Malta debates tal-kamra tad-deputati



Yüklə 490,66 Kb.
səhifə2/8
tarix07.01.2019
ölçüsü490,66 Kb.
#91054
1   2   3   4   5   6   7   8

TQEGĦID TA' KARTI



ONOR. LAWRENCE GONZI: Mr Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Kopja tar-rapport maħruġ mir-research development centre ta’ l-ETC f’Settembru 1997 intitolat “Employment and Unemployment within the Cottonera Area”, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 5954;
f'isem il-Prim Ministru inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:-

Skeda li tagħti dettalji dwar persuni appuntati operations manager fis-servizz pubbliku mill-1 ta’ Jannar 1990 wara sejħa għal applikazzjonijiet, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 5969; u


f’isem il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:-

Statistika dwar ir-rata ta’ assenteiżmu ta’ l-istudenti fl-iskejjel sekondarji statali bejn Ottubru 1998 u Frar 1999, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 5137.


MR SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Dalli.
ONOR. JOHN DALLI (Ministru tal-Finanzi): Mr Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Avviż Legali Nru 60 ta’ l-1999 – Regolamenti ta’ l-1999 li jemendaw il-Ħdax-il Skeda li tinsab ma’ l-Att dwar Taxxa fuq il-Valur Miżjud;
Rapport Annwali taċ-ċentru finanzjarju ta’ Malta għas-sena 1998; u
Tagħrif dwar safar ta’ delegazzjonijiet mid-dikasteru li għalih hu responsabbli l-Ministru tal-Finanzi bejn Ottubru 1998 u Marzu 1999, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 5764.
MR SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Ċensu Galea.
ONOR. CENSU GALEA (Ministru għat-Trasport u Komunikazzjoni): Mr Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Tagħrif dwar safar ta’ delegazzjonijiet mid-dikasteru li għalih jien responsabbli bejn Ottubru 1998 u Marzu 1999, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 5767.
MR SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Bonnici.
ONOR. JOSEF BONNICI (Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi): Mr Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Tagħrif dwar safar ta’ delegazzjonijiet mid-dikasteru li għalih jien responsabbli bejn Ottubru 1998 u Marzu 1999, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 5768.
MR SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Tonio Borg.
ONOR. TONIO BORG (Ministru ta' l-Intern): Mr Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Tagħrif dwar safar ta’ delegazzjonijiet mid-dikasteru li għalih jien responsabbli bejn Ottubru 1998 u Marzu 1999, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 5769.
MR SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Deguara.

ONOR. LOUIS DEGUARA: Mr Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Tagħrif dwar impjegati fid-dikasteru li għalih jien responsabbli li jieħdu allowance għal degree jew diploma, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 5897; u
Lista ta’ persuni li applikaw u ġew intervistati mill-bord tal-għażla tal-FMS għall-post ta’ transport officer flimkien ma’ rakkmandazzjonijiet dwar il-persuni li ntgħażlet għal dan il-post, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 6039.
MR SPEAKER: Grazzi. Stqarrijiet Ministerjali? Mozzjonijiet.
Skond il-ftehim milħuq fil-laqgħa tal-kumitat permanenti dwar ix-xogħol tal-Kamra li saret fit-23 ta’ Marzu 1999, it-tliet mozzjonijiet li jidhru fuq l-aġenda għandhom jiġu diskussi u deċiżi fis-seduta tal-lum u li malli jgħaddi l-vot fuq it-tielet mozzjoni, jiġifieri l-mozzjoni tal-gvern dwar il-ħatra ta’ President tar-Repubblika, is-seduta għandha tiġi aġġornata mingħajr ma jittieħed il-ħin ta’ l-aġġornament.
Nitlob lill-Ministru Gonzi sabiex jekk jogħġbu jressaq l-ewwel mozzjoni kif tidher fuq l-aġenda.

MOZZJONI TA’ RINGRAZZJAMENT LILL-E.T. UGO MIFSUD BONNICI



ONOR. LAWRENCE GONZI: Mr Speaker, f’isem il-Prim Ministru nipproponi:
Illi din il-Kamra tistqarr l-apprezzament tagħha għall-mod siewi u dinjituż li bih Dr Ugo Mifsud Bonnici qeda d-dmirijiet tiegħu lejn il-poplu Malti fil-kariga ta’ President ta’ Malta u filwaqt li tirringrazzjah ta’ dan, tixtieqlu għomor twil u ħieni u aktar servizz għal pajjiżna.
MR SPEAKER: Min jissekonda?
ONOR. ALFRED SANT (Kap ta' l-Oppożizzjoni): Nissekonda.
MR SPEAKER: Qabel xejn nixtieq nistaqsi jekk hemmx xi ftehim fuq kif se jinqasam il-ħin tas-seduta.
ONOR. LAWRENCE GONZI: Mr Speaker, il-ftehim huwa kif spjegajnih fil-kumitat permanenti dwar ix-xogħol tal-Kamra. Se nitkellem jien għan-nom tal-gvern u tirrispondi l-oppożizzjoni, imbagħad ngħaddu minn mozzjoni għall-oħra b'mod li f'din is-seduta nkunu ħlisna t-tliet mozzjonijiet li għandna fuq l-aġenda.
MR SPEAKER: Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni.
ONOR. ALFRED SANT: Iva, nikkonferma li dak huwa l-ftehim mingħajr ma noqogħdu niżnu l-ħin bil-grammi jew inkejlu biċ-ċentimetri!
MR SPEAKER: Rimarki? Il-Ministru Gonzi.
ONOR. LAWRENCE GONZI: Mr Speaker, fl-4 ta' April ta' l-1994 kelli l-privileġġ bħala Speaker ta' din il-Kamra li nagħti l-ġurament tal-ħatra lill-President, l-Eċċellenza Tiegħu Dr. Ugo Mifsud Bonnici. U llum minħabba ċerti ċirkostanzi messitni x-xorti u missni l-unur li f'isem il-Prim Ministru u f'isem id-deputati kollha ta' din il-Kamra, inkluż sħabna ta' l-oppożizzjoni, inressaq din il-mozzjoni ta' ringrazzjament lill-Dr. Ugo Mifsud Bonnici għall-mod kif qeda d-dmirijiet tiegħu matul il-ħames snin li ilu jokkupa din il-kariga, ħames snin li sejrin jiskadu nhar il-Ħadd, 4 ta' April. Minn dak li seħħ tul dawn il-ħames snin wieħed jista' jara kemm Dr. Ugo kellu presidenza li ħalliet il-marka tagħha. Naħseb li llum li qegħdin inressqu din il-mozzjoni, nistgħu ngħidu b'oġġettivita' kbira li l-presidenza ta' Dr. Mifsud Bonnici kienet f'ċertu sens waħda unika. Aktar 'il quddiem nispjega għaliex qed ngħid hekk.
Minn esperjenza ta' numru ta' snin nafu li l-kariga ta' president - l-ogħla kariga li bniedem jista' jingħata fl-istituzzjoni demokratika ta' pajjiżna - hija kariga li titlob mingħand il-persuna hekk fdata l-kapaċita' li b'għemilha u b'diskorsha tkun tista' ġġib in-nazzjon Malti kollu flimkien. Il-persuna li lilha tingħata din il-kariga fl-opinjoni tiegħi trid tkun persuna li b'għemilha u b'diskorsha tispira dawk il-valuri li aħna nirrikonoxxu bħala l-valuri tradizzjonali tagħna, liema valuri ssibhom fl-għeruq tas-soċjeta' tagħna. Hija kariga wkoll li talbet mingħand in-nies kollha li okkupawha - u li m'għandix dubju kollha kemm huma qdewha b'sens qawwi - sens ta' servizz profond lejn in-nazzjon kollu, servizz disinteressat u maqtugħ mill-pożizzjonijiet li bniedem jista' jkollu fid-diversi ċirkostanzi li jistgħu jinqalgħu. Naturalment hija wkoll kariga li titlob l-għaqal il-ħin kollu, għaqal li b'intelliġenza jgħinek biex iġġib dejjem lill-poplu kollu madwarek u li jżommok ukoll viċin il-poplu fir-realta' tal-ħajja tiegħu ta' kuljum.
Il-President f'pajjiżna, waqt li jkun qed jokkupa dik il-kariga, irid ikun persuna li twassal u tipproġetta fost affarijiet oħra, wieħed mill-iktar valuri li huwa għal qalb il-poplu Malti u Għawdxi, jiġifieri l-valur tas-solidarjeta' speċjalment is-solidarjeta' lejn dawk, kemm fis-soċjeta' tagħna kif ukoll barra minn pajjiżna, li jkunu għaddejjin minn mumenti diffiċli. Fl-istess ħin din il-kariga titlob ukoll mingħand il-persuna li tkun qed tokkupaha l-kapaċita' li hi stess bl-aġir tagħha tirrappreżenta lil pajjiżna bid-dinjita' u bid-dehen li jistħoqqlu fir-relazzjonijiet li jkun qed jidħol għalihom ma' pajjiżi u dinjitariji barranin. Fl-opinjoni tiegħi, b'deskrizzjoni ġenerali ta' x'inhuma l-ingredjenti essenzjali għal min jokkupa din il-kariga, wieħed jista' jsemmi li l-persuna jrid ikollha sens qawwi tal-kultura u l-identita' Maltija.
Mr Speaker, naħseb li nkun qiegħed nesprimi l-opinjoni ta' kull membru ta' din il-Kamra, mingħajr ebda eċċessjoni, meta ngħid li fil-persuna tal-President Dr. Ugo Mifsud Bonnici, f'dak kollu li huwa rnexxielu jagħmel matul il-ħames snin li ilu jokkupa din il-kariga, hu rrappreżenta dan kollu. M'għandix dubju li l-poplu Malti li segwa lill-President tul dawn il-ħames snin fl-aġir tiegħu bħala president, rah jgħaqqad lil pajjiżna u jġib lil dan il-poplu kollu warajh. Il-poplu Malti ra fil-President Mifsud Bonnici persuna li kellha għajnejja mixħutin il-ħin kollu lejn dawk f'pajjiżna li għal xi raġuni jew oħra huma mwarrba mis-soċjeta' jew iffaċċjati b'diffikultajiet, u rah ukoll jaqdi din il-funzjoni b'sens profond ta' servizz lejn in-nazzjon kollu kemm hu.
Mr Speaker, aktar kmieni jiena għedt li din il-presidenza kienet unika, għandha forsi xi ħaġa ftit differenti mill-presidenzi l-oħrajn. Naturalment filwaqt li qed ngħid dan ma rrid innaqqas xejn mill-valur tal-presidenzi l-oħrajn kollha. Fl-opinjoni tiegħi din il-presidenza kienet unika fi tliet aspetti. L-ewwelnett kienet presidenza li firxet fuq tliet amministrazzjonijiet ta' gvernijiet differenti; kienet presidenza li naturalment minħabba l-avvenimenti li ġraw - li huma xi ħaġa reali u li wieħed jistenna f'demokrazija parlamentari, bħalma għandna aħna f'pajjiżna - u li ħolqu sitwazzjonijiet differenti minn tas-soltu u li kkreaw mumenti delikati, talbet bħalma dejjem talbet imma f'ċirkostanzi li jispikkaw impenn b'dedikazzjoni qawwi lejn il-valuri demokratiċi ta' pajjiżna u lejn dak kollu li bnejna flimkien tul dawn is-snin li għaddew biex ħloqna l-istituzzjonijiet demokratiċi f'pajjiżna; u kienet presidenza li kellha r-realizzazzjoni tal-valur u r-responsabbiltajiet kostituzzjonali li jitqiegħdu fuq min jokkupa kariga delikata bħal din. F'dan is-sens kienet unika - jew nista' nħossni komdu niddeskriviha bħala unika - il-presidenza ta' Dr. Ugo Mifsud Bonnici.
F'sitwazzjonijiet bħal dawn li, kif għedt diġa', ma jkunux sitwazzjonijiet tas-soltu u jikkreaw ċerti ċirkostanzi delikati għall-pajjiż, il-pajjiż ikollu bżonn li l-bniedem li jkun qed jokkupa l-ogħla kariga tal-pajjiż jagħraf u jkun jaf sewwa x'inhuma r-responsabbiltajiet kostituzzjonali tiegħu u bl-għaqal tiegħu stess ifittex dejjem dak li hu fl-aħjar interess tan-nazzjon u jagħmel dan b'onesta' u b'sinċerita' li tiġi apprezzata mill-partijiet kollha li jkunu involuti, b'mod li tirbaħ awtomatikament il-fiduċja ta' kulħadd. Jien naħseb li nkun qiegħed għal darba oħra nesprimi l-opinjoni tal-membri kollha ta' din il-Kamra meta ngħid li l-President Ugo Mifsud Bonnici qeda proprju l-funzjoni tiegħu f'dawn il-mumenti b'dawn il-kwalitajiet u rnexxielu jagħraf ir-responsabbiltajiet kostituzzjonali tiegħu kemm fis-sitwazzjonijiet faċli kif ukoll f'dawk diffiċli.
Jien naħseb li mid-dikjarazzjonijiet pubbliċi li saru f'dawn l-aħħar ġimgħat u xhur joħroġ ċar li ż-żewġ naħat ta' din il-Kamra jirrikonoxxu fil-persuna ta' Dr. Ugo Mifsud Bonnici bniedem li fil-kariga li huwa okkupa kien kapaċi jaqdi u jfittex l-interessi tal-poplu Malti kollu b'onesta' u b'sinċerita', b'mod li rebaħ madwaru l-fiduċja li jkun hemm bżonn li wieħed jirbaħ meta jkun qed jokkupa kariga bħal dik. Jien f'isem il-Prim Ministru nirrikonoxxi l-korrettezza u s-sens qawwi ta' servizz li ta l-President Ugo Mifsud Bonnici lejn pajjiżna f'sitwazzjonijiet differenti. Jien ċert li kieku hawn il-Prim Ministru bħalissa u qiegħed jagħmel dan id-diskors hu, hu stess jgħid li matul is-snin li għamel bħala prim ministru, jiġifieri bejn l-1994 u l-1996, fil-President Mifsud Bonnici sab bniedem li jsegwi dak kollu li jkun għaddej fil-pajjiż u jinteressa ruħu f'dawk li jkunu prijoritajiet tal-poplu Malti u Għawdxi fiċ-ċirkostanzi li jkun għaddej minnhom minn mument għal ieħor; fi kliem ieħor sab fil-President Ugo Mifsud Bonnici bniedem li ma kienx maqtugħ mir-realta' ta' pajjiżna anzi kien involut il-ħin kollu f’din ir-realta'. M'għandix dubju wkoll li kieku hawn il-Prim Ministru kien jgħid ukoll li fit-22 xahar, jiġifieri bejn Ottubru ta' l-1996 u Settembru ta' l-1998, li għamel jokkupa l-kariga ta' kap ta' l-oppożizzjoni, sab President li kien qiegħed jirrikonoxxi kemm kienet importanti l-funzjoni ta' l-oppożizzjoni, kemm kien importanti li jżomm kuntatt il-ħin kollu, li jkun hemm diskussjoni għaddejja bejn il-forzi demokratiċi li għandna fil-pajjiż u li fehem li d-demokrazija parlamentari f'pajjiżna tissaħħaħ jekk ikun hemm min ikollu din it-tip ta' kapaċita' li jġib lil kulħadd madwar mejda biex jisma', jiddiskuti u anke jipprova jsib fejn ikun hemm bżonn is-soluzzjonijiet.
M'għandix dubju wkoll li kieku kien hawn il-Prim Ministru kien jgħid li anke f'dawn is-sitt xhur ta' Gvern ġdid Nazzjonalista, huwa sab fil-President Ugo Mifsud Bonnici persuna li kompla bil-qadi tad-dmirijiet u l-funzjonijiet tiegħu biex iżomm ruħu dejjem aġġornat ma' dak li qiegħed iseħħ fil-pajjiż. M'għandix dubju li dan nistgħu ngħiduh ilkoll kemm aħna, jgħiduh anke l-membri ta' l-oppożizzjoni, u anke jaqbel miegħu l-Kap ta' l-Oppożizzjoni mill-esperjenza tiegħu tul dawn il-ħames snin li għaddew. Fil-fatt diġa' kien hemm dikjarazzjonijiet pubbliċi f'dan is-sens u hija ħaġa li tagħmel unur l-ewwel u qabel kollox lil Dr. Ugo Mifsud Bonnici fil-persuna tiegħu. Tagħmillu unur għaliex il-pajjiż huwa grat lejh, kif jixraq li jkun grat lejn persuna li tkun iddedikat ħames snin minn ħajjitha biex tara lil dan il-pajjiż miexi 'l quddiem u biex tgħinu kemm fil-mumenti l-faċli kif ukoll fil-mumenti d-diffiċli.
M'għandix dubju wkoll li l-President Ugo Mifsud Bonnici jingħaqad mal-lista ta' persuni oħrajn li okkupaw il-kariga ta' President ta' Malta b'unur u b'sens qawwi ta' servizz lejn il-pajjiż, u jien bħala Malti ngħid li dan jagħmel ġieħ lilhom pero' aktar minn hekk jagħmel ġieħ u unur lil pajjiżna. Dr. Ugo Mifsud Bonnici ingħaqad ma' din il-lista ta' nies li aħna bħala Maltin inħarsu lejhom bħala li kienu kapaċi li bis-sinċerita', bil-karattru u bil-personalita' tagħhom jirbħu l-ammirazzjoni u l-fiduċja tal-poplu kollu. U dan jagħmlilna ġieħ bħala Maltin. Ħafna drabi aħna tiġina t-tentazzjoni li nenfasizzaw iktar dak li hu negattiv u ma nagħtux importanza biżżejjed lil dak li għandna pożittiv f'pajjiżna, pero' jien naħseb li waħda mill-iktar affarijiet li għandna nenfasizzaw il-ħin kollu hija li f'pajjiżna għandna individwi li kapaċi jokkupaw karigi importanti u delikati - karigi li jista’ jkollhom mumenti fihom li jkunu importanti ħafna għad-destin tal-pajjiż innifsu - b'mod li jirbħu l-fiduċja ta' kulħadd. Jien naħseb li dan huwa sinjal pożittiv ħafna, sinjal ta' maturita' tal-poplu Malti u Għawdxi, sinjal ta' maturita' politika u sinjal ta' żvilupp anke politiku li għandna nefasizzawh.
Wisq drabi nħarsu biss lejn dak li nistgħu ma naqblux fuqu u dan il-parlament fih innifsu huwa magħmul biex jaqdi din il-fuzjoni primarja, li jiddibatti pożizzjonijiet li jistgħu jkunu kontrastanti pero' mhux neċessarjament kontradittorji għal xulxin. Dan huwa post fejn niddibattu argumenti minn naħa ma' argumenti minn oħra, pero' filwaqt li nagħmlu hekk, kollha kemm aħna, ibda l-ewwel wieħed minni, nifhmu li kapaċi ningħaqdu flimkien bħala nazzjon wara kariga li fiha nnifisha tiġbor madwarha dak li jirrappreżenta lill-pajjiż bħala pajjiż. Naħseb li dan huwa sinjal pożittiv ħafna u sinjal qawwi ta' maturita' li pajjiżna qed jakkwista dejjem iżjed tul iż-żmenijiet. F'dan is-sens irrid nuri l-apprezzament tagħna u f'dan is-sens il-mozzjoni ta' ringrazzjament għandha l-ikbar sustanza meta mressqa fil-konfront tal-President Ugo Mifsud Bonnici. Hu kien kapaċi li fil-kariga tiegħu, fil-qadi tad-dmirijiet tiegħu, fis-sagrifiċċji li ovvjament għamel u fl-impenn li hu bla dubju ta' xejn tefa' f'din il-kariga, jingħaqad ma' presidenti oħrajn biex juri li f'pajjiżna aħna nistgħu nimxu 'l quddiem u ningħaqdu anke f'mumenti li jkunu diffiċli. Mr Speaker, din hija riflessjoni li torbot ħafna mal-President Ugo Mifsud Bonnici, u hija riflessjoni li nenfasizzha għaliex, fl-opinjoni tiegħi, hija t-timbru ta' din il-presidenza, presidenza li tagħmel unur lil Dr. Ugo Mifsud Bonnici personalment, pero' tagħmel unur ukoll lill-pajjiż.

Din kienet presidenza li għenitna nkomplu nimmaturaw fil-mod kif nittrattaw ma' xulxin u fil-mod kif nipprovaw insibu dak li huwa fl-aħjar interess tal-pajjiż anke meta ma nkunux nistgħu naqblu. Hemm mod ċivili u demokratiku kif isiru l-affarijiet anke meta ma nkunux qed naqblu, u jien m'għandix l-iċken dubju li l-President Ugo Mifsud Bonnici, bl-istil tiegħu, ta dan it-timbru importanti ħafna lill-presidenza. Mr Speaker, jien intenni r-ringrazzjament tiegħi u ta' sħabi d-deputati ta' din il-Kamra lil Dr. Ugo Mifsud Bonnici għal dan kollu filwaqt li nieħu l-opportunita' biex, kif tgħid il-mozzjoni stess, nawguralu li fiż-żmien li ġej ikompli jkun attiv u ta' servizz lejn il-pajjiż. Il-kultura li għandu Dr. Ugo Mifsud Bonnici hija kultura li l-pajjiż għad jista' jieħu ħafna frott minnha u l-ewwel sfida li għandna hija kif pajjiżna jista' jkompli jagħmel użu minn personaġġi bħal dawn li jkunu tant taw lil pajjiżna, anke wara li jkun spiċċa t-terminu tagħhom.


Mr Speaker, qabel nagħlaq xtaqt niddedika kelmtejn lill-mara tal-President Ugo Mifsud Bonnici u lill-familja tiegħu, li ovvjament huma parti integrali mill-presidenza u li jkunu saħħew lill-istess presidenza. Jien m'għandix dubju li dawn għenu ħalli l-President Ugo Mifsud Bonnici jkun jista' jaqdi din il-kariga bil-mod kif qdiha. J'Alla l-Bambin jaħtih is-saħħa biex ikun jista' jkompli jagħti dan il-kontribut ħalli nkomplu naraw lil pajjiżna jiffjorixxi mhux biss materjalment imma anke f'dak li għandu x'jaqsam mal-valuri li jsedquna. Jien nirringrazzja lill-President Ugo Mifsud Bonnici u f'isem l-Onor. Membri kollha ta' din il-Kamra nawguralu minn qalbi. Grazzi, Mr Speaker. (Onor. Membri: Hear, hear)
MR SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni.
ONOR. ALFRED SANT: Mr Speaker, waqt li nassoċja ruħi ma' dak li għadu kemm qal il-kollega tiegħi l-Onor. Gonzi, tajjeb li nagħmlu ftit punti min-naħa biex nimmarkaw l-apprezzament tagħna għall-President ta' Malta. Fl-istess ħin, għax naf bis-sense of humour tiegħu, mingħajr ma nippreżentaw dak li qed nagħmlu qisu xi kanoniżżazzjoni jew beatifikazzjoni sekulari, tajjeb li nitkellmu fuq il-kwalitajiet personali ta' Dr. Ugo Mifsud Bonnici, fis-sens tal-kultura wiesgħa li għadu kemm semma' l-Onor. Gonzi, li m'hemmx dubju hija kultura mifruxa f'sens ta' x'inhi Malta, x'inhi l-identita' Maltija u x'inhi r-rabta tagħna ma' kontest internazzjonali aktar wiesgħa, kultura li f'dawn l-aħħar ħames snin ġiet użata tajjeb ħafna u uriet kif din tista' twassal biex il-presidenza tingħata profil ta' rikonoxximent u ta' saħħa f'pajjiżna.
Wieħed jirrikonnoxi wkoll il-kwalita' personali ta' Dr. Ugo Mifsud Bonnici bħala politiku fin li l-esperjenza politika tiegħu f'dawn l-aħħar ħames snin użaha b'mod li kien superlattiv u użaha b'mod li kompliet tat saħħa lill-istituzzjoni tal-presidenza bħala istituzzjoni li hija l-apiċe ta' l-istruttura demokratika ta' pajjiżna.
Nixtieq ukoll nsemmi s-sens ta' umanita' li għandu Dr. Ugo Mifsud Bonnici. Diġa' semmejt is-sense of humour li għandu u li jaf idawru fuqu nnifsu pero' nixtieq insemmi wkoll il-mod kif huwa jirrelata ma' ħaddieħor b'mod li jifhem u jagħraf il-perspettiva ta' ħaddieħor, imbagħad f'dak li jgħid he takes into account il-perspettivi u l-aspirazzjonijiet ta' min ikollu quddiemu. Irrid nitkellem ukoll dwar il-kwalitajiet tiegħu bħala figura pubblika li f'dawn l-aħħar ħames snin kelli ċ-ċans nagħmel ir-riflessjonijiet personali tiegħi b'mod dirett dwar il-fatt li matul dan iż-żmien għaraf juża diskrezzjoni u għaqal mill-iktar kalibrati. Konsistentement kien qiegħed hemmhekk biex juri li t-tħaddim ta' l-istituzzjoni tal-presidenza tista' ssir b'mod li jirrifletti kompletament il-fasla, id-disinn tal-presidenza fil-kontest tal-Kostituzzjoni tagħna. Jien naħseb li għandna nqisuha bħala kwalita' tiegħu f'sens ta' figura pubblika l-mod li kont tħossu li kien qed jopera b'mod ġenwin. Kien hemm il-ġenwinita' ta' dak li kien qed jagħmel, imbiegħda minn kull sens ta' ipokrezija imma b'sens sinċier u dirett ta' kif hu fil-qadi tal-karigi pubbliċi tiegħu kien qed jirrifletti l-ħteġijiet kostituzzjonali u demokratiċi tal-pajjiż.
Sur President, nixtieq insemmi wkoll l-esperjenza personali li kelli jien miegħu. Fil-bidu ta' din is-sena kelli ċ-ċans infisser l-apprezzment tiegħi għall-mod kif ħadem fi żmien li kien hemm Gvern Laburista, anke fil-mumenti delikati u diffiċli li kellna. Jien naqbel ma' l-Onor. Gonzi li din kienet presidenza li għall-ewwel darba rat alternanza doppja u kien hemm żmenijiet delikati li fihom il-preżenza tal-President u l-mod kif opera kienu mija fil-mija allineati mas-sens ta' demokrazija ta' dan il-pajjiż. Jien illum irrid nerġa' nsostni l-apprezzament tiegħi u ta' din in-naħa tal-Kamra għall-operat f'dak il-kontest ta' Dr. Ugo Mifsud Bonnici, li kien mija fil-mija korrett, u li fl-għaqal u fid-diskrezzjoni tiegħu ta xhieda tal-fatt li l-istituzzjonijiet tagħna, anke meta jkunu taħt stress qawwi, jistgħu jimxu 'l quddiem u jistgħu jżommu sammi u sodi.
Irrid nagħmel ukoll il-punt politiku li f'dawn l-affarijiet it takes two to tango, fis-sens li meta kien hemm l-ewwel alternanza ta' Ottubru ta' l-1996, Dr. Ugo Mifsud Bonnici sab li kien se jkollu Gvern Laburista li kien se jmexxi l-logħba demokratika mija fil-mija. Nista' ngħid li jiena u l-ministri sħabi ta' dak il-Gvern Laburista konna mija fil-mija disposti għall-President u konna mija fil-mija disposti biex taħt il-miżuri li tgħid il-Kostituzzjoni nikkonsultaw miegħu u nżommuh kompletament in our confidence, ħaġa li ma nistgħux ngħidu li ġrat meta kien hemm alternanza oħra, dik ta' l-1987, meta l-acting president, is-Sur Pawlu Xuereb, kien iffaċċjat bi Gvern Nazzjonalista ġdid u kien ġie skartat kompletament minn kull konsultazzjoni serja u ta' fiduċja dwar dak li kien qed isir mill-gvern ta' dak iż-żmien. Nerġa' nsostni li fil-kontest ta' kif opera l-Gvern Laburista, mhux biss fil-mumenti delikati imma anke fil-mumenti ta' amministrazzjoni kurrenti, il-President ta' Malta, Dr. Ugo Mifsud Bonnici, mhux biss kellu sehem kostruttiv imma kien sehem li ħafna drabi kien ta' għaqal kbir u jien personalment tgħallimt ħafna mill-punti li qajjem fid-diversi inkontri li kelli wiċċ imb'wiċċ miegħu.
Nixtieq li jien ukoll qabel nagħlaq insellem u nagħti l-apprezzament tiegħi lis-Sinjura Ġemma Mifsud Bonnici, li bosta drabi kelli ċ-ċans li nġarrab l-umanita' u l-ospitalita' tagħha flimkien ma' żewġha, u nawguralhom li fiż-żmien li ġej ikomplu għaddejjin b'xogħol li jkun ta' fejda għal pajjiżna, għas-soċjeta' tagħna u anke għall-familja tagħhom. Għalhekk mill-ġdid nixtieq intemm dan l-intervent b'xewqat sbieħ ta' kull membru ta' l-oppożizzjoni lil Dr. Ugo Mifsud Bonnici, lis-sinjura tiegħu u lill-familja tagħhom u nawguraw lil Dr. Ugo Mifsud Bonnici ħidma dejjem aħjar li fi żmien li ġej it-talenti superlattivi tiegħu jagħtihom ċans li jkomplu jimxu 'l quddiem fl-interess tal-pajjiż kollu kemm hu. Grazzi, Mr Speaker. (Onor. Membri: Hear, hear)
MR SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? (Onor. Membri: No) Il-mistoqsija hija l-mozzjoni kif imressqa mill-Ministru għall-Politika Soċjali f'isem il-Prim Ministru. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Il-mozzjoni għaddiet nem. con.


Yüklə 490,66 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7   8




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin