THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. David Agius.
ONOR. DAVID AGIUS: Jien nixtieq nagħmel żewġ mistoqsijiet partikolari. Dawk l-appartamenti li għadhom mhumiex lesti u li l-Gvern qed jgħid li huma tajbin, min se jagħmel il-finishing tagħhom, is-sid jew il-Gvern?
It-tieni mistoqsija hija din. Il-manutenzjoni tal-komun se tkun responsabbiltà tas-sid jew tal-Awtorità tad-Djar?
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. CHRIS SAID: Rigward l-ewwel mistoqsija rrid ngħid li dawk l-appartamenti li jiddaħħlu bit-tieni sejħa u li allura setgħu ma kenux finished, ried ilestihom is-sid a spejjeż tiegħu, jiġifieri l-Awtorità teħodhom lesti minn kollox. Id-differenza mill-ewwel sejħa kienet biss li filwaqt li fl-ewwel sejħa riedu jkunu finished fid-data tal-applikazzjoni, issa ma kellhomx għalfejn ikunu finished fid-data tal-applikazzjoni, imma jekk l-Awtorità tgħid li dak l-appartament bil-kirja li kienet qed tintalab huwa tajjeb għall-klijenti tagħha, allura f’dak il-każ jingħata ż-żmien, xahrejn, tliet xhur, erba’ xhur, skont ix-xogħol li jkun hemm bżonn isir, biex is-sid ilestih u mbagħad meta jgħaddi dak il-perijodu terġa’ ssir l-ispezzjoni biex jiġi aċċertat li l-appartament ikun finished minn kollox u hemmhekk isir il-kuntratt. Però l-Awtorità tagħti indikazzjoni minn qabel lis-sid li jekk ilestih fi żmien speċifiku, allura tkun se tidħol għal dak il-kuntratt. Mela allura s-sid ikollu moħħu mistrieħ li jekk se jagħmel l-ispiża tal-finishing imbagħad hu jaf li se jkollu kuntratt ta’ għaxar snin u jagħti dak l-appartament lis-sidien.
Parti importanti minn din l-iskema hi r-relazzjoni bejn is-sid tal-appartament u l-Awtorità tad-Djar bħala inkwilin, jiġifieri s-sid m’għandux x’jaqsam hu mal-klijent tal-Awtorità tad-Djar, jiġifieri ma’ min l-Awtorità tgħaddi dak l-appartament taħt l-iskema ta’ social housing. Il-kirja titħallas direttament mill-Awtorità lis-sid, imbagħad l-Awtorità tgħaddi l-post b’kirja sussidjata lill-klijenti tagħha u tiġbor mingħand il-klijenti tagħha l-kirja li tkun sussidjata, l-ammont ta’ kera skont il-means testing, skont id-dħul, skond il-membri fil-familja li jkunu ngħataw dak l-appartament. Hawnhekk tidħol il-kwestjoni tal-manutenzjoni. Il-manutenzjoni straordinarja hija responsabbiltà tas-sid u l-manutenzjoni ordinarja hija responsabbiltà tal-Awtorità. L-Awtorità hija responsabbli li fi tmiem il-kirja tgħaddi l-appartament fl-istess stat tajjeb li jkun inkera lilha safe wear and tear. Issa ovvjament affarijiet bħal kanen tal-ilma eċċ., meta jgħaddi ż-żmien minn fuqhom jibdew jispiċċaw però f’affarijiet oħra l-Awtorità trid taċċerta li l-post jingħata lura lis-sid fi stat tajjeb. Fil-kirja li qed tagħti lill-klijenti tagħha l-Awtorità qed iddaħħal kondizzjonijiet li dawn il-klijenti tagħha jridu jieħdu ħsieb il-manutenzjoni ordinarja, iridu jieħdu ħsieb l-indafa, iridu jieħdu ħsieb li ma jagħmlux alterazzjonijiet strutturali u kondizzjonijiet oħra biex wieħed jassigura li dawn l-appartamenti jinżammu fl-aħjar stat possibbli.
Irrid ngħid li aħna stess ma stennejniex li din tkun daqshekk suċċess u l-iskop tagħha hu proprju biex insolvu numru mill-każijiet urġenti li hemm fuq il-lista tal-Awtorità tad-Djar.