Kamra tad-deputati


THE CHAIR: Nirringrazzjak. L-Onor. Godfrey Farrugia. ONOR. GODFREY FARRUGIA



Yüklə 212,56 Kb.
səhifə3/4
tarix01.01.2018
ölçüsü212,56 Kb.
#36719
1   2   3   4

THE CHAIR: Nirringrazzjak. L-Onor. Godfrey Farrugia.
ONOR. GODFREY FARRUGIA: Nirringrazzjak, Supretendent, u ħadt pjaċir nisma’ li ġejt b’soluzzjoni li jekk tiġi studjata tista’ ttaffi mill-problema akuta li hemm, kemm tat-traffiku kif ukoll tal-parkeġġ. Semmejt il-gabbana, li forsi hija oġġett uniku għax mhux is-soltu, imma problema aktar komuni hija dik li jkun hemm ammont kbir ta’ karozzi għat-tiswija li jdumu fl-istess triq għal tul ta’ żmien, anke mingħajr magna. Daqs tliet kwarti ilu għaddejt minn Triq Luret Cutajar, għax kelli vista f’dawk l-inħawi, u bħas-soltu kien hemm, mhux double parking, imma quadruple parking, li biex jgħaddu l-karozzi miż-żewġ naħat iridu jsibu spazju ħalli jkunu jistgħu jgħaddu nkaxxati bejn il-quadruple parking. Din hija xi ħaġa ta’ kuljum.
Problema oħra li hemm hija l-ħatt tat-trailers. Hemm ċerti ażjendi li jġibu l-merkanzija tagħhom permezz ta’ trailers u dawn iridu jinħattu fi Triq Luret Cutajar. Din il-ġimgħa wkoll kont għaddej minn din it-triq – jien niffrekwenta t-toroq ta’ Ħaż-Żebbuġ il-ħin kollu u naħseb li qiegħed on patrol aktar mill-Pulizija! – u rajt trailer qed jinħatt u fl-istess ħin b’double parking fit-triq. Jistgħu forsi t-trailers jingħataw ħinijiet speċifiċi li fihom jistgħu jħottu biex b’hekk ma joħolqux konġestjoni? Hawnhekk nindirizza indirettament lill-industrijalisti preżenti. Jistgħu, pereżempju, jaraw li jagħmlu skeda meta għandhom iġibu l-karozzi minflok iġibuhom kollha f’daqqa u joħolqu konġestjoni, għalihom stess, għall-industrijalisti sħabhom tal-madwar, u anke għar-residenti? Jien naħseb li b’daqsxejn ta’ ħsieb kulħadd jista’ jinqeda u fl-istess ħin nippruvaw insolvu s-sitwazzjoni. Nemmen li 59 tickets f’sena huma ftit f’post fejn l-iskorrettezza min-naħa tal-bon ordni hija rampanti.
SUPRETENDENT KEVIN FARUGIA: Dawk ingħataw fi triq Luret Cutajar biss.
ONOR. GODFREY FARRUGIA: Jien naf li intom tkellmuhom bil-kelma t-tajba wkoll qabel ma toħorġu ticket għax wara kollox kulħadd huwa ħaddiem, imma intom tafu min hu riċediv u naħseb li għandkom tieħdu aktar azzjoni fuq dawk it-tip ta’ persuni għax qegħdin anke joħolqu nkonvenjent lil sħabhom li jaħdmu f’dik iż-żona.
SUPRETENDENT KEVIN FARRUGIA: Rigward it-trailers xtaqt niċċara – din kont dħalt fiha personalment – li kien hemm żmien meta l-permessi kienu jinħarġu mill-kunsilli lokali. Daqs sena ilu ngħata ruling li l-permessi għal containers li jkunu mal-art, jiġifieri mhux fuq ir-roti, għandhom jinħarġu mill-kunsilli lokali, mentri l-permessi għal dawk li jkunu fuq ir-roti nagħtu n-no objection aħna, u waħda mill-kundizzjonijiet li nagħmlu hija li ma jagħmlux obstruction.
ONOR. RYAN CALLUS: Mingħand min ingħata r-ruling?
SUPRETENDENT KEVIN FARRUGIA: Mill-awtorità li hija responsabbli mill-kunsilli lokali li għandhom l-uffiċini tagħhom il-Marsa. Jekk jidħol ilment, aħna mmorru ninvestigaw, imma rigward il-containers irrid nenfasiżża li l-għada li jinħareġ il-permess – aħna noħorġu l-permess ġurnata qabel – il-Pulizija tmur fuq il-post biex tara li dan mhux qed joħloq inkonvenjent. Container jieħu ħin twil biex jinħatt u allura jkollna ħin biżżejjed biex immorru naraw x’qed jiġri. Forsi din hija s-soluzzjoni fejn jidħlu l-containers, jiġifieri li jkun hemm follow-up.

ASSISTENT KUMMISSARJU MARTIN SAMMUT: Sur President, jekk tippermettili, xtaqt nagħmel kumment żgħir biex niċċara l-punt dwar ir-ruling. Kien hemm opinjonijiet diverġenti ta’ kif tiġi interpretata l-liġi rigward il-ħatt ta’ containers. Fil-fatt, dawn l-opinjonijiet differenti kienu jikkonċernaw jekk il-container jibqax fuq iż-żiemel jew inkella jitniżżilx fl-art. L-interpretazzjoni li kellna mingħand id-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali, vis-à-vis l-permessi li joħorġu l-istess kunsilli lokali, kien fis-sens li jekk kemm-il darba l-container jitniżżel mal-art allura jitqies bħala oġġett u allura jkollok bżonn il-permess tal-kunsill lokali bħal meta jkollok bżonn permess għal skip jew crane; it’s a one time permit li joħroġ il-kunsill lokali. Jekk kemm-il darba l-container jibqa’ mgħobbi fuq it-trakk jew ix-xogħol jinħatt minn fuq it-trakk, allura tkun trid tagħti notifika lill-Kummissarju tal-Pulizija. Qed isiru diskussjonijiet bejn il-Pulizija, TM u d-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali biex din l-anomalija, jekk tista’ ssejħilha anomalija, nippruvaw nindirizzawha. Suġġeriment żgħir biex forsi nippruvaw intaffu din il-problema huwa li jekk il-kunsill lokali jara li jkollu diversi rikjesti biex jinħattu l-merkanzija, jipprova jara li dawn ma jinħattux fl-istess ġurnata u fl-istess ħinijiet, imma kemm jista’ jkun ikun hemm min iħott ix-xogħol illum, min iħott ix-xogħol għada, min jopera filgħodu, u min jopera filgħaxija, biex jiġi llimitat l-inkonvenjent.
ONOR. RYAN CALLUS: L-ewwel nett, nirringrazzjakom tax-xogħol tagħkom u ningħaqad mal-Onor. Godfrey Farrugia fejn qal li ġejtu bil-proposti; fl-aħħar mill-aħħar qegħdin hawnhekk biex nindirizzaw l-affarijiet u nagħmluhom għall-aħjar. Għar-rigward is-sinjali tal-parkeġġ, irrid ngħid li hemm postijiet fejn ma jkunx hemm bżonnhom għax in-nies jirregolaw lilhom infushom u allura tgħaddi mingħajrhom, però nifhem li f’din iż-żona, fejn hawn kontinwament diżgwid bejn ir-residenti u n-negozjanti, il-parkeġġ huwa problema. Jista’ jkun minnu wkoll li meta ddaħħal is-sinjali tal-parkeġġ jipparkjaw inqas nies milli kieku ma jkunx hemm sinjali għax b’xi mod in-nies huma aktar kreattivi fil-mod kif jipparkjaw. Intom ġieli ddiskutejtu dan mal-kunsill lokali? Kien hemm xi reżistenza min-naħa tal-kunsill lokali biex dawn is-sinjali mal-art ma jsirux? Qed nistaqsi dan għax illum għandna din is-sitwazzjoni u anke jekk dan il-pjan li qed jiġi propost ma jiġix applikat, naħseb li għandna nieħdu din l-opportunità biex nindirizzaw numru ta’ affarijiet ħalli l-istakeholders kollha jkunu jistgħu jiġu mismugħa.
SUPRETENDENT KEVIN FARRUGIA: Xtaqt nistaqsi jekk hawnx xi rappreżentant ta’ TM għax jekk m’iniex sejjer żball dawn huma responsabbli mill-parking spaces. Ġieli kien hemm brainstorming sessions bejn il-Pulizija u l-kunsill lokali u kulħadd huwa konxju tas-sitwazzjoni li tinsab fiha dik iż-żona.
THE CHAIR: Il-kunsill lokali ġie mistieden li jattendi, però qalulna li llum għandhom laqgħa tal-kunsill li kienet ġiet skedata minn qabel u allura ma setgħux jiġu, però qalulna li kien hawn rappreżentant fil-laqgħa li saret il-ġimgħa li għaddiet. Rigward TM, aħna stedinnihom u qalulna li se jibagħtu rappreżentant; we’ll make sure li darb’oħra jkun hawn xi ħadd min-naħa ta’ TM.
ONOR. MARLENE FARRUGIA: Supretendent, ħareġ xi ħaġa mill-brainstorming sessions li kellkom mal-kunsill lokali u s-suġġerimenti validissimi li għamiltu? Rajtu kambjament minn dak li kontu ssuġġerejtu meta kellimtu lill-kunsill lokali? Qabel ma ħarġet din il-proposta tal-PA, kien hemm xi forma ta’ konsultazzjoni magħkom biex forsi jieħdu feedback dwar x’tisgħu tipproponu biex dawn il-problemi ma jikbrux?
SUPRETENDENT KEVIN FARRUGIA: Li nista’ ngħid huwa li għal dawn il-laqgħat kienet preżenti l-ispettura li hija responsabbli minn Ħaż-Żebbuġ. Dwar x’feedback kien hemm min-naħa ta’ TM, ma nistax inwieġbek jien; għalhekk staqsejt jekk hawnx xi ħadd min-naħa ta’ TM preżenti hawnhekk ħalli naraw jekk ħadux is-suġġerimenti inkonsiderazzjoni.
ONOR. MARLENE FARRUGIA: Id-direzzjoni tat-traffiku taqa’ taħt ir-responsabilità tal-kunsill lokali, però tal-parkeġġi ma jaqgħux taħthom. Kontu ssuġġerejtuha din xi darba?
SUPRETENDENT KEVIN FARRUGIA: Li nista’ ngħid huwa li kienet saret brain storming session u kienet issemmiet.
ONOR. MARLENE FARRUGIA: Il-PA qatt ma sejħulkom biex tagħtu s-suġġerimenti tagħkom qabel ma ħarġu bil-policy l-ġdida? Kieku ma ġejtux imsejħa minn dan il-Kumitat, intom kontu tagħtu l-feedback tagħkkom? Tħossu li għandkom tagħtu feedback?
SUPRETENDENT KEVIN FARRUGIA: Aħna konna qegħdin nagħmlu l-infurzar tagħna u nagħtu feedback tagħna lill-kunsill lokali.
ONOR. MARLENE FARRUGIA: Il-kunsill lokali kien fid-dover li jagħti l-feedback lill-PA. Xtaqt nistaqsik ukoll jekk għandekx nies biżżejjed biex taħdem.
SUPRETENDNET KEVIN FARRUGIA: Fil-Pulizija qatt ma jkollok nies biżżejjed. Li nista’ ngħid huwa li konna 1,500 pulizija u issa qbiżna l-2,000, imma jekk il-popolazzjoni tkompli tikber, il-karozzi jkomplu jiżdiedu, u l-business ikompli jikber, il-Pulizija jkompli jiżdidilha x-xogħol. Fuq din iż-żona, aħna mhux biss infurzar ta’ dan it-tip nagħmlu. Forsi ftit jafu li bil-lejl aħna nagħmlu r-rondi tagħna minħabba s-serq. Nagħmlu rondi wkoll fil-ħin li n-nies imorru l-quddies biex jekk forsi dak li jkun jgħaddilu l-ħsieb... Jiġifieri aħna mhux infurzar biss nagħmlu.
THE CHAIR: Hawn aktar domandi? Ma jidhirx li hawn għalhekk nirringrazzjakom. Irrid ngħid li l-Kumitat kien stieden lil TM biex jibagħtu rappreżentant u huma qalulna li kien ġej is-Sur David Sutton, però mid-dehra mhux qiegħed hawn. Irrid niġbed l-attenzjoni ta’ TM li dan huwa disprezz lejn il-Kumitat u nistenna li għal-laqgħa li jmiss, li se ssir fis-27 ta’ Marzu, ikunu preżenti flimkien mal-kunsill lokali. Ma naħsibx li l-kunsilli lokali se jkollu laqgħa oħra dakinhar.
Nixtieq issa nisimgħu aktar mingħand dawk li huma nvoluti direttament fiż-żona, però importanti li nkunu kostruttivi, jiġifieri filwaqt li huwa tajjeb li tiġu hawnhekk u tgħidulna bil-problemi li hemm – ilkoll nafu li hemm ħafna problemi u li ma kienx hekk, kieku l-Gvern ma talabx lill-PA biex tagħmel pjan; aħna qegħdin nippruvaw nagħmlulkom ħajjitkom ftit aktar faċli, kemm ta’ min qed jgħix kif ukoll ta’ min qed jaħdem f’din iż-żona – huwa importanti li kull min jagħmel intervent mhux biss jgħid xi problemi hemm u jgerger fuq il-ġara tiegħu u fuq ta’ fuqu u fuq ta’ maġenbu, eċċ., imma anke joħroġ bi proposti u jgħidilna x’jaħseb hu li huwa l-aħjar mod li bih nimxu ‘l quddiem, għax inkella nkunu qed inparlaw fil-vojt; nibqgħu nagħqdu u ma naslu mkien.
Insejjaħ issa lill-persuna li qed tirrappreżenta lir-residenti biex, jekk jogħġobha, tersaq madwar il-mejda.
AVUKAT VICTOR BUGEJA (Rappreżentant ta’ diversi residenti ta’ Ħal Mula): Kif diġà ntqal, 20 sena ilu din iż-żona bdiet bħala casa bottega, però minn dak iż-żmien ‘il hawn kulħadd jaf u jirrikonoxxi li l-attività industrijali eskalat b’mod u manjiera li dak li oriġinarjament kien intenzjonat li jkun casa bottega, illum spiċċa b’entitajiet joperaw minn hemmhekk mingħajr m’għandhom residenzi fuqhom. Allura hija ħaġa naturali li din tagħti lok għal diversi kunflitti għax kulħadd ikollu l-interessi partikolari tiegħu. Naturalment, l-interessi ta’ dawk li m’għandhomx residenza hemmhekk jistgħu jkunu diversi minn dawk li għandhom il-bottegin u r-residenza hemmhekk, u allura kapaċi huma stess iżommu l-bilanċ bejn li tkun resident u li tkun operatur.
Kif diġà smajna, l-entitajiet kollha qalu li m’għandhomx il-manpower biżżejjed biex jaħdmu, u allura la m’għandhomx dan il-manpower, il-verità hi li m’hemmx enforcement. Huwa tajjeb li jsiru s-suġġerimenti, u anke aħna għandna suġġerimenti x’nagħmlu, però l-ewwel ma rridu, biex inkunu fair u effettivi magħna nfusna, huwa li nidentifikaw x’inhi l-problema, għax jekk ma nagħmlux hekk, dak li qed jissuġġerixxu li jsir l-entitajiet governattivi, kif ukoll dak li se nkunu qegħdin nissuġġerixxu aħna, ikun barra l-kuntest u ma jinftehimx. Ħalli nibda mill-pożizzjoni tal-Gvern.
Il-Gvern qiegħed jirrikonoxxi li f’Ħal Mula s-sitwazzjoni tant eskalat li llum hija kaotika, u huwa pass fid-direzzjoni t-tajba li dan il-Kumitat qed jindirizza din il-kwestjoni, però li l-Gvern jgħid li sakemm tinbidel il-policy, il-permessi se jibqgħu ħerġin – din hija d-dikjarazzjoni li għamel l-Eżekuttiv u kkondividiha llum iċ-Chairman Eżekuttiv tal-PA –... Mela qed ngħidu li għandna problema, qed nirrikonoxxu li din il-problema hija kbira għax eskalat, m’għandniex enforcement, għandna l-entitajiet governattivi kollha qed jgħidu li m’għandhomx il-manpower biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni, qed nagħmlu l-effort tagħna, ġie s-Supretendent u qal li f’sena ta 57 ċitazzjoni – kien hemm xi ħadd ħdejja li qalli li dawk missu tahom kuljum –... Jien ma dħaltx fl-istorja ta’ dawn il-problemi llum. Fil-fatt l-ewwel darba li kellmuni r-residenti ta’ Ħal Mula kien, bejn wieħed u ieħor, 20 sena ilu. Dakinhar niftakarni mmur hemmhekk niltaqa’ mar-residenti li kienu diġà qed jilmentaw li s-sitwazzjoni qed tiddeġenera. Meta għandna sitwazzjoni li ħallejniha tiddeġenera għal 20 sena, imbagħad ikollna l-Eżekuttiv jgħid li se nagħmlu effort, però fl-istess nifs jgħid li se nħallu kollox għaddej għax il-liġi hi dik li hi... Jien naħseb li l-ewwel pass fid-direzzjoni t-tajba għandu jkun li nissospendu l-permessi ħalli nkunu nistgħu nagħmlu stocktake tal-problema, imbagħad wara li nifhmu eżattament x’inhi l-problema naraw kif għandna nindirizzawha.
Kif intqal tajjeb illum minn diversi kelliema, one of the major issues li hemm hemmhekk hija l-problema tal-enforcement. L-enforcement u l-problemi li hemm hemmhekk mhumiex biss fir-rigward tal-parkeġġi, tal-ingombru, tal-ħmieġ, tal-istorbju, tan-noise pollution u pollutants oħrajn li qed jiġġeneraw u jintefgħu fl-arja, imma hemm ukoll sitwazzjoni fejn hemm min qed jargumenta li hu m’għandux limitazzjoni ta’ ħin meta jopera l-attività tiegħu. Hemm min – fil-fehma tiegħi bl-aktar mod abbużiv – qiegħed jopera wara ċerti ħinijiet, sa tard bil-lejl, u saħansitra anke nhar ta’ Ħadd. Hawnhekk għandna industrija li qiegħda qalb ir-residenti, u tajjeb jew ħażin, a contrario senso, hemm ir-residenti qalb l-industrija.
Il-pożizzjoni tagħna hi l-pożizzjoni tal-kompromess. Meta kellmuni r-residenti u jien ippruvajt nanalizza s-sitwazzjoni kif inhi llum, rajt li kenitx se tkun an easy task għal xi ħadd li jsib soluzzjoni għas-sitwazzjoni mgerfxa li hemm f’Ħal Mula, però naħseb li għandu jkun hemm żewġ binarji li rridu nimxu magħhom; dak tal-kompromess fejn nużaw il-bonsens, u dak tal-enforcement. Sfortunatament mhux kulħadd jaderixxi mal-liġi, abbużi jsiru kuljum bl-aktar mod flagranti u l-awtoritajiet u d-dipartimenti konċernati għandhom il-limitazzjonijiet tagħhom. Nhar il-Ħadd kont qed nitkellem ma’ xi klijenti dwar din il-kwestjoni u kien hemm min qalli li għamel ħafna lmenti u ċempel ħafna drabi l-għassa, imma by the time li jmorru l-Pulizija, min ikun qed jikser il-liġi jneħħi kollox. Veru li l-Pulizija għandhom il-limitazzjonijiet, però imbagħad għandek ukoll pulizija – u din nafuha wkoll – li jċemplu lill-operaturi u jgħidulhom biex ineħħu għax għandhom rapport u kienu se jmorru fuq il-post. Din smajniha diversi drabi. Jiġifieri s-serjetà għall-enforcement trid tiġi minn kull naħa. Min suppost qiegħed hemm biex jagħmel l-enforcement irid jagħmel l-enforcement u mhux inkellmu lil dak li jkun bil-kelma t-tajba; tkellmu bil-kelma t-tajba darba, tnejn, tlieta, imma mhux aktar. Smajna lill-Onor. Farrugia jgħid li kien hemm min kellu l-ardir ikellmu ħażin. Jiġifieri dan Deputat tal-poplu u tabib qed jiġbed l-attenzjoni lil min qed jikser il-liġi, u jkellmu ħażin! U jkellem ħażin lil Deputat tal-poplu, aħseb u ara x’jagħmel mar-residenti!
Ir-residenti, tajjeb jew ħażin, għandhom ir-residenza tagħhom hemm, ċerti industriji żviluppaw u stabbilixxew l-industrija tagħhom hemm, però kull min qed jopera jrid ikollu permess għax ħafna minnhom, jew għandhom permess neither here nor there, jew inkella adirittura m’għandhomx permess. U qed isir eżerċizzju biex min m’għandux permess jottempora ruħu, u meta jiġri hekk inkunu qed nimminaw aħna stess dak li dan il-Kumitat għandu jagħmel, jiġifieri li jistudja l-problema, jirregolarizza, u jara the way forward. Jekk in the first place qed tirrikonoxxi li għandek problema, tkompli toħroġ il-permessi għall-industrija b’mod indiskriminat, imbagħad naraw? U jekk ma niftehmux x’se jiġri? Se nkomplu ngħaffġu? Jekk kif qal iċ-Chairman tal-PA, din il-kwestjoni tiġi riżolta s-sena d-dieħla, fil-ġirja li qegħdin fiha għall-elezzjoni, kemm se jinħarġu permessi? Kemm se nikkumplikaw aktar ħajjitna? Mhux ħajti għax jien ma noqgħodx hemm, imma ħajjet ir-residenti li joqogħdu hemm. Jien nistieden lill-Eżekuttiv li jekk verament iridu li tissolva din il-problema, li sfortunatament ikolli ngħid il-politiċi wassluna fiha, irid ikun hemm commitment u ngħidu “issa daqshekk”, naraw kif naqbdu l-barri minn qrunu u nindirizzaw verament il-problema. Dak huwa l-ewwel suġġeriment kardinali għax altrimenti qed ngħaddu n-nies biż-żmien.
Dan l-aħħar kelli l-opportunità mmur il-PA niċċalinġja applikazzjoni, u ninsab infurmat li bħalissa għaddejja ġirja biex min mhux qiegħed sew nirranġawlu għax issa ċ-ċans għax malli jgħaddu r-regolamenti, imbagħad bye bye. Ma naħsibx li dan huwa sew. Dan huwa insult għall-intelliġenza tar-residenti kollha li huma in bona fede f’Ħal Mula.
Dwar il-kwestjoni tal-parkeġġ issemmew parking spaces u ħinijiet u one-way system. Jien inżid, pereżempju, l-introduzzjoni tal-arloġġ jew il-parkeġġ riżervat għar-residenti f’ċerti akkwati. (Interruzzjonijiet)
THE CHAIR: Ippermettili ftit, Dr. Buġeja. Nitlobkom iżommu l-kwiet; min se jitkellem se jkollu joħroġ barra. Dr. Buġeja, tista’ tkompli.
AVUKAT VICTOR BUGEJA: Qed insemmi l-arloġġ għax hemmhekk ikun hemm ħafna nies, li la huma residenti u lanqas industrijalisti, li jmorru jitilqu l-vetturi tagħhom hemmhekk bl-addoċċ u dan kollu a skapitu tar-residenti. Jiġifieri minbarra l-vetturi tar-residenti, tal-ħaddiema li jaħdmu fl-akkwati, u tal-operaturi, to top it all, ikun hemm ukoll il-vetturi tal-klijenti li jmorru jħallu l-vetturi hemmhekk, imbagħad jiġi xi ħaddieħor jiġborhom sakemm isir ix-xogħol, imbagħad jiġu għaliha nofs ta’ nhar wara, jew xi ġurnata wara, jew tlett ijiem wara, jew anke ġimgħa wara, imbagħad ma jkollhomx fejn idaħħlu l-vetturi fil-garaxx imma biex jikkapparraw ix-xogħol jgħidulhom biex iġibu l-vetturi allavolja ma jkollhomx fejn idaħluhom, u allura jħalluhom barra. Dan kollu jrid jiġi kkontrollat, u jiġi kkontrollat billi jkun hemm parkeġġ riżervat għar-residenti bħalma hemm f’ċerti bnadi oħrajn u jkun hemm l-arloġġ għal min mhux resident jew mhuwiex operatur f’dik iż-żona.
Hemm kwestjonijiet oħrajn, bħal dik tal-ħinijiet. Kont qed ngħid li kull min qed jopera industrija hemmhekk, suppost qed jopera skont il-permess, u suppost il-permess jelenka, jew għandu jelenka, kundizzjonijiet ta’ kif għandek topera, il-ħinijiet li fihom għandek topera, il-kompartament tiegħek fuq barra, x’għandek tħalli u ma tħallix barra, u kwestjonijiet ta’ health and safety. Jekk m’hemmx dawn il-kundizzjonijiet, allura għandhom isiru, u għandna naraw li jsiru spezzjonijiet regolari, mhux nistennew ir-rapporti. Jekk filter suppost irid jinbidel every so often, għalfejn għandu jkun ir-resident li jrid joqgħod jagħmel ir-rapporti lil dak u lill-ieħor u joqgħod tiela’ u nieżel il-qorti jħarrek lil dak u lill-ieħor għax qed joħloqlu inkonvenjent? Għaliex m’għandhomx ikunu dawn l-awtoritajiet u l-Gvern, li jagħti l-għodda lil dawn l-entitajiet, li jmorru jagħmlu spezzjonijiet spissi u jaraw li kull entità qed taderixxi mal-kundizzjonijiet tal-permess f’kull aspett u f’kull livell? Għaliex għandna dejjem induru fuq ir-residenti? Għaliex għandkom ikunu r-residenti li joqogħdu ġejjin u sejrin l-għassa jagħmlu r-rapporti? Għaliex m’għandux ikun hemm mekkaniżmu li jaħdem b’mod awtomatiku u naċċertaw... Biex inġib eżempju vag, meta l-Gvern irid jara li l-VAT tinġabar ma joqgħodx jistenna r-rapporti, imma jibgħat lill-ispetturi u jġennuk. Għaliex m’għandniex ikollna mekkaniżmu wkoll f’dan il-livell biex naraw li l-affarijiet jimxu sew? Kieku l-affarijiet jimxu sew kieku dan il-qrid li ili nisma’ għal dawn l-aħħar 20 sena, ilu li spiċċa u dawn il-kwestjonijiet ilhom li ġew riżolti. Dawn il-kwestjonijiet ma ġewx riżolti għax konna amateurish fil-mod kif indirizzajnihom; għax jekk nagħmel “hekk” nirfes il-kallu ta’ “dan” u għax jekk nagħmel “hekk” nirfes il-kallu tal-“ieħor” u għax “hekk” u għax “hekk” u għax “hekk”, u ħallejna l-affarijiet jiddeġeneraw! Jekk irridu nkunu serji, ma nistgħux noqogħdu niġbdulhom il-widnejn biss, irridu nkunu Drakonjani u ebsin għax iż-żmien tat-twissijiet, wara dan iż-żmien kollu, suppost għadda. Jekk naspiraw li nkunu l-aħjar fl-Ewropa ma nistgħux nittolleraw li dawn l-affarijiet jibqgħu għaddejjin a skapitu tar-residenti, għax hija l-industrija li qed tkun ta’ inkonvenjent, ħafna drabi mhux b’mod ġustifikat, fil-konfront tar-residenti. Kieku r-residenti qed ikunu ta’ inkonvenjent għall-industrija, kieku nindirizza lir-residenti, imma huwa ovvju – u naħseb li kulħadd jaqbel ma’ dan – li hija l-industrija f’din iċ-ċirkostanza li qed toħloq inkonvenjent lir-residenti.
Jien għedt li rridu nsibu kompromess, u ma naħsibx li se tkun xi ħaġa faċli li wieħed isib tarf din il-kwestjoni, għax tajjeb jew ħażin, hemm ir-residenti li qegħdin qalb l-industrija u hemm l-industrija li qiegħda qalb ir-residenti. Jien ma nistax nifhem kif il-PA se jirnexxilhom joħorġu lir-residenti minn fejn qegħdin u jpoġġuhom band’oħra, jew joħorġu lill-industrija li hemm illum u jpoġġuhom band’oħra. Din is-sitwazzjoni nistgħu almenu nippruvaw nikkontrollawha. U s-suġġeriment tagħna f’dan is-sens hu li naraw li issa li hemm hemm u ma nkomplux inżidu ma’ dak li hemm. Aħna naqblu li jsir zoning, però ma nistax naċċetta li jekk se ndumu sena nistennew biex tittieħed deċiżjoni jibqgħu ħerġin il-permessi, għax inkella x’inhu l-iskop li tikkunsidra li tagħmel iż-zoning meta int stess taf...? Li jinqasmu fi tliet kategoriji nifhem ukoll. Oriġinarjament u idealment l-istorja kellha tkun li l-industrija ma tkunx qalb ir-residenti. Forsi l-leġiżlatur dakinhar... (Interruzzjonijiet)
THE CHAIR: Jekk jogħġobkom, żommu l-kwiet.
AVUKAT VICTOR BUGEJA: ...kellu intenzjonijiet tajbin meta kkunsidra li jkun hemm casa bottega, però illum ċertament qed naraw li din l-affari ma tistax taħdem aktar. Forsi dak iż-żmien il-kunċett kien wieħed tajjeb, imma llum dan m’għadux aktar sostenibbli u allura dawk li hemm ma nistax nifhem kif tista’ tispustjahom.
Mela nerġa’ ngħid li permessi ġodda m’għandhomx jingħataw, u lanqas m’għandna nirregolarizzaw dawk li qed joperaw bla permess. Jien naqbel mal-proposta, li jekk m’iniex sejjer żball semma ċ-Chairman Eżekuttiv tal-PA, li jekk għandek residenti li qegħdin f’żona kummerċjali jew f’żona industrijali u japplikaw biex jestendu r-residenza tagħhom, ma jingħatalhomx permess għax inkella qatt m’inti se tindirizza l-problema. Però bl-istess argument, jekk se jkollok min japplika għal estensjoni tal-industrija f’dik iż-żona li qed ngħidu għandha tkun riżervata għar-residenti, ma tagħtihx permess lanqas għax inkella l-affari se tkompli teskala. Jekk se nibqgħu b’mod indiskriminat noħorġu l-permessi left, right and centre, allura qegħdin naħlu ż-żmien hawnhekk. (Interruzzjonijiet) Jien ġejt biex nitkellem; issa jkollok iċ-ċans tgħid tiegħek.
L-aħħar punt. Skont din il-pjanta, “dawn” it-toroq li huma miżgħuda bir-residenti, qed jiġi propost li jkunu riżervati għall-industrija. Hemmhekk hemm konċentrazzjoni ta’ residenti u allura ma narax li għandha tkun klassifikata industrijali. Qed ngħid hekk għax aħna ma nistgħux nilħqu kompromessi mas-saħħa tan-nies. L-uniku kompromess li r-residenti lesti jikkonċedu hu li ma nżidux, u biex din il-fażi tiġi phased out maż-żmien – forsi mhux fi żmieni – li jrid isir huwa li min joħroġ minn hemm ma jerġax jidħol u jiġi riallokat band’oħra, għax fin-natura tagħha ċerta industrija ma tistax tkun qalb ir-residenti. Ir-regolament jitkellem fuq light industry u jekk wieħed jaqrah tajjeb isib li hemm uħud mill-operaturi tal-industrija li lanqas imisshom qegħdin hemm in the first place għax ma jikklassifikawx taħt dawn il-kriterji. Light industry mhijiex definita biss f’termini ta’ impjegati imma jgħid li jekk għandek noise pollution, jew jekk għandek tipi oħrajn ta’ pollution u qed joħolqu health hazard, mhux posthom. Dan apparti l-fatt – kif qal tajjeb l-Onor. Farrugia – li hemm konfużjoni sħiħa għax għandek min qed jaħżen l-ikel, min qed jimmanifattura l-ikel, sprayers u oħrajn kollha fl-istess area. Kif inhi s-sitwazzjoni llum, intrinsikament ma tagħmilx sens. Nirringrazzjakom.
Yüklə 212,56 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin