THE CHAIR: Nirringrazzjak. Hawn mistoqsijiet? L-Onor. Godfrey Farrugia.
ONOR. GODFREY FARRUGIA: Dr. Gauci, l-ewwel nett insellimlek. Inti għedt li f’dawn l-aħħar ħames snin kien hemm żewġ ilmenti biss, li wieħed minnhom daħal il-ġimgħa li għaddiet, u fhimt ukoll li l-ilmenti jistgħu jsiru mingħajr ma dak li jkun jidentifika ruħu, u intom xorta ssegwu, xi hija li hija tajba. Ma taħsibx li l-entità li qed tirrappreżenta inti m’għandhiex aċċess fejn hi tqarreb lilha nnfisiha għaċ-ċittadin jekk minn din iż-żona – li l-kelliem ta’ qabel qal li lanqas għandha buffer zone – kien hemm żewġ ilmenti biss meta l-ilmenti fil-fatt huma ħafna aktar minn hekk?
Inti għedt ukoll – u huwa tajjeb – li intom tagħmlu kampanji ta’ informazzjoni lill-ażjendi partikolari. Qatt indirizzajtu dawn il-kampanji ta’ informazzjoni għal-lokalità partikolari minflok ġenerali madwar Malta kollha? Hemm obbligu biex dak li jkun jattendi għal dawn il-kampanji ta’ informazzjoni biex iħares saħħtu, saħħet il-ħaddiema, u b’mod indirett anke saħħet il-familji li joqogħdu fiż-żona?
Xtaqt nistaqsik ukoll jekk għandekx mappa bl-ażjendi u bit-trading licences li għandhom – kemm għal din iż-żona kif ukoll għal żoni oħra – u x’forma ta’ tniġġis jista’ jkollha żona partikolari biex b’hekk intom tkunu tistgħu, minflok tilqgħu lmenti biss, tkunu proattivi u tagħmlu l-ispezzjonijiet. Kemm għandek nies fl-ispettorat tiegħek biex tkun tista’ tagħmel dan ix-xogħol madwar Malta kollha?