Malta kamra tad-deputati kumitati permanenti għall-kunsiderazzjoni ta' abbozzi ta' liġi rapport Uffiċjali



Yüklə 0,52 Mb.
səhifə3/7
tarix17.01.2019
ölçüsü0,52 Mb.
#99506
1   2   3   4   5   6   7

ONOR. CHRIS SAID: Il-Qorti Kostituzzjonali trid tiddeċiedi jekk kienx hemm dikjarazzjoni falza.
DR PETER GRECH: Hija konsegwenza kostituzzjonali.
ONOR. CHRIS SAID: Nassigurakom li jgħaddi ż-żmien u jkun hemm każijiet fejn tiġi attakkata minn xi ħadd, għax ma tagħmilx sens li jkollok żewġ sistemi paralleli. Ma jfissirx li ma naqblux li għandu jkun hemm it-telf tas-siġġu; imma …
ONOR. OWEN BONNICI: Mhux serjetà rridu aħna, Onor. Said?
ONOR. CHRIS SAID: Ministru, bir-rispett kollu, qed naqblu fuq l-iskop. Aħna qegħdin hawnhekk biex nagħmlu liġi tajba li jekk jista’ jkun ma tiġix attakkata u ma jkunx hemm problemi biex tiġi applikata.
ONOR. OWEN BONNICI: Konsegwenzi kriminali is one thing, constitutional provisions are another. Dan huwa prinċipju bażilari ħafna. Jiena jidhirli li wasal il-mument li l-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna jkollha provvediment – mal-oħrajn li jgħidu li titlef is-siġġu jekk tirriżenja, jew titlef is-siġġu jekk ixolji l-Parlament – li jgħid li titlef is-siġġu jekk tagħti dikjarazzjoni falza u jekk tonfoq iktar mill-ammont permissibbli fil-liġi. Hemm ukoll, veru, konsegwenzi kriminali li huma serji; imma, li hemm konsegwenzi kriminali li jiskaturixxu mill-ġurament falz u allura mill-fatt li int ġejt interdettjat, li l-interdizzjoni l-Qorti għandha diskrezzjoni kif tapplikaha, dik hija imperu legali differenti li aħna, fil-fehma tagħna, is over and above, jew din hija over and above l-oħra. Għalija, kostituzzjonalment jidhirli li hija xi ħaġa tajba, xi ħaġa sana li tibgħat messaġġ ta’ serjetà f’dan ir-rigward. Nerġa’ ngħid veru, din mhijiex parti mill-Kostituzzjoni li hija entrenched b’maġġoranza ta’ żewġ terzi, hija entrenched b’maġġoranza assoluta biss, li hija entrenchment differenti mill-maġġoranza sempliċi. Però, xorta qegħdin nitkellmu fuq il-Kostituzzjoni li hija organu importanti, serju, u naħseb il-fatt li l-grundnorm tal-pajjiż ikollha dan il-provvediment hija xi ħaġa li l-Gvern u l-Oppożizzjoni, għandi nifhem, jarawha xi ħaġa pożittiva.
ONOR. CHRIS SAID: Ministru, naqblu li għandu jingħata messaġġ ta’ serjetà; però, huwa daqshekk ieħor importanti li din il-liġi, meta tiġi biex tiġi applikata, tkun tista’ titħaddem u ma jkunx hemm problemi.
THE CHAIRMAN: Hawn iktar rimarki? (Onor. Membri: No) Il-mistoqsija hija klawsola 47. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Klawsola 47 għaddiet nem. con. u ġiet ordnata biex issir parti mill-Abbozz ta’ Liġi.

Klawsola 48 – Emenda tal-artiklu 63 tal-Kostituzzjoni
Clause 48 – Amendment of article 63 of the Constitution

THE CHAIRMAN: Rimarki. Il-Ministru.


ONOR. OWEN BONNICI: Sur President, klawsola 48 hija konsegwenza naturali ta’ klawsola 47.
THE CHAIRMAN: Hawn rimarki? (Onor. Membri: No) Il-mistoqsija hija klawsola 48. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Klawsola 48 għaddiet nem. con. u ġiet ordnata biex issir parti mill-Abbozz ta’ Liġi.

Klawsola 49 – Emenda tal-artikolu 2 tal-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali
Clause 49Amendment of article 2 of the General Elections Act
THE CHAIRMAN: Il-Ministru.
ONOR. OWEN BONNICI: Sur President, fi klawsola 49 qegħdin nemendaw id-definizzjoni ta’ “partit politiku” taħt il-General Elections Act biex jiġu kemm jista’ jkun in line ma’ dak li għandna hawnhekk. Forsi Dr Grech jista’ jispjega, għax dan huwa punt li qanqlu hu waqt l-abbozzar.

DR PETER GRECH: Din l-emenda saret biex id-definizzjoni ta’ “partit politiku” fil-General Elections Act tiġi alineata mad-definizzjoni li hemm f’din il-liġi.
THE CHAIRMAN: Hawn rimarki? Il-Perit Cacopardo.
IL-PERIT CARMEL CACOPARDO: Għaliex qegħdin nemendaw id-definizzjoni ta’ “partit politiku” fil-General Elections Act biss? L-iskeda tar-Referenda Act tagħti definizzjoni oħra ta’ partit politiku, li hija l-partiti li qegħdin fil-Parlament. Naħseb li din id-definizzjoni għandha tapplika wkoll … Mhux possibbli li tneħħiha mill-Iskeda II tar-Referenda Act, għax partita 2 tagħha tgħid li:
The definition of ‘political party’ in article 2(1) shall be substituted by the following …”,
u tagħtina definizzjoni oħra ta’ partit politiku. Aħna se nħallu dawn id-definizzjonijiet kollha paralleli, jew simultanjament għandna nemendaw id-definizzjoni ewlenija fil-General Elections Act, imbagħad ma nħallux li r-Referendum Act tagħmel eċċezzjoni ta’ x’inhu partit politiku?
ONOR. OWEN BONNICI: Nipposponu ftit ħalli dan il-concern tal-Perit …
IL-PERIT CARMEL CACOPARDO: Din diġà qajmet problema għax fl-aħħar referendum l-Alternattiva Demokratika ma tħallietx tinnomina rappreżentanti tagħha biex tissorvelja l-proċess għax ma kenitx taqa’ taħt din id-definizzjoni, u allura aħna ġejna mċaħħda milli jkollna drittijiet. Din hija waħda mill-affarijiet li l-Kummissjoni Elettorali għandha l-poteri u ma tużahomx fejn jagħmel sens li tużahom.
ONOR. OWEN BONNICI: Ħalli narawha ftit biex fil-każ ma nċaqalqu xejn.
THE CHAIRMAN: Se nissospendu l-Kumitat għal ftit minuti.
ONOR. OWEN BONNICI: Nirtiraw klawsola 49 u ma nbiddlu xejn, tibqa’ kif inhi, ladarba qed tgħidli li hemm diffikultà.
IL-PERIT CARMEL CACOPARDO: Jien mhux qed ngħidlek biex ma tagħmilhiex din. Għandek emenda tajba, u qed ngħidlek testendiha għal kollox. Din l-emenda hija tajba. L-argument mhuwiex li din l-emenda mhijiex tajba. Din l-emenda hija aċċettabbli. Id-definizzjoni ta’ “partit politiku” fil-General Elections Act b’dan il-mod se tiġi tajba; imma mbagħad għandna l-eċċezzjoni fir-Referenda Act, u din m’għandhiex tkun.
ONOR. OWEN BONNICI: Ħa nkun onest, ma dħaltx fir-Referenda Act, jiġifieri m’iniex f’pożizzjoni li nirregola fuq din.
DR PETER GRECH: Naħseb li din aħjar tibqa’ kif inhi, stand-alone.
ONOR. OWEN BONNICI: Ftaħtilna għajnejna li, jekk emendajna l-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali u mhux ir-Referenda Act, jista’ jkun ... Jien naħseb li trid tkun wholesale imbagħad, imma mhux f’dan l-eżerċizzju għax, onestament, m’iniex f’pożizzjoni li nirregola fuq the actual law regulating the Referenda Act.
Sur President, nipproponi li klawsola 49 tiġi posposta sakemm issir l-emenda
THE CHAIRMAN: Hawn qbil? (Onor. Membri: Iva)
Il-Kumitat qabel li klawsola 49 tiġi posposta.

Klawsola 50 – Emenda tat-Tnax-il Skeda tal-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali. Kap. 354
Clause 50Amendment of Twelfth Schedule to the General Elections Act. Cap. 354
THE CHAIRMAN: Il-Ministru.
ONOR. OWEN BONNICI: Sur President, fi klawsola 50 qed ngħidu li l-ġurament tan-nefqa tal-kandidat mhux l-aġent jieħdu. Il-kandidat issa ma jistax jiftiehem ma’ sieħbu biex jieħu ġurament li hu ma nefaqx iktar milli suppost, imma l-kandidat innifsu jrid jieħdu għax din waħda mil-loopholes il-kbar li naħseb dejjem kellna fis-sistema tagħna. Id-dikjarazzjoni trid issir mill-kandidat u mhux mill-aġent. Din se tispiċċa kif din il-liġi tidħol fis-seħħ. Il-ġurament jieħdu l-kandidat u mhux l-aġent tiegħu.
THE CHAIRMAN: Hawn rimarki? (Onor. Membri: No) Il-mistoqsija hija klawsola 50. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Klawsola 50 għaddiet nem. con. u ġiet ordnata biex issir parti mill-Abbozz ta’ Liġi.

Klawsola 49 – Emenda tal-artikolu 2 tal-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali
Clause 49 – Amendment of article 2 of the General Elections Act
(Posposta iktar kmieni fil-Kumitat)
THE CHAIRMAN: Rimarki. Il-Ministru.
ONOR. OWEN BONNICI: Sur President, nipproponi din l-emenda:
“AN” Il-klawsola 49 għandha tiġi mħassra.
AN” Clause 49 shall be deleted.
THE CHAIRMAN: Hawn rimarki? (Onor. Membri: No) Il-mistoqsija hija l-emenda għal klawsola 49, kif imressqa u moqrija mill-Ministru. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
L-Emenda “AN” għaddiet nem. con. u klawsola 49 ġiet imħassra.

Klawsola 51 – Sostituzzjoni tal-artikolu 46 tal-Erbatax-il Skeda tal-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali, Kap. 354
Clause 51 – Substitution of article 46 of the Fourteenth Schedule to the General Elections Act, Cap. 354
THE CHAIRMAN: Il-Ministru.
ONOR. OWEN BONNICI: Sur President, f’din il-klawsola qed nissostitwixxu artikolu 46 tal-Erbatax-il Skeda tal-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali. Se naqraha għax importanti. Artikolu 46 jgħid li:
“Is-somma massima mħallsa u, jew l-ispejjeż imġarrba minn jew f’isem kandidat f’elezzjoni ta’ membri tal-Kamra tad-Deputati, u, jew mill-aġent elettorali tiegħu ...”
– biex ma nħallux toqob, jiġifieri jew hu jew l-aġent xorta –
“... kemm qabel, matul, jew wara elezzjoni
– jiġifieri l-elezzjoni saret fl-2013, beda jiġbor mill-2014, m’hemmx skużi, dik tapplika anke għas-sena 2018 –
“... ma għandhiex taqbeż is-somma ta’ għoxrin elf euro (€20,000) minn kull distrett elettorali:
Iżda kandidat li jikkontesta żewġ distretti m’għandux ikun obbligat …”
għax f’Malta għal xi raġuni nistgħu nikkontestaw tnejn. (Interruzzjonijiet) Le, kandidat jikkontesta tnejn. Ġieli kkontestajt xi sitta inti?
ONOR. CHRIS SAID: Safejn naf jien, m’hemmx massimu kemm tista’ tikkontesta. Hija l-konswetudni li tikkontesta tnejn.
ONOR. OWEN BONNICI: Jiġifieri, inti qed tgħidli li m’hemm l-ebda limitu?
ONOR. CHRIS SAID: Safejn naf jien.
ONOR. OWEN BONNICI: Inkompli naqra:
“Iżda kandidat li jikkontesta fuq żewġ distretti m’għandux ikun obbligat li jonfoq l-ammont totali permissibbli tal-ispiża tal-kampanja kif intqal qabel, ugwalment bejn iż-żewġ distretti, iżda jista’ jaqsam l-imsemmija spiża tal-kampanja permissibbli bejn iż-żewġ distretti b’dak il-mod li l-kandidat jidhirlu xieraq.”
Jekk se joħroġ fuq tnejn, jista’ jonfoq €20,000 u €20,000, però fuq distrett minnhom jista’ nonfoq €5,000 u fuq id-distrett l-ieħor jonfoq iktar. (Interruzzjonijiet) Le, €35,000 qed ngħidu. Jekk noħroġ fuq żewġ distretti, nagħżel jien kif inqassam in-nefqa.
ONOR. CHRIS SAID: Kulħadd fuq tnejn joħroġ biex ikun jista’ jżid in-nefqa.
ONOR. OWEN BONNICI: Min irid. Inti qed tgħid x’jaqbel. Imma jista’ jkollok kandidat li …
ONOR. CHRIS SAID: Dik tfissser li qed nagħtu…
ONOR. OWEN BONNICI: Tridx naqraha kollha, imbagħad niddibattu?
ONOR. CHRIS SAID: Mhemmx għalfejn tinqara.
ONOR. OWEN BONNICI: Onor. Said, għalhekk għedt din irridu narawha sew għax din hija kruċjali. Aħna pprovajna nagħmlu klawsola li tagħmel sens, li ma tinkisirx, tkun realistika u prattika u, fl-istess waqt, titfa’ ċerta serjetà. It-tieni proviso jgħid hekk:
“Iżda wkoll, fil-komputazzjoni tal-ispiża tal-kampanja kif intqal qabel, meta l-kandidat jitlob miżata għall-parteċipazzjoni f’attivitajiet politiċi jew għal xi prodotti jew servizzi li jkunu disponibbli f’dawn l-attivitajiet, l-ammont ta’ dawk il-miżati mitluba u verifikati kif xieraq għandu jitnaqqas mill-ammont totali tal-ispiża ta’ kampanja elettorali;
(2) Kull kandidat jew aġent elettorali li xjentement jikser dan l-artikolu jkun ħati ta’ prattika illegali.”
THE CHAIRMAN: Hawn rimarki? L-Onor. Chris Said.

ONOR. CHRIS SAID: Kumment żgħir. B’din qed ngħidu li kandidat li jrid jonfoq sa €40,000 fuq distrett, kulma jrid jagħmel hu li jitfa’ ismu fuq distrett ieħor, fuq dak id-distrett ma jonfoq xejn, għax jaf li mhux se jitfa’ l-enerġija tiegħu fuqu, u jonfoq kollox fuq id-distrett l-ieħor.
ONOR. OWEN BONNICI: Aħna kellna dibattitu twil kemm fil-Kabinett, kif ukoll fil-grupp parlamentari, għax fil-verità kemm tista’ tgħid … Pereżempju, jekk nagħmel riklam fil-gazzetta, nagħmel full page u nagħmilha bil-kulur, dik in-nefqa għal liema distrett inkun għamiltha? Huwa ftit diffiċli li tgħid li nfaqt Lm10 fuq it-tielet distrett u Lm10 fuq it-tieni distrett.
ONOR. CHRIS SAID: Jekk persuna tonfoq €40,000 f’kampanja elettorali, jfisser li minn ħames snin qed titfa’ sentejn minnhom fil-kampanja elettorali. Tagħmel sens li f’pajjiżna inti deputat …
ONOR. OWEN BONNICI: Qed taraha baxxa jew għolja €40,000?
ONOR. CHRIS SAID: Għolja ħafna, speċjalment minn kif morna llum fejn għandek massimu ta’ Lm600. Illum hija baxxa għax dak huwa ammont li ilu hemm diversi snin u m’għadux jagħmel sens għaż-żmien tal-lum; però tinsiex li minn €1,400, se mmorru għal €40,000; mhux għal €20,000, imma għal €40,000.
ONOR. OWEN BONNICI: Fuq żewġ distretti.
ONOR. CHRIS SAID: Iva, imma qed nagħtu loophole għal min irid jonfoq €40,000.
ONOR. OWEN BONNICI: Le, mhux loophole. L-argument li sar lili – u jiena qbilt miegħu – huwa li jekk inti toħroġ fuq żewġ distretti, id-diffikultà hija kif se tqassam in-nefqa. Tista’ tgħid li jekk għamilt riklam f’gazetta, tagħmel banner li joqgħod jiġri xahar sħiħ sa żmien l-elezzjoni, kif nista’ ngħid li dak għamiltu għat-tielet distrett jew għar-raba’ distrett? Allura, jien qed ngħid li s-soluzzjoni hija – jista’ jkun mhux perfetta – li nagħmlu ammont ta’ €40,000 fuq żewġ distretti li huwa realistiku, fis-sens li ħadd mhu se jgħid li huwa redikolu kemm hu baxx; imma, ladarba inti … Jien noħroġ fuq żewġ distretti, u mhux se nonfoq €40,000. Jien m’għandix €40,000, u kieku kelli mhux se nonfoqhom għall-kampanja tal-elezzjoni. Imma ...
ONOR. CHRIS SAID: Tinsiex li l-massimu ta’ kemm tista’ tonfoq mhux għax in-nies ma jistgħux jonfquh, imma biex ikun hemm kemm jista’ jkun a level playing field bejn il-kandidati, u ma nispiċċawx fil-Parlament bin-nies għax għandhom il-flus li jistgħu jonfqu f’kampanja elettorali. Dak irid ikun l-argument.
ONOR. OWEN BONNICI: Ippermettili, jien għandi t-teorija li tista’ faċilment tiġi elett u ma tonfoq xejn f’kampanja elettorali, imma dak x’naħseb jien. Naħseb li f’din il-Kamra hawn prova miż-żewġ naħat tal-Kamra ta’ kemm b’ħafna xogħol iebes tista’ ġġib il-voti. Aħna dehrilna li għandna nagħmlu ċifra realistika ta’ €20,000 fuq kull distrett; tista’ tqassam, biex ma jkunx hemm logħob u ġuramenti ħżiena jew ġuramenti impreċiżi; però, kif taqbeż b’1ċ dawk l-€40,000, jew tagħmel dikjarazzjoni falza, titlef is-siġġu.
ONOR. CLAUDIO GRECH: Sur President, qed ngħidu li l-baġit ta’ kandidat biex jiġi elett fuq distrett huwa massimu ta’ €20,000; però, li qed jgħid l-Onor. Chris Said hu li fil-fatt il-baġit ta’ kandidat huwa €40,000, jekk joħroġ fuq tnejn. Però, Malta huwa pajjiż żgħir, u dak li se tonfoq għal distrett wieħed, by and large, ħafna minnu se jkun jista’ jintuża għal fuq distrett ieħor. Jiġifieri, hawnhekk it is not directly proportional bejn kemm-il distrett inti se toħroġ fuqu. Soluzzjoni possibbli hija li tal-€20,000 inħalluha kif inhi; però l-proviso għandu jkun li, jekk kandidat jagħżel li joħroġ fuq żewġ distretti, tagħtih allowance adizzjonali ta’ €5,000, pereżempju. B’dan il-mod, il-capping tkun qed tagħmlu €25,000 rather milli tlajt minn €1,400 għal €40,000. Naħseb li jekk nagħmluha fuq €40,000, l-ewwel nett forsi nkunu qed niskoraġġixxu kandidati żgħar ġodda li jarawha diffiċli ħafna għalihom, għax ma jkollhomx dak it-tip ta’ budgets u, it-tieni, se tkun qed tiffaċilita li min għandu dak it-tip ta’ finanzjament li juża għal kampanja elettorali jkollu a sort of unfair advantage fuq ħaddieħor. Naħseb li hekk inkunu żammejna mal-prinċipju ta’ €20,000, u nkunu tajna an additional allowance jekk wieħed jipprova jikkontesta fuq tnejn.
ONOR. OWEN BONNICI: Hekk qed timmilita kontra min ġenwinament joħroġ fuq żewġ distretti, għax qed tassumi li kulħadd se joħroġ fuq żewġ distretti, jaħdem wieħed u l-ieħor ma jaħdmux. Min ġenwinament joħroġ fuq żewġ distretti u se jaħdimhom it-tnejn …
ONOR. CLAUDIO GRECH: Se tkun żidt il-baġit bi 18-il darba.
ONOR. OWEN BONNICI: Il-konsegwenzi ta’ ġurament falz żdiedu mhux bi 18-il darba, imma li addirittura titlef is-siġġu. We beg to differ għax bejn il-kotba tal-liġi u …
ONOR. CLAUDIO GRECH: We’re not hard and fast fuqha. Jien naħseb li somma ta’ €25,000 …
ONOR. OWEN BONNICI: Ħalli nagħlaq l-argument biex ma ninftehimx ħażin, għax kultant nieqaf f’nofs sentenza u ninftiehem ħażin. Li qed ngħid huwa li, jekk persuna se toħroġ fuq distrett wieħed, donnu hawn qbil li €20,000: għalkemm huwa ammont on the high side, huwa ammont li ħadd mhu se joqgħod jieħu ġuramenti inkorretti biex jiġġustifika n-nefqa – €20,000 u l-karti fuq il-mejda. Jekk xi ħadd se joħroġ fuq tnejn ġenwinament, mela se jaħdem fuq żewġ distretti jew biex jitla’ minn tnejn, ma nistgħux nimmilitaw kontra tiegħu għax nassumu li kulħadd se joħroġ fuq it-tieni distrett biex ikollu iktar leeway ħalli jonfoq iktar fuq l-ewwel wieħed. Dak huwa l-argument tiegħi u, again, dan kien dibattitu twil f’livell ta’ grupp parlamentari u Kabinett, jiġifieri antiċipajt li jkun hawn dibattitu.
ONOR. CHRIS SAID: Tinsiex li llum, meta tagħmel ċerti spejjeż, reklamar fil-gazzetti, reklamar fis-social media, dawn huma komuni. Jekk inti ħriġt fuq żewġ distretti, qed tagħmel riklam għaż-żewġ distretti, jiġifieri l-unika spiża differenti li jkollok jekk toħroġ fuq żewġ distretti normalment tkun jekk trid tibgħat xi materjal fid-djar, il-posta fid-djar. L-affarijiet l-oħra kollha – jekk għamilt reklam fuq ir-radio, pereżempju – huma … (Interruzzjonijiet)
ONOR. CLAUDIO GRECH: Safejn naf jien, dak lanqas huwa permess bl-Electoral Polling Ordinance. Kont qed naqra xi mkien li lanqas huwa permess li ġġorr in-nies ... Naħseb l-Avukat Ġenerali jista’ jgħidilna.
ONOR. OWEN BONNICI: Onor. Grech, irridu mmorru għal żmien fejn, jekk għandi bniedem jeħodli t-telephones fil-kampanja elettorali, irrid inħallsu. Lil hemm irridu mmorru.
ONOR. CLAUDIO GRECH: Naqblu, tista’ tmexxi. Jekk inniżżluha ftit, naħseb inkunu ...
ONOR. CHRIS SAID: Imma, nerġa’ ngħid, kemm tagħmel sens li jkollok persuni li qegħdin vying for a post in parliament, biex isiru Membri Parlamentari, meta minn onorarja ta’ ħames snin iridu jonfqu kważi onorarja kollha ta’ sentejn f’kampanja elettorali?
ONOR. OWEN BONNICI: Le, ippermettuli: jista’ jkollok xi ħadd li lanqas huwa fil-Parlament, għax inti qed tgħid l-onorarja ta’ sentejn … Xi darba, aħna kollha kemm aħna ħriġna għall-ewwel darba.
ONOR. CHRIS SAID: Iva, imma jaf li jekk jitla’ fil-Parlament għal ħames snin li għandu fil-Parlament għandu onorarja X, u jaf li, minn dik l-onorarja, biex jikkompeti ma’ sħabu, irid jonfoq l-onorarja ta’ sentejn jekk se joħroġ fuq żewġ distretti.
ONOR. OWEN BONNICI: Massimu ta’ €40,000. Il-ħila mhux li tonfoq il-massimu u titla’, imma li ma tonfoqx u titla’. Dik hi l-ħila, li ma tonfoqx. Bl-esperjenza li wieħed jakkwista, jien naf kif titla’ mingħajr ma tonfoq.
THE CHAIRMAN: Il-Perit Cacopardo.
IL-PERIT CARMEL CACOPARDO: Fl-opinjoni tiegħi, bil-proposta ta’ €20,000 qegħdin naċċettaw l-infiq esaġerat li qed isir illum bħala xi ħaġa regolari għall-futur, u jien inpoġġi quddiem il-Kumitat biex jirrikonsidra dan. Fl-opinjoni tagħna, l-ammont għandu jinżel għal €4,000 għax, meta qed tgħidu €20,000, qegħdin taċċettaw l-infiq esaġerat bħala xi ħaġa aċċettabbli, u dak bħala prinċipju m’għandux ikun aċċettabbli.
ONOR. OWEN BONNICI: Le, ma naħsibx li qegħdin naċċettaw l-infiq esaġerat. Aħna nixtiequ nagħmlu liġi li ddum, liġi realistika u mhux liġi li wara sena nkunu rridu nbiddluha. Rajna kemm il-konsegwenzi huma serjissimi għal min jieħu ġurament falz, jew jonfoq iktar milli jmissu. Għalfejn €20,000, u mhux €15,000, u mhux €25,000? Wara dibattitu twil, aħna dehrilna li €20,000 fuq kull distrett elettorali hija ċifra fejn qed nitfgħu a realistic level playing field.
ONOR. CHRIS SAID: Ministru, ma naqblux.
ONOR. OWEN BONNICI: Ippermettili: illum, biex tagħmel a marketing campaign, anke tagħmel erba’ riklami fil-gazzetta, għandek element ta’ nefqa. Aħna dehrilna li we have to err on the side of being realistic. Kulħadd jaqbel ma’ €20,000? Stajna għamilnieha iktar, inqas?
ONOR. CHRIS SAID: Probabbilment, qed inpoġġu fi żvantaġġ numru kbir ta’ kandidati. M’hemmx dubju.
ONOR. OWEN BONNICI: Le, m’għandix dubju li, kif tgħaddi l-liġi, se jkun hemm min jgħidilna kemm hi baxxa €20,000, u veru li se jkun hemm min jgħidilna kemm hi għolja.
ONOR. CHRIS SAID: Qed tpoġġu fi żvantaġġ numru kbir ta’ kandidati, żgur mhux forsi.
ONOR. OWEN BONNICI: Naħseb li hemmhekk morna għal ammont realistiku.
THE CHAIRMAN: Perit, ikkonkludejt fuq dak li xtaqt tgħid?
IL-PERIT CARMEL CACOPARDO: Iva.
ONOR. OWEN BONNICI: Irid €4,000.
THE CHAIRMAN: L-Onor. Godfrey Farrugia.
ONOR. GODFREY FARRUGIA: Sur President, se nitkellem għalija. Jien ma ħriġtx għall-elezzjoni u qiegħed fil-pożizzjoni tal-Whip għall-paga tal-Parlament. Jiena ħriġt biex inkun elett fil-Parlament biex inservi u biex, kemm jista’ jkun, dan il-Parlament inżommuh fl-integrità li jixraqlu. Il-mira tiegħi meta ħriġt biex inkun elett fil-Parlament żgur li ma kenitx il-paga. M’hemmx dubju. Iċ-ċifra ta’ €1,400, li kienet Lm500, ilha hemmhekk mill-1976. Agħmilha in real terms, ħu l-fatturi tal-affarijiet kif żdiedu maż-żmenijiet mill-1976 ’il hawn, u ara jekk toqrobx l-€20,000. Ejja nitkellmu b’mod fattwali u b’mod xjentifiku: iċ-ċifra li kellna fl-1976 illum ma treġix iktar, irridu naraw ir-realtà tal-lum. Jekk persuna toħroġ fuq żewġ distretti, nistgħu ngħidu li meta niġu għar-riklamar ma tkunx qed tagħmel ir-riklam għal distrett wieħed, imma tkun qed tagħmlu għat-tnejn, forsi bl-istess spiża. Imma meta niġu għall-ħidma fuq iż-żewġ distretti, din hija d-doppju ta’ dak li jiġri b’mod reali għal distrett wieħed. Hi x’inhi l-ħidma, trid tkun bilfors id-doppju għax trid tlaħħaq ma’ żewġ distretti, u allura l-ispejjeż jiżdiedu. M’hemmx dubju li l-€20,000 hija figura realistika meta tara minn fejn tlaqna mill-1976 ’l hawn.
ONOR. CHRIS SAID: Onor. Farrugia, m’għandix dubju li inti ma kkontestajtx l-elezzjoni għall-paga tal-Parlament, u bħalek probabbilment il-Membri tal-Parlament kollha. Imma hemm differenza oħra. Hemm barra hemm ħafna nies li jikkontestaw l-elezzjoni għall-Parlament li m’għandhomx il-professjoni li għandek inti u d-dħul li għandek inti mill-professjoni. Persuna b’paga normali ta’ €12,000 u €13,000 fis-sena – skrivan mal-gvern, skrivan ma’ kumpanija – ma tistax tikkontesta l-elezzjoni u jkollha level playing field b’dawn iċ-ċifri. Minn fejn se ġġib €20,000 biex tikkontesta elezzjoni u tikkompeti ma’ professjonist, jew inkella tikkompeti ma’ xi ħadd fil-business li għalih €40,000 huma peanuts? Allura hawnhekk irridu nagħmlu ċifra realistika li tħallik tagħmel kampanja diċenti, imma fl-istess ħin bħala leġiżlaturi rridu noqogħdu attenti li f’elezzjoni noħolqu a level playing field bejn min għandu ħafna flus x’itajjar – li jekk irid jikkonċentra fuq distrett, qed nagħtuh loophole li jista’ jonfoq €40,000 – u persuna impjegata b’paga normali, li għandha dritt tikkontesta għall-Parlament, imma mhux se jkollha €40,000 x’tonfoq f’kampanja elettorali, għax €40,000 għaliha hija iżjed minn paga ta’ ħames snin xogħol normali. Insa l-onorarja tal-Parlament. Kif jista’ jkun on the same footing ma’ persuna oħra? Veru li l-ammont ta’ Lm500 baqa’ l-istess mill-1976, u naqblu li għal-lum dan huwa baxx u redikolu. Fl-opinjoni tagħna, li tonfoq €40,000 f’elezzjoni għal ċerti nies hija normali …
Yüklə 0,52 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin