AĠĠORNAMENT
ONOR. JOE MIZZI: Madam Speaker, nipproponi l-Aġġornament tal-Kamra għal nhar it-Tnejn, 27 ta' Lulju, fid-9.00 a.m. b'din l-aġenda:
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar l-Ippjanar ta' l-Iżvilupp - it-Tieni Qari (Kont.);
Abbozz ta' Liġi li jħassar l-Att dwar Nomini mill-Oppożizzjoni - it-Tieni Qari (Kont.);
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali - it-Tieni Qari (Kont.);
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar l-Amministrazzjoni tat-Taxxa - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar Taxxa tar-Reġistrazzjoni ta' Vetturi bil-Mutur (Emenda Nru 2) - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar il-Pools tal-Gvern Malti fuq il-Logħob - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Ordinanza dwar il-Lottu Pubbliku - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar Dazju tas-Sisa (Emenda Nru 2) - it-Tieni Qari; u
xi aġenda oħra li tista' tiġi komunikata aktar tard.
---------------------------------
U fil-Kumitat Permanenti hemm:
Abbozz ta' Liġi dwar Garanziji ta’ Self lil Impriżi Żgħar - Kumitat Permanenti;
Abbozz ta' Liġi dwar il-Condominia - Kumitat Permanenti;
Abbozz ta' Liġi biex jagħmel Provvedimenti Speċjali dwar Proċeduri quddiem Qrati - Kumitat Permanenti.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Rimarki? L-Onor. Joe Borg.
ONOR. JOE BORG: Madam Speaker, il-ġimgħa l-oħra l-Kummissjoni Ewropea ppreżentat ir-rapport tagħha msejjaħ "Aġenda 2000" lill-Parlament Ewropew. Illum nixtieq nitkellem ftit dwar il-kontenut ta' dan ir-rapport. Ta' min jgħid li dan ir-rapport huwa maqsum fi tliet partijiet, jew aħjar fi tliet volumi. L-ewwel volum jitkellem dwar l-Unjoni Ewropea illi għandha tkun Unjoni Ewropea li hija akbar u iżjed b'saħħitha. It-tieni volum jitkellem dwar l-isfida tat-tkabbir - "The Challenge of Enlargement" - waqt illi t-tielet volum jittratta dwar l-opinjoni tal-Kummissjoni Ewropea fuq l-applikazzjonijiet għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea. Minn dan ir-rapport joħorġu tlett aspetti prinċipali.
L-ewwel aspett huwa dak dwar it-tkabbir ta' l-Unjoni Ewropea. L-analisi magħmula mill-Kummissjoni Ewropea fuq l-applikazzjonijiet kollha li għandha quddiemha tasal għall-konklużjoni illi l-applikanti kollha huma politikament imħejjija - politikament ippreparati għal sħubija, ħlief għar-Repubblika Slovakka. Il-Kummissjoni ikkonkludiet illi m'hemmx garanzija biżżejjed għal dawk li huma drittijiet fundamentali tal-bniedem u għalhekk irrakkmandat li mar-Repubblika Slovakka mhux possibbli li wieħed jikkontempla l-bidu ta' negozjati għal sħubija għalissa. Min-naħa l-oħra, mil-lat ekonomiku, mil-lat ta' tħejjija ta' pajjiż għal sħubija, il-Kummissjoni sabet illi hemm numru ta' pajjiżi li huma ferm iżjed ippreparati, ferm iżjed imħejjija minn oħrajn u semmiet speċifament ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, il-Polonja, l-Estonja u l-Islovenja. U qalet illi l-pajjiżi l-oħrajn, għalkemm ħadu passi sostanzjali sabiex isaħħu l-ekonomiji tagħhom u sabiex ukoll jippreparaw ruħhom ekonomikament, m'humiex ippreparati biżżejjed u għalhekk il-Kummissjoni rrakkmandat lill-Parlament Ewropew - liema rapport ukoll se jiġi ppreżentat lill-Kunsill tal-Ministri sabiex fl-aħħar mill-aħħar jasal quddiem is-summit li għandu jsir fil-Lussemburgu f'Diċembru ta' din is-sena - illi jistgħu jibdew in-negozjati għas-sħubija ma' dawn il-pajjiżi, jiġifieri ma' l-Ungerija, mar-Repubblika Ċeka, mal-Polonja, ma' l-Estonja u mas-Slovenja fil-bidu tas-sena d-dieħla. Filwaqt li mal-pajjiżi li huma inqas imħejjija, inqas ippreparati ekonomikament, qed tirrakkmanda li għandhom isiru l-hekk imsejħa accession partnerships. Dawn l-accession partnerships ikunu jkopru għajnuna finanzjarja u għajnuna teknika, ikopru wkoll tisħiħ jew djalogu strutturat iżjed profond u jkopru wkoll parteċipazzjoni iżjed intensiva da parti tagħhom ma' l-Unjoni Ewropea.
Madam Speaker, il-Kummissjoni għamlet riferenza wkoll għall-każ ta' Ċipru u qalet illi fil-każ ta' Ċipru dan il-pajjiż huwa iżjed avvanzat ekonomikament u huwa iżjed imħejji peress li ilu s-snin jipprepara ruħu għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea. U miegħu fil-fatt hemm il-wegħda illi n-negozjati għas-sħubija jistgħu jibdew mhux iżjed tard minn sitt xhur mit-tmiem tal-Konferenza Inter-Governattiva. F'dan il-kontest ta' min isemmi li Malta, bħal Ċipru, kellha din il-wegħda u aħna konna avvanzati u mħejjija mill-inqas daqs Ċipru, iżda mingħajr ma kellna l-problema tad-diviżjoni illi fil-fatt għandu Ċipru u li tista' tkun xi forma ta' ostaklu għall-kontinwazzjoni tan-negozjati ma' dan il-pajjiż, għalkemm wieħed jawgura li waqt l-istadju tan-negozjati tinstab soluzzjoni għal din id-diviżjoni li teżisti f'Ċipru.
Ir-rapport tal-kummissjoni dwar "Aġenda 2000" jittratta wkoll dwar ir-riformi fil-politika ta' l-agrikoltura komuni. Dan ir-rapport jgħid illi l-Unjoni Ewropea għandha tirriforma l-kamp ta' l-agrikoltura sabiex tidħol aktar kompetittivita' u għalhekk għandu jkun hemm iżjed opportunita' għal għajnuna diretta mogħtija lill-bidwi, bħal immodernizzar, ristrutturar u għajnuna oħra li tista' tingħata direttament lill-bidwi u min-naħa l-oħra jkun hemm inqas protezzjoni f'forma ta' garanzija tal-prezzijiet, li nafu illi tikkrea wkoll diversi problemi lill-Unjoni Ewropea minħabba fil-frodi illi jsiru f'dan ir-rigward. U allura l-Unjoni Ewropea trid tieħu passi sabiex il-fondi li talloka għall-politika ta' l-agrikoltura, li huma fondi konsiderevoli ħafna, ikunu utilizzati b'mod iżjed effiċjenti u iżjed effettiv.
Ir-rapport tal-Kummissjoni jitkellem ukoll fuq il-qafas finanzjarju. Fil-fatt wieħed jista' jgħid li dan huwa t-tielet aspett importanti li ttrattat dwaru l-Kummissjoni Ewropea. Għalkemm il-Kummissjoni qiegħda tirrakkmanda riformi f'dan il-qasam, jiġifieri qiegħda tirrakkmanda riformi f'dawk li huma fondi strutturali li jiġu maqsuma bejn il-pajjiżi membri ta' l-Unjoni, għamlitha ċara illi l-livell ta' l-għajnuna strutturali u l-livell ta' l-għajnuna ta' koeżjoni għandhom jibqgħu mingħajr ma jkunu mittiefsa. Fil-fatt qed tirrakkmanda illi ECU 275 biljun għandhom jiġu kommessi mill-Unjoni Ewropea għall-perijodu bejn is-sena 2000 u s-sena 2006, jiġifieri għal perijodu ta' seba' snin. Jekk wieħed iqabbel dawn mal-fondi li ngħataw mill-Unjoni Ewropea għall-perijodu bejn l-1993 u l-1999, isib li hemm żieda ta' ECU 75 biljun, jiġifieri madwar Lm40 biljun, għax il-fondi li kienu ġew allokati għall-perijodu mill-1993 sa l-1999 kien ta' ECU 200 biljun. F'dan ir-rigward ta' min isemmi li l-Kummissjoni qiegħda tirrakkmanda fondi ġodda għat-tkabbir. Fil-fatt qiegħda tgħid li fuq medda ta' seba' snin, jiġifieri għall-perijodu bejn is-sena 2000 u s-sena 2006, il-pajjiżi applikanti kollha għandhom jingħataw ECU 7 biljun bħala għajnuna qabel ma' dawn jissieħbu, jiġifieri qabel ma jsiru membri. L-Unjoni Ewropea, jew aħjar il-Kummissjoni
qed tgħid li għandhom jingħataw ECU 7 biljun, jiġifieri madwar Lm3 biljun, lill-pajjiżi applikanti kollha b'żieda ma' dak li diġa' jirċievu. Ta' min isemmi li dawn, taħt il-programm eżistenti msejjaħ PHARE, jirċievu ECU 10.5 biljun u l-Unjoni Ewropea qed tgħid li dawn ikunu ntitolati għal ECU 3.5 biljun mill-fondi għall-agrikoltura. Jiġifieri jekk wieħed jieħu kollox in konsiderazzjoni jsib li l-fondi li qed tirrikkmanda l-Kummissjoni se jirdoppjaw fuq dan il-perijodu ta' seba' snin. Pero' l-iżjed ħaġa rilevanti huwa l-fatt li l-Kummissjoni qed tirrikkmanda li l-pajjiżi membri ġodda ta' l-Unjoni Ewropea jingħataw is-somma ta' ECU 38 biljun, jiġifieri madwar Lm15 biljun, għall-perijodu minn meta jsiru membri sa l-aħħar tas-sena 2006. Jiġifieri jekk wieħed jagħmel kalkolu malajr fuq id-data meta dawn jistgħu jsiru membri - wieħed hawn jista' jassumi li din tista' tkun fil-bidu tas-sena 2002 - u jaqsam din is-somma fuq perijodu ta' ħames snin isib li dawn bejniethom jieħdu s-somma ta' ECU 7.6 biljun fis-sena. Meta tapplika din il-figura għas-sitwazzjoni tagħna ssib li Malta kienet tkun intitolata għal medja ta' Lm25 miljun fis-sena għal ħames snin.
Ta' min isemmi wkoll li dawn is-somom huma maħduma b'mod li meta l-pajjiż ikun għadu kemm sar membru jieħu relattivament inqas milli jieħu wara li jgħaddi ċertu żmien. Fil-fatt fuq dan l-istess kalkolu wieħed isib li fl-ewwel sena Malta tieħu inqas minn Lm25 miljun, pero' mbagħad fil-ħames sena tieħu madwar Lm40 miljun, għax meta l-pajjiż ikun għadu kemm sar membru ma jkollux mekkaniżmu daqshekk effiċjenti biex jeżawrixxi l-fondi li jingħata u allura l-Kummissjoni qed tirrikkmanda li matul l-ewwel sena pajjiż membru ġdid jingħata inqas pero' mbagħad il-fondi li jingħata jiżdiedu matul is-snin u fil-ħames sena mis-sħubija tiegħu jkun intitolat għal somma konsiderevolment akbar.
Madam Speaker, ġimgħa ilu l-Partit Nazzjonalista għamel appell lill-Gvern biex jirrivedi l-pożizzjoni tiegħu minnufih dwar is-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea. Fejn qabel il-Gvern seta' jgħid li ma kienx jaf biżżejjed dwar l-implikazzjonijiet tas-sħubija u li seta' jkun hemm ħafna affarijiet li jolqtu negattivament lil Malta, issa għandu l-fatti f'idejh u allura jista' jagħmel l-istudju u l-analisi tiegħu sabiex jikkonkludi jekk huwiex verament fl-interess ta' Malta li ssir membru ta' l-Unjoni Ewropea. Aħna min-naħa ta' l-Oppożizzjoni nappellaw lill-Gvern biex jagħmel dan l-eżerċizzju mingħajr telf ta' żmien għaliex iż-żmien qed jagħfas u jekk iħalli dan iċ-ċans jgħaddi u jilħqu jibdew in-negozjati mal-pajjiżi li semmejt qabel nitilfu ċ-ċans tagħna, imbagħad il-Bambin biss jaf meta jerġa' jkollna ċ-ċans li nibdew il-proċess sabiex nissieħbu fl-Unjoni Ewropea! Grazzi, Madam Speaker.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor.George Hyzler.
ONOR. GEORGE HYZLER: Grazzi, Madam Speaker. Fil-ftit ħin li għandi għad-dispożizzjoni tiegħi xtaqt ngħid xi ħaġa żgħira dwar il-politika ddikjarata tal-Gvern fir-rigward tar-rapport ta' l-inċidenti tat-traffiku u r-rwol ta' l-awtoritajiet f'dawn l-inċidenti. Dan is-suġġett ġie mqanqal jumejn ilu mill-Prim Ministru fil-ħin tal-mistoqsijiet u xtaqt nagħmel intervent żgħir dwar dan.
Madam Speaker, kif nafu, l-pożizzjoni llum hi li meta jkun hemm inċident tat-traffiku s-sewwieq għandu d-dover li jinforma lill-pulizija sabiex jiġu fuq il-post u jagħmlu dak il-famuż sketch jew okkorenza biex imbagħad jagħtu r-rapport tagħhom. Dan fil-prattika qed jikkrea ċertu inkonvenjent minħabba li s-sewwieqa nvoluti jkollhom jagħmlu żmien twil jistennew sakemm jaslu l-pulizija, jilħqu jisħnu l-irjus u ħafna drabi dak li jkun jispiċċa jitlaq minn hemm għax jgħid: Jien għalfejn se nibqa' hawnhekk għal ħabta żgħira! Il-verita' hija li din hi sistema ineffiċjenti u dan ġie rikonoxxut mill-MSU fir-rapport li ppreżentaw dan l-aħħar dwar r-riorganizzazzjoni fil-Korp tal-Pulizija fejn issuġġerew li f'dawn l-inċidenti tat-traffiku m'għandhomx jibqgħu jiġu msejħa l-pulizija iżda minflok il-partijiet involuti għandhom jimlew bejniethom rapport li eventwalment imur għand l-assigurazzjoni biex din ikollha fuqhiex timxi.
Jien wieħed minn dawk li m'iniex konvint li din hija sistema għaqlija. Il-Prim Ministru fl-intervent tiegħu esprima ruħu favur din is-sistema, anke fis-sens li l-pożizzjoni tal-Gvern hija favur dik is-sistema. Jien xtaqt li nirreġistra li, bħala wieħed prattikanti f'dan il-qasam, assolutament ma naqbilx li t-terz - dan jista' jkun il-pulizija jew xi awtorita' oħra - għandu joħroġ barra mix-xena. Naturalment aħna nirrikonoxxu li hemm vantaġġi fis-sistema li tintuża fl-Ewropa. Il-Prim Ministru stess semma' s-sistema Ewropea u qal li fl-Ewropa meta jaħbtu s-sewwieqa jkollhom formola fil-karozza, jimlewha t-tnejn li huma u mbagħad imorru biha għand l-insurance tagħhom. J'Alla naslu għal dak il-livell ta' maturita' u ta' ċivilta' pero' għadni m'iniex konvint li bħala poplu wasalna s'hemmhekk. Dan m'iniex qed ngħidu b'xi disprezz jew biex inkun pessimist pero' naħseb li dan hu stat ta' fatt li joħroġ b'mod ċar kull darba li jkun hemm kolliżjoni. Mill-esperjenza tiegħi nista' nikkonferma li fil-biċċa l-kbira tal-kolliżjonijiet li jkollna jkun hemm ċertu ammont ta' disgwid bejn il-partijiet. Ikun hemm ċertu bullying fejn ikun hemm min jippretendi li huwa aktar b'saħħtu minn ħaddieħor u li ħadd ma jista' għalih fil-konfront ta' nies li jkunu iktar dgħajfa. Allura jien ninsab daqsxejn xettiku jekk niġu biex inneħħu l-ftit protezzjoni li teżisti bħalissa minħabba l-obbligu li jrid isir rapport lill-pulizija.
Il-Prim Ministru semma' wkoll li qed isiru diskussjonijiet mal-partijiet interessati. Naturalment il-partijiet interessati huma n-nies involuti fl-inċident, l-Istat - anke fid-dawl tal-bonordni - u ovvjament l-assigurazzjonijiet. Jien m'iniex konvint li huwa fl-interess ta' l-assigurazzjonijiet li jiġi eliminat għal kollox ir-rwol tal-pulizija. Illum il-konċett ta' l-awtorita' għad għandu ċertu piż u ma naħsibx li għandna nneħħuh għal kollox, pero' nifhem ukoll li wasal iż-żmien li nbiddlu s-sistema. Bħalissa s-sistema hi li dak li jkun irid jistenna sakemm il-pulizija ta' l-għassa jirċievi r-rapport, imbagħad isib il-ħin biex jitlaq mill-għassa u xi kultant ikollu jagħlaqha, irid isib it-trasport - kultant ikollu jiddobba xi karozza jew xi lift ma' xi ħadd li jkun involut! - biex imur fuq il-post u jagħmel sketch mill-aħjar li jista' - dan mhux dejjem ikun kapaċi jagħmlu imma jagħmlu bl-aħjar mod li jista' - u ta' dan id-dipartiment jitħallas Lm3. Ovvjament din is-sistema kif jgħidu l-Ingliżi cries out for reform. Hemm bżonn ta' tibdil fil-bażi, pero' kwalunkwe sistema bilfors għandha tieħu in konsiderazzjoni l-ħteġijiet tal-partijiet interessati.
Ninsab konvint li n-nies involuti fl-inċident ikunu iktar moħħhom mistrieħ jekk kemm-il darba jkunu jafu li għandu jiġi l-pulizija jew xi rappreżentant ta' l-awtorita' fuq il-post. Min-naħa ta' l-Istat naturalment hemm l-element l-ieħor li ħafna drabi f'dawn il-kolliżjonijiet jinqabdu nies li ma jkollhomx liċenzja u affarijiet simili li jekk kemm-il darba dan il-proċess jiġi eleminat dawn jibqgħu ma jinqabdux. Barra minn hekk huwa importanti li l-assigurazzjonijiet ikollhom rapport ta' dak li jkun ġara dak il-ħin - dak li ngħidulu tempo vergine - verżjoni li ħafna drabi jkun diffiċli ħafna li tibdilha skond il-konvenjenza. Jien ma nixtieqx nenfasizza żżejjed fuq l-interess ta' l-assigurazzjonijiet imma aktar nixtieq nenfasizza l-interess ta' l-assigurat għax, fl-aħħar mill-aħħar, aħna fuqhiex qed nitkellmu hawnhekk? Il-Prim Ministru qed jgħid li rridu niġu bħall-Ewropa. Aħna kollha nixtiequ l-livelli ta' l-Ewropa, anzi din in-naħa tal-Kamra nixtiequ ferm iżjed minn hekk għax nixtiequ ningħaqdu ma' dik il-parti tad-dinja, imma l-verita' x'inhi?
Fl-Ewropa, l-perċentwali ta' assigurazzjoni tat-tip li jissejjaħ comprehensive huwa għoli ħafna, filwaqt li hawn Malta huwa baxx ħafna. Dan xi jfisser? Ifisser li meta jkollok polza comprehensive fejn l-assigurazzjoni tħallas indipendentement mit-tort, għall-assigurazzjoni fl-aħħar mill-aħħar m'huwiex daqshekk importanti min għandu tort għax daqqa tiegħi u daqqa tiegħek. Hekk jirraġunaw bejniethom l-assigurazzjonijiet, jgħidulek dawn huma swings and roundabouts fejn illum imissni jien u għada jmissek inti. Pero', bis-sistema li għandna aħna, perċentwali għoli ta' l-assigurazzjonijiet huwa tat-tip third party full, jiġifieri jagħmlu tajjeb biss jekk kemm-il darba għandek tort. Dan xi jfisser? Ifisser li l-ħsarat tal-karozzi fil-verita' qed jiġi maqsum skond min ikollu t-tort. Mela dan qed jinqasam bejn l-assigurazzjoni u l-individwu u dan ifisser li hemm perċentwali kbir ta' kolliżjonijiet li qed ibatuhom l-individwi. Mela allura dak li aħna qegħdin inħallsu lill-assigurazzjoni bħala premium ħafna drabi huwa bbażat fuq il-ħsieb li l-assigurazzjoni ħafna drabi se turi li hi m'għandhiex tort u m'hijiex se tħallas. Mela allura se tħallas int. Xi jfisser dan? Ifisser li jekk kemm-il darba naqilbu għal sistema fejn il-partijiet ikollhom iċ-ċans kollu li jiftehmu bejniethom, dawn żgur jaqblilhom li min għandu l-iżjed ħsara ma jeħux it-tort u min m'għandux ħafna ħsara jieħu t-tort hu. Allura dawn imorru jirrapportaw għand l-insurance tagħhom, wieħed jgħid li għandu ħafna ħsara imma m'għandux tort u l-ieħor jgħid li għandu inqas ħsara u jammetti t-tort hu. Il-bottom line huwa li se tħallas dik il-kumpannija ta' l-assigurazzjoni ta' dak li dejjem jgħid li għandu t-tort, skond il-konvenjenza. Dan awtomatikament se jfisser li se jogħla l-prezz ta' dak li aħna nħallsu bħala sewwieqa lill-assigurazzjonijiet. Mela għalkemm direttament qed iħallsu l-assigurazzjonijiet, in the long run nispiċċaw li fil-prattika qed inħallsu aħna s-sewwieqa.
Jien qed ngħid x'nixtieq li jsir pero' rrid nenfasizza li f'dan il-każ irrid nirrikonoxxi wkoll l-iżviluppi li saru fit-teknoloġija. Ilum iddiskutejna l-Planning Authority - m'iniex se nsemmieha għax nagħraf li wieħed m'għandux isemmi dak li jkun ġie diskuss waqt is-seduta - u għal min ma jafx fil-mapping unit tal-Planning Authority għandna mapep tat-toroq fuq il-computer li jistgħu jkunu aċċessibbli għal kulħadd u allura meta wieħed jiġi biex jagħmel sketch m'għandux għalfejn jerġa' jpinġi t-triq mill-ġdid, qisha qatt ma ġiet impinġija qabel, imma sempliċement jagħfas żewġ buttuni u malajr isib il-lokalita' ta' l-inċident. Xi jfisser dan? Is-suġġeriment tiegħi huwa li għandna nerġgħu naħsbuha mill-ġdid dwar kemm huwa għaqli li nneħħu l-pulizija minn din l-istorja. Jien m'iniex konvint li għandna nneħħu l-pulizija u min-naħa l-oħra naħseb li għandu jkun hemm diviżjoni li tkun speċjalizzata għal dan ix-xogħol - mhux neċessarjament tal-pulizija imma tista' tkun anke ta' l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku jew organizzazzjoni privata, m'għandi l-ebda diffikulta' dwar dan - u meta l-pulizija fl-għassa jirċievi rapport li saret ħabta, jirrapporta lil din id-diviżjoni li tibgħat nies apposta fuq il-post ta' l-inċident li jkollhom esperjenza fuq dan ix-xogħol. Jiġifieri xorta se jibqa' l-obbligu li s-sewwieqa jirrapportaw il-ħabta.
Fil-prattika jkollna bejn 12,000 u 15,000 ħabta fis-sena. Illum il-pulizija qed jitħallsu Lm3 - qabel bil-VAT kienu jħallsu Lm3.45! - għal dawn l-isketches. Jien ngħid li din hija somma rriżorja li naturalment għandha tiġi awmentata skond il-valur tax-xogħol u allura din id-diviżjoni għandu jkollha l-mezzi għax min-numru ta' ħabtiet li jkun hemm tista' tiġġustifika din it-tali żieda u peress li tispeċjalizza f'dan il-qasam billi toħroġ dawn l-isketches b'mod professjonali, tkun availabe 24 siegħa kuljum u jkollha għad-dispożizzjoni tagħha dawn il-pjanti li huma available mingħand il-Planning Authority. Dan għandu jsir l-ewwelnett biex tibqa' s-serjeta' li hemm illum tal-preżenza tal-pulizija, biex ikollna prodott aħjar meta tiġi biex tiddiskuti r-responsabbilta', biex ma nibqgħux inżidu l-litigazzjoni fil-qorti - għaliex ovvjament meta t-tnejn jispiċċaw waħedhom jibdew imeru lil xulxin u Alla biss jaf kif se toħroġ il-verita' - u l-iktar importanti minn dan kollu huwa li neliminaw kemm jista' jkun l-attentati ta' frodi fuq l-insurance li fl-aħħar mill-aħħar se jfisser iżjed spejjeż għall-konsumatur. Grazzi, Madam Speaker.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Joe Cassar.
ONOR. JOE CASSAR: Madam Speaker, nixtieq nagħmel riferenza għad-diskors li għamel il-Ministru tal-Ħarsien Soċjali fl-aġġornament ta' l-14 ta' Lulju, jum il-waqgħa tal-Bastilja - forsi b'kumbinazzjoni għamlu dak inhar! - meta għamel attakk mill-aktar partiġjan, speċjalment fuq il-qasam tax-xogħol u l-koperattivi. Meta qrajt id-diskors tal-Ministru ftit stajt nifhem x'ried jgħid daqs kemm kien imħawwad id-diskors li għamel. Huwa veru li f'nofs inhar kulħadd ikun daqsxejn imħeddel mill-qilla tax-xemx, imma din il-Kamra issa drathom il-karatteristiċi partikolari tal-Ministru li jidħol f'ħafna kontradizzjonijiet. Jien ma nistax nifhem kif il-Ministru jagħti tweġibiet għall-mistoqsijiet li jsirulu bil-kitba imma malli tagħmillu mistoqsija supplimentari fuq dak is-suġġett jgħidlek biex tagħmel il-mistoqsija bil-miktub għax m'għandux it-tagħrif, biex imbagħad ftit sigħat wara jagħmel diskors li jkun fih it-tagħrif li tkun tlabtu u jekk tagħmillu mistoqsija jerġa' ma jweġibhiex. Jien nippretendi li l-Ministru għandu jimxi ta' ġentlom u t-tagħrif jagħtih hawn ġew u mhux lill-media.
F'diskors li għamilt ġimgħa qabel ma tkellem il-Ministru, jien għidt li f'dan il-pajjiż m'hawnx politika dwar ix-xogħol u li x-xogħol qiegħed dejjem jonqos. Mill-mistoqsija parlamentari numru 7784 li għamel il-kollega tiegħi l-Onor. Ċensu Galea, jirriżulta li matul Mejju l-labour supply naqas bi 307. Din hija ħaġa serja għax tista' tkun sinjal ta' riċessjoni. Il-Ministru fit-tweġiba tiegħu jgħid ukoll li n-numru ta' nies li jaħdmu bi qligħ fis-settur privat naqas b'94, f'korporazzjonijiet u kumpanniji fejn il-gvern għandu l-ikbar ishma naqas b'36 u fid-dipartimenti tal-gvern naqas b'157. Il-Ministru wieġeb ukoll li f'Mejju kienu 210 dawk li ġew redundant - jiġifieri tkeċċew minn fejn kienu - u n-numru ta' dawk li jaħdmu għal rashom naqas b'140. Madam Speaker, din hija l-qagħda attwali fil-qasam tax-xogħol f'dan il-pajjiż li fih hawn inċertezza kbira.
Hawn insibu iktar figuri u dawn huma figuri uffiċjali. Fl-ewwel tmien xhur ta' Gvern Laburista n-numru ta' dawk jirreġistraw għax-xogħol żdied b'669, jiġifieri f'Ottubru kien 5,628 u f'daqqa waħda f'Mejju tela' għal 6,297, filwaqt li n-numru ta' nies jaħdmu naqas b'1,079. Inżid ngħid li l-aktar telf ta' impjiegi kien fost is-self-employed li f'dawn it-tmien xhur naqsu b'706, intilfu wkoll 355 impjieg mis-settur privat u 423 impjieg mis-settur pubbliku. Issa nistieden lill-Ministru jgħidilna x'qed jagħmel hu u l-Gvern tiegħu sabiex jirranġaw din is-sitwazzjoni li, kif diġa' għidt, qed iġġib ħerba u hija ferita kbira f'qalb il-poplu tagħna.
Il-Ministru qal ukoll li l-metodu ta' kif tinġabar l-istatistika u ta' kif jinħadmu l-figuri għadu bħal qabel. Imma l-Ministru kif jista' juża dan l-argument favur tiegħu meta minn dejjem ikkritika lin-nies ta' qablu li għamlu l-istatistika b'mod li lil ċerti impjegati tefgħuhom fis-settur privat minflok fis-settur pubbliku imbagħad sal-lum għadu qed iġib l-istess statistika? Allura l-Ministru qed jagħmel kollox ħażin! Il-Ministru beda proġett fil-Kottonera - hija ħaġa tajba li beda dan il-proġett - u sejjaħlu "Xahar ta' Impjiegi u Taħriġ". Jekk tistaqsih fejn iżjed se jsir dan il-programm din il-mistoqsija ma jweġibhiex, imbagħad f'daqqa waħda jiġi hawn b'diskors imħejji u jssemmi San Pawl il-Baħar, Wied il-Għajn u l-Mosta. Allura fil-ħin tal-mistoqsijiet dawn l-affarijiet l-Ministru ma kienx jafhom? Jien kultant inħoss li l-Ministru qed jibża' mill-mistoqsijiet.
Niġi issa għall-koperattivi. Meta l-Ministru ħa l-ħatra lanqas kien jaf li jeżisti d-Dipartiment tal-Koperattivi u dan jirriżulta mill-Gazzetta tal-Gvern. Skond il-Gazzetta tal-Gvern, il-Ministru sar responsabbli mill-koperattivi fi Frar ta' l-1997. Jiġifieri meta ħa l-ġurament - ma nafx kemm-il xahar qabel - kien għadu lanqas jaf li se jkun responsabbli mill-koperattivi! Allura minflok ma l-Ministru jiġi jgħidilna li waqqaf sitt koperattivi, mhux aħjar jgħidilna meta bdiet il-ħidma biex jitwaqqfu dawn il-koperattivi? Nixtieq li l-Ministru jgħidilna wkoll x'ħidma qed jagħmel mal-qasam koperattiv li jeżisti fl-Organizzazzjoni Internazzjonlali tax-Xogħol u jekk għadx baqa' rabtiet ma' l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Koperattivi. Jew minn dan kollu m'hu qed isir xejn?
X'jgħid imbagħad il-Ministru fuq l-Industrial Development Act li minnha bbenefikaw tant azjendi u ħaddiema? Il-Ministru se jikkritika wkoll l-għajnuna kbira li ngħatat permezz tal-liġi li daħlet fis-seħħ fl-1987? Hawnhekk għandi l-figuri li tana l-istess Ministru meta f'Diċembru ppreżenta r-rapport ta' l-organizzazzjoni internazzjonali tax-xogħol.
MADAM SPEAKER: Onorevoli, ikkonkludi jekk jogħġbok.
ONOR. JOE CASSAR: Mela dawn il-figuri nsemmihom darb'oħra. Jien nittama li l-Ministru ma jaċċettax is-suġġeriment li hemm fir-rapport li ppreparawlu dwar l-ETC biex din l-għajnuna li tingħata lill-industrija Maltija tiġi phased out. Jien nistenna wkoll li l-Ministru jgħidilna x'se jagħmel fuq ir-reġistrar u fuq ix-xogħol fil-komunita' u jgħidilna x'qed jiġri fuq il-programm "Leonardo". GĦalija billi l-Ministru joqgħod jgħid ħafna kliem, la qed jimxi b'mod modern u lanqas qed jimxi b'mod trasparenti, anzi bir-rispett kollu ngħidlu li m'hu qed jimxi xejn! Grazzi.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Sar il-ħin. Il-Kamra hija aġġornata għal nhar it-Tnejn 28 ta' Lulju, 1997 fid-9.00 a.m. bl-agenda kif ikkomunikata mill-Ministru Mizzi.
Fid-9.30 p.m. il-Kamra aġġornat mingħajr ma saret il-mistoqsija.
Dostları ilə paylaş: |