MR SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. NINU ZAMMIT: L-Onor. Interpellant qed isemmi l-iljieli koroh u ta' biża'. Naturalment f'kull tip ta' xogħol għandek is-sabiħ u l-ikrah, iżda mhux għax jinqala' xi inċident tgħid li waqgħet id-dinja! Inċidenti kien ikun hemm fil-passat, għadu jkun hemm u se jibqa' jkun hemm. Sakemm inti għandek nies li jaħdmu b'apparat differenti tistenna li jkun hemm xi forma ta' inċident. L-importanti hu li jkun hemm l-irġulija, li dawn in-nies jiftehmu bejniethom u li ma jkunx hemm min joqgħod jippompja minn wara biex l-affarijiet nonfħuhom aktar milli hemm bżonn.
L-Onor. Interpellant staqsa dwar diversi affarijiet, u anke semma l-overfishing. Fil-fatt il-pajjiżi tad-dinja kollha u mhux biss dawk ta’ l-Unjoni Ewropea huma konxji minn din il-problema. Mela inti taħseb li fl-Amerika ta’ Fuq, fl-Amerika t’Isfel, fl-Awstralja, fi New Zealand, fil-Ġappun u fil-bqija ta’l-Asja m'hemmx overfishing?Mhux kulħadd jaf li fid-dinja kollha jeżistil-overfishing! L-Ewropa hija istituzzjoni serja biżżejjed u qiegħda tgħid li m'għandniex noqogħdu nparlaw biss dwar l-overfishing u ma nagħmlu xejn. L-Unjoni qiegħda tgħidilna biex ningħaqdu u nieħdu l-passi neċessarji. (Interruzzjonijiet)