Malta debates tal-kamra tad-deputati



Yüklə 386,33 Kb.
səhifə5/7
tarix12.01.2019
ölçüsü386,33 Kb.
#94934
1   2   3   4   5   6   7

MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni.
ONOR. EDDIE FENECH ADAMI: Madam Speaker, it-Taljani jgħidu li la lingua batte dove il dente duole, jiġifieri jekk ikollok darsa tuġgħek ilsienek fuqha se jmur. Il-Prim Ministru jweġġa' meta tgħidlu inkompetenti pero' naħseb li r-riżultati juru l-inkompetenza tiegħu. Il-Prim Ministru semmieli l-inkompetenzi tiegħi u semma l-Queiroz, Posta Ltd, l-Isptar San Raffaele u t-television li għamlu huma, u li se nagħmlu aħna. Dawn huma l-affarijiet li bihom rebaħ l-elezzjoni u li ma jistax jinqata' minnhom. Jien ngħid li kelli difetti pero' mexxejt dan il-pajjiż għal disa' snin u nofs u l-kompetenza urejtha meta sibt affarijiet bħall-Metalfond - li kien imexxi hu u tellifna miljuni ta' liri - u meta sibt sistema bħall-bulk buying.
Il-Prim Ministru tal-lum kien jgħid li l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ ma tgħoddx għal Malta imma mbagħad kellu jinżel għarkobbtejh u jgħidilna: Skużawni, ħadt żball, issa naf li l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ ġabet il-ġid u l-impjiegi! Dan jiftakru l-Onor. Alfred Sant? Inkompetenti kien min ipprova jmexxi xi negozju bħall-Metalfond u fallieh. Veru li kien kompetenti biex rebaħ l-elezzjoni imma din rebaħha mhux għax kellu viżjoni għal dan il-pajjiż. (Interruzzjonijiet) Jiena writt pajjiż fejn kellna qgħad ta' 10% u ħallejtlek pajjiż fejn il-qgħad kien ta' 3.2%. Jiena writt pajjiż li ma kellu ebda infrastruttura u ħallejtlek infrastruttura bħall-airport, il-power station u r-reverse osmosis plants. Jiena writt pajjiż fejn lanqas kont taf x'inhi triq. Aħna ftit ilħaqna bnejna imma konna bdejna nibnu toroq verament moderni. Aħna writna t-telefon bl-iStrowger - għaliex bħala President tal-Partit Laburista l-Onor. Sant f'dik is-sistema kien jemmen - u konna għidna li l-pajjiż ma jistax jimxi 'l quddiem b'dik is-sistema. Aħna tajna lill-pajjiż sistema ta' telekomunikazzjoni moderna u l-ġimgħa d-dieħla jien mistieden biex nieħu pjaċir mal-membri kollha ta' l-ITU u nuruhom li Malta hija eżempju ta' kif timxi fit-telekomunikazzjoni. Dażgur li ma kontx inkompetenti, Onor. Alfred Sant! Inkompetenti inti li fis-17-il xahar li ilek prim ministru fallejtu dan il-pajjiż. U fallejtu mhux b'kumbinazzjoni imma fallejtu għaliex neħħejt sistema ta' taxxa u ma ssostitwejthiex b'mod li ddaħħal l-istess flus.
Meta daħħalna l-VAT - għidtha fil-pubblika u nerġa' nirripetiha - jien kont għidt kif se nissostitwixxu l-Lm50 miljun dazju li aħna neħħejna mill-1 ta' Jannar ta' l-1995. Dawk żgur intilfu f'dik is-sena, għaliex kellna d-dazji m'għola s-smewwiet u niżżilnih għal 15% u daħħalna s-sistema tal-VAT bi 15% u 10% u fl-1995 daħħalna iktar milli stennejna. Issa dan għamilha tal-bravu - għaliex biex iġib il-voti wiegħed li se jneħħi l-VAT u neħħiha - u issa għandu falliment. Din is-sena l-Onor. Sant se jgħabbina b'Lm135 miljun dejn. Dan hu d-deficit ta' dan il-Gvern. Is-sena l-oħra għabbiena b'Lm125 miljun, u s-sena ta' qabel, li għal parti minnha kien responsabbli hu, għabbiena b'Lm107 miljun. Jien stennejt li jkollna dibattitu sejru għaliex din il-mozzjoni hija serja. Jiena stajt nagħti elf raġuni għaliex għandi sfiduċja fil-Gvern pero' llimitajt ruħi preċiż għal dawk li jien fl-introduzzjoni sejjaħtilhom il-kambjamenti li kien hawn.
Il-kambjament il-kbir hu li filwaqt li l-Malta Labour Party u l-Onor. Alfred Sant dejjem tkellmu fuq żona industrijali ħielsa - hekk kiteb fil-programm elettorali u hekk qal f'dan il-Parlament sa Ottubru li għadda - issa qed nindunaw li dan m'hu veru xejn u qed jidħak bin-nies. Il-proposta hija ta' free trade zone. Illum il-Prim Ministru skopra li teżisti għaqda doganali u teżisti l-European Economic Area. Mur obsor! Tant teżisti l-għaqda doganali li meta f'Ottubru mortu tiddiskutu u staqsewkom fuq il-customs union, ir-risposta tagħkom kienet li:
"One had to remember two things, that the objective of our association remained a customs union."
Żgur hekk qalulkom, u hekk qed taċċettaw intom li tmorru lura għall-association agreement ta' 28 sena ilu u tmorru għal customs union. Jiġifieri jien ngħidlkom biex ma tkomplux tidħku bin-nies! Din hi l-verita', dawn huma l-fatti, u dawn huma miktubin u qegħdin hemm. Issa jgħidilna li mhux se jmur għal customs union pero' forsi jmur għal customs union imbagħad imur għall- European economic area. Din bis-serjeta' li se jipprovaw jidħlu fil-EEA? Dan ma jagħmilx sens. Dawn huma affarijiet li ma jitwemmnux.
X'inhi s-sustanza tal-mozzjoni li għamilt jien u li l-Onor. Vella ma qalx kelma waħda fuqha? Is-sustanza tal-mozzjoni hi li jidher li l-proposta tal-Gvern hi li jibni fuq l-association agreement li jwassal għal customs union. Il-proċess kollu se jkun mibni fuq żona ta' kummerċ ħieles. Il-kummissjoni, meta rat x'inhi d-domanda tal-Gvern, fejn qal li jrid żona ta' kummerċ ħieles fid-dawl ta' l-acquis communautaire ta' l-Unjoni Ewropea, irrispondietu li dan kienet lesta li tagħtihulu. Dażgur li tagħtihulu! Għal dak li għandu x'jaqsam mal-kummerċ u ħafna affarijiet oħra dan qed jieħu l-pizijiet kollha ta' sħubija mingħajr ebda vantaġġ. Dan il-Gvern huwa vera inkompetenti. Dan il-Gvern qiegħed f'sitwazzjoni fejn lanqas jaf x'se jagħmel. Dan il-Gvern tela' bl-għajta li ma jkomplix fit-triq ta' l-Unjoni Ewropea u issa ma jafx x'se jagħmel. Din hi l-verita' li toħroġ. Jien stennejt li kif għamilt jien - u kkwotajt id-dokument tal-Kummissjoni ta' l-Unjoni Ewropea - iqum xi ħadd min-naħa tal-Gvern u jibda jgħidli li m'għandix raġun għaliex dik mhux hekk tfisser, jew dik mhux se naċċettawha. Xejn minn dan kollu!
Il-Prim Ministru qal li jekk immorru għal customs union u għall-EEA din tfisser ukoll riforma fis-sistema ta' tassazzjoni. Jien ngħidu: Aqra paragrafu 20 u ara x'qiegħed jgħidlek. Dan jgħid hekk:
"In the field of the internal market and financial services, the following areas have to be covered: direct and indirect taxation, public procurement, financial services, fight against money laundering, data protection ....".
Hawnhekk qed jgħabbuk b'kollox, u x'vantaġġ se tieħu? Imma possibbli li dan hu gvern daqshekk inkompetenti? Issa jien ngħid inkompetenti biex inkun ħanin għaliex il-verita' hi li dan hu tradiment, ingann politiku u diżonesta' politika. Ma jistax ikun li l-Onor.Alfred Sant ma jafx. Semma fl-ajru u qal li veru jkun hemm xi vantaġġi u jien niżżilt il-kliem li qal. Qal li jekk nidħlu bħala membri jkollna "obbligi u vantaġġi". Dażgur! L-obbligi prinċipali tas-sħubija, dawk li l-aktar se jgħaffġuna, qed jaqbel li jeħodhom u mill-vantaġġi ma hu se jieħu xejn. Jien se jkolli nerġa' ngħid x'inhuma l-vantaġġi.
Madam Speaker, jien hawnhekk għandi dokument f'idejja - u diġa' semmejtu darb'oħra jekk m'iniex sejjer żball f'dan il-Parlament - fuq il-flus li ttieħdu bi dritt fl-1994 mill-membri attwali ta' l-Unjoni Ewropea minn dak li jissejjaħ Objective 1 ta' l-istructural funds għar-reġjuni. Hemm tliet pajjiżi li jikkwalifikaw u li għandhom dritt għal din l-għajnuna, cioe' il-Greċja, l-Irlanda u l-Portugal. Per capita fl-1994 il-Greċja ħadu ECU 225 f'sena, l-Irlanda ħadu ECU 262 u l-Portugal ħadu ECU 235. Dan tafu xi jfisser? Ifisser li kieku aħna qegħdin hemm konna nikkwalifikaw - għaliex tikkwalifika jekk inti m'għandekx 75% ta' l-average tal-GDP per capita, u aħna mhux talli m'għandniex 75% imma għadna lanqas ilħaqna 40% - għal aktar minn Lm30 miljun, u dan mill-istructural funds biss. U mhux dawn it-tliet pajjiżi biss li semmejt ibbenefikaw minn dawn il-fondi. Il-Ġermanja, li hija sinjuruna, għandha parti sewwa minnha li għada mhijiex żviluppata biżżejjed - dik li kienet East Germany, inkluża Berlin - u dawn fl-1994 per capita ħadu ECU145. L-Italja għandha 36% tat-territorju nazzjonali kkonsidrat bħala reġjuni li għad m'għandhomx il-livell ta' l-Unjoni Ewropea u jgħinuhom b'ECU117 ras għal ras, u dan f'sena waħda.
Madam Speaker, aħna qed nagħmlu mozzjoni serja fl-interess tal-pajjiż, u x'qed ngħidu? Lill-Gvern m'aħniex qed ngħidulu biex jabbanduna l-idea li jkollna żona ta' kummerċ ħieles. Dik naqblu magħha, għaliex kienet fl-association agreement ta' 28 sena ilu. Jien, l-Onor. Perit Mintoff u Dr. Karmenu Mifsud Bonnici meta konna prim ministri għidna li ma jaqblilniex naslu għal żona ta' kummerċ ħieles jekk ma jkollniex l-assigurazzjoni li jkollna l-għajnuna neċessarja biex il-kummerċ tagħna jkun jista' jikkompeti. Dik hi l-pożizzjoni. Jien naqbel li jkollna żona ta' kummerċ ħieles. Li qed jagħmel ħażin dan il-Gvern hu li qed jieħu ż-żona ta' kummerċ ħieles fuq dahru u mhux jieħu l-vantaġġi li kien jieħu kieku baqa' miexi fit-triq ta' sħubija.
Jien għalija dan l-argument tant hu sempliċi li nasal biex ngħid, kif qal l-Onor. Mintoff, li għandna nneħħu l-piki. Din hi politika ta' pika. Ma nafx għal min kien qed jirriferi l-Onor. Mintoff imma jien qed nirriferi għall-Prim Ministru. Din hi politika ta' pika għaliex ladarba l-Prim Ministru ddeċieda li jaqbel għal Malta li jkollna żona ta' kummerċ ħieles ma' l-Unjoni Ewropea, ma jistax jaħrab mill-fatt li l-pożizzjoni ta' Malta tkun aħjar li jekk ma' din iż-żona ta' kummerċ ħieles ikollna l-vantaġġi. L-Onor. Sant tkellem fuq il-vantaġġi li jkollna jekk jibqa' miexi fit-triq li ha? Le, ma qalx kelma waħda, semmielna biss l-iżvantaġġi. U jien nidħak. Iva proprju llum qed isemmielna l-iżvantaġġ li se jiġu l-barranin jixtru l-proprjeta' f'Malta, meta l-bieraħ waqqaf kumitat biex il-barranin jiġu u jixtru l-proprjeta' hawn Malta! Ma jafx il-Prim Ministru li din mhijiex problema tagħna biss! Onor. Alfred Sant, taf li lill-Fillandja tawhom permanent derogation biex ikollhom eċċezzjoni fuq il-bejgħ tal-proprjeta' tagħhom? Taf jew ma tafx li l-Awstrija wkoll għandhom permanent derogation?
Il-Prim Ministru qagħad ibeżżagħna bil-babaw - din il-ħaġa ma nistax għaliha jien għaliex aħna għandna nitkellmu bis-serjeta' - li t-Torok se jmorru l-Ġermanija u jekk Malta tidħol fl-Unjoni Ewropea, it-Torok jiġu hawn. Hawnhekk lanqas spazju m'hawn u lanqas jekk inrossuhom bħas-sardin ma joqogħdu! Mhux tad-daħk li l-Prim Ministru jbeżżagħna li jekk tidħol it-Turkija dawn se jmorru kollha l-Ġermanija u allura ara f'Malta x'jiġrilna! Il-Prim Ministru rebaħ l-elezzjoni billi beżża' bil-babaw. Imma issa l-babaw ġej ma' wiċċu għaliex il-babaw hu r-realta' tagħna li dan il-Gvern fi 17-il xahar staġna l-ekonomija. Din staġnaha għal ħafna raġunijiet, fosthom għaliex Malta bidlet it-triq lejn l-Ewropa. Dawn l-affarijiet il-fatti qed juruhomlna.
Madam Speaker, jien dan l-aħħar tkellimt f'xi konferenza u għidt x'ġara fl-Irlanda. Li ġara fl-Irlanda kien li din kienet qed tattira 60% ta' l-investiment Amerikan kollu fl-Unjoni Ewropea. Għaliex? Għaliex l-Irlanda hija parti mill-Unjoni Ewropea. L-Irlanda qed tirċievi għajnuna finanzjarja qawwija mill-Unjoni Ewropea u għamlet dan is-suċċess f'investiment. Semmejt biss l-investiment mill-Amerka. Imma mhux biss l-Amerka, għaliex hemm 23 kumpannija Ġappuniża li marru jipproduċu fl-Irlanda. F'Malta kulħadd jaf, anke dan il-Gvern jaf, li meta tmur titkellem magħhom l-investituri jgħidulek li Malta tinteressahom, imma taf meta? Meta Malta tkun fl-Unjoni Ewropea. Biddilna d-direzzjoni u l-ekonomija staġnat.

Fejn ġej l-investiment? Biddilna d-direzzjoni u l-ekonomija staġnat. Dan huwa fatt. Min qiegħed ibati? Qegħdin ibatu dawk l-eluf li qegħdin jirreġistraw għax-xogħol u qegħdin ibatu dawk li se jkollhom iħallsu t-tariffi għax il-Gvern irid jara kif se jdaħħal il-flus. Din hi l-politika serja? Din il-kompetenza ta' dan il-Gvern ġdid f'pajjiżna? Dan lilna jiġi jgħajjar inkompetenti meta aħna lill-pajjiż mexxejnieh b'mod meraviljuż?


Imbagħad l-Onor. Alfred Sant qal li l-Oppożizzjoni biss ma taqbilx mal-free trade zone. Dan mhux veru. Aħna naqblu mal-free trade zone imma naqblu magħha bħala parti minn proċess biex insiru membri sħaħ. Qalilna wkoll li anke l-FOI jaqblu. Issa l-Onor Sant ma jafx li qiegħed jidħak bih innifsu? Issa wasal fl-istat li sar jemmen lilu nnifsu għax il-Kamra tal-Kummerċ u l-FOI jgħidulu kuljum u kull darba li jiftħu ħalqhom li huma jridu s-sħubija fl-Unjoni Ewropea. Xi tridhom jagħmlu jekk il-Gvern Malti miexi mod ieħor? Jgħidulu li ma jridux u li se jagħlqu l-ħwienet, in-negozji jew il-fabbriki? Dawn jgħidulu li se jikkoperaw għax ma jistgħux jagħmlu mod ieħor pero' fl-istess ħin jgħidulu kuljum, kif ċertament naħseb li qalulu dalgħodu wkoll fil-konferenza li kellu magħhom - jien kont beħsiebni mmur imma ma stajtx immur - li huma jridu sħubija. Imbagħad jiġu hawn u jgħidulna li l-Oppożizzjoni biss ma tridx tikkopera! (Interruzzjonijiet)
Skużi, xogħol l-FOI u xogħol il-Kamra tal-Kummerċ hu li jikkoperaw mal-Gvern fl-interess tal-membri tagħhom u tal-pajjiż, u xogħol l-Oppożizzjoni hi li tiġi hawn u tagħmel ħilitha biex lill-Gvern iġġiegħlu jagħmel l-affarijiet kif suppost, jagħmel l-affarijiet fl-interessi nazzjonali. Dan huwa xogħolna imma jien ma ngħidx li l-Onor. Sant ma jafx x'inhi s-sitwazzjoni. Dażgur li jaf! Imma minħabba l-pika m'għandux il-kuraġġ u jibqa' jgħidilna l-istess affarijiet. M'huwiex jeskludi li xi darba Malta ssir membru ta' l-Unjoni Ewropea. Dan ma jistax jeskludih. Imma min qiegħed ibati sakemm niddeċiedu? Aħna kieku dħalna l-bieraħ kieku diġa' bdejna ngawdu. Aħna pprovajna imma ma rnexxielniex u fost ir-raġunijiet għaliex ma rnexxielniex kienet bla dubju ta' xejn il-pożizzjoni tal-Malta Labour Party. Lili kullimkien kienu jistaqsuni dwar l-Oppożizzjoni Laburista x'tgħid u jien kont nirrispondi li l-Oppożizzjoni Laburista tgħid kontra, pero' jekk nidħlu jiġrilhom kif ġralu Papandreou fil-Greċja, kif għamlu l-Laburisti fl-Ingilterra malli telgħu fil-gvern u jsiru pampaluni l-kbar. Hekk kien jiġri imma għall-pika ma tawniex l-appoġġ.
Tkellmu wkoll dwar consensus. Jiena bħala prim ministru ridt il-consensus, imma consensus ma min? Ma min, kif qal l-Onor. de Marco, kien jgħid li m'għandniex nidħlu fl-Ewropa minħabba l-Aids? Kien hemm xi darba li l-Oppożizzjoni Laburista ġiet biex infittxu consensus? Biex għaddejna l-liġi tal-VAT dawn qalgħulna fwiedna, biex għamilna l-power station l-istess. Fejn huwa l-consensus? Veru għandna politika ta' gvern antikwat u mmoffat għax assolutament għadhom ma jistgħux jirrealizzaw dan il-pajjiż x'inhu kapaċi jagħmel jekk ikun hemm politika tajba.
Qed insemmu l-argumenti ekonomiċi pero' sħubija fl-Unjoni Ewropea ma tfissirx dan biss. Jien nieħu pjaċir nikkwota minn dokument tal-11 ta' Marzu, 1998 maħruġ mill-Premiers and Party Leaders of the Party of European Socialists. Dawn, fost affarijiet oħra jgħidu hekk:
"The process of widening the Union is closely linked with the future of major EU policies. The Party of European Socialist Parties and Governments want more than a European free trade zone .."
Dawn ma jridux a European free trade zone u lanqas jien ma rridha. Il-free trade zone irridha bħala parti min xi ħaġa oħra, imma dawn qed jgħidulu li they want more than a European free trade zone. Dawn jgħidu wkoll:
"A European Union is needed which is able and willing to act on behalf of its citizens ... They stress their determination to link the enlargement process to the promotion of employment and growth, economic and social cohesion, environmental protection and peace and security across Europe."
Hekk tfisser is-sħubija, u aħna rridu li jkollna vuċi politika biex ikun hawn dejjem peace and security across Europe. Mhux biss imma rridu wkoll li din l-Ewropa tfisser social cohesion. U għalhekk l-Unjoni Ewropea għandha l-cohesion fund. Għalhekk tipprovdi l-istructural funds, biex il-livelli tal-popli fl-Unjoni Ewropea li għadhom inqas żviluppati mill-oħrajn, jiżviluppaw ukoll. Aħna rriduhom dawn l-affarijiet u persważi li Malta jaqblilha.
Persważi li aħna nakkwistaw aktar clout politiku, kif spjega tajjeb l-Onor. Guido de Marco, jekk inkunu fl-Ewropa anke bħala pajjiż Mediterranju. Il-partiti soċjalisti li għandhom vera viżjoni hekk jirraġunaw u mhux jagħmlu l-politika tal-pika. U din hija politika ta' pika għax illum nafu li fuq in-naħa tal-Gvern hemm ħafna li jaħsbuha bħalna. L-Onor de Marco ċċita kelma b'kelma x'kiteb l-ex-Ministru Lino Spiteri. Jista' jkun iktar espliċitu u ċar minn kif kiteb hu? Jien kieku nistaqsi u nibda ngħid min jaqbel u min ma jaqbilx. U ppermettuli nirriferi wkoll għal dak li qal l-Onor. Mintoff, li għamel analisi ta' l-istorja, pero' l-qofol tad-diskors tiegħu kien marbut mal-fatt li hemm bżonn li f'dan il-pajjiż ikollna xi ħaġa vera komuni.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Dom. Mintoff.
ONOR. DOM. MINTOFF: Madam Speaker, jien għamiltha ċara li waħda mill-kondizzjonijiet il-kbar trid tkun li l-Ewropa taċċetta li aħna nibqgħu newtrali u nibgħu indipendenti.
ONOR. EDDIE FENECH ADAMI: Dik kont ġej għaliha. Illum mhux aktar teoriji imma llum hemm il-fatti. U l-fatti huma li l-Ewropa aċċettat fi ħdanha, bħala parti minnha lill-Fillandja, l-Isvezja u l-Awstrija. Dawn huma kollha pajjiżi li għandhom politika ta' newtralita'. Mhijiex politika bħal tagħna preċiż imma żgur li hija politika ta' newtralita'. Fil-każ ta' l-Awstrija, dawn speċifikament iddikjaraw li jidħlu bil-kondizzjoni li jżommu l-politika tagħhom ta' newtralita'. Pero' niġi għal dan il-punt u nagħlaq. X'inhu t-tentattiv li qegħdin nagħmlu jien u sħabi fl-Oppożizzjoni? Hawn fuq xiex nibnu u nilħqu consensus?
Il-Prim Ministru stess qiegħed jgħid li jrid żona ta' kummerċ ħieles. Qal li jista' mbagħad jgħaddi - għalkemm ma qalx li se jagħmel hekk - għal customs union - u fid-dokumenti jirriżulta li se jkun marbut li jagħmel hekk - u qal li forsi jidħol fl-EEA - ma nafx kemm jirrealizza xi tfisser l-EEA pero' nassumi li jirrealizza - imbagħad Malta tista' ssir membru sħiħ. Mela qegħdin fl-istess triq. (Interruzzjonijiet) Madam Speaker, jien dan l-aħħar mort f'konferenza u kien hemm intervent ta' xi ħadd li qal: Isma', fuqhiex qegħdin tiġġieldu? Il-Gvern irid zona ta' kummerċ ħieles u l-Oppożizzjoni m'hijiex kontra zona ta' kummerċ ħieles pero' trid li tkun parti mit-triq lejn l-Ewropa. Allura x'inhuwa jżommna li ngħidu li nistgħu naslu? Jien dan l-appell li qed nagħmel, u kont qed niċċita x'qal l-Onor. Mintoff. Jien dispost li flok f'dan il-Parlament noqogħdu nagħmlu l-voti ta' sfiduċja - u din għidtha wkoll fil-bidu - għandna nipprovaw insibu t-triq it-tajba.
M'hemmx dubju li l-opinjoni pubblika Maltija, il-korpi kostitwiti li jifhmu u kulħadd, kulħadd kelma waħda li dan il-Gvern qiegħed jiżbalja. Dan il-Gvern daħħalna għat-tbatija mingħajr il-benefiċċji ta' sħubija. Din hija r-realta'. Jien naqbel mal-proposta li għamel l-Onor. Mintoff li jekk din il-Kamra taqbel ma neħdux il-vot llejla u nkomplu nitkellmu biex insibu t-triq li veru nistgħu nibnu fuqha. Jien lill-Gvern m'inix qiegħed ngħidlu biex ma jmurx għal zona ta' kummerċ ħieles. Qed ngħidlu li qiegħed jiżbalja jitgħabba b'piżijiet ta' zona ta' kummerċ ħieles filwaqt li qiegħed jaqta' lilu nnifsu mill-benefiċċji ta' sħubija. Nistgħu fl-interess nazzjonali ta' pajjiżna nsibu soluzzjoni? Jien disponibbli, u dejjem għidt li jien disponibbli, anzi mhux hekk biss għidt. Jien għidt ukoll li nitfa' my full weight favur il-politika tal-Gvern jekk tkun politika vera fl-interess nazzjonali. (Interruzzjonijiet)
Imma, Madam Speaker, id-diskorsi tal-lejla, b'mod partikolari d-diskors ta' l-Onor. George Vella - li qiegħed jinterrompi - kien diskors li assolutament ma għamel l-ebda sens, ma ta ebda argumenti u jidher li ma kienx kapaċi jittratta b'serjeta' s-suġġett li għandna quddiemna (Interruzzjonijiet) Għall-intervent tal-Prim Ministru l-kumment għamiltu diġa'. Il-Prim Ministru miexi b'diżonesta' politika għax jaf xi jfissru l-affarijiet li qiegħed jgħid. Jaf dan il-pajjiż x'għandu bżonn u hemm bżonn li darba għal dejjem infittxu t-triq li nkunu nafu żgur li tmexxih 'il quddiem. (Applaws).
MADAM SPEAKER: Il-mistoqsija hi l-emenda kif imressqa mill-Onor. George Vella. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Carried.
ONOR. MEMBRU: Division.
MADAM SPEAKER: Id-division tittieħed minn hawn u 20 minuta oħra.
Fl-10.00 p.m. is-seduta ġiet sospiża u rriżumiet 20 minuta wara.
MADAM SPEAKER: Il-mistoqsija hi l-emenda mressqa mill-Onor. George Vella. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Carried.
ONOR. MEMBRU: Division.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Dom. Mintoff.
ONOR. DOM MINTOFF: Se nivvotaw fuq l-emenda. GĦalija l-emenda tfisser li l-Gvern m'hu se jagħti kas ta' xejn li l-Oppożizzjoni lesta biex tirtira l-mozzjoni tagħha mbasta jkun hemm diskussjoni ħalli naraw nistgħux nagħmlu politika komuni. Jien ngħid li dan huwa żball u allura fuq din l-emenda jien se nastjeni. Jekk l-Oppożizzjoni ġġib issa l-vot tagħha ta' sfiduċja wkoll, jien nivvota kontra l-proposta ta' l-Oppożizzjoni, għax irridu nkunu konsistenti. Ma nistgħux noqogħdu nilagħbu hekk, għalhekk jien illejla, Madam Speaker, se nastjeni fuq l-emenda u nivvota, jekk tiġi l-votazzjoni l-oħra, kontra l-proposta ta' l-Oppożizzjoni.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Censu Galea.
ONOR. CENSU GALEA: Madam Speaker, nitlob li bħalma għamilna f'okkażjonijiet oħra, illum ukoll jissejħu l-ismijiet, b'kull Membru jiddikjara l-vot tiegħu.
MADAM SPEAKER: Hawn qbil li nimxu b'din il-proċedura? (Onor. Membri: Iva) Mela se nimxu b'din il-proċedura. L-iskrivan jekk jogħġbu jaqra l-ismijiet.
VOTAZZJONI NRU 141
FAVUR: 34

L-Onor.


Abela Carmelo

Farrugia Michael

Abela Joseph

Farrugia Noel

Agius Chris

Grech Edwin

Attard Montalto John

Gulia Gavin

Bartolo Evarist

Herrera Jose'

Borg Karmenu

Mangion Charles

Brincat Leo

Mizzi Joe

Buhagiar Charles

Pace Bertu

Buhagiar Louis

Portelli Alfred

Camilleri Maria

Refalo Anton

Cardona Chris

Sant Alfred

Chircop Karl

Sceberras Trigona Alex

Cilia Joe

Schembri Adami Sandro

Dalli Helena

Spiteri Lino

Debono Grech Joe

Vassallo Adrian

Farrugia Anglu

Vella George

Farrugia Joe

Vella Karmenu



KONTRA : 34

L-Onor.


Abela Tony

Galea Pace Victor

Agius Francis

Gatt Austin

Bonnici Josef

Gonzi Lawrence

Bonnici Michael

Hyzler George

Borg Joe

Mifsud Bonnici Antoine

Borg Tonio

Mugliett Jesmond

Cassar Joe

Muscat Claude

Dalli John

Muscat Richard

D'Amato Helen

Psaila Savona Joe

De Marco Guido

Pullicino George

Debono Giovanna

Pullicino Orlando Jeffrey

Deguara Louis

Refalo Michael

Farrugia Jean Pierre

Tabone Anton

Fenech Adami Eddie

Vassallo Edwin

Frendo Michael

Vella John

Galea Censu

Zammit Ninu

Galea Louis

Zammit Dimech Francis


ASTENSJONI WAĦDA
L-Onor.

Mintoff Dom


MADAM SPEAKER: Ir-riżultat tal-votazzjoni huwa 34 Iva u 34 Le. Peress li l-voti ġew indaqs sta għas-Sedja li teżerċita l-vot deċiżiv u in konformita' mal-prinċipji kif elenkati fl-Erskine May, paġna 351 ta' l-edizzjoni 21, is-Sedja qed tivvota favur il-mozzjoni fil-forma oriġinali tagħha u kontra l-emenda.
L-emenda ma għaddietx.
MADAM SPEAKER: Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni.
ONOR. EDDIE FENECH ADAMI: Madam Speaker, peress li issa l-Kamra se tivvota fuq ir-riżoluzzjoni proposta minni, nixtieq ninforma lill-Kamra li jien nerġa' ngħid li lest li naċċetta li ma jitteħidx il-vot u jitwaqqaf kumitat tal-Kamra u b'xi mod ikollna ġimgħa żmien fejn inkunu nistgħu nitkellmu biex insibu soluzzjoni fl-interess nazzjonali. Jekk naturalment il-Kamra ma taqbilx ngħaddu għall-votazzjoni.
MADAM SPEAKER: Il-Prim Ministru.
ONOR ALFRED SANT: Madam Speaker, in-naħa tal-Gvern titlob li ssir il-votazzjoni.
MADAM SPEAKER: Il-mistoqsija hi l-mozzjoni kif imressqa mill-Kap ta' l-Oppożizzjoni. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Negatived.

ONOR. MEMBRU: Division.
VOTAZZJONI NRU 142

FAVUR : 34
L-Onor.


Abela Tony

Galea Pace Victor

Agius Francis

Gatt Austin

Bonnici Josef

Gonzi Lawrence

Bonnici Michael

Hyzler George

Borg Joe

Mifsud Bonnici Antoine

Borg Tonio

Mugliett Jesmond

Cassar Joe

Muscat Claude

Dalli John

Muscat Richard

D'Amato Helen

Psaila Savona Joe

De Marco Guido

Pullicino George

Debono Giovanna

Pullicino Orlando Jeffrey

Deguara Louis

Refalo Michael

Farrugia Jean Pierre

Tabone Anton

Fenech Adami Eddie

Vassallo Edwin

Frendo Michael

Vella John

Galea Censu

Zammit Ninu

Galea Louis

Zammit Dimech Francis


KONTRA : 35
L-Onor.


Abela Carmelo

Farrugia Noel

Abela Joseph

Grech Edwin

Agius Chris

Gulia Gavin

Attard Montalto John

Herrera Jose'

Bartolo Evarist

Mangion Charles

Borg Karmenu

Mintoff Dom

Brincat Leo

Mizzi Joe

Buhagiar Charles

Pace Bertu

Buhagiar Louis

Portelli Alfred

Camilleri Maria

Refalo Anton

Cardona Chris

Sant Alfred

Chircop Karl

Sceberras Trigona Alex

Cilia Joe

Schembri Adami Sandro

Dalli Helena

Spiteri Lino

Debono Grech Joe

Vassallo Adrian

Farrugia Anglu

Vella George

Farrugia Joe

Vella Karmenu

Farrugia Michael






MADAM SPEAKER: Ir-riżultat tal-votazzjoni hu 34 favur u 35 kontra.
Il-mozzjoni m’għaddietx.
MADAM SPEAKER: Nitlob lill-Onor. Joe Mizzi biex, jekk jogħġbu, iressaq l-Aġġornament.


Yüklə 386,33 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin