Malta debates tal-kamra tad-deputati



Yüklə 401,19 Kb.
səhifə4/6
tarix08.01.2019
ölçüsü401,19 Kb.
#93110
1   2   3   4   5   6

MADAM SPEAKER: L-Onor. Mugliett, bil-permess tal-Viċi Prim Ministru.
ONOR. JESMOND MUGLIETT: Madam Speaker, nixtieq niċċara jekk dan il-provvediment huwiex se japplika anke fil-livell tad-DCC.
ONOR. GEORGE VELLA: Japplika wkoll jekk ikun hemm bżonn. Onor. Mugliett, dak li jista' jiżbilanċja bniedem li għandu proġett ta' Lm4 miljun jew Lm5 miljun, u ma tawhulux fuq kumment li seta għamel l-Onor. Vella, jista' jiżbilanċja bniedem li għandu proġett ta' Lm5,000, li għalih huwa l-għajxien ta' kuljum, u rimarka li għamel il-kollega l-Onor. Bertu Pace żbilanċjatu wkoll. Dak li qiegħed fuq il-livell tad-DCC li huwa delegat mill-Planning Authority għandu jkollu anke dan iċ-ċans, iva, li jagħmel dik il-ftit riflessjoni ħalli jkun jista' jiġġudika. Jien inħoss li din hija ġusta. (Interruzzjonijiet) Nista' naqbel magħkom li nżidu li din tkun fid-diskrezzjoni taċ-chairman - niddiskutuha, mela le - imma għandu jkun hemm dak is-safety valve u meta tirriflettu taraw li għandi raġun fiha din l-istorja kollha. Issa dawn qalu li se nneħħu t-trasparenza - din waħda minnhom - għax possibbilment se jsiru deliberazzjonijiet fil-magħluq f'ċerti każi li hekk ikunu jitolbu. L-oħra kienet għaliex jista' jkun hemm xi abbużi meta wieħed għall-kurżita jmur il-Planning Authority ħalli jara l-pjanti kollha li hemm.
Jien, again, lest li nagħmel ċerti emendi. Kienet magħluqa wisq u diġa' kelli l-emendi lesti. Meta ġew għandi ta' l-ambjent għidtilhom li dik se ntajruha minn hemmhekk, l-ewwelnett anke għax il-wording ridna nbiddluh. Bl-ebda mod ma rridu nżommu lill-pubbliku milli jkun jaf li l-kollega tiegħi, l-Onor. Psaila Savona, per eżempju, se jibni villa jew se jibni dar. (Interruzzjonijet) Skużani qed insemmi lilek għax ġejt quddiem għajnejja. Ħalli nsemmi lill-Onor. Richard Muscat. Dan se jibqa' hemmhekk għax l-ewwelnett ir-reġistru fil-gazzetta se jibqa' jidher, mela kulħadd jaf li l-Onor. Richard Muscat applika għal maisonette bi tliet kmamar tal-banju, whatever. Issa fir-reġistru se jkun hemm imniżżel x'hemm fl-applikazzjoni u d-dokumenti li dan tefa' ma' l-applikazzjoni biex int tkun ċert li dik l-art tiegħu. (Interruzzjonijiet) Imma, Onor. Mugliett, int taħseb li huwa d-dritt taċ-ċittadin li joqgħod jifli u joqgħod innaqqas mid-drittijiet taċ-ċittadin l-ieħor li jkollu ċerta privatezza f'dak li se jagħmel? Jien għalfejn għandi mmur nara l-pjanta tiegħek jekk f'hijiex bieb fuq wara, jekk f'hijiex trap door minn isfel, jekk f'hijiex kantina jew jekk f'hijiex bieb fuq il-bejt. Għalfejn dan? Kif inhi llum nista' mmur. Jista' jmur dak li jkun għadu ħiereġ minn sitt xhur ħabs u jmur jara kif qed tibni l-post tiegħek ħalli jkun jaf kif għandu jisirqek meta jrid. Dan l-iskop warajha għax jekk kemm-il darba int tgħidli: Isma' jien irrid inkun naf xi proġett se jagħmel f'dan il-mixed development, jien ngħidlek: Iva, dak se jagħmel hotel ta' 200 kamra u għandu 14-il flat, imma mhux se noqgħod nidħol fid-dettall tal-pjanti fejn huma t-twieqi u fejn huma l-bibien. Għalfejn dan? Ċikku l-poplu kollu jiġi jimpinġi fuq il-privatezza tiegħi.
Per eżempju, qed nibni dar lit-tifla u jiġi xi ħadd kwalunkwe għall-kurżita' u joqgħod iqalleb il-pjanti fil-Planning Authority. Dan huwa d-dritt tal-privatezza tiegħi. Hawn l-avukati hawn u jien naħseb li bid-drafting tal-liġi ddiskutewha kemm-il darba, ċioe' kemm id-drittijiet ta' ċerti individwi m'għandhomx jimpinġu fuq id-dirttijiet taċ-ċittadini l-oħra. Għaliex għidna li jrid ikun perit biex ċerti dettalji jarahom? Għax jekk jien ikolli xi ħadd qed jibni ħdejja, li se jgħattini jew li se jagħmel ħsara fil-pedimenti, jien nista' mmur ngħid li se jibni supermarket ta' tliet sulari u se jkollu daqshekk fond, imma d-dettalji ta' l-ippjanar u l-pjanti jien x'nifhem fihom? Jien irrid inqabbad perit u ngħidlu: Isma', dan ta' ħdejja se jibni supermarket ta' tliet sulari u naf li se jkollu tant u tant spazju. Ara ftit il-pjanti li ma jmurx jagħmilli ħsara fil-pediment u ara l-appoġġi kif se jkunu. U l-perit, bħala bniedem responsabbli professjonali, jgħidlek : Isma' ħalli naralek jien. U jmur u jgħidlek li tista' sserraħ rasek. Wara kollox, din il-ħafna arja u dan il-ħafna diskors vojt, kemm hawn nies jifhmu fil-pjanti? Qisu kulħadd sar jifhem f'kollox issa! Il-perit jifhem f'dawn l-affarijiet u jiġi jgħidlek biex isserrah moħħok li dak mhux se jagħmillek ħsara. Jew issa kull min għandu xahru twil sar jifhem f'kollox! Hekk issa spiċċajna li nifhmu f'kollox?
Jien m'għandix fiduċja li ċerti nies imorru jaraw il-pjanti tiegħi - għall-grazzja t'Alla m'għandi xejn jien - imma għaliex għandu jkolli kollox apert u miftuh biex Ċikku l-poplu kollu, il-pensjonant li ma jkollux x'jagħmel u xi erba' bums li m'għandhomx x'jagħmlu jmorru jqallbu l-pjanti u l-ex drogat għadu kemm ħiereġ mill-ħabs imur iqalleb il-pjanti? Hekk irridu? Jien ma naħsibx li rridu hekk u we can fine-tune it. Diġa' għamilt l-emendi fuqha. Il-pjanti ddettaljati għandu jarahom biss il-perit. Jekk, per eżempju, il-Mid-Med Bank jew il-Bank of Valletta qed jibni branch, inti m'għandekx dritt tmur u toqgħod tqalleb il-pjanti ħalli tara fejn hi l-istrong room! Żgur li m'għandekx dritt. (Interruzzjonijiet) Mela fejn jibda d-dritt ta' dak u jispiċċa tiegħi, skużi? Dan li qed nagħmlu aħna, li naraw is-salvagwardji u d-drittijiet taċ-ċittadin. Issa jien nista' nżomm li jekk kemm-il darba se jsir żvilupp ġo Pembroke jew x'imkien ngħidlu : Le, inti ma tmurx tara x'hemm. Dan mhux kulħadd ikun jaf x'hemml tafx li se jagħmel multi-storey development, se jagħmel mixed development jew se jagħmel garage. Dan se jagħmel garage imma mbagħad id-dettalji x'jidħlu? Madam Speaker, dawn huma l-affarijiet li n-naħa l-oħra għamlu tant paniku fuqhom.
Diġa' semmejt xi ħaġa fuq il-piecemeal policies fejn qalu li se nordmu d-drittijiet tat-third parties. Dan m'hu veru xejn. F'dan l-abbozz ta' liġi hemm li biex wieħed jagħmel appell irid isir xi ħlas nominali. L-idea kienet ta' administrative charge. Dan anke jekk tmur tiġbor ċertifikat mill-Insinwa, anke jekk tmur tiġbor kopja ta' ċertifikat mill-qorti tħallas xi ħaġa. Dik se nneħħuha ħalli ma nkunux qed ngħidu li qed inxekklu lin-nies biex iħallsu Lm5 biex jagħmlu appell. Allavolja dawn l-affarijiet iqumulu l-flus lill-Istat - għax qed taħli l-ħin u hemm in-nies u hemm l-impjegati u hemm id-dawl u hemm kollox - anke din neħħejniha ħalli nurukom kemm m'għandniex skop u m'għandna l-ebda intenzjoni li noqgħodu nxekklu liċ-ċittadin. Le, jista' jmur u jagħmel appelli kemm irid pero' imbagħad skużi jien liċ-ċittadin ngħidlu: Isma', bħalma għandek dritt, third party right, kif issa tatek il-qorti - u deċiżjoni tal-qorti nbaxxu rasna għaliha - imma inti ma tistax imbagħad toqgħod .... Mela se nagħmel żvilupp u wara li ħadt il-permess oġġezzjonajt int u waqqaftni u kelli mmur quddiem il-bord ta' l-appell u appena spiċċajt int ġie sieħbek u għamel appell ieħor. Skużi, aħna għidna li min ikun għamel oġġezzjoni fil-bidu imbagħad jkollu dritt għall-appell. Fejn neħħejnilhom id-dritt ta' l-appell? Aħna ssaldajna d-dritt tiegħek u tiegħi, bħala ċittadin, li jekk irrid nibni mezzanin ma nsibx xi erbat iċwieċ li jwaqqfuni wieħed wara l-ieħor, wieħed għaliex ta' l-ambjent, l-ieħor għax se nibni ħdejh, l-ieħor għax ma jaqbilx ma' li qed nagħmel, l-ieħor għax jibda jiġġudika jekk l-art hijiex tiegħi jew le u kull darba iwaqqfuni. Id-drittijiet ta' ċerti nies - u nammettihom id-drittijiet tat-terzi - ma jridux jimpinġu fuq id-drittijiet taċ-ċittadin l-ieħor, illi wara kollox għandu d-drittijiet tiegħu wkoll. Din hija kwestjoni ta' kontroll u kontroll ma jfissirx li nneħħu d-drittijiet tat-terzi. Id-drittijiet qed nagħtuhomlhom meta qegħdin nagħmlu emendi fil-proċedura ta' l-appell ħalli lill-individwu - kemm dak li qed jagħmel oġġezzjoni, kif ukoll dak illi qiegħed għaddej mill-proċess li jiġi kkontestat - nagħtuh id-drittijiet tiegħu u mhux inħalluh imdendel fl-appell u ma nafux meta se jispiċċa għax jibda u ma jkomplix. Qegħdin ngħidu: Ejja nagħmlu ċertu time frame ħalli l-appell inkunu nafu li għandu ċertu terminu. U nafu wkoll illi trid issir il-proċedura l-magħrufa ħalli ma jkunx hemm min jiddeċiedi mod u min jiddeċiedi ieħor.
Kien hemm il-kritika li aħna se nagħmlu żewġ kaptani fil-Planning Authority. Kien hemm ic-chief executive, li minn hawn nsellimlu għall-kapaċitajiet professjonali u għall-mod assidwu kif jaħdem fil-Planning Authority. Mhux dejjem naqblu u allaħares naqblu dejjem. Jien għandi ħafna x'nikkritika f'dak li jaħseb hu bħalma hu għandu x'jikkritika f'dak li naħseb jien. Ma jistax ikun illi jkollok bniedem illi jerfa' dik ir-responsabbilta' kollha, kemm mil-lat tekniku, kif ukoll mil-lat amministrattiv. Bla ma nitfa' ħtija fuq ħadd, ħafna mill-affarijiet li qegħdin jiskappaw u li qegħdin jiġru u li tan-naħa l-oħra bdew jallegaw fuq il-case officers ... Jiena ma ngħidx li hija responsabilta' taċ-chief executive jew inkella tad-direttur għax dawn ma jistgħux ilaħħqu ma' kollox. Imma jekk jien ngħid: Fid-dawl ta' l-allegazzjonijiet kollha li saru min-naħa l-oħra li hemm "allat żgħar", illi hemm case officers "mhux korretti," jiena rrid li jkun hemm xi ħadd responsabbli mill-amministrazzjoni ħalli jkun liberat kompletament mill-problemi tal-planning, ħalli ma jkunx diġa' involut fuq local plans u jkun qiegħed jikkonċentra kompletament fuq it-tmexxija tal-Planning Authority. Għaliex waħda mill-problemi kbar hija l-amministrazzjoni żbaljata li hemm hemm ġew - u nerġa' ngħid li din ma tirriflettix fuq min qiegħed hemm imma żgur li din xi ħaġa li tirrikjedi attenzjoni akuta - u min isemmi żewġ kaptani ...
Il-kollega tiegħi, l-Onor. Bertu Pace qal: Mela fil-bank kemm-il kaptan hemm, għax hemm ruxxmata managers? Anke fil-ministeru tiegħi wkoll għandi manager direttur li jieħu ħsieb l-amministrazzjoni, il-finanzi u l-personnel. U ħaddieħor qiegħed fuq affarijiet oħra. Mela jista' jkun li wieħed imexxi kollox! U din hija l-istorja kollha taż-żewġ kaptani. Din il-kontroversja kollha minħabba ħatra ta' direttur amministrattiv! Qed nispjega l-bżonn tagħha. Din m'aħniex nagħmluha biex inneħħu l-kappell lil xi ħadd jew biex naqtgħu l-poteri ta' xi ħadd imma rriduhom li t-tnejn jaħdmu flimkien.
Mit-tixwix kollu li sar fil-media kien hemm anke min kien tant stupidu li qal: Nafu lil min għandkom f'raskom u semmew lil Joe Zammit, Segretarju tal-Kabinett, li kien is-segretarju tas-sotto-kumitat li għamel dawn l-emendi. Ara Joe Zammit għandu tant x'jagħmel! Tant mhux veru u tant għoxew fil-gideb illi ċ-chairman jista' jgħid jekk huwiex veru dan. Aħna konna qegħdin nikkontemplaw li jkollna l-management efficiency unit tal-MITTS għal tliet xhur biex ikunu huma to set the ball rolling u nibdew bihom. Fil-bidu dak kien il-ħsieb tiegħi. Imbagħad avviċinawni mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u qaluli: Jiddispjaċina, dawn huma over extended u għandhom ħafna x'jagħmlu u ma jistgħux jieħdu dan l-inkarigu. Araw x'se tagħmlu. Jiena ħadt doċċa kiesħa għax xtaqt illi nies b'dawk il-kapaċitajiet jkunu huma li jibdew dan it-tip ta' rwol ħalli nibdew l-affarijiet sew. Imbagħad maċ-chairman iddiskutejt illi jagħmlu ftit scouting fuq il-kumpanniji tal-management ħa naraw x'jistgħu joffrulna u b'liema prezz. Ara kemm mhux vera li kellna f'rasna li naqbdu lil xi ħadd u ngħidulu: Issa inti poġġi hemm ħalli tikkmanda l-Awtorita' ta' l-Ippjanar u nieħdu r-riedni minn idejn iċ-chief executive! U ejja, din m'hijiex serjeta'. Din il-kritika li ġiet minn naħa l-oħra u dan li kien hemm fil-gazzetti! Ibellgħu r-ross bil-labra lill-poplu. Dan kollu għaliex qed nipprovaw nirranġaw l-affarijiet. Qed nirranġaw dak li ħaddieħor ħalla u ma rranġax. Din hija parti mill-kritika l-kbira li saret. Jiena nemmen illi dawn huma kollha allegazzjonijiet bla bażi.
Qegħdin ukoll nagħmlu emenda fil-liġi prinċipali għax ta' qabilna kienu ħasbu illi fi tmien ġimgħat kien se jkun jista' joħroġ il-permess iżda marru żmerċ. Xbajna nisimgħu lil kulħadd jgħid illi tmien ġimgħat mhumiex biżżejjed u li mhuwiex sew li titfa' applikazzjoni mbagħad tirċievi nota fejn jitolbuk li ġġedded u l-applikazzjoni Alla m'għamilha. Għalhekk aħna rajna x'jagħmlu pajjiżi oħra u għidna: Jekk wieħed itawwal ftit u flok tmien ġimgħat nagħtu 12-il ġimgħa fejn jidħol żvilupp żgħir - ngħidu aħna, maisonettes, garaxxijiet u affarijiet bħal dawn - dawn ma jistgħux jiġu maqtugħa f'dak iż-żmien? U skoprejna li dan nistgħu nippruvawh. Bħalma għidt kemm-il darba ħadd m'hu qed jgħid li din hija l-aħħar darba u li din m'aħna se nibdluha qatt. Jekk jirriżulta li 12-il ġimgħa ma jagħtux ir-riżultat mixtieq, jiena nerġa' niġi hawn - wara li nkun ftehimt mal-Planning Authority u ma' kull min huwa nteressat - u nagħmel esperiment ieħor sakemm niġu biex liċ-ċittadin nagħtuh dak li bi dritt jistenna mill-Planning Authority.
Tan-naħa l-oħra qalulna li dan jagħti lok għal abbuż - nifhimha li kulħadd qed jaħseb bil-mentalita' tiegħu - u f'kor wieħed qalu li l-case officers huma "allat żgħar", li huma rresponsabbli u li ma ħadmux tajjeb. Kien hemm min qal: Imma jekk l-applikazzjoni l-case officer jitfagħha fil-kexxun għal tliet xhur u ma jiktiblek xejn, inti teħodha li tista' tibni għax ma tkunx ħadt risposta uffiċjali? Lil min qal hekk jien ngħidlu: Aħna għalhekk se nagħmlu manager administration biex ikun jista' jsegwi dawn l-applikazzjonijiet u jara fejn huma. Jien naħseb li b'dan li se nagħmlu mhux se jkun hemm lok fejn jgħidulna li l-file intilef - dawn kemm se jdumu jippruvaw jidħku bina, darba, tnejn? - u malli naqbad lil xi ħadd naqtagħlu rasu barra għax il-case officer għandu jkun jaf li qiegħed hemmhekk biex jagħti servizz lill-poplu. Għalfejn din il-ħafna biża' kollha min-naħa ta' l-Oppożizzjoni? Jekk jiena għandi sikkina nista' nużaha biex noqtol biha imma jekk għandi intenzjonijiet tajbin nista' nużaha bħala cutlery biex naqta' biċċa ħobs. Allura inwaqqaf is-skieken kollha milli jidħlu Malta! Ma naħsibx li jekk tarani b'sikkina f'idejja tgħid li jien qattiel u li se nużaha biex noqtol lil xi ħadd biha! Agħtini l-benefiċċju tad-dubju, ippruvani l-ewwel. Hekk se nagħmlu fil-Planning Authority aħna, Madam Speaker, għax se nippruvaw sistema li biha ntawlu l-perijodu li fih l-applikazzjonijiet jistgħu jiġu deċiżi.
Darba oħra, meta jerġa' jkollna ċ-ċans nitkellmu fuq dan is-suġġett, se ngħid x'se nagħmlu biex inħaffu t-tagħbija ta' l-applikazzjonjiet li jkun hemm quddiem il-case officers. L-applikazzjonijiet iridu jkunu kompleti u mhux nibdew b'nofs applikazzjoni u mbagħad wara xahar l-uffiċjal jibgħat jgħid lill-applikant jew lill-perit li għandu bżonn pjanta oħra, li għandu bżonn ritratt ieħor u li għandu bżonn xi ċertifikat ieħor. Ma' dan l-eżerċizzju aħna għamilna ħafna aktar minn hekk u b'diżonesta kbira ħadd minn-naħa l-oħra ma semma l-miżuri li ħadna ħalli dawn l-affarijiet jiġu streamlined u jimxu b'mod effiċjenti. Tan-naħa l-oħra ma qalux li b'dan li qed nagħmlu dawk il-case officers li huma rresponsabbli mhux se jkollhom aktar skuża wara xhiex jistaħbew.
MADAM SPEAKER: Onorevoli, ippermettili ninterrompik għax sar il-ħin. Tibqa' in possession?
ONOR. GEORGE VELLA: Iva, nibqa' in possession. Grazzi.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Mizzi jekk jogħġbu jressaq l-aġġornament.

Fid-9.00 p.m. id-diskussjoni kienet interrotta u baqgħet aġġornata.


Yüklə 401,19 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin