THE CHAIRMAN: L-Onor. Claudio Grech.
ONOR. CLAUDIO GRECH:Il-Ministru semma li din hija long overdue, u li rriduha tidħol bl-iktar mod malajr. L-unika triq kif din il-liġi b’mod effettiv tidħol bl-iktar mod malajr hija li tuża l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali. Għandek set-up li qiegħed hemm, nerġa’ ngħid hemm set-up li huwa rrispettat u m’għandekx għalfejn ikollok proċessi ta’ procurement. Meta bdejt tirreferi għal MEAT u mhux MEAT, fil-verità ħafna mill-awdituri jitqabbdu fuq il-bażi tal-fiduċja li l-awditur ikollu mal-entità rispettiva. Jiġifieri, mhux argument li l-Public ContractsRegulations neċessarjament se jirregolaw dan it-tip ta’ ngaġġ, minħabba li l-ammonti ta’ audit ikunu relattivament żgħar. The fastest way biex tibda topera u topera b’mod effettiv huwa li tuża l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali. Jidher li din ma triduhiex: nemmen li hija l-iktar soluzzjoni effettiva, però issa finalment f’idejkom.
THE CHAIRMAN: L-Onor. Godfrey Farrugia.
ONOR. GODFREY FARRUGIA: L-Awditur Ġenerali mhuwiex dik il-persuna li jħares lejn l-amministrazzjoni u anke lejn l-affarijiet kif jimxu mill-aspettt governattiv biss, mill-aspett ta’ dipartimenti biss? Ma nafx, qed nistaqsi: issa mhux se ndaħħluh f’xi ħaġa li hija totalment esterna mill-kompitu tiegħu, jiġifieri dik li se jħares lejn l-awditjar tal-partiti?
ONOR. CLAUDIO GRECH: L-Avukat Ġenerali jista’ jagħtina spjegazzjoni tal-funzjonijiet tal-Awditur Ġenerali; però l-Awditur Ġenerali għandu a financial auditingfunction li, nerġa’ ngħid, hija rispettata, financial auditing function li bi qbil tagħna – għax, finalment, aħna rridu naqblu fuqha din – nkunu nistgħu nestendu r-remit tiegħu biex ikopri dik il-funzjoni ta’ awditjar, jekk aħna nkunu qed naqblu. Issa aħna qegħdin nipproponuha; imma jidher li intom għandkom oġġezzjoni li l-Awditur jagħmel xi ħaġa ta’ natura importanti bħal din. Fl-opinjoni tiegħi, il-messaġġ li nkunu qegħdin nibagħtu hemm barra huwa li l-partiti qegħdin jaqblu li jħallu l-awditjar tal-partiti politiċi tagħhom stess f’idejn l-iktar istituzzjoni rispettata. Naħseb li l-iktar tnejn rispettati li hawn huma żgur l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali u l-Ombudsman. Naħseb li huma żewġ istituzzjonijiet li bejnietna dejjem żammejniehom f’ċertu rispett. Finalment, dawk huma istituzzjonijiet li jiġu appuntati b’żewġ terzi tal-Kamra, u jridu jitneħħew b’żewġ terzi tal-Kamra: anke s-security of tenure tagħhom mhijiex soġġetta għall-gvern tal-ġurnata. Però, din hija perspettiva purament politika, and it’s a political decision li jrid jieħu l-Gvern jekk iridx jagħti jew le dan ir-remit lill-Awditur Ġenerali, skont il-provisions li hawn hawnhekk. Bir-rispett kollu, Ministru, inti m’għamilt l-ebda restrizzjoni lil min tqabbad hawnhekk. Hawnhekk għedt “kull awditur”, jiġifieri a one-man show ta’ audit firm, jekk jitfa’ tender li tkun relattivament irħisa, jista’ jagħmilha wkoll. M’iniex qed ngħidlek li m’għandux il-ħila li jagħmilha – it’s beyond that. Imma l-argument hawnhekk huwa meta kellek din il-kontroversja ċarissima hawnhekk fuq xi ħaġa daqshekk importanti ta’ min se jiġi afdat bl-awditjar, naħseb is-soluzzjoni tagħna hija prattika u hija soluzzjoni li ssib kunsens ta’ kulħadd.
ONOR. GODFREY FARRUGIA: Mela sewwa qed ngħid jien, in-National Audit Office jagħmel auditing ta’ affarijiet fejn il-Gvern għandu interess dirett, kemm jekk huwa fiċ-Ċivil, kif ukoll f’kumpaniji li jkollu assi fihom li jkunu ’l fuq minn 51%. Allura hawnhekk se nibdlu totalment il-funzjoni, il-wiċċ tal-Awditur Ġenerali hemm barra, billi se ndaħħlulu wkoll awditjar fuq il-partiti nfushom, li huma xi ħaġa esterna u lil hemm mill-Gvern. Hawnhekk qisna qegħdin nitfgħulu kappell ieħor totalment ġdid meta l-kappell li għandu – u għalhekk għandu ċerta stima lejh – huwa dak li jħares bir-reqqa fuq affarijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ ishma tal-Gvern jew ma’ dipartimenti tal-Gvern. Allura, qegħdin nibdlulu l-funzjoni tiegħu totalment, mhux sempliċement inżidulu r-remit tiegħu.
ONOR. CLAUDIO GRECH:We agree to disagree. Fl-opinjoni tiegħi, hawnhekk qegħdin indaħħlu liġi ġdida fejn qed nagħtu funzjonijiet. L-Awditur Ġenerali huwa l-iktar istituzzjoni li f’dan l-istadju llum hija idonea biex tkun tista’ twettaq dan ix-xogħol. Jekk hemm daqshekk oġġezzjoni kbira li nagħmlu l-Awditur Ġenerali, proposta oħra li l-Ministru jista’ jikkonsidra tkun li l-għażla tal-awdituri ma tkunx by an administrative decision tal-Kummissjoni, imma li jkollok il-qbil taż-żewġ partijiet fuq il-Kummissjoni, li l-awditur li jitqabbad ikollu l-fiduċja taż-żewġ partijiet.
ONOR. OWEN BONNICI: L-Onor. Farrugia qed jagħmel argument interessanti ħafna fejn qed jgħid li, ladarba l-Awditur Ġenerali għandu l-irwol li jinvestiga n-nefqiet kollha finanzjarji, jekk wieħed mill-awdituri tiegħu jkun qed jagħmel il-mansjoni hu, allura se jkun hemm id-domanda ta’ who polices the police. Jiġifieri, jekk qed ngħidu li l-Awditur Ġenerali għandu l-funzjoni li jawditja kull ħidma tal-Gvern, fil-mument li l-Awditur innfisu m’għadux iżjed awditur li qed jawditja l-ħidma, imma qed jagħmel hu parti mill-funzjoni tal-entitajiet, allura qed niġu f’sitwazzjoni fejn, meta jiġi l-Awditur Ġenerali biex jawditja l-operat tiegħu stess, jista’ jkun li, minflok pass ’il quddiem, dak ikun pass lura. Jiena naħseb li l-argument tal-Onor. Farrugia jagħmel ħafna sens.
It-tieni punt li ridt nagħmel huwa li jien għandi fiduċja fl-għażliet tal-Kummissjoni Elettorali, u għandi fiduċja fl-awdituri ta’ pajjiżna li kapaċi jkunu indipendenti, imparzjali, tajbin, kapaċi jkunu serji fil-ħidma tagħhom, naturalment kollox jorbot mal-għażla. Jekk il-Kummissjoni Elettorali se tagħmel għażla ħażina, il-Kummissjoni Elettorali tkun għamlet għażla ħażina li jien ma nixtieqx li ssir; imma, jekk tagħmel għażla tajba – u m’għandix dubju li l-għażla tal-awditur se tkun waħda tajba, se jmorru għal awdituri tajbin, ta’ esperjenza, ta’ ħila, li għamlu xogħol tajjeb fil-passat u għandhom track record – m’għandix dubju li, hekk kif tibda tidħol din il-liġi fis-seħħ, allura anke l-oppożizzjoni li hawn għal din il-klawsola, meta niġu on the ground, tispiċċa. Kien hemm ħafna liġijiet li mbagħad maż-żmien bdejna nindunaw li dik il-biża’ li seta’ kellna – li tista’ tkun korretta u tista’ tkun le, mhux qed ngħid li l-argumenti tal-ħbieb tiegħi mhumiex ġenwini – ħafna drabi l-esperjenza turi li l-affarijiet indraw u mxew ’il quddiem.
ONOR. CHRIS SAID: Punt żgħir. Il-Ministru qal li għandu fiduċja fil-Kummissjoni Elettorali. Hemm hu l-punt ta’ diverġenza, għax aħna m’għandniex fiduċja fil-Kummissjoni Elettorali. Int għandek fiduċja għax hija mmexxija minn maġġoranza appuntata mill-partit tiegħek li, ovvjament, fid-deċiżjonijiet li tagħti meta ma jkunx hemm qbil unanimu xxaqleb dejjem lejn dak li jkun qed jiġi propost min-naħa tal-partit tiegħek. Dik hija l-kompożizzjoni tagħha, hekk qiegħda fil-Kostituzzjoni u għalhekk għamilna l-proposta li f’xi ħaġa daqshekk sensittiva m’għandhiex tkun hi. Il-punt tagħna għamilnieh; però, jekk il-Gvern irid jibqa’ għaddej billi jagħti anke dan il-poter lill-Kummissjoni li tagħżel l-awdituri mingħajr l-ebda kondizzjoni ta’ kif jintgħażlu u ma jintgħażlux, allura għandkom il-maġġoranza u tistgħu tibqgħu għaddejjin.
IL-PERIT CARMEL CACOPARDO: Ma fhimtx sew. Il-ġurament skont l-Iskeda se jeħduh l-awdituri jew anke l-membri tal-Kummissjoni Elettorali?
ONOR. OWEN BONNICI: Hawnhekk hawn, “Both the said auditors and the Commissioners”, jiġifieri, it-tnejn li huma.
THE CHAIRMAN: Nistieden lill-Avukat Ġenerali biex jintervjeni. Hawn permess? (Onor. Membri: Iva)
Il-permess ingħata. DR PETER GRECH (Avukat Ġenerali): Is-subklawsola (2) tgħid: “Kemm l-imsemmija awdituri, kif ukoll il-Kummissarji, jkunu marbutin bl-obbligu tal-kunfidenzjalità dwar l-informazzjoni li tasal għandhom …” Jiġifieri, l-obbligu tal-kunfidenzjlaità joħroġ mil-liġi. Is-subklawsola (3) qed tgħid li l-awdituri għandhom jieħdu ġurament tal-kariga li hu inkluż fl-iskeda. Il-ġurament huwa tal-kariga.
IL-PERIT CARMEL CACOPARDO: Il-punt tiegħi huwa li mis-subklawsola (2) proposta joħroġ l-obbligu li l-Kummissarji wkoll jieħdu dak il-ġurament.
ONOR. OWEN BONNICI: Le, hemm obbligu tal-kunfidenzjalità, li hija differenti. Jiġifieri dik l-informazzjoni li skont il-liġi ma tiġix ippubblikata … Fejn il-liġi tobbliga l-pubblikazzjoni, anzi aħna qbilna hawnhekk li jqegħduha online mill-ewwel – fuq proposta jidhirli tal-Perit Cacopardo – imma, fejn il-liġi ma tobbligax li jkun hemm din il-pubblikazzjoni, kemm il-kummissarji, kif ukoll l-awdituri jridu jobdu l-kunfidenzjalità.
THE CHAIRMAN: Hawn iktar rimarki? (Onor. Membri: No) Il-mistoqsija hija l-emenda għal klawsola 46, kif imressqa u moqrija mill-Ministru. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Carried.
L-Emenda “AM” għaddiet.
THE CHAIRMAN: Il-mistoqsija hija klawsola 46, kif emendata. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Carried.
ONOR. CHRIS SAID: Division. THE CHAIRMAN: Hawn qbil li din il-votazzjoni tittieħed immedjatament? (Onor. Membri: Iva)
Il-Kumitat qabel li din il-votazzjoni tittieħed immedjatament.
ONOR. OWEN BONNICI: Peress li l-Onor. Beppe Fenech Adami huwa imsiefer, trid li xi ħadd minna jiġi paired? ONOR. CHRIS SAID: M’hemmx għalfejn.
Klawsola 46, kif emendata, għaddiet, u ġiet ordnata biex issir parti mill-Abbozz ta’ Liġi.
Klawsola 47 – Emenda tal-artikolu 55 tal-Kostituzzjoni
Clause 47 – Amendment of article 55 of the Constitution THE CHAIRMAN: Rimarki? Il-Ministru.
ONOR. OWEN BONNICI: Sur President, hawnhekk qed nitkellmu fuq artikolu 55 tal-Kostituzzjoni, li jelenka ċ-ċirkostanzi fejn kandidat jiġi unseated, jiġifieri s-siġġu jiġi vakanti. Ma’ dan l-elenku, qed inżidu ċirkostanza oħra meta s-siġġu ta’ MP li jkun ġie elett isir vakanti. Dawn huma każijiet eċċezzjonali ħafna għax meta MP jiġi elett, bil-Malti ngħidu s-siġġu huwa tiegħu, jiġifieri, għal dak il-perijodu mhuwiex tal-partit imma ta’ dak l-MP li jiġi elett. Il-Kostituzzjoni tispjega meta dak is-siġġu jintilef minn dak id-deputat, u qed ngħidu li, jekk il-Qorti Kostituzzjonali tiddeċiedi li kandidat elett ikun ta informazzjoni falza fil-prospett tal-ispejjeż elettorali, jew li l-kandidat elett ikun nefaq ammont fi spejjeż elettorali li jaqbeż l-ammont permissibbli mil-liġi, allura hemmhekk jitlef is-siġġu. Jiġifieri, qed nibagħtu messaġġ ċar li the party is over. Jekk qabel kellna sitwazzjoni fejn ma kienx hemm is-serjetà li wieħed kien jippretendi, illum qed nibagħtu l-messaġġ li jekk deputat elett – jista’ jġib 10.000 vot mal-ewwel count! – jinqabad li jew ikun ta informazzjoni falza jew ikun nefaq iktar milli l-liġi tippermettilu, hemmhekk jitlef is-siġġu.
ONOR. CHRIS SAID: Hekk qiegħda diġà.
ONOR. OWEN BONNICI: Ippermettili, Onor. Said, kemm nikkonkludi ħalli nispjega x’inhi; imbagħad, bil-qalb kollha nisma’ l-veduta tiegħek. Hawnhekk qed ngħidu li hija deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali. Il-Qorti Kostituzzjonali hija l-qorti bi tliet imħallfin, l-ogħla qorti fil-pajjiż, u tkun hi li tiddeċiedi li kandidat ikun ta informazzjoni fil-prospett elettorali li tkun falza, jew li nefaq ammont li jaqbeż l-ammont permissibbli fil-liġi.
ONOR. CHRIS SAID: Fis-sistema tagħna llum diġà għandek li kandidat li ma jagħmilx return, jew li fir-return jagħmel dikjarazzjonijiet foloz jittieħdu l-passi kontrih, u minn qorti sempliċi jiġi interdett. Hemm l-interdizzjoni obbligatorja, u allura dik tfisser li tilef is-siġġu awtomatikament. Hawnhekk qegħdin indaħħlu proċedura ġdida tal-Qorti Kostituzzjonali, li hija iktar ikkomplikata minn dik li għandna llum, għax illum kandidat jitressaq quddiem il-Qorti ta’ ġudikatura kriminali. Jiġifieri, dik teżisti quddiem qorti oħra, u naħseb li rridu nneħħu waħda minnhom. Ma naħsibx li għandna nżommu ż-żewġ sistemi li għandna llum: it has to be either or, jiġifieri, jew inħassru s-sistema li għandna llum … Forsi tistaqsini kemm tressqu kandidati quddiem il-Qorti Kriminali sal-lum? Naf b’każijiet …
IL-PERIT CARMEL CACOPARDO: Kieku applikawha, ma baqa’ ħadd fil-Parlament.
ONOR. CHRIS SAID: Id-differenza hija din, li sal-lum kienet il-Kummissjoni Elettorali li riedet tieħu l-passi kontra l-kandidati, u mil-lum …
IL-PERIT CARMEL CACOPARDO: Ma kenitx kapaċi tagħmilha.
ONOR. CHRIS SAID: ... u ma kenitx kapaċi tagħmilha. Mil-lum ’il quddiem, se tkun il-Kummissjoni Elettorali li trid tieħu l-passi kontra l-kandidati. Dak li ma kentix kapaċi tagħmel il-Kummissjoni Elettorali sal-lum, se tkun kapaċi … Taf kontra min kienet kapaċi tagħmlu biss? Kontra xi kandidat żgħir ta’ kunsill lokali. Għaliex? Għax hemm iż-żewġ partiti jifformaw il-Kummissjoni Elettorali. Dak huwa l-punt li pprovajna nagħmlu iktar ’il quddiem, u l-Gvern ried jibqa’ għaddej – mhux se nerġa’ niftaħ dak il-punt – però, il-punt li qed nagħmel hawnhekk huwa li llum diġà għandna fil-Liġi Elettorali l-poteri tal-Kummissjoni biex tibda proċeduri kriminali kontra kandidat. Se nżommu ż-żewġ proċeduri, u tkun il-Kummissjoni li tiddeċiedi tmurx quddiem il-Qorti Kostituzzjonali jew tmurx quddiem il-Qorti Kriminali, jew se nħassru waħda mill-proċeduri biex ma jkunx hemm dubju u ma nħallu l-ebda dubju ta’ x’passi għandhom jittieħdu f’każ li kandidat jagħmel dikjarazzjoni falza jew jonfoq iżjed milli suppost?
ONOR. OWEN BONNICI: Forsi jkun aħjar li l-Avukat Ġenerali jagħtina spjegazzjoni tas-sitwazzjoni kif inhi llum u kif se tiġi bil-bdil propost, aktar milli noqogħdu nidħlu f’dibattitu.
DR PETER GRECH: Aħna qed ngħidu li hemm l-interdizzjoni inkwantu dikjarazzjoni falza lil awtorità pubblika.
ONOR. CHRIS SAID: Le, fiż-żewġ każijiet, anke meta kandidat ma jissottomettix ir-return jew jissottomettiha tard, anke jekk tissottomettiha ġurnata tard. Hawnhekk qed nagħmlu xi ħaġa parallela, li diġà teżisti fil-Liġi Elettorali. Skont il-Liġi Elettorali, min jippreżenta r-return tiegħu anke ġurnata tard, jew jekk tiddikjara li nfaqt iżjed milli suppost, hemm l-interdizzjoni. X’se tagħmel il-Kummissjoni f’dan il-każ? Tkompli miexja skont il-Liġi Elettorali jew skont il-liġi tal-finanzjament tal-partiti?
DR PETER GRECH: Dan mhuwiex previst bħala proċess kriminali. Dan huwa previst bħala proċess kostituzzjonali.
ONOR. CHRIS SAID: Iva, naqblu: imma x’se tagħmel il-Kummissjoni? Se tipproċessah darbtejn jew se jkollha proċess wieħed?
DR PETER GRECH: Le, l-iskop huwa differenti. Din hija proċedura bl-uniku skop li jitneħħa mill-Parlament.
ONOR. CHRIS SAID: Jekk m’iniex sejjer żball, interdizzjoni hija waħda mir-raġunijiet fejn deputat jitlef is-siġġu. Qed ngħid sew?
DR PETER GRECH: Iva. Din hija prevista bħala proċedura iżjed fast.
ONOR. CHRIS SAID: Imma rridu nneħħu l-oħra allura.
DR PETER GRECH: Le, għax jista’ jkun hemm il-lok li din hija indipendenti mill-azzjoni kriminali. Din mhijiex timponi fuqu piena kriminali, mhix qed timponi fuqu interdizzjoni ġenerali bħala riżultat ta’ sejbien ta’ ħtija kriminali, imma sempliċiment qed tneħħih minn Membru tal-Parlament. Mhuwiex kastig ta’ natura penali.
ONOR. CHRIS SAID: Illum din diġà teżisti.
ONOR. OWEN BONNICI: Le, mhux veru, illum ma teżistix.
ONOR. CHRIS SAID: Ilum teżisti.
ONOR. OWEN BONNICI: Le, ma teżistix. Illum hemm il-konsegwenzi ta’ jekk wieħed jiġi interdettat kriminalment. Dik li hemm.
ONOR. CHRIS SAID: Iva.
ONOR. OWEN BONNICI: Jista’ jitla’ gvern għada pitgħada li jbiddel il-Kodiċi Kriminali, iħassru u jiktbu mill-ġdid. Daqskemm biddilna fih il-Kodiċi Kriminali! Hawnhekk qegħdin indaħħluha fil-Kostituzzjoni, u fil-Kostituzzjoni, bħalma hemm il-konsegwenza tal-interdizzjoni, hemm ukoll il-konsegwenza ġdida li wieħed ikun qed jagħti informazzjoni li tkun falza jew nefaq ammont iktar milli huwa permissibbli fl-ispejjeż. Hawnhekk mhux qegħdin nitkellmu fuq il-Kodiċi Kriminali, imma qed nitkellmu fuq il-Kostituzzjoni tal-pajjiż, u qed nibagħtu …
ONOR. CHRIS SAID: Bir-rispett kollu…
ONOR. OWEN BONNICI: Onor. Said, ippermettili ftit. Qed nibagħtu messaġġ ta’ serjetà, għax aħna konna aware li kien hawn din l-idea hemm barra li kien hawn xalata fejn jidħlu dikjarazzjonijiet tan-nefqiet tal-kandidati. Allura, hawnhekk qegħdin nibagħtu a statement of intent serjissimu fuq il-livell tal-Kostituzzjoni. Issa, fil-Kostituzzjoni, mal-paragrafi li hemm diġà – il-ftit paragrafi, għax m’hemmx ħafna – dwar meta persuna titlef is-siġġu – fosthom jekk jiġi nieqes eċċ., l-evidenti – żdiedet oħra, biex issa fil-Kostituzzjoni, mhux fil-Kodiċi Kriminali, mhux f’liġi ordinarja, hemm il-konsegwenza diretta, mhux indiretta, jiġifieri tlift is-siġġu għax jien ġejt interdettat, għax forsi għada pitgħada jiġi gvern u, fejn jidħlu dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż elettorali, ma jagħmillekx interdett, jew inkella jista’ jkollok mekkaniżmi fejn il-Qorti tneħħi l-interdizzjoni, u allura bniedem jiskappa b’dik il-manjiera. Hawnhekk qed ngħidu b’mod ċar li, jekk int infaqt iktar milli suppost jew tajt informazzjoni falza fil-prospett tal-ispejjeż elettorali, titlef is-siġġu. Qiegħda fil-Kostituzzjoni, it’s a statement of intent.
ONOR. CHRIS SAID: M’aħniex qed niftiehmu. Aħna qed ngħidu li għandek żewġ proċeduri li se jkunu qegħdin hemm, paralleli għal xulxin. Min se jkun li jiddeċiedi f’liema qorti se jmur? Il-Kummissjoni Elettorali se tieħu l-każ quddiem il-Qorti Kostituzzjonali jew quddiem il-Qorti Kriminali? Illum hija l-Kummissjoni li tibda proċeduri kriminali fil-każ li xi ħadd ma jissottomettix return, fil-każ li xi ħadd jagħmel dikjarazzjoni falza, jew fil-każ xi ħadd jonfoq iżjed milli suppost. Dak huwa l-istat ta’ fatt li għandna llum. Il-konsegwenza hija bilfors interdizzjoni meta tinstab ħtija – ovvjament, meta ma tinstabx ħtija m’hemmx interdizzjoni. Illum interdizzjoni tfisser li titlef is-siġġu. Dak huwa x’hemm llum. Inti qed tgħidilna li għada jista’ jiġi gvern u jbiddel il-Kodiċi Kriminali … Bl-istess argument jista’ jiġi gvern u jbidddel il-Kostituzzjoni, għax din hija xi ħaġa li tista’ tibdilha b’sempliċi maġġoranza. Kieku qed ngħidu li din hija parti mill-Kostituzzjoni li trid żewġ terzi biex tibdilha, għandek raġun, Ministru; però, hawnhekk qed nitkellmu fuq parti mill-Kostituzzjoni li trid maġġoranza sempliċi. Mela, bħalma trid maġġornaza sempliċi biex tibdel il-Liġi Elettorali li twassal għal dawk il-konsegwenzi li għandna llum, hekk ukoll trid maġġoranza sempliċi biex iddaħħal din jew tneħħi din. Il-punt mhux dan. Naqblu li għandu jkun hemm sanzjonijiet, u naqblu wkoll li sal-lum il-Kummissjoni Elettorali ma kellhiex is-snien biex tagħmlu, u rridu naraw kif se ġġibhom dawn is-snien, la se tibqa’ l-istess Kummissjoni Elettorali. Però, aħna l-leġislaturi l-liġi nistgħu nagħmlu, ma nistgħux inġiegħlu lil xi ħaddieħor jagħmel xi ħaġa oħra. Il-punt kollu huwa dan: se noħolqu żewġ proċeduri paralleli, u se nħallu f’idejn il-Kummissjoni biex tiddeċiedi hi fejn tmur, hux fil-Qorti Kriminali jew fil-Qorti Kostituzzjonali?
ONOR. OWEN BONNICI: Tagħmilhom it-tnejn f’daqqa. (Interruzzjonijiet)
ONOR. CHRIS SAID: Bir-rispett kollu, f’kull proċedura trid tinstab il-ħtija. Jiġifieri, l-Qorti Kriminali tgħid li mhux ħati u l-Qorti Kostituzzjonali tgħid li huwa ħati?
DR KEVIN VALLETTA (Avukat fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali): Il-lista tal-Kriminal mhux se taffettwa ...
ONOR. OWEN BONNICI: Qed tgħid li ma nagħmluhiex?
ONOR. CHRIS SAID: Le, qed tpoġġili l-kliem f’ħalqi, Ministru. Jien qed ngħidlek li naqblu. Qed ngħidlek li qed noħolqu żewġ sistemi li waħda minnhom, fl-opinjoni tagħna, trid titneħħa. Jekk se ndaħħlu din tal-Kostituzzjoni, il-proċedura kriminali fl-istess ħin fuq l-istess affarijiet trid titneħħa, għax inkella se nħallu f’idejn il-Kummissjoni Elettorali …
ONOR. OWEN BONNICI: Ikkwotali ftit il-proċedura kriminali kif twassal għal tneħħija ta’ MP. Ħalli nibdew minn hemm.
ONOR. CHRIS SAID: Għax għandek l-interdizzjoni bil-Liġi Elettorali.
ONOR. OWEN BONNICI: Ikkwotahieli.
ONOR. CHRIS SAID: M’għandix quddiemi, imma naf x’inhi għax ġieli anke ddefendejt kandidati.
ONOR. OWEN BONNICI: Ħalli wieħed ikun jaf x’qed ngħidu. F’artikolu 55 tal-Kostituzzjoni, għandek numru ta’ ċirkostanzi meta membru jitlef is-siġġu. L-ewwel nett, meta jkun hemm dissolution of parliament u tissejjaħ elezzjoni, għax meta tissejjaħ elezzjoni aħna kollha nitilfu s-siġġu. It-tieni, jekk jirriżenja; it-tielet, jekk ikun parti ta’ kuntratt mal-gvern, il-famuża mekkaniżmu tal-kuntratt tal-gvern; ir-raba’, jekk ikun assenti għal perijodu partikolari; jekk ma jibqax ċittadin ta’ Malta; jekk ma jibqax kwalifikat bħala elettur, jiġifieri, jekk titlef id-dritt li tivvota, se titlef is-siġġu u, fil-każ ta’ disqualification, li jiġi elett fil-Kamra. Pereżempju, jekk jiddeċiedi li jidħol fil-Forzi Armati ta’ Malta, ma jibqax iktar papabbli li jiġi elett, u allura ma jistax ikun Membru tal-Kamra u allura jitlef is-siġġu. Ma’ dawn qed inżidu din li semmejna. Jiġifieri, li qed jgħid il-kollega tiegħi mhijiex norma kostituzzjonali, hija xi ħaġa li qiegħda fil-proċedura tal-General Elections Act. Allura, bħala gvern qed ngħidu li wasal iż-żmien li jekk tagħmel dikjarazzjoni falza fejn tidħol in-nefqa elettorali u jekk tonfoq iktar minn dak li tħallik il-liġi, issa jrid ikun hemm konsegwenza fil-Kostituzzjoni, mhux fil-Kodiċi Kriminali.
ONOR. CHRIS SAID: Naqblu mal-konsegwenza.
ONOR. OWEN BONNICI: Il-konsegwenza għandha tkun li tiżdied ċirkostanza oħra ma’ dawn li semmejt ta’ meta inti titlef is-siġġu. Ma’ dawk ikun hemm din. Din hija norma kostituzzjonali ġdida; mela, mhux qed nirrepetu dak li hemm diġà, għax din mhijiex hemmhekk. Hija norma kostituzzjonali ġdida, u allura l-Qorti Kostituzzjonali would be able to unseat you. Issa, inti qed tgħid li hemm proċedura oħra kriminali bħala konsegwenza kriminali u – kif qed jgħid Dr Grech – tapplika kemm għal min tela’ u kemm għal min ma telax. Naturalment, min ħareġ u ġie elett se jiġi unseated, min ħareġ u ma ġiex elett ma jiġix unseated. F’każ li ġejt elett, fil-fehma tagħna, l-oneru huwa ikbar. Allura, m’iniex qed nara x’inhi d-diffikultà li jkun hemm konsegwenzi kriminali u konsegwenzi kostituzzjonali.
ONOR. CHRIS SAID: Nibqgħu għaddejjin, imma fl-opinjoni tiegħi ma tistax ikollok żewġ proċeduri fuq l-istess ħaġa mexjin flimkien. Jekk l-AG qed jgħidilna li jista’ jkollok żewġ proċessi fuq l-istess nuqqas għaddejjin fl-istess ħin, jilluminani.
DR PETER GRECH: Ma jistax ikollok hekk jekk inhuma t-tnejn ta’ natura kriminali. Dawn mhumiex proċeduri ta’ natura kriminali. Jista’ jkollok kawża kriminali u kawża ċivili fuq l-istess ħaġa. Pereżempju, jekk ikun hemm accidentbil-karozza, wieħed jista’ jittella’ fil-Kriminal għax qatel lil xi ħadd involontarjament, u fiċ-Ċivil ifittxuh għad-danni, jiġifieri fuq l-istess fatt. F’dan il-każ, din hija proċedura kostituzzjonali, u tapplika biss għal min ħareġ għall-elezzjoni u tela’, u allura s-siġġu tiegħu fil-Parlament huwa espost li jintilef. Il-proċedura l-oħra kriminali tapplika għal kulħadd, għal kull min ħareġ; seta’ ħareġ, kiser il-liġi billi nefaq iktar, u xorta ma telgħax.
ONOR. CHRIS SAID: Naqblu.
DR PETER GRECH: Jiġifieri, l-iskop taż-żewġ dispożizzjonijiet huwa differenti, u ma naħsibx li din tista’ tiġi kkwalifikata bħala proċedura kriminali għax …