ONOR. GODFREY FARRUGIA:Mhux qed tqabbel like with like.
ONOR. CHRIS SAID:Like with like, għax ma’ xulxin se jikkontestaw dawn in-nies.
ONOR. OWEN BONNICI: Tajjeb ngħidu x’qed jiġri hawn. Jekk hemm xi ħadd li jagħtik servizz, pereżempju jagħtik il-coaches b’xejn, inti trid tikkomputa kemm ġew jiswewk u tinkludihom.
ONOR. CHRIS SAID: Iva, hekk hu.
ONOR. OWEN BONNICI: Illum x’inhi l-prattika on the ground? Illum, dak li jkun jgħidlek biex minflok Lm10 tagħtihomlu Lm2. Jekk jagħtihomlu b’Lm2, xorta trid tikkomputa Lm10.
ONOR. CHRIS SAID: Naqblu, il-liġi hekk qiegħda llum, il-wording baqa’ l-istess.
ONOR. OWEN BONNICI: Li qed ngħid huwa li hawnhekk se nirriflettu r-realtà ta’ kandidat li jottjeni l-affarijiet in kind. Pereżempju, bniedem li forsi jkollu zijuh għandu l-coaches u l-mini buses, jew għandu oħtu miżżewġa għand wieħed li għandu l-coaches, u dan jagħtih kemm Alla ħalaq coaches biex joqgħod jagħmel l-attivitajiet soċjali. Jekk jagħmel tant attivitajiet se jiswew il-flus, għax kull coach tiġi madwar €50. Dawn trid tinkludihom, u diġà hemm l-obbligu. Allura, let us go for a realistic way forward: in kind and in cash aħna jidhrilna li €20,000 fuq kull distrett qed nibagħtu a decent playing field li qed nistiednu lin-nies jiddikjaraw korrettement dak li jkunu nefqu. Jien, l-ewwel wieħed, ma dħaltx fil-politika biex noqgħod niddikjara inkorrettement, u lanqas tgħaddili minn rasi. Irrid li, bħalma qal l-Onor. Godfrey Farrugia, bħalma qal l-Onor. Anthony Agius Decelis, l-Onor. Chris Said, l-Onor. Claudio Grech u l-Onor. Silvio Parnis, kull min daħal fil-politika ma daħalx żgur biex finanzjarjament imur ’il quddiem: anzi, ħafna minna marru lura. L-iktar ħaġa li jixirqilna hija li jkollna a realistic level playing field biex wieħed ikollu l-possibilità li jagħmel kampanja diċenti kif jiflaħ hu. Nerġa’ ngħid, forsi hemm min qed jarana u ħiereġ għall-elezzjoni l-ewwel darba. Mhux kemm tonfoq jiswa, imma kemm tkun qrib in-nies, kemm tiltaqa’ man-nies, għax dak għandu valur imprezzabbli li bil-flus ma tixtrihx; jiġifieri, jista’ jiġi l-ikbar miljunarju …
ONOR. CHRIS SAID: B’dak l-argument, iktar u iktar għandna nżommuh baxx.
ONOR. OWEN BONNICI: Le. Hawnhekk ma naqbilx miegħek, Onor. Said. Jekk immorru għal mudell fejn kandidat jiddikjara kollox, dak li rċieva kemm in kind kif ukoll in cash, kollox jiġi ddikjarat kemm nefaq kif inhi llum, għalhekk l-ammont li hemm illum mhuwiex realistiku.
ONOR. CHRIS SAID: Naqblu li mhuwiex realistiku, imma qed immorru …
ONOR. OWEN BONNICI: B’din se jiġi realistiku. Nerġa’ nagħmel l-istess argument: ara ħadd ma jaħseb li għax inti tonfoq ħafna flus se tiġi elett. Dik nista’ ngħidha mill-esperjenza.
ONOR. CLAUDIO GRECH: Sur President, xtaqt nagħmel punt b’żieda mal-artikolu 46 – li qed jissostitwixxi dak li hemm fl-14-il Skeda tal-General Elections Act – li huwa marbut ma’ capping fuq x’jistgħu jonfqu l-partiti politiċi f’elezzjoni ġenerali. Aħna hawnhekk qed nillimitaw x’jistgħu jonfqu l-kandidati; però mkien f’din il-liġi m’aħna qegħdin ngħidu kemm jistgħu jonfqu l-partiti politiċi. (Interruzzjonijiet) Le, lanqas indirettament. Il-partiti politiċi jistgħu jonfqu kemm iridu f’kampanja elettorali. Aħna jidhrilna li meta qed nissanaw il-capping fuq kemm jonfqu l-kandidati, ikun għaqli wkoll li ndaħħlu capping fuq kemm jonfqu l-partiti politiċi f’elezzjoni ġenerali. Bl-istess mod li aħna qed nipprovaw nagħmlu l-cappings u limitazzjoni fuq il-kandidati, aħna jidhrilna li għandna jkollna wkoll limitazzjoni fuq kemm jistgħu jonfqu l-partiti politiċi għaliex, jekk partit politiku jkollu finanzjament kbir li jkun ġej minn diversi sorsi, waqt li partiti żgħar, forsi iżgħar minnu jew daqsu però mhux bl-istess kapaċitajiet finanzjarji, se jkunu qed jikkompetu fuq livell nazzjonali, apparti fuq livell distrettwali, inħossu li dak jista’ joħloq żbilanċ ġdid fuq kif jiġu eletti l-partiti politiċi.
Issa se ngħid x’inhi l-proposta tanġibbli tagħna materjalment. Aħna jidhrilna li l-capping ta’ kemm jonfqu l-partiti politiċi f’elezzjoni ġenerali għandha tiġi set għal €2 miljun, li tinħadem, bejn wieħed u ieħor, għal €150,000 fuq kull distrett elettorali, over and above dak li qed jonfqu l-kandidati. Il-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni ġenerali qal li fil-kampanja tiegħu nefaq €1.5 miljun, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista fl-aħħar kampanja tiegħu qal li nefaq €2.2 miljun, biex nagħti perspettiva taċ-ċifri. Il-proposta tagħna hija li nnaqqsuha u nistabbilixxuha għal €2 miljun, nerġa’ ngħid over and above dak li jonfqu l-kandiati. Hemmhekk, biex nagħti l-perspettiva tal-€20,000 – jekk qed nifhem tajjeb il-Gvern irid iżomm l-€20,000 fuq kull distrett – jekk nieħdu medja li jkollok 80 kandidat f’elezzjoni ġenerali li se jkollhom il-fakultà li jikkontestaw fuq żewġ distretti, il-kandidati bejniethom ikunu jistgħu jonfqu €3.2miljun u l-partit politiku jkun jista’ jonfoq €2 miljun. B’hekk tkun qed tgħid li partit politiku bil-kandidati tiegħu jkun qed jonfoq ftit iktar minn €5 miljun. Aħna nemmnu li dan il-capping – massimu qed ngħidu – ikun qed jissettja a level playing field. Bl-istess mod li l-intenzjoni tal-capping tal-kandidati hija li jinħoloq dak il-level playing field bejn il-kandidati, nagħmlu l-istess ħaġa fuq il-partiti politiċi.
ONOR. CHRIS SAID: Li rrid inżid ma’ dak li qal l-Onor. Claudio Grech huwa li hawnhekk ma rridux ninsew li qed nagħmlu liġi tal-finanzjament tal-partiti. Din il-liġi, rightly so, tirregola minn fejn jista’ jdaħħal il-flus partit politiku, jiġifieri x’donazzjonijiet jista’ jdaħħal, il-cappingfuq id-donazzjonijiet, u dak kollu għaddejnieh; però, din il-liġi ma tirregola bl-ebda mod u ma ssemmix virgola waħda ta’ kif jista’ jonfoq il-flus partit politiku. L-għan ewlieni ta’ partit politiku huwa l-elezzjoni ġenerali, u allura nemmnu, għar-raġunijiet li semma l-Onor. Claudio Grech, li din il-liġi tal-finanzjament tal-partiti ladarba tirregola, kif għandu jkun, x’jista’ jdaħħal partit u kif partit għandu jdaħħal id-donazzjonijiet, hekk ukoll għandha tirregola dak li għandu jintnefaq. Ma tagħmilx sens li jkollok capping dwar x’jistgħu jonfqu l-kandidati, imma mbagħad m’hemm l-ebda capping x’jista’ jonfoq partit politiku, għax it-tnejn qed jikkontestaw l-istess elezzjoni. Veru, il-kandidat f’isem partit politiku, u l-partit mhux qed jikkontesta hu bħala partit, imma għandu l-kandidati jikkontestaw f’ismu, jiġifieri kważi kważi huma l-istess ħaġa; imma għandek capping fuq naħa u fuq in-naħa l-oħra m’għandekx capping. Fl-opinjoni tagħna, biex verament ikollna liġi kompluta bilfors irid ikun hemm ukoll capping fuq x’jistgħu jonfqu l-partiti. Ovvjament, ikun hemm massimu ta’ x’jistgħu jonfqu f’elezzjoni ġenerali u x’jistgħu jonfqu fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u fl-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali, fejn l-ammont jonqos.
ONOR. OWEN BONNICI: Ma naqbilx assolutament li b’xi mod iżżomm partit milli jikseb donazzjonijiet kemm jiflaħ, basta jiddikjara d-donazzjonijiet il-kbar, ikun hemm trasparenza, inkunu nafu minn fejn ġejjin, u d-donazzjonijiet il-kbar ikunu capped. Għedna li d-donazzjonijiet se jkunu ħafna iktar trasparenti milli huma llum. Ħloqna bilanċ bejn il-flessibilità u s-serjetà, jiġifieri qed ngħidu li l-ammonti ta’ donazzjonijiet il-kbar se jkunu kollha ppubblikati, se nkunu nafu min huma u se jkunu capped. Allura ma jistax ikollok partit li jiġi miljunarju Amerikan u jagħmel a Manchester United fuq xi partit minna, jiġifieri jkollok lil xi ħadd li prattikament jixtri partit u jiġi tiegħu. Dik ma tistax issir, huwa capped sa €25,000; imma, jekk għandek partit li kapaċi jikseb l-appoġġ, jikber, għandu policies tajbin, hemm nies li jridu jagħtuh donazzjonijiet, id-donazzjonijiet mhumiex dagħwa. Min jagħti donazzjoni mhuwiex qed jagħmel xi ħaġa ħażina, anzi qed jagħmel xi ħaġa tajba li qed tgħin id-demokrazija. Jekk għandek partit li qed jiddikjara minn fejn ġab id-donazzjonijiet il-kbar, tfajnielu capping sa €25,000 massimu ta’ kemm jista’ jieħu minn sors wieħed, imbagħad jekk hu kapaċi jġib 1,000 donazzjoni ta’ €25,000, 10,000 donazzjoni ta’ €25,000, 100,000 donazzjoni ta’ €25,000 bil-policies li jagħmel, bit-trasparenza li juri, bl-enerġija li juri, għalfejn għandna nitfgħu xi tip ta’ restrizzjoni fuq kemm partit għandu ħila jġib appoġġ, li jattira n-nies lejh, li jattira għajnuna finanzjarja permezz ta’ donazzjonijiet?
Il-punt li qed nagħmel huwa li għandek tagħmilli capping ta’ kemm l-iktar nista’ nieħu biex ma niġix fil-but tal-ebda negozjant, u ġġiegħelni ngħid min hu dak li qed jagħtini l-ammonti l-kbar ħalli ma niġix fil-but ta’ ebda negozjant. Imma, jekk jien partit kbir, popolari, qed nagħmel policies li n-nies qed jabbraċċaw, m’għandekx tagħmilli sarima u ma tħallix lill-partit jikber, jiffjorixxi u jġib l-appoġġ. Le, ma naqbilx, bħala punt ta’ prinċipju, li għandu jkun hemm capping fuq kemm partit jonfoq f’elezzjoni ġenerali. Illum hemm il-Labour Party fil-gvern, għada jkun hemm partit ieħor. Jekk hemm partit li kapaċi jattira l-għajnuna, donazzjonijiet u riżorsi, għaliex għandna nagħmlulu cappingfuq in-nefqa elettorali purché għandi capping fuq il-massimu li nista’ naċċetta minn sors wieħed u li d-donazzjonijiet il-kbar jiġu ppubblikati.
ONOR. CHRIS SAID: Mela l-kandidat għalfejn qed nagħmlulu capping x’jonfoq?
ONOR. OWEN BONNICI: Le, kandidat huwa differenti ħafna minn partit. Hawnhekk qed ngħidu li hemm capping ta’ kemm l-iktar jista’ jonfoq kandidat biex kandidat li m’għandux riżorsi ma tkunx impossibbli għalih li jiġi elett xi darba, għax kull min hu miljunarju kapaċi jonfoq €1 miljun. Nerġa’ ngħid kif għedt qabel, jien ma naħsibx li min jonfoq …
ONOR. CHRIS SAID: U partit żgħir li m’għandux riżorsi?
ONOR. OWEN BONNICI: Se niġi għaliha. Ma naqbilx li tonfoq kemm tonfoq ifisser li inti assigurat siġġu fil-Parlament. Veru li jekk għandek miljunarju jonfoq €1 miljun f’kampanja elettorali, u jien, Owen Bonnici, li għandi xorti jekk nonfoq €1,000, mhux qegħdin fuq l-istess playing field, allura naqbel li jkun hemm capping kemm l-iktar għandhom jonfqu l-kandidati. Però, kemm partit jista’ jonfoq f’elezzjoni ġenerali, le. Jekk hemm partit li m’għandux riżorsi, għandu jagħmel policies, jaħdem biex jattira l-appoġġ lejh. Jekk għandek partit li għandu membership base dejjem tikber, mhux ovvja li se jġib iktar riżorsi lejh? Meta nagħmlu l-outreach u l-crowd funding tagħna bħala partiti, trid taħdem, trid tkun qrib in-nies, iġġiegħel lin-nies jemmnu fik u, iktar kemm in-nies jemmnu fik, iktar se tieħu għajnuna u donazzjonijiet. Jekk hemm partit li m’għandux riżorsi, jaħdem biex ikollu, it’s very simple. Trid tkun proattiv, trid toħloq ideat ġodda biex tattira n-nies lejk. Jekk tattira n-nies lejk, l-għajnuna se tiġi.
THE CHAIRMAN: Hawn iktar rimarki? L-Onor. Chris Said.
ONOR. CHRIS SAID: Fl-opinjoni tiegħi, t-tixbihat li qed jagħmel il-Ministru ma jreġux; però, għandu kull dritt għall-opinjoni tiegħu. F’elezzjoni fejn qed jikkontestaw il-kandidati u mhux il-partiti – għax tinsiex li fl-elezzjonijiet tagħna ma jiġix elett il-partit, jiġi elett il-kandidat f’isem partit – il-kandidat qed nagħmlulu capping – rightly so, naqblu, u hekk għandu jkun – però, imbagħad, il-partiti jistgħu jonfqu kemm iridu. M’aħniex qed ngħidu li d-donazzjonijiet huma xi ħaġa ħażina: illum hemm regoli ta’ kif isiru d-donazzjonijiet u kif jiġu ddikjarati. Hija ħaġa tajba li partit politiku jaċċetta donazzjonijiet u jaħdem biex ikollu iżjed donazzjonijiet, u hemm mezzi oħra kif jistgħu jintużaw dawk il-flus. Però, aħna qed ngħidu li għandu jkun hemm capping ta’ x’jista’ jonfoq f’elezzjoni ġenerali, il-massimu li jista’ jonfoq. Definittivament, partit żgħir ma jista’ qatt jonfoq iż-€2 miljun li qed nipproponu aħna bħala capping; imma almenu għandek partit żgħir li jonfoqlok ftit eluf ma’ partit kbir li jonfoq €2 miljun, mentri jekk ikollok partit żgħir jonfoq ftit eluf ma’ partit kbir li jonfoq €5 miljun, €6 miljun jew €7 miljun, id-differenza bejn iż-żewġ partiti żgur li tkun baħar jaqsam, u wieħed qatt ma jista’ jlaħħaq mal-ieħor.
Aħna qegħdin irressqu din il-proposta; jekk il-Gvern ma jaqbilx għandu kull dritt, però nemmnu li, biex ikollna liġi tal-finanzjament tal-partiti kompluta, il-liġi trid tirregola d-dħul u l-infiq. Irid ikun hemm capping fuq l-ammont ta’ donazzjonijiet li partit jirċievi, imma daqshekk ieħor irid ikun hemm capping fuq x’jista’ jonfoq partit f’kull tip ta’ elezzjoni li għandna, biex tkun kompluta. Il-bqija, naħsbu li qed nagħmlu biċċa mit-triq li għandna nagħmlu ladarba qed nagħmlu din il-liġi.
ONOR. OWEN BONNICI: Ma naqbilx, għax hemm level playing field. Għall-grazzja tal-argument, ejja ngħidu li se nagħmlu capping fuq in-nefqa, u ngħidu li partit f’elezzjoni jista’ jonfoq massimu ta’ €2 miljun. Il-massimu ta’ kemm jistgħu jingħataw donazzjonijiet huwa ta’ €25,000 – din qbilna fuqha – mill-istess sors f’sena waħda. Allura, ejja ngħidu li f’sena waħda hemm partit li jiġbor 80 donazzjoni ta’ €25,000, u l-ieħor għax huwa iktar popolari, jiġbor 200 minnhom. Din mhux level playing field? It-tnejn kellhom l-istess regoli, imma wieħed kien kapaċi jiġbor iktar donazzjonijiet għax għandu iktar policies li jattiraw appoġġ. Dan bħalma naraw fl-elezzjonijiet Amerikani, ikollok kandidat presidenzjali bħal Obama li kien għamel record, irnexxielu jagħmel crowd fundingmechanism tal-ġenn; imbagħad kellek il-kandidat l-ieħor li ġabar ħafna inqas minnu. Hija kwestjoni ta’ kemm għandek enerġija u kemm inti kapaċi tattira appoġġ. Allura, jekk hemm xi ħadd kapaċi jiġbor 200 donazzjoni ta’ €25,000-il waħda u l-ieħor kapaċi jiġbor 60, tiġix tgħidli li dak li ġabar joqgħod jgħid li ma kellux level playing field. Missu kien enerġetiku, kariżmatiku u b’ideat.
ONOR. CHRIS SAID: Tinsiex, il-partiti politiċi m’għandhomx biss elezzjonijiet, għandhom l-amministrazzjoni, għandhom il-media tagħhom, jiġifieri d-donazzjonijiet jistgħu jintużaw f’ħafna affarijiet oħra.
ONOR. OWEN BONNICI: L-argument tiegħi huwa li ladarba qbilna fuq capping, il-massimu li jista’ jaċċetta partit politiku, u qbilna li l-għotjiet jiġu ppubblikati meta jkunu għotjiet kbar, jidhirli li jekk inti kapaċi tattira appoġġ, m’għandix nikkastigak talli rnexxielek iġġib iktar appoġġ mill-ieħor. Le.
THE CHAIRMAN: Hawn iktar rimarki? (Onor. Membri: No) Il-mistoqsija hija klawsola 51. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Carried.
ONOR. MEMBRU:Division.
THE CHAIRMAN: Hawn qbil li din il-votazzjoni tittieħed immedjatament:? (Onor. Membri: Iva)
Il-Kumitat qabel li din il-votazzjoni tittieħed immedjatament.
THE CHAIRMAN: Ir-riżultat tal-votazzjoni hu erbgħa favur u tnejn kontra.
Klawsola 51 għaddiet, u ġiet ordnata biex issir parti mill-Abbozz ta’ Liġi.
Klawsola 52 – Emenda tal-artiklu 50 tal-Erbatax-il Skeda tal-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali. Kap. 354
Clause 52 –Amendment of article 50 of the Fourteenth Schedule to the General Elections Act. Cap. 354 THE CHAIRMAN: Rimarki. Il-Ministru.
ONOR. OWEN BONNICI: Sur President, din il-klawsola qed telimina kull fejn kien hemm il-kelma “aġent”, jiġifieri issa l-oneru huwa tal-kandidat, il-kandidat irid jiffirma u mhux l-aġent. Però, xtaqt niġbed l-attenzjoni li hawnhekk qegħdin nipproponu li l-limitu ta’ żmien għat-trasmissjoni tal-prospett tal-ispejjeż elettorali tal-kandidati eletti għandu jkun ta’ għaxart ijiem mid-data meta l-kandidat jiġi ddikjarat elett, u l-kummissarji għandhom jeżaminaw il-prospetti u jikkonkludu l-eżami fi żmien xahar. Din kruċjali– avviso ai naviganti din – għax qed ngħidu li kandidat li jiġi elett għandu fi żmien għaxart ijiem jippreżenta l-prospett tal-ispejjeż elettorali lill-Kummissjoni Elettorali. Il-prospett m’għandux jinħadem bil-għaġġla l-għada li jiġi elett kandidat, imma għandu jinħadem kuljum tul il-kampanja elettorali. L-affarijiet iridu jsiru sewwa ħalli mal-mument li kandidat jiġi elett ikollu l-prospett tal-ispejjeż elettorali lest, u l-Kummissjoni trid tikkonkludi l-eżami fi żmien xahar biex, jekk issib xi ħadd li gideb jew għamel dikjarazzjoni falza, ma jkollniex sitwazzjoni fejn il-Parlament jiġi hung. Ma ninsewx li partit jista’ jiġi elett b’maġġoranza minima bħalma kien hemm fl-aħħar leġiżlatura, u allura huwa fl-interess mhux tagħna l-politiċi – hawnhekk qegħdin nirregolaw kontra l-politiċi – imma fl-interess tal-poplu li xi ħaġa bħal din tkun riżolta malajr kemm jista’ jkun. Nafu li t-termini huma qosra; però din hija deċiżjoni studjata, ma tfajnihomx b’kumbinazzjoni, u qed nibagħtu messaġġ lill-kandidati kollha, speċjalment dawk li se jiġu eletti d-darba li jmiss, li l-accounting exercise irid isir mhux wara li jiġu eletti, imma jrid jsir ġurnata b’ġurnata. Irid ikollok persuna professjonali li tgħinek biex tagħmel dan ix-xogħol biex, fil-mument li tiġi elett, tissottometti l-prospett tal-ispejjeż elettorali lill-Kummissjoni Elettorali.
IL-PERIT CARMEL CACOPARDO: Għaliex dawk li ġew eletti biss? Għaliex qed tiddiskrimina? Se mai, għandu jippreżentaha kulħadd.
ONOR. OWEN BONNICI: Qed ngħidu dawk li huma eletti peress li se ndaħħlu konsegwenza kostituzzjonali tal-unseating, u l-fatt li xi ħadd elett jiġi unseated għandu riperkussjonijiet fuq il-governanza tal-pajjiż.
IL-PERIT CARMEL CACOPARDO: Xorta ma jagħmilx sens li jkun hemm regoli differenti għal tnejn min-nies differenti. Regola għandha tkun bis-sens, li mhijiex din li qed tipproponi, u għandha tapplika għal kulħadd.
ONOR. OWEN BONNICI: Nirringrazzjak talli għedtli li għamilt regoli bla sens ... imma jrid ikun hemm distinzjoni bejn l-eletti u mhux eletti. Nerġa’ ngħid li żidna t-threshold, għamilnieh realistiku, sa €40,000 jekk jikkontestaw fuq żewġ distretti. Però, ladarba ngħatajt dan it-threshold il-ġdid, trid tipproduċi l-accounts malajr, u trid tipproduċihom b’serjetà.
THE CHAIRMAN: Hawn iktar rimarki? L-Onor. Said.
ONOR. CHRIS SAID: Naqblu li għaxart ijiem huma ftit; però, jekk il-Gvern irid jagħmilha għaxart ijiem, m’għandix problemi li f’għaxart ijiem …
ONOR. OWEN BONNICI: Ħalli ma taqbilx miegħi, Onor. Said, però spjegajt li hemm raġuni, u naħseb li hija raġuni importanti.
ONOR. CHRIS SAID: Naħseb li qegħdin inpoġġu oneru daqstant tassattiv fuq numru ta’ nies li diġà jkunu għaddew minn perijodu ta’ kampanja elettorali – li hawnhekk kulħadd għadda minnu – u jkollhom l-għejja ta’ tlett ijiem fil-Counting Hall, jiġifieri minn għaxart ijiem ikollok nofshom meħudin mill-Counting Hall. F’idejkom, m’għandix problema.
ONOR. OWEN BONNICI: L-eħfef ħaġa hi li ngħid xahar jew xahrejn; imma fl-interess mhux tal-kandidat ...
ONOR. CHRIS SAID: M’għandniex problema, Ministru, però se nkunu qegħdin noħolqu problemi fuq nies li diġà jkunu għaddew minn problemi f’kampanja elettorali.
ONOR. OWEN BONNICI: Onor. Said, dan huwa avviso ai naviganti ċar.
ONOR. CHRIS SAID:Avviso ai naviganti! Aħna x’irridu? Irridu nipprovaw nattiraw nies tajbin lejn il-politika. Iktar ma nagħmlu dan it-tip ta’ …
ONOR. OWEN BONNICI: X’jiġifieri?
ONOR. CHRIS SAID: Jiġifieri, jekk jien ħriġt l-ewwel darba, u m’għandi lil ħadd miegħi li jeħodli ħsieb, irrid nagħmel kollox jien, irrid nagħmel l-accounts u nżomm l-affarijiet. Għaxart ijiem huma biżżejjed wara l-elezzjoni? Ma naħsibx li huma biżżejjed; però, jekk il-Gvern irid jibqa’ għaddej, m’għandniex oġġezzjoni li jkunu għaxart ijiem.
ONOR. OWEN BONNICI: Nerġa’ ngħid, fil-każ ta’ dak li jiġi elett.
ONOR. CHRIS SAID: Mhux l-istess?
ONOR. CLAUDIO GRECH: Sakemm ma jkunx ministru, l-istess riżorsi se jkollu.
ONOR. OWEN BONNICI: Anke l-Ministru l-istess. Ippermettuli: ħa nġib l-eżempju ta’ din il-leġiżlatura. F’din il-leġiżlatura, kellna ngħaddu l-baġit malajr għax ma kienx għadda fil-leġiżlatura preċedenti, u konna ltqajna, jekk m’iniex sejjer żball, fi żmien xahar. Bir-regoli l-ġodda tal-unseating, jista’ jkun li jkollok każ ta’ xi ħadd li jiġi unseated għax ma jkunx għamel ir-returns korretti, għamel dikjarazzjonijiet foloz …
ONOR. CHRIS SAID: Inti taħseb li l-Qorti Kostituzzjonali se tiddeċiedi l-każ fi żmien xahar?
ONOR. OWEN BONNICI: Kien hemm każijiet – u taf inti – fejn il-Qorti Kostituzzjonali f’ġurnata ddeċidiethom.
ONOR. CHRIS SAID: Imma din għandek kwestjoni ta’ provi; jiġifieri, jekk …
ONOR. OWEN BONNICI: Fil-Qorti Kostituzzjonali, inti tgħallimni, Onor. Said ...
ONOR. CHRIS SAID: F’kull kawża tibqa’ għaddejja l-Qorti Kostituzzjonali!
ONOR. OWEN BONNICI: Le, mhux qed ngħid li f’kull kawża tagħmel hekk, naqbel miegħek.
ONOR. CHRIS SAID: Aħna għandna kawża kostituzzjonali, għaddew sentejn u nofs u għadna se nibdew.
ONOR. OWEN BONNICI: Onor. Said, m’intix qed tkun korrett mal-fatti. Il-kawża li għamiltu dwar is-siġġijiet, kif kellkom kull dritt tagħmlu, wara l-elezzjoni eżatt ġiet riżolta f’ġurnata!
ONOR. CHRIS SAID: Billi qalet li m’għandhiex għalfejn tidħol fil-każ! Però, hawnhekk għandek każ …
ONOR. OWEN BONNICI: Ippermettili, Onor. Said, għax inti semmejt il-proċeduri tas-siġġijiet. Inti taf li l-Partit Nazzjonalista għamel kawża fi żmien it-tlett ijiem li titolbu l-Kostituzzjoni, u f’ġurnata qatgħetha l-Qorti Kostituzzjonali.
ONOR. CHRIS SAID: Illum hemm kawża kostituzzjonali li ilha għaddejja sentejn u nofs.
ONOR. OWEN BONNICI: Imbagħad, hemm kawża kostituzzjonali oħra, imma that is a different ...
ONOR. CHRIS SAID: Fuq l-istess …
ONOR. OWEN BONNICI: Iva, imma inti tgħallimni li it’s a different kettle of fish.
ONOR. CHRIS SAID: X’inhi? Normal procedure? Kawża kostituzzjonali suppost tibda u tkompli għaddejja.
ONOR. OWEN BONNICI: Għamiltu talba għall-urġenza?
ONOR. CHRIS SAID: Għamilna talba għall-urġenza, intlaqgħet u xorta ħadet sentejn u nofs.
ONOR. OWEN BONNICI: Ħażin.
ONOR. CHRIS SAID: Int il-Ministru għall-Ġustizzja.
ONOR. OWEN BONNICI: Jien il-Ministru għall-Ġustizzja, imma m’iniex l-imħallef li jaqta’ l-kawża.
ONOR. CHRIS SAID: Inti il-Ministru għall-Ġustizzja jekk ħażin!
ONOR. OWEN BONNICI: Nerġa’ ngħidlek li kull kawża li ddum hija ħażin.
ONOR. CHRIS SAID: Hawnhekk qed ngħidu l-prattiċità.
ONOR. OWEN BONNICI: Imma l-Qorti Kostituzzjonali, fil-każijiet li tipprospetta l-Liġi Elettorali dejjem taqtagħhom f’ġurnata, tnejn, tlieta massimu, jiġifieri ma nibagħtux messaġġ ħażin.
ONOR. CHRIS SAID: Hawnhekk għandek xahar għall-Kummissjoni Elettorali biex tiddeċiedi hemmx każ jew le. Kif il-Kummissjoni Elettorali tiddeċiedi li hemm prima facie każ, trid tieħu l-każ quddiem il-Qorti Kostituzzjonali. Il-Qorti Kostituzzjonali trid tisma’ l-provi tal-Kummissjoni, u mbagħad tagħti dritt lid-difiża li ġġib il-provi wkoll – għax ma tistax ittella’ persuna, takkużaha u ma ġġibx il-provi! Dawn se tismagħhom f’ġurnata u tiddeċidihom f’ġurnata? Jalla jsir hekk.