B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 7655, jista' l-Prim Ministru jgħid fejn joqogħdu l-persuni (raħal b'raħal) li applikaw għal-liċenzja tas-senter għall-ewwel darba minn Jannar sa Ġunju, 1997?
ONOR. ALFRED SANT: Peress li l-Onor. Interpellant qed jagħmel riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 7655 li kienet tirrigwarda snieter liċenzjati għall-ewwel darba waqt li f'din il-mistoqsija qed jirriferi għall-applikazzjonijiet għal-liċenzji ta' snieter għall-ewwel darba, nitlob lill-Onor. Interpellant jkun aktar ċar fil-mistoqsija tiegħu.


WIED IL-QLEJJA - XOGĦLIJIET

8006. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Ministru tal-Biedja u Sajd: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 7654 u t-tweġiba relattiva, jista' l-Ministru jgħid a bażi ta' liema xogħlijiet wasal għaċ-ċifri msemmija fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 7247? Jista' jispjega għalfejn jenħtieġ jiġu finalizzati x-xogħlijiet biex jagħti breakdown tal-budget li se jintnefaq fuq dan il-proġett?
ONOR. NOEL FARRUGIA: Iċ-ċifri msemmija fir-risposta għall-mistoqsija parlamentai numru 7247 huma bbażati fuq il-proġett kif ippreparat mill-Istitut taċ-CIHEAM ta' Bari. Billi waqt l-andament tal-proġett, xi xogħlijiet oħra jew tibdil fix-xogħlijiet jistgħu jkunu neċessarji, speċjalment wara li jsir it-taħmil, ma nistax f'dan l-istadju nipprovdi breakdown dettaljat ta' l-ispiża.


GRUPP SQALLI AULOS - AKKOMODAZZJONI

8007. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 7595?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra


SAĦĦA - TEST STRIPS TAD-DIJABETIĊI

8020. L-ONOR. JOE PSAILA SAVONA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Wara l-introduzzjoni mill-gvern preċedenti ta' test strips għat-testijiet lid-dijabetiċi taħt il-35 sena, xi ħsieb għandu l-Gvern preżenti biex fil-Budget li jmiss jagħti dawn lid-dijabetiċi l-oħra wkoll? Fost dawn, l-Ministru jikkonsidra li tingħata prijorita' lil dawk fuq l-insulina b'mard kroniku ieħor, speċjalment cancer jew mard tal-qalb, min jgħix bil-pensjoni, possibbilment wara li l-każ tagħhom ikun ċertifikat kif meħtieġ?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Dan is-suġġeriment irid jiġi kkonsidrat fid-dawl tal-prijoritajiet l-oħra li għandu s-servizz tas-saħħa f'pajjiżna.


PACEVILLE/WIED IL-GĦAJN - XOGĦLIJIET

8021. L-ONOR. JOE PSAILA SAVONA staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Billi kien imwiegħed li wara Buġibba se jsiru xogħlijiet f'lokalitajiet turistiċi oħra, jista' jekk jogħġbu l-Ministru jgħid meta se jinbeda dan ix-xogħol u fejn? Jista' jiġi ndikat bejn wieħed u ieħor meta se jibda x-xogħol fuq Paceville; u Wied il-Għajn?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Kif intqal diġa' pubblikament il-gvern qiegħed jaħseb sabiex jestendi x-xogħlijiet ta' embellishment u upgrading f'lokalitajiet oħrajn. Dan ma jfissirx li x-xogħol f'Buġibba se jieqaf anzi qegħdin isiru preparamenti sabiex tinbeda t-tieni fażi. Qegħdin isiru wkoll preparamenti sabiex jinbeda x-xogħol f'Paceville u diġa' twaqqaf Action Committee għal din il-lokalita. Il-problemi ta' Paceville huma differenti minn dawk ta' Buġibba fis-sens li mhumiex tant problemi infrastrutturali imma problemi ta' regolamentazzjoni u żamma ta' l-ordni. Madanakollu l-Action Committee iddentifika diversi proġetti infrastrutturali li jridu jsiru nklużi l-possibbilta' ta' car parks fuq il-proprjeta' tat-Telemalta f'Pender Place u Mercury House. It-tkabbir tal-bajja ta' San Ġorġ bir-ramel u provvediment ta' aċċess aħjar għall-lukandi li nbnew fil-bajja ta' San Ġorġ.
Matul is-sena d-dieħla se jsir xogħol ta' embellishment f'areas turistiċi fin-naħa t'isfel tal-pajjiż fosthom f'Marsascala, Marsaxlokk u Birżebbuġia. Dawn il-pjanijiet għadhom fil-fażi inizjali. Ma' dawn ix-xogħlijiet wieħed irid isemmi wkoll ix-xogħol ta' upgrading u embellishment li sar fix-Xlendi u f'Marsalforn, f'Għawdex.
Yüklə 401,19 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin