Malta debates tal-kamra tad-deputati (Rapport Ufficjali u Rivedut)



Yüklə 469,56 Kb.
səhifə3/6
tarix27.12.2018
ölçüsü469,56 Kb.
#87063
1   2   3   4   5   6

MADAM SPEAKER: Onorevoli, ippermettili ninterrompik għaliex skadielek il-ħin u għandek bżonn extension. Xi ħadd jipproponi li tkompli tinstema'.
ONOR. EVARIST BARTOLO: Nipproponi li jkompli jinstema'.
MADAM SPEAKER: Min jissekonda?
ONOR. JOSEF BONNICI: Nissekonda.
MADAM SPEAKER: Hawn talba biex l-Onor. Galea jkompli jitkellem. Il-Kamra taqbel? (Onor. Membri: Iva)
Il-mozzjoni għaddiet nem. con.
ONOR. LOUIS GALEA: Nirringrazzja lill-proponent, lis-sekondant u lill-Kamra kollha talli għoġobha testendili l-ħin. Madam Speaker, kont qed nitkellem fuq l-identita' ta' l-iskejjel u hawnhekk irrid nagħmel dikjarazzjoni billi ngħid li ma rridux nitilqu bl-idea li kulma jsir fl-iskejjel privati, tal-knisja u fondazzjonali huwa l-aqwa li wieħed jista' jimmaġina taħt il-kappa tax-xemx fl-edukazzjoni, għaliex hemm ħafna skejjel ta' l-Istat, primarji, kindergartens u sekondarji li x-xogħol li jsir fihom jiżboq fil-kwalita' lix-xogħol li jsir f'diversi skejjel li m'humiex ta' l-Istat. Jiġifieri meta nkunu qed nitkellmu hekk irridu nifhmu li m'aħniex qegħdin nikkonsolidaw il-preġudizzju inġust li jeżisti f'diversi każi kontra l-iskejjel ta' l-Istat, għax kultant ċertu gwaj li jista' għandna fl-iskejjel ta' l-Istat inġibuh aħna stess - meta ngħid aħna m'iniex qed ngħid għaċ-ċittadini Maltin in ġenerali - bil-mod dispreġġattiv u inġust li bih kultant nitkellmu fuq l-iskejjel ta' l-Istat. Pero' aħna ma nistgħux inpoġġu l-iskejjel ta' l-Istat tagħna ġo strait-jacket b'mod li jkollok kemm ikollok kapijiet ta' skejjel tajbin, ikollok kemm ikollok għalliema tajbin u jkollok kemm ikollok ġenituri li jikkollaboraw iridu jagħmlu dan kollu ġo qafas li jorbothom u minflok jagħti lok u sfog għall-enerġija u għall-kreattivita' kollha jiffrustrahom minħabba s-sistema li hemm. Jiena jiddispjaċini li l-proċess ta' aktar awtonomija, identita' u deċentralizzazzjoni li l-amministrazzjoni preċedenti bdiet fil-qasam ta' l-iskejjel statali ma ġiex imbottat b'aktar enerġija u b'aktar qawwa. Kien hawn min gerger li aħna konna qed ngħaġġlu wisq. Jien ma rridx li mmorru ħafna passi iktar 'il quddiem milli fil-fatt hija kapaċi tassorbi s-sistema, imma jista' jkun li lil dawk li jgergru li qed ngħaġġlu wisq ma ngħaġġlux magħhom u lill awk li huma kapaċi jassorbu ritmu ta' progress iktar mgħaġġel nagħtuhom iċ-ċans li dak ir-ritmu jaqbduh, għaliex naħseb li dan huwa l-qofol ta' kollox.
Jekk nħarsu lejn l-Iskola San Andrea, per eżempju, insibu li din l-iskola sa ħames snin ilu lanqas kienet teżisti bħala idea embrijonika. F'dan il-każ kien hemm grupp ta' ġenituri li ltaqgħu u ftehmu li jwaqqfu din l-iskola fondazzjonali, resqu għand l-awtoritajiet pubbliċi biex jitolbu l-permessi tal-bini u biex jitolbu l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa u sabu huma stess fondi kapitali biex jibnu l-iskola, imbagħad ippjantawha, bnewha f'ħakka t'għajn u llum għandna skola ta' ċertu livell u skola li tidher li qiegħda tagħti ċerti riżultati. Din l-iskola la għandha bżonn toqgħod tistenna sena u nofs biex timpjega l-għalliema jew l-istaff li jrid jieħu ħsieb it-tindif jew li jridu jagħmlu ħaġa jew oħra u lanqas trid tgħaddi minn kwantita' ta' burokrazija biex tiddeċiedi li, per eżempju, tagħmel post għall-isport jew biex tieħu inizjattivi oħra. Allura minħabba f'hekk din timxi u jiena nemmen li meta l-iskejjel ta' l-Istat ikollhom l-istess faċilitajiet, jaslu biex jikbru. Jekk ma nagħtuhomx l-istess faċilitajiet inkunu qegħdin inqabblu żiemel li għandu l-liberta' kollha li jimxi ma' żiemel ieħor li nkunu rbatnielu saqajh - mhux like with like - u ngħidu li ż-żiemel li rbatnielu saqajh m'huwiex tajjeb daqs iż-żiemel l-ieħor.
Jien naħseb li f'dan is-settur irridu nkomplu mexjin fid-direzzjoni li aħna mexjin pero' bi spinta akbar. Naħseb ukoll li l-Minstru, bil-pariri ta' kull min hu konċernat, għandu jibda jindentifika numru ta' skejjel li jaf li għandhom il-kapaċita' li jassumu din ir-responsabbilita' u jżidilhom kemm jista' jkun l-awtonomija. Naturalment jien naqbel mal-Ministru fejn qal li dan id-diskors ikun kollu fieragħ jekk ma tagħtix l-appoġġ u s-support meħtieġ biex dan ikun jista' jsir. Irridu noqogħdu attenti li f'din ix-xewqa tagħna li naraw l-iskejjel ta' l-Istat jieħdu iktar awtonomija, ikollhom iktar identita', iktar liberta', iktar deċentralizzazzjoni u inqas burokrazija, ma nispiċċawx - kif hemm il-periklu li nispiċċaw - bil-kapijiet ta' l-iskejjel isiru managers ta' skola u jispiċċaw minn kapijiet ta' skola. Jien naħseb li jrid jinstab il-metodu kif ma niġux f'sitwazzjoni fejn f'dawn l-iskejjel - li se ngħabbuhom b'poteri amministrattivi u poteri għan-nefqa tal-finanzjament li jkun irid jingħatalhom u li nistennew mingħandhom ċertu role modelling - il-kap ta' l-iskola jkun id-driver akkademiku ta' dan il-learning community li jrid imexxi u jkun il-persuna li trid tiġri wara min qed inaddaf, wara min qiegħed iqassam il-ħalib, wara min isewwi ħaġa u min isewwi oħra imma tkun dik il-persuna li verament qiegħda timbotta din il-komunita' kollha kemm hi u tkabbar l-atmosfera ta' tisħib, ta' team work, ta' kollaborazzjoni bejn għalliema u ġenituri. Jiena naħseb li jekk lill-kapijiet ta' l-iskejjel ma nagħtuhomx dan is-support allura ma naslux. Ma naħsibx lanqas li dan is-support, jekk irridu nibdew bis-serjeta', jista' jibqa' fil-forma sempliċement ta' xi skrivan fulltime jew wisq agħar ta' xi skrivan part-time. Jekk ġo dawn l-iskejjel m'aħniex se npoġġu nukleu amministrattiv, skond il-qies ta' l-iskola, b'nies li għandhom ċerti kapaċitajiet li jistgħu jassumu ċerta responsabbilta' u b'direttiva lill-kapijiet li jiddelegaw ċerti funzjonijiet amministrattivi ta' kuljum lil dan in-nukleu amministrattiv, allura jista' jkun li t-tentattiv tagħna sabiex inwasslu lill-iskejjel ta' l-Istat jimxu iktar lejn din id-direzzjoni, jiltaqa' ma' xi diffikultajiet.
Huwa f'dan il-kontest fejn imbagħad wieħed irid jibda jitkellem fuq il-konċett ta' l-iskola bħala learning community u li wieħed jista' jiżviluppa l-konċett ta' learning society, konċett li iktar kemm naqra fuqu, iktar nifhem kemm huwa meħtieġ biex nilqgħu għall-isfidi tar-revoluzzjoni xjentifika u teknoloġika li għandna quddiemna. Huwa fil-kontest fejn skola għandha dawn il-possibilitajiet li wieħed jista' jgħid li f'din il-komunita' ta' nies b'ideat u talenti differenti rridu niżviluppaw it-talenti ta' kulħadd b'dan il-mod li qed insemmi. Huwa importanti wkoll, Madam Speaker, li wieħed jagħmel iktar enfasi milli forsi qegħdin nagħmlu li l-iskola għandha tkun l-aqwa organu tar-riċerka. Fir-rivista "The Teacher" li toħroġ l-MUT kien hemm artiklu bl-isem ta' "Learning Community - Professional Community and the School as a Centre of Enquiry". Jiena jidhirli li f'dan l-artiklu ta' ċertu Sir Thomas Giovanni li huwa professur ta' l-edukazzjoni u l-amministrazzjoni fi Trinity University f'San Antonio, Texas, fl-Istati Uniti ta' l-Amerka, jispjega ħafna minn dawn l-ideat li kien qed jitkellem dwarhom il-Ministru llum. Dan l-artiklu jispjega li biex dawn l-ideat jintlaħqu u biex jiġi żviluppat il-konċett ta' learning society huwa importanti li l-iskola tkun organu ta' riċerka hi nnifisha. GĦalhekk anke meta niġu għal-livell ta' awditjar soċjali u għal-livell ta' monitoring irrid naraw li dawn ukoll iridu jkunu funzjonijiet li jsiru anke fil-livell ta' l-iskejjel tagħna. Dan il-proċess ta' evalwazzjoni, ta' awditjar, ta' quality assurance jrid isir ukoll fil-livell tal-grass roots. Dan il-mekkaniżmu jrid jiġi mħaddem f'dawn il-livelli ta' l-iskejjel tagħna, għaliex naħseb li l-ħidma ssir bil-bosta aħjar jekk inkunu kapaċi nagħmluh b'dan il-mod milli jekk ikollna xi grupp ta' nies li b'mod ċentralizzat ikunu jistgħu jiżviluppawh minn fuq. Huwa importanti ħafna li l-affarijiet nagħtuhom bażi kemm jista' jkun tajba.
Punt ieħor li ssemma u li huwa wkoll importanti huwa dak dwar id-dixxiplina, Madam Speaker. M'hemmx dubju li din in-naħa taqbel li għandu jkun hemm reviżjoni tal-Kodiċi tar-Regoli tad-Dixxiplina. Din hija ħaġa li għamilna riferenza għaliha fil-manifest elettorali tagħna u naħseb li dan huwa suġġett li rridu nagħtu kontribut fih ilkoll kemm aħna. Huwa suġġett li jrid jiġi evolut mid-diskussjonijiet bejn għalliema, ġenituri u anke studenti u rrid nirrimarka li fuq din il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni m'iniex qiegħed nara preżenza ta' xi ħadd li ġej mill-qasam studentesk. Jiena naħseb li dan m'huwiex sinjal pożittiv u ma nkunux qed nagħtu messaġġ tajjeb meta ma ndaħħlux il-preżenza ta' studenti. Rigward il-preżenza tal-ġenituri ma tantx nistax' nikkummenta għaliex in-nies li ġew nominati fuq din il-kummissjoni ma nafhomx kollha.
It-tema tad-dixxiplina naħseb li huwa suġġett li wieħed irid jaffrontah. Il-ġimgħa l-oħra l-Ministru kellem lid-delegati ta' l-MUT dwar dan is-suġġett u qalilhom li ma nistgħux insibu s-soluzzjoni billi mmorru għan-nostalġija ta' l-imgħoddi. M'hemmx dubju li jiena naqbel ma' dan għaliex jien għadni qed inrabbi u naf li d-dixxiplina fuq iż-żgħażagħ u fuq it-tfal żgur li ma tistax issir bil-mudelli, bil-metodi, bl-ispirazzjonijiet u bis-sistemi ta' valuri ta' 20, 30 u 40 sena ilu. Pero' anke mill-esperjenza tat-trobbija, jien insib li hemm elementi ta' formazzjoni ta' dixxiplina li jirrikjedu xi forma ta' regolamentazzjoni tal-ħajja. Jien ngħid li jekk liż-żgħażagħ u lit-tfal m'aħniex se ngħinuhom jiżviluppaw ġo fihom infushom id-dixxiplina li jimmaniġjaw il-ħin għad-dispożizzjoni tagħhom, naħseb li nidħlu fl-inkwiet, kif diġa' forsi dħalna, għax ġieli tinduna li l-istudenti m'għandhomx il-kapaċita' li jimmaniġjaw il-ħin tagħhom biex iqassmuh bejn dak li għandu jkun ħin għad-divertiment, dak li għandu jkun ħin għat-television, dak li għandu jkun ħin għall-istudju u dak li għandu jkun ħin għall-isport. Jiġifieri din hija wkoll kwestjoni ta' eżerċizzju, ta' infużjoni ta' mentalita' u ta' kultura li trid tibda sa miċ-ċokon.
Aħna qegħdin - kif qalilna Dr Joe Mifsud fil-paper li ta lill-MUT - ngħaddu lill-iskejjel funzjonijiet li sa numru ta' snin ilu konna nagħmluhom aħna l-ġenituri, konna nagħmluhom fi ħdan il-familja u l-kommunita' tagħna meta nibagħtu lit-tfal tagħna l-knisja, il-mużew jew f'għaqdiet l-oħra. Illum dan qed jonqos u qegħdin nippretendu li l-iskejjel jgħinu lit-tfal tagħna jiżviluppaw iktar f'dan is-settur. It-tema tad-dixxiplina jien ma narahiex biss bħala mod ta' kif it-tifel iġib ruħu fl-iskola u lanqas għandna nħarsu lejha mill-ottika dejqa ta' kif ġie liebes it-tifel jew t-tifla, kif qata' xagħarhu, kemm hu nadif, kif qiegħed joqgħod fil-klassi, hux qed jirrispondi jew hux qiegħed ikun tifel li l-imġieba tiegħu qiegħda tiddisturba lit-tfal l-oħrajn imma għandna narawha mill-bidunett fis-sens pożittiv tagħha, bħala kultura sabiħa u pożittiva. Jiena naħseb li meta wieħed qiegħed jirrikonsidra l-kurrikulu minimum nazzjonali, parti mis-soluzzjoni tad-dixxiplina fl-iskejjel tagħna trid issib ir-rwol tagħha f'dan il-kurrikulu. Naturalment, imbagħad jifdallek il-kwestjonijiet l-oħrajn, bħalma hija l-indixxiplina li hija marbuta mal-problemi soċjali li wieħed ikollu fi ħdan il-familji u l-indixxiplina ta' karattri ta' tfal li jkollhom diffikulta' kif jikkontrollaw l-imġieba tagħhom u affarijiet oħra ta' dan it-tip. Allura naħseb li dan is-suġġett tad-dixxiplina huwa wkoll suġġett ta' importanza kbira.
Madam Speaker, irrid nagħlaq billi ngħid li f'dan is-settur ta' l-edukazzjoni nixtiequ li nagħtu l-kontribut tagħna u rrid nappella lil kull min għandu l-poter li jieħu d-deċiżjonijiet li l-opportunita' li fuq dan is-suġġett nitkellmu b'ekwanimita', anke jekk b'ideat diversi - naqbel mal-Ministru li d-diversita' fl-ideat, il-kontroversja sana u l-kritika għandhom ikunu mixtieqa u mhux imwarrba, imma altru meta nikkritikaw, altru meta għandna kontroversja u altru meta hemm qafas sħiħ li ma naqblux fuqu - ... Jien naħseb li hawnhekk għandna l-opportunita' li lil pajjiżna nagħtuh din il-perspettiva li għalina lkoll ġo din il-Kamra l-edukazzjoni hija ħaġa għażiża, hija ħaġa li m'għandhiex tkun bank ta' partiġjaniżmu, ta' azzjoni partiġjana, ta' pika u ta' politiċizzazzjoni inutli. Aħna rridu nuru li lkoll flimkien aħna impenjati li nagħtu l-aħjar opportunitajiet lil uliedna, speċjalment lil dawk li jgħixu f'ċirkostanzi li b'xi mod jistgħu jiżvantaġġawhom, sew jekk huma ċirkostanzi ta' faqar materjali, sew jekk huma ċirkostanzi ta' faqar soċjali u wisq iktar jekk huma ċirkostanzi fejn ikun hemm diżabilita' jew bżonnijiet speċjali u aħna lkoll irridu ngħinuhom.
Jekk inhu possibbli, jien xtaqt li wieħeg jagħti ħarsa mill-ġdid lejn il-mod ta' kif qed tiġi magħmulha din l-istruttura, Madam Speaker. GĦalhekk jekk qegħdin ngħidu li rridu li jkun hawn sforz nazzjonali, jiena nemmen li dan l-isforz nazzjonali nistgħu nilleġittimawh aħjar jekk l-affarijiet isiru b'mod differenti minn kif qegħdin nagħmluhom. Grazzi, Madam Speaker.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Maria Camilleri.
ONOR. MARIA CAMILLERI: Madam Speaker, illum kelli l-opportunita' li nisma' kemm lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali jitkellem dwar il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni u kif ukoll lix-shadow minister min-naħa ta' l-Oppożizzjoni, li wkoll ta l-veduti tiegħu dwar din il-kummissjoni. Mingħajr tlaqliq ngħid li kważi bqajt ftit sorpriża meta l-Onor. Louis Galea tkellem dwar kif ġiet maħtura din il-kummissjoni, u qed ngħid dan għaliex niftakar li ftit xhur ilu l-iskejjel kienu ġew ippreżentati b'dokument bl-isem ta' "Tomorrow's Schools". Dan fi żmien l-amministazzjoni Nazzjonalista u l-ministru dak iż-żmien kien il-Perit Michael Falzon. Mingħajr ma nafu kif u minn fejn inqalgħet din il-kummissjoni - li żgur ma kenitx kummissjoni daqstant wiesgħa u mifruxa fil-qasam edukattiv - ippreżentawlna dan id-dokument, "Tomorrow's Schools", meta l-affarijiet kienu diġa' fait accompli. Jiena niftakar li kien qam għagħa sħiħ għaliex ħafna mill-edukaturi dehrilhom li ma kenux rappreżentati, li ħafna mill-affarijiet kienu ġejjin aktar minn fuq għal isfel milli minn isfel għal fuq u li ma staqsewx għall-opinjonijiet tagħna u ta' ħafna nies li kellhom esperjenza ta' snin twal fl-edukazzjoni. Imbagħad ipprovaw ilaqqgħuna settur settur sabiex niddiskutuh u nagħtu l-veduti tagħna. Jien għalhekk illejla nerġa' ntenni kif bqajt sorpriża meta l-Onor. Louis Galea fid-diskors tiegħu donnu ried iċajpar il-funzjoni ta' din il-kummissjoni u ried jgħid li kieku din il-kummissjoni għaddiet minn hawnhekk allura hija kien ikollha l-barka ta' kulħadd u tassew kienet tista' tissejjaħ kummissjoni nazzjonali. Jien nistaqsi kif dakinhar ma ntqalx l-istess diskors. Mhux kummissjoni kellna wkoll u mhux ukoll kienet qiegħda tiddiskuti l-iktar ħaġa importanti fil-pajjiż, jiġifieri l-qasam edukattiv?
Bħal kull wieħed u waħda mill-membri li hawn hawnhekk, jien nemmen li l-edukazzjoni trid tkun ferm 'il fuq mill-politika u nemmen li min jaħdem fil-qasam edukattiv jaf aktar minn ħaddieħor kemm kull edukatur irid ikun 'il fuq u 'l bogħod mill-politika. Il-missjoni ta' kull edukatur hija l-ġid ta' kull tifel u tifla fis-soċjeta'. Jien ngħid li fiż-żmien li qegħdin fih, mingħajr għaġġla - imma mbagħad ma rridux indumu ħafna u lanqas inkarkru saqajna ħafna - bilfors li trid issir xi ħaġa fl-edukazzjoni. Hawnhekk m'iniex qed nitkellem minn dak li smajt jew li qrajt imma aktar mill-esperjenza tiegħi personali ta' 21 sena fil-qasam edukattiv. Jiena naf x'rajt ma' wiċċi u naf ma' xiex kellna nitħabatu jiena u sħabi li qegħdin jaħdmu bil-qalb kollha sabiex itejbu l-qagħda ta' l-edukazzjoni f'Malta. Hawnhekk nixtieq nieħu l-opportunita' sabiex insemmi persuna li hija kollega tiegħi.
Qed nirriferi għal Miss Pace, edukatriċi li l-ġimgħa l-oħra ħadet il-premju "Ħaddiem tas-Sena", u li minkejja l-ambjent li trid taħdem fih u minkejja li kellha kurrent kbir - u naf x'jien ngħid għaliex naf fejn kienet qed taħdem u naf fejn qed taħdem - irnexxielha toħloq skola b'viżjoni. Miss Pace, biex ngħid hekk, hija s-simbolu ta' l-edukaturi kollha jaħdmu fejn jaħdmu, sew jekk huma fl-iskejjel ta' l-Istat, sew jekk huma fl-iskejjel tal-Knisja, sew jekk huma fl-iskejjel privati u sew jekk huma fl-iskejjel ta' xi fondazzjoni. Min irid jaħdem u min irid jasal jagħmel ħiltu u jieħu l-inizjattiva biex jasal. Issa ħalli nitkellem ftit dwar l-għanijiet li għalihom twaqqfet din il-kummissjoni.
Jiena m'iniex se noqgħod nidħol fuq il-mertu tal-persuni li ntagħżlu fuq din il-kummissjoni; dawn huma nies li ġejjin mill-oqsma kollha ta' l-edukazzjoni u huma nies li t-twemmin tagħhom huwa differenti pero' dan ma jfisser xejn għaliex għalina l-aktar ħaġa importanti hija li huma nies integri u li jħobbu l-edukazzjoni. Dawn għandhom l-biċċa xogħol iebsa li fejn l-edukazzjoni f'Malta hija tajba jkomplu jtejbuha u fejn hemm il-ħażin jirranġawh, u hemm ħafna u ħafna affarijiet x'jirranġaw. Jiena nara li s-sitwazzjoni li għandna bħalissa fl-edukazzjoni hija maqsuma f'erba' setturi differenti li diġa' rriferejt għalihom; l-iskejjel ta' l-Istat, l-iskejjel privati, l-iskejjel tal-knisja u dawk li huma mmexxijin minn xi fondazzjoni. Allura x'inhu l-iskop ta' din il-kummissjoni? Ħalli nerġa' ndur għall-esperjenza tiegħi u ngħid li l-agħar ħaġa li tista' tiġri hija meta jkollok lil xi ħadd iqabbillek edukazzjoni li tingħata f'settur ma' edukazzjoni li tingħata f'settur ieħor.
Minkejja li l-edukaturi kollha li hemm jaħdmu fl-iskejjel ta' l-Istat jagħmlu minn kollox biex kemm jista' jkun jgħollu l-livell ta' l-edukazzjoni 'l fuq, dejjem jaqilgħuha fuq rashom għax diżgrazzjatament donnu hawn stigma li meta nsemmu l-iskejjel ta' l-istat qisna qegħdin insemmu l-iktar skejjel li qegħdin 'l isfel fil-kategorija ta' l-edukazzjoni Maltija. Din hija xi ħaġa li żgur m'għandhiex tkun. L-Onor. Louis Galea semma l-prize days ta' l-iskejjel privati u ta' l-iskejjel tal-knisja. Jien m'għandi xejn kontrihom u nista' ngħid li għandi neputijiet imorru hemmhekk, pero' forsi 'l quddiem l-Onor. Galea jkollu opportunita' li jdur aktar prize days u jara l-isforz kbir li jsir f'dawn l-iskejjel mill-kapijiet, mill-assistenti kapijiet, mill-għalliema u mill-istaff kollu biex jipproġettaw kemm jista' jkun tajjeb lill-iskola tagħhom. Jien ngħid li kull edukatur li jixtieq li jara lill-edukazzjoni timxi 'l quddiem ikollu viżjoni fil-limitazzjonijiet tiegħu biex l-iskola li jkun qed iservi fiha tkun l-aqwa skola mhux biss tal-lokal - għaliex f'ħafna postijiet hemm aktar minn skola waħda - imma wkoll fuq livell nazzjonali. Jekk noqogħdu nqabblu skola ma' oħra u settur ma' ieħor ma nagħmlux ġid, lanqas għall-edukaturi. Dan bħal meta jkollok tfal li jkunu intelliġenti u oħrajn li jkunu anqas intelliġenti u lil ta' l-ewwel ngħolluhom 'il fuq filwaqt li lil dawk ta' l-aħħar noqogħdu nqabbluhom ma' l-oħrajn. Jien nista' ngħid li anke l-lokal lil tkun tinstab fih l-iskola tagħmel differenza. Jekk tassew irridu li jkun hemm sforz wieħed irridu naqbdu id xulxin għax b'hekk l-isforz ikun ġej minn kull naħa.
MADAM SPEAKER: Onor. Camilleri ippermettili ninterrompik għaliex sar il-ħin għall-Aġġornament. Tibqa' in possession?
ONOR. MARIA CAMILLERI: Iva, nibqa' in possession.
MADAM SPEAKER: Nitlob lill-Ministru Bartolo sabiex jekk jogħġbu jressaq l- Aġġornament tal-Kamra.
Fid-9.00 p.m. id-diskussjoni ġiet interrotta u baqgħet aġġornata.

Yüklə 469,56 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin