TQEGĦID TA' KARTI FUQ IL-MEJDA
ONOR. ALFRED SANT: Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Informazzjoni dwar membri fil-Korp tal-Pulizija fil-5 ta' Frar 1997, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 2732.
Informazzjoni dwar parteċipazzjoni mit-Tarzna ta' Malta f'ship repair exhibitions li saru bejn l-1994 u l-1996, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 3322.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: Madam Speaker, f'isem il-Ministru ta' l-Ekonomija u l-Finanzi inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Avviż Legali Nru 29 ta' l-1997 - Indiċi ta' l-Inflazzjoni għas-sena 1996;
f'isem il-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Avviż Legali Nru 25 ta’ l-1997 - Regolamenti ta’ l-1997 biex jemendaw ir-Regolamenti ta’ l-1991 għaċ-Ċertifikat fl-Edukazzjoni għall-Gradwati;
Avviż Legali Nru 26 ta’ l-1997 - Regolamenti ta’ l-1997 biex jemendaw ir-Regolamenti ta’ l-1990 għall-Kors tad-Diploma fl-Istudji tax-Xogħol;
Avviż Legali Nru 27 ta' l-1997 - Regolamenti ta' l-1997 biex jemendaw ir-Regolamenti ta' l-1988 għall-Kors għall-Grad ta' Baċellerat ta' l-Arti fl-Istudji Reliġjużi - B.A. (Rel. Stud.);
Avviż Legali Nru 28 ta' l-1997 - Regolamenti ta' l-1997 biex jemendaw ir-Regolamenti ta' l-1993 għall-Kors għall-Grad ta' Bachelor of Engineering (Honours) - B.Eng. (Hons.);
Lista ta' uffiċjali u membri tal-Kummissjoni Regatta 1997, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru W82; u
Kopja ta' l-audited accounts tal-Fondazzjoni għall-Istudji Internazzjonali mill-1987 sa l-1995, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru W116; u
f'isem il-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Kopja tal-ftehim iffirmat fis-7 ta' Frar 1997 bejn id-Dipartiment ta' l-Anzjani u Bżonnijiet Speċjali u l-Awtoritajiet tal-Knisja dwar id-Dar ta' l-Anzjani ta' Bormla, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 3353; u
f'isem il-Ministru ta' l-Industrija inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Kopja tal-korrispondenza bejn il-Korporazzjoni Maltija għall-Iżvilupp u BOVIS International għat-tħejjija ta' rapport dwar Science and Business Park u għat-tħejjija ta' rapport dwar upgrading and management ta' l-oqsma industrijali, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru W111.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Debono Grech.
ONOR. JOE DEBONO GRECH (Ministru tat-Trasport u Portijiet): Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Kopja tal-konklużjonijiet tal-laqgħa ministerjali tal-European Civil Aviation Conference li saret fl-14 ta' Frar 1997, f'Copenhagen, id-Danimarka, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 3369; u
Kopja tal-kuntratt iffirmat fis-26 ta' Lulju 1993 bejn is-Sur Charles Aquilina u l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku dwar kiri ta' villa f'H'Attard, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru W 112.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Grech.
ONOR. EDWIN S. GRECH (Ministru tal-Ħarsien Soċjali): Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Rapport dwar il-Ħidma tal-Kummissjoni għall-Promozzjoni tas-Saħħa u s-Sigurta' fuq il-Post tax-Xogħol għas-sena 1996.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Sqarrijiet Ministerjali? Mozzjonijiet? Ordnijiet tal-Ġurnata.
ORDNIJIET TAL-ĠURNATA ESTIMI ĠENERALI 1996 RIŻOLUZZJONI LI TAWTORIZZA L-GĦOTI MILL-FOND KONSOLIDAT U LI JITRESSAQ L-ABBOZZ TA' LIĠI DWAR L-APPROPRAZZJONI (ORDNI PERMANENTI NRU. 82)
MADAM SPEAKER: Hemm xi arranġament bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra dwar kif se jsir ix-xogħol?
Il-Ministru Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: Madam Speaker, il-ftehim hu li l-ħin jinqasam indaqs bl-ewwel parti għall-Oppożizzjoni u l-aħħar parti għall-Gvern.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Gonzi.
ONOR. LAWRENCE GONZI: Madam Speaker, nikkonferma.
MADAM SPEAKER: Il-Ministru Mizzi jekk jogħġbu jressaq ir-riżoluzzjoni.
ONOR. JOE MIZZI: Madam Speaker, f'isem il-Ministru ta' l-Ekonomija u l-Finanzi nressaq din ir-Riżoluzzjoni:
Illi s-somma ta' mhux iżjed minn erba' mija u tliet miljuni, disa' mija u sebgħa u ħamsin elf, mija u wieħed u ħamsin liri Maltin (Lm403,957,151) li tirrappreżenta l-ammont kollu tar-Riżoluzzjonijiet approvati mill-Kumitat ta' Provvista, kif dettaljati fl-Abbozz ta' l-Estimi Ġenerali 1997 taħt il-Voti 1, 2, 4 sa 46, 48 sa 51 u I sa XIV tiġi mogħtija għan-Nefqa mill-Fond Konsolidat; u
Illi l-Ministru ta' l-Ekonomija u l-Finanzi jressaq l-Abbozz ta' Liġi dwar l-Approprjazzjoni (1997).
MADAM SPEAKER: Min jissekonda jekk jogħġobkom?
ONOR. JOE DEBONO GRECH: Nissekonda.
MADAM SPEAKER: Hemm rimarki? L-Onor. Michael Bonnici.
ONOR. MICHAEL BONNICI: Madam Speaker, jekk wieħed iħares lejn il-Budget ta' l-1997 li qegħdin niddiskutu jara li l-poplu kellu ċerti expectations. Kuntrarju għal dak li kien jiġri fiż-żmien il-Gvern Nazzjonalista fejn il-poplu kien dara li lanqas biss jagħti kas ta' x'se jkun hemm fil-budget, din is-sena l-poplu stenna xi ħaġa ġdida. Pero' jidher li ma kien hemm assolutament xejn ta' novita' f'dan l-ewwel budget ta' Gvern Laburista. Qed ngħid hekk, Madam Speaker, għal diversi raġunijiet u l-ewwel raġuni prinċipali hija li ma kienx hemm żidiet lill-anzjani.
Wara propaganda li kienet issir mill-Partit Laburista meta kien għadu fl-oppożizzjoni u kienu jgħidu li l-għoli tal-ħajja qed jifni lil kulħadd, wieħed kien jistenna li llum li l-għoli tal-ħajja qed ikompli jiżdied jingħataw xi żidiet, pero' minflok inħolqu biss taxxi. Donnu li b'kumbinazzjoni l-Gvern Malti żied it-taxxi proprju fuq l-istess l-affarijiet li l-Gvern Ingliż ftit tal-ġimgħat ilu kien ukoll żied it-taxxi fuqhom, jiġifieri l-fuel, is-sigaretti, ix-xorb u l-vjaġġi bl-ajru. Suppost li t-taxxi jsiru jew minħabba nfiq kapitali li jkun qed jiġi ntrodott mill-ġdid, jew biex jagħmel tajjeb għall-iżbilanċ ta' spejjeż li jkunu ntnefqu fis-sena ta' qabel, jew inkella biex jingħataw benefiċċji soċjali għal dawk li jkunu tassew jenħtiġuhom. Fil-każ ta' dan il-budget wieħed għandu jaħseb li dawn it-taxxi żdiedu biex jagħmlu tajjeb għall-iżbilanċ, pero' filwaqt li l-Gvern Laburista qed jgħid li sar ħafna nfiq żejjed, ħafna minn dawn il-flus intnefqu proprju fuq investimenti li riedu jsiru bilfors u li l-ispejjeż tagħhom jiġu rkuprati wara ċertu żmien.
Madam Speaker, kulħadd jaf li meta tela' fil-gvern il-Partit Nazzjonalista kien wiret l-istess sitwazzjoni ta' żbilanċ fil-kontijiet, pero' bid-differenza li ma' dan kien hemm ukoll tenders li kienu jinkludu xogħol ta' toroq ġewwa Kemmuna! Kien hemm ukoll xogħol ħażin li kien sar fil-Freeport li għalih kienu ntnefqu miljuni kbar ta' liri, silos li kienu strutturalment difettużi u li kellhom jiġu rranġati u għexirien ta' azjendi falluti. Dak iż-żmien kien hawn ukoll instabbilta' fil-pajjiż u llum huwa l-istess Gvern Laburista li jammetti li saru l-iżbalji. Minbarra dawn l-iżbalji kellna wkoll il-fatt li d-demokrazija kienet qed tiġi mhedda, apparti li kien hawn ħafna inġustizzji u kien hawn ukoll ħafna unemployment tant li biex iniżlu l-figura tal-qgħad kienu mpjegaw kważi 8,000 ruħ mas-settur pubbliku ftit taż-żmien qabel l-elezzjoni ta' l-1987. Kawża ta' dan il-Gvern Nazzjonalisata kellu jġorr piż ta' kważi Lm30 miljun f'pagi għal dawn in-nies. Pero' minkejja dan, il-Gvern Nazzjonalista kien żamm il-wegħda tiegħu ma' dawn in-nies u ma keċċa lil ħadd..
Mela waqt li l-Partit Laburista qed għid li ma jridx jammministra l-ekonomija tal-pajjiż bl-iskossi - u għandu raġun - il-Gvern Nazzjonalista wkoll ma kienx irid konfrontazzjoni dak iż-żmien. Pero' kif wieħed jista' jgħid li ma kellniex skossi f'dawn l-ewwel xhur ta' Amministrazzjoni Laburista ġdida?
Rajna li, bħalma kien wiegħed, il-Gvern Laburista mal-ewwel rtira s-sehem ta' Malta fil-Partnership for Peace għax skond il-Partit Laburista dan kien imur kontra n-newtralita'. Jumejn ilu l-Onor. Guido de Marco ta spjega tajba ħafna proprju fuq dan is-suġġett. Pero' wieħed irid jara issa jekk il-fatt li ħriġna mill-Partnership for Peace hux se jfisser li nidħlu f'partnership ieħor. Nafu li fis-sajf li ġej ġewwa Madrid in-NATO se tagħmel konferenza importanti biex tara kif tista' tamalgama magħha, f'xi forma ta' assoċjazzjoni, lill-pajjiżi ta' l-East u qegħdin jitkellmu fuq "a new set of European security institutions". Issa naraw jekk fil-fatt il-Gvern Laburista hux qiegħed jaħseb li aħna niġu pparagunati man-naħa ta' l-East u nipparteċipaw ukoll f'din l-assoċjazzjoni l-ġdida u aktar 'il quddiem beħsiebni nagħmel mistoqsija parlamentari lill-Ministru ta ' l-Affarijiet Barranin jekk għandux il-ħsieb li Malta jdaħħalha f'dan in-new set of European security institutions. Pero' nafu, li jiġri x'jiġri, il-pajjiż illum il-ġurnata huwa mneżża' minn kull xorta ta' sigurta'. Il-Viċi Prim Ministru qal li llum it-theddida m'hijiex ta' gwerra imma huma affarijiet oħra bħal, per eżempju, tniġġiż ta' l-arja, tniġġiż tal-baħar, tniġġiż ta' affarijiet oħra, korruzzjoni, droga, eċċ., pero' llum il-ġurnata wkoll nistgħu niġu mhedda b'xi gwerer u wieħed irid jilqa' għal dan. Nafu x'ġara ftit ta' snin ilu meta konna qed infittxu għaż-żejt meta kien hemm theddida kbira min-naħa tal-Libja u pprovaw jattakkaw ukoll dak l-oil rig li kien qed iħaffer fl-ibħra territorjali Maltin. GĦad irridu naraw x'sigurta' se jkollu pajjiżna. Nafu kemm il-Gvern Laburista ta' qabel l-1987 kien preokkupat b'din il-materja. Jien nittama li l-Gvern iserraħ ras il-poplu Malti rigward is-sigurta' b'xi forma ta' ftehim ma' xi ħadd għax dak li hemm ma' l-Italja ċertament m'huwiex biżżejjed.
Madam Speaker, kellna skossi oħrajn u nsemmi waħda minnhom li kienet proprju l-Gozo Channel, jew aħjar il-fares ġodda tal-Gozo Channel. Huwa veru li l-Gvern Nazzjonalista għamel il-kuntratt biex jinbnew żewġ vapuri oħra jew tlieta għall-prezz ta' xi ħaġa fuq l-Lm20 miljun, imma dak iż-żmien il-Partit Nazzjonalista fil-gvern kien qed jaħseb għall-futur. Nafu u ntqal anke hawn ġew li ċerti vapuri m'humiex seaworthy. Dawn lanqas huma tajbin biex jivvjaġġaw, aħseb u ara biex iġorru dik il-merkanzija kollha! Jien naħseb li l-Partit Nazzjonalista kien qed jaħseb fil-futur meta hu ried li fil-futur qarib, ħamsa, sitta, seba' snin oħra jkollna l-aħjar trasport bejn iż-żewġ gżejjer. Li huwa żgur huwa li Gvern Nazzjonalista qatt ma kellu l-ħsieb li jintroduċi nollijiet ogħla mmedjatament imma gradwalment, sakemm il-vapuri l-ġodda jilħqu jiġu. Dan kien proprju l-ewwel skoss li ħa l-poplu Għawdxi u qed naraw kemm hemm diżgwid u kemm qed ikun hemm nuqqas ta' turisti u allura nuqqas ta' xogħol. Aħna dan ma ridnihx. Aħna nixtiequ li f'Għawdex ikomplu bil-business li kien għaddej biex il-poplu Għawdxi jkollu l-introjtu bħalma għandna f'Malta. Aħna ma rridux li pajjiżna jmur lura, anzi nagħmluha ċara li rridu lil pajjiżna jmur 'il quddiem.
Madam Speaker, skoss ieħor kienu t-taxxi li qed jiġu ntrodotti. Ma ninsewx li l-Gvern Nazzjonalista għamel diversi riformi fit-taxxi u jien nistaqsi jekk il-poplu jiflaħx għal aktar riformi bl-introduzzjoni ta' taxxa ġdida minflok il-VAT. Nafu kemm il-Gvern Nazzjonalista ħadem biex inaqqas il-piż tat-taxxa diretta minn fuq il-poplu. Qabel l-ogħla persentaġġ ta' taxxa fuq id-dħul kien ta' 65% u aħna din niżżilniha għal 35%. Kien hemm aktar nies li nqabdu b'din it-taxxa milli kienu jinqabdu bit-taxxa tal-65%. Tneħħiet ukoll it-taxxa tas-suċċessjoni. Nafu wkoll kemm hemm koppji miżżewġin li jaħdmu t-tnejn li ffrankaw il-flus meta huma għażlu kompjutazzjoni separata tat-taxxa. Bl-introduzzjoni ta' flat rate ta' 17% taxxa fuq il-part-time job wieħed ma kienx qed jaħdem il-part-time job biex iħallas it-taxxa biss imma kien qed jibqagħlu l-flus f'idejh. Kien ta' benefiċċju kbir għal ħafna nies meta ġiet introdotta l-withholding tax għax uħud ma baqgħux jindikaw l-ammonti ta' flus li għandhom fil-banek u kienu jħallsu biss 15% taxxa fuqhom. Waħda mill-aktar miżuri importanti li daħlet f'nofs is-sena li għaddiet kienet li ħaddiem li jaqla' sa Lm4000 ma jħallasx taxxa. Dawn kienu kollha benefiċċji kbar għall-ħaddiem Malti. Jiena nittama li l-Gvern jirrikonoxxi dawn l-affarijiet u jagħmel xi ħaġa biex inaqqas it-taxxi diretti. Illum hija policy ta' diversi gvernijiet kemm fl-Amerka, fil-Ġermanja u fl-Ingilterra li jnaqqsu t-taxxi diretti u minflokhom idaħħlu taxxi indiretti.
Madam Speaker, skoss ieħor kien proprju fil-kwestjoni tal-buses. Dawn kellhom jinbidblu u fil-fatt is-sena li għaddiet daħlu tlieta għalkemm kien hemm ordnijiet għal ħafna aktar għax meta l-Gvern Nazzjonalista ħareġ l-offerti kien hemm 150 li applikaw biex jibdlu x-char-a-bancs tagħhom. U issa se niġu status quo, jiġifieri se nibqgħu b'dawk ix-char-a-bancs li għandna qodma u mkissrin, li huwa disgrace. Jiena ma nistax nifhem kif din il-ħaġa se terġa' tiġi kkonsidrata mill-ġdid meta aħna tant ħdimna għaliha. Niftakru kemm qlajna kritika min-naħa ta' l-Oppożizzjoni. Ma ninsa qatt lill-ħabib kbir tiegħi, is-Sur Freddie Micallef, jinsisti li hemm bżonn li jinbidlu dawn ix-char-a-bancs mill-aktar fis u issa reġġajna kollox lura għal diversi raġunijiet. Dan huwa żball. Aħna rridu li jekk jista' jkun il-poplu Malti juża l-karrozzi tal-linja biex innaqqsu t-traffiku u t-tniġġis ta' l-arja. Imma se nerġgħu nwaqqfu kollox, forsi anke għal snin sħaħ, minħabba din id-deċiżjoni dwar ix-char-a-bancs il-ġodda. Jien hawnhekk nistaqsi x'sar minn dawk il-flus li ddepożitaw is-sidien tax-char-a-bancs, humiex se jieħdu xi imgħaxijiet fuqhom u jekk il-Gvern huwiex se jikkommetti ruħu li jagħti dik l-għajnuna li kien beħsiebu jagħti meta jiġu x-char-a-bancs il-ġodda. Hemm ħafna diżgwid bejn is-sidien tax-char-a-bancs, ma jafux x'se jiġri, ħadd ma jrid jirranġa x-char-a-bancs tiegħu u se nibqgħu f'sitwazzjoni verament ta' mistħija. Forsi l-Gvern Nazzjonalista kellu ftit tort f'din il-materja imma żgur li t-tort issa se jkun totalment tal-Partit Laburista li proġett bħal dan, li kien se jkun ta' utilita' kbira kemm għall-poplu Malti u kemm għat-turisti, se jħallih jittardja.
Kellna wkoll diskors fuq id-Dockyard. Aħna qbilna mad-deċiżjoni tal-Gvern li jemenda l-Liġi dwar id-Dockyard u nawgurawlu li jkun hemm suċċess pero' wieħed irid joqgħod attent għaliex il-ħaddiema m'humiex kuntenti b'dak li sar u kważi saret protesta kontra d-deċiżjoni li ħa dan il-Parlament. Fid-Dockyard hemm nies kapaċi, nies tas-sengħa, nies ta' l-affari tagħhom u nies li jaħdmu, pero' għadna minnhom mogħmijin ħafna bil-politika. Jiena u ġej kont qed nisma' r-radju, u kien hemm semmiegħ li kkummenta li d-Dockyard hija mmexxija biss mill-General Workers' Union. Jekk il-General Workers' Union hija affiljata mal-Partit Laburista - għalkemm mhux direttament - jenħtieġ li l-politika tinqata' totalment minn hemmhekk. Jenħtieġ li l-ħaddiema tad-Dockyard jifhmu l-pożizzjoni li jinsabu fiha u d-dejn kbir li għandhom. Dawn għandhom jagħmlu l-kuraġġ, jaċċettaw id-deċiżjoni ta' dan il-Parlament u jaħdmu bi sħiħ bħalma awgura wkoll iċ-chairman il-ġdid, li min-naħa tiegħi nawguralu li jmexxi tajjeb u jkollu suċċess.
Nafu li s-sena l-oħra d-Dockyard kellha telf ta' Lm12.5 miljun. F'dawn l-aħħar 25 sena, kien biss fl-1986 li d-Dockyard tellgħet turnover ta' Lm25 miljun meta kellha telf ta' Lm4 miljun. Dak iż-żmien kien hemm workforce ta' 4,300 u konna mexjin mhux ħażin. Proprju għaxar snin wara, jiġifieri fl-1996, skond ir-rapporti li ġew ippreżentati hawnhekk, it-turnover kien biss ta' Lm12.5 miljun, jiġifieri eżatt in-nofs ta' dak li kien għaxar snin ilu, u l-workforce kienet ta' 3,374. Barra minn hekk il-Gvern ippompja Lm10 miljun. Mela filwaqt li għaxar snin ilu d-Dockyard kellha turnover ta' Lm25 miljun b'4,300 ħaddiem, illum b'1,000 ħaddiema inqas qed tagħmel turnover ta' Lm12.5 miljun! Din hija serja ħafna u minn hawnhekk nagħmel l-appell li mil-lum 'il quddiem l-estimi finanzjarji tad-Dockyard għandhom jiġu għall-iskrutinju ta' dan il-Parlament. Bħalma l-estimi tal-Malta Maritime Authority, ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar, tal-Korporazzjonijiet Telemalta u Enemalta u diversi korporazzjonijiet oħrajn jiġu għall-approvazzjoni ta' din il-Kamra, hekk ukoll l-estimi finanzjarji tad-Dockyard, fejn il-Gvern qed jippompja dawn il-miljuni kollha, għandhom jitressqu quddiemna Fil-Leġislatura l-oħra dan sar fil-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi imma kienet saret biss laqgħa jew tnejn. Iċ-chairman kien l-Onor. Lino Spiteri, illum Ministru tal-Finanzi, u nista' nifhem li mill-mistoqsijiet li kien għamel seta' jara l-importanza li l-finanzi tal-Malta Drydocks jiġu scrutinised minn dan il-Parlament.
Madam Speaker, kif kont qed ngħid qabel, issa iktar se jkollna għoli tal-ħajja. Per eżempju, fejn qabel is-sales kienu jdumu 15-il ġurnata jew tliet ġimgħat biex tal-ħwienet ineħħu l-istocks li jkollhom u jġibu l-ġodda, illum qed naraw li dawn baqgħu sejrin kważi sa l-aħħar ta' Frar. Dan m'huwiex sinjal tajjeb għax juri li n-nies forsi ma xtrawx biżżejjed. Għalhekk kif kien igħid il-Partit Laburista hemm bżonn immedjatament li nikkontrollaw l-għoli tal-ħajja u naf x'qed ngħid. Nafu li l-prezzijiet ta' affarijiet essenzjali ta' l-ikel bħal kafe', zokkor u żejt qed jogħlew. Qed jogħlew ukoll il-mediċini - mhux dawk li ssemmew mill-ħabib tiegħi, l-Onor. Antoine Mifsud Bonnici, li forsi ma tantx jintużaw - li m'hemmx stocks tagħhom fl-isptar. Per eżempju, l-prezz tar-Renitec li jintuża għall-pressjoni għolja minn Lm8.24c tela' għal Lm8.72c. Issa kien hemm żmien twil li ma kienx hemm stocks ta' dan il-prodott fl-isptar. Mela l-għoli tal-mediċini qed jiżdied sewwa u fl-ispiżeriji ta' l-isptar mhux qed ikun hemm ċerti stocks. Tant hu hekk li n-nies li huma intitolati għal dawn il-mediċini - dawn qed iħallsu t-taxxa wkoll - qed ikollhom jixtruhom bi prezzijiet għoljin jew jingħataw xi ftit għal xi tlett ijiem. Jien naħseb li hemm bżonn li l-Gvern jikkontrolla l-għoli tal-ħajja. Huwa veru li dan m'huwiex faċli għax ċerti affarijiet jogħlew minn barra u żgur li l-lira sterlina, l-mark Ġermaniż u d-dollaru Amerikan jirriflettu fuq l-għoli tal-ħajja, imma hemm bżonn li l-Gvern jikkontrolla iktar mill-iktar fis possibbli ħalli ma jħallix lill-poplu jbati. M'huwiex biżżejjed li joħroġ lista ta' affarijiet u jiġġustifika jew le għalfejn għolew.
Madam Speaker, se ngħid xi ħaġa dwar il-VAT u s-sistema ġdida ta' taxxi li qed tiġi proposta. Nafu li l-poplu Malti, b'mod speċjali r-retailers u n-negozjanti, f'dawn l-aħħar ġranet u f'dawn l-aħħar snin iffaċċjaw riformi kbar fit-taxxa. Il-poplu kważi kien dara s-sistema tal-VAT. Bis-sistema l-ġdida li qed tiġi ntrodotta u li għadha kif ħarġet white paper fuqha forsi veru se jonqsu xi charges minn fuq il-konsumaturi, pero' ta' min igħid li l-fiscal registers se jibqgħu. Jien nemmen li għandu jkollna moralita' fiskali għax m'huwiex sewwa li jkun hawn is-serq u l-ħaddiem iħallas kemm għandu jħallas imbagħad min jaħdem għal rasu jaqla' kemm irid mingħajr kontroll. Jien nemmen f'din il-ħaġa pero' l-poplu Malti ġie mqarraq ħafna għaliex kollox se jibqa' kważi l-istess. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista qed jgħid li l-VAT se tibqa' u li se jinbidel biss isimha u li l-affarijiet l-oħra se jibqgħu hemmhekk.
Madam Speaker, dwar l-edukazzjoni se nitkellem biss fuq l-Universita'. Nafu li fl-1995 il-Partit Nazzjonalista fil-gvern ivvota Lm5.8 miljun għall-Universita', fl-1996 ivvota Lm7.2 miljun - qabża ta' kważi Lm1.5 miljun - u f'dan il-budget ta' l-1997 il-Gvern Laburista qed jivvota Lm7.6 miljun, jiġifieri Lm400,000 iktar mis-sena l-oħra. Aħna veru rridu ninkoraġġixxu l-istudju. Fil-mission statement hemm kliem sabiħ dwar x'għandu jsir fl-Universita' imma wieħed irid joqgħod attent għax hemm miktub ukoll: "The University will be made responsible to Parliament for its duties and responsibilities." Jien nifhem li peress li l-Gvern qed joħroġ dawn il-flus kollha - Lm7.6 miljun u forsi iktar ukoll - il-Parlament għandu jkun jaf dawn il-flus fiex qed jintnefqu u x'benefiċċju qed nieħdu minnhom ukoll. Pero' wieħed irid jara wkoll xi jfisser il-kliem "the University will be restructured" u l-fatt li se jkun hemm "contractual arrangements with Government" kif hemm imsemmi fil-mission statement. Jiġifieri rridu naraw jekk l-awtonomija ta' l-Universita' hix se tibqa' sħiħa bħalma inżammet fl-għaxar snin ta' Gvern Nazzjonalista. Issa se jkun hemm possibbilta' li l-Universita' "will be made responsible to Parliament for its duties and responsabilites" u l-finanzi tagħha se jiġu diskussi hawnhekk. Din wieħed jifhimha u jirraġunaha, aħseb u ara allura kemm hemm bżonn li l-finanzi tad-Dockyard, li qed tieħu dawk il-miljuni kollha, jersqu hawnhekk f'dan il-Parlament biex jiġu diskussi wkoll!
Madam Speaker, fis-saħħa għandna sitwazzjoni li hemm bżonn li wieħed jagħti kasha sewwa. L-ewwelnett nafu li l-MAM, l-assoċjazzjoni tat-tobba, għamlet ukoll is-sottomissjonijiet tagħha dwar l-isptar il-ġdid. Jien nista' ngħid li domt naħdem l-isptar għal kważi 20 sena u naf kemm hemm bżonn li jkollna sptar ġdid. Irridu naħsbu għall-futur biex ikollna sptar adattat għall-ħtiġijiet moderni li qed jiżviluppaw madwarna. Jien hawnhekk nagħmel appell lill-Gvern biex mingħajr xeħħa jerġa' jikkonsidra malajr id-deċiżjoni tiegħu. Iż-żmien qiegħed jaħrab u mhux se jagħtina ċans nilħqu l-iskopijiet tagħna. Il-Gvern Nazzjonalista wkoll kien jgħid li l-Isptar San Luqa sar żgħir u l-Partit Laburista kien jgħajjarna li fil-wards hemm in-nies fil-kuriduri. In-nies għadhom fil-kuriduri għax l-ispazju ma tistax iġġebbdu. Dak huwa l-uniku sptar b'xejn u l-massa l-kbira tal-pazjenti hemmhekk imorru. Nammetti li hemm servizzi tajbin ta' tobba, ta' professuri u ta' nurses, bil-limitazzjonijiet kollha li hemm, pero' jenħtieġ li l-Gvern jikkonsidra bl-ikbar serjeta' li dak il-proġett ta' San Raffaele jitkompla. Il-MAM qalet li għandna nibdlulu ismu. Issa tgħidlu San Raffaele, tgħidlu San Luqa u tgħidlu San Pupulju dan sptar jibqa'! (Interruzzjonijiet) Trid issemmih għal San Pawl? Allura jien ngħid San Filep ukoll! (Interruzzjonijiet) Issa se żżid San Ġorg ta' Ħal Qormi wkoll! Jenħtieġ li l-Gvern jieħu deċiżjoni fuq dan l-isptar. Huwa veru li dan huwa investiment qawwi li se jaħleb ħafna mill-Voti tal-budget, pero' jenħtieġ li dan l-isptar jinbena u jkollu l-aktar attrezzaturi moderni possibbli. Per eżempju, dan l-aħħar qrajna li saret operazzjoni ta' l-għajnejn fl-Ingilterra fejn intuża l-aktar apparat modern u sofistikat. Allura għaliex f'Malta m'għandux ikollna dawn il-faċilitajiet? Il-Gvern Nazzjonalista kien nefaq miljuni ta' liri f'equipment ġdid biex setgħu jsiru open heart surgeries kif ukoll diversi operazzjonijiet fuq l-irkoppa, dik tal-prostheses. Nafu li kellna u għad għadna speċjalisti kapaċi. Lil dawn l-ispeċjalisti li qed jitħarrġu tant tajjeb għandna nagħtuhom l-ispazju u l-apparat neċessarju għal sptar modern għax hekk jixraq.
Jien ma naqbilx li meta jitlesta l-isptar il-ġdid, l-iSptar San Luqa għandu jsir sptar għall-anzjani. Naħseb li dan ikun żball għax filwaqt li ż-żewġ partiti politiċi jaqblu li l-anzjani għandna nżommuhom fil-komunita', ma rridux noħolqu dik l-istigma ta' Imgieret ieħor fl-iSptar San Luqa. Jew se nirriservaw dak l-isptar għal ċertu mard partikolari - u jekk hemm bżonn anke l-casualty tibqa' hemmhekk - jew inkella se nirrovinaw kollox. Jekk aħna ndaħħlu lill-anzjani hemmhekk nispiċċaw bħalma kien jiġri dari meta konna ndaħħluhom l-Imgieret. Dik kienet stigma kerha imma llum il-ġurnata l-affarijiet tbiddlu ħafna. GĦalhekk nittama li l-Gvern jieħu deċiżjoni serja f'din il-ħaġa u ma jħarisx lejn il-pika politika ħalli jkun jista' jaħdem għall-ġid tal-poplu Malti kollu. Il-Gvern Nazzjonalista fl-1995 u fl-1996 kien ivvota Lm48 miljun għas-saħħa, għall-anzjani u għal family affairs. Illum il-ġurnata, għall-istess ħaġa, għalkemm saru xi ftit tibdiliet, il-Gvern preżenti qed jivvota Lm45 miljun, jiġifieri Lm3 miljun anqas. Din hija xi ħaġa serja għax fil-qasam tas-saħħa, fil-qasam ta' l-anzjani u fil-qasam soċjali tal-family affairs m'għandux ikollna xeħħa.
Madam Speaker, sieħbi l-Onor. Tonio Borg diġa' tkellem dwar il-ħabs ta' Kordin u l-correctional services. Nafu li fl-1995 għal dan is-settur kien hemm ivvotati Lm800,000, fl-1996 is-somma vvotata kienet ta' Lm1.2 miljun u għall-budget ta' din is-sena l-Gvern Laburista vvota Lm1.3 miljun. Huwa tajjeb li wieħed iżid għax hekk hemm bżonn, pero' huwa tajjeb li ngħid ukoll li għal education and training for inmates fl-1996 il-Gvern Nazzjonalista kien ivvota Lm40,000 waqt li għall-1997 m'hawn ivvotat assolutament xejn, lanqas sold wieħed. Issa dan huwa importanti għax bħalma qegħdin naqblu li l-għajnuna li nagħtu lil persuni b'diżabilita' m'għandhiex tkun politiċizzata, li lil dawn in-nies m'għandniex inwarrbuhom u nemarġinawhom iżda għandna npoġġuhom fiċ-ċentru tas-soċjeta' Maltija u ngħinuhom b'kull mezz possibbli, allura dawn in-nies li qegħdin ġewwa l-ħabs irriduhom jirriformaw ruħhom allavolja ħafna minnhom huma riċedevi, jiġifieri joħorġu mill-ħabs u f'kemm ili ngħidlek jerġgħu jsibu ruħhom ġewwa.
Anke għal dak li għandu x'jaqsam mal-community work service li ntroduċa l-Gvern Nazzjonalista għall-inmates tal-ħabs, filwaqt li fl-1996 kien hemm ivvotati Lm10,000 - barra minn Malta qed jużaw ħafna l-metodu li parti mill-piena tkun li tagħmel xogħol fil-komunita' mhux li toqgħod ġol-ħabs - f'dan il-budget m'hemm ivvotat xejn. Rigward training għal dawn in-nies, fl-1996 l-Gvern Nazzjonalista kien ivvota Lm10,000 u din is-sena kulma hemm ivvotat huwa biss Lm1,000.
Madam Speaker, kelli ħafna aktar xi ngħid pero' ma fadallix ħin u se nispiċċa proprju biex nitkellem dwar din l-istituzzjoni, il-Parlament. Ħdejja hawn l-Onor. Lawrence Gonzi li nafu kemm ħadem biex poġġa lil dan il-Parlament fil-pożizzjoni li qiegħed illum, bil-faċilitajiet kollha li għandna u jien nawgura li anke inti, Madam Speaker, iżżomm in high esteem il-pożizzjoni tal-Parlament anke b'servizzi oħra ġodda, b'mod speċjali fejn tidħol il-librerija. Jien nappella sabiex bil-flus ivvotati b'dan il-budget il-Parlament ikollu librerija mgħammra b'kotba aġġornati għaliex il-kotba li għandna bħalissa lanqas biss tista' tagħmel riferenza għalihom. Jien naf kemm l-iskrivani, l-ushers u kulħadd jagħti servizz f'dan il-Parlament, pero' jenħtieġ li jkollna librerija li tkun mgħammra b'kotba aġġornati.
Barra minn hekk għandna bżonn ukoll ta' diversi faċilitajiet, b'mod speċjali fiż-żewġt ikmamar ta' l-Oppożizzjoni li fihom iridu joqogħdu 34 ruħ. Huwa veru li jien bħala Deputy Speaker għandi l-uffiċċju tiegħi, pero' naħseb li tkun ħaġa tajba li jkun hemm xi kamra - naf li s-Sedja diġa' qed taħseb dwar dan - adattata ħafna aħjar. Jien nirringrazzjak ukoll talli komplejt fuq l-inizjattiva li kienet ittieħdet mill-iSpeaker preċedenti fuq dak li jirrigwarda l-kors tal-computers li għadu kif sar u anke dwar il-kors ta' l-E-Mail. Jien attendejt għal dawn il-korsijiet li kienu tajbin ħafna u ngħidlek prosit talli żammejt din il-wegħda mal-Membri Parlamentari. Grazzi, Madam Speaker.
Dostları ilə paylaş: |