MR SPEAKER: L-Onor. Farrugia.
ONOR. NOEL FARRUGIA: Filwaqt li naqbel mal-Ministru li għandu joqgħod fuq dak li jgħidulu t-tekniċi li għandu fid-dipartiment, jista' jgħidilna min-naħa tiegħu x'passi ħa u x'konsultazzjoni għamel sabiex jinvestiga s-sitwazzjoni illi qed jiffaċċjaw is-sajjieda Maltin fil-kwestjoni tas-sajd tat-tonn, anke fir-rigward ta' dak li ġie rrapportat fil-ġurnali kemm il-bieraħ kif ukoll illum?
MR SPEAKER:Il-Ministru.
ONOR. NINU ZAMMIT: Mr Speaker, bħalissa l-istaġun tas-sajd tat-tonn qiegħed fl-aqwa tiegħu u ma nistax niċħad li ġieli jinqalgħu xi inċidenti. Imma rrid ngħid li jeżisti agreement bejn il-koperattivi tas-sajjieda Maltin u l-koperattivi tas-sajjieda Taljani biex f’każ li jinqala’ xi inċident isir l-arranġament neċessarju.
Irridu niftakru li hemm sajjieda li jistadu għat-tonn permezz ta' konz bis-sistema tal-long-lining, jiġifieri li jkun jikkonsisti fi xlief twil 'il fuq minn kilometru u miegħu jkun hemm ħafna snanar, filwaqt li sajjieda oħra jaqbdu t-tonn permezz ta' xibka, imbagħad dan jintefa' ġo gaġġa u din tiġi rmunkata minn tug boat. Ġieli jiġri li meta t-tug boat tkun qiegħda tirmonka l-gaġġa jinqabdu magħha l-konzijiet u ssir ħafna ħsara.
F'dan it-tip ta' xogħol sfortunatament l-inċidenti jinqalgħu kull mument, u infatti, jien informat li l-bieraħ stess kien hemm erba' inċidenti u nqala' ieħor il-lejl li għadda. Fil-fatt għaddejjin proċeduri biex is-sajjieda jissetiljaw il-problema bejniethom.