MADAM SPEAKER: Tindirizzawx lil xulxin u toqogħdux tgħaddu rimarki, jekk jogħġobkom.
ONOR. GEORGE VELLA: Madam Speaker, la semmiha ma nixtieqx naħli ż-żmien nispjegalu kemm in-nies ta' Marsaxlokk iddeċidew lil min jivvotaw skond il-European Union jew le! (Interruzzjonijiet).
MADAM SPEAKER: Jekk jogħġobkom, tinterrompux. Indirizza lis-Sedja, Onorevoli.
ONOR. GEORGE VELLA: Madam Speaker, meta jridu nagħmlu debate fuqhom dawn l-affarijiet. Madam Speaker, il-Kap ta' l-Oppożizzjoni konvenjentement jagħżel li jagħmel dejjem l-enfasi fuq l-aspett kummerċjali tas-sħubija ma' l-Unjoni Ewropea u konvenjentement l-obbligi soċjali u politiċi tas-sħubija ma jsemmihom qatt. Isemmi l-aspetti negattivi meta jkun jaqbillu imma ma jsemmi qatt ir-responsabbiltajiet l-oħra kollha kieku bqajna mexjin bil-konċett ta' sħubija.
Madam Speaker, meta dan jgħid li l-affarijiet tbiddlu ma jgħidx li llum is-sitwazzjoni qegħda agħar milli kienet qabel. Minħabba Agenda 2000, qabel isiru membri l-pajjiżi jridu jerfgħu 80% jew 90% tar-regolamenti kollha ta' l-acquis communautaire. X'jiġifieri dan, Madam Speaker? Jiġifieri inti m'intix qed titkellem biss dwar kummerċ imma għandek ukoll l-aspetti soċjali, għandek il-problemi tar-right of establishment, ta' min irid jiftaħ negozju ġo pajjiżek u għandek il-problemi ta' min irid jiġi joqgħod ġo pajjiżek. Għandek ukoll il-problema tat-tarznari. Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni lanqas staħa jsemmi lit-tarznari. Kemm kien iqarraq bin-nies u jgħidilhom li jekk nidħlu hemmhekk se jkollna t-tarznari. Għax ma jgħidilhomx li dwar it-tarznari hemm limitazzjonijiet kbar? Mela jiġi jwebbilhom li se jkun hemm il-fondi!
Madam Speaker, fl-istess ħin qegħdin ninsew ukoll problemi politiċi. Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni jgħid li m'hemmx problemi jekk nidħlu hemmhekk. Ħalli nsemmi n-newtralita'. (Interruzzjonijiet) Insemmiha, Madam Speaker, għaliex nemmnu li dak huwa punt kardinali tal-politika ta' dan il-Gvern. Kienu jgħidu li jekk nidħlu membri ma jkunx hemm differenza politika. Dawn lill-poplu jgħidulu mod imbagħad id-dokumenti li jkollna f'idejna juru mod ieħor. Ippermettili, Madam Speaker, nikkwota l-parir li kellhom rigward in-newtralita' fil-PACMAN Report:
"The only problem that may arise concerns the statement in section I (3) of the Constitution which states that Malta adheres to a policy of non-alignment.". Issa kulħadd jaf, Madam Speaker, li l-konċett tan-newtralita' tagħna huwa bbażat fuq il-prinċipju tan-non-allinjament.
"We would have difficulties if we were to be requested to renounce to this policy of non-alignment whatever this may mean in today's scenario. In view of this one hopes ..." - ara lejn fejn konna mexjin, Madam Speaker! -
"... that such a request will not be considered necessary and therefore will not be made, thereby averting constitutional problems.". Lin-nies jiġi jgħidilhom li m'hemmx problemi u fid-dokumenti li għandna qegħdin ngħidu li din se toħolqilna problemi kostituzzjonali!
Ir-rapport qalilna wkoll, Madam Speaker -
"Any moves whereby the European Union itself adopts a common defence, possibly incorporating the Western European Union as the defence arm, would probably conflict with the neutrality provisions in the Constitution if full participation in such common defence were to be made mandatory upon Member States." Madam Speaker, mhux billi Kap ta' l-Oppożizzjoni qed jgħid li ma nifhimx. (Interruzzjonijiet) Il-poplu qallek li inti inkompetenti u l-aktar li wrejt inkompetenza kien meta għidt li ż-żewġ partiti kienu ras imb'ras għar-rebħ ta' l-elezzjoni! (Interruzzjonijiet)
MADAM SPEAKER: Jekk jogħġbok, Onor. Borg.
ONOR. GEORGE VELLA: Ħbejthom fil-kexxun, Onor. Borg! Int l-ewwel wieħed li ħbejtom fil-kexxun għand sieħbek! (Interruzzjonijiet) Ħafna affarijiet jintnesew! Madam Speaker, jien nemmen li issa ħriġna miż-żmien ta' l-ossessjoni li nkunu membri. Jien nemmen li dan huwa ż-żmien li nibdew nirraġunaw bil-kalma fuq dan is-suġġett. Id-dinja qed tinbidel u hemm bżonn li nkomplu niddiskutu dan is-suġġett b'moħħ miftuħ u bla preġudizzji ħalli naraw x'inhu l-aħjar interess tal-pajjiż.
Jien, Madam Speaker, qabel nagħlaq irrid nippreżenta emenda għall-mozzjoni tal-Kap ta' l-Oppożizzjoni li tgħid hekk:
"Ħassar il-kliem kollu li jiġi wara “… skond ix-xewqat tal-Gvern.” fl-aħħar tat-tieni paragrafu tal-mozzjoni, u daħħal dan li ġej:
“Din il-Kamra TINNOTA wkoll:
Li l-progress li b’hekk sar fil-ħidma biex titwettaq il-wegħda tal-manifest elettorali Laburista iċ-Ċittadin l-Ewwel ħalli Malta jkollha l-aħjar rabta ma’ l-Unjoni Ewropea billi tinħoloq zona ta’ kummerċ ħieles ma’ l-Unjoni fil-qafas ta’ ftehim li jinkludi koperazzjoni politika, kummerċjali, teknika u soċjali.
Għalhekk din il-Kamra:
TAGĦRAF li din il-ħidma għandha titmexxa, kif qed isir, f’linja waħda mal-ħidma l-oħra meħtieġa biex l-industrija u azjendi oħra ta’ pajjiżna jimmodernizzaw irwieħhom b’mod li jkunu jistgħu jilqgħu għall-kompetizzjoni akbar minn barra billi jtejbu l-operat tagħhom, b’ġid għall-ħaddiema tagħhom, għall-konsumaturi u għall-imprendituri li jmexxuhom.
TEMMEN li fl-iżvilupp tar-relazzjonijiet tajba bejn Malta u l-Unjoni Ewropea qed tiġi mħarsa u mseddqa n-newtralita’ ta’ Malta li timmarka lil pajjiżna bħala wieħed li tassew għandu vokazzjoni Ewro-Mediterranja u b’hekk jagħti kontribut mill-aqwa lill-paċi fiz-zona tagħna.
TINKORAĠĠIXXI li fiż-żmien li ġej, jibqa’ għaddej id-dibattitu wiesa’ nazzjonali dwar is-sehem futur ta’ Malta fl-għaqda ta’ l-Ewropa u tal-Mediterran, għax sakemm diskussjoni bħal din issir b’mod oġġettiv u mingħajr preġudizzji, hi utli biex il-ġens Malti jkun konxju ta’ l-opportunitajiet u l-isfidi li jinsabu quddiem pajjiżu.
TISTENNA li l-Gvern ipoġġi riżorsi finanzjarji biżżejjed fil-ħidma li biha l-ekonomija tagħna tiġi modernizzata, waqt li jinvolvi f’din il-ħidma s-setturi kollha involuti fil-pajjiż, kemm rappreżentanti tas-sidien u kemm rappreżentanti tal-ħaddiema.
TQIS li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed timxi b’mod li ma jirrispettax il-mandat popolari mogħti f’Ottubru 1996 dwar relazzjonijiet bejn Malta u l-Unjoni Ewropea, u għalhekk jistħoqqilha turija sħiħa ta’ kundanna u sfiduċja mill-poplu.
TAWGURA li bit-twettiq tal-politika tal-Gvern Laburista Malti f’dan il-qasam mhux biss inkunu mxejna bil-fatti u mhux bil-kliem fit-triq li biha nimmodernizzaw l-ekonomija tagħha, imma nkunu wkoll poġġejna fuq pedamenti sodi r-rabta ta’ pajjiżna ma’ l-Unjoni b’mod li tassew jgħodd għaċ-ċirkostanzi partikolari tagħna.
Għaldaqstant, din il-Kamra tagħti l-fiduċja sħiħa tagħha lill-Gvern.”.
MADAM SPEAKER: Min jissekonda?
ONOR. ALFRED SANT (Prim Ministru): Nissekonda.
MADAM SPEAKER: Aktar rimarki? L-Onor. Joe Borg.
ONOR. JOE BORG: Madam Speaker, nixtieq niddedika l-intervent tiegħi dwar din il-mozzjoni billi nħares ftit lejn dak li tlifna, dak li qed nitilfu u dak li se nitilfu wara d-deċiżjoni tal-Gvern Laburista li jiffriża l-applikazzjoni għal sħubija fl-Unjoni Ewropea. Xtaqt nanalizza ftit dak li tlifna fil-qasam ta' l-industrija, fil-qasam ta' l-agrikoltura u tas-sajd, fil-qasam soċjali u fil-qasam li għandu x'jaqsam maż-żgħażagħ.
F'dak li għandu x'jaqsam mal-qasam ta' l-industrija, nixtieq ngħid l-ewwelnett li l-industrija Maltija bi sħubija kien ikollha suq ta' 400 miljun ruħ, li hija l-popolazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea, u għaldaqstant il-prodotti ta' l-agro-industrija Maltija kien ikollhom dan is-suq enormi li jistgħu jippenetraw fih mingħajr xkiel ta' xejn u bl-istess rules of oriġin. Ta' min isemmi li dawn l-istess regoli ma jkunux japplikaw għall-industrija Maltija f'żona ta' kummerċ ħieles, iktar u iktar jekk il-Gvern jibqa' jgħid li l-qasam ta' l-agrikoltura beħsiebu jitrattah b'mod differenti. Jekk jagħmel hekk dan ikun ifisser li l-qasam ta' l-agro-industrija - qasam li jkopri l-parti kbira ta' l-industrija Maltija li tappartjeni lill-industrijalist Malti - jibqa' barra.
Sħubija fl-Unjoni Ewropea tfisser ukoll suq ta' miljuni kbar ta' nies li jinsabu f'pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea iżda li għandhom xi ftehim differenti magħha, bħall-European economic area, il-European agreement, l-Euro-Med partnership u preferential agreements. Bħala membru fl-Unjoni Ewropea, Malta kienet tibbenefika awtomatikament minn dawn il-ftehim iżda fil-pożizzjoni tagħna ta' żona ta' kummerċ ħieles m'aħniex se ngawdu minnhom awtomatikament.
Din is-sħubija kienet tfisser ukoll prospetti ta' investiment minn ditti f'pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea, speċjalment dawk li jfittxu pajjiżi fil-Mediterran membri ta' l-istess Unjoni Ewropea fejn jesportaw il-prodotti tagħhom. Dan ifisser li minkejja din iż-żona ta' kummerċ ħieles, ditti bħal dawn jippreferu jmorru f'pajjiżi bħal Cipru, Spanja jew il-Greċja u mhux jiġu hawn Malta. Din is-sħubija kienet tfisser ukoll prospetti ta' investiment minn ditti f'pajjiżi li m'humiex fl-Unjoni Ewropea iżda li jfittxu l-okkażjoni li tkun parti integrali fl-Unjoni Ewropea li toffrilhom ċerti vantaġġi li bnadi oħra ma jkunux joffru. GĦalhekk bħala membru ta' l-Unjoni Ewropea Malta kienet tkun ideali biex tattira dan it-tip ta' investiment.
Sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea kienet tkun ukoll ta' inċentiv kemm għal investiment minn ditti eżistenti Maltin sabiex ikabbru l-produzzjoni tagħhom u kif ukoll għal entrepreneurs ġodda. Fil-fatt, meta konna mexjin f'din il-linja, kien hemm numru ta' ditti Maltin li għamlu investiment sostanzjali biex b'hekk ikunu jistgħu jibbenefikaw min dan is-suq enormi li toffri sħubija fl-Unjoni Ewropea. Din is-sħubija kienet tfisser ukoll għajnuna finanzjarja għall-industrija Maltija. Fil-fatt l-Unjoni Ewropea għadha kemm iddeċidiet li tiddedika s-somma ta' madwar ¥130 biljun għall-perijodu ta' sitt snin bejn is-sena 2000 u s-sena 2006 għall-fondi strutturali. Ovvjament parti minn dawn il-fondi strutturali se jmorru sabiex jibbenefikaw minnhom l-industriji u ż-żoni industrijali fl-istess Unjoni.
Sħubija kienet ukoll tfisser parteċipazzjoni bi dritt fil-programm ta' riċerka u żvilupp ta' l-Unjoni Ewropea, l-hekk imsejjaħ fifth research and technological development framework programme, li fih hemm allokata s-somma ta' ¥6 biljun sabiex l-industriji tagħha jkunu jistgħu jagħmlu programmi ta' riċerka u żvilupp ħalli jkunu f'pożizzjoni li jkollhom prodott iżjed kompetittiv, iżjed modern u innovattiv. Apparti l-fondi strutturali, hemm ukoll l-hekk imsejħa cohesion funds, li jibbenefikaw minnhom b'mod partikolari pajjiżi li l-GDP tagħhom ikun għadu ma laħaqx id-90% tal-medja ta' l-Unjoni Ewropea. Fost dawn il-pajjiżi hemm Spanja, l-Irlanda, il-Portugal u l-Greċja. Fil-fatt ftit ġimgħat ilu Spanja ġiet allokata s-somma ta' ¥400 miljun għal serje ta' proġetti dwar l-ambjent u l-infrastruttura. Dan ifisser li b'dawn il-fondi Spanja ġiet allokata mas-¥700 miljun matul is-sena l-oħra biss u l-Portugal ġie allokat madwar ¥220 miljun.
Fil-qasam ta' l-industrija, sħubija sħiħa kienet tfisser ukoll għajnuna teknika u finanzjarja mmirata għal ditti żgħar biex isibu sħab ħalli jkunu jistgħu jesportaw lejn bnadi differenti ta' l-Ewropa u jingħataw għajnuna biex iħarrġu lilhom infushom u anke lill-ħaddiema tagħhom. Fil-fatt ta' min jgħid li fl-Unjoni Ewropea hemm l-istess perċentwali ta' ditti żgħar u ta' daqs medju bħalma hawn f'Malta. Sħubija sħiħa kienet tfisser ukoll għajnuna għat-tarzna ta' Malta sabiex timmodernizza ruħha u ssir diversifikazzjoni fejn hemm bżonn ħalli l-ħaddiema kollha jibqgħu bix-xogħol produttiv tagħhom u li jiggarantilhom għajxien tajjeb. Dan kien ifisser sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea għas-settur ta' l-industrija. Min-naħa l-oħra, il-proposta tal-Gvern Laburista li ssir żona ta' kummerċ ħieles ma toffri xejn minn dan, jew jekk toffri, toffri ftit biss minnu waqt li se jkollna nġorru fuq spallejna l-piżijiet kollha tas-sħubija mingħajr ma ngawdu xejn mill-vantaġġi li ġġib magħha.
Madam Speaker, il-qasam l-ieħor li xtaqt ngħid xi ħaġa dwaru huwa l-qasam tal-biedja u sajd. Bi sħubija sħiħa, is-suq ta' l-Unjoni Ewropea - hawnhekk qegħdin nitkellmu fuq suq ta' madwar 400 miljun ruħ - kien ikun miftuħ għall-prodott agrikolu Malti u wkoll għall-ħut li nkabbru permezz ta' l-akwakultura. Fil-fatt, minkejja x-xkiel kollu li jeżisti, minn din it-tieqa żgħira li fetħitilna l-Unjoni Ewropea tista' tgħid li konna kapaċi nesportaw kemm il-produzzjoni kollha ta' patata bikrija bejn l-Olanda, kif ukoll il-prodott fil-qasam ta' l-akwakultura. Aħseb u ara kemm nesportaw aktar kieku l-Unjoni Ewropea kellha tneħħi dawk ix-xkilijiet li hemm! Bi sħubija sħiħa fl-Unjoni, il-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda jkollhom dritt għal għajnuna teknika u finanzjarja. Fil-fatt l-Unjoni Ewropea tiddedika kwantita' kbira ta' flus għal makkinarju aħjar, għal titjib fit-toroq agrikoli, għal tiswija fil-ħitan ta' l-għelieqi, għall-provvista ta' l-ilma għall-għelieqi u wkoll għajnuna għall-bini ta' serer li huma ta' rilevanza kbira, speċjalment għall-bidwi Malti. Barra minn hekk, bħalma l-Fillandja nnegozjat pakkett speċjali għal dawk l-għelieqi li għandhom fir-reġjuni fin-north li huma maqtugħa mill-mezzi ta' komunikazzjoni normali, jiena ċert li wieħed seta' jinnegozja pakkett li jgħin biex iġib 'il quddiem il-vantaġġi u l-benefiċċji li jista' jieħu l-bidwi Malti.
Xtaqt nagħmel riferenza wkoll għal dak li għandu x'jaqsam mal-kamp soċjali. L-ewwelnett irrid ngħid li fir-realta' l-biża' li bis-sħubija jkollna l-qgħad f'Malta m'għandha l-ebda bażi. Huwa veru li f'25 reġjun differenti fl-Unjoni Ewropea l-qgħad huwa ta' 20% jew iżjed, pero' huwa veru wkoll li hemm madwar 25 reġjun ieħor fl-Unjoni Ewropea fejn il-qgħad huwa ta' 5% jew inqas. Jiġifieri l-problema tal-qgħad m'hijiex problema li hija attribwibbli għall-Unjoni Ewropea. F'pajjiżna, fi żmien Gvern Nazzjonalista, il-qgħad kien ferm inqas minn 5% imma llum bil-politika ħażina ta' dan il-Gvern - u mhux bil-kwestjoni tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea - il-qgħad tela' għal 5% u jidher li se jibqa' tiela.
Ta' min isemmi wkoll li s-sħubija fl-Unjoni Ewropea fil-qasam soċjali tfisser id-dritt li nipparteċipaw f'għadd ta' programmi li jirrigwardaw lill-ħaddiema u sezzjonijiet oħra tas-soċjeta', bħalma huwa l-programm Leonardo, li jikkonċerna t-taħriġ vokazzjonali, u bħalma huwa l-programm Helios II, li jirrigwarda persuni b'diżabilita'. Bis-sħubija konna niksbu wkoll fondi taħt il-fondi soċjali imma mingħajr sħubija dawn il-fondi ovvjament m'għandniex dritt għalihom. Sħubija fl-Unjoni Ewropea kienet tfisser ukoll tisħiħ fil-liġijiet li jirrigwardaw il-qasam tax-xogħol, b'mod partikolari tisħiħ f'dak li għandu x'jaqsam mas-saħħa u sigurta' fuq il-post tax-xogħol, f'dak li għandu x'jaqsam mal-protezzjoni tal-ħaddiem f'każ ta' trasferiment ta' intrapriża, f'dak li għandu x'jaqsam id-dritt ta' kumpens tal-ħaddiem f'każ ta' falliment jew għeluq ta' intrapriża, u f'dak li għandu x'jaqsam mat-tisħiħ tar-regoli dwar l-ugwaljanza. M'hemmx dubju wkoll li sħubija fl-Unjoni Ewropea tiftaħ orizzonti enormi għaż-żgħażagħ Maltin fil-qasam ta' l-edukazzjoni u dak tat-taħriġ u tagħtihom ukoll sigurta' għall-futur.
Qabel nagħlaq nixtieq infakkar li n-negozjati għas-sħubija ma' ċerti pajjiżi applikanti se jibdew fil-31 ta' Marzu ta' din is-sena, u dawn aħna stajna nkunu magħhom kieku l-Gvern ta' Malta ma ffriżax l-applikazzjoni. Dawn in-negozjati se jibdew ma' l-Estonja, mal-Polonja, mar-Repubblika Ceka, mas-Slovakkja, ma' l-Ungerija u ma' Cipru. Issa aħna nistgħu nittamaw biss li fix-xhur li ġejjin, minflok nibdew in-negozjati għas-sħubija, issir laqgħa tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni bejn Malta u l-Unjoni Ewropea sabiex ikunu jistgħu jibdew it-taħdidiet preliminari fuq l-hekk imsejjaħ pakkett li l-Gvern Malti jrid jinkludi fiż-żona ta' kummerċ ħieles. Kif diġa' għidt, dan il-pakkett se jġiegħlna nġorru l-piżijiet kollha tas-sħubija mingħajr ma ngawdu mill-vantaġġi enormi li ġġib magħha l-istess sħubija, vantaġġi li stajna bdejna ngawdu minnhom qabel id-data ta' sħubija. (Interruzzjonijiet)
THE DEPUTY SPEAKER (Onor. Michael Bonnici) Il-Prim Ministru.
ONOR ALFRED SANT: Sur President, skond l-iStanding Orders l-Onor. Interpellant ma jistax jaqra d-diskors tiegħu.
THE DEPUTY SPEAKER: Niġbed l-attenzjoni tal-Kamra li skond l-iStanding Orders l-ebda membru ma jista' jaqra diskorsu. Pero' naħseb li l-Onor. Borg kien qed jirriferi għal xi notamenti li għandu.
ONOR. JOE BORG: Sur President, il-Prim Ministru deherlu li jrid jgħid hekk imma jiena għandi l-punti quddiemi u qiegħed insegwihom. Li kont qed ngħid huwa li aħna konna nieħdu vantaġġi enormi anke qabel id-data tas-sħubija billi nieħdu fondi li ġew mogħtija taħt Agenda 2000 għall-pajjiżi li applikaw u li mexjin fit-triq għal sħubija. Imma issa minħabba li ffriżajna l-applikazzjoni dawn il-fondi nistgħu ngħidulhom addio, u minflok, nittamaw għall-ftit laqx li dan il-Gvern forsi jirrnexxielu jġib billi jmur jittkarrab ma' l-Unjoni Ewropea. Grazzi.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki, jekk jogħġobkom? L-Onor. Dom. Mintoff.
ONOR. DOM. MINTOFF: Sur President, se nibda b'ħaġa li naħseb m'hijiex kontroversjali. Iż-żmenijiet meta Malta għamlet xi ħaġa ma' nazzjonijiet oħrajn ilhom li għaddew u minn dakinhar ftit inbidlu affarijiet. Meta ridna li jkollna indipendenza u ħelsien ridna ninqatgħu għal kollox mill-Ingilterra. Dan ridna nagħmluh għaliex ma ridniex li ħajjitna jfassalha ħaddieħor imma ridna nfassluha aħna. Aħna ma ridniex lil min idaħħalna f'xi gwerra mingħajr lanqas biss inkunu nafu għaliex. Ma ridniex li pajjiżna jibqa' jservi għat-tixrid ta' demm u għal gwerrer imma ridna li jservi biss għall-paċi. Dak iż-żmien kien hawn min qal - u kellu raġun - li din kienet xi ħaġa diffiċli u iebsa u ma setax ikun li nkunu indipendenti. Lanqas illum ma nagħtih tort lil min mar kontra tagħna, imma dan kellu xi ħaġa fuqhiex jibbaża għax ried jibqa' kif kien. Mela kien hemm min bħalna ried jibdel ħajtu u kien hemm oħrajn li riedu jibqgħu kif kienu. Jien m'iniex qed ngħid li l-oħrajn riedu jibqgħu kif kienu għax kienu xjaten. Dawn riedu jibqgħu kif kienu għaliex ħasbu li aħna konna mġienen. Issa, jekk huwiex b'miraklu jekk inkella b'xorti, aħna l-imġienen irnexxielna nagħmlu realta' dak li xtaqna nagħmlu.
Aħna la ridna li l-bażi Ingliża u l-bażi Amerikana jibqgħu f'Malta u lanqas ridna li nibqgħu dipendenti minn ħaddieħor biex nimxu 'l quddiem. U biex wasalna għażilna t-triq tan-newtralita' fejn għidna lil ta' madwarna, 'l bogħod jew viċin, li ma rridux nibqgħu iżjed bażi. GĦidnielhom li ridna nibdlu ħajjitna u għidnilhom ukoll li huma kellhom ħafna x'jirbħu minn dan, l-ewwel waħda l-Italja. GĦidnielhom biex ma jħalluniex nerfgħu dan il-piż waħedna u biex ma jħallux lil żewġ potenzi kbar - għaliex aħna konna qed noħduha ma' l-Amerikani u ma' l-Ingliżi - ikissruna peress li aħna żgħar. Li kieku ma kellniex lilhom warajna ma konniex naslu. Aħna konna qed noffru li nagħmlu x-xogħol u konna qed nissugraw kollox, l-ewwelnett għalina stess u mbagħad għall-ġid ta' kulħadd - nerġa' ngħid jiena ma nagħtihx tort lil min dakinhar kien kontra tagħna u ħasibna mġienen - u tant konnu nemmnu f'dan li konna lesti nirriskjaw kollox, inkluż il-ħabs. Issa ħalli naraw dan kif seħħ.
Kienu jgħidulna li f'pajjiżna m'għandniex sigurta' għaliex kellna biss it-trattat ma' l-Italja u t-trattat mal-Libja. Imma minkejja l-ħafna kliem li sar, ma sar xejn ġdid. Dakinhar tant konna moderni li kienu jaħsbuna mġienen u għamilna affarijiet li ħadd ma kien ħaseb fihom qabel, għax imbagħad iċ-ċirkostanzi juruk x'għandek tagħmel u ma tagħmilx. Kienu ħasbu li dawn it-trattati ma kenux biżżejjed imma fil-fatt kienu biżżejjed u għadhom biżżejjed għax illum bl-irqad kollu li għandna f'pajjiżna - u veru rqadna! - għadna qegħdin ingawduhom. Kemm se ndumu ngawduhom ma nafx imma xorta għadna ngawduhom, allavolja s-sigurta' ma kenitx dik li xtaqna. Aħna xtaqna li n-newtralita' tagħna tkun garantita mill-Amerikani u mir-Russi. Ir-Russi qablu meta kienu waslu biex jispiċċaw imma l-Amerikani għadhom sal-lum ma jriduhiex għax ma jaqblilhomx. Nerġa' ngħid, jiena ma nafx kemm se sservi - u dan ħadd ma jafu - imma li naf huwa li hemm bżonn insaħħuħa għax iż-żmenijiet inbidlu.
Sur President, jiena qed nitkellem fuq in-newtralita' għaliex għalkemm nilagħbu bil-kliem, jiena ċert li kulħadd jaqbel magħha. Ħadd minna ma jrid li nidħlu f'xi gwerra għaliex l-Ewropa jkollha xi tgħid man-naħa ta' l-Afrika ta' Fuq. Din ħadd minna ma jridha. GĦalhekk irridu naraw kif inbidlu ċ-ċirkostanzi u kif b'dan it-tilwim 'l hawn u 'l hinn fl-Ewropa ... Hawnhekk qed nitkellem fuq l-affarijiet il-kbar għaliex jekk tinqala' xi gwerra ta' ħaddieħor kollox itir u mhux fabbrika nkunu tlifna imma kollox! U min għadda mill-gwerra aktar jifhimni għaliex jaf x'jiġifieri u dawk li m'għaddewx minnha ma jafux x'jiġifieri. Issa ħalli naraw fiex aħna.
Qabel konna f'dinja li prattikament kienet maqsuma bejn tnejn, ir-Russja u l-Amerka, u mbagħad kien hemm nazzjonijiet oħra li la riedu jmorru ma' naħa u lanqas ma' oħra u dawn ingħaqdu flimkien fin-Non-Aligned Movement. Dawn ma kellhomx saħħa ħlief saħħa morali, u dan qed ngħidu ħalli anke meta llum niġu biex nitkellmu ma nibdewx ngħidu li n-non-alignment spiċċa u ma spiċċax, u ma nifhmux li anke dak iż-żmien din ma kenitx xi potenza armata imma kellha saħħa morali biżżejjed b'mod li kellha piż fid-dinja. Din it-tielet forza setgħet inbelgħet miż-żewġ super potenzi għax dawn li kieku riedu qasmu kollox bejniethom, qagħdu jpappuha u addio kulħadd. Veru li din it-tielet forza spiċċat imma la ġara kif riedu l-Amerikani u lanqas kif riedu r-Russi għax dan il-moviment spiċċa tmermer minn ġewwa, bħalma spiċċa l-Imperu Ruman u bħalma għad jispiċċa l-imperu Amerikan u affarijiet oħra li jkunu mibnija artifiċjalment u mhux long-term għall-umanita'. Issa aħna konna nieħdu parti attivissima fin-Non-Aligned Movement u konna kburin b'dan. Hawnhekk naħseb li huwa importanti li nagħmel punt.
Waħda mill-affarijiet li kienet għaġbitni dak iż-żmien kien li l-aktar wieħed li kien opponielna biex ma nidħlux fin-Non-Aligned Movement kien Fidel Castro għax kien qal: Dawn finta, dawn mhux vera jemmnu f'dawn l-affarijiet, dawn iridu jisservew bina ħalli jġibu l-flus! Issa l-istorja wrietna li aħna ħlisna mill-bażi u Fidel Castro għadu mċappas biha sal-lum, mhux għax ried hu imma għaliex bellgħuhielu r-Russi. Imma meta bniedem tifhmu tista' tagħdru. Fil-fatt wara konna għadirnieh u kien wieħed li kkopera magħna u jekk għandna industrija ġdida tal-majjal f'Malta, 50% minnha nafuha lilu. Imma din hija storja oħra u dan qed ngħidu biex nuri kemm l-ekonomija hija marbuta mal-politika u li ma jistax ikollok waħda mingħajr l-oħra. Issa l-pożizzjoni llum nbidlet għaliex illum mhux veru hawn potenza waħda fid-dinja li tista' tagħmilha ta' policeman, li tkun hi li tgħid meta tinkiser il-liġi u li tkun hi li tagħmel il-liġijiet. Li jkun hawn policeman fid-dinja m'hijiex xi ħaġa kerha imma li jkun hu l-qorti u jkun hu li jagħmel il-liġijiet ma jridha ħadd, lanqas l-Ewropa.
Jiena ma rridx ngħid li l-Amerikani huma xi xjaten. Dawn huma nies bħal ħaddieħor, huma nies li jemmnu li pajjiżhom għandu mandat mill-istorja jew minn xi ħaġa oħra li jinfluwenza lid-dinja kollha u jmexxi lil kulħadd kif miexi hu u allura qegħdin jagħmlu hekk. Kieku aħna konna fiċ-ċirkostanzi tagħhom forsi konna nagħmlu l-istess, u dawn m'humiex sentimenti favur l-Amerikani imma x'jaqbel lilna. Waħda miċ-choices li għad fadlilna bħala pajjiż illum hija li nistaqsu lilna nfusna: Aħna jaqblilna nidħlu fl-Unjoni Ewropea jew jaqblilna nagħmlu bħall-Iżrael? Qed insemmi l-Iżrael għaliex jekk Iżrael huwa b'saħħtu llum, huwa b'saħħtu għaliex huwa alleat importantissimu ta' l-Amerka. Ngħid ukoll li kieku aħna ridna ninbiegħu, kieku ridna nħarsu biss lejn is-soldi tal-mument u kif se nirranġaw il-pożizzjoni ekonomika llum, l-aqwa prezz inkunu nistgħu nġibuh mingħand l-Amerikani u b'inqas trouble milli kellna ma' l-Ingliżi.
Jekk inħarsu lejn il-proposta li għamlu l-Amerikani lill-Ġappuniżi biex jagħmlu bażi fil-baħar viċin ta' l-art - mhux fl-art - u naraw kemm kien se jintnefaq hemmhekk u kemm l-Amerikani żiegħlu bil-Ġappuniżi biex forsi jgħidu iva, u jekk fl-aħħar naraw l-istorja ta' Okinawa naraw li dawn qalulhom: Le, grazzi ħafna imma din ma rriduhiex! Issa dan hemm fuq u mhux hawn isfel u l-Onor. Membri jafu kemm hawn aktar bżonnha hawn isfel milli hemm fuq, mhux biss għaliex hawn l-inkwiet - u inkwiet ieħor ġej mill-Middle East - imma għaliex din l-Ewropa li qiegħda tifforma ruħha u li tant qiegħda tikkonċentra fuq affarijiet ekonomiċi, qiegħda tinsa l-affarijiet politiċi. Waqt li qiegħda tipprova tintegra ruħha, fl-istess ħin la hi kapaċi żżomm flimkien parti importantissima tal-kontinent u lanqas hi kapaċi ssib soluzzjonijiet ġusti u serji għall-gwerra fil-Balkani li dejjem qiegħda tikber. Issa dan jien qed ngħidu mhux biex immaqdar imma biex wieħed ikun realistiku u jara fejn hu qiegħed. Għax jekk iċ-ċirkostanzi jinbidlu, bħalma l-Ewropa issa qed tara dan kollu jiġri fil-Balkani, il-Bambin jaf x'tagħmel l-Ewropa fuq din in-naħa t'hawnhekk jekk aħna ma neħdux parti minn issa biex nitfgħu l-weight kollu tagħna ħalli din is-sitwazzjoni tinbidel.
Jiena konvintissmu li b'dak li għamilna aħna bħala poplu Malti, anke dawk li ma kenux jaqblu magħna imma ssaportewna - għaliex inti tista' tkun għent allavolja ma fhimtx - tajna kontribut kbir biex l-istorja tal-Middle East u l-istorja tal-Mediterran tinbidel. Huwa veru li f'dawk iż-żmenijiet tqiegħdu xi erba' bombi fil-pajjiż li qatt ma sibna rkaptu tagħhom imma konna xxurtjati li ma kellniex insurrection. Jiġifieri ma nistgħux ngħajru lil min kien kontra tagħna li qam u ħa l-armi f'idejh u għamel civil war, u ninsabu grati li min ma qabilx magħna ma wasalx għal dik l-estremita'. Jista' jkun li wasal għall-bombi - qed ngħid jista' jkun għax għadna ma nafux min kien jagħmilhom - imma sal-lum ħadd ma kellu l-kuraġġ jassumi l-paternita' għal dawk il-bombi. Nerġa' ngħid, jiena konvintissmu li aħna tajna kontribut kbir biex l-istorja tal-Middle East u l-istorja tal-Mediterran tinbidel. Imma llum m'aħna nagħmlu assolutament xejn. U kif inbidlet is-sitwazzjoni?
Barra l-pajjiżi li huma non-aligned u li bħalissa qegħdin denbhom taħt il-blat bħall-Iran, l-Iraq, il-Malaysia u l-Indonesia, illum għandna xi ħaġa ġdida u importantissima. Jekk irridu nsiru moderni, l-ewwel li rridu nagħmlu huwa li naraw x'qed isir u mbagħad noħolqu xi ħaġa ġdida bbażata fuq dak li jrid isir biex nilħqu l-iskopijiet li għandna. Issa l-iskop li jkollna l-paċi m'huwiex xi skop modern imma huwa skop antikissmu. Imma għaliex huwa skop antikissmu allura huwa ikrah? Mela aħna mhux l-iskopijiet irridu nibdlu imma l-metodi. L-iskop li f'pajjiżek ikun hemm is-solidarjeta' bejn iċ-ċittadini huwa skop antikwat? Biex tkun modern għandek tgħid li kull ċittadin għandu jimxi għal rasu u m'għandux ikun hemm solidarjeta'? Mela li rridu nagħmlu huwa li naraw li nilħqu dawn l-iskopijiet b'metodi moderni. Hekk irridu nagħmlu f'dan il-Parlament biex inkunu serji. Hekk irridu nagħmlu fil-Partit Laburista biex inkunu serji u mhux narmu l-ideali tagħna. Issa llum x'ġara?
Ġara li l-Amerka, b'saħħitha kemm hi b'saħħitha, hi stess ħolqot sitwazzjoni fejn ma tistax tiċċaqlaq u tagħmel gwerer jekk ma jkollhiex il-kunsens tal-komunita' internazzjonali, jiġifieri tal-pajjiżi l-oħrajn fid-dinja, fosthom in-non-aligned. Illum l-Amerka ma tistax tiċċaqlaq jekk ma jkollhiex il-kunsens tas-Security Council tal-United Nations u barra minn hekk f'dak il-kunsill m'hemmx l-istess nies li kien hemm seba' snin ilu u li kienu jgħidu "iva" għal kulma kien jgħid il-Gvern Amerikan. Mela jekk verament irridu nsaħħu n-newtralita' u l-indipendenza tagħna, irridu nagħtu l-eżempju lill-Ewropa kif għandha tagħmel biex issaħħaħ l-indipendenza u n-newtralita' tagħha u mhux narmu din il-missjoni li għandna għall-paċi u għan-newtralita'. B'dan il-mod ġid inkunu qed nagħmlulha jekk inkunu l-ewwel nies fil-Mediterran li ngħidu li s-security rriduha mingħand is-Security Council tal-United Nations.
Mela waħda mill-affarijiet li jmissna nagħmlu immedjatament, xi ħaġa li mhux se tqumilna spejjeż u li jiena żgur li għandha l-kunsens taż-żewġ naħat, hija li naqbdu mas-Security Council u ngħidulhom: Aħna pajjiż żgħir u rridu l-paċi u n-newtralita'. Intom kapaċi tagħtuna garanzija għan-newtralita' tagħna, jew le? Issa jiena ma nistax ngħid x'se jiġri imma l-Amerikani u xi ħadd ieħor se jgħid: Le, għax aħna kapaċi nagħmlu dawn l-affarijiet mingħajr ma ndaħħlu s-Security Council, u affarijiet bħal dawn. Allura li għandna nagħmlu huwa li nsibu l-membri individwali tas-Security Council, hu x'inhu t-twemmin tagħhom, u jekk jagħtuna din il-garanzija nagħmlu l-istess trattat magħhom kif konna għamilna mal-Libja u ma' l-Italja. Issa meta dan it-trattat għamilnih ma' l-Italja, ifisser li għamilnih man-NATO għaliex l-Italja hija parti min-NATO u ma kenitx se tagħmel trattati magħna kieku n-NATO qaltilhom mod ieħor, għaliex jibżgħu minnhom daqs il-bard. GĦadhom sal-lum jibżgħu minnhom, aħseb u ara dakinhar!
Dan qed ngħidu ħalli jekk xi ħadd imur biex jieħu l-kunsens biex jattakkana, f'dan is-Security Council ikun hemm min jipproteġina. Naturalment dawn se jipproteġuna għaliex jaqblilhom ma jkunux taħt l-Amerikani, imma dik affari tagħhom u mhux affari tagħna. Dment li l-iskop tagħna huwa għall-paċi, anke max-xitan niftehmu! Ara x-xitan mhux se jiftiehem magħna għax ma jkunx irid il-paċi! Imma jien din qed ngħidha għax dak huwa t-test tagħna u nispera li ma jiġix xi ħadd għada u jgħid li jiena rrid niftiehem max-xitan. Jien niftiehem biss max-xitan għax dakinhar ikun ikkonverta. U t-test tagħna se jkun: Inti trid il-paċi? Jekk trid il-paċi, jien miegħek.
Issa forsi tgħidu: X'jiswa dan kollu meta aħna tant żgħar? Jien ngħidilkom li ma jiswiex kieku konna integrati fl-Ewropa - għax bħalna hemm pajjiżi oħrajn li jistgħu jintużaw - u aħna ma nkunux nistgħu neħduha kontra l-Ewropa u allura dan il-valur jispiċċa. GĦalhekk irridu noqogħdu attenti li qabel ma nitilqu dan il-valur minn idejna jkollna alternattivi oħrajn serji. Dan fl-aħħar nett għandna nitilquh għaliex jekk nitilquh ma jkollniex biex ninnegozjaw, anke min qiegħed jippretendi li hu modern, li hu teknoloġiku u li għandu ħafna maniġġi. Dan ma jaf xejn jekk jinnegozja hekk! Jiena m'għandix għalfejn nitkellem iktar fuq dan il-punt imma din hija waħda mill-affarijijet li l-ebda naħa tal-Kamra m'għandha titlaq minn idejha, la dawk li jridu jidħlu fl-Ewropa malajr u lanqas din in-naħa li qiegħda tiġi akkużata li qiegħda timxi bil-mod.
Fl-opinjoni tiegħi huwa veru li qegħdin nimxu bil-mod u m'aħna nagħmlu xejn biex inġiegħlu lill-Ewropa, għax lil din mhux se ġġiegħlha bil-kliem jew bil-karti imma jrid ikollok alternattivi oħra. Kieku l-Ewropa tkun taf li qegħdin nagħmlu xi negozjati maċ-Ċina jew ma' l-Iran, kemm jagħtuna attenzjoni! Issa kif diġa' għidt - u tistgħu taqblu miegħi jew ma taqblux - it-test jekk nagħmlux dawn l-affarijiet ma' l-Iran jew le huwa jekk l-Iran ikunx irid il-paċi u mhux jekk jadurawx il-Budda jew inkella jħaddnu xi reliġjon oħra. Dik hija affari tagħhom. Kulħadd irid jagħżel il-gvern tiegħu u l-pożizzjoni tiegħu fid-dinja u għandu jkollu l-liberta' li jagħmel dawn l-affarijiet. Jien għalhekk għidtha tax-xitan, u ngħid ukoll li kull anġlu li hawn jista' jsir xitan! Ma kienx hawn anġlu isbaħ u iktar fidil mix-xitan. Almenu jiena hekk tgħallimt meta kont żgħir, li ma kienx hawn wieħed ikbar bħala anġlu mix-xitan imma mbagħad dan sar xitan. U x'ifisser dan?
Dan ifisser li rridu noqogħdu attenti li ma nintrabtux ma' xi ħadd li mbagħad jinbidel u xorta nibqgħu miegħu. Irridu noqogħdu attenti li verament ikun qiegħed jaħdem għall-paċi. U nkunu attenti meta naraw x'ikun qiegħed jagħmel jew ma jagħmilx. Tgħidx kemm qegħdin nisimgħu x'iridu jagħmlu l-Ewropa għall-Mediterran imma meta tfittex issib ħafna karti, ħafna studji u ħafna konferenzi li minnhom ma joħroġ xejn. Fil-fatt meta jiġu għas-si u n-no lanqas biss jieħdu parti newtrali. Fl-istorja ta' l-Iraq, per eżempju, iffrankajna gwerra. Ma nafx kemm kienet se tolqotna kieku saret imma żgur li mhux għall-ġid kienet tolqotna. Iżda la ħadna parti aħna biex ma ssirx - u għalhekk qed ngħid li m'hu qed nagħmlu xejn u li jmissna nistħu - u lanqas ħadu parti ta' l-Ewropa għax min qal ''hekk'' u min qal ''hekk''. Riedu jkunu nies oħrajn li daħlu biex salvaw id-dinja minn gwerra oħra. Dan qed ngħidu biex nuri li l-kondizzjonijiet inbidlu. Jekk nieħdu l-affarijiet ekonomiċi u nitkellmu, per eżempju, fuq it-tarzna u l-istrutturar li hemm bżonn, żgur li jekk immorru fl-Ewropa t-tarzna tieħu daqqa kbira, jagħtuha kemm jagħtuha flus, għax din taħdem trid. Aħna ma rridux inkunu bħall-Ġermanja fejn għandek ħafna nies qiegħda. Sieħbi l-Onor. Borg qal li dan m'huwiex tort ta' l-Unjoni Ewropea imma jien ngħidlu li m'huwiex riklam sabiħ għaliha li l-ikbar membru - għaliex jew se nkunu oġġettivi jew bilfors se niddefendu l-Ewropa - l-iktar wieħed b'saħħtu u l-iktar wieħed għani m'għandux il-ħila jsolvi din il-problema. Allura kif tista' temmen li bil-flus se ssolvi l-problemi tiegħek? Dawn mhux bil-flus issolvihom imma b'mezzi oħrajn.
Issa aħna għandna fuq xiex nibnu jekk iż-żewġ naħat nieħdu l-affarijiet bis-serjeta' u naħdmu flimkien fuq il-politika barranija. U nkunu ċwieċ jekk naħdmu kontra xulxin fil-politika barranija, għaliex ħadd ma jagħmel hekk fid-dinja. Il-Gvern Nazzjonalista kien qed jiġġieled biex nidħlu membri fl-Ewropa u kien qed juri lill-Ewropa li ried jidħol at all costs. Allura l-Ewropa rat li dan il-pajjiż huwa maqsum. Mela għiduli intom kif setgħat teħodna bis-serjeta' meta tara dan? Min-naħa l-oħra, kieku dħalna membri u ġiet l-elezzjoni u rbaħniha aħna, konna noħorġu. GĦaliex jekk l-affarijiet ma jkunux għaqdu u għaqdu sewwa, għax ikun hemm interess komuni u jkun hemm is-serjeta', dak li jsir malajr jinħall malajr, dak li jsir artifiċjalment jinħall artifiċjalment. Fil-fatt dak li sar fi żmienna u kien artifiċjali tar imma dak li kien serju baqa'. Jiena għalhekk semmejt it-trattati mal-Libja u ma' l-Italja għaliex dawk baqgħu. Semmejt lilhom għaliex għalkemm qalu li m'humiex biżżejjed servew, aħseb u ara kieku ksibna dak li ridna dakinhar!
Issa x'inhi l-missjoni moderna tagħna? Qabel kienet li ma nibqgħux bażi ta' l-Ingliżi u ta' l-Amerikani u biex għamilna dan ġibna l-miraklu tal-flus. Ma kellniex għalfejn naċċettaw bilfors il-kondizzjonijiet ta' l-Ewropa. Fil-fatt jiena mhux biss m'aċċettajthomx talli għidtilhom li fl-articles of association - illum qegħdin nitkellmu fuq special agreement - irid jitniżżel li pajjiżna li għadu jibda l-ħajja industrijali u ekonomika tiegħu u li l-Ewropa ilha tagħsru għal mijiet ta' snin, f'daqqa waħda se jinbidel biex jikkompeti ma' l-Ewropa u trid tkun l-istess Ewropa li tidħol responsabbli biex din nagħmluha qabel ma naċċettaw iktar irbit politiku magħha. Dan hu l-punt l-ieħor li għandna nagħfsu fuqu lkoll jekk verament konna sinċieri aħna u nitkellmu llum.
Jekk verament konna sinċieri aħna u nitkellmu, il-punt kardinali li rridu nagħfsu fuqu jrid ikun: Sinjura Ewropa, aħna għandna żewġ affarijiet importanti. Waħda hija l-paċi u n-newtralita' - għaliex dawn huma marbutin flimkien - u l-oħra hija l-mod kif pajjiż żgħir, pajjiż li għadu jibda d-dinja - u l-Ewropa ilha għal mijiet ta' snin fil-kummerċ, tħawwad hawn u tfotti hemm ..... Dawn l-affarijiet trid iż-żmien biex tifhimhom u kien għalhekk li xi ħadd qal li fl-Unjoni Ewropea ddubitaw jekk għandniex industrija f'Malta. Jien ngħidilhom li għandhom raġun għaliex l-industrija Maltija għadha tibda u jekk nippretendu mod ieħor nagħmlu ħażin. Qabel konna kummerċjanti tat-tielet klassi għaliex lanqas l-affarijiet tas-servizzi ma konna nistgħu nbiegħu. Kien hawn in-NAAFI u organizzazzjoni oħra Ingliża - bħalissa nsejt x'jisimha - li kienet tixtri kollox hi u ara min ikellimha! Jiġifieri fl-industrija, wara 19-il sena, għadna nibdew. Sena oħra jkollna fejn niċċelebraw, għax ngħidu li għamilna ġenerazzjoni mingħajr bażi, mingħajr Ingliżi, mingħajr Amerikani and we survived. Għall-bidu konna mexjin aħjar milli mexjin issa għaliex ma kellniex l-affluence li għandna llum imma din hija xi ħaġa artifiċjali.
Issa inti taf daqsi, Sur President, li jekk hemm ħafna impjegati mal-gvern, ħamsa minn kull għaxra huma żejda u inutli toqgħod tgħajjarhom għażżenin jekk ma jsibux x'jagħmlu. Hawn m'iniex qed insemmi t-tarzna u postijiet oħrajn imma biex niġu flokna dawn l-affarijiet irridu nirranġawhom. U jekk l-industriji li għandna nneħħulhom il-protezzjoni allura jispiċċa kollox. L-Onor. Borg semma l-industrija tal-ħut. Kif inhi s-sitwazzjoni llum, il-ħut tagħna jdaħħluh fl-Ewropa meta jkollhom bżonn u meta ma jkollhomx bżonn ma jdaħħluhx. Imma kieku konna bil-għaqal u niftehemu mal-Gappun, pajjiż li għandu bżonn il-ħut, kieku kemm jagħtu kasna! GĦalhekk jiena lill-Gappun ma rridx ngħidlu li se ngħollilu l-customs duty għaliex dħalt ma' l-Ewropa imma għandi ngħid lill-Ewropa: Jiena din għandi bżonnha biex il-ħut tiegħi nkun nista' nbigħhu. Issa int trid tagħmel eċċezzjoni jew ma tridx? U jekk ma tridx ma jkun ġara xejn għaliex niftaħ triq oħra. Din irridu nagħmluha ċara u nuruha lid-dinja, u se niftħuha flimkien iż-żewġ naħat din it-triq. Ma nistgħux ngħidu li se niftħu triq oħra u mbagħad in-naħa l-oħra, biex tinħabb ma' xi ħadd, tgħid li huma kontra tagħha. Dan m'huwiex sewwa. Bl-istess mod, din in-naħa ma tistax biex tinki lin-naħa l-oħra tgħid li m'aħniex se nagħmluha għaliex se tieħu pjaċir biha n-naħa l-oħra. Qegħdin jgħiduli li sar il-ħin. (Interruzzjonijiet) Jien lest li nitlaq anke minn issa, imma qabel ma nispiċċa rrid ngħid li dawn l-affarijiet m'aħniex se nirranġawhom billi nagħmlu emenda fejn ngħidu x'qal il-programm kollu tal-partit! Sur President, dawn l-affarijiet nirranġawhom jekk verament nidħlu b'politika ġdida li fiha jkollha dawn il-prinċipji u li ż-żewġ naħat jaqblu kif għandha tiġi attwata.
Irrid ngħid li jiena l-ewwel wieħed li m'għandix fiduċja kif inhu miexi l-Gvern fir-relazzjonijiet internazzjonali, u dan għidtu kullimkien u m'iniex qed nistaħba wara dak li qed ngħid. U m'għandix fiduċja fil-mod kif inhu miexi l-Gvern għaliex m'huwiex jasserixxi alternattivi għall-Ewropa. Qegħdin taparsi nagħmlulhom kondizzjonijiet imma fir-realta' m'aħna nagħmlulhom kondizzjonijiet xejn għax l-ikbar kondizzjoni li nistgħu nagħmlu lill-Ewropa hija: Jekk ma tridx se mmur banda oħra. Issa din nistgħu nagħmluha waħedna, imma kemm nagħmlu aħjar u kemm ikun hemm aktar serjeta' jekk nagħmluha flimkien u jekk in-naħa l-oħra verament - dan kif naħseb jien u nispera li mhux qed nieħu żball - hija sinċiera u trid li naqbdu triq ġdida li tkun taqbel għal Malta u la tkun preġudikata kontra l-Ewropa u lanqas kontra l-pajjiżi l-oħra tal-Mediterran, li rriduhom kemm għas-survival ekonomiku u anke biex ikun hawn il-paċi? GĦaliex aħna rridu nħarsu lejn iż-żewġ naħat u naqdu liż-żewġ naħat. Fortunatament għalina aħna nirriflettu ż-żewġ naħat. Kieku f'pajjiżna m'hawnx dan is-sentiment Ewropew u fl-istess ħin hawn ukoll dan is-sentiment kontra l-Ewropa - għax jekk naraw l-istorja nsibu li dawn huma nies li ħaqruna u huma nies who neglected us .....
Imma issa rridu nibdew triq ġdida, u billi n-naħa l-oħra wriet ix-xewqa li neżaminaw flimkien din il-problema, allura jiena nissuġġerixxi li dan id-debate llum jieqaf hawnhekk u fi żmien ġimgħa ż-żewġ naħat jiltaqgħu biex isir kumitat tal-Kamra bis-serjeta' u li jkollu l-fakulta' li jiddefinixxi l-politika barranija ġdida biex nilħqu dawn l-għanijiet li semmejt. Jekk nagħmlu dan allura nkunu qegħdin nibdew triq ġdida, imma jekk ma nagħmluhx nibqgħu nagħtu bejnietna u ma naslu mkien. Issa l-Partit Nazzjonalista għamel disa' snin fil-gvern u lilna, f'din is-sena u nofs li ilna fil-gvern, qalulna: Aħna nifhmu xi tridu imma dawn huma l-kondizzjonijiet. Issa illum qed nisimgħu mingħand kulħadd li dawn m'humiex kondizzjonijiet li nistgħu naċċettaw, lanqas mill-Oppożizzjoni ma jridu jaċċettawhom. Mela kif se niġġieldulhom dawn l-affarijiet? Allura mhux bilfors irridu nagħmlu politika ġdida u naraw x'irridu u nħallu lill-pajjiżi ta' l-Ewropa jġerru kemm jifilħu biex jgħinuna nilħqu l-iskopijiet tagħna? GĦaliex jiena issa nixtieq li ssir ġirja bejn l-Ewropa u l-pajjiżi l-oħrajn u naraw min se jgħin l-iktar biex ikun hawn il-paċi, naraw min se jgħin l-iktar biex aħna li nkunu qegħdin nagħmlu din il-promotion għall-paċi we survive, u naraw li noħolqu dawk l-organizzazzjonijiet serji li verament jagħmlu ġid lil kulħadd. Huwa meta nibdew nirranġaw l-affarijiet u naraw li jkollna sptar kbir li jgħin lil kull min qiegħed f'dan ir-reġjun u li jkun b'xejn li nistgħu nġibu flimkien il-Mediterran u mhux bil-VAT u b'affarijiet bħal dawn.
GĦalhekk nerġa' nissuġġerixxi li llum nieqfu hawnhekk, inkomplu fejn ħallejna fis-seduta ta' nhar l-Erbgħa u sadanittant iż-żewġ naħat niltaqgħu u niddiskutu x'jista' jsir biex ikollna a common foreign policy, naraw li tiġi attwata u jekk ikun hemm bżonn tiġi inserita fil-Kostituzzjoni.