ONOR. JOHN DALLI: Il-Marsa Yard hija kummerċjali bħal Malta Drydocks li hija a body corporate magħmula bil-liġi.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Imma mhux attivita' kummerċjali. Jekk hemm xi differenza għax waħda hija kumpannija kummerċjali u l-oħra hija korporazzjoni jidhirlna li l-Marsa Yard timmerita li l-materjal li bih tibni l-vapuri jew tuża għall-attivita' tagħha ... L-eċċezzjonijiet li hawn għad-Dockyard għandhom japplikaw għaliha wkoll għax dwar id-Drydocks mhux kollox huwa eżenti minn din l-imposta. Dak li hu applikabbli għal Malta Drydocks għandu japplika wkoll għall-Marsa Yard. Il-Marsa Yard u d-Drydocks għaliex m'għandux ikollhom l-istess trattament?
ONOR. JOHN DALLI: Il-Marsa Yard hija azjenda kummerċjali u entita' differenti ħafna mit-Tarzna li hija body corporate magħmula bil-liġi. Bħala entita' kummerċjali għandha taqa' taħt l-istess regolamenti ta' entitajiet kummerċjali li fost oħrajn hemm il-possibbilta' li mal-Kummissarju tal-VAT tagħmel arranġamenti li fuq l-importazzjoni tagħha ma tħallasx VAT.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Imma x'diffikulta' għandu jkun hemm li nittrattaw il-Marsa Yard u d-Drydocks l-istess? (Interruzzjonijiet)
ONOR. JOHN DALLI: Irid ikun hemm xi tfarrak biex tfarrak, Onor. Wistin Abela! Toqgħodx tgħid li se nfarrku l-Malta Shipbuilding għax ilha mfarrka. Intom ħloqtu problema tal-ġenn f'dan il-pajjiż.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Partita 15 tat-Tielet Skeda tgħid li jkunu eżentati:
"Statwi u dekorazzjonijiet artistiċi ffurmati barra minn Malta minn oriġinali magħmula minn artisti lokali; kemm-il darba jkun miksub permess mill-Kontrollur tad-Dwana qabel ma l-oriġinal jiġi mibgħut barra minn Malta għall-forma.".
Mela fuq statwi li jsiru minn artisti Maltin mhux se jkun hemm VAT. Imma mbagħad il-vari ma jissemmewx u naħseb li dawn ukoll għandhom ikunu eżenti. Fil-fatt il-vari m'humiex inklużi fil-lista ta' l-affarijiet tal-knisja li jistgħu jiġi mportati, fosthom kalċijiet, ċiborji, pissidi, sferi, ċnieser, navetti ta' l-inċens, slaleb, eċċ. Issa jekk hemm xi ħaġa li m'għandhiex tiġi eżentata - u b'hekk niskoraġġuha - hija l-importazzjoni tas-slaleb għax hawn biżżejjed minnhom f'Malta! L-istess japplika għall-vari, imma naħseb li dawn għandhom jiġu eżentati. Fil-każ tal-vari, ħafna drabi l-forma oriġinali ma ssirx hawn Malta, speċjalment dawk li tar-raħal tal-Ministru jġibu minn barra. (Interruzzjonijiet) Nista' nsemmi l-vara ta' l-Aħħar Ċena li għandkom Ħal Qormi. Naħseb li dik hija unika f'Malta. Il-punt tiegħi huwa li jidhirli li jkun tajjeb jekk neżentaw mill-VAT l-importazzjoni tal-vari, bħalma eżentajna ħafna affarijiet oħra. Għalhekk 'il quddiem se nipproponu emenda f'dan is-sens.
ONOR. JOHN DALLI: Meta vara tkun ifformata minn artisti barranin, ikunu soġġetti għall-VAT, u b'hekk nagħtu inċentiv li jiġu mqabbda artisti Maltin.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Spiċċajna biex ħallasna vari minn Malta u bgħatniehom l-Awstralja! (Interruzzjonijiet) Dawn ħafna drabi mill-Italja jew minn Spanja jiġu.
Ħalli nħarsu lejn il-kwestjoni tad-diskrezzjoni ministerjali li qiegħda f'paragrafu 4 ta' partita 11 tat-Tieni Skeda, fejn tgħid hekk:
"Il-provvista ta' servizzi tal-welfare, magħdudin servizzi mogħtija minn djar għal persuna anzjani, u servizzi għall-protezzjoni u ħarsien ta' tfal u żgħażagħ, mogħtija minn istituzzjoni tal-Gvern jew minn istituzzjoni jew organizzazzjoni li jingħataw għarfien mill-Kummissarju bħala istituzzjoni li m'għandhiex l-għan li tagħmel profitt jew approvati mill-Ministru għall-għanijiet ta' dan il-paragrafu bħala istituzzjoni li l-attivitajiet tagħha jaqgħu fi ħdan il-politika soċjali u welfare policy tal-gvern.".
Din għalfejn qiegħda? Aħna diġa' għandna diskrezzjoni tal-Kummissarju tal-VAT. Allura għalfejn qed inżidu magħha d-diskrezzjoni tal-Ministru li jista' jgħid li xi istituzzjoni jew organizzazzjoni hija skond il-politika soċjali u welfare tal-Gvern u istituzzjoni jew organizzazzjoni oħra li forsi l-Kummissarju tal-VAT fil-fatt jgħaddiha lill-Ministru u jgħid le. Għaliex dan?
ONOR. JOHN DALLI: Aħna nafu li dawn se jkunu ... (Interruzzjonijijiet) Iva, inkludejna s-sammaritani ma' 30 oħra li kienu applikaw bħalhom ftit tax-xhur ilu, Onor. Wistin Abela. Jiġifieri meta applikaw konna għaddejniehom bħall-oħrajn u ma' l-oħrajn. (Interruzzjonijiet) Din kienet ġiet konsidrata ma' l-oħrajn li applikaw u ġiet inkluża. (Interruzzjonijiet) Safejn naf jien kienet saret applikazzjoni u mhux protesta u kienet ġiet konsidrata fil-proċedura normali, imbagħad konna għaddejnieha. Issa saritx mill-ewwel jew le m'għandhiex x'taqsam għax ġieli jsiru hekk l-affarijiet. (Interruzzjonijiet) Jien naf li quddiemi kienu ressqu applikazzjonijiet li approvajna u minn dawn kien hemm 30 waħda. Fuq din irrid ngħid li mhux il-Kummissarju jkun għaddiha lill-Ministru li mbagħad joħroġ ir-regolament. Ir-regolment jinbena mill-Kummissarju u ħafna drabi jekk tkunx welfare jew le, tiġi minn ministeri oħrajn.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Mhux regolament qed ngħidu imma approvazzjoni biss kienet saret.
ONOR. JOHN DALLI: Anke f'każ ta' approvazzjoni, jekk tkunx x'taqsam ma' welfare jew le ħafna drabi tiġi b'rakkommandazzjoni minn ministeri oħrajn.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Aħna għandna "jew approvati" u mhux "u approvati". Jiġifieri din hija xi ħaġa differenti minn dak li għamel il-Kummissarju. Kieku qiegħda "u" nifhem imma la qiegħda "jew" qisu li hemm xi ħaġa li m'għandhiex x'taqsam mal-Kummissarju.
ONOR. JOHN DALLI: F'paragrafu 4 ta' Item 11 tat-Tieni Skeda jidħlu l-battered women li diġa' qegħdin inklużi. Dan il-paragrafu qed jgħid li l-Kummissarju m'għandux għalfejn imur għand il-Ministru għall-approval biex iqis xi ħaġa jekk hijiex welfare jew le.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Aħna m'aħniex ingergru fuq din imma fuq l-oħra.
ONOR. JOHN DALLI: Hawn qed ngħidu li l-Ministru jista' jkun li japprova wkoll. Per eżempju, il-Kummissarju ma jkunx irid jerfa' r-responsabilita' għalhekk jgħaddiha lill-Ministru għall-approval. Dawn iċ-ċirkostanzi jsiru. Il-Kummissarju għandu d-dritt li mingħajr ma jirreferi għall-Ministru, jieħu deċiżjoni. Jiġifieri l-Kummissarju ma jkunx irid jieħu deċiżjonijiet hu u allura jgħaddiha lill-Ministru. Issa f'dak il-każ, x'se jiġri? Mhux se nibqgħu fil-limbu jew inkella ngħidu le jew inkella ma niddeċidux.
ONOR. ALFRED SANT: F'din hemm żewġ approaches. L-ewwel approach ta' xi ħadd li jaħdimha permezz tal-Kummissarju u approach ieħor permezz ta' kuntatt politiku mal-Ministru direttament biex tgħaddi. Il-lok ta' manipulazzjoni huwa ċar hawnhekk.
ONOR. JOHN DALLI: Pero' ma tistax tħalliha f'idejn il-Kummissarju biss u tħalli l-possibilita' li deċiżjonijiet ma jitteħdux.
ONOR. ALFRED SANT: Għaliex le?
ONOR. JOHN DALLI: Kultant trid terfa' d-deċiżjoni politikament. Fil-fatt jeżistu ħafna każi fejn dan jiġri, li bniedem irid jerfa' fuq spallejh ir-responsabilita'.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Per eżempju, il-Ministru jista' jimponi fuq il-Kummissarju għaliex ikun għamilha bil-miktub. Mhux hekk qiegħda l-liġi?
ONOR. JOHN DALLI: Hawnhekk is-sitwazzjoni lanqas tista' tagħmilha by the Commissioner through the Minister jew xi ħaġa hekk, għaliex il-Kummissarju mhux dejjem se jagħmel rakkommandazzjoni. Anzi din qiegħda fejn il-Kummissarju ma jkunx f'pożizzjoni li jagħmel rakkommandazzjoni. Aħna rridu nieħdu pożizzjoni fejn ngħidu li deċiżjoni ma ssir qatt u allura ma naħsibx li hija sitwazzjoni sana ħafna jew inkella pożizzjoni fejn ngħidu le. Pero' lanqas nistgħu ngħidu le fejn hemm dubju għax dan mhux sewwa. Dak li qed jgħid l-Onor. Sant fejn il-Minstru jista' jaqbad jgħid li la approvajtha ... (Interruzzjonijiet) Pero' hawn suppost kulħadd jerfa' r-responsabilitajiet tiegħu.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Paragrafu 2 ta' item 17 tat-Tieni Skeda jgħid hekk:
"It-trasferiment ta' proprjeta' immobbli, inkluż kull dritt imsemmi f'paragrafi (a), (b) u (ċ) ta' l-artikolu 310 tal-Kodiċi Ċivili u kull konċessjoni taċ-ċens, iżda eskluża konċessjoni ta' ċens għal inqas minn ħamsin sena dwar kull proprjeta' imsemmija fis-subparagrafi (a), (b) u (ċ) tal-paragrafu (1) ta' din il-partita.".
Għaliex qiegħda hekk "iżda eskluża konċessjoni ..."? Dan l-istess paragrafu qed jirreferi għall-paragrafu (a), (b) u (ċ) li jgħidu hekk:
"(a) Il-kiri jew l-għoti ta' akkomodazjoni f'kull fond li għall-għan ta' dak il-kiri jew dik l-akkommodazzjoni jeħtieġ li jkollu liċenzja bis-saħħa ta' l-Att ...
(b) Il-kiri ta' fondi u sit għall-parking ta' vetturi ....
(ċ) Il-kiri ta' tagħmir u makkinarju installat b'mod permanenti.".
Għaliex hemm il-limitazzjoni li meta jkun b'ċens ta' 50 sena m'hijiex eżenti l-esklużjoni? Jiġifieri għaliex hemm "iżda eskluża konċessjoni ta' ċens ..."
ONOR. JOHN DALLI: Immovable property hija eżenti. Issa the letting of immovable property huwa eżenti. Jiġifieri dawk li hemm f'paragrafi (a), (b) u (ċ) huma eżklużi u allura jiġu VATable. Issa esklużjoni oħra hija:
"It-trasferiment ta' proprjeta' immobbli, inkluż kull dritt imssemmi f'paragrafi (a), (b) u (ċ) ta' l-artikolu 310 ...."
Jiġifieri dawk tqishom bħala alternattiva għal kirja. Meta wieħed ikun qed jagħti b'ċens parking għal sena, sentejn jew ħames snin ma jkun ċens xejn imma kirja.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Imma jekk ikun għal 49 sena?
ONOR. JOHN DALLI: Jekk ikun 49 sena, se nittrattawh bħala kirja wkoll.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Allura min fejn toħroġ il-49 sena li hija kirja.
ONOR. JOHN DALLI: Le, issa m'aħniex ngħidu li hija kirja, imma qed ngħidu kif se nittrattawha hawnhekk. Jiġifieri bl-ebda mod m'aħna se nbiddlu l-Kodiċi Ċivili. Aħna qed ngħidu kif se nittrataw dawn is-sitwazzjonijiet.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Imma hawnhekk m'aħniex ngħidu li ċens ta' 49 sena huwa konsidrat bħala kera. Kieku qiegħda hekk, jien nifhimha.
ONOR. JOHN DALLI: F'din il-liġi qed ngħidu li eżenti se jkunu t-trasferiment ta' proprjeta' immobbli bl-eċċezzjoni ta' konċessjoni ta' ċens għal inqas minn 50 sena dwar kull proprjeta', kif imsemmija hawnhekk. Aħna qed ngħidu li kera ta' parking lot huwa VATable għax dak is-servizz m'aħniex nikkonsidrawh bħala kera ta' immobbli u dan qed nagħmluh biex inneħħu wkoll il-possibilita' li jkun hemm dan il-colourful transaction, fejn wieħed ma jkunx jista' joħroġ minn dak li jgħid jekk hijiex kirja jew inkella ċens. Imma dak iċ-ċens ta' short term se nikkonsidrawh l-istess bħal kera għall-finijiet tal-VAT.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Hawn diversi ċnus, ta' 18-il sena, eċċ., allura meta jiġu trasferiti ...
ONOR. JOHN DALLI: Aħna qed nirreferu għal-lukandi, eċċ., fejn se tagħti xi appartament f'lukanda, fejn se tagħti xi parking lot jew inkella tikrilu xi makkinarju. Fuq dawn it-tliet affarijiet biss qed nitkellmu. Jiġifieri qed nagħmlu eżenzjoni biex ngħidu li dawn huma VATable jekk huma b'kera u bl-istess mod li huma VATable jekk huma għal short term lease. L-iskop hu biex inġibu l-ekwiparazzjoni u ma jkollniex il-lok li wieħed jista' jilgħab bejn kera u ċens, fejn taparsi jkun qed jagħti ċens biex jaħrab il-VAT.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Issa niġu għal paragrafu 5 ta' Item 19 tat-Tieni Skeda li qed jgħid hekk:
"Iżda ebda ħaġa f'din il-partita ma għandha titqies li tmur iktar 'l hemm mid-dispożizzjonijiet tal-partita 11 ta din l-Iskeda.".
Jidher li f'din hawn xi żball. Jien naħseb li l-partita 11 ma tidħolx fiha għax din suppost tmur fil-welfare.
ONOR. JOHN DALLI: Dak irid jiġi item 14, qed jippreparawli emenda.
THE DEPUTY CHAIRMAN: L-Onor. Joe Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: Nixtieq niġbidlek l-attenzjoni li m'hawnx quorum.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Peress li m'hawnx quorum il-Kumitat huwa sospiż.
Skond l-Ordni Permanenti Nru 111 fn'12.50 p.m. il-Kumitat ġie sospiż u il-Kamra rriżumiet fn-12.51 p.m.
MR SPEAKER: Peress li issa hawn quorum il-Kamra tista' tkompli bix-xogħol tagħha.
L-Ordni għall-Kumitat ġie moqri.
FIL-KUMITAT
L-Onor. Michael Bonnici, Viċi President tal-Kumitati, jippresjedi.
Klawsola 11 - Eżenzjonijiet. (Kont.)
Clause 11 - Exemptions. (Cont.)
ONOR. ALFRED PORTELLI: B'referenza għat-Tieni Skeda Taqsima 2 partita 17 dwar proprjeta' immobbli li tgħid:
"(a) il-kiri jew l-għoti ta' akkomodazzjoni f'kull fond li għall-għan ta' dak il-kiri jew dik l-akkomodazzjoni jenħtieġ li jkollu liċenzja bis-saħħa ta' l-Att dwar il-Lukandi u l-Istabbilimenti li jipprovdu Ikel jew ta' l-Att dwar il-Guest Houses u Postijiet Furnished għall-Btala jew ġewwa holiday camp jew camping site;"
nixtieq nistaqsi lill-Ministru jekk f'dan ir-rigward hemmx ċans li jinħolqu abbużi fis-sens li minkejja li l-Liġi qiegħda tgħid furnished għall-btala ... Il-Ministru jaf li jkun hemm nies li peress li ma jkollhomx fejn joqogħdu imorru jikru furnished flat temporanjament? Jiġifieri dan ifisser li sid il-furnished flat se jikri l-flat b'kera ogħla minn dak normali ladarba se jeħel il-VAT. Barra minn hekk, il-Ministru jaf li hemm min jaqbad u jkeċċi lil dawn in-nies x'ħin irid? Infatti dalgħodu stess għadu kemm kelli tweġiba għal mistoqsija parlamentari fejn kont semmejt familja li kienet toqgħod ġo furnished flat għaliex ma kellhiex fejn toqgħod u keċċewha minn hemmhekk u llum il-ġurnata hija homeless u ilha madwar xahrejn torqod ġo vann li ngħata lilha minn benefattur. Jiġifieri nixtieq nistaqsi lill-Ministru jekk kemm-il darba jidhirlux li jistgħu jsiru abbużi f'dan is-sens. Dan qed nitkellem fuq każ li ressaqtu fil-Parlament u ngħatajt tweġiba għalih dalgħodu u t-tweġiba stess turi kemm verament wieħed m'għandux jieħu għal dak li qed jgħid il-Ministru responsabbli mill-housing li l-11,000-il applikazzjoni li kien hemm quddiem id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali, niżlu għal 3,000. It-tweġiba li tani turi kemm verament hemm nies li m'għandhomx fejn joqogħdu u ma weġbux għall-ittra li kien bagħtilhom id-Dipartiment.
ONOR. JOHN DALLI: Dwar dan l-punt ngħid li kull kirja għall-Maltin, irrispettivament minn jekk huwiex furnished jew le, hija eżenti mill-VAT.
ONOR. ALFRED PORTELLI: Jiġifieri jekk wieħed Malti mar Għawdex u kera flat għall-btala, dan ma jħallasx il-VAT fuq il-kirja?
ONOR. JOHN DALLI: Iva, u anke jekk Għawdxi jiġi Malta, meta jikri ma jħallasx VAT fuq il-kirja.
Mr Chairman, hawnhekk nixtieq inressaq emenda oħra li tgħid hekk:
"PP" Minflok il-kliem "partita 11" fil-partita 19 tat-Tieni Skeda għandhom jidħlu l-kliem "partita 14".
"PP" For the words "item 11" in item 19 of the Second Schedule, there shall be substituted the words "item 14".
THE CHAIRMAN: Hemm aktar rimarki? L-Onor. Mifsud Bonnici.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Jien għadni qed nitkeb xi emendi dwar punti li qanqalt diġa'. Per eżempju, dwar il-Marsa Yard ...
ONOR. JOHN DALLI: Dwar il-Marsa Yard diġa' għidt li hija ażjenda kummerċjali u trid timxi fuq l-istess bażi ta' ażjendi kummerċjali li fihom hemm il-provvedimenti fil-Liġi stess li dawn lanqas iħallsu VAT billi kollha huma export oriented. Allura tkun superfluwa għal kollox.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Mr Chairman, nixtieq inressaq din l-emenda:
"QQ" F'paragrafu (5) tal-partita 11 ħassar il-kliem "inkapaċitati f'vetturi mibnija proprju għal dan il-għan" u daħħal il-kelma "inkapaċitata".
"QQ" In paragraph (5) of item 11 delete the words "disabled persons in vehicles specially designed for that purpose" and insert the words "disabled persons".
Issa baqgħali żewġ emendi oħra li għad iridu jinkitbu.
THE DEPUTY CHAIRMAN: L-Onor. Alfred Portelli.
ONOR. ALFRED PORTELLI: Bħalma jaf il-Ministru, fis-seduta preċedenti kont tajt l-eżempju ta' l-Għaqda Sammaritani. Jekk, per eżempju, din torganizza fiera u jkollha oġġetti li għandhom il-VAT fuqhom u oġġetti li m'għandhomx. L-ewwelnett nixtieq nistaqsi lill-Ministru jekk hux fid-diskrezzjoni tiegħu li jinħareġ permess u t-tieni nett nistaqsih jekk f'każ li jkun hemm fiera u jkun hemm nofs l-affarijiet bil-VAT u n-nofs l-ieħor mingħajr VAT, iridx isir xi avviż minn qabel jew inkella d-Dipartiment jistax jagħti eżenzjoni hu mill-VAT. Ipprovajt nieħu kollox f'daqqa għaliex ma baqax ħin.
ONOR. JOHN DALLI: Mr Chairman, fil-Liġi stess hawn provvedimenti ta' x'jiġri fil-każ li organiżżazzjonijiet filantropiċi jagħmlu fund raising activities. Jiġifieri jien naħseb li jkun aħjar li l-ewwel naqraw ftit il-materjal li għandna quddiemna.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Sar il-ħin, il-Kumitat huwa sospiż skond il-Mozzjoni ta' Proċedura Nru. 166 tas-26 ta' Lulju, 1994.
Skond il-Mozzjoni ta' Proċedura Nru. 166 tas-26 ta' Lulju, 1994, il-Kumitat ġie sospiż fis-1.00 p.m. u rriżuma fil-5.10 p.m.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Il-Kumitat jista' jkompli bid-diskussjoni dwar il-Liġi tal-VAT. Konna wasalna fi klawsola 11.
L-Onor. Karmenu Mifsud Bonnici.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Mr Chairman, nipproponi din l-emenda:
"RR" Fit-3 partita ħassar il-kliem kollu wara l-kliem "attivita' ekonomika" u daħħal minflok il-kelma "f'Malta".
"RR" In item 3 delete all the words following the words "economic activity" and insert instead the words "in Malta".
Id-diffikulta' qiegħda li t-titolu ta' partita 3 tat-Tieni Skeda jgħid:
"Kumpannija reġistrata f'Malta li ma twettaq ebda attivita' ekonomika f'Malta",
pero' meta niġu għall-eżenzjoni, barra dik hemm kwalifika oħra li tgħid:
"Il-provvista ta' kull servizz imsemmi fil-paragrafu (ċ) tal-partita 6 ta' l-Ewwel Skeda li tinsab ma' dan l-Att lil kumpannija reġistrata f'Malta li ma twettaq ebda attivita' ekonomika f'Malta ..."
- dik hija eżenti u nifhmuha, imma mbagħad tkompli tgħid -
"... u li ma tkunx kumpannija li l-kapital jew jeddijiet ta' votazzjoni tagħha jkunu jappartjenu, direttament jew indirettament, f'qies ta' ħamsin fil-mija jew iktar, lil individwi li jkollhom indirizz permanenti jew ikunu soltu joqogħdu f'Malta.".
Ladarba l-kumpannija allavolja tkun tal-Maltin, anke mija fil-mija, ma tiżvolġix attivita' ekonomika f'Malta, m'għandhiex tkun soġġetta għat-taxxa. Din il-kumpannija kemm jekk tkun tal-Maltin, kif ukoll jekk ma tkunx, una volta ma twettaq ebda attivita' ekonomika f'Malta, m'għandhiex għalfejn tkun soġġetta għat-taxxa. Jidhirli li l-aħħar kwalifika fejn hemm il-kliem "direttament jew indirettament, f'qies ta' ħamsin fil-mija jew iktar" m'għandhiex tidħol. Jekk din il-kumpannija ma twettaq ebda attivita' ekonomika f'Malta, anke jekk tkun mija fil-mija tal-Maltin, meta tirċievi consultancy minn barra m'għandhiex tiġi ntaxxata għaliex m'hix qed tiżvolġi attivita' ekonomika f'Malta.
THE DEPUTY CHAIRMAN: L-Onor. John Dalli.
ONOR. JOHN DALLI: Partita 3 hija ntiża għall-kumpanniji li huma offshore jew għal dawk il-foreign companies taħt l-Investment Services Act u l-Financial Centre concepts li għaddejna ftit ilu. Qegħdin ngħidu illi l-provvista ta' servizz lil dawn il-kumpanniji ma tkunx soġġetta għall-VAT.
THE DEPUTY CHAIRMAN: L-Onor. Karmenu Mifsud Bonnici.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Jiena naċċetta li dik hija intenzjonata għal dan it-tip ta' kumpanniji, imma hemm xi raġuni għaliex ma tkunx applikata l-istess r-regola għall-kumpanniji Maltin li ma jikkwalifikawx bħala offshore u li ma jiżvolġux attivita' ekonomika f'Malta?
ONOR. JOHN DALLI: Il-problema hija x'jistgħu jkunu dawn il-kumpanniji.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Kumpanniji li jiżvolġu attivita' ekonomika barra minn Malta.
ONOR. JOHN DALLI: Se niċċekkja ftit dan il-punt ma' l-advisers.
THE DEPUTY CHAIRMAN: L-Onor. Joe Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: Niġbed l-attenzjoni tas-Sedja li m'hawnx quorum.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Il-Kumitat huwa sospiż.
Skond Ordni Permanenti Nru. 111 il-Kumitat ġie sospiż fil-5.40 p.m. u l-Kamra rriżumiet fil-5.41 p.m.
MR SPEAKER: Peress li hawn quorum, il-Kamra tista' tkompli bix-xogħol tagħha u terġa' tirrisolvi ruħha f'Kumitat.
L-ordni għal Kumitat ġie moqri.
FIL-KUMITAT
L-Onor. Michael Bonnici, Viċi President tal-Kumitati, jippresjedi.
Klawsola 11 - Eżenzjonijiet. (Kont.)
Clause 11 - Exemptions. (Cont.)
THE DEPUTY CHAIRMAN: L-Onor. Karmenu Mifsud Bonnici.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Mr Chairman, nipproponi din l-emenda:-
"SS" It-Tieni Skeda
Fil-paragrafu (4) tal-partita 11 ħassar il-kliem "li tagħmel profitt jew approvati mill-Ministru għall-għanijiet ta' dan il-paragrafu bħala istituzzjoni li l-attivitajiet tagħha jaqgħu fi ħdan il-politika soċjali u welfare policy tal-gvern" u daħħal minflok il-kliem "li tagħmel profitt".
"SS" Second Schedule
In paragraph (4) of item 11 delete the words "a non profit making institution or approved by the Minister for the purpose of this paragraph as an institution whose activities fall within the social and welfare policy of the government" and insert instead the words "a non-profit making institution".
Irrid nerġa' nirreferi għal emenda "QQ" li diġa' ressaqt, fejn neħħejna l-kwalifika ta' vettura li trid tkun mibnija għal dak l-iskop. Naħseb li flok il-kelma "inkapaċitati" nistgħu ngħidu "persuni b'diżabilita'", terminoloġija li kulħadd jaċċetta li għandha tieħu post il-kelma "inkapaċitati". Fit-test Ingliż ta' l-Abbozz hemm "disabled persons" waqt li l-kelma wżata fit-test Malti hija "inkapaċitati". Naħseb li jkun aħjar jekk din tiġi mibdula għal "persuni b'diżabilita'". (Interruzzjonijiet)
ONOR. JOHN DALLI: Kif qed jgħid l-Onor. Karmenu Mifsud Bonnici, nistgħu nagħmluha "persuni b'diżabilita'"
Mr Chairman, nipproponi din l-emenda:
"TT" It-Tieni Skeda
Il-partita 11 tat-Tieni Skeda għandha tiġi emendata kif ġej:
(a) minflok il-paragrafu (3) tagħha għandu jidħol li ġej:
"(3) il-provvista ta' organi umani, demm uman u ħalib uman"; u
(b) fit-test Malti fil-paragrafu (5) tagħha minflok il-kelma "inkapaċitati" għandhom jidħlu l-kliem "persuni b'diżabilita'".
"TT" Second Schedule
Item 11 of the Second Schedule shall be amended as follows:
(a) in paragraph (3) thereof there shall be substituted the following:
"(3) the supply of human organs, human blood and human milk"; and
(b) in paragraph (5) of the Maltese text for the word "inkapaċitati" there shall be inserted the words "persuni b'diżabilita'".
(Interruzzjonijiet) Onor. Karmenu Mifsud Bonnici, sieħbi qed jissuġġerili - u forsi nistgħu naqblu dwar dan - li minflok ngħidu "mibnija" ngħidu "attrezzata".
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Jekk nużaw il-kelma "attrezzata", ikun aħjar.
ONOR. JOHN DALLI: Jekk tibdel l-emenda tiegħek biex minflok il-kelma "mibnija" ngħidu "attrezzata", naċċettawha kif inhi. (Interruzzjonijiet)
Nitlob il-permess tal-Kumitat biex nirtira emenda "TT" .
THE DEPUTY CHAIRMAN: Hawn permess? (Onor. Membri: Iva)
Il-permess ingħata u emenda "TT" ġiet irtirata.
ONOR. JOHN DALLI: Mr Chairman, minflok dik l-emenda, se nipproponi emenda oħra f'dan is-sens:
"UU" It-Tien Skeda
Il-partita 11 tat-Tieni Skeda għandha tiġi emendat kif ġej:-
(a) minflok il-paragrafu (3) tagħha, għandu jidħol li ġej:
"(3) il-provvista ta' organi umani, demm uman u ħalib uman"; u
(b) fil-paragrafu (5) tagħha, minflok il-kelma "inkapaċitati għandhom jidħlu l-kliem "persuni b'diżabilita'" u minflok il-kliem "vetturi mibnija" għandhom jidħlu l-kliem "vetturi attrezzati".
"UU" Second Schedule
Item 11 of the Second Schedule shall be amended as follows:
(a) for paragraph (3) thereof there shall be substituted the following:
"(3) the supply of human organs, human blood and human milk"; and
(b) in paragraph (5) thereof for the words "specially designed" there shall be substituted the words "specially equipped".
Dostları ilə paylaş: |