MADAM SPEAKER: Il-Prim Ministru.
ONOR. ALFRED SANT: L-ewwelnett ħalli nirrispondi għat-tieni mistoqsija Sinjura President. Ma kontx ikkonfermajt li ġraw il-fatti allegati mill-Onor. Interpellant imma li kont ikkonfermajt huwa li kienu qed isiru investigazzjonijiet fir-rapport li deher f'gazzetta li allegatament saru dawk l-inċidenti. Jiġifieri hemmhekk assolutament ma kien hemm l-ebda konferma min-naħa tiegħi għax kont qiegħed nikkonferma biss li qed isir stħarriġ.
Dwar l-ewwel parti tal-mistoqsija, jien assolutament ma nistax naqbel illi għandu jkun hemm dak it-tip ta' aġir min-naħa ta' ministru responsabbli mill-Pulizija fejn kien qisu qed ilaqqa' madwaru gang ta' nies li qegħdin jgħidu: Kemm kissirnihom tajjeb lil dawn in-nies! Dan assolutament m'huwiex aċċettabbli. Hawnhekk se nirrimarka li ftit ta' żmien ilu kelli mistoqsija mingħand l-Onor. Tonio Borg għax jien m'attendejtx għal okkażjoni tal-ħabs li, fiha nnifisha, kienet rakkmandabbli u jien għidtlu li ma naqbilx miegħu li kelli nattendi għal dik il-funzjoni, mhux għax dik il-funzjoni ma kellhiex issir, imma għax nemmen li f'dan il-pajjiż hemm bżonn li jidħol distakk sħiħ bejn l-aġir tal-politiċi li huma responsabbli mill-Pulizija u mit-tmexxija tal-ħabs, u l-intern tat-tmexxija tal-Pulizija u l-intern tat-tmexxija tal-ħabs. Dak il-video jillustra - għalija b'mod klassiku - l-aġir ta' bniedem politiku responsabbli mill-Pulizija li mhux biss qiegħed jissorvelja u jagħti direzzjoni lill-Pulizija imma qiegħed jidħol u jaħdem magħhom b'mod ta' qisu aħna l-gang u ara kif kissirnihom lil dawn in-nies! Prosit kemm aħna tajbin! Dak kien l-aġir muri minn dak il-ministru fil-video! Din m'hijiex aċċettabbli u għalhekk poġġejt dak il-video fuq il-Mejda tal-Kamra. (Onor. Membri: Hear, hear)