THE DEPUTY CHAIRMAN: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Louis Buhagiar.
ONOR. LOUIS BUHAGIAR: Mr Chairman, bħalissa jekk titkellem man-nies igħidulek li dan kien wieħed mill-agħar budgets li qatt ġew preżentati f'din il-Kamra. Din in-naħa tal-Kamra qed tgħid li dan il-budget huwa anti-soċjali u budget kontra s-soċjetà u kontra l-poplu Malti, għax issa l-poplu se jkollu jħallas iżjed, fost affarijiet oħra, għall-ħobża ta' kuljum, għall-petrol, għad-diesel u għat-telephone. Barra minn hekk reġgħu għolew il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u se jerġgħu jogħlew it-tariffi tad-dawl u l-ilma. Ta' min igħid ukoll li minkejja l-wegħdiet ta' ftit xhur ilu, lill-poplu qed ngħidulu li jrid iħallas aktar income tax.
F'dan il-budget il-gvern qed igħid lill-pensjonanti li fil-futur ma jistax ikun li jkompli jserrħilhom moħħhom dwar il-pensjonijiet. Issemmiet ukoll il-karta r-roża u l-karta s-safra u dan ma kienx sinjal tajjeb għal ħafna pazjenti li jużaw il-mediċini. Fil-fatt il-ministru tal-finanzi ma spjegalhomx eżatt x'ried ifisser biha meta qal li jrid jaġġorna u jbiddel il-benefiċċji li l-pazjenti Maltin jieħdu mill-karta r-roża u l-karta s-safra. Lill-pazjenti li jidħlu fl-isptar tajnihom sinjal li 'l quddiem l-affarijiet mhux se jkunu faċli bħalma kienu għal dawn il-ħafna snin.
Il-poplu għaraf li dan huwa wieħed mill-agħar budgets li qatt ġew preżentati f'din il-Kamra u dan mhux biss għaliex, kif spjegajt, qed jiġi ntaxxat iktar imma wkoll għaliex dan il-budget m'hu qed jindirizza bl-ebda mod il-problema ta' staġnar u nuqqas ta' investiment, bil-konsegwenza li se nispiċċaw f'sitwazzjoni fejn kull darba li l-gvern ikollu bżonn idaħħal ċertu introjtu se jimponi iktar taxxi fuq il-poplu għaliex, minħabba li l-produzzjoni m'hijiex se tiżdied, mhux se jkollna investiment tajjeb. Huwa għalhekk illi aħna qed insejħu dan il-budget wieħed "anti-soċjali". Dan il-budget qed jgħid lill-poplu: Insa l-wegħdi kollha li għamilnielek qabel l-elezzjoni u lesti għonqok għas-sagrifiċċji u toqgħodx tgerger! Fil-fatt jien naħseb li kienu ħafna dawk li raw lis-segretarju parlamentari responsabbli mill-anzjani jgħid lill-anzjani li anke huma għandhom jitgħabbew bil-piżijiet li l-pajjiż daħal għalih u li m'għandhomx igergru għal dan. Għalhekk nistgħu ngħidu bla tlaqliq li filwaqt li l-poplu kellu s-serħan tal-moħħ għal ħafna snin, issa qed ngħidulu biex jinsa dak kollu u jlesti ruħu għal aktar daqqiet.
Mid-diskors li għamel il-Ministru Dalli l-ġimgħa l-oħra deher ċar li issa f'daqqa waħda l-gvern induna li l-problema prinċipali ta' pajjiżna hija d-deficit strutturali. Fil-fatt il-ministru ġie hawnhekk jgħidilna kemm għamel tajjeb li din is-sena u s-sena l-oħra rnexxielu jnaqqas l-ispiża rikorrenti tal-gvern u talab lill-poplu biex jagħmel aktar sagrifiċċji u biex ma jgergirx minħabba li issa qed jintaxxah anke fuq il-ħobż, fuq il-petrol u fuq id-diesel, qed jgħollilu l-bolla, mhux qed jagħtih żieda fil-pensjonijiet u qed irażżan ix-xiri tal-mediċini fl-isptarijiet. Donnu li meta kien qed jagħmel id-diskors tal-budget il-ministru tal-finanzi nesa li kien fi żmienu stess, meta kien hu li mexxa l-qasam tal-finanzi bejn l-1992 u l-1996, illi twieldet il-problema prinċipali tad-deficit strutturali. Biżżejjed ngħidu li filwaqt li d-deficit tal-gvern fl-1994 kien jammonta għal Lm70 miljun, sa qabel l-elezzjoni ta' l-1996 dan id-deficit tal-gvern kien sploda għal Lm124 miljun. Fil-fatt qatt ma kien hemm splużjoni daqshekk kbira fid-deficit strutturali tal-gvern daqskemm kien hemm taħt il-Ministru Dalli, li f'dan il-budget ġie jgħid lill-poplu biex jagħmel is-sagrifiċċji għaliex issa li l-gvern skopra li l-pajjiż għandu din il-problema tad-deficit, irid joqgħod attent x'jonfoq. Donnu li l-Ministru Dalli, li llum qed jintaxxa lill-poplu fuq il-ħobż, fuq il-petrol u fuq id-diesel, nesa li kien hu stess li kkaġuna l-problema tad-deficit fil-pajjiż u issa bil-wiċċ tost kollu ġie jiftaħar li din is-sena pprova jirranġa din is-sitwazzjoni. Ara fl-1996, din il-problema mhux talli ma kenux isemmuha imma talli hemm dubji serji dwar jekk il-ministri li kien hemm fil-kabinett Nazzjonalista dak iż-żmien kenux jafu b'din il-problema ta' deficit li llum qed isemmi l-Ministru Dalli stess.
Imma l-ikbar viljakkerija ta' dan il-partit li llum hemm fil-gvern toħroġ mill-fatt li meta l-gvern Laburista kien ipprova joħloq kuxjenza fost il-poplu, li verament teżisti sitwazzjoni prekarja fil-finanzi pubbliċi, l-oppożizzjoni Nazzjonalista kienet tiddieħak bil-gvern ta' Alfred Sant meta dan kien juri lill-poplu fejn qiegħda eżattament il-ġerħa kif din setgħet tiġi kkurata. Din hija l-ikbar viljakkerija tal-Partit Nazzjonalista li wara li ħoloq il-problema hu ħareġ jattakka lil min kien qed jipprova jsolvi din il-problema u issa għax intnebah bil-problema qed iġiegħel lill-poplu jerfa' piżijiet ta' bla ħniena. Illum il-Prim Ministru Eddie Fenech Adami u l-Ministru John Dalli, li huma l-istess nies li kkaġunaw il-problemi finanzjarji ta' pajjiżna, qed jgħabbu piżijiet dejjem akbar fuq il-poplu. Pero` l-iktar ħaġa li rajtha bħala sinjal ta' viljakkerija toħroġ mid-diskors li għamel il-Prim Ministru l-ġimgħa l-oħra meta kellu l-ardir jgħid li dan il-budget se jżid il-kredibilita` ta' dan il-gvern. Sur President, fejn tista' tasal iżjed minn hekk!
Jien lill-Prim Ministru ngħidlu: Inti fejn kont meta taħt l-amministrazzjoni li kont tmexxi inti bejn l-1992 u l-1996 lill-pajjiż kienet qed issirlu din il-ħsara kollha? Inti fejn kont meta d-deficit strutturali tal-pajjiż sploda 'l fuq? Ipprovajt tgħidlu lill-ministru tal-finanzi ta' dak iż-żmien biex jikkontrolla l-infiq tal-gvern? Fejn kienet il-kredibilita` tiegħek, Sur Prim Ministru, meta l-ministru tal-finanzi kien jiddieħak bil-gvern Laburista - li sfortunatament għall-poplu Malti għamel żmien qasir wisq fil-gvern - għaliex kixef il-verita' dwar is-sitwazzjoni finanzjarja prekarja u kien jitkellem fuq il-ħofor? Iva, ħofra hija l-kelma li l-poplu juża meta jkollu xi ħaġa li jkun irid jimliha. Jien li ma nistax nifhem huwa li filwaqt li meta kien fl-oppożizzjoni l-Partit Nazzjonalista kien jgħid lill-poplu li mhux veru jeżistu l-ħofor u li dawn qegħdin biss fl-immaġinazzjoni tal-gvern Laburista, illum dawn l-istess nies qed jgħidu li fil-fatt dawn il-ħofor veru jeżistu. Hawn jien nistaqsi: Fejn hi l-kredibilita` tal-gvern Nazzjonalista? Possibbli li n-nies li llum qed jamministraw dan il-pajjiż jaħsbu li l-poplu Malti jinsa mil-lum għal għada, li l-poplu Malti huwa ġifa u li ma jafx jiżen l-affarijiet? Huwa veru li xi kultant il-poplu Malti jieħu deċiżjonijiet li jkunu bbażati fuq il-weġgħa li jħoss fil-but pero` l-poplu Malti ma jinsiex u m'huwiex ġifa. Sur President, fejn kienet il-kredibilita` tal-Prim Ministru u tal-gvern tiegħu meta kienu qed ifasslu l-programm elettorali tagħhom?
Il-Partit Laburista sar jaf f'liema sitwazzjoni finanzjarja prekarja jinsab il-pajjiż f'Ottubru 1996, jiġifieri meta tela' fil-gvern, pero` dawn in-nies ta' faċċata tagħna kienu huma stess li ħolqu din is-sitwazzjoni u kienu jisimgħuh lill-gvern Laburista jitkellem fuq din il-problema meta kienu għadhom fl-oppożizzjoni. Allura kif meta ġew biex ifasslu l-programm elettorali għamlu dawk il-wegħdi kollha lill-poplu, meta kienu jafu f'liema sitwazzjoni jinsab il-pajjiż? Fejn kienet il-kredibilita` tagħhom meta kienu qed ifasslu l-programm elettorali? Jekk wieħed jara x'wiegħed li se jagħmel il-Partit Nazzjonalista u mbagħad jaqra d-diskors tal-budget jitkexkex u jistaqsi: Fejn hi l-kredibilita` tal-Partit Nazzjonalista? Per eżempju, il-wegħda nru. 39 li hemm fil-programm elettorali, bit-titlu "Ġid, Fiduċja u Direzzjoni", tgħid li:
"Il-prodotti u s-servizzi tal-bżonn, bħall-ikel, mediċina u edukazzjoni, ma jkollhom l-ebda taxxa."
Pero` minkejja li għadha għaddiet biss sena minn mindu tfassal dak il-programm elettorali, illum qed naraw saħansitra żieda fil-prezz tal-ħobż, li huwa l-iktar ikel bażiku u essenzjali għall-poplu Malti, minħabba li issa qed jitneħħa s-sussidju minn fuq il-ħobż.
Jekk imbagħad wieħed jara l-wegħda nru. 45 mill-istess programm elettorali jsib li din tgħid hekk:
"Isir kontroll aħjar fuq l-infiq tal-gvern biex titrażżan il-ħela."
Imma fil-fatt f'dan il-budget x'insibu? Insibu li ġew ivvotati ħafna iktar flus għal dawk li huma festini, safar u karozzi tal-ministri. Veru li wieħed jista' jargumenta li l-infiq totali tal-gvern għas-sena d-dieħla huwa xi ftit iċken din id-darba, imma ejjew nagħtuh eżempju tajjeb lill-poplu tagħna, li lilu qed ngħidulu li jrid jagħmel iktar sagrifiċċji u nibdew nagħmlu s-sagrifiċċji aħna wkoll. U mela ngħidu lill-poplu biex jagħmel is-sagrifiċċji u mbagħad aħna nagħmlu l-kuntrarju u nonfqu bl-addoċċ! Għalhekk wieħed jista' jgħid bla tlaqliq li din hija wegħda fażulla oħra mill-programm elettorali. Jien li ma nistax nifhem huwa kif minkejja dan kollu, il-membri tal-gvern għandhom il-wiċċ jgħidu li dan il-budget qed juri iktar kredibilita` u naħseb li meta jisma' affarijiet bħal dawn il-poplu Malti jidħak għaliex huwa jaf jiżinhom l-affarijiet. Biex niftehmu, in-nies mhix se tidħak imma titkaża minħabba l-mod kif dan il-budget għaffiġhom u kissirhom, kuntrarjament għal dak li ġew imwegħda qabel l-elezzjoni ta' l-1998.
Wegħda nru. 210 tal-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista kienet tgħid li Gvern Nazzjonalista:
"Jeħles mill-ħlas tal-bolla lil dawk li d-dħul tagħhom ikun inqas mill-għajnuna soċjali, ġenituri li jkunu bil-parental leave ..."
Pero` madanakollu, kif jaf kulħadd, hekk kif telgħu fil-gvern l-ewwel ħaġa li għamlu kienet li għollew il-bolla u baqgħu jgħolluha sena wara l-oħra. Fil-fatt minkejja li din m'hijiex miktuba fil-programm elettorali, is-sena d-dieħla l-gvern se jkompli jgħolli l-bolla lill-ħaddiema Maltin u allura nistgħu ngħidu li anke din il-promessa tal-Partit Nazzjonalista hija fażulla. Terġa' jien naħseb illi kulħadd għadu jiftakar li qabel l-1987 il-Partit Nazzjonalista kien jgħid illi l-bolla hija balla, pero` ma nixtieqx nieħu ħin nitkellem fuq affarijiet li ilhom li għaddew ħafna snin ilu u naħseb li jkun aħjar jekk nikkonċentraw iktar fuq dak li ġara f'dawn l-aħħar ftit snin.
Sur President, min-naħa l-oħra wegħda nru. 214 tgħid hekk:
"Jiżgura li matul il-leġislatura li jmiss il-pensjonanti kollha jkollhom pensjoni ta' żewġ terzi.",
Imbagħad jasal dan il-budget u jiġu l-Ministru Dalli u l-Ministru Gonzi jgħidulna li jeħtieġ li naraw x'se nagħmlu fuq il-pensjonijiet għaliex dawn m'humiex se jkunu iktar sostenibbli. Ngħidilhom prosit lill-ministru tal-finanzi u lill-ministru għall-politika soċjali! Ma kontux tafu bil-problemi li għandu l-pajjiż meta waqt li kontu qed tfasslu l-programm elettorali, għamiltu l-wegħda li matul din il-leġislatura l-pensjonanti kollha se jkollhom pensjoni ta' żewġ terzi? Kif mingħalikom li se tidħku bil-pensjonanti b'dan il-mod? Mela l-poplu Malti huwa taż-żuffjett, l-ewwel tgħidulu mod u mbagħad wara biss sena tiġu hawn u tgħidulu biex ma jserraħx moħħu iktar fuq il-pensjoni u biex jidra jaħseb iktar għal rasu? Imbagħad il-Ministru Gonzi jiġi jitkaża għaliex ma rridux nagħtu l-kontribut tagħna fil-kumitat! Aħna ma rridu nikkontribwixxu fl-ebda kumitat li qed jgħaddi lill-poplu Malti biż-żuffjett, u lanqas ma rridu naħdmu ma' nies li l-bieraħ qalu lill-anzjani li se jagħtuhom pensjoni ta' żewġ terzi u mbagħad wara biss ftit xhur qed jgħidulhom li mhux biss mhux se jwettqu dik il-wegħda li għamlulhom imma wkoll li m'għandhomx iserrħu moħħhom fuq il-pensjoni! Mela sewwa, ftit tax-xhur ilu għamilnielhom dik il-wegħda u mbagħad niġu llum u ngħidu li rridu nwaqqfu kummissjoni biex tirrestrinġi l-pensjonijiet għall-futur! Aħna ma neħdux parti fi strutturi li jkunu qed jiddieħku bil-pensjonanti tagħna. Aħna għandna l-pożizzjoni tagħna dwar il-pensjonijiet li jien tkellimt dwarha bl-iktar mod responsabbli u m'aħniex lesti li nikkontribwixxu ma' gvern li jħobb jiddieħak bil-pensjonanti.
Jekk wieħed iħares lejn it-tieni paġna ta' dan l-istess programm elettorali jsib dan il-kliem:
"Indiċi apposta għall-għoli tal-ħajja lill-anzjani u żieda sħiħa ta' l-għoli tal-ħajja lill-anzjani.".
Fil-fatt il-gvern preżenti mhux talli ma tax żieda sħiħa ta' l-għoli tal-ħajja lill-anzjani imma talli bil-miżuri li qed jieħu f'dan il-budget qiegħed jgħolli l-ħajja ta' l-anzjani u qiegħed jgħabbihom b'iktar piżijiet. Huwa veru li l-vot li qed niddiskutu llum jirrigwarda s-servizzi ekonomiċi pero`; kif se nuri bl-eżempji li se nagħti, il-piżijiet li llum qed ngħidu lill-pensjonanti, lill-anzjani, lir-romol u lill-familji Maltin biex jerfgħu huma ġġenerati mill-iżbalji strateġiċi u politiċi li għamlu l-gvernijiet ta' Fenech Adami proprjament f'dawk is-setturi li qed niddiskutu llum. Per eżempju, żgur li l-iżbalji strateġiċi li saru fil-passat u li qed isiru llum fl-oqsma tad-dawl, ta' l-ilma u tal-Maltacom ikkaġunaw piżijiet esaġerati li llum qed ikollu jsofrihom il-poplu Malti. Pero` minkejja dan kollu n-naħa tal-gvern m'hijiex tistħi tiġi hawnhekk u tgħid lill-poplu Malti li jrid jagħmel iżjed sagrifiċċji, u dan meta ftit xhur ilu wegħedhom affarijiet ferm differenti.
Sur President, jekk wieħed jistudja dan il-budget isib li dan huwa ferm agħar minn ta' qablu għaliex la qed jindirizza l-problemi li għandu dan il-pajjiż, la qed jispira fiduċja u lanqas qed iħares lejn investimenti ġodda. Għalhekk dak li qalu l-aġenziji internazzjonali Moody's, Standard & Poor's u l-international monetary fund dwar il-budget preċedenti, fejn fost affarijiet oħra qalu li m'huwiex veru li dak il-budget kien qed jindirizza l-problemi imma kien qiegħed sempliċement jipposponi dik il-mediċina li l-pajjiż verament għandu bżonn, jista' japplika għal dan il-budget li qed niddiskutu llum faċilment. Anzi jien ngħid li dan il-budget, minħabba li, kif għedt diġa', la jaspira fiduċja, la se jneħħi l-istaġnar u lanqas se jġib investiment, mhux talli m'huwiex il-mediċina li se toqtol il-mikrobu imma talli se joqtol lill-pazjent minflok m'hu se jfejqu. Issa ħalli nġib ċerti eżempji biex nuri kif in-nuqqas ta' għaqal u l-iżbalji strateġiċi li saru fil-passat ikkaġunaw id-deficit strutturali li kiber minn sena għall-oħra bejn l-1992 u l-1996 u baqa' jikber sal-lum. (Interruzzjonijiet) Jien nieħu gost insemmi eżempji ta' kif jirraġuna dan il-gvern.
Per eżempju, nista' nsemmi s-snin ta' qabel l-1987 meta kienu qed jinħassu ċerti problemi fil-qasam ta' l-ilma u l-Gvern Laburista kien ħa ħsieb biex jibdew jinbnew xi reverse osmosis plants, pero` hekk kif tela' gvern Nazzjonalista ntilef wara dawn l-impjanti u beda jibni impjanti wara ieħor, fosthom f'Tigne`, fiċ-Ċirkewwa u Pembroke; u kellhom ukoll il-ħsieb li jibnu impjant ieħor f'Zonqor Point, pero` minħabba li mbagħad fl-1996 tilfu l-elezzjoni ma laħqux taw bidu għall-kostruzzjoni ta' dan l-impjant. Issa hawn ta' min jgħid li dawn ir-reverse osmosis plants iqumu l-miljuni tal-liri pero` minkejja dan kollu l-gvern Nazzjonalista ma qatax qalbu u ssellef bil-kbir u ħallas l-imgħaxijiet fuq dan is-self, anke jekk kien jaf li l-piżijiet kienu dejjem qegħdin jikbru. L-oppożizzjoni Laburista, bl-iktar mod responsabbli, kienet tgħid lill-gvern tal-ġurnata li m'hemmx bżonn jinbnew dawk l-impjanti kollha għar-raġuni li żewġ galluni minn kull tlieta li konna nipproduċu konna nispiċċaw inħallsu għalihom għalxejn għaliex kienu qed jispiċċaw f'ħela. Lill-gvern tal-ġurnata aħna konna għednielu wkoll li jkun aħjar jekk jirranġa s-sistema ta' distribuzzjoni biex ma jinħeliex dak l-ilma kollu. Pero` minkejja dan kollu l-gvern Nazzjonalista ta' dak iż-żmien m'għamel xejn biex jirranġa dik is-sitwazzjoni u baqa' dejjem jibni iktar reverse osmosis plants. Għall-kuntrarju hekk kif tela' l-Partit Laburista fil-gvern fl-1996 irnexxielu jsolvi din il-problema, tant li l-unaccounted for water minn 66% niżel għal xi 52%, u rnexxielu jikkontrolla l-ħela. Fil-fatt minn dakinhar sal-lum bqajna naraw il-ħela ta' l-ilma tonqos sena wara l-oħra. Il-ħasra hi li llum spiċċajna b'ħafna trains tar-reverse osmosis plants jipproduċu l-ilma għalxejn, tant li kien hemm perijodu fejn il-potenzjal ta' dawn l-impjanti kien biss ta' 40%. Fi kliem ieħor il-gvern Nazzjonalista kien nefaq u ssellef dawk il-miljuni ta' liri kollha għalxejn u kellu jkun il-gvern Laburista li juri d-direzzjoni li pajjiżna għandu jieħu f'dan ir-rigward.
Hawnhekk ikolli ngħid ukoll b'ċertu dispjaċir li l-impenn li kellu l-gvern Laburista biex jirranġa s-sistema tad-distribuzzjoni ta' l-ilma qegħdin narawh dejjem jiddgħajjef u xiehda ta' dan huwa l-fatt li fl-estimi tal-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma ġew ivvotati ħafna inqas flus mis-snin li għaddew sabiex is-sitwazzjoni tad-distribuzzjoni ta' l-ilma tiġi rranġata. Jien niftakar li f'Għawdex kien irnexxielna nnaqqsu l-unaccounted for water b'tali mod li l-gżira tat-Tliet Għoljiet setgħet tiftaħar li hija fost l-iktar pajjiżi li jipproduċu l-iktar livell baxx ta' unaccounted for water, pero` llum qed nerġgħu naraw ir-rata ta' l-unaccounted for water f'Għawdex tiżdied. Għalhekk wieħed jista' jgħid bla tlaqliq li dan il-gvern qed jerġa' jaqa' għall-iżbalji li għamlu gvernijiet Nazzjonalisti fil-passat, liema żbalji għamlu ħafna ħsara lill-pajjiż.
Madanakollu l-ikbar viljakkerija hi li issa b'dan il-budget il-gvern Nazzjonalista qed jgħid lill-anzjani, lill-pensjonanti, lir-romol u lill-familji tagħna: Biex nirranġaw dawn l-iżbalji li għamilna tridu tkunu intom li terfgħu l-piż u tridu tagħmlu s-sagrifiċċji u għalhekk se jkollna ngħollulkom il-bolla, il-ħobż, il-petrol u d-diesel. Din hija n-nuqqas ta' kredibilita; hawn qiegħda l-inkompetenza ta' dan il-gvern, li fid-deher jidher li qed jagħmel xi ħaġa għall-pajjiż u mbagħad jekk tara l-mekkaniżmu li bih qed jaħdem issib li lill-pajjiż mhux talli m'hux qed jagħmillu ġid imma talli qed jagħmillu ħsara kbira. Sur President, biex wieħed ikun jista' jifhem aħjar kemm il-gvern Nazzjonalista għamel ħsara lil pajjiżna huwa biżżejjed jekk wieħed jara f'liema sitwazzjoni tal-biki spiċċat il-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma.
Jien wisq nibża' li jekk nibqgħu sejrin hekk se nispiċċaw fl-istess sitwazzjoni li sibna ruħna fiha fl-1996 meta din il-korporazzjoni lanqas biss kellha flus biżżejjed biex tħallas lill-ħaddiema tagħha. Jien kemm-il darba għedt f'din il-Kamra x'kien qal dak iż-żmien l-ex-chairman tal-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma, is-Sur Tancred Tabone, meta ġew biex iħallsu lill-ħaddiema u ma sabux flus. Fil-fatt dan kien qalilhom: Ħallsulhom il-bolla imma flus għall-pagi m'għandniex! Sitwazzjoni bħal din turi n-nuqqas ta' għaqal tal-Partit Nazzjonalista, u minħabba dan in-nuqqas ta' għaqal lill-poplu llum qed ikollna ngħidulu biex jerfa' piżijiet li ma jiflaħx għalihom. Ovvjament il-membri tal-gvern Nazzjonalista dan qatt m'ammettewh u, per eżempju, ftit jafu x'ġara meta kienu ġew biex jibnu r-reverse osmosis plant ta' Pembroke. Fil-fatt meta kienet għadha kif ħarġet it-tender u t-tenderers marru biex jaraw is-sit, fil-post sabu l-apparat ta' ditta partikolari. Dan jindika bl-iktar mod ċar illi l-mekkaniżmu tat-tendering sabiex il-poplu jieħu l-aħjar bl-inqas prezz kien ingħata l-ġenb totalment, u dan sabiex jiġu aġevolati erbgħa minn tal-Polymetrics Seawater Systems Inc., anke jekk konna għadna ma nafux il-kwalita` tax-xogħol li dawn kapaċi jagħmlu u konna nafu li se nispiċċaw biex nagħmlu t-telf u li mbagħad il-poplu kien se jkollu jerfa' l-piżijiet ta' dawn id-deċiżjonijiet, liema deċiżjonijiet ċertament ma jistgħux jissejħu bħala deċiżjonijiet tajbin jew li jmorru skond ir-regolamenti għaliex ir-regolamenti jitolbu mod ieħor. Mela l-ewwel nieħdu deċiżjonijiet ħżiena u mbagħad niġu hawnhekk u nagħmlu wieħed minn fost l-agħar budgets li qatt ħareġ minn din il-Kamra!
Ta' min jgħid ukoll li qabel l-1996 aħna konna ilna sena wara l-oħra ngħidu lill-gvern Nazzjonalista li jeħtieġ illi l-management tar-reverse osmosis plants jgħaddi f'idejn il-ħaddiema Maltin, u dan għaliex aħna kellna fiduċja fil-ħaddiema tagħna u konna nemmnu li huma kapaċi daqs il-barranin. Pero` għalkemm tan-naħa l-oħra kienu jgħidulna li din se jagħmluha s-sena ta' wara, fil-fatt baqgħu m'għamlu xejn sakemm tela l-gvern Laburista li għamel dan it-tibdil fl-ewwel sena tiegħu. Issa hawnhekk ikun interessanti jekk ngħid li din id-deċiżjoni ffrankat lill-gvern is-somma ta' Lm1.7 miljun, u din il-figura kienet imsemmija anke fir-rapport annwali tal-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma, jiġifieri dan li qed ngħid huwa kkonfermat mill-korporazzjoni stess. Issa nħalliha għall-immaġinazzjoni ta' min qed jismagħni biex jikkalkola kemm tilef il-poplu Malti minħabba li kien hemm min baqa' jitnikker biex jieħu deċiżjoni li kien hemm bżonn li tittieħed illum qabel għada. Naturalment il-Polymetrics kien jaqblilha ħafna iktar li kieku baqgħet responsabbli hi mill-management tar-reverse osmosis plants għaliex kieku dawn il-Lm1.7 miljun kienu jmorru f'butha u fi bwiet oħrajn li sal-lum għadna ma nafux lil min jappartjenu. Din hi d-differenza bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista għax filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jiddeletta bir-retorika, dejjem irid ikun il-Partit Laburista li jieħu d-deċiżjonijiet li jkun hemm bżonn jittieħdu u jattwahom. Hemm bżonn li l-gvern Nazzjonalista jirrealizza li huma dawk l-istess ministri u nies oħra li qed imexxu l-korporazzjonijiet illum li qed jagħmlu dawn l-iżbalji l-kbar li semmejt. Ħalli nġib eżempju ieħor ta' nuqqas ta' kredibilita`, Sur President, u nirriferi għall-każ tal-European Investment Bank u s-self li kien ingħata lill-Gvern Malti għas-sistema tad-drenaġġ.
Issa jekk hemm xi ħaġa li kulħadd jaqbel fuqha din hija li jeħtieġ issir xi ħaġa biex is-sistema tad-drenaġġ u s-sistema tat-trattament tad-drenaġġ neħduha iżjed bis-serjeta` ħalli nkomplu nsolvu l-problema ta' l-ilma u t-tinġis. Gvern Nazzjonalista preċedenti kien għamel ftehim ma' l-EIB u kellu jissellef somma sostanzjali b'imgħax baxx, pero' l-EIB kien rabat lill-gvern Nazzjonalista li jrid jagħmel drainage tax u l-gvern Nazzjonalista din aċċettaha. Meta tela' l-Partit Laburista fil-gvern mexa fuq il-ftehim li kien għamel gvern Nazzjonalista għax li deherilna li din kienet se tkun ta' ġid għall-poplu Malti. Imma meta għamilna d-drainage tax tan-naħa l-oħra kkritikawna, allavolja din it-taxxa kienu ftehmu fuqha u aċċettawha huma meta għamlu l-ftehim ma' l-EIB. Imbagħad telgħu huma, qalu li se jirranġaw it-tariffi tad-dawl u l-ilma, qalu li se jneħħu t-taxxa tad-drenaġġ imma bħas-soltu daħku bil-poplu Malti. Iżda bin-nies ta' Brussels u bl-EIB ma daħkux u qalulhom ċar u tond li kienu kisru l-ftehim u allura tilfu dawk il-flus kollha b'imgħaxijiet preferenzjali. Fil-fatt issa minflok qegħdin nissellfu bi 2% jew 3% qegħdin nisselfu bil-5%, 6% jew 7%, u dawn il-flus mhu qed ibatihom ħadd ħlief il-poplu Malti. Imbagħad jiġu hawn u jgħidulna li se jgħollu l-prezz tal-ħobż, tal-petrol eċċ! Allura din serjeta`? Dan barra li nhar l-Erbgħa stess il-Prim Ministru reġa' beda jħajjar lill-poplu Malti dwar l-Unjoni Ewropea u jsemmi - issa l-¥100 miljun fis-sena m'għadhiex tissemma f'din il-Kamra - l-imgħaxijiet b'soft loans. Imma huma dawn l-affarijiet li juru inkompetenza, ħneżrijiet, nuqqas ta' għaqal, daħk bil-poplu Malti u telf ta' flus il-poplu Malti. Nerġa' ngħid, ir-rettorika qiegħda fuq in-naħa l-oħra u s-serjeta` u l-fatti qegħdin fuq din in-naħa.
Niġi issa għall-prezz tad-dawl u l-ilma. Lanqas din ma ssemmiet fil-budget imma mis-sena d-dieħla, skond il-ftehim li sar f'Novembru ta' l-1998, il-prezz tad-dawl u l-ilma se jerġa' jogħla u l-connection charge li kienet tneħħiet fi żmien gvern Laburista reġgħet iddaħħlet u hija ta' ¥70 għal kull servizz ġdid li jingħata. Imma dawn l-affarijiet tan-naħa l-oħra ma jsemmuhomx. Dan barra li waqt li l-produzzjoni ta' l-ilma sena wara l-oħra qiegħda tonqos, qegħdin ngħidu li s-sena li għaddiet mill-bejgħ ta' l-ilma l-korporazzjoni daħħlet ¥9.5 miljun u għas-sena d-dieħla huwa stmat li ddaħħal ¥11.08 miljun. Mela waqt li l-produzzjoni nieżla se ndaħħlu iżjed. Allura dawn il-flus minn fejn ġejjin? Il-verita' hi li dawn il-flus ġejjin minn fuq il-poplu li qed ngħidulu biex iħallas iżjed u jagħmel sagrifiċċji aktar, apparti ż-żidiet fuq il-ħobż, il-petrol u x'naf jien. Allura m'huwiex daħk bil-poplu li qabel l-elezzjoni ta' l-1998 għednielu li se nnaqqsu t-tariffi tad-dawl u l-ilma imma ma semmejnielu xejn li budget wara l-ieħor se ngħollulu l-petrol, id-diesel u t-telephone? M'huwiex daħk bil-poplu li l-istess korporazzjoni twiegħed li se tnaqqas it-tariffi tad-dawl u ta' l-ilma imma mbagħad mingħajr ma juruh xejn iżidu t-tariffi tal-petrol u d-diesel? Aktar 'il quddiem nuri kemm it-tariffi tal-petrol u d-diesel se jkunu ta' piż biż-żieda li għamel gvern Nazzjonalista f'dan il-budget, meta żied il-15% VAT fuqhom, pero' qabel xejn tajjeb li nerġa' nsemmi n-nuqqas ta' serjeta` u n-nuqqas ta' direzzjoni li dan il-gvern għandu f'dan il-qasam.
Sur President, semmejt il-każ tad-distribuzzjoni u għedt li dawn qed jivvotaw inqas għad-distribuzzjoni meta jekk kien hemm xi ħaġa li saret bis-serjeta` f'dawn is-sentejn jew tliet snin dan kien preċiżament l-impenn u l-konċentrazzjoni tar-riżorsi li għandha l-water services corporation biex tirranġa s-servizz tad-distribuzzjoni, ħalli ma jkomplix jinħela ilma li lill-poplu Malti jiġih għoli daqs id-deheb. Qed ngħid dan għaliex l-ilma huwa riżors limitat ħafna u għalina l-ilma jiswa kważi daqs id-deheb u ma rridux inħallu d-deheb jintilef ġot-trab. Ġara pero' li l-impenn li nirranġaw is-sistema tad-distribuzzjoni li kien beda bis-serjeta` taħt gvern Laburista mhuwiex jintwera minn dan il-gvern. Fi żmienna konna qegħdin nitkellmu wkoll dwar il-bini ta' ġibjun ieħor f'Tax-Xwieki iżda f'dan il-budget m'hemmx flus dedikati għal dan il-għan. Nafu pero' li meta dan l-aħħar kellna l-għarar u l-ilma baħar ta' madwar Pembroke ddardar b'ħafna ħamrija, l-impjant ta' l-ilma f'dan il-lokal ma tkompliex jitħaddem għaliex ma kienx hemm ilma tajjeb. Allura kieku dan il-ġibjun f'Tax-Xwieki kien qiegħed jaħdem, kieku n-nies ma kenux isofru qtugħ ta' ilma kaġun ta' sitwazzjoni li ħadd m'għandu kontroll fuqha. Għalhekk dan il-ġibjun huwa ta' importanza kbira, imma minkejja dan fil-budget m'hemm xejn iddedikat għalih.
Nerġa' niġi għall-kwestjoni ta' l-għarar. F'dawn l-aħħar ġranet meta kien hawn dik il-maltempata li damet xi erbat ijiem, il-poplu Malti reġa' daq l-imrar ta' meta jkun hawn għarar u sfortunatament huma dejjem l-istess nies li jaqilgħuha,, jiġifieri dawk li joqogħdu l-Imsida, Burmarrad u Ħal Qormi, li reġgħu daqu dan l-imrar. Dan il-gvern pero' huwa mitluf u minkejja li hemm ħafna dipartimenti mdaħħlin fil-kontroll ta' l-għarar - fosthom il-water services corporation u l-ministeru għall-ambjent - hemm nuqqas ta' kordinazzjoni u barra minn hekk dan il-budget m'huwiex jindirizza din il-problema.
Ma nistax ma nsemmix lanqas id-diżordni li kien hawn din is-sena u l-piż kbir li sofrew kemm l-Enemalta kif ukoll il-water services corporation minħabba l-ineffiċjenza tad-dipartiment tal-billing fi ħdan il-WSC stess. Ħaġa ta' l-iskantament pero' meta ġew hawnhekk u ppreżentawlna l-estimi tal-WSC qalulna li daħlu xi ¥11-il miljun u allura jiena għedt li ma jistax ikun li daħħlu dawn il-flus kollha meta l-kontijiet damu ma ħarġu daqstant. Għalhekk meta ġew hawnhekk b'estimi li lanqas kienu audited u semmew ċifri bħal dawn għedt li għandi d-dubji tiegħi kemm dawk iċ-ċifri huma serji u kemm hija serjeta` li jiġu hawnhekk f'dan il-parlament u jressqu ċifri bħal dawk. Pero' m'iniex se nkompli nitkellem fuq il-WSC għaliex tkellimt drabi oħra u għalhekk niġi issa biex nitkellem dwar kif se jolqtu lill-poplu ż-żidiet fil-prezzijiet tal-petrol u d-diesel.
Sur President, din kienet xi ħaġa tal-mistħija għaliex fil-programm elettorali ma kienu semmew xejn dwar żieda fil-prezzijiet tad-diesel u l-petrol. Għamlu ħafna plejtu fuq it-tariffi tad-dawl u l-ilma imma lill-poplu ma qalulux li l-flus li kienu se jnaqqsulu min-naħa kienu se jisirquhomlu b'mod iżjed qawwi min-naħa l-oħra! Is-sena l-oħra jiena ressaqt ċifri fejn urejt li min jonfoq ¥5 petrol fil-ġimgħa - issa biex tonfoq ¥5 petrol ma jridx ikollok xi BMW, biżżejjed ikollok xi Fiat 500, forsi jkun anzjan li juża l-karozza biss biex imur għand it-tfal, l-isptar jew ħarġa ta' kull nhar ta' Ħadd - se jidħol fi spiża żejda ta' 41c kull ġimgħa. Issa jekk wieħed jgħodd iż-żidiet kollha, speċjalment il-15% VAT li se tiżdied fuq il-petrol, isib li dak l-anzjan se jibda jonfoq ¥6.22 fil-ġimgħa, jiġifieri ¥1.22 iżjed milli kien jonfoq is-sena l-oħra kull ġimgħa. Dan qed ngħidu biex min qed jismagħna u min kien qiegħed jisma' lil tan-naħa l-oħra jagħmlu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma u jaraw kif se jaffettwaw lill-familji tagħna, ikunu jafu kemm se joħorġu dawn il-pensjonanti li tan-naħa l-oħra wegħduhom li se jagħtuhom iż-żieda kollha ta' l-għoli tal-ħajja ħalli jkunu jafu għal xiex daħlu b'dan il-budget. Kont urejt ukoll li min jonfoq ¥10 fil-ġimgħa f'sena se jkollu joħroġ ¥128 iżjed, min jonfoq ¥15 se jkollu joħroġ ¥192 iżjed u tal-BMW li jista' jonfoq ma' l-¥20 fil-ġimgħa se joħroq ¥255 iżjed.
Issa jiena niftakar, Sur President, li l-ministru għas-servizzi ekonomiċi kien jogħxa jistaqsina jekk konniex għamilna xi studju dwar l-impatt soċjali li se jkollhom it-tariffi tad-dawl u l-ilma. Nista' nikkwota diversi instances fejn kien jistaqsina dan pero' m'iniex se noqgħod nidħol fihom għaliex ma tantx fadal ħin. Ngħid iżda li l-ġimgħa l-oħra għamiltlu l-istess domanda u r-risposta tiegħu kienet qasira ħafna. Qalli biex nagħmel il-mistoqsija lill-ministru konċernat u ngħid il-verita' bqajt skantat meta qalli hekk. Din hija inkompetenza, dan huwa ħmieġ politiku din hija, rettorika u nuqqas ta' serjeta` minn ministru li suppost jistudja x'impatt li se jkollhom fuq il-popolazzjoni l-miżuri li l-gvern qed jikkontempla. Ladarba l-ministru għas-servizzi ekonomiċi qalli biex nagħmel il-mistoqsija lill-ministru konċernat jiena dort fuq il-ministru għall-politika soċjali - li wkoll magħruf kemm jaf jitkellem fuq il-kuxjenza soċjali imma mill-elezzjoni 'l hawn din il-kuxjenza soċjali ma semmihiex iżjed - u meta staqsejtu jekk għamilx xi studju ta' l-impatt soċjali taż-żieda fit-tariffi tal-petrol u d-diesel, ukoll qalli biex nagħmel il-mistoqsija lill-ministru konċernat. Bil-Malti għandna proverbju li napplikawh għal min jirraġuna b'dan il-mod - il-kelb iwaħħal f'denbu! Dan juri li ma sar l-ebda studju dwar l-impatt ta' dawn it-tariffi fuq il-pensjonanti u l-anzjani u hija diżonesta` politika li l-Prim Ministru jiġi hawnhekk u jgħidilna li dan il-budget jagħti kredibilita` lill-gvern.
Sur President, dan huwa budget li jikxef l-inkompetenza, in-nuqqas ta' responsabbilta` u l-guffaġni ta' dan il-gvern li għamel miżuri li ma jimpurtahx kif jolqtu lill-poplu, miżuri li huma ta' ħsara għall-pajjiż u li jdaħħluh fi spejjeż kbar. Imbagħad jiġu hawnhekk u jgħidu lill-poplu li wasal iż-żmien li jagħmlu s-sagrifiċċji! Anzi s-segretarju parlamentari Mifsud Bonnici lill-anzjani qalilhom biex ma joqogħdux igergru għax lir-residenti ta' St Vincent de Paule se jgħollulhom il-ħlas minn 40% għal 60%! Insewha l-kritika li kienu jagħmlu meta kienu fl-oppożizzjoni u l-Prim Ministru nesa l-ittra li bagħat lill-pensjonanti fejn keskishom kontra l-gvern Laburista. Fil-fatt il-poplu ma kienx jistenna dawn l-affarijiet minn gvern li fil-programm elettorali tiegħu wiegħed affarijeit li huma totalment il-kuntrarju ta' dak li qegħdin jipproġettaw f'dan il-budget. Dawn huma piżijiet li jolqtu liż-żgħir u mhux lil min jiflaħ għaliex illum ma nafx min jonfoq inqas minn ¥5 petrol fil-ġimgħa. Allura għalfejn niġu ngħidu li dan huwa budget li għandu kuxjenza soċjali? Aħna qegħdin ngħidu u nagħtu l-provi li dan huwa budget anti-soċjali u għalhekk qed inkompli ninsisti li m'hijiex serjeta` min-naħa tal-gvern Nazzjonalista li jimxi b'dan il-mod.
Mistoqsija oħra li għamilt lill-ministru kienet jekk studjax x'effett se jkollha ż-żieda fuq il-petrol u d-diesel fuq l-industrija Maltija, u huwa qalli: Tinkwetax għaliex dawk li se jonfqu iżjed f'petrol u diesel u jkollhom il-VAT registration number se jkollhom refund. Tajba din, mela lill-poplu nagħmlulu t-taxxi u nitolbuh iħallas il-piżijiet u lin-negozjant li għandu VAT registration number nagħtuhomlu lura! Wieħed jista' jargumenta li biex tinċentiva n-negozju trid tagħmel dawn l-affarijiet, pero' tajjeb li ngħabbu liż-żgħir biss? Tajjeb li s-sagrifiċċji nitolbuhom liż-żgħir biss? Dan li wegħdnih lill-poplu fil-programm elettorali? Jiena ngħid li l-gvern Nazzjonalista daħak bil-poplu mill-1987 sa l-1996 għaliex għamel affarijiet li kienu jidhru tajbin imma għamilhom b'mod l-iżjed imħarbex u bla għaqal u spiċċa ġab din il-problema kbira fuq il-poplu u issa qed jipprovaw jiddieħku bih għaliex qabel l-elezzjoni qalu mod u issa għamlu totalment l-oppost. Ħalli nkompli issa fuq xi ħaġa oħra.
Insemmi, per eżempju, il-miljuni kbar li ntnefqu fuq il-power station ta' Delimara. Minkejja li meta ġie pproġettat dan il-proġett konna qed ngħidu li se nneħħu l-piż minn fuq il-Marsa power station ħalli ma jkunx hemm aktar tingis ta' l-arja madwar il-Marsa u l-Belt, dan ma sarx. Infaqna l-flus u l-benefiċċji ma ħadnihomx. L-istess nistgħu ngħidu għall-kwalita` taż-żejt li jinħaraq. M'għandix żmien biżżejjed biex niżvolġi dawn il-punti pero' f'din il-Kamra lill-poplu kienu wegħduh li se jixtru żejt li m'għandux sulphur content għoli u għamlu plejtu u ħafna rettorika għaliex Gvern Laburista kien inċentiva l-użu tal-light fuel oil u mbagħad m'għamlu xejn biex jixtru żejt li jagħmel anqas ħsara lill-poplu Malti.
Insemmi wkoll il-customer care. Gvern Laburista kien beda jaħdem biex fl-Enemalta jagħmel customer care unit ħalli lill-konsumatur neħduh bis-serjeta`. Iżda x'ġara? Tela' dan il-gvern u f'ħafna każi żarma kollox, jew fejn baqa' miexi fuq dak li bnejna aħna l-affarijiet mexjin bil-mod wisq. Kieku gvern Laburista baqa' fit-tmexxija żgur li l-customer care unit fl-Enemalta ilu lest u ilu jagħti servizz lill-konsumatur! Insemmi wkoll l-użu ta' l-enerġija alternattiva, li wkoll ma tissemma xejn f'dan il-budget. Niftakru li fil-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista dawn kienu wiegħdu li se jagħmlu użu aħjar mill-enerġija alternattiva tax-xemx u r-riħ, iżda fil-budget ma nsibu l-ebda inċentiv biex il-poplu jagħraf ir-riżors li għandu fix-xemx li tista' tintuża biex titnaqqas l-ispiża ta' l-Enemalta. Aħna għalhekk ngħidu li m'għandniex fiduċja f'dan l-budget u f'dan il-ministru li reġa' ma ressaq xejn, anke b'rispett lejn il-programm elettorali tagħhom stess.
Sur President, niġi issa għall-problema tal-hedging li l-ministru ma tantx għadu jsemmiha. Nibda biex ngħid li mn'Alla kien il-ftehim tal-hedging li għamel gvern Laburista - kumbinazzjoni dan jiskadi dan ix-xahar - għaliex mill-figuri li ħarġu jidher li l-poplu Malti se jiffranka s-somma ta' $US5 miljun bħala riżultat ta' dan il-ftehim. Ngħid ukoll li l-ministru li llum qed iressaq dawn il-voti għall-approvazzjoni tal-Kamra, kien l-iżjed ministru li pprova jirredikola u jikkritika dan il-pass ta' gvern Laburista. Mhux talli hekk, talli wasal fl-estremita` li pprova jitfa' dell ikrah personali fuq iċ-chairman ta' l-Enemalta, minħabba li kien hu li għamel dan il-ftehim. Issa jekk wieħed jara l-affarijiet sew isib li l-prezz taż-żejt f'Diċembru ta' l-1998 kien l-orħos li qatt kien fi 12-il sena sħaħ u l-Ministru Josef Bonnici għadu jiddubita dwar il-validita` ta' dan il-ftehim.
Meta oriġinarjament sar dan il-ftehim il-gvern intrabat li jixtri ż-żejt bil-prezz ta' $US14 kull barmil iżda mbagħad il-prezz baqa' nieżel u fi Frar laħaq is-somma ta' $US9 kull barmil. Dak iż-żmien f'dan il-parlament l-Onor. Josef Bonnici pprova juri lill-poplu Malti kemm dan kien pass ħażin meta għall-kuntrarju dan tant kien pass tajjeb li issa l-ministru se jkollu jibla' dak kollu li qal għaliex dan il-ftehim se jiffranka lill-poplu Malti s-somma ta' $US5 miljun. Iżda minflok il-ministru fi Frar, meta l-affarijiet bdew iduru, ra kif għamel biex iġedded dan il-ftehim, imqarr għal sentejn oħra, ġie hawnhekk u kkritikah. L-organizzazzjoni tal-pajjiżi li jesportaw iż-żejt fehmu li l-prezz taż-żejt ma jistax jibqa' baxx kif kien u ndunaw li kien baxx minħabba n-nuqqas ta' ftehim li kellhom bejniethom. Għalhekk meta ltaqgħu f'Amsterdam fit-13 ta' Marzu 1999 ftehemu li jillimitaw il-produzzjoni biex jgħollu l-prezz għax kien fl-interess tagħhom li jgħolluh. Imma minflok il-ministru nduna b'dan u għamel il-ftehim għax kien ġej żmien ikrah, spiċċa jikkritika lilna! B'riżultat tal-ftehim ta' l-organizzazzjoni tal-pajjiżi li jipproduċu ż-żejt, il-prezz taż-żejt beda tiela', għadu tiela' u se jibqa' tiela' u mhux veru kif qal il-ministru f'din il-Kamra li dan beda tiela' minħabba l-problema tal-Y2K.
Il-ministru pprova jagħti indikazzjoni wkoll li meta taqleb is-sena l-prezz taż-żejt jerġa' jinżel u allura ma jkunx hemm bżonn dan il-ftehim. Għalija l-ministru hawnhekk qiegħed juri kemm huwa sfortunatament misinformat, li jara sal-ponta ta' mnieħru għax l-ossessjoni politika għamietu. Huwa tajjeb li f'din il-Kamra nikkritikaw lil xulxin u nieħdu vantaġġi politiku għaliex wara kollox din hija l-logħba tal-politikanti imma li m'huwiex tajjeb huwa li nagħmlu dan għas-skapitu li l-iswed nibdew narawh abjad u l-abjad nibdew narawh iswed u mbagħad nieħdu deċiżjonijiet ħżiena. Iżda meta l-ministru kellu jara kif jagħmel u jġedded il-ftehim ħareġ jikkritikana u lanqas kellu l-kuraġġ iġib f'din il-Kamra l-figuri li tlabtu ħalli l-poplu Malti nuruh eżattament min kellu raġun u min kellu tort, min tellfu l-flus u min iffrankalu l-flus. Il-ministru qal li dawn il-figuri ma ġabhomx għaliex huma ta' natura kummerċjali, imma dawn il-figuri jafhom kulħadd u meta tikkalkula ssib li bħala riżultat ta' dak il-ftehim il-gvern Laburista ggwadanja f'isem il-poplu Malti sa l-aħħar ta' din is-sena s-somma ta' $US5 miljun, kif diġa' għedt. Issa, Sur President, minħabba li l-ministru ma ġeddidx dan il-ftehim għas-sentejn li ġejjin u l-prezz taż-żejt se jkompli jogħla, dan ifisser li se jtellef lill-poplu Malti miljuni kbar ta' dollari. Allura min qed jipprova jilgħab logħob ta' l-azzard. Aħna li ffissajna l-prezz b'dak il-ftehim għal kważi sentejn sħaħ u li konna nafu b'kemm se nixtru ż-żejt, jew il-ministru li s-sena d-dieħla ma jafx b'liema prezz jixtri ż-żejt? Fl-estimi ta' l-Enemalta qalilna li s-sena l-oħra nefaq ¥14-il miljun fi fuel oil u s-sena li ġejja se jonfoq ¥16-il miljun. Dan il-prezz żiedu għaliex jaf li l-prezz se jibqa' jogħla imma nistaqsih: Din il-figura ta' ¥16-il miljun fuq liema prezzijiet taż-żejt ħdimtha?
Allura aħna azzardajna għax għamilna forma ta' risk management? Meta inti tagħmel hedging agreement, apparti li tista' tfaddal il-flus, dak tagħmlu primarjament bħala forma ta' risk management. Mela nafu l-prezz ta' kemm inbiegħu ż-żejt, il-prezz ta' kemm inbiegħu d-dawl u l-prezz ta' kemm jinbiegħ l-ilma imma kemm nixtru l-iżjed materja prima li tqumilna flus ma nafux! U hawn jidħol ir-risk management. Issa inti hawn ġibtilna l-figuri meta ma tafx bil-kemm se tixtri l-prezz taż-żejt li għandek bżonn. Allura min qed jilgħab il-lottu, aħna li konna nafu għal sentejn sħaħ kemm se jkun u li bħala riżultat ta' dak il-ftehim se niffrankaw lill-poplu $US5 miljun, jew inti li se ttellef dawn il-flus lill-poplu?
THE CHAIRMAN: Il-Ministru, on a point of order.
ONOR. JOSEF BONNICI: Sur President, qiegħed ripetutament jgħid li l-Enemalta se tiffranka $US5 miljun. Din irid jissostanzjaha. Ma jistax jiġi xi ħadd f'din il-Kamra jgħid li l-Enemalta se tiffranka $US5 miljun sa l-aħħar tas-sena meta m'huwiex il-każ. Nista' ngħidlu li bħalissa l-Enemalta qiegħda minn taħt u mhux jiġi jgħid li se tiffranka. Ma jistax ikun f'dan il-parlament nibqgħu għaddejjin b'diskors which can only mislead the House u l-poplu Malti f'daqqa!
ONOR. LOUIS BUHAGIAR: Meta tlabtek biex tagħtini l-figuri ħallejtni mingħajrhom għax għedtli li huma ta' natura kummerċjali. Jiena l-figuri ġibthom u l-figuri li ġibt juru li inti se ttellef miljuni kbar.
ONOR. JOSEF BONNICI: Sur President, l-Onor. Membru qed jirriferi għal mistoqsija parlamentari fejn talabni informazzjoni ta' natura kummerċjali. L-Enemalta tixtri ż-żejt anke minn pajjiżi li huma ġirien tagħna u ma jkunx għaqli li wieħed jiżvela ċerti affarijiet. Ma jridx joqgħod jibqa' idendel dawn l-affarijiet hawnhekk għax l-interess nazzjonali jirrikjedi li wieħed joqgħod attent f'dawn l-affarijiet. (Interruzzjonijiet)
ONOR. LOUIS BUHAGIAR: Il-ministru qed jara biss sal-ponta ta' mnieħru. F'dan il-każ wera ruħu inkompetenti u għalhekk jien nisfidah minn hawnhekk sabiex meta nkunu nafu l-figuri sew, jew jirtira dak l-attakk li għamel fuq dik il-persuna jew inkella jirriżenja.
Sur President, xtaqt nitkellem fuq il-kwestjoni taż-żieda fit-tariffa tad-dawl u dwar il-fatt li issa s-settijiet tat-telefon se jkollu jħallas għalihom il-konsumatur - fl-opinjoni tiegħi, wara li ġiet privatizzata l-Maltacom, wieħed kien jistenna li dawn l-affarijiet jitjiebu u l-konsumatur jiġi moqdi aħjar mhux agħar - imma sfortunatament il-ħin huwa d-dittatur u jkolli nagħlaq hawn. Grazzi, Sur President.
THE DEPUTY CHAIRMAN (Onor. Carmelo Mifsud Bonnici) : Grazzi. Iktar rimarki? L-Onor. Joe Cilia.
ONOR. JOE CILIA: Sur President, dalgħodu smajna ħafna diskors dwar oqsma differenti li jaqgħu taħt dan il-ministeru pero` xtaqt nikkonċentra l-aktar fuq il-kwestjoni tas-self-employed. Nibda biex ngħid li f'pajjiżna hawn 'il fuq minn 15,000 ruħ jaħdmu għal rashom, liema ħaddiema qegħdin jagħmlu sforz biex primarjament itejbu l-qagħda tagħhom u fl-istess ħin itejbu l-ekonomija tagħna lkoll u taċ-ċittadini in ġenerali. Fl-istess ħin hawn madwar 24,000 SMEs, li minnhom madwar 95% huma negozji żgħar li ma jħaddmux aktar minn ħames impjegati.
Sur President, min forsi ma tantx jifhem fin-negozju jħares lejn dawn mil-lenti ta': Dak sew, l-imgħallem tiegħu nnifsu, jagħmel li jrid! Iżda r-realta` hija ferm differenti, partikolarment meta wieħed irid iżomm quddiem għajnejh li dawn ukoll huma breadwinners, li għandhom ir-responsabbilta` ta' l-għajxien u ta' dawk dipendenti fuqhom, inkluż ta' l-impjegati tagħhom. Dawn huma nies li ħadu u kontinwament jieħdu riskju fin-negozju tagħhom, investew il-kapital li bil-għaqal tagħhom irnexxilhom iġemmgħu, jew forsi kif aktar ikun il-każ daħlu għal djun u sogru mal-banek, sabiex jinvestu fin-negozju u kienu kapaċi li minflok jiddependu huma fuq ħaddieħor biex jikkrealhom ix-xogħol, ikkreaw mix-xejn post tax-xogħol għalihom infushom. Dan is-settur jinkludi firxa kbira għaliex apparti l-fabbriki ż-żgħar u anke dawk li nirriferu għalihom bħala cottage industries u ħwienet tax-xogħol żgħar, jinkludi wkoll eluf ta' retail shops u dawk li jaħdmu b'xi sengħa għal rashom, bħal bennejja, plumbers, electricians, bajjada, mastrudaxxa, ħajjata, mechanics, hairdressers u anke professjonisti żgħar. U x'inċentivi rajna jinħolqu għal dawn in-nies f'dan it-tieni budget ta' gvern Nazzjonalista.
Dan il-faxx sar l-aktar wieħed li żdiditlu l-income tax, dik it-taxxa li l-Partit Nazzjonalista u diversi korpi kostitwiti - li ftit li xejn nisimgħuhom isemmu leħenhom illum - kienu kważi għamluha sagra li m'għandhiex titneħħa jew tintmiss. Dan il-gvern neħħa l-bands tas-self-employed f'dawk li huma kontribuzzjonijiet nazzjonali fejn issa se jiġu kkalkolati fuq bażi ta' 15% tad-dħul tagħhom, żidilhom l-ispejjeż tat-trasport involut f'xogħolhom billi għollielhom il-prezz tal-petrol u d-diesel u saħansitra żidilhom anke t-telephone costs li diġa` kienu fost l-ogħla government induced costs fl-Ewropa. Ta' min wieħed jgħid li sa ftit ġimgħat ilu l-Ministru Dalli stess stqarr dan il-fatt dwar il-communication costs f'pajjiżna u rajnih rifless ukoll fil-benchmarking exercise tal-federation of industry li minn hawnhekk nirringrazzjahom għal dan l-eżerċizzju li għamlu. Sur President, hawnhekk jien nistaqsi: Huwa tajjeb allura li ngħidu lill-poplu li nistgħu nserrħu rasna, kif qalilna l-Prim Ministru meta ħareġ jiftaħar li mhux se jiżdiedu l-costs tan-negozjant għaliex il-VAT se jeħduha lura kollha f'refund? Bħas-soltu l-Prim Ministru nesa liż-żgħir, dak li skond il-liġi huwa rreġistrat li ma jżommx VAT iżda fl-istess ħin ma jeħux refund għaliex id-dħul tiegħu jaqa' taħt it-threshold stipulat fil-liġi.
Meta konna qed niddiskutu l-estimi tal-ministeru tal-finanzi lill-Onor. Dalli kont staqsejtu kemm hu n-numru ta' dawn in-nies u konvenjentement fl-għeluq tiegħu ħarab mill-mistoqsija. Issa llum jien nerġa' nistaqsi lill-ministru responsabbli mis-self-employed kemm se jintlaqtu negozji u nies li jaħdmu għal rashom li huma eżenti li jiġbru l-VAT u ma jeħdux refund lura. B'dawn il-miżuri mhux se jogħlew il-costs tal-prodott jew is-servizz li joffru dawn in-nies? U jekk dan jogħla, kulħadd jaf li n-negozjant jiġi ffaċċjat b'żewġ għażliet; jew jassorbi hu stess il-costs, u b'hekk ikun qed jonqoslu l-marġini tal-profitt, jew inkella ż-żieda jgħaddiha lill-konsumatur bir-riżultat li jogħlew il-prezzijiet. Għalkemm jiena semmejt li n-negozjant għandu żewġ għażliet, fil-fatt għażla waħda jkollu għaliex peress li l-kompetizzjoni hija ħarxa, jiddeċiedi li jassorbi l-costs huwa stess. U nkompli nistaqsi: Saret xi evalwazzjoni dwar l-impatt li se jkollha din il-miżura fuq is-settur tal-business u kif se jintlaqtu dawn u kif se jintlaqat il-konsumatur?
ONOR. EDWIN VASSALLO (Segretarju Parlamentari): Mr Chairman, nixtieq jerġa' jagħmel id-domanda tiegħu ħalli llejla nkun nista' nirrispondih.
ONOR. JOE CILIA: Imbagħad ikollok ċans twieġeb!
ONOR. EDWIN VASSALLO: Iva, imma inti għamiltli mistoqsija u ħsibtek li se tkompli tellabora fuqha, iżda ma komplejtx. Xtaqtek jekk jogħġbok, terġa' tirripeti d-domanda tiegħek ħalli llejla nkun nista' nġiblek iċ-ċifra li tlabt.
ONOR. JOE CILIA: Mela le! Xtaqtek tgħidilna kemm hemm persuni li għalkemm huma rreġistrati mad-dipartiment tal-VAT, la jiġbru taxxa u lanqas jieħdu refund.
ONOR. EDWIN VASSALLO: Imma inti taf li dawk li huma eżentati talbu minn rajhom li jkunu eżentati?
ONOR. JOE CILIA: Iva, dik issa niġi għaliha aktar 'il quddiem. L-importanti ċ-ċifra ħalli nkunu nistgħu nitkellmu. Kont qed ngħid, Sur President, li aktar minn hekk, dakinhar kont staqsejt ukoll jekk ir-refund tal-VAT fuq dawn l-items kenitx lixka biex iġġiegħel lil dawn jirreġistraw mal-VAT office ħalli b'hekk il-gvern jiżdidulu l-tax collectors u gradwalment forsi jibda jelimina t-thresholds li kien introduċa fil-bidu ħalli forsi l-pillola ma tantx tkun qarsa bit-taparsi għażla quddiem in-negozjant. Imbagħad xi ngħidu għal dawk li qegħdin fil-business tal-catering. (Interruzzjonijiet) Issa din m'għandhiex x'taqsam mal-VAT. Dawn huma ntitolati għal xi forma ta' kumpens għaż-żieda fil-prezz tal-ħobż? S'issa jien għadni ma smajt lil ħadd joħroġ b'xi forma ta' spjegazzjoni u forsi f'dan id-dibattitu jkollna x-xorti li nisimgħuha mingħand il-ministru jew is-segretarju parlamentari responsabbli minn dan il-qasam.
Sur President, tajjeb li hawnhekk nagħtu ħarsa lejn l-aħħar manifest elettorali tal-Partit Nazzjonalista u naraw x'wiegħed lis-self-employed u lin-negozjanti ż-żgħar u fil-fatt x'għamel s'issa l-Partit Nazzjonalista għalihom! F'chapter 5 tal-manifest elettorali, bit-titlu "Ġid, Fiduċja, Direzzjoni", jingħad li bil-Partit Nazzjonalista fil-gvern jerġa' joktor il-ġid f'idejn kulħadd u li:
"Il-PN jerġa' jagħti d-dinaniżmu u l-ħajja lill-ekonomija ta' pajjiżna billi jagħti inkoraġġiment morali u materjali lil kulmin jagħti ħjiel ta' inizjattiva u kapaċita`.".
Issa jien hawnhekk nistaqsi lil kull min jaħdem għal rasu - mhux lill-ministru jew lis-segretarju parlamentari - jekk iħossx li minn mindu ġie elett dan il-gvern l-affarijiet għalih fin-negozju marrux għall-aħjar, jekk iħossux inkorraġġit li jinvesti aktar bl-isforzi tiegħu jew inkella jekk l-affarijiet marrux għall-agħar u l-business jistab staġnat.
Il-gvern Nazzjonalista wiegħed li jistma lil min imexxi n-negozji ż-żgħar bħala s-sinsla tal-ħolqien tal-ġid. Semma li din l-istima juriha billi fost ħwejjeġ oħra inaqqsilhom l-ispejjeż li soltu huma mitluba jagħmlu mid-dipartimenti tal-gvern. U hawnhekk jien nistaqsi kemm lill-Ministru Bonnici kif ukoll lis-Segretarju Parlamentari Vassallo sabiex jgħiduli kemm iffrankawlhom spejjeż minn dawn lis-self-employed kemm ilhom fit-tmexxija tal-pajjiż, speċjalment f'dan it-tieni budget tagħhom. Nispera li bħas-soltu ma jaħarbulniex mill-mistoqsija għal kollox. Mhux talli l-gvern ma għamel xejn biex inaqqas l-ispejjeż lil dan is-settur tant vitali għall-ekonomija ta' pajjiżna talli, kif rajna, żgur li dawn se jiżdiedu.
Waħda mill-fatturi li żgur żiedet l-ispejjeż ta' min jaħdem għal rasu kienet ir-ri-introduzzjoni tal-VAT minn dan il-gvern. Nibda bl-ispejjeż involuti fl-amministrazzjoni u l-kalkoli ta' din is-sistema ta' tassazzjoni. Apparti li kull ġurnata n-negozjant wara li jagħlaq il-bibien tiegħu għan-negozju jrid joqgħod iżomm il-kotba bil-mod li tispeċifika l-liġi - tajjeb ukoll li jagħmel dan biex ikun jaf fejn hu - kull tliet xhur irid joqgħod jgħaddi l-VAT li jkun ġabar lill-gvern, għalkemm ħafna drabi jispiċċa jgħaddi l-VAT lill-gvern meta hu stess ikun għadu lanqas biss ġabar il-ħlas għall-prodott jew is-servizz tiegħu. B'dan il-mod il-gvern mhux qed jgħin lil dawk li qed jaħdmu għal rashom ikollhom il-likwidita` neċessarja fil-kummerċ biex ikunu jistgħu jiffunzjonaw kif jixraq u biex jinvestu aktar fil-ħidma tagħhom. Allura biex qed jistmahom lis-self-employed il-gvern? Jew ikollhom joqogħdu sigħat twal mingħajr ebda kumpens biex ikunu jistgħu jiġbru u jgħaddu t-taxxa tal-VAT lill-gvern, inkella jkollhom iqabbdu lil xi ħadd apposta biex jeħdilhom ħsieb dan ix-xogħol li ftit jistgħu jimmaġinaw kemm jieħu ħin biex isir jekk ma jkunux esperjenzawha huma nfushom. B'hekk nistgħu ngħidu li l-ispejjeż għas-servizzi ta' accountancy żgur li kibru u qegħdin jiżdiedu għan-negozji ż-żgħar. Bil-VAT il-gvern żied ix-xogħol, il-burokrazija u l-ispejjeż lis-self-employed u m'hemm xejn x'jinkoraġġixxi lil dak li jkun biex ikompli jaħdem għal rasu jew se mai jitħajjar jibda xi business. Jekk il-gvern irid idaħħal dawn is-sistemi ta' tassazzjoni m'għandux jippretendi li mbagħad din jamministrahielu ħaddieħor a spejjeż tiegħu.
Bl-introduzzjoni tal-VAT il-gvern kien ta l-impressjoni li se jingħataw lura l-flus li jkunu weħlu n-negozjanti meta huma jkunu xtraw mingħand ħaddieħor. Il-gvern kien pinġa r-refunds bħala li bihom in-negozjant kien se jkollu ħafna flus f'idejh biex jinvest u niftakar lill-Ministru Dalli jgħajjat bir-refurbishment. Fir-realta` qed naraw li meta n-negozjant jiġi biex jitħallas ta' l-istocks li jkunu b'lura, il-kwestjoni dejjem titkaxkar u titwal għad-detriment tan-negozjant iż-żgħir. Dan biex ma nidħolx fl-argument ta' kif il-gvern f'dan il-budget qed inaqqas il-household disposal income tal-konsumatur li jiġi kkalkolat billi mid-dħul titnaqqas id-direct taxation u n-national insurance contribution. Dan huwa l-gvern li għandna jmexxina llum!
Wegħda oħra li kien għamel il-Partit Nazzjonalista lin-negozji ż-żgħar kienet dik li jnaqqsilhom il-burokrazija, il-ġiri 'l hawn u 'l hemm mid-dipartimenti tal-gvern, korporazzjonijiet u awtoritajiet u l-mili ta' karti u formoli. Apparti l-burokrazija li ġabet magħha l-VAT, illum in-negozjant spiċċa bħala kollettur tat-taxxi, mhux biss tal-VAT iżda anke fil-qasam tas-sigurta` soċjali. Jiġifieri altru milli naqset il-burokrazija! Jekk inħarsu lejn x'qed ikollu jagħmel in-negozjant naraw li dan qed ikollu jimla ħafna formoli; fil-fatt kull xahar dawn iridu jimlew il-formola tan-national insurance u tat-taxxa ta' l-impjegati li jkollhom magħhom ħafna minnhom ikollhom jimlew il-VAT return kull tliet xhur u l-bqija jimlewha kull sena flimkien mal-formola tat-taxxa; kull erba' xhur iridu jimlew il-formoli dwar it-taxxa proviżorja li jridu jgħaddu lill-gvern u jridu jimlew ukoll il-formola dwar il-kontribuzzjoni tas-sigurta` soċjali tagħhom. U miskin hu min jaqbeż b'ġurnata fuq iż-żmien stipulat għaliex jeħel bil-1%, liema rata tista' anke titla' sa 12% fis-sena. Jiġifieri l-gvern jagħmel pressjoni fuq il-banek biex inaqqsu l-imgħaxijiet, imbagħad hu jgħolli r-rata fuq il-penali għal 12% fis-sena!
Sur President, dak li l-gvern ma rnexxilux jagħmel hu, jiġifieri li jkun effiċjenti fil-ġbir tat-taxxi, jippretendi li jagħmluh għalih is-self-employed u l-industrijalisi ż-żgħar. Kieku dawn ikunu xi businesses jew industriji kbar li jifilħu jħallsu għal xi accountants u awdituri lanqas tant jimporta, imma ż-żgħir għandu minn fejn iħallas għal dawn l-ispejjeż żejda ta' accountants li daħħalhom fih il--gvern? Jiġifieri l-gvern qed jiffranka dawn l-ispejjeż u qed jitfagħhom fuq is-self-employed u fuq in-negozji u l-industriji ż-żgħar. U kif aġevolahom lil dawn il-gvern tal-flus li ffrankawlu, tal-ħaddiema li jimpjegaw magħhom biex ma jkomplix jiżdied man-numru dejjem jikber ta' dawk qiegħda f'pajjiżna, u tat-taxxi li jiġbrulu? Qiegħed iħallashom billi qiegħed fuqhom bħal seqer u miskin hu min jieħu xi żball f'xi formola għaliex isibuh ħati qabel biss ma jaraw jekk kienx żball ġenwin jew le!
Apparti l-ġbir ta' l-amministrazzjoni burokratika konnessa mal-ġbir tat-taxxi, in-negozji ż-żgħar qed jiffaċċjaw ukoll regolarment żieda fin-numru ta' kontijiet fis-servizzi governattivi li jiġu wara l-ħlas. Ta' min jirrimarka, per eżempju, li l-kontijiet tat-telephone għall-business mhux kull tliet xhur jew erba' qed jintbagħtu llum, iżda kull xahar. L-istess nistgħu ngħidu għall-kontijiet tal-mobile phones, liema mezz ta' komunikazzjoni ħafna drabi huwa essenzjali għal min jaħdem għal rasu. U xi ngħidu mbagħad għall-kontijiet tad-dawl u l-ilma li minkejja li ilhom 14-il xahar fil-gvern għadhom qed jibagħtu l-kontijiet tas-sena l-oħra. Sur President, ma xtaqtx li f'dan id-diskors tiegħi noqgħod biss nikkritika imma xtaqt nagħmel ukoll suġġeriment u nispera li jkolli xi forma ta' tweġiba dwaru.
Naħseb li jkun tajjeb li jiġi kkummissjonat sondaġġ fost is-setturi tas-self-employed u l-industrija ż-żgħira biex fil-prattika naraw x'inhuma l-piżijiet li qegħdin jerfgħu, x'inhuma r-realtajiet li qed iħabbtu wiċċhom magħhom f'dan is-settur u x'suġġerimenti għandhom huma stess fix-xogħol partikolari tagħhom biex jitjiebu l-kondizzjonijiet li jaħdmu fihom huma u biex jagħtu kontribut akbar lill-ekonomija. Jien naħseb li l-inqas li jista' jagħmel il-gvern fiċ-ċirkostanzi li ninsabu fihom illum huwa dan l-eżerċizzju. Is-self-employed mhux li tiltaqa' magħhom iridu biex toqgħod tgħidilhom kemm għandhom raġun u wara ma jsir xejn, imma jridu li jkun hemm il-follow-up neċessarju biex dawn il-laqgħat jagħtu l-frott mixtieq minn kulħadd.
Sur President, tajjeb li nsemmi wegħda oħra li kien għamel dan il-gvern fl-aħħar manifest elettorali tiegħu fejn kien wiegħed lis-self-employed li "meta tidħol l-MOT jgħin lis-self-employed żgħar ..... biex jibdlu l-vettura tagħhom billi tinħafrilhom ir-registration tax". Jien kont nistenna li fil-budget ta' din is-sena tidħol xi miżura f'dan is-sens iżda bqajna b'xiber imnieħer. Tgħid forsi ħarbitlu din mill-memorja l-gvern!? Jien nistieden lill-Ministru jgħidli x'għamel il-ministeru tiegħu f'dan is-sens, imqarr jekk ħax l-interess li jara kemm kienu l-vetturi tas-self-employed u n-negozji ż-żgħar li weħlu minn dan it-test s'issa u jgħidilna wkoll kemm se tinħafrilhom registration tax lis-self-employed matul din is-sena li ġejja.
Sur President, dwar l-IPSE diġa` tkellem il-kollega tiegħi pero` tajjeb li wieħed jgħid li dwar dan l-istitut intqal ħafna fil-manifest elettorali. Dawn kienu qalulna li se naraw kambjamenti kbar f'din l-istruttura u qalu li se jġibuha lura għall-iskop oriġinali tagħna kif kien imfassal minnhom mingħajr ovvjament ma jgħidu x'inhu! Imma fil-fatt x'inhi r-realta`? Ir-realta` hi li amministrazzjoni Laburista preċedenti għamlet sforz qawwi biex l-industrija ż-żgħira li taħdem għas-suq domestiku tibda tieħu r-ruħ. Jien m'iniex se nsemmi kif tqassmu l-plots b'ċens f'zoni maħsuba għal dan il-għan għaliex kien hemm anke min ikkritikana ta' dan, imma se nillimita ruħi għall-IPSE u kif din kellha tkun responsabbli mir-ristrutturar li għandna nimmiraw għaliha, mhux għaliex irridu nsiru membri sħaħ ta' l-Unjoni Ewropea bħalma jrid akkost ta' kollox dan il-gvern, anke ngħid jien akkost li jfarrak dan is-settur ta' l-industrija, imma għaliex jiswa lilna li nadottaw metodi u teknoloġija aktar moderna, li jkollna ħaddiema mħarrġin aħjar u li ngħinu lil min verament għandu bżonn biex ilaħħaq ma' ħaddieħor.
Wara livelli ta' konsultazzjoni u koperazzjoni għoljin mas-settur privat u rappreżentanti tagħhom, il-gvern Laburista kien waqqaf l-IPSE pero` ma waqafx hemm imma fassal strateġija ċara ta' kif din tista' tiġi sostnuta anke mill-fondi. Aħna ma qgħadniex nittamaw bħal dan il-gvern li se jiġi ħaddieħor minn barra jaħslilna wiċċna biex inkunu aħjar minnu imma fassalna strateġija li mill-ewwel tagħti riżultati tagħha. Permezz tal-privatizzazzjoni għaqlija li konna bdejna nwettqu fassalna pjan fejn 20% ta' l-introjtu mill-privatizzazzjoni imur għall-IPSE biex issir ir-ristrutturazzjoni neċessarja. Fil-fatt mill-bejgħ ta' l-ishma tal-Maltacom il-gvern Laburista rnexxielu jwarrab madwar Lm7 miljun għal dan il-għan, dak li l-Ministru Dalli fid-diskors tiegħu qal li għabbejnilu fil-budget tiegħu għall-1999. Fil-fatt aħna l-elezzjoni aħna ħsibna li l-gvern il-ġdid se jkompli f'din id-direzzjoni pożittiva u stennejna li se jiġu mfassla xi programmi bl-għajnuna ta' l-IPSE li se jgħinu fl-istess direzzjoni u anke jissaħħew l-iskemi eżistenti. Pero` wara dan iż-żmien kollu nistennew bil-fondi f'idejhom, minflok kif wegħdu ħarġu bi tliet programmi, tnejn minnhom intiżi għall-export u ieħor għas-suq lokali, bl-ewwel tnejn marbutin ma' l-esportazzjoni għal dawk li għandhom inqas minn 50% tal-prodotti tagħhom li jiġu esportati u dawk li għandhom aktar minn 50% tal-prodotti tagħhom li jiġu esportati iżda l-biċċa l-kbira tal-profitti tagħhom jiġu mis-suq lokali, li għalija iktar iva milli le, inqisha bħala kontradizzjoni. L-aħħar programm immirat għas-suq lokali - forsi hawn wieħed kien jistenna l-iktar - huwa għal dawk li jħaddmu inqas minn sitt impjegati iżda li bl-iskema li qed joffru jridu jintrabtu li jkabbru sa 15-il impjegat fi żmien tliet snin. Mr Chairman, donnu li dawn qed jgħixu f'dinja għalihom.
Jien ngħid li qabel xejn l-enfasi jmissha kienet biex ngħinu lis-settur tal-manifattura lokali fejn tinsab il-ferita vera bħalissa bil-mod li qed jamministra dan il-gvern. Fuq kollox l-għajnuna lill-intrapriża f'dan il-każ hija biss f'konsulenza għall-business plans li trid titħallas nofs bin-nofs mill-imprenditur ikkonċernat. Dawn sabu madwar 82 minn dawk li nsejħulhom service partners. U ta' min jistaqsi xi strateġija qed tiġi adottata għax wara li ħlew madwar sena, tant li anke kien hemm id-dubju jekk l-IPSE hix se tibqa' teżisti, issa donnhom reġgħu biddlu r-rotta u se jżommuha. Però qed naraw li l-capital subvention minn Lm6.9 miljun għall-1998 niżlet għal Lm150,000 fl-1999 u għas-sena 2000 qegħdin inbassru ċifra simili. Imma r-realtà immedjata li qed jiffaċċjaw dawn in-nies m'hijiex l-espansjoni iżda kif se jkunu kapaċi li mqarr isostnu dak li għandhom. Hawnhekk jidher li l-gvern qed iħawwad il-prijoritajiet li għandha bżonn l-industrija ż-żgħira f'pajjiżna. L-esperjenza wrietna li rridu mmoru 'l hinn mill-istituzzjoni ta' l-IPSE biex intejbu l-qagħda tal-kummerċ għax l-IPSE se tkun impenjata iktar fuq ir-ristrutturazzjoni fil-qasam industrijali, iżda r-ristrutturazzjoni trid tkun imferrxa iktar. Fil-fatt Gvern Laburista kien impenjat li jwaqqaf struttura awtonoma oħra li tieħu ħsieb l-interessi tas-self-employed u n-negozji ż-żgħar, imma din id-darba mhux ta' natura industrijali. Iżda jidher li dan il-gvern qed isibha faċli - almenu din hi l-impressjoni li dejjem ingħatajna - li jfarfar ir-responsabbiltajiet tiegħu għal dak li qed jiġri jew ma jiġrix fuq l-IPSE bl-iskuża li din hija mmexxija mill-intrapriża privata, mingħajr ma jikkrea l-atmosfera neċessarja min-naħa tiegħu bħala gvern biex in-negozju jiffjorixxi, kif fuq kollox huwa d-dmir tiegħu. Almenu jien niftakar li fl-għeluq tad-diskussjoni tal-budget is-sena l-oħra l-ministru għas-servizzi ekonomiċi kien qal hekk: "Din l-IPSE mhux aħna, l-IPSE huma." Kulħadd jaf ifarfar taħt it-tapit hekk, imma żgur li l-gvern għandu dmir li jikkrea l-atmosfera neċessarja fil-pajjiż biex dawn is-sitwazzjonijiet jinbidlu.
Jidher ukoll li abbanduna għal kollox l-istrateġija ta' l-iffinanzjar neċessarju għal dawn il-kambjamenti meħtieġa għar-ristrutturazzjoni u, fejn qabel kien marbut mal-privatizzazzjoni, f'daqqa waħda ma nafu xejn ma' xiex huwa marbut. Ħadd ma jaf fejn sejjer u kif se jispiċċa, fejn ħabat ħabat u fejn laqat laqat. Mhux ta' b'xejn li l-Unjoni Ewropea fl-aħħar żewġ aġġornamenti ta' l-avis tagħha fuq Malta qalet li l-Gvern Malti m'għandu l-ebda policy industrijali. Il-Ministru Bonnici kien ġie kkwotat li qal li din il-policy kellha tkun lesta sa Settembru li għadda. Forsi llum hija okkażjoni tajba għall-ministru biex jgħid x'sar minnu u fejn setgħet weħlet din l-industrial policy.
Mr Chairman, biex inkun ġust mal-gvern ma rridx ninsa wegħda oħra tagħhom - għax jekk se nsemmu l-wegħdi tajjeb li nsemmuhom kollha - dik fejn qal, u nikkwota:
"Li niksbu l-għajnuna li tagħti l-Unjoni Ewropea biex in-negozji ż-żgħar isibu saqajhom fil-bidu, jiksbu investimenti ġodda, jipproduċu għad-domanda fis-swieq Ewropej, isibu sħab Ewropej għall-esportazzjoni u jirċievu taħriġ u fin-negozjati ma' l-Ewropa r-rappreżentanti tan-negozji ż-żgħar ikunu dejjem imdaħħlin."
Hawnhekk tinsab fl-opinjoni tiegħu u ta' ħafna oħrajn il-pern tal-falliment tal-politika tal-gvern Nazzjonalista fil-konfront tan-negozji ż-żgħar. Mhux biżżejjed li għamlu disa' snin jgħadduhom biż-żmien, mingħalihom li se jsibu xi ħbieb li se jferrxuhomlhom il-flus taħt saqajhom! Qalulna li ma ġewx il-fondi mill-Unjoni Ewropea għaliex gvern Laburista kien iffriża l-applikazzjoni. Kienu qalu li bħala għajnuna finanzjarja qabel ma nissieħbu se ningħataw mal-Lm100 miljun mill-Unjoni u saħansitra rajna lill-Prim Ministru Fenech Adami fl-għeluq tad-diskors tal-budget jikkwota minn ktieb biex jgħid kif wasal għal dan il-kalkolu. Veru każ li ma jafux x'jaqbdu jagħmlu! Qed jgħixu bit-tama u, kif jgħid il-qawl Malti, min jgħix bit-tama jmut bil-piena! Din daħka kbira bil-poplu u nispera li ma jipprovawx jagħmlu reversal u jgħidu: Veru għednieh dak imma ħadna żball! Safejn naf jien anke tapes ġew imqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra fejn jinstema' l-leħen tal-ministru jikkwota eżatt dawn iċ-ċifri. Mhux talli dawn il-flus ma mmaterjalizzawx talli saħansitra dak li kien irnexxielu jakkwista il-gvern Laburista għar-ristrutturazzjoni ta' l-industrija tilfuh ukoll, basta jwaħħlu fina!
Nixtieq hawnhekk nieqaf ftit fuq id-diskussjonijiet li qed isiru fil-fażi ta' l-iscreening. Fejn qed idaħħluhom ir-rappreżentanti tan-negozji ż-żgħar? Skond ir-rapporti li għandna veru jkunu fl-istess kamra waqt li jkun qed isir id-diskors u l-analisi, imma dawn fil-prattika qed jiġu mwarrbin min-naħa uffiċjali tal-gvern. Dawn ikunu fil-kamra mal-ġenb u malli jindikawlhom il-problema jweġbuhom li m'hi problema xejn u jibqgħu għaddejjin. Barra minn hekk dawn jiġu ppreparati b'xi dokument u jagħtuh lir-rappreżentanti xi 24 siegħa qabel. Dik hi l-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni li nixtiequ naraw minn dawn ir-rappreżentanti? Ara x'inhu ġej fil-fażi tan-negozjati! Jien m'iniex se niskanta b'dawn l-affarijiet għaliex ġimgħa qabel il-budget għamlu laqgħa u ppretendew li fiha jsiru l-konsultazzjonijiet kollha mar-rappreżentanti privati u mal-korpi kostitwiti. Din hi t-tip ta' konsultazzjoni li mexjin lejha? Ta' min igħid li qabel konna nagħtu ċans lil dawk kollha biex b'mod xieraq jispjegaw il-pożizzjoni tagħhom individwalment u jingħataw żmien biżżejjed qabel il-budget biex ikun jistgħu jagħtu l-proposti tagħhom u mhux ikun hemm linji ffissati diġà.
Sur President, jien wieħed minn dawk li nemmen li biex insolvu ħafna mill-problemi li għandna rridu nżidu l-esportazzjoni. Iżda ma tistax tippretendi li min bilkemm jista' jikkompeti fis-suq lokali titfgħu qalb l-iljuni biex jikkompeti saħansitra għall-esportazzjoni mingħajr ma toffrilu inċentivi u opportunitajiet konkreti. Hawnhekk jiddispjaċini ninnota li filwaqt li jingħataw l-inċentivi mill-MDC biex barranin jinvestu flushom f'Malta - għalkemm din m'hijiex xi ħaġa ħażina - n-negozjanti lokali ma noffrulhom xejn biex iżidu l-esportazzjoni. Meta tiġi biex tikkompeti għall-esportazzjoni trid tkun mgħammar u mħarreġ sewwa u jrid ikollok il-kuntatti stabbiliti u marketing effettiv li jiggarantilek l-ordnijiet. Ħafna drabi xi kelliema min-naħa tal-gvern jiftaħru u l-importazzjoni u l-konsum qed jiżdiedu iżda jekk ma noqogħdux attenti dan jista' jfisser li t-trade gap bejn dak li nimportaw u dak li nesportaw ikun qiegħed jikber ukoll u mhux jonqos u dan żgur ma jsaħħaħx l-ekonomija tagħna. Sur President, fil-ħin li kelli għad-dispożizzjoni tiegħi pprovajt inkun fattwali u wrejt id-differenza kbira bejn dak li wiegħdu fil-programm elettorali u dak li fil-fatt qed iseħħ illum. Ma jistax ikun li nippretendu li nespandu l-ekonomija mingħand is-self-employed u n-negozji ż-żgħar u fl-istess ħin inċekknuhom u ngħabbuhom b'iktar piżijiet u b'burokrazija żejda.
Sur President, l-Onor. Edwin Vassallo kull ġimgħa fil-ġurnal "il-mument" jikteb artiklu - li jien nieħu pjaċir naqra għax nemmen li s-segretarju parlamentari verament jipprova jagħmel l-almu tiegħu - u fil-fatt nhar il-Ħadd li għadda qalilna hekk: "L-industrija lokali qed tħossha mwarrba". X'ma tħosshiex imwarrba l-industrija lokali! Anke l-istess segretarju parlamentari qed jammettiha din u tkun ħaġa tajba li nammettu ċerti realtajiet. Ħalli nikkwota parti minn dan l-artiklu:
"Żgur li, per eżempju, l-IPSE hi l-iżjed organizzazzjoni li b'mod ħaj żviluppat relazzjoni mas-settur tan-negozju. F'din l-esperjenza ta' l-IPSE hemm ħafna tajjeb fuq xiex inkomplu nibnu. Naħseb li l-agħar esperjenza nqalgħet meta l-IPSE ngħatat l-inkarigu li tieħu l-applikazzjonijiet għall-art f'żoni industrijali. F'dan il-qasam ikolli ngħid li b'dak li ġara fi żmien il-Labour u dak li qed jiġri fi żmienna bħala pajjiż fallejna. L-industrijalist lokali qed ninsewh warajna.".
Sur President, jien hawnhekk nappoġġja lis-segretarju parlamentari - f'dan il-qasam ma tidħolx il-kwestjoni ta' aħna jew intom - u ngħid li aħna qed nistennew direzzjoni ċara kif ġie mwiegħed lill-poplu Malti. Grazzi.
THE CHAIRMAN: Grazzi. Skada l-ħin disponibbli għan-naħa ta' l-oppożizzjoni u llejla jkun imiss lill-kelliema tal-gvern li jesponu l-argumenti tagħhom.
Fin-12.30 p.m. il-Kamra rriżumiet u l-President tal-Kumitati rrapporta progress.
Dostları ilə paylaş: |