L-ordni għall-Kumitat ġie moqri. FIL-KUMITAT L-Onor. Michael Bonnici, President tal-Kumitat, jippresjedi. THE CHAIRMAN: Nixtieq ninforma lill-kumitat li skond il-Mozzjoni Nru. 111 tas-17 ta' Novembru 1999, il-ħin tad-diskussjoni maqsum fuq żewġ seduti għandu jinqasam indaqs bejn kelliema tal-gvern u kelliema ta' l-oppożizzjoni, bl-aħħar nofs għall-gvern. Għadaqstant il-ħin tad-diskussjoni tas-seduta ta' dalgħodu huwa kollu għad-dispożizzjoni tal-kelliema min-naħa ta' l-oppożizzjoni.
Il-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi, jekk jogħġbu, iressaq ir-riżoluzzjonijiet tiegħu.
ONOR. JOSEF BONNICI (Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi): Sur President, nipproponi:
VOT 37 - MINISTERU GĦAS-SERVIZZI EKONOMIĊI Illi s-somma ta' mhux iżjed minn Lm 1,333,000 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot 37 - Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi, kif dettaljata fl-Abbozz ta' l-Estimi Ġenerali ta' Nefqa għas-sena 2000.
VOT 38 - KUMMERĊ Illi s-somma ta' mhux iżjed minn Lm 666,000 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot 38 - Kummerċ, kif dettaljata fl-Abbozz ta' l-Estimi Ġenerali ta' Nefqa għas-sena 2000.
VOT 39 - INDUSTRIJA Illi s-somma ta' mhux iżjed minn Lm 480,000 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot 39 - Industrija, kif dettaljata fl-Abbozz ta' l-Estimi Ġenerali ta' Nefqa għas-sena 2000.
VOT 40 - STATISTIKA Illi s-somma ta' mhux iżjed minn Lm 884,000 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot 40 - Statistika, kif dettaljata fl-Abbozz ta' l-Estimi Ġenerali ta' Nefqa għas-sena 2000.
VOT 41 - ILMA Illi s-somma ta' mhux iżjed minn Lm 9,883,000 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot 41 - Ilma, kif dettaljata fl-Abbozz ta' l-Estimi Ġenerali ta' Nefqa għas-sena 2000.
VOT VIII - MINISTERU GĦAS-SERVIZZI EKONOMIĊI Illi s-somma ta' mhux iżjed minn Lm 30,359,000 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot VIII - Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi, kif dettaljata fl-Abbozz ta' l-Estimi Ġenerali ta' Nefqa għas-sena 2000.
THE CHAIRMAN: Grazzi. Rimarki? L-Onor. John Attard Montalto.
ONOR. JOHN ATTARD MONTALTO: Sur President, nipproponi:
VOT 37 - MINISTERU GĦAS-SERVIZZI EKONOMIĊI Personal Emoluments
Item 11 - Holders of Political Office Ħassar iċ-ċifra "Lm 30,697" u ssostitwixxi minflok iċ-ċifra "Lm 30,696”.
Delete the figure "Lm 30,697” and substitute therefor the figure "Lm 30,696”. Sur President, dan huwa jum li fih se niddiskutu l-oqsma li jaqgħu taħt il-ministru għas-servizzi ekonomiċi. Il-qasam li jiena ngħatajt ir-resposanbbilta` li nitkellem dwaru jikkomprendi l-industrija, il-qasam tal-freeport, l-investimenti li l-gvern għandu fis-settur ekonomiku, id-dipartiment ta' l-industrija u l-istandards authority. Imma qabel ma nidħol fid-dettall tajjeb li ngħid żewġ kelmiet fuq il-budget għax dan huwa budget li lili jħallini b'ċerti mixed feelings u nispjega ruħi aħjar.
Jien naħseb li kien essenzjali li l-gvern jirrealizza li kellu jagħmel budget li jkattar il-ġid u l-prosperita`. Naħseb li jekk wieħed jara dan il-budget isib affarijiet fih li ma jistax jgħidilhom bojod jew suwed imma żgur li ma jsibx dik il-fiduċja li l-pajjiż għandu bżonn f'dan il-mument biex ikattar l-investiment, u l-kelma "investiment" hija l-aktar kelma essenzjali fix-xenarju ekonomiku tal-pajjiż. Issa jien qed ngħid hekk għaliex aħna nafu li l-pajjiż se jgħaddi minn trawma li m'hijiex faċli, speċjalment meta tkun qed tamministra l-pajjiż. Dan huwa effett ta' affarijiet li jġibhom il-gvern minħabba l-politika tiegħu u huma affarijiet li jridu jsiru minkejja l-politika tal-gvern, imma żgur li r-ristrutturazzjoni, li hija neċessarja kemm fil-qasam pubbliku kif ukoll fil-qasam privat, se ġġib magħha effetti li l-pajjiż irid ikollu l-investiment neċessarju biex jilħaq għalihom. U kieku jien kont il-ministru tal-finanzi kont nara li dan il-budget ikun wieħed li jispira investiment li jkattar il-ġid u jkattar il-prosperita`. Qed ngħid hekk għaliex jiena nemmen li l-problema prinċipali li għandu l-pajjiż huwa d-deficit. Sur President, din hija problema li għandu dan il-gvern; din hija problema li kellu l-gvern preċedenti, li jiena kelli l-unur li nkun ministru tiegħu; u din kienet problema wkoll għall-gvern preċedenti Nazzjonalista. Issa kull budget li jsir huwa indirizzat sabiex inaqqas dan id-deficit, għaliex dan huwa deficit li m'huwiex sostenibbli. Fost il-membri kollha ta' dan il-parlament, kemm tal-gvern kif ukoll ta' l-oppożizzjoni, hawn qbil unanimu li dan id-deficit irid jinżel u għalhekk ta' xejn il-gvern preżenti jgħajjar lill-Partit Laburista li l-budgets tiegħu ma kenux indirizzati biex inaqqsu d-deficit għaliex dawn kienu indirizzati proprju għalhekk. Naħseb ukoll li l-underlying theme ta' dan il-budget huwa proprju l-attakk fuq deficit insostenibbli.
Sur President, niftakar li meta tlajt l-Amerika biex nagħmel ir-road show għall-freeport, immur fejn immur biex nipperswadihom jinvestu miljuni kbar f'pajjiżna - għaliex aħna ridna $US250 miljun - it-tema li dejjem kont niffaċċja u nipprova negħleb kienet dejjem fuq id-deficit strutturali li jeżisti f'pajjiżna, deficit li huwa għoli wisq u li m'huwiex sostenibbli. U l-mod kif qed jiġi attakkat id-deficit illum m'huwiex il-mod ideali. Id-deficit qed jiġi attakkat billi jitnaqqas l-infiq - u wieħed japprezza li kull gvern, anke aħna, jagħmel efforts kbar biex irażżan l-infiq u fl-istess ħin jgħolli d-dħul - u jiżdied id-dħul b'taxxi diretti u indiretti. Jiena naħseb pero' li d-deficit għandu jiġi attakkat bl-aktar mod aħrax billi nipprovaw inkabbru l-ġid li qed jipproduċi l-pajjiż. Ċertament li d-deficit huwa kbir ħdejn dak li jipproduċi l-pajjiż, jiġifieri l-GDP. Imma jekk jogħla l-GDP jonqos id-deficit u l-budget wieħed jista' jikkritikah l-aktar mhux fuq dak li fih imma fuq dak li għandu nieqes biex ikattar u jispira l-ġid, il-prosperita` u l-investiment. Fl-opinjoni tiegħi, id-deficit hekk għandu jiġi attakkat, jiġifieri billi nkabbru l-ġid tal-pajjiż, barra miżuri importanti wkoll biex inżidu l-effiċjenza u nneħħu l-ħela. Dawn huma affarijiet tajbin u naħseb li kulħadd hawn ġew għandu l-għan li nwasslu għal deficit li ma jibqax strutturalment daqstant kbir, imma huwa fil-mod kif wieħed jasal għal dak il-għan li ż-żewġ naħat tal-Kamra għandhom diverġenza.
Sur President, qed ngħid dan għaliex wieħed mill-oqsma li l-aktar jiġġenera ġid fil-pajjiż huwa proprju l-qasam industrijali, il-qasam tal-manifattura. Pajjiżna m'huwiex magħruf bħala pajjiż industrijali u ftit huma dawk l-oqsma li jaraw lil Malta bħala żona ta' manifattura. Malta hija iżjed magħrufa internazzjonalment għal affarijiet oħra, bħalma huma t-turiżmu u l-kultura. Imma meta tkun qed tiddjaloga, speċjalment ma' nies fil-qasam ta' l-investiment, u tispjegalhom li l-akbar qasam tal-GDP tal-pajjiż ma jiġix mit-turiżmu imma mill-manifattura jibqgħu skantati. Hemmhekk wieħed jibda japprezza kemm huwa essenzjali dan il-qasam. Issa l-gvern Nazzjonalista għandu handicap fl-industrija u fil-manifattura għax il-perception ġenerali hija li gvern Nazzjonalista aktar jagħti importanza lill-qasam tas-servizzi milli lill-qasam tal-manifattura. Fil-fatt anke jekk wieħed jara t-trend tad-diskussjonijiet sal-lum dwar il-budget isib li saret ħafna enfasi fuq il-qasam tas-servizzi.
Dan huwa qasam importanti u huwa essenzjali daqskemm huwa essenzjali l-qasam tal-manifattura, għaliex f'dawn l-aħħar żmenijiet kulħadd kellu politika li jqassam il-bejgħa billi jara li l-ekonomija tkun bilanċjata bejn il-manifattura, is-servizzi u s-servizzi finanzjarji. Iżda l-enfasi ma tistax tingħata lill-qasam wieħed u mhux lill-ieħor u jeħtieġ li dawn jibbilanċjaw lil xulxin. Anzi f'oqsma bħall-qasam tal-finanzi - u baqagħlu ħafna fejn wieħed ikabbar - għandha ssir enfasi akbar, imma l-qasam tal-manifattura, speċjalment f'dan iż-żmien kritiku fl-iżvilupp tal-pajjiż, ma tistax ma tagħtihx l-akbar importanza li jixraqlu u jistħoqqlu. Jien ngħid li l-perceptiion li għandu l-poplu - u aktar u aktar l-industrijalist - tal-gvern preżenti m'hijiex waħda li għandek tarmiha, għaliex il-gvern Nazzjonalista - nitkellem b'dan il-mod għaliex dan tant huwa suġġett importanti għall-pajjiż, li qatt ma nitkellem b'mod partiġġjan f'dak li huwa fl-interess tal-pajjiż, għaliex inkun qed nagħmel ħsara lili nnifsi, apparti lill-pajjiż stess - irid jerġa' jiġbor ġieħu ma' dawk li huma l-akbar sostenituri tiegħu. Nafu li l-biċċa l-kbira ta' l-industrijalisti m'għandhomx simpatija politika bħala twemmin mal-Partit Laburista, imma lill-ministru nista' ngħidlu li kienu jħossuhom ħafna iktar komdi miegħi milli miegħu. U r-raġuni, fl-opinjoni tiegħi, hija li dawn ħassew li mal-gvern Laburista kellhom partner, fis-sens li l-gvern kien qed jibni tip ta' politika fil-qasam industrijali li kienet waħda ta' qsim ta' responsabbilta`.
Nista' ngħid ukoll li daqskemm involvejnihom aħna lill-korpi kostitwiti - kemm lill-FOI kif ukoll liċ-chamber of commerce u anke lill-GRTU - mhux f'affarijiet ta' konsultazzjoni imma anke fil-qasam eżekuttiv u f'decision-making, s'issa l-ebda gvern ma nvolvihom. L-ewwel ħaġa li għamilna meta għamilna l-bord ta' l-MDC kienet li nvolvejna b'mod dirett lill-korpi kostitwiti u ma poġġejniex membri ex-officio u lanqas għażilna nies skond it-twemmin politiku tagħhom. Anzi jiena ngħid b'wiċċi minn quddiem li l-bord ta' l-MDC li waqqaft jien kien fih iżjed Nazzjonalisti milli Laburisti, biċ-chairman b'kollox. U għaliex għamilt hekk? Għamilt hekk għaliex ridt nispira fiduċja fis-soċjeta` industrijali u nista' ngħid li rnexxieli. B'din il-politika rnexxieli nara lill-individwu bħala persuna li kapaċi jinsa t-twemmin u l-partiġġjaniżmu u kapaċi jagħti għall-pajjiż, u jekk kien hemm qasam li mexa 'l quddiem dan kien proprju l-ministeru ta' l-industrija u s-servizzi ekonomiċi.
Sur President, jiena f'kull qasam li kont responsabbli għalih qatt ma rajt il-lewnpolitiku u ma jiddispjaċinix għaliex ir-riżultati fl-aħħar mill-aħħar ridt niffaċċjahom jien u r-riżultati fit-tliet oqsma li kelli taħti kienu pożittivi. Fit-tliet oqsma kelli nies ta' lewn politiku differenti, anzi naħseb li fil-qasam eżekuttiv ta' l-MDC aktar kien hemm nies li kienu ta' lewn politiku differenti minn tiegħi. B'dan it-tip ta' politika li ma temarġinax lill-bniedem għaliex għandu ċertu twemmin imma tinvolvih u turih li għandek fiduċja fih li bnejna politika ta' kontinwita`. U din kienet essenzjali għaliex bejn l-1996 u l-1997, wara l-bidla fil-gvern, jekk kien hemm qasam li bħala gvern Laburista ma konniex konvinti mid-direzzjoni li ridna nagħtuh, dan kien proprju l-qasam tal-manifattura, il-qasam industrijali. Għalija pero' huwa kumpliment meta l-industrijalist jgħidli li kienu sorpriżi li miegħi bħala rappreżentant ta' gvern Laburista mhux talli ma kellhomx problemi - m'iniex qed ngħid li mal-ministru preżenti għandhom xi problemi! - talli kienu jħossuhom komdi ħafna. Għalhekk nappella lill-ministru ħalli l-korpi kostitwiti jġibhom miegħu.
Jien jiddispjaċini meta nara liċ-chairman jew il-president ta' l-FOI b'mod pubbliku jesprimu d-dwejjaq tagħhom. U ma neħux pjaċir għaliex jekk il-gvern f'dan iż-żmien verament kritiku m'huwiex kapaċi jimmobilizza l-oqsma soċjali u politiċi tal-pajjiż, allura m'huwiex se jirnexxielu jegħleb l-isfidi li għandu. U dawn l-isfidi m'humiex tiegħu imma huma tal-pajjiż, u jien għalhekk qed nitkellem b'dan il-mod. Ħalli nsemmi xi ċifri. X'kienu r-riżultati meta konna aħna fil-gvern bejn l-aħħar ta' l-1996 u l-1998? Għaliex billi tħossok komdu u jkollok riżultati ħżiena ma jfisser xejn. Jekk nieħdu s-sena 1997/98, wieħed għandu japprezza li fl-MDC, fil-bidu tagħha - għax l-ewwel li kellna nagħmlu kien li nirriorganizzawha - ġew approvati aktar minn 50 proġett barrani. U hawn m'iniex qed nitkellem fuq espansjonijiet jew proġetti ġenerati lokalment imma qed nitkellem dwar investituri barranin li raw lil Malta bħala lok ta' investiment. Dawn nofshom bdew jaħdmu u l-biċċa l-kbira nfetħu riċentement. Jiena għandi pjaċir li dan sar għaliex dawn ħolqu kważi 700 impjieg ġdid u nafu illi fil-qasam tal-manifattura huwa ħafna aktar diffiċli biex tikkrea mpjiegi ġodda milli fil-qasam tas-servizzi għal ħafna raġunijiet għax hemm qiegħda l-għadma.
Sur President, nafu wkoll illi f'dan iż-żmien l-impjiegi fil-manifattura żdiedu b'500 imma ma jistax ikun li ma jkollokx ażjendi industrijali li jagħlqu u għalhekk trid tgħodd dak li kapaċi tiġġenera kif ukoll dak li tlift. Għalhekk jiena ma nikkritikax lill-gvern li ntilfet ċerta industrija li ġibt jien. Kien hemm kumpannija tajba ta' l-electronics u hija sfortuna li telqet minn Malta għax kienet inxtrat minn kumpannija globali kbira ħafna u mhux biss kienet interessata tiftaħ din il-fabbrika imma kellha intenzjonijiet illi din tkun waħda mill-akbar fabbriki li kien se jkollna f'pajjiżna. Jiena ma neħux pjaċir li din telqet u m'iniex se nogħod nistaqsi domandi parlamentari lill-ministru u nimbarazzah imma, tajjeb jew ħażin, fil-budget speech trid tgħid li jkollok industriji li jirrilokawlek. Jiena nħossni kburi li qiegħed f'dan il-qasam, u għalhekk naħseb li huwa importanti li naraw għaliex telqu u x'kienet ir-raġuni ħalli forsi nsibu s-soluzzjonijiet.
Sur President, kien hemm fabbriki oħrajn illi meta kont ministru naf li kellhom intenzjonijiet ta' espansjoni. Mela x'ġara? Għaliex ma baqgħux jikkontemplaw din l-espansjoni? Nieħdu d-Dowty Forsheda "O" Rings International, li kulħadd jaf biha. Nafu li din kienet se tirrialloka l-mega factory, forsi l-ikbar waħda li teżisti f'Malta, li hija l-Malta Win Containers Ltd. Jekk jien informat tajjeb pero' l-fabbrika tal-Malta Win se tingħata lil kumpannija Amerikana li ngħatat biċċa minnha għalkemm jidher li se tuża biċċa akbar milli ngħatat. Jidher li din il-kumpannija s'issa m'għandhiex swieq u se tagħmel tip ta' oġġett li huwa prototype li għandu x'jaqsam ma' solar pumps. Jiena nawgura li din il-kumpannija Amerikana jkollha suċċess imma kont nippreferi li tkun il-kumpannija li timpjega 1,000 ruħ u li hija parti mill-istorja industrijali ta' pajjiżna li tagħmel investiment ġdid fil-Malta Win Containers Ltd. għaliex din żgur qiegħda hawn, tafna u tat lil pajjiżna u pajjiżna ta lilha. Din kienet se tagħmel investiment kbir f'din il-fabbrika imma biddlet il-ħsieb pero' importanti li naraw x'ġara. Ħalli niġi issa għall-proġetti speċjali li kienet ħolqot l-MDC meta jiena kont ministru.
Ejja nieħdu l-proġetti li kellhom x'jaqsmu mas-servicing u r-repair ta' l-ajruplani f'Ħal Safi. Aħna kellna l-idea illi f'Malta, minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħna, niżviluppaw l-industrija tat-tiswija u servicing ta' l-ajruplani. Diġa' għandna żewġ fabbriki li jagħmlu dan ix-xogħol u għamlu suċċess. Fil-fatt kemm ir-Russi kif ukoll l-Amerikani kienu interessati li jużaw lil Malta bħala bażi fejn isewwu l-ajruplani tagħhom, speċjalment dawk li għandhom fl-Afrika, biex ma jeħduhomx f'pajjiżi oħrajn aktar 'il bogħod. Din kont qiegħed naħdem ħafna fuqha u nsistejt anke personalment ma' l-AFM dwarha. Smajt li din issa ġiet sorvolata pero' nixtieq li l-ministru jagħtiha importanza għaliex dan huwa qasam industrijali ġdid li, nerġa' ngħid, minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħna, u bil-kapaċita` tal-Maltin, jista' jkollu potenzjal kbir.
Proġett speċjali ieħor kien jirrigwarda l-qasam tal-vapuri. Huwa veru li dan huwa qasam diffiċli ferm imma illi jkollok parti mix-shipbuilding allokat għall-industrija tal-yachts jew motor boats li għandhom x'jaqsmu mas-sorveljanza - dan kien hemm min kien interessat fihom - u li tagħmel industrial estate maġenb il-baħar huma l-aktar ħaġa ideali. Jiena naħseb illi dawn huma żewġ oqsma li wieħed għandu jkompli jesplorahom u jara kif jista' jsib aktar investiment biex jiġu attirati dawn it-tip ta' industriji. Xtaqt ngħid ukoll fejn jiena naħseb illi l-affarijiet fil-qasam ta' l-industrija jistgħu jmorru aħjar. Hemm żewġ elementi, li huma l-inċertezza u n-nuqqas ta' effort fil-qasam tal-marketing. Ejja nibdew b'dak li jiena qed insejjaħlu inċertezza.
Jidher illi teżisti inċertezza - din jgħiduhieli, speċjalment industrijalisti barranin - għal dawk li huma inċentivi li qed igawdu l-industrijalisti Maltin, speċjalment dawk illi nvestew f'makkinarju ġdid u qed igawdu minn żewġ elementi importanti li jagħmlu l-industrija tagħhom profitable. L-ewwel waħda hija l-kwestjoni tal-materja prima. Minħabba li l-gvern għandu direzzjoni ġdida lejn l-Ewropa u minħabba li l-ikbar inċentiv jew wieħed mill-akbar inċentivi li jgawdu l-industrijalisti li jesportaw minn pajjiżi fl-Ewropa huwa li l-materja prima tidħol u toħroġ mill-pajjiż tagħna mingħajr ma jitħallas dazju fuqha, dan ifisser li dawk l-industriji li jimportaw il-materja prima minn pajjiżi barra l-Ewropa - ma ngħidx l-industrijalisti kollha għaliex ma rridx nagħmilha tal-babaw, ħalli wieħed ikun jaf illi qed nipprova nkun bilanċjat f'dan id-dibattitu - se jkollhom jiffaċċjaw il-problema tal-ħlas tad-dazju. Dan ifisser ukoll li l-costs ma jibqgħux aktar kompetittivi u din hija xi ħaġa illli l-gvern irid jintefa' b'ruħu u b'ġismu biex isib soluzzjoni għaliha ħalli jserraħ moħħ l-industrijalist.
Biex inkun għedt kollox u biex inkun fair, mhux dak kollu li jiġi minn barra l-Unjoni Ewropea bħala materja prima se jiġi affetwat għaliex hemm oġġetti li jistgħu jidħlu fl-Unjoni minkejja li l-materja prima tiġi minn barra l-Unjoni, fosthom l-electronic components. U jiena naħseb illi huwa ta' sodisfazzjon anke għalija illi waħda mill-iġganti li għandna f'pajjiżna, li hija l-ST Microelectronics, dik li qabel konna ngħidulha l-SGS Thomson - u ġejt informat b'dan minn barra minn Malta, bil-kuntatti li żammejt ma' ċerti oqsma industrijali, kif inhu fid-dover tiegħi - se tkabbar l-impjant li għandha f'Malta. Irrid ngħid hawnhekk li jiena kont insistejt ħafna sabiex il-qasam tal-garaxx tal-gvern jitneħħa minn fejn qiegħed, ħalli jkun hemm il-possibbilta` ta' espansjoni għall-SGS, kif inhi popolarment magħrufa, u f'Ħal Kirkop ikollna industrial estate fejn ikun hemm industriji relatati ma' l-operazzjoni ta' din il-fabbrika. Mill-informazzjoni li għandi jidher li d-deċiżjoni ttieħdet, Malta se jinvestu fiha u se jkompli l-proċess li beda sentejn u nofs ilu. Nerġa' ngħid li jiena għandi pjaċir li dan isir u għalhekk qed ngħid li mhux kollox se jiġi affetwat għaliex dan huwa investiment li l-pajjiż għandu bżonnu u se jagħmel ħafna ġid lil Malta. U ma noqgħodx ngħid li bdejt naħdem fuqu jiena u se jinfetaħ taħt il-Ministru Bonnici. Jiena ngħid li bis-saħħa u l-kapaċita` ta' dak li noffru f'dan il-qasam, il-pajjiż irnexxielu jneħħi l-inċertezza. Għalhekk għedt li l-problema hija l-inċertezza u għedt fejn hi qiegħda. U kont ġenwin għaliex ma qagħadx nipprova nitfa' l-ħmieġ jew id-dubbju u għalhekk għamilt id-distinzjoni. Hemm imbagħad, Sur President, il-qasam ta' l-inċentivi fiskali.
L-ewwelnett irrid ngħid illi l-ikbar inkwiet li kellhom l-industrijalisti meta aħna tlajna fil-gvern kienet illi l-gvern Nazzjonalista kien għadu m'għaddiex il-liġi, minkejja l-wegħdiet li kienu għamlu lis-soċjeta` ta' l-industrijalisti kemm fuq bażi personali kif ukoll fuq bażi mhux personali li fuq din m'hemmx problema. Illum m'għadniex noffru tax exemption jew tax holiday imma dawk li qed igawdu minn dawn il-concessions, relatat ma' l-investiment u l-esportazzjoni li jagħmlu, il-benefiċċju ta' l-inċentiv fiskali - għaliex iż-żmien li kienu qed igawdu dawn il-kumpanniji kien se jagħlaq u ried jiġi estiż b'għaxar snin oħra .... Ħadd ma jagħmel deċiżjoni biex jinvesti mil-lum għal għada u fil-fatt kumpanniji ta' din l-entita` jkunu jridu jagħmlu l-investiment tagħhom bi programm ta' ħames snin minn qabel. Fil-fatt l-ewwel liġi li għamilt bħala ministru kienet proprju - u s-soċjeta` industrijali baqgħet skantata li kien proprju gvern Laburista li ħadem fuq din il-liġi - biex tiġi rolled over it-tax holiday. Imma li kieku ma saritx, kieku dawk il-kumpanniji kollha li kellhom l-intenzjoni li jespandu ma kenux jespandu.
Irrid ngħid ukoll, Sur President, li meta jiena ltqajt ma' xi industrijalisti f'Milan, sibt li kien hemm min minnhom kien informat li l-liġi tat-10 year tax holiday kienet saret, u għalhekk jiena għedtilhom li ma saritx. Għalhekk niskanta kif ir-rappreżentanti tagħhom f'Malta - mhux qed ngħid għall-gvern - ma żammewhomx informati li din kienet għadha ma saretx liġi. Huwa importanti illi l-gvern jipprova jserraħ moħħ l-industrijalist fejn jidħol dan il-qasam u jekk s'issa min-naħa ta' l-Ewropa l-gvern għad m'għandux il-green light - u din hija essenzjali - għandu jara kif isib soluzzjoni għaliha għaliex meta wieħed jikkonsidra għalfejn l-industrijalist jiġi f'Malta jsib li waħda mill-affarijiet illi jfittex - mhux f'Malta biss imma f'kull pajjiż fejn jinvesti flusu - hija x'se jkunu l-obbligazzjonijiet fiskali tiegħu. Biex nieħdu eżempju, jekk jien nista' mmur f'pajjiż fejn m'iniex se nħallas taxxa biex nesporta, x'se tkun il-pożizzjoni tiegħi f'Malta? Se ddaħluli l-corporate tax? Għalhekk huwa importanti illi l-gvern jgħid x'inhi l-pożizzjoni attwali biex iserraħ l-imħuħ ta' min investa u ta' min lest ikompli jinvesti.
Għedt ukoll illi hemm problema ikbar li naħseb illi wieħed irid jaffaċċjaha immedjatament, il-problema tal-marketing effort mill-MDC, li qed naraha li qed tisfaxxa. Jekk naraw in-numru ta' proġetti li ġew attirati din is-sena, nintebħu illi l-fatt illi Malta biddlet id-direzzjoni politika lejn l-Ewropa ma għenx biex ġew imħajra aktar industriji lejn pajjiżna u għaldaqstant il-marketing effort irid ikun akbar. Hawnhekk nistaqsi: Aħna kif organizzajniha l-MDC? Il-core ta' l-MDC kellu jkun l-investment promotion imma sfortunatament persentaġġ żgħir ta' nies qegħdin jaħdmu fuq l-investment promotion, waqt li persentaġġ akbar qed jaħdmu, per eżempju, fuq il-qasam ta' l-industrial estates li, fl-opinjoni tiegħi, m'għandux ikollu responsabbilta` għalih. Nerġa' ngħid, il-core ta' l-MDC għandha tkun l-investment promotion u l-qasam tal-Kalkara kien proprju għalhekk. L-idea kienet, Sur President, illi niddiċentralizzaw billi nagħmlu uffiċċji fl-industrial estates biex jieħdu ħsiebhom. Kienu kkritikawna, fost l-oħrajn, li l-industrial estates huma maħmuġin u hemm ħafna x'isir fihom, imma jekk kienu maħmuġin l-istess baqgħu. Jiena mmur indurhom u nista' ngħid li ma rajt l-ebda tibdil u allura forsi qalu hekk sforz l-entużjażmu li kellhom għaliex kienu telgħu fil-gvern, imma aħjar jaraw id-diffikultajiet li jeżistu għaliex dawn m'humiex faċli.
Jekk jiena nformat tajjeb, Sur President, naf li l-idea ta' Dr. Dourge li tant ħadem għal pajjiżna, investa f'pajjiżna, ġab ħafna fabbriki f'pajjiżna u kien anke offra s-servizzi ta' l-uffiċċju tiegħu fi Stuttgart, ma komplietx tiġi żviluppata. Issa Stuttgart huwa post importantissimu fil-Ġermanja biex tattira l-investiment. Informat ukoll li l-uffiċċju f'Londra qed jiffunzjona on a low key u li Ms Borg, waħda mill-aħjar li kellna, telqet minnn hemm. Anke Milan qed jinkwetaw. Biex inkunu ċari, l-ebda industrijalist ma jħobb imur f'ambaxxata u għalhekk infetħu dawn l-uffiċċji. Din kienet idea tal-gvern preċedenti, idea li jiena komplejtha u ridt niżviluppaha. Fi Vienna mbagħad għamilna dak il-famuż ftehim ma' bank Awstrijak imma dan il-ftehim ma nafx x'sar minnu.
Jekk niġu mbagħad għall-MDC f'Malta konna qed naħdmu biex issir deċentralizzazzjoni ta' l-impjegati tagħha ħalli dawk li m'għandhomx x'jaqsmu mal-qasam ta' investment promotion bħall-periti u s-surveyors jitpoġġew fl-industrial estates ħdejn il-klijent u b'hekk jagħtuh aktar servizz. Għaliex jiena qatt ma kont kuntent bis-servizz li l-MDC tagħti lill-industrijalisti u dejjem ridt li jkunu huma li jidentifikaw il-problemi mhux iħallu lin-nies jitkarrbu biex insewwu dawn il-problemi. Huwa veru li finanzi ma tantx kellna u għalhekk nieħu pjaċir meta naqra li qed isir investiment biex jinbnew aktar fabbriki għaliex minkejja li għandna daqstant industrial estates għanda wkoll problema ta' spazju. Ħalli nispjega ruħi aħjar.
Għanda problema ta' spazju minħabba l-egoiżmu ta' ċerti industrijalisti - jew psewdo-industrijalisti għax industrijalist veru ma jagħmilx hekk - li jieħdu fabbriki u jużawhom għal skopijiet oħra u mbagħad ikollok min irid jinvesti u ma jkollokx fabbrika x'tagħtih. Barra minn hekk pero' fl-MDC kien hemm ċerti dipartimenti li għal xi raġuni jew oħra sfaxxaw, per eżempju, id-dipartiment tal-policy review and research, dipartiment li huwa importanti ħafna. Dan barra li ċerti key people fl-MDC - m'iniex qed ngħid għaċ-chief executive Mario Vella għax il-kwestjoni tiegħu forsi hija waħda partikolari u jiena naf kemm ħadem dan ir-raġel - qed iħossuhom demotivati u ma nafx għaliex.
Sur President, jiena naf li ma tistax tgħid li l-ministru u l-parliamentary secretaries ma jridux u ma jipprovawx. Naf ukoll li ċ-chairman ta' l-MDC m'għandux track record fl-industrija imma xi ħaġa ħażina hemm għaliex filwaqt li qabel l-impjegati kienu jaħdmu anke sas-7.00 u t-8.00 p.m. bl-ammont ta' xogħol li kien ikollhom illum lanqas għandhom biex jimlew il-ġurnata. Għaliex? X'ġara? Għalhekk huwa tajjeb li kultant wieħed jagħmel brainstorming exercise biex jara x'ġara u għaliex l-MDC m'għadhiex kif kienet. Għaliex jekk ma taċċettax li l-affarijiet ma marrux kif xtaqt u ma tammettix anke miegħek inniffsek jekk mhux pubblikament - jiena pubblikament nippreferi nammetti - li sfortunatmanet ...
Hawn min jgħidlek li t-tort huwa tal-liġi u li rridu nbiddlu l-aids to industires act u l-IDA. Fil-fatt fi żmienna kien hemm min kien qed jaħdem fuqha, kelli konsulenti li kont sibt meta sirt ministru, żammejthom u tawni servizz tajjeb ħafna. Naħseb li llum għadhom għaddejjin b'ċertu xogħol u, jekk jiena nformat tajjeb, il-ħsieb huwa li nattiraw l-industriji f'Malta billi mmorru lura għall-grant system. Għalhekk sar studju biex jiġi pparaġunat x'qiegħed jiġri f'ċerti pajjiżi fl-Ewropa li nistgħu nattirawhom lejn Malta. Su due piedi ma nafx x'se jiġri u rridu naraw x'inhi r-raġuni warajha imma jekk l-IDA għandha tinbidel, allura l-gvern x'qed jistenna biex jibdilha? Din kienet waħda mill-ewwel liġijiet li jiena nsistejt dwarha mal-kabinett u kelli l-backing kollu biex nagħmel l-emendi neċessarji għaliha, emendi li saru fi żmien relattivament qasir wara li tlajna fil-gvern.
Irrid ngħid, Sur President, li jiena naqbel mal-ministru meta jgħid li l-liġi għandha tinbidel b'mod li l-għajnuna tingħata fejn hemm aktar produzzjoni ta' value added. U jekk irid idaħħal sistema ġdida allura wieħed jagħrbilha u jiddiskutuha imma jeħtieġ issir. S'issa għaddew 14-il xahar minn mindu tela' Gvern Nazzjonalista u din hija xi ħaġa li trid issir mil-lum għal għada għaliex għaddiet iżjed minn 20% tal-leġislatura. Jekk inti trid iġġib l-investiment f'pajjiżek, dan trid iġġibu between the second and the third year u għalhekk l-IDA imissha ilha li nbidlet. Naf li din m'hijiex ħaġa faċli imma dak li kien hemm bżonn nagħmel jiena meta ndunajt li fil-manifattura l-affarijiet kienu se jmorru bil-mod, speċjalment ir-roll over ta' l-inċentiv fiskali, għamiltu kważi minnufih. Ngħid ukoll li hemm ħafna liġijiet inqas essenzjali minn din li diġa' għaddew mill-parlament pero' din għalija hija top priority u aktar ma tiġi malajr quddiem il-parlament aktar immorru 'l quddiem. Ħalli niġi issa għall-IPSE.
Sur President, bdejt dan id-diskors tiegħi billi għedt li l-gvern irid jerġa' jġib il-fiduċja ta' l-industrijalist u spjegajt li aħna kellna din il-fiduċja għaliex kellna l-qsim ta' responsabbilta` u l-iżjed post fejn dan kien rifless kien propju fil-qasam tal-manifattura żgħira u lokali. Għalhekk ukoll ħloqna l-IPSE li ma kenitx idea tagħna imma tar-Ramboll li l-ministru preċedenti ħadem fuqha wkoll. Jiena ħriġt all out biex din tibda tiffunzjona u nieħu pjaċir meta jkun hemm efforts li jkun hemm kontinwita` tagħhom bejn iż-żewġ naħat. Naħseb li l-IPSE kienet verament fl-istadju ċkejken tagħha imma skond ma jiena nformat ix-xogħol li qed isir minnha jħalli ħafna x'wieħed jixtieq.
L-IPSE hija essenzjali speċjalment fi żmien fejn qed issir il-liberalizzazzjoni mill-qasam tal-protezzjoni li ċerti industriji lokali jgawdu. Fl-opinjoni tiegħi din ukoll hija top priority u l-importanza ta' dan il-qasam għandu jiġi apprezzat, aktar u aktar għaliex bil-politika tal-gvern li jilliberalizza billi jneħħi l-levies b'mod antiċipat - għaliex gvern Laburista wkoll kien għażel li jneħħi dawn il-levies imma fuq terminu ta' żmien itwal biex l-industrija lokali jkollha aktar nifs tirristruttura ruħa - l-IPSE trid taħdem ħafna iktar minn qabel biex tgħin lil dawk l-industriji li jimmanifaturaw għall-qasam lokali jirristrutturaw ruħhom.
Sur President, tajjeb li wieħed japprezza li l-IPSE għandha quddiemha responsabbiltajiet kbar għaliex bit-tneħħija tal-levies il-qasam tal-manifattura li jipproduċi għas-suq lokali bilfors se jiġi affettwat. U d-differenza bejn dak li kien se jagħmel gvern Laburista u li se jagħmel il-gvern preżenti, nerġa' ngħid, huwa ż-żmien li fih dawn se jitneħħew. Ngħid ukoll li huwa ħażin li l-industrijalist iż-żgħir jingħata l-impressjoni li l-IPSE jew l-MDC mhux qed jagħtuh għajnuna biżżejjed għaliex trid tinbidel il-liġi. Aħna l-liġi biddilniha biex ngħinu liż-żgħir pero' żgur li wieħed jista' jtejjeb fuq dak it-tibdil. Konna għamilna emendi anke f'dawk li huma soft loans imma meta naraw ir-rapport li għandna quddiemna nirrealizzaw li l-ammont ta' soft loans li ngħataw is-sena l-oħra kienu ħafna inqas minn dawk li ngħataw is-sena ta' qabel u dan ma jawgurax tajjeb. Għalekk wieħed irid jara x'ġara għaliex din hija opportunita` li l-industrijalist m'huwiex jieħu.
Sur President, forsi l-gvern se jgħid li l-investiment industrijali f'dan iż-żmien żdied ħafna iktar milli żdied meta konna fil-gvern aħna. Dan huwa veru pero' tajjeb nispjega għaliex. Ħadd ma jagħmillek pjan sabiex jiftaħ industrija u jinvesti kollox fl-ewwel sena u jekk il-ministru jara fejn sar l-investiment industrijali jrid jinnota kemm minn dak l-investiment sar fuq proġetti li ġew f'dawn l-aħħar 14-il xahar u kemm sar fi proġetti li kienu approvati meta l-Labour kien fil-gvern. Hemmhekk jirrealizza li l-investiment industrijali qed isir fuq investiment li kien ippjanat fuq bażi ta' tlieta jew erba' snin.
Jekk l-investiment industrijali fl-1996 kien baxx, dan ifisser li x-xogħol fl-1994 ma sarx skond is-sengħa li kienet titlob dak iż-żmien. Imma jekk fl-1998 kellna investiment qawwi, probabbilment dan huwa riżultat tax-xogħol li sar fl-1995/1996 u għalhekk nieħu pjaċir meta l-ministru jgħid li qatt ma kellna investiment industrijali daqskemm kellna din is-sena meta komparata mas-sena l-oħra. Dan huwa ta' sodisfazzjon għalija għax ifisser li meta aħna konna fil-gvern xogħlna għamilnih tajjeb għaliex jekk wieħed jeżamina l-fabbriki li nvestew isib li dawn huma fabbriki li kienu pproġettaw pjanijiet ta' tliet snin, erba' snin u kultant anke ħames snin u jfisser ukoll li x-xogħol li sar preċedentement sar kif suppost.
Sur President, darba f'gazzetta ġie rrapportat li l-ministru għamel rimarka dwar il-money laundering, rimarka li jiena sal-lum għadni ma fhimthiex. Qed ngħid li ġie rrapportat f'gazzetta għaliex ma nafx jekk il-ministru qalx hekk pero' skond ma ġie rrapportat ngħatat l-impressjoni li xi proġetti li nġabu minn Gvern Laburista kellhom x'jaqsmu ma' money laundering. Għalhekk nistieden lill-ministru jistaqsi lill-istaff tiegħu x'konna għamilna meta kien hemm kumpanniji li ssuspettajna li kellhom x'jaqsmu ma' money laundering. Aħna żgur qatt ma tfajna xejn taħt it-tapit u m'iniex qed ngħid li hu għamel hekk pero' nixtieq li din fid-diskors tiegħu jirreferi għaliha għaliex onestement bqajt skantat meta rajtha fil-gazzetta. Ħalli niġi issa għal dawk li huma proġetti speċjali oħrajn.
Barra l-proġetti speċjali li semmejt fil-qasam ta' l-avjazzjoni u fil-qasam tal-baħar li naħseb hemm skop għalihom, qasam ieħor li huwa importanti huwa l-qasam tal-films. Tajjeb li niddikjara hawnhekk li jiena l-avukat ta' kumpannija li tipproduċi l-films u dan qed nagħmlu biex ħadd ma jgħidli li qed ngħid dan id-diskors biex din il-kumpannija tagħmel aktar suċċess għaliex indipendentement minn dan il-punt huwa importanti li dan il-qasam jiġi żviluppat mill-gvern. Naf li hermm persuna li qed taħdem b'dan il-għan u qed tagħti konsulenza dwar kif wieħed jista' jgħaddi liġijiet ħalli l-għajnuna li tingħata tkun kompetittiva ma' dik li tingħata f'pajjiżi oħrajn li joffru ċerti servizzi lil din l-industrija. Nerġa' ngħid, huwa tajjeb ħafna li dan ikompli għaddej bir-ritmu li kien beda min-naħa tagħna meta konna fil-gvern.
Xtaqt nagħmel riferenza wkoll għar-ristrutturazzzjoni fil-qasam privat kif ukoll fil-qasam pubbliku. Jekk nieħdu l-qasam industrijali, dak l-iżjed li jesporta, insibu li dna irid jirristruttura kontinwament biex jibqa' kompetittiv għaliex jekk ma jagħmilx hekk ma jbiegħx. Dan ifisser li n-neċessita` titlob li hu jipproduċi kwalita`tajba u prezz orħos minn ħaddieħor għaliex inkella ħadd ma jixtril l-prodott. Għandna mbagħad il-qasam tal-manifattura lokali u jrid isir ħafna xogħol biex din tiġi ristrutturata. Wieħed ma jistax jinjora wkoll il-qasam pubbliku li fih ħafna costs u rridu nagħtu attenzjoni speċjali. Fl-industrija għandna l-qasam tal-kiri tal-fabbriki, li huwa qasam tajjeb għal pajjiżna, u għandna oqsma oħra li meta tikkompara l-costs tagħhom issib li huma għoljin. Hawnhekk irrid insemmi l-qasam tat-trasport, għax huwa importanti ħafna li tara kemm se jiġi jiswa oġġett li tkun se tipproduċi. Imbagħad għandek il-costs tad-dawl u l-ilma, servizzi importanti ħafna. Għalhekk wieħed irid ikompli jtejjeb dak li daħħalna aħna - meta għamilna l-emendi għall-IDA - li permezz tagħhom, min ikun jixtieq jagħmel reverse osmosis plant li taħdem bis-solar energy għandu jingħata aktar għajnuna milli qed jingħata llum. Din konna għamilniha wkoll għal min ikollu xi lukanda.
Ħaġa oħra li nixtieq insemmi hija l-job mobility. Jien niskanta meta nisma' f'dan il-parlament lil min jiftaħar li hawn Malta l-job mobility qegħda tiżdied. Qed ngħid dan għax din hija xi ħaġa li twerwer lill-industrijalist. Per eżempju, jien qatt ma ninsa li meta konna qed nagħmlu diskussjonijiet ma' xi industrijalisti li għandhom fabbriki f'postijiet bħaċ-Ċina, konna sibna li l-aktar ħaġa li kienet tinkwetahom ma kenux il-labour costs - għax hemm il-ħaddiem iqum madwar 15% tal-ħaddiem Malti - imma kienet il-job mobility. Fil-fatt jekk fabbrika tinvesti eluf kbar ta' liri biex tittrejnja lil xi ħadd imbagħad dan joqgħod idur minn fabbrika għal oħra, l-investiment li l-fabbrika tkun għamlet f'dak l-individwu jintilef. Per eżempju, lil sidien tal-fabbriki bħalma huma l-ST Microelectronics u l-Brandstatter - dan huwa complex ta' fabbriki li konna bdejnihom aħna u tajnihom l-art aħna u issa qed narawhom jiżviluppaw - il-job mobility twerwirhom. Għalhekk irridu noqogħdu attenti meta niftaħru li f'Malta l-job mobility qed togħla, bħallikieku dan huwa xi termometru ta' xi żvilupp. Huwa importanti li ndaħħlu spirtu ta' lealtà lejn l-azjenda fejn il-ħaddiema jħossuhom parti minnha, kif jeżisti f'pajjiżi oħra.
Nixtieq insemmi wkoll l-importanza tas-swieq. Dan il-gvern huwa ossessjonat bis-suq Ewropew. Fih innifsu dan m'huwiex ħażin għax is-suq Ewropew huwa l-akbar suq li għandu l-pajjiż imma mill-banda l-oħra m'għandekx tittraskura swieq oħra. Per eżempju, bħalissa qed jiġini f'moħħi s-suq Amerikan. Meta konna fil-gvern, l-esportazzjoni ta' Malta lejn l-Amerika kienet bejn wieħed u ieħor ta' wieħed minn ħamsa, u jidher li din għadha t-trend. Dan huwa suq importanti ħafna u l-pjan tal-gvern Laburista kien li jagħmel ftehim ma' l-Amerika, kif konna se nagħmlu ma' l-Ewropa, dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni tal-manifattura industrijali. Huwa importanti ħafna li s-suq Amerikan u s-suq Ġappuniż ma jiġux traskurati u għandha ssir enfasi kbira biex inkattru l-investiment minn dawn iż-żewġ swieq. Jien qed ngħid li m'għandniex nossessjonaw ruħna żżejjed bis-suq Ewropew, fis-sens li l-unika triq miftuħa hija dik ta' sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea, għaliex hemm pajjiżi oħrajn li għalkemm huma ċkejknin u mhumiex membri ta' l-Unjoni żviluppaw l-ekonomija tagħhom u għandhom standard of living ħafna ogħla minn tagħna. Eżempju ta' dan hija l-Islanda, li għandha l-parti l-kbira ta' l-ekonomija tagħha bbażata fuq il-ħut. Jien il-paraguni ta' pajjiżna ma nagħmilhomx ma' l-Ingilterra, mal-Ġermanja u ma' l-Italja, għax dawn huma ġganti ħdejna, imma nagħmilhom ma' pajjiżi żgħar bħalna bħalmu huma l-Islanda u Ċipru. Dwar l-Islanda nixtieq ngħid ukoll li minkejja li dan huwa pajjiż ta' 280,000 ruħ, l-infrastruttura, it-toroq u l-ajruporti tiegħu - mingħalija għandhom xi ħamsa - huma tajbin ħafna u tagħna lanqas joqogħdu ħdejhom. Dan huwa pajjiż li kien kapaċi jiżviluppa bin-nies li għandu. Per eżempju, dan il-pajjiż għandu ċerta dixxiplina fost il-ħaddiema fis-servizz pubbliku, għandu ċerta ndafa u għandu wkoll ċerta effiċjenza li nixtiequ naraw bħalha f'pajjiżna. Ta' min igħid ukoll li peress li hemmhekk tagħmel ħafna kesħa, dawn għandhom it-thermal heating u s-sħana toħroġ b'mod naturali minn taħt l-art. It-turiżmu hemmhekk ma tantx huwa żviluppat għax il-location tal-pajjiż mhuwiex ideali daqs tagħna. Barra minn hekk, fejn il-manifattura tagħna hija żviluppata f'dak li għandu x'jaqsam ma' esportazzjoni, il-manifattura tagħhom hija relatata kollha ma' l-industrija tal-ħut. Hawnhekk nixtieq nirrimarka wkoll li aħna għandna industriji tajbin. Minkejja li għandna l-baħar madwarna, il-fabbriki tagħna għandhom is-sistema ta' just-on-time u ħafna drabi ħafna pajjiżi barranin din is-sistema jsibuha diffiċli. Madankollu għad għandna ħafna affarijiet x'nirranġaw. Per eżempju, waħda mill-affarijiet li rridu nirranġaw fil-qasam tal-manifattura lokali hija l-kwalità u għalhekk aħna konna għamilna enfasi kbira dwar l-istandards authority.
Nixtieq inkun naf ukoll fiex wasal l-iżvilupp tal-laboratorju nazzjonali. Qed ngħid dan għax minkejja li kienet ittieħdet id-deċiżjoni li jien kelli nsib il-koperazzjoni ta' kulħadd, kont sibt diffikultà kbira biex dan il-laboratorju jkun jista' jsir. Hawn Malta hawn il-problema li ħadd ma jkun irid jirrilaxxa l-qasam tiegħu. Per eżempju, jeżistu dipartimenti tal-gvern li lanqas biss jinformawk x'ikollhom bżonn u allura ma tkunx tista' ġġibilhom l-equipment. Sa hemmhekk naslu aħna! Dawn huma affarijiet li ma jitwemmnux jekk ma tkunx qiegħed tamministra. La semmejt il-laboratorju nazzjonali, nixtieq inkun naf jekk il-fondi li kienu maħsuba għal dan il-għan intużawx jew le, min-naħa ta' l-Ewropa, għax meta kont sirt ministru kienu ntilfu u bis-saħħa taż-żewġ ambaxxaturi Archer u Giorgio Boggio reġgħu ġew riattivati u minn hawnhekk jien nixtieq nirringrazzjahom pubblikament .
Sur President, nixtieq nitkellem ftit fuq id-dipartiment ta' l-industrija, li qisu qed jitlef mill-focus tiegħu, speċjalment meta wieħed jara kif il-levies se jiġu żmantellati. Għaldaqstant naħseb li jrid isir brainstorming fuq dan id-dipartiment ħalli naraw x'għandu jagħmel. Per eżempju, fl-opinjoni tiegħi, id-dipartiment tal-handicrafts hemm ħafna x'wieħed jista' jagħmel fuqu u minkejja li dan huwa dipartiment żgħir huwa importanti ħafna, fil-qasam industrijali. Ta' min igħid li l-industriji li jħaddmu ftit nies huma importanti ħafna speċjalment minħabba l-vokazzjoni turistika tal-pajjiż. Għalhekk naħseb li għandu jkollna forma ta' standards ukoll għall-bizzilla Maltija u għal affarijiet oħra li nagħmlu. (Interruzzjonijiet) Jien ma nafx kif se tiżviluppa l-kwestjoni li hawn bħalissa dwar il-crafts village ta' Ta' Qali, għalkemm dan m'hu crafts village xejn imma huwa villaġġ li jġiblek memorji ta' żmenijiet oħra. Jien naħseb li dan il-post għamlu żmienu u hemm bżonn li jiġi rranġat.
Wieħed irid jara wkoll il-kwestjoni tal-fondi li kien hemm taħt il-fourth financial protocol, fondi li kienu maħsuba biex Malta tidħol fl-Unjoni u aħna konna pperswadejna lill-Ewropej biex il-biċċa l-kbira ta' dawn il-flus terġa' tallokahom għal dak li għandu x'jaqsam ma' ristrutturazzjoni, anke ta' industrial estates. Iżda x'ġara? Dawn il-flus intilfu għax il-gvern ma riedx ikompli jibni fuq dak li sab tajjeb minn ta' qablu imma ried jibqa' jistenna. Fl-aħħar mill-aħħar dawn mhux affarijiet fejn wieħed għandu joqgħod jistenna.
Sur President, huwa importanti li jkun hemm interlinkage bejn l-edukazzjoni u l-industrija, speċjalment fejn jidħol il-qasam teknoloġiku, għax jekk irridu nattiraw lejn pajjiżna ċertu tip ta' industriji, ikun tajjeb li jkollna workforce maħsuba għalihom u l-ħaddiema ma jkollhomx bżonn in-house training li jista' jdum ix-xhur u li ħafna drabi jqum ħafna flus għall-industrijalist. Per eżempju, naf li hemm ħafna instances ta' mismatching u dawn ma tirranġahomxmil-lum għal għada pero' żgur li f'dan il-qasam irid isir investiment qawwi.
Issa se ngħid xi ħaġa fuq il-freeport, għax dan huwa importanti kemm għall-industrija kif ukoll għat-trasport. Fil-fatt bis-saħħa tal-freeport pajjiżna qed jesporta u jimporta l-materja prima minn kważi 100 port fid-dinja u rridu ngħidu li ftit hawn postijiet industrijali li għandhom din l-opportunità. Ta' min igħid li aħna għandna freeport li jħabbatha ma' l-aqwa freeports li hawn fil-Mediterran pero' m'għandniex noqogħdu nsemmu r-records biss. Hawnhekk ma nistax ma nsemmix li meta jien kont responsabbli minn dan il-qasam ilħaqna t-target ta' madwar miljun container. Dan kien ta' sodisfazzjon għalija u meta nfetaħ terminal II lkoll kemm aħna ħassejna ċerta pride u rajna l-kapaċità kbira tal-ħaddiema Maltin, tal-professjonisti u tal-konsulenti li bil-ħidma intensiva tagħhom irnexxielhom jibnu l-akbar proġett li jeżisti f'pajjiżna. Dan huwa proġett li qam ħafna miljuni u saħansitra sibna investiment barrani għalih, tant li kien hemm min offra d-doppju għalih. Fil-fatt jekk ridna US$250 miljun kien hemm min offra iżjed minn $US540 miljun. Din hija xi ħaġa pożittiva u ta' fiduċja għall-pajjiż. Pero' huwa importanti wkoll li la l-freeport wasal f'dan l-istadju u għandu klijenti internazzjonali, jibqa' jtejjeb il-pożizzjoni tiegħu u qatt ma jistrieħ fuq il-performance tiegħu għax il-klijenti li jkollok malajr tista' titlifhom. Il-freeport tant huwa investiment kbir għall-pajjiż li jekk ma jkunx suċċess ma jbatix biss il-qasam industrijali imma jbati l-pajjiż kollu.
Nixtieq nirriferi wkoll għall-ftehim li kien qed isir bejn il-Malta freeport u l-port authority ta' Singapore. Ta' min igħid li l-port authority ta' Singapore kienet qed tfittex alleanza strateġika f'erba' jew f'ħames portijiet fid-dinja kollha fejn il-forza navali Ingliza kellha l-aqwa portijiet fid-dinja biex tkun tista' toffri servizz globali għall-klijenti tagħha. Fil-fatt fost portijiet oħra mmarkaw il-port li qabel kien Aden u mmarkaw ukoll lil Malta biex jinkrew xi faċilitajiet. Aħna nafu li kienu krew faċilitajiet f'port ieħor fil-Mediterran u kienu ħallsu bil-quddiem snin twal. Aħna konna nafu wkoll li l-effiċjenza li għandhom il-portijiet tat-trasbord fl-Asja huwa ħafna ogħla mill-effiċjenza li teżisti fil-Mediterran. L-idea ta' Singapore ma kenitx biss biex tinkera l-faċilità imma wkoll biex tiżdied l-effiċjenza ta' din l-azjenda.
Bla dubju ta' xejn jien nemmen li l-freeport jista' jimmira biex ikollu turnover akbar pero' biex jagħmel dan jieħu ż-żmien. Illum għandna equipment mill-aqwa u l-ħaddiema jafu xogħolhom sew pero' żgur li l-produttività nistgħu ntejbuha. Per eżempju, l-freeports Asjatiċi għandhom turnover id-doppju li għandna f'Malta. Hawnhekk ta' min isemmi kif, per eżempju, l-ST Microelectronics għandha kapaċità li tipproduċi daqs u kultant aktar mill-fabbriki li hemm fil-Malasja u f'Singapore. Fil-fatt din il-fabbrika kemm-il darba ġiet rikonoxxuta bħala l-aktar fabbrika li tipproduċi prodotti ta' l-aqwa kwalità fl-iqsar żmien possibbli. Qed ngħid dan biex nuri li la jirnexxielna nagħmlu dan fis-settur privat, nistgħu nagħmlu l-istess fil-qasam ekonomiku fejn il-gvern għandu investiment dirett. Grazzi.