TQEGĦID TA' KARTI
ONOR. ALFRED SANT (Prim Ministru): Sinjura President, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Lista ta' postijiet liċenzjati bħala panel beaters/sprayers fil-Belt Valletta, il-Furjana u l-Marsa, bi tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 10141.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Buhagiar.
ONOR. CHARLES BUHAGIAR (Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni): Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Lista ta' toroq fejn jenħtieġ li jiġi mgħoddi s-servizz tad-drenaġġ, bi tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 10140.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Farrugia.
ONOR. NOEL FARRUGIA (Ministru tal-Biedja u Sajd): Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Kopja ta' rapport intitolat "Strategic Review of the National Aquaculture Centre (NAC)" maħruġ mill-Management Efficiency Unit f'Novembru 1997; u
Tagħrif dwar l-ammont u l-valur totali ta' prodotti li daħlu fil-Pitkalija f'Għawdex matul il-perjodu bejn l-1 ta' Novembru 1996 u l-31 ta' Ottubru 1997, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 10158.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Mozzjonijiet. L-Onor. Ċensu Galea.
ONOR. ĊENSU GALEA: Madam Speaker, nixtieq nitlob lis-Sedja biex tinvestiga l-editorjal tal-ġurnal "The People" ta' llum fejn hemm riferenza għar- rapport li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dwar ħsara fid-division bells. Fl-opinjoni tiegħi dan l-editorjal la jirrifletti x'jgħid ir-rapport li ppreżenta l-Viċi Prim Ministru u lanqas dak li qal il-Viċi Prim Ministru. Grazzi.
MADAM SPEAKER: Nirringrazzjak. Ordnijiet tal-Ġurnata.
ORDNIJIET TAL-ĠURNATA KUMITAT TA' PROVVISTA ESTIMI ĠENERALI 1998 L-ERBATAX-IL JUM STABBILIT UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU
FIL-KUMITAT
L-Onor. Michael Bonnici, President tal-Kumitat, jippresjedi.
THE CHAIRMAN : Skond il-Mozzjoni ta' Proċedura Nru 98, id-diskussjoni ta' dalgħodu għandha tiġi allokata għall-kelliema ta' l-Oppożizzjoni. Skond l-istess mozzjoni, il-mistoqsija fuq il-voti kollha mressqa għandha ssir fil-ħin ta' l-interruzzjoni tax-xogħol tas-seduta ta' llejla. Issa nistieden lill-Prim Ministru biex, jekk jogħġbu, iressaq ir-riżoluzzjonijiet tiegħu.
ONOR. ALFRED SANT: Sur President, nipproponi:
VOT 1 - UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT
Illi s-somma ta' mhux iżjed minn Lm465,421 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot 1 - Uffiċċju tal-Prim Ministru, kif dettaljata fl-Abbozz ta' l-Estimi Ġenerali ta' Nefqa għas-sena 1998.
VOT 2 - KAMRA TAD-DEPUTATI
Illi s-somma ta' mhux iżjed minn Lm847,000 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot 2 - Kamra tad-Deputati, kif dettaljata fl-Abbozz ta' l-Estimi Ġenerali ta' Nefqa għas-sena 1998.
VOT 5 - UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU
Illi s-somma ta' mhux iżjed minn Lm3,624,128 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot 5 - Uffiċċju tal-Prim Ministru, kif dettaljata fl-Abbozz ta' l-Estimi Ġenerali ta' Nefqa għas-sena 1998.
VOT 6 - KUMMISSJONI DWAR IS-SERVIZZ PUBBLIKU
Illi s-somma ta' mhux iżjed minn Lm102,518 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot 6 - Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, kif dettaljata fl-Abbozz ta' l-Estimi Ġenerali ta' Nefqa għas-sena 1998.
VOT 7 - FORZI ARMATI TA' MALTA
Illi s-somma ta' mhux iżjed minn Lm11,497,000 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot 7 - Forzi Armati ta' Malta, kif dettaljata fl-Abbozz ta' l-Estimi Ġenerali ta' Nefqa għas-sena 1998.
VOT 8 - INFORMAZZJONI
Illi s-somma ta' mhux iżjed minn Lm1,179,000 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot 8 - Informazzjoni, kif dettaljata fl-Abbozz ta' l-Estimi Ġenerali ta' Nefqa għas-sena 1998.
VOT 9 - INTERN
Illi s-somma ta' mhux iżjed minn Lm665,000 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot 9 - Intern, kif dettaljata fl-Abbozz ta' l-Estimi Ġenerali ta' Nefqa għas-sena 1998.
VOT 10 - PULIZIJA
Illi s-somma ta' mhux iżjed minn Lm12,009,000 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot 10 - Pulizija, kif dettaljata fl-Abbozz ta' l-Estimi Ġenerali ta' Nefqa għas-sena 1998.
VOT 11 - SERVIZZI KORRETTIVI
Illi s-somma ta' mhux iżjed minn Lm1,620,000 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot 11 - Servizzi Korrettivi, kif dettaljata fl-Abbozz ta' l-Estimi Ġenerali ta' Nefqa għas-sena 1998.
VOT 12 - GĦAWDEX
Illi s-somma ta' mhux iżjed minn Lm15,096,911 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot 12 - Għawdex, kif dettaljata fl-Abbozz ta' l-Estimi Ġenerali ta' Nefqa għas-sena 1998.
VOT I - UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU
Illi s-somma ta' mhux iżjed minn Lm12,009,000 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot I - Uffiċċju tal-Prim Ministru, kif dettaljata fl-Abbozz ta' l-Estimi Ġenerali ta' Nefqa għas-sena 1998.
THE CHAIRMAN: Rimarki? L-Onor. Tonio Borg.
ONOR. TONIO BORG: Sur President, għandi din l-emenda:
"A" VOT 5 - UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU
Personal Emoluments
Item 11 - Prim Ministru
Ħassar iċ-ċifra "Lm 11,734" u ssostitwixxi minflok iċ-ċifra "Lm11,733”.
Delete the figure "Lm 11,734" and substitute therefor the figure "Lm 11,733”.
Sur President, din hija s-soltu emenda li titressaq mill-Oppożizzjoni meta jkun qed jiġi diskuss il-budget u ċertament m'iniex qed nipproponiha biex inkun kattiv mal-Prim Ministru, anke jekk f'dawn iż-żmenijiet, meta l-ħajja dejjem qed togħla, jiswa anke li tnaqqas lira! Imma iktar minn hekk qed nipproponi din l-emenda bħala simbolu, biex nuri l-isfiduċja ta' l-Oppożizzjoni fil-mod ta' kif qed jitmexxa politikament l-Uffiċċju tal-Prim Ministru fid-diversi taqsimiet li jaqgħu taħtu.
Issa għaddiet sena mill-ħajja prekarja ta' dan il-Gvern, u forsi llum qegħdin f'pożizzjoni aħjar li naraw kemm twettqu l-wegħdiet li saru qabel l-elezzjoni, x'suċċessi u xi dgħjufijiet hemm fil-qasam ta' l-intern u jekk l-aspettattiva li ħoloq il-Partit Laburista stess f'dan il-qasam tant importanti għall-pubbliku kenitx waħda fiergħa jew le. Hawn jien m'iniex qed ngħid li l-ministeri l-oħra m'humiex importanti pero' l-ħarsien tas-sigurta' jolqot kull wieħed u waħda minna fil-laħam il-ħaj. Kif għidt iktar kmieni din is-sena, xi skop hemm li nibnu soċjeta' libera jekk imbagħad inkunu foqra u mjassra minħabba li nkunu inċerti dwar jekk dak li hu tagħna hux se jibqa' tagħna; dwar jekk uliedna humiex se jitilgħu f'ambjent li jkun 'il bogħod mid-droga u kkontrollat mill-kriminalita'; dwar jekk hux se tinżamm id-dixxiplina fit-toroq tagħna; dwar jekk il-liġijiet humiex se jiġu applikati mingħajr distinzjoni, u fuq kollox - din hija ħaġa mportanti ħafna u xi kultant hija diffiċli li titwettaq - dwar jekk huwiex se jinżamm dak il-bilanċ fin bejn id-drittijiet fundamentali ta' l-individwi u tal-kriminali - għax il-kriminali wkoll għandhom drittijiet fundamentali - mingħajr ma dan iservi ta' theddida għall-ordni u l-paċi ta' pajjiżna? Aħna x'riga għandna nużaw sabiex inkejlu l-operat tal-gvern fil-qasam ta' l-intern? Ir-riga hija dawk il-wegħdiet, kemm dawk miktuba kif ukoll dawk bil-fomm, li saru matul il-kampanja elettorali. Tlettax-il xahar wara li tela' Gvern Laburista, il-qasam ta' l-intern kif inhu sejjer? Mar 'il quddiem jew lura? Fl-opinjoni tiegħi, bil-battle cries tagħha matul il-kampanja elettorali l-Oppożizzjoni Laburista sfruttat il-qasam ta' l-intern b'mod esaġerat, inġust, politiċizzat u mingħajr skrupli. Dak iż-żmien wieħed li kien jisma' lill-kelliema ta' l-Oppożizzjoni Laburista jitkellmu fuq il-qasam ta' l-intern kien jaħseb li waslet l-aħħar tad-dinja. Hawn ta' min jgħid li fil-programm elettorali "Iċ-Ċittadin l-Ewwel'' - għax dak huwa r-riga li għandna nużaw biex inkejlu l-operat u l-ħidma tal-Gvern preżenti - insibu dan li ġej:
"Biex nilqgħu għall-kriżi fil-qasam tas-sigurta' jeħtieġ pjan li f'medda qasira u f'medda tat-tul ...''
- għax kollox hekk isir -
'' ... jaħseb ħalli s-sigurta' taċ-ċittadin tkun imħarsa.".
Mela f'dokument li ħareġ matul l-1996, jiġifieri f'dik is-sena li saret l-elezzjoni, insibu li l-Partit Laburista qed jiddikjara li wasalna f'mument ta' kriżi u hemm bżonn li nagħmlu pjan. Sur President, issa jekk inħarsu lejn din is-sena, nistgħu ngħidu li ġew imħarsa ċ-ċittadini tagħna? Din il-famuża "kriżi" li qalulna li kienet teżisti, għadha teżisti? L-ewwel ħaġa li trid tagħmel biex issib risposta għal dawn il-mistoqsijiet huwa li tara l-ammont ta' reati rrapportati lill-Pulizija.
Ta' min jgħid li f'intervista li l-Prim Ministru ta lil "The Malta Independent" tas-26 t'Ottubru ta' din is-sena, dan ġie mistoqsi hekk dwar in-numru ta' crimes li ġew irrapportati lill-Pulizija:
"One of the claims made by Labour Party in opposition was the sharp rise in crime. Has the crime rate dropped?"
Hawnhekk lill-Prim Ministru riedu jgħidulu: Inti li għidt li teżisti kriżi fil-qasam tas-sigurta u li kont tikkritika lill-Gvern Nazzjonalista minħabba li, skond int, fi żmienhom kienu qed isiru ħafna reati, issa li ilek sena fil-gvern fi żmienek ir-reati naqsu jew żdiedu? Ir-risposta konvenjenti tal-Prim Ministru għal din il-mistoqsija - issa se ngħid għaliex sejjaħt din ir-risposta "konvenjenti" - kienet:
"Jien m'iniex interessat fil-crime rate kif qed inkejluha llum."
Naturalment fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti kien interessat ħafna fuq kif kienet qed tiġi mkejla l-crime rate fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti imma issa, għax qed imexxi l-qasam ta' l-intern hu, qalilna li m'huwiex interessat fil-crime rate kif qed inkejluha llum. Madanakollu l-ġurnalist ta' "The Malta Independent" ma qatax qalbu u reġa' staqsa lill-Prim Ministru:
"But what is the present trend in crime? Has there been an increase or a decrease?"
Hawn dan il-ġurnalist ried jgħidlu: Issa int li ilek sena fil-poter, tista' tgħid jekk ir-reati f'pajjiżna naqsux jew żdiedux? GĦal din il-mistoqsija l-Prim Ministru rrisponda b'mod evażiv:
"It is practically in the same position as last year"."
Mela minkejja li l-Partit Laburista tela' fil-gvern bil-piattaforma li se jġib l-ordni u li se jnaqqas in-numru ta' reati fil-pajjiż issa, sena wara, għadu fl-istess ilma ta' dik "is-sena ta' kriżi" - iktar 'il quddiem se nuri li lanqas dan m'hu veru - għax huma s-sena 1996 iddiskrivewha bħala sena ta' kriżi fil-qasam tas-sigurta'. Pero' issa hawnhekk ġejja s-salvazzjoni għax il-Prim Ministru kompla jgħid hekk:
"We have a Police Act in the pipeline but it will not give results overnight"."
Kif għidt diġa', mhux veru li f'dik li hija crime rate din is-sena qegħdin fl-istess pożizzjoni tas-sena li għaddiet, meta skond il-Partit Laburista kellna kriżi fil-qasam tas-sigurta', għax iċ-ċifri juru li fl-ewwel seba' xhur ta' din is-sena l-crime rate ta' pajjiżna żdiedet b'5.2% fuq l-1996 - qed insemmi l-ewwel seba' xhur biss u waqaft sa Lulju minħabba li l-Pulizija bidlet il-mod ta' kif tirreġistra l-istatistika tagħha; u qed ngħid dan ħalli ħadd ma jakkużani li I am not comparing like with like - u dan meta suppost li f'dik is-sena kellna kriżi fil-qasam tas-sigurta'. Il-Gvern, li tela' b'din il-piattaforma, ukoll għandu jinkwieta meta jara din iż-żieda, imma għandu jinkwieta iktar u iktar meta waqt li janalizza din iż-żieda jsib li kien hemm qabża astronomika fir-reati serji, jiġifieri dawk vjolenti u sesswali. Fil-fatt filwaqt li matul l-ewwel seba' xhur tas-sena 1996 saru 76 reat vjolenti fuq persuni, matul l-ewwel seba' xhur ta' din is-sena saru 153 reat vjolenti fuq persuni, jiġifieri d-doppju. Hawn ta' min jgħid ukoll li filwaqt li matul l-ewwel seba' xhur "tas-sena ta' kriżi" fil-qasam tas-sigurta' r-reati sesswali kienu jammontaw għal 22 - ġeneralment dawn ir-reati jsiru kontra n-nisa jew it-tfal billi ssir korruzzjoni fuq il-minorenni, attakki fuq il-pudur ta' xi persuni jew stupru - matul l-ewwel seba' xhur ta' din is-sena, jiġifieri fis-sena ta' paċi, dawn ir-reati ammontaw għal 54, jiġifieri kellna żieda ta' 145%.
Sur President, issa ta' min jgħid xi ħaġa fuq is-serq. Jekk inqabblu n-numru ta' serq li sar din is-sena, jiġifieri sa Ottubru li għadda ma' l-istess perijodu ta' l-1996 - għax f'dawn it-tip ta' reati l-Pulizija ma bidlitx il-mod ta' kif tirreġistra l-istatistika tagħha imma bidlet biss il-mod ta' kif tqassam id-diversi tipi ta' serq - insibu li din is-sena kellna żieda ta' 11%, għax filwaqt li n-numru ta' serq matul "is-sena ta' kriżi" fil-qasam tas-sigurta' kien ta' 5,629, f'din l-ewwel sena ta' Gvern Laburista dan in-numru żdied għal 6,252. Nistgħu nkomplu sejrin hekk. Jien ma nixtieqx indejjaq lill-Kamra b'dawn iċ-ċifri pero' dawn jissostanzjaw dak li qed ngħid.
Per eżempju, wieħed ma jistax ma jsemmix li din is-sena kellna żieda ta' 36% f'dik li hija ħsara volontarja fi proprjeta' u f'każijiet ta' frodi, li huma reati moderni - qed ngħid hekk minħabba li llum il-ġurnata jkun iblah min biex jisraq imur ikisser vetrina għax jekk ikollu ftit melħ f'moħħu jaf li jaqbillu jakkwista l-flus permezz ta' frodi, jiġifieri billi joħroġ cheque li ma jkunx jissarraf, jew inkella minflok ma juża l-flus li jirċievi mingħand ħaddieħor għal xi skop partikolari jużahom għal skop ieħor - kellna żieda ta' 1,000%. Allura quddiem is-super crisis li kellna fil-qasam tas-sigurta' din is-sena, il-Gvern kif se jilqa' għal din l-isfida ta' ordni pubbliku? Se jżid ir-riżorsi umani u l-mezzi finanzjarji tal-Pulizija sabiex inkunu nistgħu niġġieldu din il-kriminalita'? Issa meta wieħed iħares lejn l-Estimi jsib li l-Gvern mhux talli mhux se jżid ir-riżorsi umani u l-mezzi finanzjarji tal-Pulizija imma talli l-ekonomija se jagħmilha proprjament ma' dan il-qasam importanti tal-ġlieda kontra l-kriminalita'. Jien naħseb li din il-logħba hija waħda perikoluża għax għalkemm il-Gvern għandu kull dritt li jagħmel l-ekonomija li jidhirlu hu, jekk wieħed jagħmel ekonomija ma' qasam importanti bħal dan ikun qed jipperikola l-ġlieda kontra l-kriminalita' u s-sigurta' tagħna bħala membri ta' din is-soċjeta'.
Jekk naraw x'se tkun l-ispiża kapitali tal-Pulizija għas-sena 1998, li tinkludi fiha l-construction works u l-equipment - għal min ma jafx l-equipment modern għall-ġlieda kontra l-kriminalita' huwa ffinanzjat mill-vot kapitali tal-Pulizija - insibu li filwaqt li għall-1996, jiġifieri "fis-sena ta' kriżi" għall-qasam tas-sigurta', din l-ispiża kienet ta' Lm830,000, għall-1997 din naqset għal Lm525,000 u għall-1998 din se tkompli tonqos għal Lm350,000, jiġifieri f'sentejn din l-ispiża minn Lm830,000 qegħdin inniżżluha għal Lm350,000. Imbagħad jekk tħares lejn iċ-ċifra tal-vot kapitali tal-ħabs issib li din baqgħet bħas-sena ta' qabel, jiġifieri ta' Lm800,000. Issa hawn jien ma rridx niftiehem li qed ngħid li għandna nnaqqsu l-vot kapitali tal-ħabs biex inżidu l-vot kapitali tal-Pulizija, minkejja li kien hawn min tkellem b'dan il-mod fil-passat. Fil-fatt meta l-Partit Nazzjonalista kien fil-gvern ċerti gazzetti Laburisti kienu jgħidu ħafna kliem vojt, bħal dak li l-Gvern mhux qed jagħti biżżejjed flus lill-Pulizija biex jibni ħabs ġdid ħalli l-ħabsin jibdew jgħixu fil-Corradino Hilton. Jiġifieri l-Oppożizzjoni ta' dak iż-żmien mhux talli ma kenitx tgħin lill-Gvern f'dan il-kontest imma talli kienet tfixklu. Il-verita' hi li filwaqt li l-Gvern Nazzjonalista kien jagħti Lm800,000 lill-Pulizija u Lm800,000 lill-ħabs f'dak li huwa vot kapitali, il-Gvern preżenti qed jagħti Lm350,000 biex il-forzi ta' l-ordni jiġġieldu l-kriminalita' u Lm800,000 lill-ħabs, jiġifieri llum il-bilanċ ta' kif għandhom jintnefqu l-flus f'dik li hija spiża kapitali spiċċa kompletament. Kollox ma kollox, dan ifisser li mill-1996 sa l-1998 fl-ispiża kapitali se jkollna tnaqqis ta' 58%.
Meta nara dan jien niskanta kif il-Gvern qed jgħid li minkejja dan it-tnaqqis kollu fl-ispiża kapitali se jagħmel ħafna proġetti, fosthom li se jwaħħal il-cameras fil-motorways, ħalli min ikun qed jikser il-liġi jinqabad, u li se jżid il-mezzi moderni li jiġġieldu l-kriminalita' - qisu se jerġa' jsir il-miraklu tal-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet! Qed ngħid dan għax bi Lm350,000 il-Gvern qed jgħid li se jimmodernizza l-għases tal-Pulizija, li se jieħu l-uffiċini ta' l-iskwadri tal-Pulizija ħdejn il-lock-up, li se jimmodernizza l-lock-up, li se jżid l-equipment li jużaw l-iskwadri tal-frodi, ta' kontra d-drogi u tat-traffiku, li se jixtri iktar karozzi u mezzi moderni lill-forzi ta' l-ordni biex dawn jiġġieldu l-kriminalita', eċċ. Jista' l-Prim Ministru jispjegalna kif se jiġri dan kollu b'dan it-tnaqqis fil-vot kapitali? Meta s-sena li għaddiet jien għidt li l-vot kapitali tal-qasam tas-sigurta' naqas, il-Prim Ministru kien qal li jien m'għadx għandi t-touch dwar iċ-ċifri għax kont ili erba' xhur li spiċċajt minn ministru u kien qalli li kien hemm dan it-tnaqqis minħabba li l-vot għall-fire-fighting equipment, li qabel kien jaqa' taħt il-vot kapitali tal-Pulizija, issa mar taħt is-civil protection. Jien ma nafx kemm dan l-advice li tawh l-esperti kien tajjeb għax sa dak iż-żmien il-fire-fighting equipment kien għadu jaqa' taħt il-Pulizija u mhux veru li spiċċa taħt is-civil protection. Fil-fatt jekk xi ħadd tefa' l-fire-fighting equipment taħt is-civil protection, dan għamlu bi żball. Tgħid issa l-Prim Ministru xi skuża se jġib għall-fatt li filwaqt li l-vot kapitali tal-Pulizija għal din is-sena kien ta' Lm525,000, għas-sena d-dieħla dan se jonqos għal Lm350,000? U l-Gvern lanqas biss kien kapaċi jonfoq il-flus li vvota lilu stess għall-vot kapitali! Qed ngħid dan għax is-sena l-oħra minkejja li l-Gvern kien ivvota Lm525,000 biex il-Korp tal-Pulizija jkollu mezzi moderni, dan nefaq biss Lm343,000.
Sur President, il-Prim Ministru qalilna li s-soluzzjoni biex titjieb il-ġlieda kontra l-kriminalita' se jkun il-Police Act il-ġdid. Għalkemm din il-liġi għadha m'għaddietx minn dan il-Parlament, ħarġet white paper fuq dan l-att li se jiġi fis-seħħ. Fil-fatt f'Awissu qrajt din il-white paper kollha - kien fiha xi 270 artiklu ġdid - u ngħid is-sewwa ma nafx kemm kien hemm li qrawha għax il-Kummissarju tal-Pulizija stess ikkummenta li din il-white paper ma tantx qajmet interess. Imma jien kont wieħed mill-ftit li ħriġt stqarrija dwar din il-white paper għan-nom ta' l-Oppożizzjoni. Sur President, imma possibbli li l-Prim Ministru ma jafx li din il-liġi l-ġdida tal-Pulizija m'hu se jkollha x'taqsam xejn mal-mod ta' kif aħna se nagħmlu l-ġlieda tagħna kontra l-kriminalita' b'mod iktar effiċjenti? Biex se niġġieldu din iż-żieda li ġiet reġistrata fil-kriminalita' matul din is-sena? Bl-assistenza legali li l-kriminal ikollu dritt għaliha waqt li jkun qed jiġi interrogat?
Jien naqbel li l-kriminal għandu jkollu dritt ta' l-assistenza legali waqt li jkun qed jiġi interrogat u fil-fatt meta kont ministru kont għidt li aħna għandna nimxu għal dan il-għan, pero' biex naslu għal dan il-għan irridu nieħdu diversi stadji differenti. Ta' min jgħid li meta jien kont esprimejt l-opinjoni tiegħi li għalija din hi ħaġa tajba, kien hemm oppożizzjoni interna mill-Korp tal-Pulizija għax ma kienx qallu li għandu jkun hemm assistenza legali f'dak l-istadju li l-kriminal ikun qed jiġi interrogat fid-depot tal-Pulizija. Kif għidt diġa', għalkemm maż-żmien din għad trid tidħol fis-seħħ, qabel irridu nieħdu diversi stadji differenti, fosthom li l-ewwel nagħmlu kodiċi ta' prattika ħalli dak li jkun ikollu ċerti drittijiet waqt l-interrogatorju, nintroduċu r-recording permezz ta' tape jew ta' video waqt dan il-ħin ta' l-interrogatorju u nsaħħu l-laboratorju forensiku. Jekk kemm-il darba l-kriminal jingħata d-dritt li jkollu assistenza legali, din il-Police Act se tintroduċi forma limitata ta' din l-assistenza legali waqt l-interrogatorju. Allura b'hekk se niġġieldu l-ġlieda ta' kontra ż-żieda fil-kriminalita'? Jew billi se nagħmlu maġistrat inkwirenti, li jissorvelja d-drittijiet ta' dak li jkun qed jiġi interrogat fid-depot tal-Pulizija, se niġġieldu ż-żieda fil-kriminalita'? Jew billi l-poteri li jeżistu b'mod effiċjenti taħt is-Servizz tas-Sigurta' nitfgħuhom taħt il-Pulizija, inkunu qed niġġieldu l-kriminalita'? Huwa inutli li noqogħdu nittamaw lin-nies li se jkollna Police Act ġdid għax, skond il-white paper li ġiet ippubblikata f'Awissu li għadda, dan m'hu se jkollu xejn li bih tkun tista' tissaħħaħ il-ġlieda tal-Pulizija kontra ż-żieda li kellna din is-sena fil-kriminalita'.
Meta rajt din iż-żieda kollha li kellna fil-kriminalita' din is-sena, jien stennejt li se nagħtu iktar inċentivi lill-membri tal-Korp tal-Pulizija sabiex dawn isiru iktar effiċjenti fil-ġlieda tagħhom kontra din iż-żieda fil-kriminalita'. Wara kollox kelli raġun naħseb hekk għax qabel l-elezzjoni fil-programm elettorali "Iċ-Ċittadin l-Ewwel" kienu qalulna li:
"Il-ħlasijiet tal-pulizija għandhom ikunu wkoll imfasslin b'mod li joħloq inċentiv veru, anke għall-pulizija li jinsabu fl-iċken gradi, u mhux tiddaħħal distinzjoni kbira wisq bejnhom u bejn gradi ogħla minnhom."
Biex nagħmluha b'mod iktar sempliċi, dan ifisser li liż-żgħar se nżiduhom biex ma tibqax issir distinzjoni bejnhom u bejn dawk li għandhom grad ogħla minhom. Issa din diġa' hija gidba għax bir-riformi l-kbar li kien introduċa l-Gvern Nazzjonalista fil-Korp tal-Pulizija, liema riformi wħud sejħulhom "ġenerużi ż-żejjed", il-kondizzjonijiet tal-kuntistabbli u tas-surġenti, li huma l-bulk tal-membri tal-Korp tal-Pulizja, tant tjiebu li dak iż-żmien it-tgergir ma kienx isir minħabba li ma kienx hemm distinzjoni bejnhom u bejn gradi oħra imma minħabba li din id-distinzjoni naqset. Fil-fatt ta' min jgħid li l-parti l-kbira ta' din il-kritika, liema kritika ġieli kienet ġustifikata, kienet li surġent, bl-extra duty, bl-allowances u bl-overtime kien jieħu d-dar iktar flus minn spettur. Din kienet il-kritika li kienet issir. Jekk imbagħad tara x'qed jagħmel il-Gvern din is-sena ssib proprju l-oppost għax l-iktar nies li se jmorru minn taħt bit-tnaqqis ta' l-overtime u ta' l-allowances huma proprju s-surġenti u l-kuntistabbli. L-overtime la jieħdu l-kummissarju, la jieħdu l-assistent kummissarju u lanqas jieħdu l-ispettur imma jieħdu biss il-kuntistabbli u s-surġent. Mela meta inti tnaqqas l-overtime u l-allowances l-iktar li qed tolqot huwa liż-żgħir. Sur President, issa ejja naraw kemm se jmorru tajjeb il-membri tal-Korp tal-Pulizija b'dan il-budget tal-Partit Laburista, liema partit kien wegħidna li l-ħlasijiet tal-pulizija għandhom iservu ta' inċentiv.
Din is-sena l-membri tal-Korp tal-Pulizija se jdaħħlu Lm580,000 inqas minn kemm daħħlu f'overtime u allowances fl-aħħar sena ta' Gvern Nazzjonalista, jiġifieri f'dik "is-sena ta' kriżi" għall-qasam tas-sigurta'. Ta' min jgħid ukoll li filwaqt li fl-1996 il-membri tal-Korp tal-Pulizija daħħlu Lm384,000 f'overtime, fl-Estimi għall-overtime hemm ivvotati Lm240,000 għas-sena d-dieħla, jiġifieri Lm140,000 inqas. Issa qabel ma ngħaddi għall-allowances ta' min ifakkar li dawn introduċihom il-Gvern Nazzjonalista għax qabel, per eżempju, fil-Ħdud u l-festi l-pulizija ma kenux jitħallsu b'rata doppja imma b'rata normali. L-istess nistgħu ngħidu għall-overtime għax qabel il-pulizija ma kenux jieħdu l-overtime awtomatikament, anzi ma kienu jieħdu xejn, imma l-Gvern Nazzjonalista ried li l-pulizija jieħdu l-overtime awtomatikament. Imbagħad xi ngħidu għall-pensjoni?
Gvern Nazzjonalista fassal liġi li permezz tagħha malli pulizija jagħmel 25 sena servizz ikollu dritt li joħroġ bil-pensjoni u jagħmel xi tip ta' xogħol ieħor, jiġifieri llum jekk wieħed jilħaq pulizija ta' 18-il sena, dan ta' 43 sena jista' joħroġ mis-servizz bil-pensjoni u jmur jaħdem x'imkien ieħor. Dawn huma l-veri inċentivi li għandhom iħajru iktar nies jidħlu fil-Korp tal-Pulizija.
Issa ħalli nerġa' naqbeż għall-allowances, għax ikun interessanti li wieħed jgħid li filwaqt li fl-aħħar sena ta' Gvern Nazzjonalista, jiġifieri fl-1996, il-Pulizija ħadu ftit iktar minn Lm1.5 miljun, issa se jieħdu Lm1,100,000, jiġifieri Lm420,000 inqas f'allowances. Wieħed ma jridx jinsa li l-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ f'dan il-budget qalilna li l-Gvern Laburista se jimxi skrupolożament maċ-ċifri li hemm u mhux se jintnefaq sold inqas. Għalhekk is-sena d-dieħla l-Pulizija se jdaħħlu Lm140,000 inqas f'overtime u Lm420,000 inqas f'allowances. Dan hu l-famuż inċentiv lill-Pulizija, l-iktar liż-żgħir - qligħ ta' Lm580,000 inqas mill-aħħar sena ta' Gvern Nazzjonalista. Huwa kkalkolat li l-Pulizija, li jammontaw għal 1,870, ras imb'ras se jdaħħlu Lm300 inqas fis-sena kull wieħed. Kemm konna aħjar meta suppost konna agħar!
Sur President, issa nixtieq ngħaddi għal qasam ieħor li kienu jsiru diversi meetings u dimostrazzjonijiet dwaru - il-ġlieda kontra d-droga. Jien naħseb li wieħed għadu jiftakar li meta kienu jsiru dawn it-tip t'attivitajiet kienu jmorru diversi ġenituri u jieħdu s-siringi fil-pjazez. Issa jien għidt mill-bidu nett li m'iniex se nippolitiċizza l-ġlieda kontra d-droga, kif għamlu huma meta kienu fl-oppożizzjoni, pero' jaħasra, din il-pubbliċita' kollha li qed jagħmel il-Gvern Laburista - għax għall-pubbliċita' ma jgħaddih ħadd lill-Gvern Laburista! - mhux talli ma tirriflettix ir-realta' ta' dak li qed jiġri imma talli se toħloq boomerang kbir għall-Gvern stess. Minkejja l-pubbliċita' kollha li saret dwar kemm qed tissaħħaħ il-ġlieda kontra d-droga din is-sena mietu sitta b'overdose u sa Novembru ta' din is-sena ġew irrapportati 120 persuna b'overdose, jiġifieri 11 fix-xahar. Kif għidt diġa', jien m'iniex beħsiebni nippolitiċizza l-ġlieda kontra d-droga u fil-fatt meta dan l-aħħar Fr Mark Montebello, li żgur m'huwiex għadu tal-Gvern, beda jgħid pubblikament li m'hu qed jiġri xejn fil-qasam tad-droga, jien stess għidt li l-Pulizija għandhom biċċa xogħol diffiċli biex jinforzaw il-ġlieda kontra d-droga u għalhekk aħna għandna nikkompatuhom u ngħinuhom u mhux nikkritikawhom u nfixkluhom. Jien lanqas ma beħsiebni nagħmel kif kien għamel il-Prim Ministru meta kien kap ta' l-oppożizzjoni, li meta ra s-suċċessi ta' l-iskwadra kontra d-droga li konna waqqafna aħna fl-1995 qal li dawn is-suċċessi qed isiru biex jaljenaw lin-nies - naħseb li lkoll niftakruha din - mill-problemi li qed jiffaċċja l-pajjiż. Aħna bilfors nifirħu bis-suċċessi ta' l-iskwadra kontra d-droga għax konna aħna li waqqafniha f'Novembru ta' l-1995, konna aħna li żidnielha l-mezzi, konna aħna li żidnielha n-numru ta' mpjegati, konna aħna li sseparajnieha mill-iskwadra kontra l-vizzji u konna aħna li tajnieha supretendent għaliha, liema supretendent tant huwa tajjeb li ħa promozzjoni taħt din l-amministrazzjoni wkoll, għax wara li kienu kkritikawna tant fuq il-promozzjonijiet li konna nagħtu, dawn spiċċaw biex taw il-promozzjonijiet lill-istess nies li konna tajna aħna. Għalhekk aħna nieħdu gost meta naraw is-suċċessi u żgur li mhux se nagħmlu kif għamlet l-Oppożizzjoni Laburista sa sentejn ilu.
Sur President, il-mezzi ta' l-iskwadra kontra d-droga żdiedulha l-mezzi b'dan il-budget? Filwaqt li s'issa taħt din l-amministrazzjoni, din l-iskwadra żdiedet bi tliet impjegati u ġiet b'total ta' 54 ruħ, aħna minn 36 impjegat konna żiedna15-il impjegat biex kienet ġiet b'total ta' 51 ruħ. Hawn ta' min wieħed jistaqsi: Meta qed naraw li għandna din il-problema hemm bżonn li nżidu kemm ir-riżorsi umani kif ukoll il-mezzi biex dawn ikunu jistgħu jagħmlu xogħolhom tajjeb? Imma aħna kif se nżiduhom il-mezzi? Bit-tnaqqis fl-ispiża kapitali ta' 58% minn dik li kienet sentejn ilu? Jew billi nnaqqsu l-ispiża kapitali tan-national drugs intelligence unit ...? Dan il-unit, li huwa awtonomu mill-Korp tal-Pulizija, huwa dak il-grupp sigriet li jiġbor l-informazzjoni dwar it-traffikanti tad-droga u jsegwihom. Ħafna drabi jkun irid jgħaddi ċertu żmien biex taqbad lit-traffikant tad-droga u minħabba f'hekk issir ħafna kritika, pero' huwa ż-żmien li jsajjar il-bajtar, u f'dan il-unit Allaħares ma żżommx il-paċenzja. Meta naf kemm hi kbira l-problema tad-droga li għandna f'pajjiżna jien ħsibt li se nsib żieda fil-vot kapitali tan-NDIU, pero' jiddispjaċini ngħid li minn Lm23,000 dan il-vot naqas għal Lm15,000, jiġifieri naqas bi Lm8,000.
Sur President, qabel l-elezzjoni l-Partit Laburista qalilna li se jaħdem fuq il-liġijiet ta' kontra d-droga u jirrendihom aktar moderni u qalilna li se jsaħħaħ il-mezzi legali li għandha l-Pulizija fil-ġlieda kontra d-droga. Il-verita' hi li dan il-Gvern ma wera enerġija ta' xejn f'dawk li huma mezzi legali. Tant hu hekk li meta matul l-amministrazzjoni preċedenti aħna konna ressaqna abbozz ta' liġi li permezz tiegħu l-kastigi għad-drogi narkotiċi, bħall-eroina u l-kokaina, kienu se jiġu applikabbli wkoll għad-drogi moderni, bħall-ecstasy jew l-LSD, dan l-abbozz ta' liġi kien ġie ppubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern u kien fuq l-aġenda tal-Parlament, iżda hekk kif issejħet l-elezzjoni dan waqa' minn fuq l-aġenda, minħabba li ovvjament meta tissejjaħ elezzjoni l-abbozzi ta' liġi kollha li jkun hemm pendenti jaqgħu u wieħed ikun irid jerġa' jipproponihom u ma reġax deher fuq l-aġenda. Stennejt xahrejn, tlieta, erbgħa u meta rajt li sa Ġunju ta' din is-sena dan l-abbozz ta' liġi kien għadu ma jidhirx fuq l-aġenda, għidt li ma jistax ikun li pajjiżna jibqa' għaddej mingħajr din il-liġi u għalhekk erġajt ipproponejt l-istess abbozz ta' liġi, kelma b'kelma. Niftakar li dakinhar kien hemm preżenti waqt il-press conference l-Onor. Ċensu Galea, il-Whip ta' l-Oppożizzjoni. Dakinhar jien ikkommettejt ruħi u għidt li jekk kemm-il darba l-Gvern jiddiskuti dan l-abbozz ta' liġi nwiegħdu li ngħadduh mill-istadji kollha f'seduta waħda.
Wara kollox ma tridx xi għerf kbir biex tifhem dan l-abbozz ta' liġi. Jekk hemm sentenza ta' għomor il-ħabs għat-traffikanti tad-drogi narkotiċi, bħall-eroina u l-kokaina, permezz ta' dan l-abbozz ta' liġi jkun hemm sentenza ta' għomor il-ħabs ukoll għat-traffikanti tad-drogi moderni, bħall-ecstasy u l-LSD. Jekk għat-traffikar ordinarju minn massimu ta' ħames snin ħabs konna żiedna l-piena għal massimu ta' għaxar snin ħabs, permezz ta' dan l-abbozz ta' liġi għat-traffikanti tad-droga minn massimu ta' ħames snin ħabs tiżdied il-piena għal massimu ta' għaxar snin ħabs. U jekk aħna konna għamilna l-ħabs bilfors għat-traffikanti tad-drogi narkotiċi, permezz ta' dan l-abbozz ta' liġi issir piena ta' ħabs bilfors għad-drogi psikotropiċi. Imma minn dan kollu m'għamilna xejn u sa issa, li qegħdin f'Novembru, dan l-abbozz ta' liġi mhux biss għadu ma deherx quddiem l-aġenda ta' dan il-Parlament imma lanqas biss għadu ġie ppubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern. Issa kulma għandhom jagħmlu biex dan l-abbozz ta' liġi jiġi ppubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern huwa li jbiddlu l-isem ''Onor. Tonio Borg'' u minflok jagħmlu li qed jipproponih il-Prim Ministru u jagħmlu photocopy tiegħu! Madanakollu dan għadu ma sarx bil-konsegwenza li llum għadna fis-sitwazzjoni li jekk jinqabad traffikant tad-drogi narkotiċi jmur għomru l-ħabs, pero' jekk jinqabad traffikant tad-drogi psikotropiċi imur sa massimu ta' 20 sena ħabs.
Issa bħalma jaf il-Prim Ministru, il-Kostituzzjoni tgħid li jekk kemm-il darba jgħaddi abbozz ta' liġi dan ikun japplika minn dakinhar li jkun għadda 'l quddiem, jiġifieri jekk finalment jasal biex jgħaddi dan l-abbozz ta' liġi wieħed ma jistax jgħid li kull min ittraffika fid-drogi psikotropiċi mill-1996 'l hawn irid imur għomru l-ħabs. Għalhekk nistgħu ngħidu li kull ġurnata li tgħaddi mingħajr ma tkun għadha ġiet fis-seħħ din il-liġi, liema liġi aħna għidna li se ngħadduha mill-istadji kollha f'seduta waħda, it-traffikanti tad-drogi psikotropiċi se jibqgħu għaddejjin bil-holidays. Issa jien nittama li hekk kif inlestu d-diskussjonijiet tagħna dwar il-budget, l-ewwel ħaġa li jressaq dan il-Gvern ikun jew il-private members bill tiegħi jew inkella abbozz ta' liġi tiegħu f'dan ir-rigward ħalli nkunu nistgħu ngħadduh kemm jista' jkun malajr.
Sur President, peress li wasal biex jintemm il-ħin għad-dispożizzjoni tiegħi issa se ngħid xi ħaġa dwar il-ħabs għax jekk tħares lejn l-Estimi Generali ssib li l-ikbar żewġ kolonni ta' expenditure tal-gvern huma l-Pulizija, bi spiża ta' madwar Lm11-il miljun, u mbagħad il-ħabs. Jien naħseb li fil-ħabs qatt ma ġraw inċidenti strambi, li għalihom saru saħansitra inkjesti ġewwa l-ħabs stess, daqs is-sena li għaddiet. Meta fittixt id-dibattiti li kienu jsiru dwar il-ħabs matul l-Amministrazzjoni Nazzjonalista sibt li kien jingħad li f'dan il-post hemm id-droga, li darba kien hemm ħabsi li kellu xi għodda f'idejh ... Fil-fatt dak iż-żmien l-Oppożizzjoni Laburista kienet għamlet kjass sħiħ minħabba dan l-inċident. Ta' min ifakkar li l-Onor. Mangion kien jgħid li ma jistax jifhem kif, bil-cameras kollha u bid-diversi mezzi ta' sigurta' li għandna llum fil-ħabs tidħol id-droga. Madanakollu apparti li bla ebda dubju l-ammont ta' droga fil-ħabs ma naqasx mis-sena li għaddiet, issa d-droga qed tinstab ukoll f'division 6 tal-ħabs, li hija l-maximum security division tal-ħabs innifisha. Fil-fatt din id-division qiegħda għal dawk il-priġunieri perikolużi u għal dawk il-priġunieri li waqt li jkunu fil-ħabs jagħmlu xi ħaġa li minħabba fiha jintbagħtu hemmhekk b'kastig. Ikun interessanti li wieħed jgħid ukoll li meta nstabet id-droga f'din id-division, meta lill-priġunieri għamlulhom it-testijiet mediċi nstab li għaxar priġunieri minn dawk li kienu qed jieħdu d-drogi mill-bidu tas-sena 'l hawn kienu ġejjin minn division 6, li hija l-maximum security division tal-ħabs innifisha. Issa hawn ta' min ifakkar li meta l-gazzetta ''It-Torċa'' kienet intervistat lil mart traffikant tad-droga, din il-gazzetta, biex tikkritika lili, qalet li llum din id-division ingħalqet għax hija inumana, pero' din id-division tant ma ngħalqitx li din is-sena nstab li għaxar priġunieri li qegħdin f'din id-division jieħdu d-drogi! Kif nistgħu ngħidu li hemm is-sigurta' fil-ħabs meta saħansitra tħalla jidħol vann bl-għeneb mill-gate tal-ħabs, u dan meta suppost li l-ikbar tfittxija għandha ssir proprjament fil-gate? Madanakollu mhux talli ma tteħdux passi kontra l-uffiċjal tal-gate imma talli issa dan qed imexxi l-mess ta' l-uffiċjali.
Ta' min jgħid li riċentement kellna każ iktar serju minn hekk fejn uffiċjal tal-ħabs, li applika għal post ta' manager, akkumpanjat minn priġunier inqabad minn uffiċjal ieħor iqalleb il-files li kellhom x'jaqsmu ma' l-applikazzjonijiet għal post ta' manager fl-uffiċċju ta' l-amministrazzjoni. Meta ġara dan il-każ diġa' kienu ħarġu l-applikazzjonijiet għal post ta' manager u ġew iffissati d-dati ta' l-interviews. Issa nispera li l-Prim Ministru ma jgħidlix li din kellha x'taqsam ma' konsulenza li ngħatat lil xi priġunier, għax għal min ma jafx ikun tajjeb jekk ngħid li l-ħabs ta' pajjiżna issa sar l-uniku wieħed li l-priġunieri tiegħu jinħatru bħala konsulenti dwar is-sigurta' tal-ħabs! Kieku dawn jinħatru bħala konsulenti dwar il-pjanti jew il-ġonna nifhimha, imma meta nara li dawn il-priġunieri qed jinħatru bħala konsulenti dwar is-sigurta' bilfors ikolli nikkonkludi li preżentement ġewwa l-ħabs hemm rebus sħiħ.
Ta' min isemmi wkoll inċident ieħor li sar fejn uffiċjal tal-ħabs, li kien tneħħa mill-ħabs u wara l-elezzjoni reġa' ddaħħal jaħdem f'dan il-post, inqabad jiġbor il-firem tal-priġunieri tal-ħabs minn divisions differenti kontra uffiċjal ieħor. Wara li nqabad jagħmel dan, dan l-uffiċjal reġa' tneħħa mill-ħabs, pero' d-domanda tagħna hija: X'raġuni speċjali kien hemm biex wara l-elezzjoni dan l-uffiċjal kien reġa' ddaħħal jaħdem il-ħabs? Wieħed ma jistax ma jsemmix ukoll li waqt li suppost l-uffiċjali ta' l-SRT kienu għassa ma' priġunier perikoluż - l-SRT huwa l-ispecial response team - dawn inqabdu bir-radio nofshom fis-sakra barra l-ħabs. Issa suppost dawn l-uffiċjali huma l-elite tas-sigurta'!
Sur President, sfortunatament fil-ħabs kellna wkoll każijiet ta' moħqrija lill-priġunieri. Fil-fatt, wara li jien kont semmejt każ ta' żewġ priġunieri li tħallew għarwenin fiċ-ċelel tagħhom, kienet saret inkjesta dwar dan il-każ mill-bord tal-viżitaturi, pero' minkejja li jien staqsejt lill-Prim Ministru kemm-il darba biex iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-riżultat ta' din l-inkjesta, dan baqa' ma qiegħdux. U tafu għaliex? Biex jipproteġi l-konfidenzjalita' ta' l-isem tal-priġunieri. Jien m'għandix interess li nkun naf min huma dawn il-priġunieri pero' għandi interess li nkun naf jekk kenitx ġustifikata l-azzjoni ta' l-uffiċjali tal-ħabs li jħallu żewġ priġunieri għarwenin fiċ-ċelel tagħhom. Forsi minħabba li l-ilment ta' dawn il-priġunieri kien ġustifikat li ma tqegħidx fuq il-Mejda tal-Kamra dan ir-rapport tal-bord tal-viżitaturi f'dan iż-żmien ta' trasparenza?
Sur President, qabel ma nagħlaq id-diskors tiegħi nixtieq inqajjem tliet każijiet ta' priġunieri li ġew ċertifikati mit-tabib tal-ħabs stess bħala każijiet ta' swat li allegatament sar minn ... Issa jien sal-lum qed ngħid ''allegatament'', għax ma rridx nagħmel kif kien jagħmel ħaddieħor u nfajjar allegazzjonijiet kontra n-nies left, right and centre. Anzi jien m'iniex se nqiegħed dawn iċ-ċertifikati fuq il-Mejda tal-Kamra imma se ngħaddihom lill-Prim Ministru f'envelope magħluq. Dawn it-tliet ċertifikati, liema ċertifikati huma maħruġin mit-tabib tal-ħabs fuq letterhead tal-ħabs stess, qed jissostanzjaw in parti allegazzjonijiet ta' tliet ħabsin differenti fi tliet inċidenti differenti ta' swat minn uffiċjali tal-ħabs. Issa hawn jien m'iniex qed ngħid li dawn il-priġunieri għandhom raġun bilfors imma qed ngħid biss li f'idejja għandi tliet ċertifikati maħruġin mit-tabib tal-ħabs li jikkonfermaw li xi priġunieri kellhom sinjali fiżiċi ta' ġrieħi li huma kompatibbli ma' swat. Naturalment jista' jkun li dawn bdew iħabbtu rashom mal-ħajt jew inkella qalgħu dan is-swat mill-uffiċjali tal-ħabs bħala self-defence, pero' jibqa' l-fatt li għal dawn il-każijiet teħtieġ issir investigazzjoni serja mill-bord tal-viżitaturi tal-ħabs u mhux mid-direttur tal-ħabs. Kif għidt diġa', dawn iċ-ċertifikati datati 2 ta' Settembru, 15 ta' Settembru u 29 ta' Settembru ta' din is-sena qed jissostanzjaw in parti l-allegazzjonijiet ta' dawn il-priġunieri.
Sur President, nixtieq nagħlaq id-diskors tiegħi billi ngħid li hemm nuqqas ta' attenzjoni mill-Gvern fil-kwestjonijiet ta' l-intern u minkejja li mtlejna b'ħafna rapporti, dokumenti, white papers u proġetti fuq il-karta, il-kuntatt personali ma' min hu responsabbli mill-Pulizija u mill-ħabs, kif ukoll ma' min jintlaqat mid-deċiżjonijiet, naqas ferm. Jista' jkun li dan hu kkaġunat mill-fatt li l-qasam ta' l-intern m'għadux għalih waħdu imma ġie ma' GĦawdex, maċ-ċittadinanza, ma' l-oil exploration, mas-civil service u ma' mitt elf ħaġa oħra. Forsi huwa għalhekk ukoll li l-kuntatt personali bejn min qiegħed imexxi politikament u min qed jintlaqat mid-deċiżjonijiet naqas. Per eżempju, għalkemm meta kont ministru ta' l-intern ma kontx nindaħal fid-deċiżjonijiet li kienu jsiru, jien kont indur l-għases tal-pulizija kollha u ta' spiss kont immur il-ħabs ukoll biex inkun nista' nara x'inhi s-sitwazzjoni b'għajnejja, bħalma kont immur niltaqa' mal-ħaddiema tal-fire brigade biex nara b'liema kondizzjonijiet qed jaħdmu dawn in-nies, li ħafna drabi jipperikolaw ħajjithom għal ħaddieħor. GĦalhekk mhux imbilli naqbdu u ngħidu li kull min qiegħed fil-fire brigade issa se jmur fil-fire-fighting division mingħajr ma niggarantixxu lil dawn il-ħaddiema li se jibqgħu jgawdu mill-istess kondizzjonijiet li qed igawdu llum. Issa hawn ta' min jgħid li din id-deċiżjoni ttieħdet ċumm paqq, mingħajr ma wieħed ikkonsulta maż-żgħar u mhux mal-kbarat biss. (Interruzzjonijiet) Iva, jien kont niftaħar li kont nagħmel dan ix-xogħol. Fil-fatt il-Prim Ministru kien akkużani li b'hekk kont qiegħed nidħol fl-intern ta' l-intern! Hawn irrid nagħmilha ċara li jien ma kontx nagħmel dan ix-xogħol għall-gazzetti, anzi ħafna drabi dawn iż-żjarat ma kenux jidhru fil-gazzetti. Ara meta l-Ministru mingħajr Portafoll mar il-ħabs biex jirċievi l-kotba, hemmhekk mar minħabba li kien se jkun hemm tal-gazzetti u tar-ritratti, imma mbagħad meta jkun hemm xi attivita' soċjali ma jmurx! Il-ħabs ma tridx tmur biex tirċievi l-kotba biss imma wkoll biex tara b'għajnejk jekk l-ordnijiet li tkun qed tagħti jkunux qed jiġu esegwiti u mhux toqgħod biss fuq dak li jgħidulek dwar dak li jkun qed jiġri fl-oqsma li jaqgħu taħtek.
Sur President, jiddispjaċini ngħid li dan il-Gvern qed jitlef il-kuntatt ma' l-individwi li jifformaw parti mill-forza ta' l-ordni u dan ġie kkonfermat permezz tal-miżuri negattivi li ġie milqut bihom il-Korp tal-Pulizija f'dan il-budget. Grazzi. (Onor. Membri: Hear, hear)
Dostları ilə paylaş: |