Il-ktieb tas-salmi


[S:95:8] "La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba, bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert, [S:95:9]



Yüklə 1,16 Mb.
səhifə9/13
tarix15.01.2019
ölçüsü1,16 Mb.
1   ...   5   6   7   8   9   10   11   12   13

[S:95:8] "La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,



[S:95:9] meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.



[S:95:10] Għal erbgħin sena domt nistmellu dan

in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'



[S:95:11] Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"


96 (95). Tifħir lis-Sultan tad-dinja
[S:96:1] Għannu lill-Mulej għanja ġdida;

għannu lill-Mulej fl-art kollha!



[S:96:2] Għannu lill-Mulej, bierku ismu!

Ħabbru minn jum għal ieħor is-salvazzjoni tiegħu.



[S:96:3] Xandru fost il-ġnus is-sebħ tiegħu,

fost il-popli kollha l-għeġubijiet tiegħu.


[S:96:4] Għax kbir il-Mulej, ta' min ifaħħru ħafna,

tal-biża' aktar mill-allat kollha.



[S:96:5] Għax kollha frugħa l-allat tal-popli;

Jaħweh hu li għamel is-smewwiet!



[S:96:6] Ġmiel u sebħ huma quddiemu,

qawwa u sbuħija fis-santwarju tiegħu.


[S:96:7] Agħtu lill-Mulej, familji tal-popli,

agħtu lill-Mulej sebħ u qawwa;



[S:96:8] agħtu lill-Mulej is-sebħ ta' ismu!

Ġibulu l-offerti, u idħlu fil-btieħi tat-tempju tiegħu;



[S:96:9] inxteħtu quddiem il-Mulej b'tiżjin qaddis;

triegħdu quddiemu, nies kollha ta' l-art!



[S:96:10] Għidu fost il-ġnus: "Il-Mulej isaltan!"

Hu jżomm sħiħa d-dinja biex qatt ma titħarrek;

hu li jiġġudika l-popli bis-sewwa.
[S:96:11] Ħa jifirħu s-smewwiet u tithenna l-art,

ħa jħabbat il-baħar u kull ma fih,



[S:96:12] ħa jifraħ ir-raba' u kull ma fih,

u jgħannu bil-ferħ is-siġar kollha tal-bosk



[S:96:13] quddiem il-Mulej, għax ġej,

għax ġej biex jagħmel ħaqq mill-art.

Hu jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja,

u mill-popli bis-sewwa tiegħu.


97 (96). Is-setgħa u l-kobor ta' Alla Sultan
[S:97:1] Il-Mulej isaltan! Ħa taqbeż l-art bil-ferħ,

u jifirħu l-ħafna gżejjer!



[S:97:2] Sħab u dlam hemm madwaru;

is-sewwa u l-ħaqq is-sisien tat-tron tiegħu.



[S:97:3] In-nar jimxi quddiemu,

u jeqred madwaru l-għedewwa tiegħu.



[S:97:4] Il-beraq tiegħu jdawwal id-dinja;

tara dan l-art u titriegħed.



[S:97:5] Bħax-xama' jdubu l-muntanji quddiem

il-Mulej,

quddiem is-Sid ta' l-art kollha.
[S:97:6] Ixandru s-smewwiet il-ġustizzja tiegħu;

jaraw il-popli kollha s-sebħ tiegħu.



[S:97:7] Jinfixlu dawk kollha li jqimu l-idoli,

li jiftaħru bix-xbihat fiergħa tagħhom;

u quddiemu jinxteħtu l-allat kollha.

[S:97:8] Tisma' dan u tifraħ Sijon,

jaqbżu bil-ferħ l-ibliet ta' Ġuda,

minħabba l-ġustizzja tiegħek, Mulej.

[S:97:9] Għax int, Mulej, inti l-Għoli,

'il fuq mill-art kollha, ogħla ħafna mill-allat.


[S:97:10] Iħobb il-Mulej lil min jobgħod il-ħażen,

iħares il-ħajja ta' ħbiebu,

jeħlishom minn idejn il-ħżiena.

[S:97:11] Ifeġġ id-dawl fuq il-ġust,

u l-hena għal qalb in-nies sewwa.



[S:97:12] Ifirħu, ġusti, fil-Mulej,

u faħħru l-isem qaddis tiegħu.


98 (97). Ferħ u tifħir wara r-rebħa
[S:98:1] Salm.
Għannu lill-Mulej għanja ġdida,

għax għamel ħwejjeġ ta' l-għaġeb.

Ġibitlu r-rebħa l-leminija tiegħu,

u d-driegħ imqaddes tiegħu.



[S:98:2] Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu,

f'għajnejn il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu.



[S:98:3] Ftakar fit-tjieba u l-fedeltà tiegħu

mal-poplu ta' Iżrael.

L-art kollha, minn tarf għall-ieħor,

rat is-salvazzjoni ta' Alla tagħna.


[S:98:4] Għajjtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha,

infexxu fil-hena, ifirħu u għannu!



[S:98:5] Għannu lill-Mulej biċ-ċetra,

biċ-ċetra u bil-ħlewwa ta' l-għana,



[S:98:6] bit-trombi u bid-daqq tat-trumbetti;

għajjtu bil-ferħ quddiem il-Mulej is-sultan!


[S:98:7] Ħa jriegħed il-baħar u kull ma fih,

id-dinja u kull ma jgħammar fiha.



[S:98:8] Ħa jċapċpu x-xmajjar idejhom,

u l-muntanji flimkien jgħajjtu bil-ferħ



[S:98:9] quddiem il-Mulej, għax ġej

biex jagħmel ħaqq mill-art;

hu jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja,

u mill-popli bis-sewwa.


99 (98). Alla sultan ġust
[S:99:1] Il-Mulej isaltan; jitkexkxu l-ġnus!

Fuq il-kerubini t-tron tiegħu; ħa titheżheż l-art!



[S:99:2] Kbir il-Mulej f'Sijon;

hu jaħkem fuq il-popli kollha.



[S:99:3] Ħa jfaħħru ismek, kbir u tal-biża',

għax hu qaddis u qawwi.



[S:99:4] Int sultan li tħobb il-ġustizzja u waqqaft

is-sewwa;

id-dritt u s-sewwa tagħmel ma' Ġakobb.

[S:99:5] Għollu bit-tifħir lill-Mulej, Alla tagħna,

inxteħtu quddiem mirfes riġlejh, għax hu qaddis!



[S:99:6] Mosè u Aron fost il-qassisin tiegħu,

u Samwel fost dawk li jsejjħu ismu,

kienu jsejjħu l-Mulej, u hu jweġibhom.

[S:99:7] F'kolonna ta' sħab kien jitkellem magħhom;

kienu jħarsu l-preċetti u l-liġi li tahom.



[S:99:8] Mulej, Alla tagħna, inti smajthom;

int Alla li tagħder kont għalihom;

iżda tħallast ta' l-imġiba ħażina tagħhom.

[S:99:9] Għollu bit-tifħir lill-Mulej, Alla tagħna,

u inxteħtu quddiem l-għolja mqaddsa tiegħu;

għax qaddis hu l-Mulej, Alla tagħna!
100 (99). Sejħa għat-tifħir fit-tempju
[S:100:1] Salm. Għal radd il-ħajr.
Għajjtu bil-ferħ lill-Mulej, nies kollha ta' l-art,

[S:100:2] aqdu bil-ferħ lill-Mulej,

idħlu quddiemu b'għana ferrieħi.



[S:100:3] Kunu afu li Jaħweh hu Alla,

hu ħalaqna, u aħna tiegħu,

aħna l-poplu tiegħu u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu.

[S:100:4] Idħlu b'għana ta' ħajr mill-bibien tiegħu,

bit-tifħir fil-btieħi tat-tempju tiegħu;

roddulu ħajr u bierku ismu!

[S:100:5] Għax twajjeb il-Mulej,

għal dejjem it-tjieba tiegħu;

minn żmien għal żmien il-fedeltà tiegħu.
101 (100). L-imġiba tajba tal-mexxejja tal-poplu
[S:101:1] Salm ta' David.
Ngħanni u nxandar it-tjieba u l-ġustizzja;

lilek, Mulej, irrid ngħanni.



[S:101:2] Irrid nimxi bl-għaqal fit-triq il-perfetta;

meta sa tiġi għandi?

Nġib ruħi b'qalb safja ġewwa dari;

[S:101:3] ebda ħaġa ħażina ma nżomm quddiem

għajnejja.

Nobgħod 'il min jagħmel il-ħażen,

u ma norbotx qalbi miegħu.


[S:101:4] Qalb imħassra nżommha 'l bogħod minni;

il-ħażin ma rridx naf bih.



[S:101:5] Min iqassas bil-moħbi fuq għajru,

lil dan jien neqirdu.

Min għajnejh merfugħa u qalbu mkabbra,

ma nistax inġerrgħu.


[S:101:6] Nżomm għajnejja fuq it-twajbin ta' l-art,

biex dawn joqogħdu miegħi.

Min jimxi fit-triq il-perfetta,

dan hu li jaqdini.



[S:101:7] Ma jgħammarx f'dari min jimxi bil-qerq;

ma jżommx quddiemi min jitkellem bil-gideb.



[S:101:8] Għodwa wara l-oħra neqred il-ħżiena

kollha ta' l-art,

biex inwarrab mill-belt tal-Mulej

'il kull min jagħmel il-ħażen.


102 (101). Krib u talb fl-hemm
[S:102:1] Talba ta' wieħed imnikket, li fit-telqa

tiegħu jiftaħ qalbu mdejjqa quddiem il-Mulej.
[S:102:2] Mulej, isma' t-talba tiegħi,

ħa tasal għandek l-għajta tiegħi.



[S:102:3] Taħbix wiċċek minni f'jum id-dwejjaq tiegħi;

ressaq widintek lejja, meta nsejjaħlek fittex weġibni!



[S:102:4] Għax jiemi bħal duħħan jgħibu;

u għadmi bħal ħuġġieġa jaqbad.



[S:102:5] Nixfet qalbi bħal ħaxix maqtugħ;

ninsa niekol sa l-ħobż tiegħi.



[S:102:6] Bl-ilfiq qawwi tiegħi

sirt għadma u ġilda.



[S:102:7] Qisni xi tajra fix-xagħri;

sirt bħal kokka qalb xi ħerba.



[S:102:8] Nibqa' mqajjem u nitniehed,

bħal għasfur waħdu fuq bejt.



[S:102:9] Il-jum kollu jgħajjruni l-għedewwa tiegħi,

jixegħlu għalija u jidgħu bija.



[S:102:10] Niekol l-irmied bħal ħobż,

u x-xorb tiegħi bid-dmugħ inħallat,



[S:102:11] minħabba l-għadab u s-saħna tiegħek,

għax inti rfajtni, u mbagħad tlaqtni.



[S:102:12] Jiemi qed jonqsu bħad-dell ta' filgħaxija;

u jien bħal ħaxix qiegħed ninxef.


[S:102:13] Imma int, Mulej, għal dejjem tibqa';

minn nisel għal nisel it-tifkira tiegħek.



[S:102:14] Inti tqum u tħenn għal Sijon,

għax hu ż-żmien u l-waqt li tħenn.



[S:102:15] Għax għażiż għall-qaddejja tiegħek

il-ġebel tagħha;

tiġihom ħasra mit-trab tagħha.
[S:102:16] Ħa jkollhom il-ġnus il-biża' ta' ismek,

Mulej,


u s-slaten kollha ta' l-art il-biża' tas-sebħ tiegħek,

[S:102:17] meta l-Mulej jerġa' jibni lil Sijon,

u jidher fis-sebħ tiegħu.



[S:102:18] U jisma' t-talb tal-mitluqin,

ma jistmellx it-talb tagħhom.


[S:102:19] Jinkiteb dan għan-nisel li għad jiġi,

u poplu ġdid għad ifaħħar lill-Mulej.



[S:102:20] Il-Mulej iħares 'l isfel

mill-għoli tas-santwarju tiegħu,

u jittawwal mis-sema lejn l-art,

[S:102:21] biex jisma' l-krib ta' l-ilsiera,

biex jeħles 'il dawk li huma għall-mewt.



[S:102:22] U hekk jixxandar f'Sijon isem il-Mulej,

u f'Ġerusalemm it-tifħir tiegħu,



[S:102:23] meta l-popli flimkien jinġemgħu,

u saltniet biex jaqdu l-Mulej.



[S:102:24] Neħħieli saħħti f'nofs it-triq,

qassarli ż-żmien ta' ħajti.



[S:102:25] Jien ngħidlu: "Alla tiegħi,

la teħodnix f'nofs ħajti,

la darba żmienek idum għal dejjem.

[S:102:26] L-art int waqqaftha sa mill-bidu;

għemil idejk huma s-smewwiet.



[S:102:27] Huma jgħaddu, imma int tibqa';

bħal libsa huma lkoll jiqdiemu,

tbiddilhom bħal libsa u jintemmu.

[S:102:28] Imma int li int tibqa';

bla tmiem huma s-snin tiegħek.



[S:102:29] Ulied il-qaddejja tiegħek ikollhom

darhom;


nisilhom jibqa' għal dejjem quddiemek."
103 (102). L-imħabba u l-ħniena ta' Alla
[S:103:1] Ta' David.
Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej!

B'qalbi kollha nbierek l-isem qaddis tiegħu.



[S:103:2] Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej,

u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek.



[S:103:3] Hu li jaħfer dnubietek kollha;

ifejjaq il-mard tiegħek kollu;



[S:103:4] jifdi lil ħajtek mill-qabar;

iħaddnek bit-tjieba u l-ħniena;



[S:103:5] ixabba' bil-ġid snin ħajtek,

u bħal ta' l-ajkla tiġġedded żgħożitek.



[S:103:6] Il-Mulej jagħmel is-sewwa,

u l-ħaqq mal-maħqurin kollha.



[S:103:7] Hu għarraf lil Mosè l-ħsieb tiegħu,

l-għemejjel tiegħu lil ulied Iżrael.



[S:103:8] Ħanin u twajjeb il-Mulej,

idum ma jagħdab u kollu mogħdrija.



[S:103:9] Ma joqgħodx jitlewwem magħna,

u anqas jinkorla għal dejjem.



[S:103:10] Ma mexiex magħna skond ma ħaqqhom

ħtijietna;

ma ħallasniex skond ma ħaqqha ħżunitna.
[S:103:11] Daqskemm huma s-smewwiet 'il fuq

mill-art,

hekk hi kbira tjubitu ma' min jibża' minnu;

[S:103:12] daqs kemm hu mbiegħed il-lvant

mill-punent,

hekk hu jbiegħed minna ħtijietna.

[S:103:13] Bħalma jħenn il-missier għal uliedu,

hekk iħenn il-Mulej għal min għandu l-biża' tiegħu.


[S:103:14] Għax hu jaf kif aħna magħġuna,

jiftakar li aħna trab.



[S:103:15] Bħall-ħaxix il-ħajja tal-bniedem,

bħall-fjur tar-raba', hekk jikber.



[S:103:16] Tgħaddi ż-żiffa minn fuqu, u jispiċċa,

u ħadd aktar ma jagħraf fejn kien.


[S:103:17] Imma t-tjieba tal-Mulej minn dejjem

għal dejjem

ma' dawk li għandhom il-biża' tiegħu,

u s-sewwa tiegħu ma' wlied uliedhom;



[S:103:18] ma' dawk li jħarsu l-patt tiegħu,

u jiftakru fil-preċetti tiegħu u jħarsuhom.



[S:103:19] Waqqaf il-Mulej it-tron tiegħu fis-sema,

u saltnatu fuq kollox taħkem.


[S:103:20] Bierku l-Mulej, anġli tiegħu kollha,

setgħana u qawwija li tagħmlu l-ordni tiegħu,

malli tisimgħu leħen il-kelma tiegħu.

[S:103:21] Bierku l-Mulej, eżerċti tiegħu kollha,

qaddejja tiegħu, li tagħmlu r-rieda tiegħu.



[S:103:22] Bierku l-Mulej, għemejjel tiegħu kollha,

kullimkien fis-saltna tiegħu.

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej!
104 (103). Tifħir lil Alla l-ħallieq
[S:104:1] Bierek ruħ tiegħi, il-Mulej!

Mulej, Alla tiegħi, inti kbir bil-bosta!

Bis-sebħ u l-ġmiel inti mlibbes,

[S:104:2] bid-dawl, bħal b'mantell, inti mkebbeb.

Inti frixt is-smewwiet bħal tinda,



[S:104:3] waqqaft fuq l-ilma l-għamajjar għolja

tiegħek.

Inti tagħmel is-sħab mirkeb tiegħek,

fuq ġwienaħ ir-riħ tiġġerra.



[S:104:4] L-irjieħ tagħmilhom ħabbara tiegħek,

u l-ilsna tan-nar qaddejja tiegħek.


[S:104:5] Int waqqaft l-art fuq is-sisien tagħha,

b'mod li qatt ma titħarrek;



[S:104:6] bl-ibħra, bħal b'libsa, inti ksejtha;

u l-ilmijiet waqfu fuq qċaċet l-għoljiet.


[S:104:7] Malli inti ċċanfarhom, jaħarbu;

malli jriegħed leħnek, jitkexkxu.



[S:104:8] Ma' l-għoljiet jogħlew, fil-widien jinżlu;

posthom, li int tajthom, jieħdu.



[S:104:9] Ma jaqbżux it-tarf li int ħażżiżtilhom,

biex qatt aktar ma jerġgħu jgħattu l-art.



[S:104:10] L-għejun tiftħilhom għal ġol-widien,

u huma jiġru qalb l-għoljiet.



[S:104:11] Jisqu l-bhejjem kollha tar-raba',

u l-ħmir selvaġġi jaqtgħu l-għatx tagħhom.



[S:104:12] Ħdejhom jgħammru l-għasafar ta' l-ajru,

minn qalb il-friegħi jsemmgħu l-għana tagħhom.



[S:104:13] Inti ssaqqi l-muntanji mill-imħażen għolja

tiegħek,

u tixba' l-art bil-frott ta' għemilek.

[S:104:14] Inti tnibbet il-ħdura għall-bhejjem,

u l-ħxejjex li bihom jinqeda l-bniedem,

biex joħroġ il-ħobż mill-art,

[S:104:15] nbid li jferraħ qalb il-bniedem,

żejt li jsebbħilhom wiċċhom,

u ħobż li jsaħħilhom qalbhom.
[S:104:16] Jixbgħu bl-ilma s-siġar tal-Mulej,

iċ-ċedri tal-Libanu li hu ħawwel.



[S:104:17] Fihom ibejjtu l-għasafar,

iċ-ċikonja tgħammar fil-qċaċet tagħhom.



[S:104:18] Fl-għoljiet il-kbar joqogħdu ċ-ċriev,

l-irdum jagħti l-kenn lill-fniek tax-xagħri.



[S:104:19] Il-qamar int għamilt biex juri ż-żmien,

u lix-xemx urejtha xħin għandha tinżel.



[S:104:20] Titfa' d-dlam, u jsir il-lejl;

fih jiġġerrew il-bhejjem kollha tal-bosk.



[S:104:21] Frieħ l-iljun jgħajjtu biex jaħtfu,

jittallbu mingħand Alla l-ikel tagħhom.



[S:104:22] Malli titla' x-xemx jinġabru,

fl-għerien tagħhom jitgeddsu.



[S:104:23] U l-bniedem joħroġ għax-xogħol,

u jibqa' jaħdem sa filgħaxija.


[S:104:24] Kemm huma kotrana l-għemejjel tiegħek,

Mulej!


Kollha bl-għerf għamilthom;

Mimlija l-art bil-ħlejjaq tiegħek.



[S:104:25] Dan il-baħar ta' kobor u wisa' bla tarf,

li fih jimraħ ħut bla għadd;

bhejjem żgħar u bhejjem kbar.

[S:104:26] Id-dgħajjes jimxu fuq il-mewġ tiegħu,

fih jitliegħeb il-Levjatan, li int għamilt.


[S:104:27] Minnek jistennew il-ħlejjaq kollha

li tagħtihom ikilhom f'waqtu.



[S:104:28] Inti tagħtihom, u huma jiġbru;

tiftaħ idejk, u jixbgħu bil-ġid.



[S:104:29] Jekk taħbi wiċċek, huma jinfixlu;

jekk teħdilhom nifishom, imutu,

u lejn it-trab jerġgħu jmorru.

[S:104:30] Malli tibgħat in-nifs tiegħek, jinħolqu,

u inti ġġedded il-wiċċ ta' l-art.


[S:104:31] Jibqa' sebħ il-Mulej għal dejjem!

Jifraħ il-Mulej bl-għemejjel tiegħu!



[S:104:32] Kif hu jħares lejn l-art titheżheż;

kif imiss l-għoljiet, idaħħnu.



[S:104:33] Ngħanni lill-Mulej tul ħajti kollha,

ndoqq lil Alla tiegħi kemm indum ħaj.



[S:104:34] Ħa togħġbu l-għanja tiegħi,

għax jiena fil-Mulej l-hena tiegħi.


[S:104:35] Jintemmu minn fuq l-art il-midinbin, u

jgħibu l-ħżiena.

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej.
Hallelujah!
105 (104). It-tjieba ta' Alla ma' Iżrael
[S:105:1] Faħħru l-Mulej u xandru ismu,

għarrfu lill-ġnus bl-għemejjel tiegħu.



[S:105:2] Għannulu u doqqulu,

xandru l-għeġubijiet tiegħu kollha.



[S:105:3] Ftaħru bl-isem qaddis tiegħu;

tifraħ il-qalb ta' dawk li jfittxu l-Mulej.



[S:105:4] Ħabirku biex tagħrfu l-Mulej u l-qawwa

tiegħu,


fittxu 'l wiċċu l-ħin kollu.

[S:105:5] Ftakru fil-ħwejjeġ kbar li għamel,

fl-għeġubijiet u l-ġudizzji tiegħu.


[S:105:6] Nisel Abraham, il-qaddej tiegħu,

ulied Ġakobb, il-maħtur tiegħu,



[S:105:7] Jaħweh hu Alla tagħna!

Ma' l-art kollha l-ġudizzji tiegħu!



[S:105:8] Jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu,

fil-kelma li ta għal elf nisel,



[S:105:9] fil-patt li għamel ma' Abraham,

fil-wegħda li ħalef lil Iżakk,



[S:105:10] li ġedded lil Ġakobb b'liġi,

lil Iżrael b'patt għal dejjem,



[S:105:11] meta qal: "Lilek nagħti l-art ta' Kangħan,

bħala sehem wirtkom."



[S:105:12] Ftit kienu għadhom jgħoddu,

ma kinux ħlief ftit barranin f'dik l-art,



[S:105:13] jiġġerrew minn ġens għal ieħor,

minn saltna għal għand poplu ieħor.



[S:105:14] Hu ma ħalla 'l ħadd jaħqarhom;

slaten rażżan minħabba fihom:



[S:105:15] "Tmissux 'il dawk li huma kkonsagrati lili,

tagħmlux deni lill-profeti tiegħi."


[S:105:16] Mbagħad bagħat il-ġuħ fuq l-art,

qerdilhom il-qamħ minn wiċċ ir-raba' tagħhom.



[S:105:17] Kien bagħat qabilhom raġel,

'il Ġużeppi, mibjugħ bi lsir.



[S:105:18] Rabtulu riġlejh bil-ktajjen,

dawwrulu l-ħadid ma' għonqu,



[S:105:19] sakemm seħħ dak li kien ħabbar,

u l-kelma tal-Mulej rebbieħ ħarġitu.


[S:105:20] Is-sultan bagħat iħollu,

dak li jaħkem il-popli ħelsu.



[S:105:21] Għamlu sid fuq id-dar tiegħu,

ħallielu f'idejh ġidu kollu,



[S:105:22] biex jgħallem hu stess lill-kbarat,

u juri l-għerf lill-kapijiet tiegħu.


[S:105:23] Mbagħad Iżrael niżel fl-Eġittu,

Ġakobb għex barrani fl-art ta' Ħam.



[S:105:24] U kattar ħafna l-poplu tiegħu,

saħħu aktar mill-għedewwa tiegħu.



[S:105:25] Dawwrilhom qalbhom biex jobogħdu

l-poplu tiegħu,

biex jimxu bil-qerq mal-qaddejja tiegħu.
[S:105:26] Bagħat lil Mosè, il-qaddej tiegħu,

u lil Aron, li hu kien għażel.



[S:105:27] Wera bihom għeġubijietu,

ħwejjeġ ta' l-għaġeb fl-art ta' Ħam.



[S:105:28] Bagħat id-dlam, u dalam;

iżda huma webbsu rashom għal kliemu.



[S:105:29] Biddlilhom l-ilma f'demm,

qerdilhom il-ħut tagħhom.



[S:105:30] Arthom imtliet biż-żrinġijiet,

sa ġol-kmamar tas-slaten tagħhom.



[S:105:31] Mal-kelma tiegħu ġew qtajja' ta' dubbien,

u nemus ma' arthom kollha.



[S:105:32] Tahom is-silġ minflok ix-xita;

ilsna tan-nar ileħħu f'arthom.



[S:105:33] Laqtilhom id-dwieli u s-siġar tat-tin,

qerdilhom is-siġar tar-raba' tagħhom.



[S:105:34] Mal-kelma tiegħu ġew il-ġradijiet,

ġradijiet żgħar li ħadd ma jgħoddhom.



[S:105:35] U belgħu l-ħxejjex kollha f'arthom,

kielu l-frott tar-raba' tagħhom.



[S:105:36] Qatel l-ulied il-kbar kollha ta' arthom,

l-ewwel frott tas-saħħa tagħhom.



[S:105:37] Ħariġhom mgħobbija bil-fidda u d-deheb,

ħadd ma kien għajjien fit-tribù tagħhom.



[S:105:38] Ferħu l-Eġizzjani bit-tluq tagħhom,

għax fuqhom kien waqa' l-biża' tagħhom.



[S:105:39] Firex sħaba biex ikenninhom,

xegħel in-nar għad-dawl billejl.


[S:105:40] Talbuh u bagħtilhom is-summien;

temagħhom sax-xaba' bil-ħobż mis-sema.



[S:105:41] Xaqqaq blata u minnha ħareġ l-ilma,

li ġera mad-deżert bħal xmara.



[S:105:42] Għax ftakar fil-kelma qaddisa tiegħu,

u f'Abraham, il-qaddej tiegħu.


[S:105:43] U ħareġ bil-ferħ lill-poplu tiegħu,

b'għajat ta' ferħ lill-magħżulin tiegħu.



[S:105:44] U tahom artijiet il-ġnus,

u xogħol il-popli wirtuh huma,



[S:105:45] biex iħarsu l-kmandamenti tiegħu,

u jżommu l-liġijiet tiegħu.


Hallelujah!
106 (105). Stqarrija tal-poplu ta' Alla
[S:106:1] Hallelujah!
Roddu ħajr lill-Mulej, għax hu tajjeb,

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu!



[S:106:2] Min jista' jsemmi l-għemejjel kbar

tal-Mulej,

jew isemma' t-tifħir tiegħu kollu?

[S:106:3] Hieni min jimxi bid-dritt,

min jagħmel dejjem is-sewwa.



[S:106:4] Ftakar fija, Mulej,

fi mħabbtek għall-poplu tiegħek;

aħseb fija bis-salvazzjoni tiegħek,

[S:106:5] biex nara l-ġid tal-magħżulin tiegħek,

biex nifraħ għall-ferħ ta' ġensek,

u niftaħar mal-poplu ta' wirtek.

[S:106:6] Aħna dnibna, bħal missirijietna,

waqajna fil-ħtija, għamilna l-ħażen.



[S:106:7] Missirijietna fl-Eġittu

ma għarfux l-għeġubijiet tiegħek,

ma ftakrux fit-tjieba kbira tiegħek;

u ħaduha kontra Alla l-Għoli ħdejn il-Baħar

tal-Qasab.

[S:106:8] Iżda hu salvahom minħabba f'ismu,

biex juri l-qawwa tiegħu.



[S:106:9] Ċanfar lill-Baħar tal-Qasab, u dan nixef;

mexxiehom f'qiegħ il-baħar bħal f'deżert.



[S:106:10] Salvahom minn id dawk li jobogħduhom;

fdiehom minn id l-għedewwa tagħhom.



Yüklə 1,16 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   ...   5   6   7   8   9   10   11   12   13




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2020
rəhbərliyinə müraciət

    Ana səhifə