ONOR. NINU ZAMMIT: Point of order, Sur President.
THE DEPUTY CHAIRMAN: L-Onor. Zammit, on a point of order.
ONOR. NINU ZAMMIT: Sur President, jien għidt li l-Prim Ministru nefaq man-Lm0.5 miljun f'direct orders fuq reklamar. Jien inħoss li dawk il-flus seta' għaddiehom lill-ħabib tiegħi l-Onor. Noel Farrugia biex jirranġa t-toroq.
ONOR. NOEL FARRUGIA: Ħalli nġib l-istess paragun. GĦax ma ngħidux lill-bdiewa, lir-raħħala u lis-sajjieda kemm tajjar flus il-Gvern Nazzjonalista biex għamel propaganda favur sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea? Dan qed insostnih għax il-fatti juru li aħna ġibna l-esperti u ħdimna bil-qalb biex inkunu konsistenti u nuru li aħna gvern li tabilħaqq jimxi fi spirtu li jirrispetta lill-Maltin u lill-Għawdxin kollha.
Sur President, aħna ntbaħna li l-problema kardinali fl-industrija tal-majjal hija li filwaqt li s-sistema ta' tkabbir tal-majjal fil-pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea hija marbuta ma' perijodu ta' sentejn, u matul dan il-perijodu l-majjala twelled ħames darbiet bir-rata ta' għaxra jew 11-il majjalett, f'Malta l-majjala twelled erba' darbiet biss bir-rata ta' sitta jew tmien majjaletti. GĦalhekk minkejja li l-levies u l-protezzjoni għal din l-industrija jservu bħala umbrella, l-iskop tagħhom tant tmermer li minkejja li din l-umbrella hija dejjem miftuħa, illum ittaqqbet u minnha mhux ix-xita biss tgħaddi imma anke l-irwiefen u s-sajjetti. Fil-fatt lanqas il-protezzjoni tal-produtturi tagħna m'hi qed tħalli r-riżultati mixtieqa għax mhux veru li sar proġett serju dwar kif nistgħu nsostnu politika iktar prattika.
L-istess ħaġa nista' ngħid għar-rigward tal-baqar. Veru li għandna l-levies u l-protezzjoni kollha għal dan is-settur, iżda filwaqt li fl-Unjoni Ewropea l-baqar jipproduċu bejn 1,300 gallun u 1,500 gallun ħalib f'sena, f'Malta l-baqar jipproduċu bejn 800 gallun u 1,000 gallun ħalib f'sena. Dawn il-fatti dejjem kienu jqanqlu weġgħat kemm lili, kemm lill-Onor. Ċensu Galea, kif ukoll lil kull min kien responsabbli minn dan is-settur. GĦalhekk irridu naraw kif nagħmlu programmi ġodda li permezz tagħhom il-produzzjoni tal-majjali u tal-ħalib tikber u b'hekk jintlaħaq l-għan ta' dan il-Gvern li jsaħħaħ il-prodott gross domestiku. Ara ma jmurx ikun hawn min jaħseb li aħna qed naslu għal dawn il-figuri b'kapriċċ, kif ipprova jagħti l-impressjoni sieħbi l-Onor. Ċensu Galea! Biex naslu għal riżultati pożittivi, bħala Kabinett, aħna dejjem nikkordinaw il-ħidma tagħna flimkien u nieħdu l-pariri mingħand min verament irid li nimxu 'l quddiem għall-ġid tar-raħħala, tal-bdiewa u tas-sajjieda ta' pajjiżna.
Sur President, dan l-aħħar is-sajjieda kellhom riżultati pożittivi. Jien naħseb li l-Onor. Membri tan-naħa l-oħra semgħu wkoll li matul id-diskussjonijiet li kellna, pprovajna nagħmlu kull mezz possibbli biex ngħinu lis-sajjieda jkunu aktar realistiċi quddiem l-isfidi li jiltaqgħu magħhom. Fil-fatt permezz ta' dawn id-diskussjonijiet aħna mhux biss sibna swieq iktar b'saħħithom għall-esportazzjoni imma sibna opportunitajiet fejn is-sajjieda ġew mistiedna jissieħbu fi proġetti li ma jirriflettux id-disfatta li kellhom taħt gvernijiet Nazzjonalisti meta, filwaqt li kienu jgħidu li l-produzzjoni ta' l-akwakultura kibret, ma għenu lill-ebda koperativa tas-sajjieda biex tkabbar il-ħut b'mod modern. Pero' dwar dan nitkellem aktar tard meta nitkellem fuq l-akwakultura.
GĦal dak li huwa qbid u esportazzjoni ta' ħut irrid ngħid li din id-darba rnexxielna nirreġistraw progress interessanti fl-esportazzjoni. Fl-istess ħin irrid ninnota b'sodisfazzjon li lokalment infetħu sitt ħwienet oħra tal-ħut. L-Economic Survey juri li l-importazzjoni ta' ħut iffriżat naqset; u m'hemmx dubju li dan it-tnaqqis ġej mill-fatt li matul dawn ix-xhur li ilna fil-gvern kellna żieda fin-numru ta' ħwienet tal-ħut li permezz tagħhom il-mara tad-dar setgħet tixtri prodott frisk, bnin u naturali. Aħna qed ngħidu li hemm bżonn insaħħu r-rabta bejn il-konsumatur, l-ekoloġist u l-produttur għax nemmnu li ġaladarba l-Gvern iddikjara solennement li se jmexxi lil pajjiżna permezz ta' politika moderna, huwa kapaċi jottjeni u joħloq il-viżjoni sostenibbli li pajjiżna jirrikjedi biex dan is-settur ikun wieħed mill-iktar rispettati fis-soċjeta' tagħna.
Sur President, issa ħalli ngħid xi ħaġa rigward il-qasam ta' l-akwakultura. Jien nistqarr li m'għandi xejn kontra li sieħbi l-Prof Carmelo Agius ikun konsulent. Jiena offrejtlu din il-kariga u nista' niddikjara f'din il-Kamra stess li l-bieb huwa miftuħ għalih. F'dan il-qasam jeżistu xi diffikultajiet u, bħalma jaf il-Prof Agius, aħna qed naħdmu biex nirrimedjaw dawn id-diffikultajiet ħalli dak kollu li għamilna s'issa fil-qasam ta' l-akwakultura jiġi sostnut u organizzat dejjem aktar. B'hekk meta l-Prof Agius jerġa' jiġi lura jkun jista' jsib iċ-ċentru ta' l-akwakultura iktar attrezzat biex jilqa' għall-isfidi. U nixtieq insemmi xi sfidi għandna ħalli ħadd ma joqgħod jipprova jċekkinna għax għidna li se nżidu l-produzzjoni tal-fingerlings minn 800,000 għal 1,200,000. Jien drajt li kulħadd jipprova jgħaddi minn fuq iż-żgħir pero' aħna, minn din in-naħa, tgħallimna li għalkemm aħna żgħar, f'qalbna għandna prinċipju li jagħmilna denji li fi kwalunkwe ċirkostanzi nkunu leali lejn l-impenn politiku tagħna li ssawwar, kiber u tħaddem fina minn ħdan l-għeruq tal-partit li nirrappreżentaw. Aħna għamilna sistema ta' chillers li permezz tagħhom il-produzzjoni tal-fingerlings tkun tista' ssir fuq bażi ta' tnax-il xahar, mentri sal-lum kienet issir fuq bażi ta' tmien xhur minħabba t-temperatura ta' l-ilma. B'hekk l-istudenti li jiġu biex jagħmlu t-teżi tagħhom fuq il-produzzjoni tal-fingerlings - hawn nitlob lil sieħbi l-Onor. Ninu Zammit jifhem eżatt x'qiegħed nipprova ngħid f'dan ir-rigward - isibu tabilħaqq set-up sħiħ ta' dan it-tip ta' produzzjoni u allura ma jkollhomx jitgħallmu fuq karozza li kapaċi tagħmel biss tmien mili f'siegħa imma jkunu jistgħu jitgħallmu fuq karozza li kapaċi tagħmel 100 mil!
Sur President, kif forsi jaf l-Onor. Ninu Zammit irridu nżidu ftit iktar spazju - hawn nixtieq nagħmel parentesi żgħira u ngħid li l-għan tagħna m'huwiex li nipproduċu l-ħut fil-hatcheries għax aħna nies ġenwini, m'aħniex professuri - biex nerġgħu nilħqu l-produzzjoni ta' 800,000 fingerling ħalli, kif għidt diġa', meta l-istudenti jiġu biex jagħmlu t-teżi tagħhom dawn isibu karozza li tkun kapaċi tagħmel 100 mil f'siegħa u mhux xi karozza qadima li ma tkunx tista' twassal biex tagħmel dak il-vjaġġ. Filwaqt li qabel kien hemm kuntratt li permezz tiegħu l-fingerlings kienu jiswew 14c, illum il-fingerlings li qed jiġu importati qed jiswew 11c u għalhekk aħna żidna dik id-differenza fil-prezz. Dan m'għamilniehx biex nikkompetu u biex nipproduċu iktar fingerlings - m'għidniex li se nipproduċu xi żewġ miljun jew tliet miljun fingerling - imma biex nagħmlu iktar investiment. (Interruzzjonijiet) L-Onor. Zammit kellu raġun jitkellem b'dak il-mod għax min tah l-informazzjoni ma tahielux tajba. Il-verita' hi li l-għan tagħna huwa li nimlew l-ispazju vojt li kien hemm għal meta l-istudenti jiġu mill-Universita' biex jagħmlu t-teżi tagħhom fuq bażi ta' 12 -il xahar.
Irrid ngħid li min-naħa tagħna qed nistudjaw kif flimkien mas-sajjieda - fil-fatt diġa' għamilna l-ewwel feasibility study f'dan ir-rigward - nistgħu nagħmlu proġett għat-tkabbir tat-tonn. Kif forsi jaf sieħbi l-Onor. Ninu Zammit, wieħed mill-ewwel seminars li għamilna kien indirizzat proprju lis-sajjieda ħalli ngħarrfuhom li l-Gvern se jara kif jista' jġib 'il quddiem l-industrija tat-tonn f'pajjiżna. Hawnhekk nixtieq nieħu l-okkażjoni biex nirringrazzja lil sieħbi l-Prof Carmelo Agius għax flimkien qsamna numru sostanzjali ta' ideat, minkejja li m'huwiex konsulent. Aħna nies ta' rieda tajba u bqajna naħdmu u nirreġistraw il-progress meħtieġ f'din ir-riċerka. Issa ħalli ngħid x'qed nagħmlu għar-rigward tal-qbid tat-tonn.
Aħna qed naraw li jeżisti żbilanċ bejn il-produzzjoni u d-domanda tas-suq tat-tonn; fil-fatt qed jiġu prodotti ħames tonniet għal domanda fis-suq ta' għaxar tonniet. Għalhekk flimkien ma' l-impjegati taċ-ċentru ta' l-akwakultura u permezz ta' kuntatti oħra li jkollu kull gvern, qed nistudjaw il-possibbilta' li nkabbru t-tonn iktar malajr - f'pajjiżi oħra din is-sistema diġa' qiegħda tiġi pprattikata, jiġifieri m'aħniex niskopru xi ħaġa ġdida - ħalli s-sajjieda tagħna jkunu jistgħu jinnegozjawh eżattament matul il-perijodu li fih ikunu jistgħu jġibu l-aħjar prezzijiet. Kif għidt diġa', għandna l-ewwel feasibility study lest f'dan ir-rigward u matul dawn l-aħħar xhur numru ta' kumpanniji kienu qed jiġu aġġornati b'dak li konna qed nagħmlu permezz ta' laqgħat li saru fil-general fisheries councils. Hawnhekk irrid niddikjara li kien hemm numru ta' kumpanniji interessati f'dak li konna qed nagħmlu u fil-fatt ikkorrespondew magħna kumpanniji Ġappuniżi, Koreani u Awstraljani, li lkoll jaqblu perfettament li dan l-investiment tabilħaqq jista' jservi ta' ġid għal pajjiżna. B'hekk wieħed jista' jistqarr li l-Gvern mhux biss irnexxielu jagħmel żieda fil-produzzjoni tal-prodott gross domestiku imma rnexxielu wkoll joħloq fiduċja fis-settur lokali ma' l-erbat irjieħ tad-dinja. Jien nieħu gost insemmi dawn l-affarijiet ħalli nipprova kemm huwa żbaljat min għamel il-kritika li matul din is-sena aħna ma ħloqniex fiduċja f'pajjiżna u ma saħħaħniex ir-rabtiet bejn is-sajjieda, ir-raħħala u l-bdiewa. Sur President, kull bidwi li jmur il-pitkalija bħali jaf li filwaqt li qabel ried ikun il-Bambin jew ix-xita biex titnaddaf il-pitkalija, wara biss ftit ġimgħat li konna ilna fil-gvern lill-pitkalija tajnieha face-lift, bir-riżultat li llum il-bidwi huwa kuntent mhux biss għax hemm iktar indafa fil-post imma wkoll għax qed iħoss li dan il-Gvern qed jirrispettah u qiegħed tabilħaqq jaħdem bis-sħiħ biex iġib id-dħul u l-interessi tiegħu iktar 'il quddiem.
Illum fil-pitkalija nbdew ukoll xogħlijiet fuq it-tinda għax il-Gvern preċedenti kien ħallieha fi stat perikoluż ħafna. Fil-fatt din kienet kollha pjanċi msadda jew maqlugħa u l-bdiewa kienu qed jistennew li malli jagħmel ftit riħ issir traġedja. Jien għalhekk niskanta u xi kultant nirrabja meta nisma' lil sħabi ta' l-Oppożizzjoni jagħmlu l-kritika tagħhom b'dak it-ton - żgur li m'għandi xejn kontra sieħbi l-Onor. Ċensu Galea, anzi huwa ħabib tiegħi li nirrispettah ħafna personalment - imma mhuwiex sewwa li niġu hawn u ngħidu nofs veritajiet. Kif għidt diġa', fl-istat li tħalliet fih it-tinda li hemm fil-pitkalija setgħet saret traġedja. Aħna matul din is-sena li ilna fil-gvern, minkejja li ma kellniex flus u minkejja li kienu berbqu kull sold ... (Interruzzjonijiet) Kollox berbqu! (Interruzzjonijiet) GĦidulu jgħidilna kemm nefaq flus f'konkos u kemm ta sussidji li ma kellux jagħti fix-xahar ta' l-elezzjoni biex jakkwista l-voti! Nista' nipprovahom dawn il-fatti billi nuri l-ammont ta' flus li ntnefaq dak iż-żmien, pero' jien issa ma jinteressanix x'sar. Aħna tlajna bl-għajta li aħna gvern taċ-ċittadini kollha, huma min huma, u meta tlajna fil-gvern u ħadt l-inkarigu ta' ministru kont lest li nirrikonoxxi dak li kien għamel il-ministru ta' qabli, allavolja ċerti affarijiet ma kellux jagħmilhom għax kien jaf li ma kellux flus biex jagħmilhom.
Sur President, kif kont qed ngħid qabel, ġaladarba t-tinda tal-pitkalija tiġi rranġata, fil-pitkalija se jkun hemm iktar iġjene u s-sitwazzjoni titjieb għax daqskemm ix-xemx hija tajba għall-prodotti, daqshekk ieħor tista' tkun ħażina. Din it-tinda se sservi wkoll ta' kenn għax-xerrejja u għall-bdiewa, kemm għal meta tkun ix-xita kif ukoll għal meta tkun ix-xemx. Il-bdiewa jkunu diġa' qattgħu sigħat twal fix-xita u fix-xemx ġewwa l-għelieqi tagħhom u aħna ħassejna li mhux sew li meta dawn jiġu l-pitkalija biex iħottu l-prodotti tagħhom jerġgħu jieklu ikla xemx jew xita oħra. Altru li m'huwiex veru dak li qed jgħidu tan-naħa l-oħra li l-bdiewa qed tonqsilhom il-fiduċja. Il-bdiewa jafu li aħna sinċieri u li minkejja l-ħofra finanzjarja li ħallielna l-Gvern preċedenti, aħna qed inkunu leali u progressivi f'kull ħin u qed naqdu d-dover tagħna bħala gvern biex inwettqu u nsaħħu dawk il-pedamenti li semma sieħbi l-Onor. Ninu Zammit.
Sur President, ta' min jgħid ukoll li fil-pitkalija bdejna nibnu store ħalli l-kaxxi jinħaslu wara li jiġu wżati u l-ħażna tkun stivata kif il-bdiewa ilhom jixtiequ għal snin twal. Kull bidwi jitkaża li s'issa l-ebda gvern ma rnexxielu joħloq sistema fejn il-kaxxi tal-ħaxix u tal-frott jiġu maħsula sew imma issa, jekk Alla jrid, sa ftit xhur oħra l-bdiewa se jkunu jistgħu jgawdu minn din il-faċilita'. Fil-fatt aħna se naraw li jkun hemm makna li tkun tista' taħsel kwantita' ta' kaxxi ħafna ikbar għax sal-lum persentaġġ żgħir biss tal-kaxxi li jintużaw fil-pitkalija jiġu maħsula. B'hekk il-kaxxi li fihom ikun hemm il-ħaxix u l-frott fil-pitkalija se jkunu iktar preżentabbli għax-xerrej, għall-bidwi u għall-pitkal.
Sur President, ta' min jgħid ukoll li minkejja li diġa' kien sar ftehim fuq il-proġett tat-twaqqif ta' fergħa oħra ta' l-APS Bank, kien għad iridu jiġu ffinalizzati ħafna dettalji biex il-mekkaniżmu finanzjarju f'dak li huwa ħlas lill-bdiewa tagħna jkun iktar accountable. Dan kollu jfisser li minkejja li l-Onor. Membri ta' l-Oppożizzjoni jgħidu li aħna nżommu 'l bogħod mis-settur privat, ir-realta' hi li aħna ninsabu għaddejjin b'diskussjonijiet avvanzati biex flimkien ma' l-APS Bank nagħmlu l-istess arranġamenti fil-pixkerija ħalli l-Gvern, permezz ta' kulmin għandu rieda tajba u ta' kulmin huwa fiduċjuż fix-xogħol li qed isir għall-ġid ta' pajjiżna, jikseb ir-riżultati mixtieqa. Sur President, aħna qed nagħmlu wkoll numru ta' xogħlijiet oħra biex id-dipartiment tagħna mhux biss ikun jista' jieħu ħsieb lill-bdiewa, lis-sajjieda u lir-raħħala imma wkoll iħares ċerti obbligi li għandu bħal, ngħidu aħna, l-obbligu li jżomm il-pajsaġġ Malti mħaddar u sabiħ.
Hawn irrid nagħmel parentesi żgħira u ngħid li filwaqt li l-Oppożizzjoni titkellem ħafna fuq il-kunsilli lokali u qalet kemm-il darba li aħna naqqasna l-flus lill-kunsilli lokali u għalhekk abbandunajniehom, fil-kritika tagħhom għal dan il-qasam il-kelliema ta' l-Oppożizzjoni lanqas biss semmewhom. Dan bilfors iġegħelni nsostni dak li qed nagħmlu aħna bħala ministeru biex inkomplu nkabbru l-fiduċja taċ-ċittadin, li dejjem għidna li jiġi l-ewwel fid-direzzjoni politika tagħna. Aħna waqqafna sezzjoni ta' l-urban and rural landscaping fil-mixtla ta' Wied Inċita biex noħolqu investiment sostenibbli u sal-millennju l-ġdid ikollna sistema li permezz tagħha nkunu nistgħu nkabbru siġar u pjanti f'diversi areas. Il-kunsilli lokali ta' Malta u GĦawdex jafu li għandhom iċ-ċans li jipparteċipaw fil-politika ta' dan il-Gvern, liema politika hija mmirata li ġġib l-interessi tagħhom u taċ-ċittadini ta' pajjiżna 'l quddiem. B'hekk bil-parteċipazzjoni tal-kunsilli lokali u tas-sezzjoni ta' l-urban and rural landscaping, għall-ewwel darba qed jiġi stabilit il-konċett ta' free management. Aħna dan hu li qed nagħmlu biex inkunu nistgħu nsebbħu żoni pubbliċi, turistiċi u residenzjali. Hawnhekk nixtieq nieħu l-okkażjoni biex nirringrazzja lill-APS Bank li fehem l-isfidi tagħna u wasal saħansitra biex jisponsorja serra. B'hekk meta ftit tal-ġimgħat oħra din is-serra tiġi inawgurata mid-dipartiment ta' l-agrikoltura, dan id-dipartiment ikun beda jlaħħaq ma' l-10,000 siġra li kull tliet snin jibda jgħaddihom lill-kunsilli lokali ta' Malta u Għawdex sabiex ikunu jistgħu jsebbħu l-bliet u l-irħula ta' pajjiżna.
Għal dan il-għan aħna qed naħdmu wkoll biex is-sena li ġejja jkollna mekkaniżmu kordinat flimkien mal-kunsilli lokali. Jien naħseb li kull kunsill lokali jixtieq li d-dipartiment ta' l-agrikoltura jipprovdilu siġar biex permezz tagħhom jiġi identifikat l-istaġun li nkunu qegħdin fih. Per eżempju, ikun pass għaqli li kieku fl-GĦid id-dipartiment jipprovdi lill-kunsilli lokali s-siġar tal-lewż, li jiffjorixxu u joħolqu atmosfera verament sabiħa, u fil-Milied u fis-sajf jipprovdi l-buganvilla, li minkejja x-xemx taħraq tas-sajf li teqred kollox, tagħti nifs u rispett ġdid lejn il-karatteristika ta' l-istaġuni tagħna. GĦalkemm dawn huma affarijiet żgħar, huma importanti ħafna sabiex tissaħħaħ ir-rabta u l-fiduċja li teżisti bejn is-sezzjoni ta' l-urban and rural landscaping u l-kunsilli lokali. B'dan il-mod lil pajjiżna nkunu qed nagħtuh l-istrutturi, il-formazzjoni u d-direzzjoni li jirrikjedi permezz ta' l-istituzzjonijiet u d-dipartimenti tiegħu u ċ-ċittadini, li kienu huma li tellgħu lill-Partit Laburista fil-gvern, ikunu qed jiġu sostnuti permezz ta' direzzjoni politika li huma għandhom fiduċja fiha.
Sur President, ta' min jgħid ukoll li s-sezzjoni ta' l-urban and rural landscaping mhux qed tillimita ruħha biss għal dan ix-xogħol. Aħna nafu li minkejja li kull gvern jaħdem biex iġib iktar turisti, f'pajjiżna għad baqa' numru ta' widien abbandunati. Jien naħseb li min jikkritikana u jgħidilna li aħna nindirizzaw xogħolna biss lejn il-bdiewa, lejn is-sajjieda u lejn ir-raħħala ma jafx x'qed jgħid għax, per eżempju, nista' nistqarr li aħna waqqafna kummissjoni taħt is-sezzjoni ta' l-urban and rural landscaping li qed taħdem biex il-wirt rurali abbandunat li jeżisti f'pajjiżna jiġi rranġat. Fil-fatt bħalissa din il-kummissjoni qed taħdem biex tlesti proġett f'Daħlet id-Dejr fir-Rabat u għandna pproġettati wkoll numru ta' xogħlijiet oħra fiż-Żurrieq. Peress li wieħed mill-għanijiet tas-sezzjoni ta' l-urban and rural landscaping huwa li taħdem flimkien mal-kunsilli lokali, il-ħaddiema ta' din is-sezzjoni, bi qbil mal-kunsilli lokali, se jagħtu nifs ġdid lil-landscaping li jeżisti fil-bliet u l-irħula ta' pajjiżna. Dan il-Gvern qed jieħu ħsieb jagħmel dan kollu għaliex huwa gvern taċ-ċittadini kollha, gvern li mhux biss jikkritika lill-barunijiet, gvern li mhux biss isostni l-verita' u t-trasparenza, gvern li mhux biss isostni l-ħidma professjonali tiegħu, imma gvern li jagħti r-riżultati li wieħed ikun jista' jmisshom b'idejh. B'hekk il-Gvern żgur li jkompli jsaħħaħ il-fiduċja tal-poplu fih.
Ngħaddi issa biex insemmi xi inizjattivi oħra li s-sezzjoni ta' l-urban and rural landscaping qed tipproġetta fix-xhur li ġejjin. Ikun tajjeb jekk ngħid li s-sezzjoni ta' l-urban and rural landscaping, flimkien ma' l-ETC, qed taħdem biex fi ftit tax-xhur oħra tkun tista' tibda kors fuq il-landscaping gardening, kemm għal persuni b'diżabilita' kif ukoll għaż-żgħażagħ, għax aħna nemmnu li jkun interessanti jekk aktar nies jagħmlu xogħol li jagħmilhom iktar interattivi man-natura. Fl-istess ħin dawn in-nies ma jkollhomx dejjem xogħol li jirrikjedi li joqogħdu bil-qiegħda quddiem il-computer imma jkollhom l-opportunita' li jintegraw ruħhom f'ambjent li jista' jagħtihom iktar sodisfazzjon. Dan juri l-impenn ta' dan il-Gvern li jagħmel dak kollu possibbli sabiex dejjem isaħħaħ ħidmietu u jirrispetta lil kulħadd, inkluż persuni b'diżabilita', li tant huma għal qalbu.
Sur President, aħna wettaqna wkoll ħidma oħra biex fit-tliet snin li ġejjin id-dipartiment ta' l-agrikoltura, flimkien maċ-ċentru tal-micro-propagation, jippjana struttura li permezz tagħha jitkabbru aktar pjanti ħalli dawn isebbħu l-ambjent Malti kollu. Affarijiet bħal dawn żgur li se jpaxxu kemm lit-turisti kif ukoll lill-poplu tagħna, speċjalment lit-tfal, li sfortunatament il-gvernijiet preċedenti ma tantx ħallewlhom wirt sabiħ. Fil-fatt dalwaqt se jsir ftehim sabiex id-dipartiment tal-mużewijiet ikun jista' jgħaddi l-ideat tiegħu lid-dipartiment ta' l-agrikoltura dwar liema pjanti għandhom jitħawlu ħalli pajjiżna jkollu ambjent li tassew jixraqlu. Kif qed naraw hawnhekk, il-Gvern qed jagħmel dak kollu possibbli sabiex joħloq żvilupp sostenibbli u stil ta' tmexxija moderna li tagħti nifs ġdid u ġieh lil pajjiżna.
Sur President, ta' min jgħid ukoll li kelli diskussjonijiet mal-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali biex naraw kif nistgħu nilqgħu għall-isfidi tal-ġejjieni, l-aktar peress li qed naraw li iktar ma jgħaddi żmien it-tfal tagħna inqas qed ikollhom ċans igawdu n-natura minħabba l-istudji li jkollhom u minħabba s-sistemi ta' l-informatika li qed jidħlu ġewwa pajjiżna. Ikun interessanti wkoll li wieħed jgħid li mhux it-tfal biss qed iħossu sodisfazzjon wara li jesperjenzaw il-hands-on farming u l-hands-on fishing u fil-fatt wara li sieħbi l-Ministru Karmenu Vella kien għamel diskors f'dan ir-rigward, bdew isiru tħejjijiet biex familji li jiġu għall-btala f'Malta jkunu jistgħu jipparteċipaw ukoll f'dawn it-tip ta' interactiveevents għax ġeneralment it-turisti li jiġu minn pajjiżi industrijalizzati ma tantx ikollhom kuntatt man-natura. Aħna nemmnu li jekk kemm-il darba rridu nfasslu politika sħiħa li tkun tintegra qafas ġdid għall-ġid ta' pajjiżna għandna nsostnu kuntatt maċ-ċittadini kollha. Din hija wkoll konferma ta' kemm aħna nwettqu dak li ngħidu. Fil-fatt meta konna għadna fl-oppożizzjoni, l-Onor. Alfred Sant kien jispjega li Gvern Laburista ġdid se jkun impenjat li jagħmel proġett nazzjonali għall-qasam ta' l-edukazzjoni. Minkejja dak li tan-naħa l-oħra qed jipprovaw iċappsulna ma' wiċċna, il-fatt hu li llum uliedna qed ikunu jistgħu jmissu l-ġid, il-prosperita', il-fiduċja u l-mekkaniżmu sostenibbli li qed joħloq dan il-Gvern. Qabel it-tfal Maltin u Għawdxin ma kellhomx l-opportunita' li jesperjenzaw ix-xogħol li jirrikjedi farm, jew li jistadu b'metodi tradizzjonali, jew inkella li jħawlu l-pjanti u jiżbru s-siġar u jkollhom kuntatt interattiv ma' annimali esotiċi, bħalma huma l-lamas. Dan il-Gvern, minkejja l-kritika li ssirlu min-naħa l-oħra, qed itejjeb u jnissel fiduċja ikbar f'kull kategorija tas-soċjeta' tagħna ħalli din is-soċjeta' tkompli tifhem l-impenn ta' dan il-Gvern li joħloq l-inċentivi kollha possibbli biex inissel iktar ġid u joħloq kwalita' ta' ħajja aħjar.
Ta' min jgħid xi ħaġa wkoll fuq il-ħidma tal-Gvern Laburista vis-a-vis il-koperativi. Kif jaf il-Ministru preċedenti, hemm bżonn li l-koperativi jifhmu eżattament xi ħteġijiet għandhom biex imexxu l-qasam ta' l-industrija iktar 'il quddiem. Fil-fatt fil-ġimgħat li ġejjin id-direttur tad-dipartiment ta' l-agrikoltura, flimkien mal-bord tal-koperativi, se jkun impenjat sabiex jesprimi l-ideat tiegħu dwar mekkaniżmu professjonali ta' marketing u ta' quality assurance f'dan il-qasam u b'hekk il-koperativi jkunu jistgħu jġibu l-qasam ta' l-industrija aktar 'il quddiem. Aħna qed naraw ukoll li d-dipartiment iżomm ruħu aġġornat fil-qasam tal-marketing ħalli joħloq arma iktar b'saħħitha għas-suq lokali u b'hekk il-prodotti tal-bdiewa, tar-raħħala u tas-sajjieda Maltin jiġu apprezzati aktar. Il-Gvern preċedenti ma kienx mess dan l-aspett imma għall-kuntrarju aħna dejjem inħeġġu lill-poplu biex jagħmel użu ikbar mill-prodott lokali ħalli b'hekk isir aktar progress fil-qasam tal-biedja u s-sajd. Aħna nemmnu wkoll li l-bord tal-koperativi għandu jifhem li jkun inutli li jsir ir-reklamar jekk kemm-il darba ma tiġix indikata direzzjoni sostenibbli fil-mod ta' kif aħna nkabbru l-prodotti, il-bhejjem u t-tjur tagħna. Dawn l-iżviluppi kollha jistgħu jiftħu bibien u aspirazzjonijiet ġodda għall-koperativi u għall-qasam industrijali ta' pajjiżna.
Irrid ngħid ukoll li aħna bdejna nagħmlu preparazzjonijiet sabiex isir agro-ecological survey ħalli ngħinu lin-nies tekniċi tagħna jegħlbu ċerti sfidi li għandu d-dipartiment ta' l-agrikoltura, fosthom dik li t-tkabbir tal-ħaxix u l-frott, ngħidu aħna l-frawli, isir b'mod iktar modern, b'mod organiku u b'mod iktar environment friendly. B'hekk tkun tista' tiġi assigurata wkoll il-kwalita' tal-prodott. Kif spjegajt fil-bidu tad-diskors tiegħi, dan qed nagħmluh għax nemmnu fil-prinċipju li għandha tissaħħaħ ir-rabta li hemm bejn l-ekoloġist, il-konsumatur u l-produttur. Aħna qed naħdmu wkoll sabiex isir użu inqas mill-bexx u mis-sustanzi artifiċjali li, kif spjegajt iktar kmieni, mhux biss qed iservu ta' dannu għall-ambjent imma wkoll għall-koperativi li jirrappreżentaw lill-bdiewa, lis-sajjieda u lir-raħħala. Bla ebda dubju fix-xhur li ġejjin aħna se nispjegaw lill-bord tal-koperativi x'qed nagħmlu sabiex dan il-qasam jingħata iktar għarfien f'pajjiżna. Fil-fatt il-ministeru tal-biedja u sajd se jkollu vvotat ammont ta' flus għall-formazzjoni ta' team professjonali fuq il-marketing u l-quality assurance. Sur President, aħna se nagħmlu wkoll diskussjonijiet mal-koperativi sabiex ngħarrfuhom x'għamilna fil-qasam ta' l-esportazzjoni.
Hawnhekk ta' min jgħid li jekk inqabblu dak li ġie esportat fl-ewwel xhur tas-sena l-oħra ma' dak li ġie esportat fl-ewwel xhur ta' din is-sena nsibu li hemm differenza ta' 60 tunnellata, għax filwaqt li bejn l-1 ta' Jannar u Settembru tas-sena l-oħra ġew esportati 30 tunnellata, li l-maġġoranza tagħhom kienu jikkonsistu f'ħarrub, matul l-istess perjodu ta' din is-sena ġew esportati 90 tunnellata, u fosthom ma kienx hemm il-qargħa aħmar. Jien nista' niddikjara li l-bdiewa tħallsu ta' dawn il-prodotti u kien fi żmien il-Gvern preċedenti li l-bdiewa ma kenux jitħallsu tal-prodotti li jesportaw. (Interruzzjonijiet) Aħna dejjem ħallasniehom. Imma issa ħalli nkompli b'dak li kont qed ngħid. GĦalkemm sa Settembru ta' din is-sena esportajna 60 tunnellata iktar mis-sena l-oħra, sa dakinhar konna għadna lanqas esportajna tunnellata waħda ta' ħarrub, u dan meta qabel il-ħarrub kien jiġi esportat bil-prezz ta' 5c. Dan qed ngħidu biex nibdew nagħtu stampa ċara ta' l-affarijiet u mhux nibqgħu nitkellmu b'mod assurd. Filwaqt li qabel il-parti l-kbira ta' l-esportazzjoni kienet tikkonsisti f'ħarrub, gallettini u patata, aħna rnexxielna nibdew nesportaw il-basal ukoll. Hawn ma rridx ninsa nsemmi li aħna konna kapaċi nintroduċu numru ta' swieq ġodda b'mod li llum il-prodotti lokali tagħna qed jitgawdew ukoll minn swieq etniċi u islamiċi, fosthom fir-Renju Unit.
Sur President, il-Gvern preżenti jaf x'qed jgħid u meta aħna nsemmu dawn il-figuri ma nkunux qed nagħmlu hekk biss biex nuru kemm il-Gvern Laburista huwa differenti mill-Gvern Nazzjonalista imma biex il-poplu jkun jaf kemm dan il-Gvern qed jifhem eżattament lil kull qasam tas-soċjeta' Maltija. U dan irnexxielu jagħmlu għax sa minn meta kien għadu fuq il-bankijiet ta' l-oppożizzjoni kien iħobb jiltaqa' ma' kulħadd u jisma' lil kulħadd ħalli finalment ifassal politika li sservi għall-ġid ta' kulħadd. Mhux ta' b'xejn li llum nistgħu ngħidu b'wiċċna minn quddiem li l-politika li qed iħaddem Gvern Laburista qiegħda tħalli dejjem iktar ir-riżultati mixtieqa. Illum is-sagrifiċċji li għamilna aħna, dejjem bid-direzzjoni tal-leadership tagħna, qed jissarrfu f'benefiċċji għal kull qasam tas-soċjeta' tagħna.
Mr Chairman, ikun tajjeb jekk ngħid ukoll li l-ammont ta' bexx li wżajna biex kabbarna l-prodotti li ġew esportati kien limitat ħafna. Fil-fatt dan kien il-fattur prinċipali li permezz tiegħu stajna niksbu riżultati iktar pożittivi minn dawk ta' ftit snin ilu meta l-ministri preċedenti, minkejja li kienu joqgħodu jgħidu li qegħdin fuq l-għatba ta' l-Unjoni Ewropea, ma kenux kapaċi jaraw li l-biedja f'Malta tikkonforma ruħha, f'dak li huwa ammont ta' bexx u kimika artifiċjali, ma' dak li tesiġi l-Unjoni Ewropea. Minkejja li konna fuq l-għatba ta' l-Unjoni Ewropea, lanqas biss kien għad kellna l-bażi ta' dawn il-prinċipji kardinali. Illum nista' ngħid b'sodisfazzjon li l-konsulenti tal-kumpanniji li qed jixtru l-prodotti tal-bdiewa Maltin tawna l-food quality assurance tagħhom ukoll. Hawn nixtieq nieħu l-opportunita' li nifraħ lill-GĦaqda Bdiewa Progressivi li bil-kapaċita', bil-kreattivita' u bid-determinazzjoni tagħha qed jirnexxielha tkompli tkabbar il-fiduċja tax-xerrejja barranin fil-prodotti tagħna. Minn dan kollu, Sur President, naraw kemm huwa vojt it-tpaċpiċ li sar fuq kemm esportajna ftit prodotti.
Onor. Galea, inti għandek tifraħ b'dawn ir-riżultati għax qabel minkejja li kont tesporta d-dulliegħ, ma kontx iġġib prezzu u kont toqgħod iġġennen lill-bdiewa biex jesportaw il-frawli! Inti għandek tiftakar ukoll li minkejja li kont tajt sussidju fuq is-serer tal-frawli qatt ma ftaħt suq għal dan il-prodott, bil-konsegwenza li tant kien hawn frawli li s-suq tkisser u l-bdiewa bdew ikabbru prodotti oħra. Dak iż-żmien kien hemm produzzjoni abbundanti għax ma kienx hemm management tajjeb. GĦalhekk nappellalek biex filwaqt li tagħmel il-kritika tiegħek, tammetti li inti u l-ministru ta' qablek ħloqtu ċerti ċirkostanzi ħżiena u li kieku tajtu ftit iktar attenzjoni lil dan il-qasam u kontu ftit iktar responsabbli stajtu tirreġistraw progress. Sur President, kuntrarjament għal dak li għamel il-Gvern preċedenti, aħna ma qgħadniex inġiegħlu lill-bdiewa jonfqu l-flus fil-bini ta' serer biex dawn il-prodotti jmorru għall-esportazzjoni, jew niddettaw lill-bdiewa x'jagħmlu u x'ma jagħmlux.
Minkejja dan illum nista' ngħid b'sodisfazzjon li dak li pproġettajna se nieħdu r-riżultati pożittivi tiegħu bejn Diċembru u April għax illum il-pajjiżi li jimportaw il-prodotti tagħna mhux talli qed jixtruhom bi prezz ogħla imma talli qed jixtru kwantita' ikbar. Ikun tajjeb li wieħed jispjega lill-bdiewa li aħna qed nesportaw lejn l-Ingilterra mhux għax sibna suq Ingliż biss imma għax it-titjiriet lejn l-Ingilterra huma iktar regolari minn, per eżempju, dawk lejn Brussell u l-Olanda. Għalija jkun irresponsabbli min jipprova jirredikola l-fatt li permezz ta' din l-esportazzjoni, sa ftit xhur oħra se ngħaddu l-karella lill-istitut ta' l-agrikoltura ġewwa l-Universita' ħalli hemmhekk tkun tista' ssir ir-riċerka meħtieġa fuq dan il-prodott għax is-soċjeta' Maltija qed issib din it-tip ta' ħaxixa utli ħafna għal min ibati bil-marda tad-diabete. Jien naħseb li huwa importanti li wieħed isemmi dawn l-affarijiet għax dawn juru kemm il-Gvern huwa impenjat fil-ħidma tiegħu biex jgħin lill-bdiewa Maltin jilqgħu għall-isfidi tal-futur, fosthom dik li għada pitgħada rridu nkabbru s-settur ta' l-esportazzjoni b'mod li meta nieħdu xi daqqa mingħand xi suq ma mmorrux lura, anzi nsostnuh iktar. B'hekk inkunu qed nattwaw l-impenn tagħna li kien imniżżel fil-manifest elettorali tagħna, ċioe' li niggarantixxu dħul ġust lill-bdiewa b'mod iktar prattiku u flessibbli.
Sur President, lili ma jirriżultalix li ħloqna sfiduċja fis-settur privat, minkejja dak kollu li ntqal, anzi nista' ngħid b'sodisfazzjon li peress li numru ta' tiġieġ li jiġu kkonsmati minn ċerti franchises kienu qed jiġi importati mill-Unjoni Ewropea, minħabba l-istil u s-sistemi ta' grading ta' dawn it-tiġieġ, aħna ħdimna flimkien b'impenn sħiħ u mingħajr daqq ta' trombi u matul din is-sena rnexxielna nwaqqfu l-importazzjoni li kienet issir minn żewġ franchises lokali popolari, u jekk Alla jrid, fi ftit xhur oħra, franchise oħra popolari hawn Malta se tkun qiegħda tikkonsma l-poultry products li jkabbru r-raħħala tagħna b'tant kapaċita'. Dawn li għadni kemm semmejt huma kollha sinjali pożittivi għall-futur ta' pajjiżna. Is-settur tat-turiżmu qiegħed fuq l-aġenda tagħna kontinwament għax ovvjament dan is-settur ikompli jżid id-domanda ta' l-ikel. GĦalhekk aħna, mill-pożizzjoni ġeografika ta' pajjiżna, qed nipprovaw ngħinu u nikkoperaw dejjem iktar mas-settur privat biex dan jiżviluppa l-investiment tiegħu f'dan ir-rigward għax iktar ma jgħaddi żmien dawn il-franchises iktar qed jiksbu popolarita' mal-pajjiżi Mediterranji u iktar qed isiru parti mill-konċett modern tal-konsumatur. Sur President, ta' min jgħid ukoll li meta raw l-istabilta' u l-progress li sar fil-qasam tal-biedja u sajd, kien hemm diversi banek barranin, fosthom dawk Franċiżi, li wrew interess li jiġu f'pajjiżna ħalli permezz tal-koperativi u l-banek tagħna jkollhom il-possibbilta' li jkabbru l-investiment tagħhom.
Ma rridx ninsa nsemmi li qed nagħmlu proġett dwar slaughter-houses ħalli l-qatla tal-bhejjem ma tibqax tiddependi biss mill-biċċerija tal-gvern. Fil-fatt kulma jmur dawn is-slaughter-houses iktar qed isiru popolari mar-raħħala tagħna u dan huwa tajjeb għax, kif qal l-Onor Ċensu Galea, filwaqt li fil-pajjiż ikunu qed isiru ċerti kambjamenti wieħed ikun irid jaħseb ... Il-Gvern preċedenti kien tilef litteralment kull kuntatt li kellu mal-biċċeriji privati imma aħna erġajna tajniehom in-nifs u fehemniehom li dan il-Gvern mhux veru jirrappreżenta ż-żmenijiet tad-dlam imma huwa gvern li jaf x'irid u li jrid jaħdem mas-settur privat. Fil-fatt illum għandi l-unur ngħid li f'dawn l-aħħar xhur il-biċċeriji privati mhux biss irdoppjaw il-qatla tagħhom imma fil-każ tal-poultry hemm biċċeriji oħra li qed jiżviluppaw sabiex jgħinu lil din l-industrija ssir iktar popolari, iktar sostenibbli u tlaħħaq maż-żmenijiet moderni ta' llum.
Sur President, ta' min jgħid li aħna wettaqna numru ta' inizjattivi f'dawk li huma non-governmental organisations, u fost l-oħrajn waqqafna sezzjoni għal dawk l-għaqdiet kollha li l-attivitajiet tagħhom huma konnessi mal-biedja u sajd ħalli jkunu jistgħu jagħmlu l-proġetti tagħhom. Nistgħu nfasslu wkoll programmi nazzjonali f'dan il-qasam li mhux biss għandhom jattiraw lill-familji Maltin imma anke lit-turisti li jiġu jżuruna. Ta' min jgħid ukoll li bħalissa qed isiru diversi laqgħat u se jiġu organizzati saħansitra seminars sabiex il-wirjiet ta' flower arrangements, ta' l-għasafar u diversi wirjiet oħrajn jattiraw iktar lill-poplu Malti kif ukoll lit-turisti. Fil-fatt sabiex pajjiżna jibda jiġbed iktar investiment f'dan il-qasam, bl-għajnuna tal-Ministru Karmenu Vella, l-NTOM se tibda tagħti tagħrif dwar dawn l-attivitajiet fuq l-internet. Dan huwa maħsub li jkabbar l-interess fost il-poplu u b'hekk, kif spjegajt fil-bidu tad-diskors tiegħi, il-poplu Malti u GĦawdxi jerġa' jkollu ċ-ċans imiss il-ġid u l-ideat ġodda li qed jintroduċi dan il-Gvern biex iġib 'il quddiem l-aspirazzjonijiet, l-ideat u s-suċċessi taċ-ċittadini kollha, huma min huma.
Sur President, nixtieq nirringrazzja ħafna lill-Viċi Prim Ministru, li ħadem bis-sħiħ biex irnexxielu jsolvi l-problemi li kellna għar-rigward ta' l-inspection border ta' Reggio. Jien napprezza t-taħbit li kellu l-Viċi Prim Ministru preċedenti, l-Onor. Guido de Marco, li wkoll kien responsabbli għal dan il-qasam, pero' wara li l-Gvern Malti spjega lill-awtoritajiet Taljani f'livell diplomatiku li dawn huma spejjeż żejda u m'humiex responsabbilta' tagħna, illum irnexxielna niffrankaw is-somma ta' xi Lit. 100 miljun.
Irrid ngħid li proġett li bla ebda dubju s-sena d-dieħla se jkattar iktar fiduċja huwa l-protocol li ġie ffirmat bejn il-Gvern Malti u l-Gvern Libjan biex f'pajjiżna jikber iktar l-investiment fil-qasam tal-biedja u s-sajd. Fil-fatt, bil-permess ta' dan il-Kumitat, nixtieq inqiegħed kopja ta' dan il-protocol fuq il-Mejda tal-Kamra.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Hawn permess? (Onor. Membri: Iva).
Il-permess ingħata. ONOR. NOEL FARRUGIA: Sur President, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Protocol on Co-Operation between the Republic of Malta and the Great Socialist People's Libyan Arab Jamahiriya in the fields of Marine Wealth, Agriculture and Animal Wealth iffirmat fis-26 ta' Ġunju 1997.
Ċertament li dan il-protocol, li se jkun ta' interess anke għal din il-Kamra, se jkompli jsaħħaħ l-investiment ta' dawn iż-żewġ pajjiżi. Ta' min jgħid ukoll li ftit tal-ġimgħat ilu delegazzjoni Maltija, immexxija minn Dr Karmenu Mifsud Bonnici, issoktat bl-impenn tagħha fil-Libja u għandi l-pjaċir ngħid li rnexxielha tagħmel arranġamenti sodisfaċenti. Jien ninsab informat ukoll li bejn id-29 u t-30 ta' dan ix-xahar se tiġi f'pajjiżna delegazzjoni Libjana ħalli tkun tista' twettaq dak li hemm fil-protocol. Permezz ta' dan il-protocol mhux biss se jkollna l-mekkaniżmu meħtieġ sabiex f'pajjiżna jikber l-investiment fil-produzzjoni ta' l-ikel imma wkoll sabiex isir użu aħjar mir-riżorsi li qabel kienu abbandunati. Ta' min jgħid ukoll li teżisti l-possibbilta' li fil-ġejjieni qarib it-tarznari tagħna jibdew jibnu u jagħmlu l-manutenzjoni meħtieġa fuq l-opri tal-baħar tas-sajjieda Libjani. U hawn hekk nixtieq nirringrazzja kemm lill-Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent, l-Onor. George Vella, ta' l-għajnuna tiegħu, kif ukoll lill-poplu Libjan li laqa' lid-delegazzjoni Maltija, liema delegazzjoni kellha l-opportunita' li tara kif permezz ta' dan il-protocol setgħet issaħħaħ ir-rabtiet li kull gvern dejjem għaraf li jinvesti fihom.
Aħna qed naħdmu wkoll biex insibu post fejn tista' tiġi ttrasferita l-Malta Dairy Products Ltd. għax l-ideat li għadditilna l-Awtorita' ta' l-Ippjanar f'dan ir-rigward ma kenux sodisfaċenti u lanqas ma kienu jirriflettu s-serjeta'. Fil-fatt jien sa mill-ewwel ġimgħat li ħadt il-ħatra kont tlabt lir-rappreżentanti ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex tindikalna sites tal-gvern li fuqhom tista' tinbena l-fabbrika l-ġdida. Ma jistax ikun li nibqgħu fis-sitwazzjoni fejn l-Awtorita' ta' l-Ippjanar ma tgħidilniex fejn tħoss li huwa l-post ideali għal din il-fabbrika. Ilkoll kemm aħna nafu li din il-fabbrika ilha tiffunzjona fil-post li għandha llum fil-Ħamrun għal iktar minn 40 sena. Ta' min jgħid li mis-sitt siti li indikatilna l-Awtorita' ta' l-Ippjanar, erbgħa huma sites privati. Jien nifhem li xi kultant l-Awtorita' ta' l-Ippjanar ma tkunx tista' ssib rimedju għal diffikultajiet bħal dawn jew minħabba li ma jkunx hemm qbil fid-deċiżjoni li tkun se tieħu jew inkella minħabba li jinqalgħu komplikazzjonijiet diffiċli ħafna. Bla ebda dubju d-daqs ta' pajjiżna jpoġġi lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar f'pożizzjoni diffiċli. Dawn huma wħud mill-problemi li dan il-ministeru qed jiltaqa' magħhom f'dak li għandu x'jaqsam mal-bini tad-dairy factory ġdida li ġaladarba tinbena żgur li tkompli ssaħħaħ lil din l-industrija.
Sur President, issa bil-permess ta' dan il-Kumitat, nixtieq inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-ewwel u tat-tieni parti tar-rapport ta' Wied il-Qlejgħa, fejn fih hawn il-programm sħiħ ta' dak li se jsir fix-xhur li ġejjin biex dan il-wied jiġi riabilitat.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Hawn permess? (Onor. Membri: Iva)
Il-permess ingħata. ONOR. NOEL FARRUGIA: Sur President, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Kopja ta' l-ewwel u t-tieni parti tar-rapport dwar ir-restawr ambjentali ta' Wied il-Qlejgħa.
Sieħbi l-Onor. Ċensu Galea qal li dan il-proġett ma jirriflettix il-bżonnijiet li hemm fil-qasam tal-biedja. Jien ngħidlu: Mela ma tafx x'qed tgħid! Allura liema huma l-proġetti li jirriflettu l-qasam tal-biedja? Il-fatt li ma kienx jingħata sussidju biżżejjed biex il-bdiewa jirranġaw l-uċuh tar-raba' tagħhom b'mod li l-ilma ġieri jkollu lqugħ? Il-proġett ta' Wied il-Qlejgħa huwa għal qalb il-bdiewa ħafna, li wara kollox diġa' gawdew minnu. Fil-fatt il-ħamrija li nġabret mit-tħammil ta' dan il-wied ingħatat u l-bdiewa jafu wkoll li l-ħażna ta' l-ilma ġieri li se jkun hemm permezz ta' dan il-proġett se tkompli tkabbar il-ġid ta' pajjiżna. Kif għidt diġa', dan il-Gvern huwa impenjat li f'pajjiżna joħloq l-agro-turiżmu. Naturalment dan se jsir fil-limitazzjonijiet li għandu pajjiżna pero' permezz ta' dan il-proġett it-turisti li jżuruna issa se jkollhom opportunita' ikbar li japprezzaw is-sbuħija tan-natura ta' pajjiżna li bla dubju tkompli ssebbaħ il-pajsaġġ Malti.
Sur President, bil-permess ta' dan il-Kumitat issa nixtieq inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra rapport ta' analisi finanzjarja li saret dwar l-esportazzjonital-patata.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Hawn permess? (Onor. Membri: Aye)
Il-permess ingħata.
ONOR. NOEL FARRUGIA: Sur President, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Analisi finanzjarja li saret mill-Korporazzjoni għal Żvilupp ta' Malta f'Settembru 1997 dwar l-esportazzjoni ta' patata matul l-1997.
Dan ir-rapport ikompli jikkonferma kemm aħna gvern trasparenti u kemm nagħmlu minn kollox biex nissodisfaw dak kollu li jkollna fuq l-aġenda tagħna mingħajr ma nwarrbu xejn. Jien qed inqiegħed dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra biex il-Membri ta' l-Oppożizzjoni, li tant ikkritikaw il-mekkaniżmu ta' l-operat ta' l-esportazzjoni, ikunu jafu x'riżultati qed ikollna, għax jiddispjaċini ngħid li lanqas f'dak li qalu rigward l-esportazzjoni tal-patata ma kienu korretti. Ta' min jgħid li meta tlajna fil-gvern sibna nuqqas ta' management u ta' ppjanar dwar kif għandna nilħqu swieq barranin. Kieku ma kienx għall-intervent ta' l-export marketing board li flimkien ma' l-importaturi u l-esportaturi Olandiżi nnegozja 2,700 tunnellata oħra ta' patata, ma kienx ikun possibbli li l-bdiewa tagħna - dan huwa abbażi tal-kuntratt li sab dan il-Gvern - jesportaw u jġibu prezzijiet tajba għal dan il-prodott. Wieħed għandu jgħid ukoll li minkejja li sieħbi l-Onor. Ninu Zammit qal li matul din is-sena l-bdiewa marru ħażin, il-fatt hu li filwaqt li s-sena l-oħra dawn daħħlu Lm800,000 mill-esportazzjoni, din is-sena daħħlu kważi Lm1.5 miljun. GĦalhekk dak li ntqal mill-Onor. Membri ta' l-Oppożizzjoni ma kienx jirrifletti s-serjeta' li dan il-Gvern qed kontinwament miexi biha biex ikun żgur li l-bdiewa u r-raħħala tagħna jkollhom dħul ġust u li l-politika tagħna tispira dejjem iktar fiduċja għall-ġejjieni.
Sur President, bil-permess tal-Kumitat issa nixtieq inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-proġett ta' l-irmiġġ li se jiġi estiż fl-inħawi ta' Il-Magħluq f'Marsaxlokk.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Hawn permess? (Onor. Membri: Aye)
Il-permess ingħata. ONOR. NOEL FARRUGIA: Sur President, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Tabella li tagħti informazzjoni dwar proġett ġdid ta' faċilitajiet għall-irmiġġ li se jsir fil-Magħluq ta' Marsaxlokk.
Permezz ta' dan il-proġett is-sajjieda tagħna se jkollhom postijiet iktar diċenti għall-irmiġġ. B'hekk il-Gvern Laburista mhux biss qed jgħin lis-sajjieda jsibu swieq ġodda, mhux biss qed ifassal miżuri ġodda ħalli jipparteċipaw iktar fl-ekonomija ta' pajjiżna, partikolarment fl-iżvilupp li se jsir f'dak li għandu x'jaqsam mas-sajd tat-tonn, imma qed isolvi l-ilmenti li kien ilhom jagħmlu dawn is-sajjieda għal numru ta' snin.
Sur President, nixtieq ngħid ukoll li l-Onor. Censu Galea ma kienx jaf x'qed jgħid meta fid-diskors tiegħu qal li jien għadni ma nfaqtx il-Lm200,000 li l-ministeru ta' qabel ħalla fil-Kaxxa ta' Malta. Fil-fatt dawn il-Lm200,000 kienu nqatgħu mill-provision li oriġinarjament kellu l-ministeru u naturalment dan ġara għax id-deficit kien diġa' beda jagħfas sew. Jiġifieri l-Onor. Ċensu Galea lanqas kien jaf li l-Lm200,000 kienu ttieħdu mill-ministeru tal-finanzi f'Settembru ta' l-1996!
Sur President, minkejja li qed niġu kkritikati li qegħdin nivvotaw anqas fondi bħala spiża kapitali, dawn l-iżviluppi kollha li semmejt jikkonfermaw kemm dan il-Gvern qed inissel fiduċja u qed jagħmel dak kollu possibbli sabiex kull settur jimtela' bil-ġid ħalli kollha kemm aħna ngħixu kwalita' ta' ħajja aħjar. Kif ġie spjegat fid-diskors tal-budget, dan il-Gvern mhux qed jilqa' biss l-isfidi tad-deficit ud-diffikultajiet finanzjarji imma qed joħloq ukoll mekkaniżmu biex, kif għidt diġa', is-soċjeta' kollha Maltija tkun tista' tmiss b'idejha l-ġid u l-fiduċja li qed joħloq dan il-Gvern li jirrappreżenta liċ-ċittadini kollha Maltin u Għawdxin. Grazzi, Sur President. (Onor. Membri: Hear, hear)
THE DEPUTY CHAIRMAN: Nirringrazzjak. Skada l-ħin tad-diskussjoni fil-Kumitat ta' Provvista. Se npoġġi l-mistoqsija fuq l-emenda u fuq il-voti li tressqu llum.
Il-mistoqsija hija l-emenda għal Vot 51 kif imressqa u moqrija mill-Onor. Ninu Zammit. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Negatived.
ONOR. MEMBRU:Division.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Skond il-Mozzjoni Nru 98 ta' l-10 ta' Novembru 1997 il-Kumitat huwa sospiż għal ħames minuti.
Billi fid-9.30 p.m. intalbet votazzjoni l-Kumitat ġie sospiż u rriżuma ħames minuti wara. THE DEPUTY CHAIRMAN: Il-mistoqsija hija l-emenda għal Vot 51 kif imressqa u moqrija mill-Onor. Ninu Zammit. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Negatived.
ONOR. MEMBRU:Division. VOTAZZJONI NRU. 110 FAVUR : 34 L-Onor
Abela Tony
Galea Pace Victor
Agius Francis
Gatt Austin
Bonnici Josef
Gonzi Lawrence
Bonnici Michael
Hyzler George
Borg Joe
Mifsud Bonnici Antoine
Borg Tonio
Mugliett Jesmond
Cassar Joe
Muscat Claude
Dalli John
Muscat Richard
D'Amato Helen
Psaila Savona Joe
De Marco Guido
Pullicino George
Debono Giovanna
Pullicino Orlando Jeffrey
Deguara Louis
Refalo Michael
Farrugia Jean Pierre
Tabone Anton
Fenech Adami Eddie
Vassallo Edwin
Frendo Michael
Vella John
Galea Censu
Zammit Ninu
Galea Louis
Zammit Dimech Francis
KONTRA : 34 L-Onor.
Abela Carmelo
Farrugia Michael
Abela Joseph
Farrugia Noel
Agius Chris
Grech Edwin
Attard Montalto John
Gulia Gavin
Bartolo Evarist
Herrera Jose'
Borg Karmenu
Mangion Charles
Brincat Leo
Mizzi Joe
Buhagiar Charles
Pace Bertu
Buhagiar Louis
Portelli Alfred
Camilleri Maria
Refalo Anton
Cardona Chris
Sant Alfred
Chircop Karl
Sceberras Trigona Alex
Cilia Joe
Schembri Adami Sandro
Dalli Helena
Spiteri Lino
Debono Grech Joe
Vassallo Adrian
Farrugia Anglu
Vella George
Farrugia Joe
Vella Karmenu
THE DEPUTY CHAIRMAN: Skond subartiklu (2) ta' artiklu 71 tal-Kostituzzjoni ta' Malta, kif ukoll skond l-Ordni Permanenti 21 subinċiż (2), peress li l-voti ġew indaqs għandi d-dmir fil-kwalita' tiegħi li qiegħed nippresjedi dan il-Kumitat li nerżerċita l-vot deċiżiv u dan konformi mal-konswetudni ta' din il-Kamra, liema konswetudini tinkludi wkoll il-prinċipji kif elenkati fl-Erskine May, Edizzjoni 21, paġna 351 dwar il-casting vote u għalhekk qed nivvota kontra l-emenda proposta għall-Vot li għandna quddiemna.
L-emenda m'għaddietx. THE DEPUTY CHAIRMAN: Se nqiegħed issa l-mistoqsija fuq il-Voti tal-Ministeru tal-Biedja u Sajd. Il-mistoqsija hi:
VOT 51 - MINISTERU TAL-BIEDJA U SAJD Illi s-somma ta' mhux iżjed minn Lm 6,366,000 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot 51 - Ministeru tal-Biedja u Sajd, kif dettaljata fl-Abbozz ta' l-Estimi Ġenerali ta' Nefqa għas-sena 1998.
Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Carried.
ONOR. MEMBRU:Division. THE DEPUTY CHAIRMAN: Din id-division se tittieħed issa stess skond il-Mozzjoni Nru. 98.
VOTAZZJONI NRU. 111 FAVUR : 34 L-Onor.
Abela Carmelo
Farrugia Michael
Abela Joseph
Farrugia Noel
Agius Chris
Grech Edwin
Attard Montalto John
Gulia Gavin
Bartolo Evarist
Herrera Jose'
Borg Karmenu
Mangion Charles
Brincat Leo
Mizzi Joe
Buhagiar Charles
Pace Bertu
Buhagiar Louis
Portelli Alfred
Camilleri Maria
Refalo Anton
Cardona Chris
Sant Alfred
Chircop Karl
Sceberras Trigona Alex
Cilia Joe
Schembri Adami Sandro
Dalli Helena
Spiteri Lino
Debono Grech Joe
Vassallo Adrian
Farrugia Anglu
Vella George
Farrugia Joe
Vella Karmenu
KONTRA : 34 L-Onor.
Abela Tony
Galea Pace Victor
Agius Francis
Gatt Austin
Bonnici Josef
Gonzi Lawrence
Bonnici Michael
Hyzler George
Borg Joe
Mifsud Bonnici Antoine
Borg Tonio
Mugliett Jesmond
Cassar Joe
Muscat Claude
Dalli John
Muscat Richard
D'Amato Helen
Psaila Savona Joe
De Marco Guido
Pullicino George
Debono Giovanna
Pullicino Orlando Jeffrey
Deguara Louis
Refalo Michael
Farrugia Jean Pierre
Tabone Anton
Fenech Adami Eddie
Vassallo Edwin
Frendo Michael
Vella John
Galea Censu
Zammit Ninu
Galea Louis
Zammit Dimech Francis
THE DEPUTY CHAIRMAN: Skond subartiklu (2) ta' artiklu 71 tal-Kostituzzjoni ta' Malta, kif ukoll skond l-Ordni Permanenti 21 subinċiż (2), peress li l-voti ġew indaqs għandi d-dmir fil-kwalita' tiegħi li qiegħed nippresjedi dan il-Kumitat li neżerċita l-vot deċiżiv u dan konformi mal-konswetudni ta' din il-Kamra, liema konswetudni tinkludi wkoll il-prinċipji kif elenkati fl-Erskine May, Edizzjoni 21, paġna 351 dwar il-casting vote u għalhekk qed nivvota favur il-Vot li għandna quddiemna.
Ir-Riżoluzzjoni taħt il-Vot 51 għaddiet. THE DEPUTY CHAIRMAN: Il-mistoqsija hi:
VOT XIII - MINISTERU TAL-BIEDJA U SAJD Illi s-somma ta' mhux iżjed minn Lm 1,033,000 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot XIII - Ministeru tal-Biedja u Sajd, kif dettaljata fl-Abbozz ta' l-Estimi Ġenerali ta' Nefqa għas-sena 1998.
Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Carried.
Ir-Riżoluzzjoni taħt il-Vot XIII għaddiet. Fid-9.40 p.m. il-Kamra rriżumiet u l-Viċi President tal-Kumitati rrapporta li l-Voti 51 u XIII taħt il-Ministeru tal-Biedja u Sajd kienu ġew approvati mill-Kumitat ta' Provvista. MADAM SPEAKER: Sar il-ħin. Nistieden lill-Ministru Mizzi biex, jekk jogħġbu, iressaq l-Aġġornament.