MADAM SPEAKER: Hawn permess sabiex dawn id-dokumenti jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra? (Onor. Membri: Iva)
Il-permess ingħata.
ONOR. GEORGE VELLA: Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Rapport dwar l-istruttura u l-funzjonijiet ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar;
Rapport maħruġ fis-7 ta' Diċembru 1996 mill-Management Team tal-Planning Directorate intitolat "Improving the Planning Service"; u
Rapport maħruġ fid-19 ta' Ġunju 1997 mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar intitolat "Proposals for Improving the Planning Service".
Aħna nafu kemm kienu joqogħdu jizzikawna min-naħa l-oħra u jitfgħu d-dubji. Kont nieħu gost nara lill-Onor. Austin Gatt jistaqsi meta dan ir-rapport ta' Farrugia se jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Issa jista' jieħdu miegħu u llejla joqgħod jaqrah qabel jorqod!
Madam Speaker, nistgħu ngħidu li l-attakk prinċipali tan-naħa l-oħra kien li l-ministru jrid jieħu l-poter f'idejh u joħnoq l-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Din għalija hija l-aktar ipokrezija grassa. Jiena nistaqsi: Jistgħu ż-żewġ ministri, li qabli kienu jmexxu din l-awtorita', ipoġġu jdejhom fuq sidirhom u jgħidu li f'dawn l-erba' snin u nofs qatt m'għamlu pressjoni politika fuq l-awtorita'? Jista' l-Onor. Zammit Dimech jgħid li qatt m'għamel pressjoni politika fuq l-Awtorita' ta' l-Ippjanar? Ma nsemmix lill-Perit Michael Falzon għax lil dak il-poplu qallu biex ma jerġax jidħol fil-Parlament għaliex għamel biżżejjed ħmerijiet.
MADAM SPEAKER: Onorevoli, skadielek il-ħin u għandek bżonn il-permess tal-Kamra biex tkompli titkellem. Hawn permess? (Onor. Membri: Iva)
Il-permess ingħata.
ONOR. GEORGE VELLA: Nirringrazzja lill-Kamra kollha għall-permess li tatni.
Jistgħu tan-naħa l-oħra jgħidu li ma kienx hemm diskriminazzjoni politika fil-Planning Authority? Dalgħodu issemmiet persuna li telqet mill-Planning Authority u jiena ħadt gost nisma' li s-Sur Sacco ingħata ċertifikat ta' effiċjenza miċ-chairman tal-Planning Authority. Meta s-Sur Sacco kien impjegat mal-Planning Authority ma ħax l-istess trattament li ħa ħaddieħor li daħal miegħu u li b'mod arbitrarju ħa kemm Alla ħalaq promotions u wkoll karozza. Il-ministru kien jaf b'dan. Mela għalfejn din l-ipokrezija kollha li jgħidu li ma jridux indħil tal-ministru! Ma kienx jindaħal fejn ma kienx jaqbillu li jindaħal għax dak Laburist u l-ieħor Nazzjonalist, ejja nagħmluha ċara. Pero' jistgħu jgħidu li ma kienx hemm ħatriet u placings ta' nies in the right place fil-Planning Authority? Ma rrid lil ħadd jieħu għalih pero' tajjeb li ngħidu dawn l-affarijiet, għaliex meta tiġi soġġett għall-kritika irresponsabbli u tfigħ ta' dubbji, fis-sens li jien irrid naħtaf l-Awtorita' ta' l-Ippjanar taħt idejja - hekk intqal ripetutament min-naħa l-oħra tal-Kamra - ir-risposta tiegħi tkun ċara: Kunu afu min kien jaħtaf! Jistgħu jgħidulna li ma kenux isiru ħatriet ta' nies in the right place ħalli meta jkollhom bżonnhom isibuhom malajr u jaqduhom? Bħalma għidt, kien hemm aċċess totali għal ċerti nies.
Per eżempju, ir-raġel tal-kollega tagħna, l-Onor. Giovanna Debono, kien jagħmel ġranet idur fil-Planning Authority u aktar ma toqrob l-elezzjoni aktar kont issibu hemmhekk. U dan għalhekk qed insemmih, ħalli xi ħadd jiġi hawn u jgħid li mhux veru. (Interruzzjonijiet) Dażgur li ma jaħdimx hemm! Kemm hu bravu l-Onor. Mugliett! Ma jaħdimx hemmhekk imma ċ-ċwievet tal-bibien kollha kellu u kulħadd kien jaqdih mill-koxxa! Imma dik il-koppja li qiegħda tistenna l-permess biex tibda tibni - għaliex ġej is-sajf u forsi jagħmlu ftit xogħol b'idejhom u jiffrankaw Lm600 jew Lm1,000 - trid tistenna għaliex m'għandhiex xi pampalun li jmur hemmhekk u jintervjeni għan-nom tagħha. U anke t-tifel ta' l-ex-Prim Ministru jista' jgħidilna kemm kien idur hemm ġew. (Interruzzjonijiet) Dażgur li l-Public Works Department m'huwiex il-Planning Authority! Jekk ridt tiddefendih, kellek ċans tqum tiddefendih. Dawn l-affarijiet jiena m'iniex ngħidhom b'kattiverja u fil-fatt, minkejja li ilna nafu b'dawn l-affarijiet kollha, fiż-żmien li konna fuq il-bord qatt ma qajjimna oġġezzjonijiet. Imma mhux għaliex se nirranġaw l-affarijiet issa jgħidu li aħna l-maħmuġin u li aħna rridu naħtfu u nikkontrollaw!
Jekk huma kienu komdi għax kienu qed jikkontrollaw is-sitwazzjoni bl-idejn twal li kellhom, żgur li ma ridux li jkun hemm xi tibdil imma aħna għandna għalfejn inbiddlu għaliex irridu li kulħadd jieħu dak li għandu jieħu u mhux min jieħu u min ma jeħux. Għalhekk jiena nakkuża liż-żewġ ministri li kien hemm qabli li lill-Planning Authority, struttura tajba li l-pajjiż għandu bżonnha, ħallewha tmur lura u għalhekk waslet fejn waslet. Issa meta qed nikkritika lill-awtorita' ma nkunx qed nikkritika lin-nies li hemm fiha u dan ma jiena ngħidu bl-ebda ipokrezija. Għandi l-akbar rispett lejn il-biċċa l-kbira tan-nies li hemm f'din l-awtorita' u lejn il-professjonalita' tagħhom imma mbagħad hemm elementi li ħammġuha. Dawn huma n-nies irresponsabbli li ġiegħlu l-affarijiet jiġru kif ġraw, imma mbagħad mhuwiex sew li aħna niġu akkużati li qegħdin nimmanipulaw l-affarijiet. Ħalli ngħid ftit x'qalu min-naħa l-oħra - mhux x'qalu barra mill-Parlament imma x'qalu hawn ġew - għax lil min mar igerger magħhom qalulu: Mhux tort ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar! Mhux huma! Ara jiena m'għidtx hekk. Jiena għidt li hemm id-difetti u hemm bżonn nanalizzawhom u naraw kif nirranġawhom. Madam Speaker, se ngħid x'qalu l-Onor. Membri ta' l-Oppożizzjoni u mhux x'qalu minn din in-naħa tal-Kamra, ħalli ma jkunx hemm min jgħid, bħalma qegħdin jgħidu, li għandna għall-Awtorita' ta' l-Ippjanar. (Interruzzjonijiet) Minn fuq jirreżistu t-tibdil li qegħdin nipproponu!
L-Onor. Mugliett, bl-ikbar sinċerita', qal li jafu li hemm "nuqqas ta' trasparenza". Allura din se nħalluha jew nirranġawha? Jiena naħseb li għandna nirranġawha. Ikkritika wkoll il-perijodu ta' tmien ġimgħat li anke jiena ma naqbilx miegħu u għalhekk se nirranġawh. Ara l-Onor. Zammit Dimech Alla jbierek ma kkritika xejn fil-Planning Authority. Dażgur! Mela se jikkritika xi ħaġa li suppost irranġaha hu u allura taqa' l-kritika fuqu! Skond l-Onor. Zammit Dimech il-ħażin qiegħed kollu f'dak li se nagħmlu aħna.
Imbagħad l-Onor. Michael Bonnici qal li hemm "inkonsistenza" fl-awtorita'. Allura dawn se nħalluhom jew se nbiddluhom? Qal ukoll li "m'hemmx biżżejjed enforcement" pero' huwa jaf kemm għaddejna sigħat niddiskutu dwar dan fil-Planning Authority. Jiena nittama li dan is-suġġett nittrattawh darb'oħra u nirranġawh ukoll pero', aktar minn hekk, l-Onor. Michael Bonnici wasal biex qal li l-case officers "jiddettaw" lill-periti privati. Allura dan inħalluh? Noqogħdu bil-qegħda u ma nagħmlu xejn, minkejja li nafu b'dawn l-affarijiet kollha? Jiena ċert li lill-Onor. Zammit Dimech kien jgħidlu li hemm case officers li qegħdin jiddettaw lill-periti, pero' x'għamel l-Onor. Zammit Dimech dwar dan? M'għamel assolutament xejn! Anzi qiegħed jiġi hawn u jgħajjar lilna.
L-Onor. Tonio Borg, bħall-Onor. Zammit Dimech, ma kkritika xejn pero' l-Onor. Ninu Zammit sa wasal biex qal - u hawn qed nikkwota - li l-Planning Authority "għamlet il-bsaten fir-roti biex ittellef il-progress fil-pajjiż". Dak ċertifikat! Dak pjaċir! Allura nħallu lill-awtorita' taħt gvern li jaf b'dan kollu u jħalliha tagħmel il-bsaten - mhux lill-gvern jew lill-ministri individwali - lill-progress fil-pajjiż? L-Onor. Zammit ilmenta li hemm policies li huma "bla sens" u li wħud minnhom iridu jiġu riveduti. Imbagħad ikkritika kif isir il-land use, li huwa aspett professjonali, u bħall-Onor. Michael Bonnici qal ukoll li hemm case officers li "m'humiex korretti fl-aġir tagħhom". (Interruzzjonijiet) Putting it mildly! GĦalhekk jiena nistaqsi: F'ġieħ is-sewwa u f'ġieħ ir-responsabbilta' li jkollu ministru meta jkun f'din il-pożizzjoni, x'għamiltu biex dawn l-affarijiet ma jibqgħux isiru? Għax is-sitwazzjoni jiena l-istess sibtha, biex ma ngħidx li sibtha agħar.
F'dan il-kor imbagħad ingħaqad il-kollega, l-Onor George Pullicino, li qal li fil-Planning Authority hemm ħafna problemi pero' ma ġara xejn għaliex din issa writniha aħna! Mela huma għaddejjin komdi għax telqu jew neħħihom il-poplu u aħna qegħdin niffaċċaw dawn il-problemi kollha. Pero' l-aktar ħaġa serja għalija hija li anke l-Onor. Pullicino jallega li hemm abbużi mill-case officers. Mela issa għandna tliet membri li qegħdin jallegaw - ma ninsewx li anke l-Onor. Ċensu Galea kien qal dan ukoll imma mbagħad innegaha - bl-aktar mod ċar li hemm abbużi mill-case officers.
L-Onor. Austin Gatt qal li "faqqset il-burokrazija". U l-burokrazija x'inhi, Onor. Austin Gatt? Il-burokrazija hija l-proċedura u allura x'hemm ħażin li l-ministru tal-lum jara li dawn il-proċeduri jiġu streamlined? Jidher ċar li skond l-Onor. Austin Gatt, min ħa l-briga biex ifaqqas il-proċeduri wasal biex faqqas il-burokrazija! Dan huwa wieħed mill-fatturi li sfortunatament faqqas il-burokrazija għax aħna injettati mis-sistema burokratika Ingliża. Faqqasna l-proċedura biex nagħmlu l-affarijiet iktar diffiċli - ir-raba' wieħed li qiegħed jammetti li xi uffiċjali abbużaw. Ara lil dan ħadd ma qallu: Għidha barra ħalli nieħdu passi kontra tiegħek! Le, dak l-Onor. Austin Gatt, ħadd ma jgħidlu xejn! Imma jien qed infakkar lill-poplu x'intqal f'dan id-dibattitu kontra l-Planning Authority minn nies li sa tmien xhur ilu kienu responsabbli huma li jaraw li dawn l-affarijiet ma jsirux. Nispera li issa ma jiġix xi ħadd jgħidli li dan ġara fl-aħħar tmien xhur u mhux fi żmienhom - għax kapaċi jaslu għal dan it-tip ta' ġenn imma naħseb li ma jabbużawx. Saħansitra l-Onor. Gatt qal li l-Planning Authority m'hijiex "user friendly". Veru, naqblu hawnhekk, imma allura għaliex m'għamiltu xejn, Onor. Austin Gatt, meta' int kellek tant power biex tikkmanda u kellek tant spag x'tiġbed, bil-ministri kollha jibżgħu minnek? Għaliex ma ġegħelthomx jirranġaw dawn l-affarijiet meta kontu fil-gvern?
Pero' l-iktar wieħed voċiferu - li lanqas jien ma nasal biex ngħidhom dawn l-affarijiet - kien l-Onor. Toni Abela li qal li hemm "sitwazzjoni intollerabbli". Mela għandna kor ta' tmienja min-nies - responsabbli jiġifieri mhux qed insemmi lil xi ħadd li qabżitlu jew raqad mikxuf u ġie jgħajjar lill-Planning Authority - li għamlu dawn id-diskorsi ppreparati fuq il-Planning Authority f'dibattitu fil-Parlament. L-Onor. Abela qal li kien hemm sitwazzjoni "intollerabbli", policies li "ma jagħmlux sens" u allega li kulħadd sar "alla żgħir". Hawn bdew jikbru l-akkużi għax qal li kulħadd sar "alla żgħir". Meta l-Onor. Membru qed jgħid dan naħseb li għandu ċerta informazzjoni f'idejh biex jgħid hekk. Dan nutar u naħseb li sema' ħafna affarijiet biex jgħid li kulħadd sar "alla żgħir" hemmhekk! Madam Speaker, nerġa' nfakkar lil min qed jismagħna bħalissa li dan mhux il-membri tal-Gvern, mhux il-Laburisti qed jgħiduh, imma l-Oppożizzjoni Nazzjonalista li sa tmien xhur ilu kienu fil-gvern. Imbagħad fetaħ ħanxra u beda jgħidilhom: "Istħu, istħu!". (Interruzzjonijiet) Tmien xhur, tibżax, tħabbilx rasek, fadlilkom x'tistennew! Inti għoddhom, imma fadallek x'tgħodd mhux ħażin! L-Onor. Abela fetaħ ħanxra u beda jgħajjar lill-Planning Authority permezz ta' l-uffiċjali tagħha hawnhekk u beda jgħidilhom: "Istħu, istħu!".
Lill-Onor. Abela jien ngħidlu: Istħu intom għaliex l-istruttura tal-Planning Authority bdiet taħdem. Aħna li nistgħu naraw mill-bogħod iktar nistgħu nagħmlu valutazzjoni u niġġudikaw kif sejrin l-affarijiet. Aħna responsabbli li nbiddlu u nirranġaw l-affarijiet ħalli ma jiġix xi kor ta' membri Nazzjonalisti u jibdew jagħmlu dawn il-ħafna litaniji ta' akkużi lill-Planning Authority. Dawn qishom qegħdin jgħajru lilhom infushom, bħalma jgħid il-Malti li tobżoq lejn is-sema u jiġi f'wiċċek. Madam Speaker, in-nies jifhmuhom dawn l-affarijiet. Ladarba dawn in-nies kollha, bir-responsabbiltajiet li kellhom, ex-ministri u membri parlamentari u dawk attivi fil-partit, illum għandhom din iċ-ċarezza ta' kritika kontra l-Planning Authority, il-poplu jgħidilhom: Allura intom, li ma kontux irresponsabbli, li ma kontux kattivi ma' dawk li bdew idumu jistennew u jbatu m'għamiltu xejn u issa għax qegħdin "komdi" ma qed tagħmlu xejn ħlief tikkritikaw! Din m'hijiex serjeta'. Jien għalija din hija assolutament il-quċċata ta' l-ipokrezija.
Madam Speaker, issa ħalli naraw fiex tikkonsisti l-kritika li għamlet in-naħa l-oħra. Stajna smajna wieħed, apparti dawn l-appellattivi u din il-litanija ta' kumplimenti lill-Planning Authority - għax kull wieħed beda jipprova jkun kemm kemm iktar tajjeb mill-ieħor! - imma altrimenti ssib li kien hemm ripetizzjoni ta' l-istess affarijiet. Kien hemm tliet punti bħala kritika. L-ewwelnett qalu li ma saritx konsultazzjoni biex isir dan it-tibdil. Nota li daqqha kulħadd kienet għaliex ma ħarġitx white paper u li qed ngħaġġlu wisq skond l-Onor. Zammit. Ħalli nibda minn ta' l-aħħar.
Lill-Onor. Zammit ngħidlu: Trid nibqgħu nkaxkru saqajna, kif kaxkartuhom intom dan iż-żmien kollu, biex imbagħad jiġi sieħbek u lil tal-Planning Authority jgħidilhom: "Istħu!" L-għaġġla tagħna m'hijiex għaġġla mferfxa imma għaġġla ta' effiċjenza u se ngħaġġlu għaliex l-affarijiet hemm bżonn jirranġaw ruħhom. Fil-bidu għidt li qegħdin ngħaġġlu ħalli ma nkaxkrux sitt xhur oħra, għaliex daqshekk kien ikollna nistennew kieku lħaqna għalaqna għar-recess tas-sajf. Sitt xhur huwa żmien twil ħafna għal min qed jistenna permess jew għal min għandu overdraft mal-bank u qed iħallas eluf f'imgħaxijiet. U għalfejn dan? Sempliċement għaliex dawk il-case officers, li kien hawn riferenza ripetuta għalihom, setgħu kienu "irresponsabbli" - issa qed nikkwota - jew għax forsi setgħu aġixxew b'mod differenti f'każijiet simili jew għax ippretendew xi ħaġa. Allura, ngħid jien, tibqa' tistenna l-bonagrazzja tagħhom biex jaqduk? Mela għaġġla ma kellniex imma ma ridniex nagħmlu bħal ħaddieħor u ma nagħmlu xejn. Studjajna u nista' ngħid li studjajna ħafna fuq dak li smajna imma mbagħad għidna: Now is the time to act. U għall-istess raġuni li ma ħriġniex white paper.
Kien ikun iktar faċli li noħorġu white paper, nintefgħu lura tliet ġimgħat jew xahar nistennew l-ittri ġejjin, ripetizzjoni ta' dak li xbajna nirċievu, suġġerimenti miċ-Chamber of Architects, suġġerimenti mill-ambjentalisti, mingħand il-poplu u minn ħafna għaqdiet. Dawk kollha qegħdin għandi u min irid jiġi l-ministeru nurih il-files li għandna bis-suġġerimenti. Dik hija l-white paper, is-suġġerimenti tal-poplu li kien ilhom ġejjin minn meta kont membru fuq il-bord tal-Planning Authority u kemm ilni ministru. Mela għandi għalfejn nagħmel white paper fuq dan it-tibdil tal-bidu biex inkun naf x'jaħseb il-poplu? Dik huma se jagħmluha għaliex apparentement lanqas kienu jafu x'kien qed jgħid il-poplu! Anzi, jien ma ngħidx li ma kenux jafu imma injorawh. Jekk xi ħadd irid jilgħaba tad-dejjaq jgħid: Mhux aħjar smajt xi jrid jgħid il-poplu! M'hemmx għalfejn indumu nisimgħuh lill-poplu. Inti lil min tarah muġugħ se toqgħod tgħid: Ħa nara jekk smajtux sewwa? Trid tieħu azzjoni mill-ewwel u tagħmillu xi ħaġa ħalli tgħinu, taqbad u tikkurah, u mhux toqgħod tgħid: Ħa nerġa' nisma' sew, ħa nara jekk hux muġugħ u toqgħod tistennieh jerġa jgħidlek ajma. Riduna nagħmlu white paper, we lie back, noqogħdu npejpu sigarru, nistennew is-sajf biex immorru vaganza, niġu lura u mbagħad nagħmlu analisi ta' dak li jiġi mill-white paper u mbagħad nibdew naħsbu biex nimplimentaw. Dan huwa l-mod meditattiv tan-naħa l-oħra.
Il-kwestjoni tal-konsultazzjonijiet taqa' waħedha wkoll għaliex il-konsutazzjoni tfisser li tiltaqa' mal-poplu kuljum man-nies u tagħmel kuntatt kontinwu. Mela jien se mmur nikkonsulta xi professur bil-mustaċċi li ma jifhem xejn f'dawn l-affarijiet! Trid tikkonsulta lill-poplu li huwa the end user, li qiegħed jistenna s-servizz. Hu jrid jgħidlek x'qed iħoss. Aħna qegħdin hawnhekk mhux għalina nfusna, lanqas għall-partit bħala partit, imma aħna qegħdin għall-poplu li tellagħna, Madam Speaker. Malli rajna li ż-żmien kien dieħel u kien hemm lakuna fil-proċedura tal-Parlament li stajna nsibu dan il-ħin biex nagħmluha - għaliex meta ġejna għal-liġi tat-tibdil tas-sistema tat-taxxi, fejn aħna ppretendejna xi muntanja ta' krtitika u n-naħa l-oħra ħarġu b'werżieq, tkellem wieħed u waqfu! - għidna li la dawn lanqas jutilizzaw il-ħin tal-Parlament ma jridu biex jagħmlu dik il-kritika kollha li tant ħambqu fuqha, ejja ngħaddu xi ħaġa li hija urġenti.
Imbagħad kien hemm kritika li aħna qegħdin nipprovaw innaqqsu l-awtonomija. Kien hemm kor - ipparteċipaw l-Onor. Mugliett, l-Onor. Zammit Dimech, l-Onor. Tonio Borg u l-Onor. Austin Gatt - li l-fatt li rridu nagħtu aktar awtorita' lill-ministru hija theddida għall-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Issa dwar dak id-diskors kollu - qisek qed tisma' musketterija, tfaqqa waħda wara l-oħra, l-istess ħaġa! Nixtieq nanalizza fejn jidħlu dawn il-poteri kollha li qed jitkellmu fuqhom. (Interruzzjonijiet) Qed ikejlu b'xibirhom! Jien nixtieq nagħmel rassenja malajr ta' fejn tidħol din id-diskrezzjoni tal-ministru li tant qed jagħmlu għaġeb fuqha, it-theddida għall-poteri tal-Planning Authority u dan il-ħafna diskors fuq tnaqqir ta' l-awtonomija. Nerġa' ngħid: Ejja ma nkunux ipokriti għaliex l-awtonomija mhux bil-paroli u mhux fuq il-karta trid tkun imma trid tkun vera. Jien diġa' għidt u kont ċar f'dak li kont qed ngħid li ċertu ndħil sar meta ried isir - mhux dak legali, dak li mhux suppost sar. Allura ma noqogħdux ninħbew wara ħafna ħmerijiet.
L-ewwel attakkaw il-fatt għaliex għidna li l-President jaħtar il-membri tal-bord ta' l-appell. Veru, aħna qegħdin ngħidu "bil-parir tal-ministru". Fil-fatt nista' ngħid li meta konna qed nagħmlu dawn l-emendi, l-Attorney General qalli li din hija parti mill-Kostituzzjoni u qalli wkoll li għandna nniżżluha ħalli jkun jidher ċar li dawn jiġu nnominati, jaġixxu u jitneħħew - bħal fil-każ ta' l-imħallfin - mill-President fuq il-parir tal-ministru. Mela xi ħaġa li hija kostituzzjonali għamilna song and dance sħiħa fuqha u l-Onor. Censu Galea fl-aħħar punt beda jgħid għax se naħtru lill-membri tal-bord. Skużi, fil-liġi li għandna quddiemna llum il-parti dwar il-membri tal-bord hekk qiegħda. Għandna wkoll li s-segretarju tal-bord ta' l-appell se jkun nominat mill-ministru. Issa jien nista' ngħid bl-ikbar sinċerita' li dan se nagħmluh sempliċement biex inħaffu l-proċess. Meta tisma' kritika bħal din tibda tgħid: Wara kollox x'qed nagħmel ħażin iktar milli qed jagħmel il-ministru responsabbli mill-ġustizzja li jappunta s-segretarju tal-qorti? Billi tappunta segretarju tkun qed tindaħal fl-awtonomija tal-Planning Authority jew tal-bord ta' l-appell? Bl-istess raġunar tista' tgħid li l-qorti m'għandhiex awtonomija u m'hijiex serja għaliex ir-reġistratur u d-deputati reġistraturi tal-qorti jiġu nominati mill-ministru, bħalma se jkun nominat is-segretarju tal-bord ta' l-appell mill-ministru permezz ta' din l-emenda li għandna quddiemna. Mela din hija kritika li ma tagħmel l-ebda sens.
Meta konna qed nirrivedu l-liġi prinċipali sibna li hemm planning consultative committee li l-liġi tobbligah li jiltaqa' numru ta' drabi fis-sena. U jien ngħid: Mhux aħjar inkunu nafu x'inhu jiġri għax dan litteralment huwa mejjet! Tant hu hekk li kemm ilni ministru ma smajt xejn minnu, ma naf xejn x'għamel u safejn jien informat ma nafx x'kuntatti kellu mal-Planning Authority. Allura dan il-planning consultative committee mhux aħjar, għallinqas darba kull tliet xhur, jibgħat rapport ħalli jgħidilna x'għamel u ħalli jiġġustifika l-eżistenza tiegħu? Aħna dan ma neħħejniehx imma għidna li la l-liġi tobbligah li jiltaqa' tant drabi - ma nafx jekk hux tliet darbiet fis-sena - għallinqas darba kull tliet xhur għandu jibgħat żewġ faċċati jew tlieta ħalli lill-ministru jinformah li ltaqa' u x'ikun iddiskuta. B'daqshekk qed innaqqru l-awtonomija ta' l-Awtorita'? Issa f'subartikli (1) u (2) ta' artiklu 12 tal-liġi prinċipali, li ovvjament saret taħt il-Gvern l-ieħor, hemm li l-membri li hemm fuq dan il-planning consultative committee u ċ-chairman tiegħu - ara kemm se nindaħlu! - huma kollha maħtura mill-Prim Ministru. Mela skond il-liġi kif inhi - in-naħa l-oħra tagħti l-impressjoni li l-Planning Authority għandha awtonomija totali u ħadd ma jindaħlilha - l-membri kollha u ċ-chairman huma kollha appuntati mill-Prim Ministru u l-funzjoni ta' dan il-kumitat hija li tagħti parir lill-gvern u lill-awtorita' fuq xi policy jew fuq xi proponiment li jidhrilhom li għandhom jagħmlu. Jien nistaqsi: X'hemm ħażin billi jien tlabt li darba kull tliet xhur dan il-kumitat jagħtini rapport bil-miktub? Nispera li min qed jismagħna - kien hawn ħafna għajjat u biża' min-naħa l-oħra, donnu ġejja l-aħħar tad-dinja għax qalu li se nkissru l-awtonomija ta' l-awtorita'! - jibda jifhem punt punt fuqiex saru dawn l-akkużi.
X'imkien ieħor daħħalna emenda li l-ministru jiżgura li l-awtorita' tkun mgħarrfa bil-policies ħalli jissorvelja t-twettiq tagħhom. Jekk kemm-il darba tara awtorita' li ma tkunx qed issegwi l-policies tagħha stess - m'iniex qed ngħid li qed jiġri hekk imma ejjew nassumu dan - jew qed tinterpretahom b'mod differenti, x'hemm ħażin li l-ministru jara li l-awtorita' tiġi mgħarrfa bihom? Jien se ngħid x'għamilna biex l-awtorita' tkun mgħarrfa u din hija xi ħaġa pożittiva li n-naħa l-oħra ma semmietx għaliex ma jaqblilhiex. Aħna rajna li jkun hemm policies iddikjarati, maqbula u ppubblikati li kulħadd ikun jaf bihom u mhux policies li jitfaċċaw minn x'imkien f'nofs proċedura ta' deċiżjoni ta' applikazzjoni. Aħna qed ngħidu li l-ministru għandu jiżgura li l-awtorita' tkun mgħarrfa bil-policies u jissorvelja t-twettiq tagħhom. Wara kollox, jien qed nieħu s-salarju u ġejt appuntat ministru biex nara li l-affarijiet jitwettqu sew. Aħna qed nitkellmu fuq l-awtonomija tal-Planning Authority u mhux fuq l-indipendenza tagħha għax il-mistoqsijiet parlamentari li jsiru min-naħa l-oħra dwar l-affarijiet li jkunu jidhru li marru ħażin u li l-kostitwenti ġustament imorru jgergru dwarhom magħhom - ilmenti bħal "inqdejt hekk" jew "lili ma tawnix u lil dak tawh" - quddiemi jiġu u jien irrid inqum hawnhekk u nirrispondi għall-Awtorita' ta' l-Ippjanar - bir-rispett kollu - u mhux iċ-chairman jew iċ-chief executive. Barra minn hekk, anke meta jaraw li qed jonqsulhom il-flus, għand il-ministru jiġu jiġġustifikaw li jkollhom bżonn daqstant iktar. Allura jien kif nista' nfarfar minn fuq spallejja r-responsabbilta' li nara li, min qiegħed nivvotalu l-flus u min qiegħed nirrispondi għan-nuqqasijiet allegati tiegħu, qed jimxi mal-policies kif suppost? Din qed tneħħi l-awtonomija? Il-kor kollu ta' kelliema li tkellmu - fil-fatt baqa' biss l-Onor. Jesmond Mugliett minn dawk kollha li tkellmu, ma nafx jekk hemmx xi logħba football illejla! - mhux qiegħed hawn ħalli jisma' l-kritika u jirrispondi fuqha fil-gazzetti jew fejn ikun.
Madam Speaker, waqt il-laqgħa li kellna, ċ-chairman tal-Planning Authority - dan qiegħed hawnhekk u jippermettili ngħid dan; dan mhux qed ngħidu biex ninvolvih imma għax huwa riflessjoni ta' x'kien qed jiġri - qal fil-minuti li r-rapprażentanti tal-ministeri li kien hemm fuq il-bord ma kenux qegħdin iwasslu l-policies tal-ministeri li jkunu qed jirrappreżentaw. Qal ukoll li f'ħafna okkażjonijiet l-awtorita' kien ikollha tieħu guidance u titlob direttivi diretti mingħand il-ministru. X'hemm ħażin fiha din! Mhux hekk irid isir! Mela dawn jistgħu jitilqu għal rashom u jagħmlu li jridu huma! Il-liġi tikkontempla li għandu jkun hemm ħames rappreżentanti ta' ħames ministeri fuq il-Planning Authority ħalli jwasslu l-messaġġ tal-policies tal-gvern. Issa ċ-chairman qed igħid li dan il-messaġġ ma kienx jasal u kien ikollu jmur direttament għand il-ministru. Jien niftakar żmien, meta kont membru tal-bord, meta permess ta' skola dam imdendel għal ħafna żmien quddiem il-Planning Authority għaliex meta konna nitolbu lill-Gvern biex jagħtina guidelines jew policies biex inkunu nistgħu niddeċiedu dan ma kienx ikollu għaġġla - bħas-soltu! L-Onor. Mugliett jista' jistaqsi għal liema skola qed nirriferi għax ma rridx insemmiha hawnhekk. F'din il-pożizzjoni kienet il-Planning Authority u jien għalhekk illum qed nirreaġixxi biex dawn l-affarijiet ma jerġgħux jirripetu ruħhom. Imbagħad iċ-chairman qalilna wkoll li meta kien jitlob li jkollu guidance mingħand il-ministru u ma kienx ikun hemm risposta jew policy - din hija rimarka interessanti - l-Awtorita' ta' l-Ippjanar kienet tiddeċiedi u taġixxi hi. Sewwa kienet tagħmel għaliex jekk ma jkollokx guidance mingħand il-gvern u jekk ma jkollokx policy fuq xiex timxi, xi tridha tagħmel? Żgur li mhux se tħalli skola tistenna permess xhur, biex ma ngħidx snin, għax il-majesta' tiegħu l-ministru jew il-Kabinett ma jirrispondikx. Din kienet is-sitwazzjoni, Madam Speaker.
Jien niftakar li meta konna nkunu hawnhekk u jien, bħala membru tal-bord kont nagħmel xi mistoqsijiet, kien iqum l-Onor. Zammit Dimech u jgħid: Aħna ma rridux gvern fi gvern. Aħna l-gvern u aħna nikkmandaw u għalkemm intom qegħdin hemm biex tiddeċiedu xi affarijiet, il-gvern imexxi u jagħmel il-policies. Jien ngħidlu li jekk hu jifhimha hekk, allura issa x'hemm ħażin li aħna qed nifhmu hekk ukoll? Dak iż-żmien dan kien jgħid li ma jridx min jindaħallu u kellu d-dritt li l-policies jagħmilhom hu. (Interruzzjonijiet), Hekk hu. Jien hekk nemmen. Jien ma kontx nitlob biex nagħmlu l-policies imma kont nitlob informazzjoni ħalli niġġudikaw u nieħdu deċiżjonijiet iktar responsabbli, li ħafna drabi ma kenux jiġu għax il-Gvern ta' qabilna kien miexi bla pjan, il-ministeri ma kellhom pjan ta' xejn u kienu jgħixu minn ġurnata għal oħra. Issa qed naraw ir-riżultat ta' dawn l-affarijiet għax sħabi diġa' informaw lill-Kamra x'sabu fil-Gozo Channel, f'Posta Ltd u fl-oqsma l-oħra. Dan huwa r-riżultat tal-politika li timxi by crisis management. (Interruzzjonijiet) Mhux hekk! L-aqwa li mmorru ntajru l-flus barra u nġibu kontijiet ta' eluf ta' liri magħna! Imbagħad niġu hawnhekk u lil min irid jipprova jirranġa nipprovaw inħammġuh u nitfgħu d-dellijiet koroh kollha fuqu!
Fl-emendi qegħdin ngħidu li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar tista' teżerċita l-poteri kollha tal-kontroll fuq l-iżvilupp li jistgħu jiġu delegati lilha minn żmien għal żmien bil-miktub mill-ministru f'isem xi dipartiment jew aġenzija tal-gvern. Din ukoll hija ħażina? Min għandu l-esperjenza jaf li minħabba li ma kienx qed ikun hemm delega ta' l-awtorita' din kienet qed tiġi kkontestata fil-qrati għaliex min ikun irid ifittex ix-xagħra fl-għaġina jistaqsi lill-case officer jew lill-enforcement officer min ikun tah dik l-awtorita'. Aħna qegħdin ngħidu li mhux biss irid ikollok id-delegation of authority imma din trid tkun gazetted fil-Gazzetta tal-Gvern ħalli ma jkunx hemm it-toqob tal-liġi u min ikun irid joħroġlok minnhom joħroġlok. Din issir biex tgħin lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar mhux lili! Mela jien nista' nippermetti li kull dipartiment, ikun min ikun, jagħti direttivi lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar jew jiddelegalha l-poteri! Mhux jien responsabbli minn din l-awtorita', Madam Speaker! Dawn mhux minn quddiemi jridu jgħaddu! Allura mhux bilfors għandi jrid jiġi u jgħidli: Ministru, jiena nixtieq niddelega dan il-poter lil din l-awtorita' għat-tali u t-tali raġuni. Allura din saret xi ħaġa maħmuġa li tagħmilha? Ifisser li se nneħħilha l-awtorita' jew il-kompetenzi tagħha? Mhux minn hawn trid tgħaddi! Mhux bilfors trid tagħmilha din! Kemm qegħdin naraw xjaten, qrun, dnub u ma nafx x'qegħdin naraw iżjed f'daqqa waħda meta qabel ma konna naraw xejn!
Ħaġa oħra li qegħdin ngħidu hija li l-awtorita', bl-approvazzjoni tal-ministru - din żidniha aħna - tista' tiddelega l-poteri tagħha, pero' dan ma jfissirx li qegħdin naqilgħuha 'l barra. Meta jiġi xi ħadd u jgħidlek li lit-tali se nagħtuh dan il-poter u inti tiffirma, bħal meta niffirmaw ħafna karti - għaliex ir-responsabbilta' wara kollox qegħdin jerfgħuha huma - u ħafna delegation of authorities, delegation of powers u konvenzjonijiet. Dawn kollha l-ministru japprovahom. L-ebda permanent secretary jew direttur f'ministeru li jmur it-tali pajjiż ma jiffirma xi konvenzjoni jew xi ħaġa oħra. Dawn kollha jiġu quddiem il-ministru - u min kien ministru min-naħa l-oħra jaf x'jiena ngħid u jaf li qed nitkellem korrettement - b'kull bolla ħamra daqs dinja ħalli jiffirma u jerfa' r-responsabbilta' li qiegħed jagħtihom l-awtorita' li jagħmlu dawk l-affarijiet. Allura dan se nqisuh bħala ndħil ukoll issa? Dan huwa mod kif tikkontrolla fis-sens ta' kontroll pożittiv u huwa mod kif tagħmel l-affarijiet kif suppost. B'dan il-mod ukoll xi ħadd qed jerfa' r-responsabbilta' li jekk xi ħadd jagħmel xi ħaġa li mhux suppost, jerfagħha fuq spallejh hu. (Interruzzjonijiet) Kif jista' jkun! Mela se nabrogaw ir-responsabbiltajiet kollha u narmu kollox? Aħna m'aħniex se nagħmlu kif għamlet in-naħa l-oħra, Madam Speaker, li telqet għal riħitha lill-Planning Authority u m'għamlet xejn iktar. Dawn varaw xi ħaġa tajba imma mbagħad la għamlu maintenance, la raw li qiegħda taħdem tajjeb u lanqas għamlu monitoring tagħha. U hemm każijiet li jġiegħluk tgħid: Isma', ejjew naraw daqsxejn l-awtorita' li hemm iddelegata mill-Planning Authority lil min hija ddelegata u safejn hija ddelegata. Dan għidtu meta ntroduċejt dan l-abbozz ta' liġi u se nerġa' ngħidu llum.
Jien ma rridx nerġa' nara li n-nies li qegħdin fid-DDC japprovaw proġetti li mhux soltu japprovawhom, għalkemm dan sal-lum ma stajtx tikkontestah għaliex ma kienx hemm liġijiet ċari li jgħidu dawn sa fejn jistgħu jieħdu responsabbilta'. Kien jiġri li jaqbdu lil xi gustuż, jagħtuh permess ta' 40 tomna art biex jiżviluppaha u qisu ma ġara xejn! U inti qisek l-iblah fuq il-bord ta' l-awtorita' mingħalik taf x'inhu għaddej mentri mhux veru tkun taf x'inhu għaddej. Jiena wegħedt kemm-il darba - u hekk kont noħlom li nagħmel - li l-bord ta' l-awtorita' nbiddlu u nagħmlu iktar rappreżentattiv ta' l-għaqdiet tal-poplu imma dan ma nistax nagħmlu għaliex sibt differenti milli ħsibt. Jiena kont qed nilludi ruħi fil-bord ta' l-awtorita' u mingħalik tkun taf x'inhu għaddej imma fil-verita' ma tkunx taf x'inhu għaddej. U filwaqt li nġedded il-wegħda li noħlom bid-data u biż-żmien li dak il-bord ikun miexi tajjeb u nistgħu nagħmlu fuqu membri differenti - mhux persuni - li jirrappreżentaw għaqdiet differenti, għal-lum Allaħares nagħmlu hekk għaliex is-sitwazzjoni m'hijiex dak li mingħalija kienet meta kont bil-qiegħda hemmhekk għal erba' snin u nofs. GĦaliex jiena ma kontx qed inxomm x'kien għaddej, Madam Speaker, u għalhekk qed ngħid dawn l-affarijiet u għalhekk f'parti mir-riformi li se nagħmlu - u nirringrazzja lil kull min għen biex nagħmluhom, lill-Kamra tal-Periti u lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar - qegħdin ngħidu li rridu nkunu ċari safejn tiddelegaha l-awtorita'.
Huwa veru li l-liġi tagħti lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar l-awtorita' li tiddelega imma ma nistgħux naħslu jdejna - anke Alla li ħalaq il-bniedem u qallu biex ikompli jkattar, ukoll f'xi żmien tah l-Għaxar Kmandamenti li ried jimxi magħhom! - u nibqgħu għaddejjin niftaħru li għandna l-awtonomija u li għandna l-liberta' tal-kuxjenza u nagħmlu li rridu, għax fl-aħħar mill-aħħar nafu li rridu nagħmlu l-kontijiet ukoll. L-Awtorita' ta' l-Ippjanar għandha l-awtonomija, għandha ċerti poteri u għandha doveri kbar x'taqdi pero' jeħtieġ li niddefinixxu the rules of the game u naraw safejn tista' tiddelega. Per eżempju, case officer safejn jista' jasal? Enforcement officer safejn jista' jasal? Id-DDC x'każijiet tista' tara? Liema huma l-każijiet li jaslu quddiem il-Planning Authority, ħalli mhux forsi wieħed ifettilu jibgħathom jew ma jibgħathomx jekk jara li hekk jaqbillu? Kif diġa' għidt, din hija parti mir-riforma li hawn f'dawn l-emendi pero' dawn ħadd min-naħa l-oħra ma semmihom. Issa nafu eżatt il-każ ta' dak u ta' l-ieħor f'liema kategorija jaqa' u għand min irid imur biex jiġi deċiż. Bħalma għidt irridu nagħlqu anke t-toqba li xi ħadd jista' jikkontesta x'poteri għandu uffiċjal jew membru ta' l-awtorita' u min tahomlu. Aħna għalhekk qegħdin ngħidu li l-poteri jridu jiġu gazzetted ħalli nkunu nafu ċar min huma n-nies u x'awtorita' għandhom.
GĦidna wkoll, Madam Speaker, li l-Planning Authority trid taħdem skond pjanijiet approvati, skond policies u proċeduri approvati mill-ministru. Jekk kemm-il darba wieħed irid eżempju ċar tal-bżonn li kien hemm ta' dan, jiena ngħidlu jisma' l-ħin tal-parliamentary questions tal-bieraħ fil-għaxija fejn l-Onor. Ċensu Galea stess - miskin ma ndunax u nqabad fuq sieq waħda! - talab lill-ministru biex jara li tiġi rranġata t-tali u t-tali policy. Jiena qomt u għidtlu li huwa kien qiegħed jgħid eżatt dak li rridu nagħmlu aħna, jiġifieri li hemm il-bżonn li l-ministru jara li ċerti policies jiġu attwati, maqbula u mplimentati. Biex nagħti eżempju, infakkar lill-poplu f'policy li laqtet eluf ta' nies, il-famuża deċiżjoni dwar il-compliance certificate li jiena, bħala membru fuq il-bord, in parti kont responsabbli minnha. Aħna konna qegħdin naraw ħafna bini tiela' bl-addoċċ u ridna nagħmlu xi ħaġa biex dan ma jibqax isir. F'mumenti pprovajna ngħidu li l-art għandna nirreġistrawha l-Insinwa biex ma tinbiegħx u dak li jkun ma jabbużax, imma din ma ħadmitx. Imbagħad għidna li min jinqabad li ma jkunx konformi ma nagħtuhx is-servizzi tad-dawl u ta' l-ilma. Kif diġa' għidt, din id-deċiżjoni jiena kont parti minnha meta kont qiegħed fuq il-bord - u din ir-responsabbilta' nerfagħha għaliex l-intenzjoni kienet tajba - imma ġara li lanqas din ma ħadmet għaliex, kif qal anke l-Onor. Zammit, jista' jkollok blokk ta' erba' appartamenti fejn tlieta jkunu xtraw l-appartament u m'humiex mgħaġġlin u l-ieħor se jiżżewweġ sitt xhur jew sena oħra u jkun qed jaħdem fih u meta jiġi biex jieħu d-dawl u l-ilma jgħidulu li ma jistgħux jagħtuh dawn is-servizzi għaliex ix-xogħol fl-appartamenti l-oħrajn għadu m'huwiex lest. Allura din ġustizzja? Din hija inġustizzja, imma allura kien hemm għalfejn nibqgħu nkaxkru b'din il-policy? Kelli nkun jien, Madam Speaker, li nlaqqa' l-Kamra tal-Periti ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għal tliet seduti fit-tul biex nipprova nġibhom flimkien? Issa dan ifisser li mponejt xi ħaġa jien? Jien x'nifhem fil-bini u fiċ-ċertifikati ta' l-ilma u tad-dawl! Imma għamilt id-dover tiegħi li dawn ġibthom flimkien ħalli jitkellmu, jaqblu fuq policy u ftehemna li dik hija l-policy. Pero' jiddispjaċini ngħid li sal-ġurnata mqaddsa tal-lum din il-policy, minkejja l-ftehim, xorta għadha mhijiex imħaddma kif suppost. Jiġifieri anke meta jindaħħal il-ministru u jipprova jġiegħlhom jagħmlu ċerti affarijiet, ukoll ikun hemm xi ftit irjus ebsin li jibqgħu jgħidu li mhux kollox sar eżatt skond il-ftehim. Aħseb u ara jekk inħallu l-affarijiet kif inhuma! U dan huwa eżempju ta' policy waħda.
Sieħbi l-Onor.Bertu Pace semma ruxxmata policies. Jiena m'għandix ċans noqgħod ninħela fuqhom hawnhekk pero' nixtieq insemmi waħda biss, il-policy li biex tiftaħ grocery f'raħal irid ikollok parking space. Jien m'iniex qed nikkritika b'sens negattiv u nibqa' nemmen li min qed jagħmel dawn il-policies qed jagħmilhom b'intenzjoni tajba, pero' once li ma ħadmux u taf li ġabulek backlog ta' applikazzjonijiet, ifisser li wasal iż-żmien biex dawn nirreveduhom flimkien. Imma min se jieħu l-briga, min se jieħu r-responsabbilta', min se jkun li jgħid li dawn hemm bżonn nirranġawhom għaliex għandna ħafna tgergir min-nies? Dan ma jfissirx li l-ministru jerġa' jagħmel xi policies imma jsejjaħ lill-periti, lill-Planning Authority u lill-GRTU u jgħidilhom: Taqblu li nagħmlu xi ħaġa differenti minn din il-policy? Nistgħu niftehmu ħalli nagħmluha iktar aċċettabli għall-poplu, iktar user friendly u customer oriented. Jiena naħseb li żgur li naqblu u naslu biex niftehemu imma jekk il-Planning Authority bl-expertise tan-nies li għandha tikkonvinċi lil kulħadd li dik hija policy li għandha raġunijiet ta' planning serji warajha u li ma nistgħux inbiddluha .... Din bħal tal-garaxxijiet. Jiena naħseb li din għandna nagħmluha bejn 12 u 14, imma jekk imbagħad il-planning officer jgħid li bi 13 jew 14-il filata l-garaxx jaqa' - jiena ma nifhimx u m'iniex tekniku f'dawn l-affarijiet - allura ngħidlu li għandu raġun u nkomplu. Imma jekk ma jikkonviċinix b'dan il-mod, allura l-aspett soċjali u l-aspett ta' kif qed jolqtu lill-poplu ma narahx? Dan huwa l-ħsieb wara dawn ir-riformi. Dan hu l-ħsieb li l-ministru japprova l-policies. Mela mbilli jipprovaw idaħħkuna hawnhekk u jgħidulna li qed nagħmlu dan biex inbiddlu d-development zones! Lanqas jekk irridu ma nistgħu nbiddluhom id-development zones u se ngħid għaliex. Il-ministru għandu jkollu r-responsabbilta' li jgħid li fejn l-affarijiet m'humiex mexjin sewwa allura għandna nindaħlu.
Hawnhekk nixtieq nerġa' nsemmi l-ipokrezija ta' ċerti nies. Meta kien qed isir il-pjan lokali ta' Pembroke, ħadd ma qal: Ara ma tindaħlux lill-Planning Authority, sinjuri ministri. Keep away. Jien kont hemm u naf x'kien jiġri. Kienet qiegħda toqrob l-elezzjoni u kulħadd beda jħoss in-nar tiela' ġo fih u l-Onor. Michael Refalo, l-Onor. Zammit Dimech u kull min kien interessat f'dik l-area kien ġej u sejjer jimponi fuq il-Planning Authority u jgħidilha: Ara ma tmissulniex il-playing area, ara ma tmissulniex il-grounds, ara ma tmissulniex tal-Juventus u tal-Libertas! Jekk mhux veru jgiddbuni. Kulħadd jibża' litteralment għat-turf tiegħu. Dan indħil jew mhux indħil? Meta l-Planning Authority kienet diġa' ddeċidiet li f'dik l-area jkun hemm ċertu numru ta' housing units - niftakar lill-kollega tiegħi, l-Onor. Michael Bonnici jaqbeż u jogħla meta ġie nformat li biex jaqdu lil dawk il-ministri li kienu qed jaraw il-voti, mhux planning imma l-voti, tal-Libertas, tal-Juventus ta' l-Atlanta eċċ., - iċ-chairman ħabbar li l-Kabinett kien qabel li jnaqqas 100 housing unit mill-proġett ta' Pembroke ħalli jakkomoda l-grounds. Mhux qed ngħid li m'għandux ikun hemm areas għall-isports. Dażgur li għandu jkun hemm! Ara Marsaxlokk, hemmhekk in-nies ma jilagħbux għax ħadd ma ħaseb biex ikun hemm ground u sporting facilities oħra imma f'Pembroke kien hemm ħafna, tant li l-Planning Authority aċċettat mingħand il-Kabinett li jitnaqqsu 100 housing unit ħalli ċerti ministri jkunu jistgħu jagħmlu li jridu. Imbagħad jiġu bl-ipokrezija kollha u jgħidulna: Tindaħlux lill-Planning Authority u ħallulha l-awtonomija! Kemm nixtieq li l-Onor. Michael Bonnici qiegħed hawnhekk ħalli jgħid jekk hux veru dan li qed ngħid għax dakinhar sabbat fuq il-medja u qal: Allavolja dan hu l-Kabinett tal-Gvern tiegħi, din ma naċċettahiex. U kellu raġun, apparti l-fatt li dawn qegħdin jgħidu li ma jindaħlux.
Meta għamlu l-public consultation tal-Pembroke Plan u kien hemm tliet kwarti tan-nies - jekk mhux iktar - li kienu kontra l-famuż business park, li kien se jqum xi Lm24 miljun u ħadd ma kien jaf għalfejn se jsir hemmhekk. Il-Kabinett, il-Gvern u l-ministri Nazzjonalisti ddeċidew li minkejja dak li qalu dawk in-nies kollha - dawk min jagħti kashom! - il-business park isir xorta waħda. Jiġifieri dan mhux il-Planning Authority ddeċidietu imma l-Kabinett li approva li hemmhekk għandu jsir business park, qalu x'qalu n-nies. Il-public consultation tagħmilha imma trid tagħti kasha. Tliet kwarti mill-complaints li tqajmu f'dik il-laqgħa - dawn għadhom id-dokumentati, il-ktieb tal-consultation jeżisti u min mhux qed jemmen jista' jmur jara - kienu kontra l-business park. Sadanittant il-Gvern ta' dak iż-żmien qal li hemmhekk irid jagħmel business park. Allura dak ma kienx indħil? Dik m'hijiex awtonomija mnaqqra tal-Planning Authority? Jien ngħid li ma kenitx, taf, għax forsi l-Gvern veru kien qed jemmen li kien hemm il-bżonn ta' business park hemmhekk, ħalliha li kienet deċiżjoni żbaljata bbażata fuq it-tberbiq ta' flus bla skop u bla planning ta' xejn imma dik deċiżjoni tiegħu. Pero' ara ma jiġux jgħidulna li ma kenux jindaħlu għax ma nemminhomx! Jekk kemm-il darba jrid ikun jaf kemm għandha awtonomija l-Planning Authority bil-liġi li hemm illum, u mhux se nbiddluha, ngħidlu li l-liġi tikkontempla li minn 15-il membru - Madam Speaker, ara kemm għandha awtonomija l-Planning Authority! - għandek ħames uffiċjali pubbliċi magħżula mill-ministri, jiġifieri hemm ħames ministeri u kull ministru jagħżel uffiċjal. Issa ovvjament, biex tagħżlu dan irid ikun xi ħadd li għandek fiduċja fih u xi ħadd li hu tal-qalba. Mela għandek ħamsa magħżulin mill-ministri, għandek tmien membri oħra indipendenti magħżulin mill-Prim Ministru - issa meta kienet qed tiġi fformata l-Planning Authority u ressaqna xi suġġerimenti, il-Prim Ministru ta' dak iż-żmien m'aċċetta lil ħadd min-naħa tagħna ħlief wieħed, il-Prof. Dwardu Mallia, li llum huwa attivist fl-ambjent u kulħadd jaf xi stoffa hu - u mhux hekk biss imma jkun hemm ukoll membru tal-Gvern u jkun hemm wieħed mill-Oppożizzjoni. Din hi l-awtonomija sħiħa ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar li tant iħobbu jsemmulna tan-naħa l-oħra!
Iċ-chairman wara dan kollu lanqas jgħidilhom: Intom dixxipli tiegħi li lkoll għandi fiduċja fikom, għażlu chairman bejnietkom. Le, iċ-chairman jagħżlu l-Prim Ministru u l-vice chairman jagħżlu l-Prim Ministru. GĦalfejn din l-ipokrezija? GĦalfejn qegħdin ngħidu li għamilna awtorita' b'din l-awtonomija kollha li qed ngħidu li għandha? Dan m'hu veru xejn. Dan li qed ngħid ma jirriflettix fuq il-kompetenza tan-nies li hemm fl-awtorita'. Jien ħdimt magħhom, ħdimt għal erba' snin u nofs ma' żewġ gruppi ta' nies differenti u ħlief għal xi eċċezzjoni 'l hemm u 'l hawn - u kien hemm eċċezzjonijiet, dażgur li kien hemm! - il-biċċa l-kbira minnhom huma nies serjissimi u ta' l-affari tagħhom. Imma ejja ngħiduha, biss biss il-ħames membri li jirrappreżentaw il-ministri kienu mistennija li jirriflettu l-ħsieb tal-ministru. Mela kif qegħdin tgħidu, Onor. kollegi ta' l-Oppożizzjoni, li m'hemmx indħil tal-Gvern? U qed insemmu vot ta' ħamsa minn 15 - ħalli ngħid li l-indipendenti jibqgħu jżommu moħħhom nadif u frisk biex jiddeċiedu.
Madam Speaker, niġi issa għad-DCC, il-kumitat li jaqta' d-deċiżjonijiet ta' kuljum. Mela għandek sebgħa min-nies li tlieta minnhom għal darb'oħra huma nominati mill-Prim Ministru, iċ-chairman huwa l-vice chairman tal-Planning Authority nominat mill-Prim Ministru u t-tlieta l-oħra jkunu maħtura mill-Planning Authority. Jiġifieri jekk xi ħadd għandu xi dubju rigward l-awtonomija assoluta tal-Planning Authority naħseb li aħjar jerġa' jaqra l-liġi tal-lum! GĦal min ma kienx qed jismagħna mill-bidu rrid ngħid li dawn m'humiex l-emendi li rridu nagħmlu aħna imma din hija l-liġi kif kienet s'issa. Issa fuq dan kollu - u hawnhekk imbagħad joħroġ l-apice ta' l-ipokrezija - min jaf il-liġi sew ... U naf li ħafna min-naħa l-oħra jafuha l-liġi u naf li l-oħrajn kienu jużaw dak li tippermetti l-liġi, imma pubblikament ma ngħiduhx ħalli nidhru li aħna qaddisin. Dan bħal min imur il-quddies filgħodu imbagħad filgħaxija jmur idabbar rasu fejn jaqbillu!
La qegħdin insemmu l-kompożizzjoni rridu niftakru li hemm artiklu 60 fl-aħħar tal-liġi li minkejja dak kollu li tgħid il-liġi fuq l-awtonomija - u dan għamluh tan-naħa l-oħra - jgħid:
"Il-Ministru jista', fuq rakkomandazzjoni ta' l-Awtorita', ..."
Din ma nafx xi tfisser jien, jekk jistax jibda bla ma tirrikkmandalu jew iġiegħlha tirrakmandalu, meta għandu n-nies kollha maħtura minnu fuq il-bord tal-Planning Authority! GĦax jien jekk irrid nuża artiklu 60, ngħajjat il-ħames membri li hemm fuq il-bord tal-Planning Authority li jirrappreżentaw lill-ministeri u nibgħat il-messaġġ b'xi id twila, bħalma kien jiġri qabel, lill-membri tal-bord l-oħra. Qabel kien ikollna l-ischerzi li kulħadd kien jitkellem kontra proġett imbagħad f'daqqa waħda kulħadd jivvota favur, imbagħad tinduna għaliex ikun ġara hekk. Dan l-artiklu jgħid hekk:
"Il-Ministru jista', fuq rakkomandazzjoni ta' l-Awtorita', jagħmel regolamenti biex jirregola jew xort'oħra jipprovdi dwar ħwejjeġ li għandhom x'jaqsmu ma' l-iżvilupp jew attivitajiet oħra li jolqtu l-art, biex jagħti effett iktar sħiħ lid-dispożizzjonijiet ta' dan l-Att u, b'mod partikolari, iżda mingħajr ħsara għall-ġeneralita' ta' dak li ntaqal qabel, jista' b'dawk ir-regolamenti.".
U tibda sensiela ta' x'affarijiet jista' jagħmel il-Ministru:
"(a) jirregola l-bini u l-kostruzzjoni, id-demolizzjoni u tibdil tiegħu, kif ukoll kull ħaġa oħra li għandha x'taqsam ma' bini ..."
Dawn huma l-poteri li għandu l-ministru bil-liġi tal-lum. U naħseb li hemm avukati n-naħa l-oħra li jafuh dan u jafu li użawh artiklu 60. Il-Ministru jista'
"jippreskrivi l-forma ta' kull avviż".
Dan mhux indħil, taf! Din hi l-awtonomija tal-Planning Authority. Din hi l-liġi li għandna quddiemna. Il-Ministru jista'
"jippreskrivi l-mod kif it-taxxa dwar il-bini jew ħlas ...".
Insomma l-ministru prattikament jista' jagħmel kollox. Il-ministru jista' anke - ara fejn hi l-ipokrezija ta' min qed jagħmel din is-song and dance, dan l-istorbju kollu li għax il-ministru se jkun qed jgħid lill-Planning Authority: Isma, ejja nitkellmu fuq proċedura ħalli naqblu - skond paragrafu (d) ta' artiklu 60:
"safejn mhux provdut xort'oħra, jippreskrivi l-proċedura li xi korp imwaqqaf f'dan l-Att għandu jsegwi ..."
Din hi l-ipokrezija tan-naħa l-oħra. Dan ħadd ma semmih? Tafu bih dan l-artiklu jew ma tafux? Jien ċert li tafu imma forsi ridtu tigdbu quddiem il-poplu. Mela l-ministru jista' jippreskrivi l-proċedura li xi korp imwaqqaf minn dan l-Att għandu jsegwi:
"... u jemenda, iżid ma' jew xort'oħra jibdel kull ħaġa li hemm fl-iskedi ta' dan l-Att li għandhom x'jaqsmu mal-ħwejjeġ fuq imsemmija.".
Jista' l-ministru jkollu poteri ikbar milli jagħtih artiklu 60 ta' din il-liġi? U min kien qed jagħmel il-liġi kien jaf x'inhu jagħmel u kien jaf li jrid ikollu l-mod kif meta jkun hemm bżonn iġibhom kemm kemm into line. Issa mbagħad jiddependi kemm tabbuża minn dan l-artiklu. Artiklu 60 ikompli jgħid:
"Il-Ministru jippreskrivi d-drittijiet li għandhom jitħallsu lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar b'konsultazzjoni magħha."
U aħna mhux hekk se nagħmlu? Mela jien se nqum filgħodu u ngħid li se nbiddel id-development zone tat-tali post jew tat-tali post! Trid tikkonsulta ma' l-awtorita' u mhux titlaqha għal rasha tagħmel li trid. GĦaliex m'għandux ikun hemm ir-responsabbilta'? Il-ministru għandu jkun imdaħħal fir-responsabbilta' ħalli l-affarijiet isiru sew, ħalli jirrispondi għar-responsabbilitajiet li qed jitpoġġew fuq spallejh. Il-paragrafu (f) ta' artiklu 60 jgħid:
"għal kull għan li għalih huwa awtorizzat jew meħtieġ li jsiru regolamenti..."
Mela l-ministru għandu poteri assoluti għax hemm sempliċement li:
"il-Ministru jista', fuq rakkmandazzjoni ta' l-Awtorita'".
U l-Awtorita' ta' l-Ippjanar hemm mod
kif iġġiegħlha tirrikkmandalek ċerti affarijiet.
Madam Speaker, qed ngħid dan biex nifqa' l-bużżieqa ta' dak il-kor ta' tinwiħ li kien hemm min-naħa l-oħra rigward li dawn l-emendi se jbiddlu l-awtonomija ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Imbagħad, jekk irridu naraw dawn il-ħames membri li qed insemmu fil-Planning Authority, li jirrappreżentaw il-ministeri skond il-liġi kif inhi - mhux l-emendi għax aħna għadna ma biddilna xejn ... Tgħidli: Jekk inhu ħażin? 'Il quddiem nipprovaw nirranġawhom, mela le. (Interruzzjonijiet) GĦalhekk qed ngħid. Dażgur li hemmhekk ma stajtx nagħmel lir-rappreżentanti ta' l-ambjentalisti u tal-kunsilli lokali. Għamilthom x'imkien ieħor u dan ma semmih ħadd minnhom kważi. U dan hu l-ewwel pass biex naslu fejn irrid jien. Mela filwaqt li l-indipendenti huma salvagwardati li jibqgħu fuq l-awtorita', lil dawk il-ħames membri mil-lum għal għada l-ministru jista' jgħidilhom: Int warrabli minn hemm ħalli npoġġi lil xi ħaddieħor minflokok! Daqshekk għandu tenure of office min irid jirrappreżenta lil xi ministeru fuq il-Planning Authority, li jitwarrab bid-deċiżjoni tal-ministru. Jiġifieri jekk dan joqgħod naughty, il-ministru jgħidlu: Aqbeż minn hemm sieħeb ħalli npoġġi lil xi ħaddieħor minflokok! U hawn jien nerġa' ngħid. Aħna, għax m'għandniex kilba għall-poter u m'għandna l-ebda skop li niddominaw l-awtorita', ħallejna l-istess ħames membri li sibna tmien xhur ilu u li jirrappreżentaw lill-ministri ta' qabilna. Ma biddilnihomx, hemm għadhom.
Issa qed naraw ukoll dan il-ħafna tinwiħ fuq it-tibdil piecemeal ta' l-istructure plan. Madam Speaker, ħalli ngħid kif isir l-istructure plan biex min ma jafx ikun jista' jitgħallem, li ma jmurx jaħseb li din hi xi tavla oħra li l-Messija ta lil Mose' fuq il-Monte Sinai. Jien ngħid li structure plan irid ħafna xogħol u nsellem lil min jagħmel dan ix-xogħol b'mod professjonali. Dan xogħol li l-pubbliku sfortunatament ma jafx bih għax il-pubbliku bil-permessi jaf. In-nies ma jafux kemm jinvolvi studju, kemm jinvolvi għaqal, kemm jinvolvi xogħol u kemm huwa professjonali x-xogħol ta' l-istructure plan u tal-local plans. Meta l-istructure plan ikun lest jiġi sottomess lill-gvern għall-approvazzjoni u għall-konsiderazzjoni. Mela l-Planning Authority ma taqbadx u tgħid: Isma', jien issa għamilt il-policies, għamilt structure plan u se nikkmanda jien. M'hu veru xejn. Il-liġi attwali, li ilha hemm ħames snin, tobbliga lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar li dan l-istructure plan tissottomettih lill-gvern għall-konsiderazzjoni u għall-approvazzjoni tiegħu. Mhux hekk biss, imma l-gvern jista' jagħmel anke tibdil skond kif jidhirlu hu. Hemm ukoll l-obbligu minn naħa tal-Planning Authority li hi u tagħmel l-istructure plan tieħu in konsiderazzjoni l-politika kurrenti ekonomika tal-gvern u r-riżorsi umani li l-gvern għandu available. Qed tara fejn ġejjin, Madam Speaker! Dawn il-poteri, li tan-naħa l-oħra qed jgħajruna bihom, huma kollha imniżżlin fil-liġi, waħda wara l-oħra, liġi li kien għadda Gvern Nazzjonalista. Il-membri tal-Planning Authority ma jistgħux jaqbdu u jagħmlu pjan bl-addoċċ imma dawn jagħmlu l-istudju tagħhom quddiem assessment panel. Panel ta' nies li se jiġġudikaw dan il-pjan. U min huma dawn li jiġġudikawh, Madam Speaker? Għandek tliet membri għax għandek chairman indipendenti, membru mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar u membru tal-bord ta' l-appell. U taf min jappuntahom lil dawn it-tliet membri biex jagħmlu l-assessment ta' l-istructure plan? Il-Prim Ministru.
L-Onor. Membri tan-naħa l-oħra ma qalux li l-liġi kif inhi diġa' tissottometti l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għall-kontroll politiku li hu ġust. Allura min għamel din il-liġi dan għamlu biex ixekkel l-awtorita'? Ejjew inkunu onesti mal-poplu. Aħna ma ħallejnihomx moħbijin dawn l-affarijiet imma ġibnihom up front. Iva, il-policies, il-pjanijiet u l-proċeduri jridu jkunu maqbula mal-ministru ħalli japprovahom, kif jagħmel il-Kabinett meta japprova structure plan. U l-gvern jista' jagħmel rakkmandazzjonijiet, jista' jikkonsulta mad-dipartimenti u ma' l-aġenziji tal-gvern ħalli dak il-pjan li toffrilu l-Planning Authority jikkonsidrah u jekk il-Kabinett jaqbel ipoġġih fuq il-Mejda tal-Kamra bir-rakkmandazzjonijiet biex jiġi adottat. U jekk ma jaqbilx jgħidlu: Dan ma naqbilx miegħu, sieħeb. Imma mhux ovvja din? Mhux il-gvern irid jagħmel il-policies? Allura għalfejn dawn il-ħafna ipokreziji, dan il-ħafna tinwiħ min-naħa l-oħra li aħna qed innaqqru l-Planning Authority? Intom giddibin - għax m'hemmx kelma oħra x'tuża - intom tridu tqarrqu bil-poplu u ma tgħidux: Isma', ħalli naraw daqsxejn waħda x'qed jiġri. Aħna qegħdin niftħu dak li hemm fl-Att dwar l-Ippjanar ta' l-Iżvilupp ta' l-1992 u qed nagħmluh ċar għax aħna qatt ma emminna fil-mudlam. Qatt ma emminna li nagħmlu l-affarijiet bil-moħbi. Qed nagħmluhom ċari u qed nagħmlu affarijiet li, iva, huma responsabbilta' tal-gvern u tal-ministru flimkien mal-Planning Authority, flimkien mal-korpi kostitwiti, flimkien mal-users u kull min juża l-Planning Authority.
Naħseb li dan huwa iktar minn biżżejjed biex nindunaw kemm il-krib li sar min-naħa l-oħra huwa faċċol, għax minn dan kollu m'hemm assolutament xejn. Fl-opinjoni tiegħi dan iwaqqa' dak kollu li ntqal fuq "l-id twila tal-ministru", li rridu nagħmlu kontrolli kbar fuq l-awtorita' u l-awtonomija tagħha. Jekk wieħed jara subparagrafu (2) (a) ta' artiklu 5 ta' l-Att prinċipali - dan ma missejnihx fl-emendi tagħna, se jibqa' sagrosant hemmhekk u dan qed ngħidu for the record - dan jgħid:
"It-tħejjija u t-tħaris tal-pjanijiet ta' żvilupp, jiġifieri tal-pjan ta' struttura u d-dokumenti supplementari għall-ippjanar, inkluża kull ħaġa oħra anċillari jew inċidentali għalihom jew li twassal għalihom ...",
se jibqa' d-dritt ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar li hija hi li tħejji l-pjanijiet u l-iskemi l-oħra. Dan id-dritt m'huwiex se jiġi mittifes bl-emendi li għamilna u min irid jaqra l-liġi mill-ġdid imur illejla jaqbad l-Att Nru. 1 ta' l-1992 u jara jekk dak li qed ngħid huwiex veru.
Subparagrafu (2) (a) ta' artiklu 5 għadu hemm, m'huwiex mittifes u dan jgħid:
"the preparation and maintenance of the development plans, that is to say the structure plan and the supplementary planning documents, ..."
- jiġifieri l-local plans, l-actions plans u s-subject plans -
"... including any other matter ancillary, incidental or conducive thereto ... "
Ma tistax taħrab minnha din. Dak li huwa anċillari għalih, inċidentali għalih jew li jwassal għalih se jibqa' d-dritt ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar. U l-istess ngħid għal artikli 23 u 27 - qed insemmihom għax il-liġi nafha ħafna iktar milli jafha ħaddieħor li qam jakkuża bl-amment biex jagħmel show politiku.
Dawn ma missejnihomx, m'hemmx emendi għalihom u dawn jgħidu li huwa d-dritt ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar li tfassal subsidiary plans, subject plans, local plans u action plans u dan ħadd m'hu se jneħħihulha. Tikkonsulta mal-ministru, tikkonsulta mal-gvern, ikun hemm il-qbil, bħalma diġa' tagħtih dritt il-liġi li jibagħtu l-Kabinett, li jagħmel assessment panel, mela le. Ħalli naraw jekk aħna ngħidu li rridu nagħmlu business park tmurx tgħid lill-Gvern: Isma, jien m'għandix minn fejn nagħmel business park ta' Lm24 miljun taf, għalxejn ħażżistu hemmhekk dan. X'irridu? Li nkomplu nidħku bin-nies? Nibqgħu bl-action plan ta' business park ta' Lm24 miljun meta m'għandniex minn fejn nagħmluh? Jew lill-Gvern tgħidlu: Isma', sieħbi, dan jogħġobni bħala eżerċizzju akkademiku, pero' la għandna t-talba għalih u lanqas għandna l-flus għalih, allura aħjar inbiddlu għax hemmhekk għandna bżonnu għall-housing. Madam Speaker, qed nieħu dan il-ħin kollu fuq dan il-punt għax il-kritika l-kbira hawn kienet rigward li rridu neħħu l-awtonomija tal-Planning Authority. Dan m'hu veru xejn. Issa l-attakki l-oħra x'kienu?
Qalulna li se nneħħu t-trasparenza. U dan kollu għaliex għidna li dak li qed isir, li xeba jsir, ipparteċipajt fih jien dan, b'mod ipokrita, skużi l-espressjoni imma m'hemmx kelma oħra x'nuża ... Ġieli kien ikollna bżonn nieqfu waqfa twila u nagħmlu sagħtejn nieħdu l-kafe' - mhux jiksaħ kien! - għax kien ikollna bżonn inwarrbu minn quddiem ċertu ħars li litteralment jhedded, wara li tkun diġa' rċevejt ruxxmata telefonati ta' theddid id-dar. Il-membri tal-Planning Authority li kienu u li għadhom jafu x'qed ngħid. Biex ma ngħidx ukoll li fil-bidu ta' xi seduta parlamentari kienu jiġu hawn jissikkawk biex ikellmuk, lanqas kont tista' tiċċaqlaq bihom, u meta kien ikun hemm sitwazzjonijiet fejn ikun hemm il-miljuni fin-nofs kienu jgħidulek: Aħna attenti għal x'se tikteb, taf! U kull wieħed jimmarka wieħed minn tal-bord, qisna qed nilagħbu xi logħba football! Imma jien nista' bil-kuxjenza kollha moralment jekk ikolli dubju ma ngħidux, għax nibża' minnhom? Nista' jien li smajt il-preżentazzjoni kollha, nitlob liċ-chairman f'ġieħ il-ġustizzja biex nidħol ma' sħabi ġewwa għax għandi dubju ħalli naqsmu magħhom, nara kif jaħsbuha, inwassal il-biża' u d-dubju li għandi biex f'ġieħ il-ġustizzja niġġudikaw bis-serjeta' u ma noqgħodx hemmhekk b'ħalqi magħluq għax nibża nitkellem, għax mhedded bil-ħars u bl-ippuntar tas-swaba? Biex ma nsemmix ukoll meta ġejna attakkati fiżikament għax telgħu għalina hemmhekk. Hekk irridu? Li nħallu lill-membri tal-Planning Authority taħt pressjoni morali li ma jistgħux jiġġudikaw u jiddeċiedu bis-serjeta'? Madam Speaker, dawn l-affarijiet ma jiġrux kuljum imma jkollok każ kultant.
Jien għandi l-fiduċja li ċ-chairman preżenti - u anke min ikun hemm warajh - għandu biżżejjed integrita' li jiddeċiedi hu meta jkun hemm it-tensjoni u jiddeċiedi hu l-post meta jkun hemm bżonn li wieħed jidħol jiddelibera għax allaħares noqogħdu nagħmluha kull darba. (Interruzzjonijiet) Iva, dażgur! Jien lest li nagħtihom id-deċiżjonijiet taċ-chairman u lest li nagħtihom dawn l-affarijiet. Għalhekk qed nispjega x'hemm wara l-liġi. M'għandniex għalfejn inneħħu t-trasparenza. Fil-kumitat lest li nagħmilhom dawn l-affarijiet, Onor. Mugliett. Iva, għandi fiduċja fiċ-chairman preżenti u f'dak li se jkun hemm warajh. Min għex bħali fuq dak l-bord jaf x'jiġifieri fejn jgħid: Issa jien, bil-kuxjenza kollha, kif nista' ma nitkellimx? Imma jekk se nitkellem se nsib bomba wara biebi għada! Dan sew meta jkunu qed jipprovaw jixtruk, meta jkunu qed jipprovaw jintimidawk, meta jipprovaw iwasslulek il-messaġġi u dawn l-affarijiet kultant jiswew il-miljuni? Allura jien inħoss li dawk in-nies li nappunta fuq dak il-bord għandi nagħtihom is-safety valve biex jekk kemm-il darba jkun hemm każ jaħraq u dawn jgħidu: Isma' m'aħniex liberi li niddeliberaw ....
Mhux kif qalu żbaljatament ħafna min-naħa l-oħra, li dan isir b'diskussjoni fil-magħluq. Mhux veru. Issir il-preżentazzjoni mill-Planning Authority, jinstema' d-developer, jġibu l-argumenti, ikun hemm it-third parties biex jgħidu tagħhom, ikun hemm ta' l-ambjent biex jgħid tiegħu u trid tisma' lil kulħadd bħalma ġurat jisma' lil kull min jersaq quddiem l-imħallef. Imma skużi, meta mbagħad għandi diffikultajiet li rrid inqajjimhom, jew niġu fis-sitwazzjoni redikola bħal ta' San Lawrenz, meta kulħadd kien kontra kulħadd imbagħad ivvotaw u kulħadd ġie favur. Tajjeb? U wieħed jibda jidħak. Jew inkella ngħidu: Isma' sieħeb, kif qed isir bħalissa, nieqfu għal coffee break u mmorru nieħdu kafe'. Sew din l-ipokrezija? M'hu coffee break xejn dak. Għandi dritt li nidħol niddelibera ma' sħabi jien ħalli nasal għal ġudizzju għax dak huwa post ġudizzjarju. Hemm il-ġustizzja fin-nofs. Jekk ma tagħtihulux dan tkun qed teħodlu d-drittijiet tiegħu; jekk tagħtihulu taf tajtu iktar milli suppost jieħu. Għalfejn m'għandix inkun liberu bħall-imħallef f'dik il-pożizzjoni li jekk għandi d-dubju rrid naqsmu ma' sħabi? Għalfejn qed tiddelibera mela? U mhux il-konsultazzjoni u d-diskussjoni imma d-deliberazzjoni u min hu avukat jaf li hemm differenza enormi bejn id-diskussjoni u bejn l-informazzjoni u d-deliberazzjoni. Tkun smajt lil kull min kellu xi jgħid, ma għalaqtx id-diskussjoni u ma għamilthiex bil-magħluq. Qed tiddelibera u tifforma moħħok fuq dak li wasal għandek mill-informazzjoni kollha li bl-iktar mod liberu u bl-iktar mod miftuħ kull min kellu jagħtik dik l-informazzjoni tahielek. Issa xi trid? Toqgħod kwiet u tipprova tifforma ġudizzju tiegħek għax huwa proċess normali li l-bniedem l-ewwel ikollu l-informazzjoni dieħla, imbagħad jixtarraha u mbagħad jagħmel ġudizzju. Hemm tliet fażijiet. L-informazzjoni tkun dieħla, jibda jixtarraha, jibda jifhem, imma meta mbagħad irid jiddeċiedi, agħtih naqra ċans jekk jaħseb li jrid ikun 'il bogħod fejn ma jkunx mhedded - u nerġa' ngħid ma jkunx mhedded, u naf x'jien ngħid - u agħtih ħames minuti, għaxra jew kwarta, kemm ikun hemm bżonn, ħalli jiddelibera ma' sħabu u jifforma l-opinjoni tiegħu. Mela din hija xi ħaġa li ridtu tipprovaw twerwru lill-poplu biha u mhux se twerwruh għax kulħadd jaf li dawn huma affarijiet li jridu jsiru.
Dostları ilə paylaş: |