Malta debates tal-kamra tad-deputati (Rapport Ufficjali u Rivedut)



Yüklə 0,68 Mb.
səhifə5/11
tarix03.01.2019
ölçüsü0,68 Mb.
#88945
1   2   3   4   5   6   7   8   9   10   11

MADAM SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Karl Chircop.
ONOR. KARL CHIRCOP: Madam Speaker, wara l-ewwel tliet xhur ta' tmexxija ġdida Laburista u wara li kważi temmejna d-diskorsi kollha li kellhom isiru f'dan il-budget, jidher ċar li Gvern Laburista ġdid xejn ma wiret sitwazzjoni finanzjarja sabiħa u komda. Gvern Laburista ġdid xtaq li jkun jista' joffri budget ferm aħjar milli stajna nagħtu liċ-ċittadin Malti u GĦawdxi u għalkemm aħna ninsabu determinati li nwettqu l-wegħdiet tagħna ma' l-elettorat, fost l-oħrajn anke sabiex ineħħu l-VAT, ma kenitx xi ħaġa faċli li tfassal budget li jappella wisq għall-poplu.
Wieħed mill-akbar ideali li saħansitra huwa msawwar bih il-Partit Laburista huwa t-twaqqif u anke s-salvagwardjar tas-servizzi soċjali u dawn dan il-budget iħallihom bla mittiefsa. GĦalina huwa unur kbir li lill-poplu tagħna nipprovdulu servizzi soċjali li jixirqulu u minkejja s-sitwazzjoni finanzjarja mwiegħra tal-pajjiż, dawn m'aħniex se nħalluhom jitnaqqru, la b'mod dirett u wisq inqas b'mod indirett. Qed ngħid dan għas-sempliċi raġuni li llum, tliet xhur wara l-elezzjoni, kulħadd jaf li waħda mill-affarijiet li x'aktarx kellhom f'moħħhom tan-naħa l-oħra - li kieku Alla ħares qatt il-poplu reġa' tellagħhom fil-gvern! - kienet li jerġgħu jiżvalutaw il-lira Maltija. Din il-mossa kienet tkun daqqa ta' ħarta għal dawk in-nies kollha li għandhom fixed income, fosthom ir-romol u l-pensjonanti.
Jiena għadni kif għidt li l-ħarsien soċjali għandu jkun imfassal skond iċ-ċirkostanzi u l-potenzjal ta' pajjiżna. Il-welfare state li għandi l-unur ngħid li proprju konna aħna li waqqafnih f'Malta, jiddependi mill-politika li tiġi adottata f'diversi oqsma bħalma huma, per eżempju, l-oqsma tax-xogħol, ta' l-edukazzjoni, tas-saħħa, tal-housing u anke l-iżvilupp ekonomiku. Dan ta' l-aħħar huwa qasam importanti ħafna u rridu nsaħħuh. Kemm huwa b'saħħtu llum mhux se jkun biżżejjed għal għada u dan minħabba l-fattur ta' l-aging population - qed nitkellem dejjem mill-aspett tas-servizzi soċjali. B'riżultat tal-kisbiet kbar fil-mediċina llum għandek sitwazzjoni fejn, hawn Malta speċjalment, l-age expectancy hija għolja ħafna u qiegħda mas-76 sena għall-irġiel u mat-80 sena għan-nisa. Dawn huma figuri sbieħ għal tobba bħali u bħall-Onor. Adrian Vassallo, iżda forsi huma allarmanti għall-ekonomista u anke għall-politiku. Aktar ma jgħaddi ż-żmien il-proporzjon tal-popolazzjoni li tiddependi fuq is-servizzi soċjal aktar qed jikber u allura l-piż finanzjajru biex tkun tista' tiżgura livell ta' għajxien xieraq u mistħoqq lil dawn in-nies ukoll qed jikber.
Sinjura President, aħna tal-Partit Laburista minn dejjem sħaqna li ċ-ċittadin jiġi fuq quddiem nett u kien għalhekk li vvotajna s-somma ta' madwar Lm52 miljun, jiġifieri Lm15 miljun aktar fuq l-aħħar somma vvotata mill-Gvern preċedenti. Din in-nefqa hija maħsuba biex tagħmel tajjeb għal diversi affarijiet, fosthom għaż-żieda fin-numru ta' pensjonanti u benefiċjarji li dejjem qed jiżdied minn sena għall-oħra, għaż-żieda fl-għoli tal-ħajja u sabiex dawk li jirċievu l-pensjoni tas-Servizzi Ingliżi ma jibqax ikollhom tnaqqis fil-pensjoni tas-sigurta' soċjali. B'hekk inkunu qed inwettqu wegħda elettorali oħra. Aħna mhux talli mhux qed innaqqru s-servizzi soċjali, kif għamlu ta' qabilna, talli konna kapaċi nissalvagwardjaw is-servizzi soċjali eżistenti u nipprovaw intejbuhom. Nerġa' ngħid li aħna mhux se nnaqqru s-servizzi soċjali kif qed jagħmlu pajjiżi oħrajn anke membri ta' l-Unjoni Ewropea - fosthom l-Italja - li l-Gvern ta' qabel ipprova jdaħħalna fiha at all costs bl-għeruq u xniexel. Dan żgur li ma jagħmilx ġid f'dan ir-rigward.
L-aging population mhux biss qiegħda tikkaġuna piż minħabba ż-żieda ta' benefiċċjarji iżda qed tkun diffiċli biex l-anzjani tagħna li ma jkunux jistgħu jduru bihom infushom u lanqas isibu lil min idur bihom isibu post fejn joqogħdu f'residenza governattiva. Din mhix problema li ġiet mil-lum għal għada. Il-qagħda kritika li tħalliet tiddeterjora hija waħda allarmanti ħafna u jkolli ngħid li din trid tiġi ndirizzata mill-aktar fis. Fil-fatt minkejja l-ħofra finanzjajra li sibna - l-Onor. Membri ta' l-Oppożizzjoni jafu li ħallew din il-ħofra - dan il-budget ħaseb għal żieda kbira fit-totali ta' fondi vvotati għall-anzjani. Iż-żieda li qed insemmi tlaħħaq għall-figura ta' 10% fuq is-sena ta' qabel u dan juri kemm il-kritika ta' l-Oppożizzjoni hija infondata.
Waħda mill-akbar għajnuniet li se jkun qed jagħti Gvern Laburista ġdid lill-anzjani hija proprju t-tneħħija tal-VAT. Kulħadd jaf kemm din it-taxxa kkawżat għoli ta' prezzijiet fuq is-servizzi ż-żgħar u li l-prodotti li suppost li kienu zero rated, bħall-mediċini, xorta waħda għolew.
Ta' min jgħid ukoll li dan il-budget ħaseb biex itejjeb is-servizzi li l-anzjani jingħataw fi djarhom. Naturalment konxji mill-problema ta' nuqqas ta' sodod fi djar residenzjali governattivi, kif ukoll mill-fatt li hija ħaġa sabiħa li kemm jista' jkun inħallu lill-anzjani tagħna joqogħdu fi djarhom, aħna ridna ntejbu dan is-servizz. GĦaldaqstant żidna s-somma vvotata għal home help b'madwar 20% fuq dik tas-sena l-oħra. Fil-fatt is-somma li kien hemm ivvotata s-sena l-oħra kienet ta' Lm588,000 u din is-sena qegħdin nivvotaw Lm700,000.

Aħna żidna l-Vot tal-meals on wheels. Fil-fatt minn Lm14,000 il-Vot tellajnih għal Lm20,000. Barra minn hekk se niżguraw li dan is-servizz utli ma jibqax jiġi offrut biss lil ammont ta' nies prediletti iżda jinfirex b'mod aktar ġust. Jien għadni kif irċevejt risposta mill-Onor. Michael Farrugia, il-Ministru tas-Saħħa, għall-interpellanza li għamiltlu li turi li t-total ta' nies li gawdew mis-servizz tal-meals on wheels fl-1996 kien ta' 785 persuna, li Alla jbierek 209 minnhom, jiġifieri iktar minn kwart, kienu minn Tas-Sliema. Dan ma jagħmilx sens. Din hija xi ħaġa li trid tiġi ndirizzata ħalli niżguraw li l-meals on wheels jiġu mqassmin b'mod soċjalment ġust. (Interruzzjonijiet) Fil-każ tad-day centres ukoll qed inżidu l-Vot b'ammont kbir u fil-fatt minn Lm40,000 dan tellajnih għal Lm100,000.


Fil-qasam tas-saħħa, wieħed mill-akbar nuqqasijiet fejn il-Gvern preċedenti falla bi kbir kien proprju fil-każ tan-nurses. Din il-problema raqdu fuqha sakemm imbagħad f'daqqa waħda stenbħu u raw kif se jagħmlu biex jipprovaw jiffaċċjawha. Fil-fatt waħda mil-miżuri li ħadu kienet li bdew iġibu xi nurses minn barra. Ħaġa li meta għamilniha aħna fil-każ tat-tobba fis-snin sebgħin tgħidx kemm qamu rwiefen u kemm tkażaw bina li m'huwiex sew li nipproponu tobba barranin fuq il-popolazzjoni Maltija, imbagħad l-istess ħaġa għamluha huma fil-każ tan-nurses. Tentattiv ieħor li sar sabiex iħajru liż-żgħażagħ Maltin jidħlu għal din il-professjoni kien dak ta' reklamar fuq il-mezzi tax-xandir, pero' meta wieħed jifli sew x'kien qed jiġri jinnota li dawk li jispiċċaw il-kors tal-B.Sc Nursing mill-Universita' jaqgħu taħt salary scale 12 mentri dawk li jkunu ħadu B.A. f'xi suġġett ieħor u jidħlu teachers jaqgħu taħt salary scale 9. Din il-ħaġa m'hijiex ġusta. Din x'serjeta' hi biex tattiraw in-nurses għal din il-professjoni hekk delikata, hekk impenjattiva u hekk vokazzjonali! Naturalment il-pass li kellna nieħdu meta wiritna din is-sitwazzjoni kien li żidna l-Vot għall-overtime b'aktar mid-doppju, għaliex jekk qabel dan kien ta' Lm230,000 illum il-ġurnata qiegħed ilaħħaq għal madwar Lm500,000 u b'hekk żgurajna li nżidu l-man hours. Hawnhekk irrid ngħid ukoll li se nassiguraw li l-overtime jitqassam b'mod aktar ekwu u aktar ġust kemm f'dak li huwa short-term u anke f'każ long-term fejn qegħdin nipprovaw inħeġġu liż-żgħażagħ tagħna sabiex jidħlu għal dan il-kors.
Fil-każ tat-tobba l-problema ma kenitx daqshekk kritika għalkemm din inħasset fis-settur tal-komunita'. Meta tlajna fil-gvern, il-kompliment ta' tobba jaħdmu fil-polikliniċi suppost kellu jlaħħaq għal 110, iżda fil-fatt sibna biss 68 jew 35% inqas milli suppost. Għalhekk introduċejna skema fejn ipprovajna nħajru lit-tobba li kienu telqu minn dan is-servizz ħalli jerġgħu jidħlu fuq bażi ta' part-time. GĦandi l-unur ngħid li wieħed minn dawk li bbenifikaw minn din is-sistema kien proprju ex-segretarju parlamentari min-naħa ta' l-Oppożizzjoni u minn hawnhekk nawguralu li jkollu s-suċċess li jirritorna għall-professjoni tiegħu. Fil-fatt, ir-riżultat ta' din l-iskema kien wieħed sodisfaċenti.
Problema oħra li sab ma' wiċċu Gvern Laburista ġdid kienet dik tad-deployment ħażin tat-tobba li jkunu għadhom jilħqu għax dawn minn fuq il-bank ta' l-iskola, biex ngħid hekk, m'għandhomx jiġu impjegati f'postijiet sensittivi bħalma hi l-emerġenza. Qed ngħid dan għax mhux darba jew tnejn nisma' b'każi ta' nies li jiġu rifjutati milli jiddaħħlu l-isptar, imbagħad wara jinstab li kellhom xi ħaġa serja. Lill-Onor. Michael Bonnici nixtieq ngħidlu li r-Renetec kien ilhom out of stock mis-sajf li għadda, jiġifieri minn żmien l-Amministrazzjoni Nazzjonalista u allura issa ma noqogħdux nippopaw sidirna u ngħidu kliem bħal dan. (Onor. Membri: Hear, hear) L-ewwelnett, dawn m'għadhomx out of stock għax issa waslu u nista' nikkonferma li qegħdin in stock. (Interruzzjonijiet) Kienu ilhom out of stock mis-sajf, jiġifieri taħt l-Amministrazzjoni tagħkom! Ara kemm kien ilhom!
Madam Speaker, ħaġa li dejjem inkwetatni hi kif qatt ma tħabbru policies uffiċjali ta' kif tabib jista' jirriferi pazjent l-Isptar Zammit Clapp u fil-fatt qed nistenna risposta għal domanda parlamentari f'dan ir-rigward. Aħna minn dejjem qbilna li t-twaqqif ta' dan l-isptar kien pass għaqli għall-fatt li dan iservi ta' buffer sabiex ċerti pazjenti li jkunu għadhom kif sofrew xi marda akuta u jkunu diġa' ngħataw l-ewwel kura, jiġu riabilitati f'dan l-isptar sakemm ikunu jistgħu jerġgħu jmorru lura fil-komunita'. Peress li dan il-pass kien tajjeb u għaqli aħna beħsibna nsaħħuh għax inħossu d-dover li nissalvagwardjaw il-funzjoni tiegħu u li ma nħalluhx jiġi abbużat. Ma ninsewx li dawn is-sodod qed jiswew lill-gvern Lm60 kuljum, jiġiferi huwa tajjeb li wieħed jara x'jista' jagħmel sabiex jiżgura li l-pazjenti jiġu riferuti f'dan l-isptar b'mod soċjalment ġust.
Nixtieq nagħlaq billi ngħid li l-Vot fil-qasam tas-saħħa u kura għall-anzjani se nkunu żidnih b'mod sostanzjali bis-somma ta' kważi Lm8 miljun aktar miċ-ċifra tas-sena l-oħra. Din hija prova ċara ta' kemm aħna kommessi li lill-poplu tagħna ntejbulu l-welfare tiegħu, li l-ħofor li ħallewlna tan-naħa l-oħra ma jaqtgħulniex qalbna u li l-poplu Malti u GĦawdxi mhux talli mhux veru ma fehemx lin-Nazzjonalisti, talli l-fiduċja assoluta li wera fina se nsarrfuhielu f'ġid għalih, għal uliedu u għal missierijietu. Grazzi, Madam Speaker. (Onor. Membri: Hear, hear)
MADAM SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Sceberras Trigona.
ONOR. ALEX SCEBERRAS TRIGONA: Madam Speaker, huwa xieraq li ninnota li llejla l-Onor. Mugliett qajjem punt tajjeb meta qal li l-istandards li hawn fuq il-postijiet tax-xogħol m'humiex adegwati biżżejjed u qed ikun hawn l-imwiet. Naħseb li dan il-punt jgħaqqad lill-Kamra kollha flimkien għaliex huwa d-dover tal-Parlament kollu kemm hu li jara li jkun hawn leġislazzjoni ġusta u regolamenti tajbin sabiex nevitaw li jsiru dawn l-affarijiet. Dan qiegħed ngħidu bħala stqarrija għax naħseb li f'dan il-Parlament kulħadd jisgħobbih u jingħaqad miegħi sabiex inwasslu l-kondoljanzi lill-familji ta' dawk kollha li mietu f'dawn l-aħħar tliet xhur fuq il-postijiet tax-xogħol. Esklussivament dawn l-inċidenti qed iseħħu f'postijiet tax-xogħol li għandhom x'jaqsmu mal-bini u, jgħidu x'jgħidu l-kummentaturi, hija responsabbilta' ta' dan il-Parlament li jieħu ħsieb iressaq xi forma ta' leġislazzjoni biex jiġu upgraded il-liġijiet u r-regolamenti li għandna għal dan is-settur tal-kostruzzjoni u setturi oħra fejn hemm ċerti perikli fuq il-post tax-xogħol. Ovvjament meta ninsabu resqin lejn seklu ġdid, meta hawn teknoloġija avvanzata bħal din fejn kulħadd huwa modern u kulħadd qed jagħmel ħafna progress, li jibqa' jkollna mwiet fuq il-postijiet tax-xogħol hija għarukaża għall-poplu Malti kollu. Qed nieħdu gost nisma' lill-Onor. Psaila Savona u lill-Onor. Lawrence Gonzi jassoċċjaw ruħhom miegħi fil-promessa solenni li qed nagħti li malli jibda jaħdem il-Kumitat Permanenti għall-Affarijiet Soċjali nikkonsidraw biex naġġornaw il-legal notices li hemm bżonn jiġu aġġornati f'dan is-settur.
Madam Speaker, aspett ieħor tal-ħajja soċjali li qed jiġi njorat - naħseb li l-Parlament ikollu jagħti mandat ċar lill-Kumitat għall-Affarijiet Soċjali sabiex jidħol hawnhekk ukoll - huwa l-kwestjoni tal-gwerra kontra d-droga. Id-droga f'dan il-pajjiż daħlet bl-għeruq u x-xniexel f'kull raħal, f'kull belt u f'kull post fejn jiltaqgħu n-nies. Din hija theddida għaż-żgħażagħ u għat-tfal tagħna u peress li hemm tant flus involuti rridu nqajmu l-istituzzjonijiet kollha li jistgħu jagħtu daqqa t'id sabiex nieħdu ħsieb inrażżnu u jekk jista' jkun neliminaw din il-pjaga minn pajjiżna. Din hija pjaga li għandna bżonn l-għajnuna ta' l-istituzzjonijiet kollha f'dan il-pajjiż biex inkunu nistgħu nittekiljawha. Iż-żewġ punti li qajjimt s'issa huma ta' natura soċjali u bipartiġjana u għal darb'oħra naħseb li ż-żewġ naħat tal-Kamra jingħaqdu miegħi biex il-Kumitat għall-Affarijiet Soċjali jkollu kull mandat minn din il-Kamra sabiex jinvolvi ruħu kemm jista' jkun f'dan il-qasam.
Madam Speaker, il-bieraħt lura l-Prim Ministru tkellem fuq l-atti kriminali kontra l-anzjani. Fil-fehma tiegħi, u naħseb fil-fehma tal-maġġoranza kbira ta' din li-Kamra, l-anzjani jeħtiġilhom livell ogħla ta' protezzjoni. Malta għandha popolazzjoni li kulma tmur qed issir aktar u aktar anzjana u għandna nagħtu ħafna aktar importanza lil dan l-aspett tal-protezzjoni, mhux biss għall-anzjani nnifishom, imma anke jekk irridu nagħmlu minn Malta pajjiż aktar attraenti għall-barranin, kemm bħala turisti li jiġu jżuruna għal żmien qasir, kif ukoll għal dawk li minn żmien għal żmien jiġu bħala residenti permanenti - u nisimgħu b'diversi queries ġejjin minn pajjiżi differenti biex barranin jiġu jgħixu hawnhekk bħala permanent residents; aħna nafu li dan l-istatus ta' permanent residence huwa diġa' f'niċċa legali għax dawn it-talin għandhom ċerti exemptions meta jiġu biex jissetiljaw hawn Malta, basta jkollhom ċertu income u ċertu wealth - lil dawn, li ġeneralment ikunu anzjani, aħna rridu nagħtuhom garanzija li mhux se jkun hemm muggings, kif hemm barra minn Malta - hawnhekk wisq nibża' li teżisti link bejn il-muggings u l-qasam tad-droga. Aħna ma rridux ingerrxuhom, kif tgerrxu minn pajjiżi oħra fejn ipprovaw jagħmlu ċentri internazzjonali għal permanent residents.
Ħaġa oħra li wkoll tagħmel image ħażin lil Malta huwa n-negozju fil-bnedmin u sfortunatament f'dawn l-aħħar snin kellna ħafna minn dawn l-attivitajiet. Nafu b'dawk l-immigranti klandestini li inkaljaw fl-ibħra ta' San Pawl il-Baħar; smajna b'dawk l-Asjatiċi li kienu fi triqthom lejn il-Greċja u ma nafux x'ġara minnhom. Dawn l-affarijiet irridu nieħdu ħsiebhom b'mod bipartiġjan - m'hawnx aħmar jew blu, m'hawnx manifest ta' partit li ma jaqbilx mal-manifest ta' partit ieħor, dawn huma affarijiet bipartiġjani - u rridu ninvestigawhom fil-fond malli jibda jaħdem il-Kumitat għall-Affarijiet Soċjali. Naħseb li anke l-kummentaturi u l-ġurnalisti jistgħu jgħinu bil-kontribuzzjonijiet tagħhom f'dan il-qasam.
Madam Speaker, niġi għal aspett ieħor soċjali li tqajjem mill-Prim Ministru meta żar l-Universita', li huwa s-suġġett tad-divorzju. Naħseb li fejn jidħol is-suġġett tad-divorzju hemm bżonn li nanalizzawh b'mod iktar skjett u analitiku, fis-sens li kulma wieħed qed jitkellem fuqu, għall-fini ta' din l-istituzzjoni, li hija istituzzjoni leġislattiva, huwa li bħala raġuni għax-xoljiment taż-żwieġ jiġi kkonsidrat is-separazzjoni għal din il-fini. Jekk is-separazzjoni tkunx kif kienet oriġinarjament l-Italja għal seba' snin, kif imbagħad saret għal ħames snin, jew kif issa saret għal tliet snin, imbagħad niddiskutu dan l-aspett fil-Committtee Stage għax nifhem li wieħed jista' ma jaqbilx ma' l-ieħor. Hawnhekk forsi jkun tajjeb li jintuża bħala qafas l-abbozz ta' l-Avukat Joe Brincat, ex-Ministru tal-Ġustizzja, li kien Membru ta' dan il-Parlament u bħala private member kien ressaq abbozz quddiem din il-Kamra. Tajjeb ukoll li fuq suġġett li jolqot lil kulħadd hawn Malta u li again imissu jkun hawn a bipartisan approach fuqu, nanalizzaw daqsxejn waħda - qed ngħid anke għall-kummentaturi fil-gazzetti kollha ... Allura with this in mind let me fly a kite issa ħalli kulħadd jispara fuqha. Għid li kieku għall-fini tad-divorzju hawn Malta wieħed iressaq suġġeriment li separazzjoni ta' ħames snin bejn raġel u mara jikkwalifika għal xoljiment ta' żwieġ. Naturalment għandi ħafna iktar xi ngħid fuq dan is-suġġet, imma ħalli nitlaqha hekk għalissa biex nara x'kummenti jista' jistimula dan il-punt li fuq kollox dan ikun il-qofol ta' kwalunkwe liġi ta' divorzju għar-relazzjonijiet bejn il-miżżewġin. Ovvjament din l-aktar parti li hi kontroversjali. Il-parti l-oħra, id-drittijiet tat-tfal li ma jkunux illeġittimi u d-drittijiet ta' manteniment, iktar u iktar għandu jkun hemm a bipartisan attitude għalihom, imma nibda biss b'dan il-punt tal-ħames snin.
Minn hawn wieħed jibda jara, Madam Speaker, li hemm ċerti affarijiet f'dan il-pajjiż li jitolbu attenzjoni bipartiġjana u ovvjament għandna bżonn ta' istituzzjoni li tkun tista' tagħti iktar attenzjoni b'appoġġ bipartiġjan. Per eżempju f'dawn l-aħħar xahrejn f'dan il-Parlament ftit kien hawn diskussjoni dwar l-Uffiċċju tal-President. Naħseb ilna 14-il sena niddiskutu formoli differenti ta' kif l-Uffiċċju tal-President jista' jissaħħaħ billi jkollu iktar poteri - jew leġiżlattivi, jew kostituzzjonali, jew anke amministrattivi - li jieħu ħsieb affarijiet bħal dawn li qed insemmu li għandhom interess bipartiġjan. Dawn jistgħu jkunu affarijiet bħall- gwerra kontra d-drogi, bħall-Armata li ovvjament hemm bżonnha anke għall-gwerra kontra d-drogi. Madam Speaker, naħseb li l-Uffiċċju tal-President għandu jiġi rikonsidrat attivament u jinfela bl-iktar mod dettaljat ħalli nkunu nistgħu ngħollulu l-valur tiegħu fil-pajjiż u mhux inqimuh bħala idolu, imma billi ngħollulu l-importanza tiegħu u nirrispettaw dik l-importanza miżjuda, dak il-value added li tant nitkellmu fuqu f'termini ekonomiċi u finanzjarji imma ftit nitkellmu fuqu f'termini istituzzjonali. Naħseb li din l-ogħla istituzzjoni ta' dan il-pajjiż għandna nżidulha iktar ir-rispett billi nżidulha iktar l-importanza.
L-aspett tal-presidenza ovvjament iddaħħal meta b'mod bipartiġjan konna ddikjarajna Malta Repubblika biż-żewġ terzi f'dan il-Parlament - kont għamilt kontribuzzjoni żgħira permezz ta' teżi li għenet biex wasalna għal ftehim bipartiġjan. L-istess ħaġa meta kellna ftehim bipartiġjan fuq in-newtralita' fejn konna għamilna kontribuzzjoni żgħira permezz tan-newtralita' u l-aspett tal-majority voting f'dan il-pajjiż li wkoll daħlu biż-żewġ terzi f'dan il-Parlament. Bħal dan nissottometti li jista' jkun hawn aktar affarijiet li dan il-pajjiż ikollu ftehim ta' żewġ terzi, aktar affarijiet li jistgħu jkunu anke mqiegħda ogħla minn dan il-Parlament, ikunu mqiegħda taħt l-Uffiċċju tal-President bħala gwardjan tal-Kostituzzjoni, bħala gwardjan tar-Repubblika, bħala gwardjan tan-newtralita' u anke ta' dawn l-aspetti li aħna niftehemu fuqhom bejnietna.
Ovvjament fid-dawl ta' l-aħħar riżultat elettorali wieħed jibda jara b'mod ċar li dak li jgħaqqadna m'huwiex il-kwestjoni ta' sħubija sħiħa fl-Ewropa, kif inhi x-xewqa tal-Partit Nazzjonalista - apparti li din ma kenitx kondivisa min-naħa ta' l-European Union għar-raġunijiet diversi tagħhom, fil-maġġor parti raġunijiet istituzzjonali; lanqas bl-IGC ma jidher li qatt seta' jkun hemm xi xaqq dawl li kieku baqa' l-Partit Nazzjonalista fil-gvern Malta setgħet tidħol at par mal-membri li hemm illum fil-European Union - imma l-politika tal-Mediterran. U waslet f'ħoġorna, kważi mill-istilel, iż-żamma ta' l-Euro-Mediterranean Conference f'Malta. Nafu li kien hemm it-tellieqa bejn il-Marokk u t-Tuneżija peress li issa kien imiss pajjiż tas-south biex ikun il-host ta' din il-konferenza wara li f'Novembru ta' l-1995 kienet saret f'Barcelona. Nafu wkoll li s-Sirja kienet qed topponi li l-Iżreal imur ġol-Marokk jew ġot-Tuneżija u kien f'dan il-kontest li f'dawn l-aħħar xahrejn bdiet tissemma Malta. U jgħidu x'jgħidu n-Nazzjonalisti għal dik li hija l-paternita', hawnhekk m'hawn l-ebda dokument uffiċjali li juri li taħt Gvern Nazzjonalista marru joffru biex Malta tkun il-host ta' din il-konferenza. Dan juri kemm anke b'sinjal żgħir li ħriġna mil-PfP, il-pajjiżi Għarab have rallied għall-proposti ta' l-Arab League li din issir f'Malta għaliex Malta m'hijiex aktar mal-grupp ta' l-European Union. Naħseb li dan huwa ta' ġid kbir għal Malta li l-istorja li għandna mill-1971 'l hawn - u anke qabel - li kien beda l-Onor. Dom Mintoff fuq l-importanza li Malta jkollha politika barranija fil-kontest tal-Mediterran, u kont komplejt xi ħaġa fuqha jiena fis-snin tmenin u fis-snin disgħin permezz ta' l-IPU billi ġibna l-Konferenza tas-Sigurta' u Kooperazzjoni fil-Mediterran hawn Malta wara Malaga, u din se tkompli għaddejja bħala IPU initiative fost il-parlamentari tal-Mediterran u issa se tkun fil-livell tal-Ministri ta' l-Affarijiet Barranin. Din m'hijiex the be all and end all, anzi l-importanti se jkun il-follow-up ta' wara l-Euro-Mediteranean Conference, Madam Speaker. Hawnhekk naħseb li jekk ikollna Oppożizzjoni leali li tagħżel li din il-linja hija linja bipartiġjana, nistgħu naħdmu ħafna aktar bis-sens f'ħafna areas fil-Mediterran. Nibda billi nsemmi l-area ta' l-information technology.
Din hija area li qiegħda tikber u diversi pajjiżi fil-Mediterran qegħdin jaraw kif jassoċċjaw ruħhom aktar mill-viċin ma' l-Ewropa permezz ta' l-Internet u permezz ta' ċentri ta' riċerka fl-informatika. Malta hija idealment sitwata u mhux biss ġeografikament. Nifhem li jista' jkollok anke vapur fil-Mediterran li joqgħod stazzjonarju u jkun hu ċ-ċentru ta' information technology networks, imma tkun trid ċertu ġurisidizzjoni u post sovran u mhux sempliċement vapur bil-bandiera li kulħadd jaf li din tista' titbiddel b'biċċa ċertifikat ta' bill of sale. Malta tista' toffri ħafna iktar bil-politika barranija tagħha li qed tipproġetta. Fil-fatt Malta la hija membru ta' l-Unjoni Ewropea u lanqas qiegħda tipprova tkun; Malta la hija membru ta' l-Arab League u lanqas qiegħda tipprova tkun; Malta m'hija għadu ta' ħadd, lanqas ta' Iżrael, anzi hija ħabiba ta' kulħadd madwarha. Għalhekk bħala bidu Malta tista' toffri biex f'pajjiżna jkun hawn ċentru ta' teknoloġija u informatika tal-Euro-Med biex minnu nkunu nistgħu noħorġu s-sub-sectors li huma ta' interess fil-komunikazzjoni. Fil-verita' dawn l-aspetti kienu bdew jiġu diskussi hawn Malta fl-1972 u fl-1975 fir-Regional Oil Combatting Centre u fis-CSCE follow-up meeting ta' l-1979 li kien sar hawn Malta. Dawn ġew diskussi wkoll fl-1983 u fl-1985 taħt in-Non-Aligned Movement u taħt is-CSCE. Anke wara li fl-1984 ġibna l-Ministri ta' l-Affarijiet Barranin tal-pajjiżi mhux allinjati d-diskussjoni kompliet ġewwa l-Alġerija fl-1987 - wara li spiċċajna mill-gvern - u l-ex-Ministru Ċensu Tabone kien mar hemmhekk, kif kien mar ukoll fl-1990 fi Brioni fil-Jugoslavja, biex ikompli l-proċess li jgħaqqad is-south man-north f'kooperazzjoni. Għaliex qed ngħid dan, Madam Speaker?
Qed ngħid dan għaliex dan huwa ż-żmien - hawn il-kwiet fil-qasam internazzjonali - li niżirgħu iktar kooperazzjoni u iktar relazzjonijiet bilaterali u mhux nagħmluha tas-Sur ta' l-Ewropa jew nagħmluha tas-snobs fuq il-membri l-oħra tas-south tal-Mediterran. Dan donnu kien qed ikun l-atteġġament tagħna. Aħna ridna nkunu qisna l-aħħar Ewropej fis-south - meta tinżel minn fuq għal isfel fiċ-ċentru tal-Mediterran - biex donnu ma jkollniex x'naqsmu ma' l-oħrajn u ma bdejniex naraw il-perikli li bdew jikbru, jikbru, jikbru min-naħa ta' isfel tal-Mediterran. Jien nissuġġerixxi li għandna nkunu ftit iktar intelliġenti u minflok inkunu snobs, koċċuti u injoranti nkunu ftit iktar umani, realistiċi u nagħmlu ftit programmi ta' kooperazzjoni meta l-inkwiet għadu ma faqqax bl-ikrah, imma dejjem jista' jfaqqa'. Iktar ma ninvestu u niżirgħu programmi ta' kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-Mediterran u iktar ma nżidu l-programmi ta' stabilita' fl-area tal-Mediterran, iktar inkunu nistgħu nattiraw lejna kooperazzjoni ma' dawn il-pajjiżi u anke ma' pajjiżi lil hinn mill-Mediterran.
Peress li għall-ewwel darba se nġibu hawn Malta ħmistax-il Ministru ta' l-Affarijiet Barranin ta' l-Ewropa flimkien mat-tnax-il Ministru ta' l-Affarijiet Barranin tal-Mediterran ikun tajjeb li nistiednu wkoll lil kbar tad-dinja biex ikunu preżenti bħala osservaturi. Jista' jkun hemm min jgħid li dan ma nistgħux nagħmluh għaliex ir-regolamenti huma diġa' stabbiliti. Hawnhekk irrid nissottometti li bħala host country għandna kull dritt li jkollna l-ħbieb tagħna hawnhekk. U għandna ħbieb, ġewwa ċ-Ċina, per eżempju - u minn hawnhekk nagħti l-kondoljanzi lill-poplu Ċiniż għat-telfa tal-leader kbir tagħhom, Deng Xiaoping - u allura jkun tajjeb li ċ-Ċina tkun preżenti għal dan il-Euro-Med meeting. Nixtieq ngħid li anke l-Amerika għandha tkun preżenti biex tosserva dak kollu li jkun għaddej għax hawnhekk qed nitkellmu fuq livell ta' global politics. Għalkemm f'Novembru ta' l-1994, qabel ma ħareġ il-mandat sħiħ, u f'Novembru ta' l-1995, meta saret l-ewwel laqgħa f'Barcelona, l-mandat kellu s-security aspect, sussegwentement dan beda jitnaqqas bil-mod il-mod. Imma jgħidu x'jgħidu dak is-security aspect bilfors se jibqa' jispikka għaliex is-sigurta' tal-Mediterran ma jistax ikun li tibqa' f'idejn pajjiżi minn barra l-Mediterran biss. Se jkollna nidħlu ġo fażi intermedja fejn dik is-sigurta' se jkollha tkun shared bejn pajjiżi barra mill-Mediterran u l-pajjiżi tal-Mediterran. Jien għalhekk qed insemmi l-aspett globali ta' din il-Euro-Mediterranean Conference.
Naħseb li meta wieħed jara d-dimensjonijiet kbar li huma offruti biċ-ċaqliqa li m'aħniex qed inkomplu mexjin lejn full membership ta' l-Unjoni Ewropea u biċ-ċaqliqa l-oħra li rtirajna mill-Partnership for Peace, isib li l-orizzonti huma ħafna ikbar u ħafna iktar imdawlin għal Malta għall-ġejjieni immedjat. Rigward il-ġejjieni medium term hemm potenzjal kbir. Per eżempju, issa li se jkun hemm il-gas pipeline bejn il-Libja u l-Italja u ma nkunux marbutin bl-energy treaty commitments li ċerti pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropea huma marbutin bihom, jista' jkollna opportunita' kbira li dan il-pipeline ma jgħaddix mill-ibħra Tuneżini għall-gżejjer Taljani imma jgħaddi minn Malta. Għalkemm dan ma japplikax għall-futur immedjat imma għal medium term jagħti wkoll idea ta' x'opportunitajiet oħra jibdew joħorġu fil-qasam ekonomiku u finanzjarju għall-prosperita' taċ-ċittadini Maltin kollha kemm huma. Grazzi ħafna, Madam Speaker. (Onor. Membri: Hear, hear)
MADAM SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Anglu Farrugia.
ONOR. ANGLU FARRUGIA: F'dawn id-diskussjonijiet li kellna dan l-aħħar ġimgħat ġew diskussi ħafna suġetti ta' interess. Pero' l-iktar ħaġa li xtaqt nagħmel riferenza għaliha - din semmiha wkoll il-Prim Ministru nhar l-Erbgħa li għaddew - hija l-kwestjoni tal-proklama li qajjem diversi drabi l-Onor. Tonio Borg. L-Onor. Membru donnu ta x'jifhem li l-Partit Laburista fil-gvern għamel din il-proklama biex xi ħadd jibbenefika minnha jew biex jaġevola lil xi ħadd, li ma kienx il-każ. L-ipokresija tan-naħa l-oħra toħroġ iktar meta jerġgħu jipprovaw jinterpretaw ir-rapport li għamel l-Avukat Ġenerali tar-Repubblika fuq din il-proklama. Dan spjega t-teknikalita' li fuqha dawk it-tnejn li ġew akkużati fil-każ tal-mejta Mary Douglas ħadu l-proklama. L-Onor. Borg jibqa' jgħid li l-Kabinett Laburista donnu ma ħax il-pariri ta' dan ir-rapport. Minn hawnhekk jien ngħidlu biex jgħidilna dan il-parir fejn huwa. (Interruzzjonijiet) Forsi jgħidilna darba oħra! Qed ngħid dan għaliex meta dawn ġew misjuba ħatja fl-1988/89 - din hi t-teknikalita' li semma l-Avukat Ġenerali tar-Repubblika fir-rapport tiegħu - dak iż-żmien l-artiklu li jitkellem fuq meta jsiru delitti kontra l-anzjani kien għadu mhux emendat fil-Kodiċi Kriminali. Din hija t-teknikalita'. Ċertament l-Avukat Ġenerali tar-Repubblika jammetti illi kieku kellu quddiem għajnejh dan il-każ partikolari forsi wieħed seta' jara x'jista' jagħmel, li ma kienx il-każ. Meta tara din l-interpretazzjoni, li legalment wieħed għandu jifhimha mill-ewwel - u l-pubbliku għandu jiġi nformat dwarha - wieħed m'għandux jagħmel storja biex jipprova jħammeġ lill-Partit Laburista li għadu jitla' fil-gvern, donnu se jibda jagħmel dawn l-affarijiet bħalma kienu jagħmlu huma bl-iktar mod goff.
Lill-poplu Malti rridu nfakkruh li taħt Gvern Nazzjonalista kien ingħataw record ta' proklami, anke b'mod skandaluż. Biżżejjed insemmu l-każ ta' Queiroz, bniedem li ingħata l-proklama u li kien inqabad b'ammont ta' droga li kien biżżejjed biex iforni lis-suq Malti għal sitt xhur. Ikun tajjeb li wieħed ifiehem dawn l-affarijiet lill-poplu Malti u dan biex ma nsemmux ċerti inċidenti li kienu saru taħt Gvern Nazzjonalista u li baqgħu misteri. Insejna kemm kien ikun hawn każijiet ta' splużjonijiet ta' bombi meta kien fil-gvern il-Partit Laburista, imbagħad meta sab ruħu fil-gvern il-Partit Nazzjonalista lanqas biss tressqet persuna waħda l-qorti! Jiena nistaqsi: Min jaf x'kienu dawk il-bombi li kienu jkunu bil-mijiet u li kienu jwerwru lill-pajjiż?!
Smajna ħafna fuq il-każ ta' Raymond Caruana u nafu wkoll li l-Prim Ministru ta' dak iż-żmien, l-Onor. Eddie Fenech Adami, ħass il-ħtieġa li jagħmel investigazzjoni hu. Safejn naf jien qatt ma kellna fl-istorja ta' dan il-pajjiż prim ministru Malti li jieħu x-xogħol tal-pulizija u joqgħod jagħmel l-investigazzjonijiet hu minflok jgħaddihom lill-Kummissarju tal-Pulizija. Barra minn hekk tajjeb li wieħed jgħid li politiku m'għandu jkollu l-ebda interess dirett fl-investigazzjoni ta' kwalunkwe tip ta' reat u mhux imur qabel il-pulizija fuq ix-xena tad-delitt. U hawnhekk jien nistaqsi lil min kien mar fuq ix-xena tad-delitt jekk kenux missew xi ħaġa minn hemmhekk u jekk le humiex lesti li jieħdu affidavit fil-proċeduri li għad iridu jsiru fuq dan il-każ sabiex wieħed jaċċerta ruħu li minn hemmhekk ma kien intmiss xejn. (Interruzzjonijiet) L-Onor. Psaila Savona qed jiftaħ idejh.
MADAM SPEAKER: Jekk jogħġobkom tinterrompux lil xulxin.
ONOR. ANĠLU FARRUGIA: Ma qiegħed nitfa' dellijiet xejn. Dawn huma fatti li lill-poplu Malti rridu nfakkruhomlu ħalli jkun jaf kif kontu taħdmu intom. Niġi issa biex nitkellem fuq każijiet konnessi mad-droga.
L-Onor. Tonio Borg ftaħar - u kellu raġun - li fil-Freeport kien inqabad container bid-droga. U jien nistaqsih jekk jafx li qabel ma nqabad dak il-container kien hemm container ieħor mimli bid-droga li ġie identifikat li kien ukoll Malta u reġgħu ħaduh barra minn Malta bid-droga b'kollox. Kif dawn il-misteri ġraw dejjem meta kien hemm il-Partit Nazzjonalista fil-gvern?! Dan il-każ li għadni kemm semmejt huwa dokumentat mill-Interpol. U jien nistaqsi: Għaliex meta twaqqfet id-drug squad ma sarx xi ħaġa li biha l-intelligence gathering, jiġifieri l-informazzjoni li tinġabar minn kull sezzjoni, bħall-Armata, id-Dwana u l-Pulizija, tiġi collated f'information centre fil-Korp tal-Pulizija? Għaliex meta twaqqfet id-drug squad ma saritx b'tali mod li ċerti nies ikunu wkoll imxerrdin mad-distretti? Mhux bilfors li se jkollok dawn it-tip ta' leakages! Kemm kien suċċess li l-NDIU taħdem mad-drug squad? L-informazzjoni li għandi jien hija li kien hemm anke tfixkil mad-drug squad. Allura jekk il-Ministru kien qed jara dawn l-affarijiet għaliex ħallihom isiru? Aħna rridu naraw li dawn id-dipartimenti fil-Korp tal-Pulizija, speċjalment id-drug squad, jissaħħu b'tali mod li, kemm jista' jkun, kif qal sieħbi l-Onor. Sceberras Trigona, ma jkun hemm l-ebda toqba li tagħti vantaġġ lil min għandu interess biex imexxi d-droga fil-pajjiż. U dan qed isir bil-fatti u m'hux nibqgħu nħarsu lejn il-misteri. Jien għamilt erba' domandi u dawn wieħed irid jirrispondihom. Fiż-żmien il-Partit Nazzjonalista kienu jibagħtu pulizija jagħmlu tfittxija bil-klieb fis-sea terminal, pero' l-klieb ma kenux jibagħtuhom ifittxu fil-bagalji! Jiena għandi d-dettalji kollha ta' dawn it-tfittxijiet fiż-żmenijiet reċenti taħt Gvern Nazzjonalista. Jiena nistaqsi: Għaliex meta kien jidħol il-vapur bil-Libjani u oħrajn, l-instructions kienu jkunu li joqogħdu 'l barra minn fejn jidħlu l-bagalji? Mela d-droga tidħol fl-arja! Mhux fil-bagalji tidħol id-droga?!
MADAM SPEAKER: Jekk jogħġobkom, tinterrompux. M'hemmx cross debates. Onor. Farrugia kompli bid-diskors tiegħek.
ONOR. ANGLU FARRUGIA: Jidher li l-Onor. Psaila Savona mhux qed jifhem il-punt, imma dawn huma fatti. Fil-Korp tal-Pulizija hemm nies li huma dedikati ħafna. Hemm każijiet - u din hija l-ipokresija Nazzjonalista - ta' pulizija li attendew mhux inqas minn 18-il kors fuq dog handling, imma fejn jidħlu każijiet tad-droga dawn dejjem twarrbu. Id-dog section - qed insemmiha għaliex dan huwa qasam importanti fl-investigazzjoni tad-droga u l-isplussivi - hija magħmula minn 28 pulizija pero' dejjem l-istess sitta min-nies jagħmlu x-xogħol. Il-pampaluni mhux talli ma jagħmlux ix-xogħol, talli dawk li suppost li qed jagħmlu shift mis-7.00 a.m. sas-7.00 p.m., bil-permess ta' xi ħadd jitħallew imorru jorqdu d-dar ħalli jistrieħu u mbagħad ikunu jistgħu jmorru jagħmlu l-extra duty mid-9.00 p.m. 'l quddiem u x'ħin jidħlu fil-għodu għajjenin jitħallew jorqdu fuq il-post tax-xogħol! F'dan is-sens kienu jiġu permessi l-abbużi.
Dawn huma affarijiet li saru b'mod regolari u din qed ngħidha minn issa biex jekk hemm xi ħadd fil-Korp tal-Pulizija li jidhirlu li jista' jkollu xi free hand, ngħidlu li dawn huma affarijiet li se niġġeldulhom u m'hu se nħallu lil ħadd jabbuża mill-poter jew mill-ħela. Il-personnel qiegħed hemmhekk biex jiġi applikat sewwa u la qed insemmu l-personnel ngħid ukoll li jrid ikun hemm id-dinjita'. Il-Korp tal-Pulizija taħt in-Nazzjonalisti tħalla jitħammeġ għaliex meta jkollok l-abbużi trid tiġġeldilhom minnufih u jrid ikun hemm rapporti li l-pulizija u l-fizzjali qed iġibu ruħhom b'ċertu dekor u b'ċertu rispett anke bejn ir-ranks. Kien hemm każijiet - u ma tteħdux passi għaliex in-nies involuti nzertaw Nazzjonalisti għax kieku kienu Laburisti kieku ssallbu - fejn fizzjali jidħlu fis-sakra, jagħtu l-ordnijiet fis-sakra u qisu ma ġara xejn. Dan ma jistax jitħalla iktar u jien persważ li din is-sistema li kienet tirrenja fil-korp se tispiċċa kemm jista' jkun malajr.
Madam Speaker, xtaqt nagħmel riferenza wkoll għall-iskwadra kontra d-droga li għandha tkun attrezzata aktar fil-ġlieda tagħha. Per eżempju, jiena nemmen li din l-iskwadra m'għandux ikollha karozzi ġodda biex kulħadd jarahom għaddejjin bihom, anzi s-sigriet għandu jkun li kemm jista' jkun ikollhom karozzi li jkunu camouflaged u second hand ħalli ma tantx jiġu identifikati għax b'hekk l-investigazzjonijiet isiru aħjar. Jiena naf li min imexxi d-drug squad dejjem ta s-suġġerimenti li qed nagħti jien illum. Għalfejn din l-iskwadra qatt ma ġiet ipprovduta b'sitta jew tmien karozzi second hand biex ix-xogħol ikun jista' jsir b'mod aktar komdu, milli jkollna ħafna xenxilli u mbagħad ma naslux għal ċerti affarijiet? Din hija l-ħela!
Hawnhekk irrid nirriferi wkoll għall-ħela li hemm fil-Korp tal-Pulizija bħal, per eżempju, ġiri bl-addoċċ bil-karozzi minn nies li lanqas huma mdaħħlin fl-investigazzjoni. Alla jbierek dawn dejjem bil-karozzi ġodda, waħda wara l-oħra. Ir-rapport tad-Director of Audit jgħid li fl-1995 il-Police Department nefaq madwar Lm187,000 fi fuel biex jopera 315-il karozza. Meta l-Awditur ipprova jiċċekkja kif inħela l-fuel, minn 100 logbook erba' biss kellhom din l-informazzjoni. U qisu m'hu qed jiġri xejn għal sena wara l-oħra, ħela bl-addoċċ! Dan hu li kien qed isir fil-Korp tal-Pulizija riċentement taħt Gvern Nazzjonalista. Biex ma ngħidux ukoll li fil-każ tal-ħabs kellu jiġi l-Ombudsman jgħidilna li l-woman's jail is "a joke", għax hekk qal, "daħka". Per eżempju, sibna li dawn f'ċerti postijiet lanqas kellhom arja naturali, dawl u furniture. Ir-rapport jitkellem waħdu.
Madam Speaker, niġi wkoll għall-moħqrija li sofrew il-Laburisti taħt Gvern Nazzjonalists u dan jidher bl-iktar mod ċar. Per eżempju, fir-rigward ta' eżami fid-Dwana għall-post ta' inspector of customs - kien twaqqaf selection board ftit qabel l-elezzjoni meta kien għad hemm in-Nazzjonalisti, għax illum ovvjament dawn qegħdin in-naħa l-oħra - għandi lista ta' 29 kandidat, nies kompetenti u kwalifikati imma għax Laburisti baqgħu lura, imbagħad kien hemm oħrajn li ma kenux tajbin daqshom u sabu ruħhom minn ta' quddiem.
L-istess ġara, per eżempju, fil-qasam ta' l-MSU. Fi Project House hemm personnel li jagħmlu xogħol mal-kunsilli lokali u kien hemm każijiet ta' uffiċjali b'rank għoli li għax kellhom twemmin Laburista tawhom xogħol ta' labourers, imbagħad kien hemm min kellu kwalifiki ħafna inqas minnhom u spiċċa jiġri b'karozza tal-kiri, is-Sibt u l-Ħadd b'kollox, bil-petrol li għalih iħallas il-poplu Malti biex ikun jista' joqgħod idawwar lis-sinjura u t-tfal fil-weekends. Huwa tajjeb li ngħidu li aħna se nkunu għassa ħalli jekk naraw lil min qiegħed jgħaddi b'xi sistema ta' lussu a skapitu tal-pajjiż jiġi mwaqqaf immedjatament. Dawn huma abbużi li kienu jsiru regolarment taħt il-Partit Nazzjonalista.
Madam Speaker, xtaqt ngħid ukoll xi ħaġa fuq il-qorti, speċjalment fuq is-sistema tal-master. Din hija sistema li bilfors kellu jgħaddi ċertu żmien biex wieħed jara kif taħdem. F'ċerti pajjiżi bħall-Ingilterra din is-sistema tidher li taħdem b'ċertu mod u hawn Malta għalkemm m'ilhiex li bdiet titħaddem nafu li għandha l-weaknesses tagħha u nafu wkoll li biex ikollok l-ewwel hearing ta' każ iridu jgħaddu kważi sena u nofs. Jiena m'iniex qed inwaħħal fl-Imħallef Arrigo li jippresidi għaliex għandi rispett kbir lejh - jaħdem daqs iljun u Allaħares m'hemmx hu - imma jekk ikollok l-ewwel hearing wara sena u nofs bilfors li l-kawża jkollha tiġi differita b'erba' xhur biex ikollok it-tieni hearing. Dawn huma affarijiet li wieħed għandu jarahom u jidħol aktar fil-fond fuq din is-sistema. Diġa' sar pass għaqli mill-Gvern Laburista li daħħal il-konċett tal-family court u nisperaw li dan jibda jaħdem kemm jista' jkun malajr.
Ħaġa li wieħed għandu jara wkoll hija l-kwestjoni tan-notifiki lill-ġurati u lill-imputati fil-qrati ta' l-appell preseduti minn imħallef wieħed. Jien naħseb li wasal iż-żmien li nerġgħu nintroduċu s-sistema tal-posta reġistrata għal dawn in-notifiki, imbagħad f'każijiet ta' notifiki negattivi jintbagħat il-marixxal. Qed ngħid dan għaliex meta jkun hemm lista ta' xi 200 ġurat biex jiġu notifikati, il-marixxalli jispiċċaw litteralment jitkissru.
Madam Speaker, qabel ma niġi biex nagħlaq dan l-intervent tiegħi nixtieq nappella lil kulħadd sabiex inħarsu 'l quddiem. Hemm ħafna x'wieħed jagħmel biex dan il-pajjiż jerġa' jqajmu fuq saqajh. Hemm bżonn li tidħol iktar dixxiplina u serjeta' fil-pajjiż u kulħadd għandu jagħmel il-parti tiegħu biex dan il-pajjiż għat-tieni darba wara disa' snin u nofs jerġa' jibda jieħu nifs mill-ġdid bl-iktar mod seren. Grazzi, Madam Speaker.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Maria Camilleri.
ONOR. MARIA CAMILLERI: Madam Speaker, matul dawn il-ġimgħat li ilna għaddejjin bid-diskussjoni dwar il-budget, l-Oppożizzjoni tat l-impressjoni li dak kollu li sar fiż-żmien l-Amministrazzjoni tagħha kien kollu tajjeb u dak li ġie ppreżentat fl-ewwel budget ta' din l-Amministrazzjoni mill-ewwel qbadna t-triq għan-niżla. Hija t-tattika ta' l-Oppożizzjoni li tipprova ddawwar il-likk lejn in-naħa tagħha. Dan illum drajnih u nistgħu ngħidu li din it-tattika m'għadhiex titwemmen. Ir-riżultat ta' l-aħħar elezzjoni juri li l-poplu m'għadux jemmen aktar lill-Partit Nazzjonalista u hekk se jibqa'.
Il-budget li ġie ppreżentat din id-darba, l-ewwel wieħed f'din l-Amministrazzjoni, huwa maħsub biex jagħti ħajja ġdida sewwa lill-qasam ta' l-ekonomija, dak soċjali u dak politiku, tliet oqsma li huma importanti ħafna fit-tmexxija tal-pajjiż.
Niġu għall-mission statement. Jien mhux se noqgħod ngħid għaliex dan huwa bl-Ingliż u mhux bil-Malti. Qabel kienu jsiru bl-Ingliż ukoll u jien hawnhekk nixtieq nistaqsi lill-Oppożizzjoni minn meta qalbhom bdiet taħraqhom daqshekk għall-Malti, għax ma nafx fejn kien se jasal l-ilsien Malti li kieku baqgħu huma! Dak huwa suġġett li xi darba għad irridu niddiskutuh ukoll. (Interruzzjonijiet) Kien fi kriżi hux! Naħseb li huma qegħdin fi kriżi! (Onor. Membri: hear hear)
Meta wieħed jara dawn il-mission statements isib li ġew imfassla bi pjan serju, qegħdin mibnija biex jaqdu l-ħteġijiet tal-poplu u qegħdin hemmhekk ukoll biex jibdew isolvu l-aktar problemi akuti li jinsab fihom pajjiżna. Bilfors kellu jsir hekk għax meta wieħed jistaqsi x'inhu r-record tal-Partit Nazzjonalista meta kien fil-gvern isib li huwa record wieħed mimli bi problemi ekonomiċi li sallbu lil pajjiżna. U b'dispjaċir ikolli ngħid li b'konsegwenza ta' dan kollu llum kulħadd ikollu jerfa' dan il-piż li ġie mtaqqal minħabba diversi affarijiet. Ġie mtaqqal minħabba l-fatt li hemm eluf ta' liri li ġew investiti fi proġetti li ma tawx il-frott li wieħed kien qed jistenna, hemm ukoll eluf ta' liri li għosfru fil-baħħ u hemm ukoll il-piż li ġie mtaqqal minn telqa u traskuraġni, b'riżultat li anke maż-żmien beda jintilef kull sens ta' dixxiplina fit-tmexxija. Minħabba nuqqas ta' pjan serju anke fl-iżvilupp, jekk nieħdu biss il-qasam tad-djar naraw li din il-problema tant kibret li llum saret kriżi nazzjonali. Imbagħad nistaqsi jiena: Min hu mingħajr viżjoni, l-Oppożizzjoni li tat riżultat fjask f'kull settur li misset miegħu, jew inkella Gvern Laburista li f'dan il-budget diġa' ħa fil-konsiderazzjoni tiegħu l-interessi ta' units ekonomiċi u diġa' rabathom mal-bżonnijiet ġenerali tal-poplu tal-pajjiż? Nixtieq insemmi settur li kont naħdem fih jiena li huwa mera tal-falliment tat-tmexxija tan-Nazzjonalisti u juri wkoll anke l-ineffiċjenza li kien hemm anke tan-nies li kellhom.
Meta kien hemm id-dibattitu dwar l-edukazzjoni l-Oppożizzjoni ftaħret kemm għamlet refurbishing u tiswijiet fl-iskejjel statali, u hekk għandu jkun. Jien naħseb li kulħadd jaqbel ma' din il-ħaġa. L-iskola li kont fiha jien messha x-xorti li tingħata lagħqa żebgħa u tibjida. Issa hawnhekk se ngħid kemm bqajt skandalizzata bit-tmexxija tal-maintenance. Biex tbajdet skola li kien fiha biss 12-il klassi, żewġ kurituri u ndana ħadu sitt xhur! Meta kont inċempel lit-taqsima tal-maintenance dejjem kienu jġibuli l-iskużi kollha pero' l-iktar darba li xxokkjajt ruħi kien meta darba wieħed minnhom kellu l-wiċċ jgħidli - dawn kienu nies li poġġew hemm in-Nazzjonalisti - li għandi nagħlaq għajn waħda għax peress li l-paga ta' dawn il-ħaddiema m'hijiex għolja dawn imorru jagħmlu xi ħaġa oħra. Jiena m'iniex kontra l-fatt li l-ħaddiema jmorru jagħmlu xi ħaġa oħra imma, meta suppost li waqt il-ġurnata tagħhom dawn ikunu qed jagħmlu dan ix-xogħol l-iskola u huma mħallsin minn flus il-poplu, nistenna li għallinqas jiġu jagħmlu nofs ta' nhar xogħol u mhux ma kont narahom imkien. Kif tridu li jkun hemm is-serjeta' u kif nistgħu nwaħħlu fil-ħaddiem meta min kien responsabbli kien qed jiftaħ il-bibien għall-korruzzjoni! Aħna dejjem nikkundannaw lil dawn il-ħaddiema pero' rridu nikkundannaw lil kulħadd għax il-ħażin kien qed isir kullimkien.
Minbarra l-qasam fiżiku ta' l-edukazzjoni - jien naqbel li dan għandu jkun tajjeb għax jorbot ħafna mat-tagħlim - nixtieq nagħmel xi kummenti dwar ir-rapport li ħareġ dwar l-eżamijiet tal-Junior Lyceum. Irrid ngħid li r-riżultati li nkisbu matul is-snin ma jirriflettix ix-xogħol, id-dedikazzjoni u l-ħidma ta' l-għalliema. Jiena ilni ngħallem 21 sena u naf x'jiġifieri t-taqtigħ ta' qalb u t-tensjoni li jgħaddu minnha l-għalliema biex iwasslu t-tfal għall-eżami. L-eżami ma jiddependix biss fuq dak li jkunu għallmu l-għalliema imma hemm ħafna fatturi li jistgħu jgħinu jew jistgħu jtellfu. Per eżempju, waħda mill-affarijiet li titfa' lit-tfal lura fl-eżamijiet hija t-tensjoni li taħkimhom meta dawn jersqu għall-eżami. Ħaġa li jiena ma narahiex li qed tirrifletti eżattament xi jsir fl-iskejjel huwa li ssib tfal li minkejja li tagħtihom il-parir biex ma joqogħdux għal dan l-eżami, xorta waħda jkunu jridu joqogħdu. Qed ngħid dan għax ħafna drabi jiġri li meta jibdew joħorġu l-persentaġġi ta' kemm tfal għaddew minn "dik" l-iskola u mill-iskola "l-oħra" nsibu illi li kieku nħallu lil dawk it-tfal biss li huma kapaċi jersqu għall-eżami insibu skejjel li dawn ikollhom passes kważi ta' 100%. Allura ma noqogħdux niddentifikaw xi skejjel partikolari, huma min huma, u ngħidu li huma aħjar minn skejjel oħrajn.
Ladarba semmejt dan is-settur - kif qiegħed isir anke mill-Ministru ta' l-Edukazzjoni, l-Onor. Evarist Bartolo, li diġa' ħa t-tfassil tal-curriculum bis-serjeta' - nixtieq nagħmel appell dwar is-suġġetti li joqogħdu għalihom it-tfal. Dak li qegħdin jitgħallmu t-tfal bħalissa ma nafx fejn qiegħed iwassalhom eżattament. Qiegħed iħallihom neqsin minn ħafna affarijiet. L-iktar ħaġa li qegħdin insostnu fuqha hija l-kreattivita' li lil dawn it-tfal tista' tagħmilhom iktar indipendenti u li għada pitgħada tista' tgħinhom anke biex jaqbdu l-karriera tagħhom. Hemm bżonn li lit-tfal innaqqsulhom it-tensjoni li għandhom billi noffrulhom xi ħaġa li iktar tiġbidhom lejn l-iskola ħalli jkunu jistgħu jitgħallmu.
Minkejja li hemm ħafna setturi li nixtieq nitkellem dwarhom, il-ħin huwa qasir pero' nixtieq nitkellem ftit dwar in-nisa. Meta llejla l-Onor. D'Amato tkellmet dwar dan il-qasam donnha riedet tagħti l-impressjoni li s-suġġett tal-mara Gvern Laburista kien jieħdu ħafif ħafif, qisna konna qegħdin ngħaddu l-liġijiet biex nakkomodaw lin-nisa, u t-tibdil kollu li sar huwa dovut għall-Gvern Nazzjonalista li waqqaf il-Kummissjoni. Imma qegħdin 'il bogħod ħafna minn hekk! Tajjeb li ngħidu hawnhekk li qabel ma noqgħodu nitkellmu dwar drittijiet, wieħed għandu jara u jifhem x'kienet il-qagħda tal-mara u x'għamel il-Gvern Laburista biex lill-mara taha r-ruħ u taha d-dinjita'. Tajjeb li nfakkru li sa snin ilu - u mhux 'il bogħod - jekk il-mara kienet tinqabad tagħmel adulterju, bħalma kien jagħmlu r-raġel, minħabba li l-figura tagħha, minħabba li l-gender tagħha jidher aktar minn ta' raġel, jekk kienet tinstab ħatja kienet tista' tintefa' sa 20 sena ħabs. Mhix ċajta 20 sena ħabs! Jiġifieri kienet iġġorr is-salib kollu hi. U x'għamel il-Gvern Laburista? Minn att kriminali dan biddlu għal wieħed ċivili.
Jekk mara kien ikollha tfal barra ż-żwieġ, dawn it-tfal ma kellhom drittijiet ta' xejn. Dawn it-tfal għall-omm biss kienu jeżistu imma quddiem is-soċjeta', għal-liġi Maltija, ma kellhom l-ebda dritt. Din hija ħaġa oħra li biddel il-Gvern Laburista u ħa passi biex lil dawn it-tfal jagħtihom l-istess drittijiet bħalma għad għandhom dawk it-tfal li jitwieldu fiż-żwieġ. Jekk insemmu dawn iż-żewġ liġijiet biss, dan ukoll jurina b'liema impenn daħal il-Gvern Laburista biex jgħolli l-livell u jagħti d-dinjita' lill-mara Maltija. (Onor. Membri: Hear hear)
Reġgħet issemmiet ukoll il-liġi ta' l-1974 u ntqal li l-Gvern Laburista kien diskriminatorju mal-mara. Ejjew ma ndawrux fatti! Aħna għandna nistudjaw il-fatti fiċ-ċirkostanzi tagħhom, u anke l-liġijiet. U dak iż-żmien minħabba kif kienu l-fatti storiċi, bilfors li kellu jsir hekk. Wieħed irid jiftakar li f'dawk iż-żmenijiet kien qed isir ċertu taqlib u bilfors riedu jittieħdu miżuri sabiex kulħadd ikun jista' jiekol biċċa ħobż. Meta mbagħad l-ekonomija ssaħħet bis-saħħa ta' l-għaqal ta' Gvern Laburista, il-liġijiet tbiddlu. X'ma tax il-Gvern Laburista? Iċ-children's allowance? Il-maternity leave? Il-maternity benefits? Kien hemm lista sħiħa minn dawn, u nistgħu nibqgħu sejrin sal-ġurnata tal-lum. Il-Gvern Laburista se jibqa' bir-record f'idejh li kien hu li ta l-forza u s-saħħa lill-mara Maltija.
Gvern Laburista, minkejja li huwa konxju tal-problemi kbar eżistenti, xorta waħda ressaq budget li se jkun il-bidu tat-triq sabiex pajjiżna jaqbad it-triq ta' l-istabilita' ekonomika. Dan huwa budget fejn l-infiq ta' flus il-poplu se jsir bil-għaqal f'investiment mingħajr tbatija żejda fuq iċ-ċittadin. B'dan il-budget il-Gvern Laburista wera li mill-ewwel irid isaħħaħ il-ġustizzja u d-demokrazija f'kull qasam tal-ħajja. Il-ġid, it-tagħlim, il-kultura, is-saħħa, u l-impenn politiku fil-fora internazzjonali sabiex Malta tkompli miexja bil-politika ta' newtralita' u non-allinjament u bis-sehem tagħha għall-paċi fil-Mediterran, b'dan kollu jridu jkomplu jifirxu għeruqhom biex b'hekk iċ-ċittadini kollha jieħdu sehem aktar sħiħ fil-ħajja ta' madwarhom.
Ladarba semmejt il-politika ta' non-allinjament - u aħna nagħmlu parti mill-moviment li jġib l-istess isem - nixtieq nirriferi għall-parti minn diskors li kien għamel il-President tal-Colombia Samper fil-11-il summit li seħħ fl-1995 fejn fost affarijiet oħra kien qal hekk:
"I have often been asked during this last year what is the point of continuing with the movement if the end of the cold war should also mean the end of the non-alignment. My answer has always been that, yes, the cold war is over but this fact has not marked the end of poverty in the world. It has not removed the problems of the environment which we face, nor has it put an end to the concerns of our productive sectors and my answer has also been that on the contrary the collapse of the barriers which use to separate two worlds has marked the beginning of a new division in the world. We firmly believe that the people must be the nucleus of our movement to be stronger, more legitimate and more democratic. The Non-Aligned Movement must draw closer to our people. The citizens of all the countries must be the protagonists of the non-alignment at the end of this century and the beginning of the next millennium. Our objective as a movement must be the welfare of human beings, a people who have the right not to be aligned with poverty, not to be aligned with suffering, not to be aligned with pollution, not to aligned with drugs.".
Din hija l-politika li jemmen fiha l-Gvern Laburista u li beħsiebu jkompli jaħdem għaliha matul is-snin li ġejjin. (Onor. Membri: Hear, hear) U hawnhekk nixtieq nispiċċa billi nagħmel appell lill-poplu kollu u ngħidlu li Malta tista' tkun ferm aħjar u kull wieħed u waħda minna għandna naħdmu għal dan l-impenn jekk tassew ilkoll kemm aħna nħobbu lil art twelidna. Grazzi ħafna, Madam Speaker. (Onor. Membri: Hear, hear)
MADAM SPEAKER: Grazzi. Skada l-ħin tad-diskussjoni. Nirringrazzja lill-kelliema kollha tal-lum.
Il-mistoqsija hija r-Riżoluzzjoni dwar l-Approprjazzjoni għas-sena 1997 kif imressqa mill-Ministru. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Carried.
ONOR. MEMBRU: Division.
MADAM SPEAKER: Skond il-Mozzjoni Nru. 37 tal-15 ta'Jannar 1997, din id-division tittieħed minn hawn u ħames minuti oħra.
Billi ntalbet votazzjoni, il-Kamra ġiet sospiża fid-9.30 p.m. u rriżumiet ħames minuti wara.
MADAM SPEAKER: Se nerġa' npoġġi l-mistoqsija. Il-mistoqsija hija r-Riżoluzzjoni dwar l-Approprjazzjoni għas-sena 1997 kif imressqa mill-Ministru. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Carried.
ONOR. MEMBRU: Division.
MADAM SPEAKER: Għandi nifhem li hawn xi ftehim dwar il-pairing? Il-Ministru Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: Madam Speaker, jien informajt lill-Oppożizzjoni li l-Onor. Mintoff jinsab indispost.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Gonzi.
ONOR. LAWRENCE GONZI: Madam Speaker, bl-istess arranġament li spjegajna fis-seduta ta' nhar l-Erbgħa, l-Onor. Mintoff se jiġi paired ma' l-Onor. John Vella.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Nitlob lill-Iskrivan tal-Kamra sabiex jekk jogħġbu jsejjaħ l-ismijiet ta' l-Onor. Membri.
VOTAZZJONI NRU. 21
FAVUR: 34
L-Onor.


Abela Carmelo

Farrugia Michael

Abela Joseph

Farrugia Noel

Agius Chris

Grech Edwin

Attard Montalto John

Gulia Gavin

Bartolo Evarist

Herrera Jose'

Borg Karmenu

Mangion Charles

Brincat Leo

Mizzi Joe

Buhagiar Charles

Pace Bertu

Buhagiar Louis

Portelli Alfred

Camilleri Maria

Refalo Anton

Cardona Chris

Sant Alfred

Chircop Karl

Sceberras Trigona Alex

Cilia Joe

Schembri Adami Sandro

Dalli Helena

Spiteri Lino

Debono Grech Joe

Vassallo Adrian

Farrugia Anglu

Vella George

Farrugia Joe

Vella Karmenu


KONTRA: 33
L-Onor.


Abela Tony

Galea Pace Victor

Agius Francis

Gatt Austin

Bonnici Josef

Gonzi Lawrence

Bonnici Michael

Hyzler George

Borg Joe

Mifsud Bonnici Antoine

Borg Tonio

Mugliett Jesmond

Cassar Joe

Muscat Claude

Dalli John

Muscat Richard

D'Amato Helen

Psaila Savona Joe

De Marco Guido

Pullicino George

Debono Giovanna

Pullicino Orlando Jeffrey

Deguara Louis

Refalo Michael

Farrugia Jean Pierre

Tabone Anton

Fenech Adami Eddie

Vassallo Edwin

Frendo Michael

Zammit Ninu

Galea Censu

Zammit Dimech Francis

Galea Louis











Ir-Riżoluzzjoni għaddiet u l-Abbozz ta' Liġi dwar l-Approprjazzjoni (1997) tqies li nqara l-Ewwel Darba skond l-Ordni Permanenti Nru. 82.
Kopja ta' dan l-Abbozz ta' Liġi kienet tqassmet lill-Onor. Membri waqt is-Seduta Nru. 33 tad-19 ta' Frar, 1997.
MADAM SPEAKER: Skond il-Mozzjoni Nru. 37 tal-15 ta' Jannar, 1997 il-Kamra tgħaddi mingħajr diskussjoni għax-xogħol li baqa' dwar l-Approprjazzjoni għas-sena 1997.

Yüklə 0,68 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7   8   9   10   11




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin