Malta debates tal-kamra tad-deputati



Yüklə 386,33 Kb.
səhifə4/7
tarix12.01.2019
ölçüsü386,33 Kb.
#94934
1   2   3   4   5   6   7

THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki, jekk jogħġobkom? L-Onor. Guido de Marco.
ONOR. GUIDO de MARCO: Sur President, illum qegħdin nassistu għal dibattitu li fih hawn l-evoluzzjoni tal-ħsieb politiku. Din m'hijiex evoluzzjoni maqtugħha mir-realtajiet politiċi internazzjonali imma hija valutazzjoni tal-politika ta' Malta fil-kontest sħiħ u ikbar tal-politika internazzjonali. Li llum titkellem fuq politika f'pajjiżna qisna qegħdin fl-epoka tad-dinja bipolari bl-Unjoni Sovjetika u l-Istati Uniti hija xi ħaġa superata. Li titkellem f'kontest ta' dinja fejn is-super potenzi qegħdin jaħbtu ma' xulxin u jipprovaw ikaxkru magħhom kemm jistgħu hija xi ħaġa superata. Pero' min-naħa l-oħra jkun żball li tinsa l-valuri veri tal-politika Maltija u xi tfisser Malta fir-reġjun li tgħix fih. Fost dawn il-valuri hemm dawk li jiddependu mis-sitwazzjoni internazzjonali, il-valuri ta' non-allinjament.
Meta jiena kont mal-President Mubarak, dan qalli li jekk non-allinjament ifisser li wieħed joqgħod separat mill-Unjoni Sovjetika u mill-Istati Uniti allura llum din m'hijiex aktar realta'. Illum l-Unjoni Sovjetika m'għadhiex teżisti u l-Istati Uniti hija l-uniku stat li għandu ċerta forza li tiddomina. Mubarak qalli: Li tgħid li jiena non-allinjat bejn żewġ potenzi, waħda li m'għadhiex teżisti bħala l-Unjoni Sovjetika u l-oħra li għandha ċerti poteri, u li allura nistgħu ngħidu li llum qegħdin in a unipolar global situation, f'dawn iċ-ċirkostanzi n-non-alignment m'għadux jissarraf. Pero' qalli wkoll: lmma għadhom jissarrfu l-valuri ta' moviment li jemmen li pajjiżi fi stadju ta' żvilupp għandu jkollhom vuċi fil-ħajja internazzjonali. Mubarak għadu jemmen li moviment li għandu jkollu ċertu fassla li jasserixxi li l-popli għandhom jimxu 'l quddiem fid-demokrazija hija realta'. Huwa hawnhekk fejn wieħed jibda jħares lejn il-valuri ta' pajjiżna.
Pajjiżna huwa pajjiż Ewropew. Illum ħadd m'għadu jiddiskuti l-Ewropeita' jew le ta' l-identita' ta' Malta. Illum Malta hija kkonsidrata bħala pajjiż Ewropew minn kulħadd. Aħna għixna l-farsa li wieħed mill-ewwel atti li għamel il-Gvern Ingliż meta Malta waqgħet taħt l-Imperu Ingliż kien dak fejn iddefinixxa li Malta hija parti mill-Ewropa, qisu kellna bżonn li xi ħadd jiddefinixxi lil Malta bħala parti mill-Ewropa! Għall-grazzja t'Alla aħna ilna parti mill-Ewropa għal sekli sħaħ, forsi anke qabel l-Ingilterra stess kienet ikkonsidrata bħala tali. Issa barra li aħna Ewropej aħna nappartjenu wkoll għar-reġjun tal-Mediterran. Dan aħna qatt ma ċħadnih u nagħmlu żball jekk ikollna politika li tiċħad ir-realta' Mediterranja ta' Malta. Din hija realta' li ngħixuha kuljum, bħalma ngħixu kuljum ir-realta' Ewropea ta' Malta. Huwa fuq dan il-binarju ta' ħsieb politiku li aħna pajjiż Ewropew u wkoll pajjiż Mediterranju li trid titfassal il-politika komuni barranija ta' pajjiżna.
Hemm min jgħidilna li aħna pajjiż żgħir. Dażgur li aħna pajjiż żgħir! Hemm min jgħidilna micro state imma din jiena nirriżentiha. Huwa veru li aħna m'aħniex xi pajjiż kbir imma lanqas aħna l-micro state ta' Monaco, Lichtenstein jew Andorra. Aħna pajjiż żgħir fost iż-żgħar pero' m'aħniex micro state u għalhekk jeħtieġ li ma nkomplux inċekknu lilna nfusna mingħajr bżonn. Aħna pajjiż li huwa rilevanti politikament u strateġikament. Jagħmel żball dak il-gvern - ikun min ikun - li jinża minn dan il-valur li għandna. Issa aħna fejn irridu nwasslu lil dan il-pajjiż? Kollegi tiegħi tan-naħa l-oħra għal ħafna drabi qalu li l-Unjoni Ewropea hija mfassla għall-istati l-kbar u jinsew li founder member ta' l-istess Unjoni kien Stat ta' l-istess daqs tagħna, jiġifieri Luxembourg.
Hemm membri oħrajn ta' l-Unjoni Ewropea li huma żgħar, fosthom il-Belġju, pajjiż ta' ċerta importanza u ta' ċerta sinjurija. Membri oħrajn, bħal Denmark u Ireland, m'humiex pajjiżi kbar lanqas. Anke Estonia, Latvia, Lithuania u Slovenia huma pajjiżi ta' ftit miljuni. GĦalhekk din l-Ewropa li miexja lejn it-tkabbir tagħha hija Ewropa li ddaħħal fiha kemm pajjiżi kbar, kemm pajjiżi medji u kemm pajjiżi żgħar u dan huwa l-post li aħna qegħdin naspiraw għalih. Illum spiċċa ż-żmien fejn Western Europe hija kkonsidrata bħala ancilla ta' l-istati Uniti u Eastern Europe bħala ancilla ta' l-Unjoni Sovjetika. Spiċċaw iż-żmenijiet li parti mill-Ewropa tiddependi mill-Istati Uniti u parti mill-Ewropa tiddependi mill-Unjoni Sovjetika.
Jekk ġara avveniment storiku hawn Malta, dan kien meta ltaqgħu George Bush u Mikhail Gorbachev u f'dik it-tempesta - kif jgħid Eduard Schevardnadze u rripetiha wkoll Gorbachev fil-memoirs tiegħu - indifnet il-gwerra bierda. Issa bħal kwalunkwe ħaġa oħra din kellha l-aspetti pożittivi u negattivi tagħha. Meta ndifnet il-gwerra bierda, id-dinja ma baqgħetx tgħix taħt it-theddida tal-bomba nukleari u tad-distruzzjoni pero' din kellha wkoll l-effett - allavolja pajjiżna rebaħ fit-totalita' fil-paċi aktar duratura - li rridimensjonat is-sens ta' moviment politiku fejn tista' tuża naħa jew oħra. U hawn fejn għandna nitkellmu bil-għaqal u bis-serjeta' li rridu għal pajjiżna.
Jiena nsegwi b'attenzjoni x'jagħmlu n-naħa l-oħra għaliex huwa fid-dover tiegħi li nifhimhom jekk irrid li jifhmu lili. U naf li fil-programm elettorali jitkellmu dwar free industrial zone u mhux dwar free trade area. Dan qed ngħidu għaliex effettivament hija l-Unjoni Ewropea li trid - u l-Gvern aċċetta - li ma jitkellmux iktar dwar free industrial zone imma dwar free trade area, u dan huwa importanti. Allura min qed jgħid li għandu xi mandat elettorali, għandu jitkellem fuq mandat elettorali li jitkellem dwar free industrial zone u mhux dwar free trade area. Jiġifieri qegħdin iwessgħuha.
Issa kieku l-free trade area lil Malta tqiegħda f'sitwazzjoni pożittiva ma tippreokkupanix, allavolja jiena Ewropeista konvint li Malta għandha tkun fl-Unjoni Ewropea, imma effettivament illum il-ġurnata qed insib li l-kollegi tiegħi tan-naħa l-oħra donnhom huma iktar Ewropeisti minni, u nispjega għaliex. Jien dejjem għidt li nixtieq nara lil Malta fl-Unjoni Ewropea għaliex nemmen - u dan għidtu meta kont immur fi Brussels, il-kapitali ta' l-Ewropa - li dan ma jkunx a one-way ticket. Ma jistax ikun li nesportaw b'ECU0.8 biljun u nimportaw mingħandhom b'ECU1.9 biljun u ngħidu li qegħdin pari! X'parita' hi jekk aħna nimportaw mill-Unjoni Ewropea prodotti agrikoli 20 darba daqskemm nesportaw? GĦalhekk meta n-naħa l-oħra titkellem dwar free industrial zone - li l-Ewropej biddluhielhom għal free trade area u huma aċċettawha - effettivament li qegħdin jgħidu huwa li qegħdin jinżgħu s-saħħa politika u ekonomika li jista' jkollhom u jaċċettaw a free trade area b'dan l-iżbilanċ kontra Malta għal dak li jirrigwarda dak li nimportaw u dak li nesportaw. Jiena għalhekk qed ngħid li din hija politika anti-nazzjonali u li tan-naħa l-oħra saru Ewropej iktar mill-Ewropej. Din donnha hija t-tendenza hawn Malta.
Jekk irridu nkunu kattoliċi rridu nkunu kattoliċi iktar mill-Papa, jekk irridu nkunu pro-Taljani rridu nkunu pro-Taljani aktar mit-Taljani stess, per eżempju, u jekk irridu nkunu pro-Ingliżi rridu nkunu pro-Ingliżi aktar mill-Ingliżi stess. Imma aħna rridu nkunu ħaġa waħda biss, irridu nkunu pro-Malta. U jekk verament inkunu pro-Malta mbagħad nintegraw ruħna fejn għandna nintegraw ruħna. Nistgħu nifhmu l-problemi ta' madwarna imma jekk inneħħu din is-sitwazzjoni u naraw x'jaqblilna nagħmlu, jekk hux nidħlu fi free trade area, kif iridu u kif jaqbel lill-Ewropej, għaliex niġu esklużi minn kull vuċi u rilevanza politika ..... Jekk għall-mument ninsew il-vantaġġi ekonomiċi li tkellem ħafna tajjeb dwarhom il-kollega tiegħi l-Onor Borg u ngħidu li se nidħlu fi free trade area, din tneħħielna kwalunkwe saħħa politika.
Issa f'ħarġa ta' "l-orizzont" hemm artiklu miktub minn korrispondent speċjali - ma nafx dan min hu imma dejjem jikteb b'ċerta saħħa u b'ċertu kulur - li jgħid:
"Aktar ma wieħed jaqra u jifli r-rapport tal-Kummissjoni Ewropea, iktar jintebah kemm kienet għaqlija t-triq li qabad il-Gvern ġdid Malti biex Malta la tkun ġewwa l-Unjoni u lanqas barra.".
U jiena nistaqsi: Imma dan hu li jridu verament min-naħa l-oħra? Jien niftakar fid-Dante, fejn jgħid "fra color che son sospesi ..." Taf min huma dawn, Sur President? Huma dawk li qegħdin fil-limbu. Allura possibbli li n-naħa l-oħra ddeċidew li jqiegħdu lil Malta fil-limbu tal-politika? Possibbli li n-naħa l-oħra ħadu l-linja li l-futur tal-politika barranija ta' Malta hija dik li tkun fil-limbu? Dawn diġa' wrew il-mentalita' tal-karozzin fil-mod kif jitkellmu fuq l-iżvilupp ta' l-ekonomija ta' Malta. Imma possibbli li jridu li l-politika barranija ta' Malta tispiċċa f'limbu ta' ideat, limbu ta' preżenza u limbu ta' rilevanza? Din hija t-triq għall-futur, anke għall-motivazzjoni ta' Malta Mediterranja?
Sur President, jiena kont niltaqa' ħafna ma' leaders Għarab u dejjem żammejt kuntatti kontinwi magħhom fl-operat tiegħi fl-Unjoni Ewropea. U nista' ngħid li Malta ħallset għall-politika Mediterranja tagħha. Malta ħallset għax żammet għoli l-profil tagħha Mediterranju. Malta ħallset għax emmnet li hu fl-interess ta' pajjiżna li żżomm relazzjonijiet tajbin mal-ġirien tagħna, fiċ-ċirkostanzi kollha li jeħtieġ inżommu relazzjonijiet tajbin. Jiena ma jiddispjaċinix għal dan għaliex għallinqas urejna li nemmnu dak li ngħidu u ngħidu dak li nemmnu. Hekk ipprovajna nimxu fil-politika Mediterranja tagħna. Imma meta kont niltaqa' mal-leaders Għarab, ma' Amr Moussa ta' l-Eġittu, ma' Ben Yahia tat-Tuneżija u ma' Abdul Meguid, s-Segretarju Ġenerali tal-Lega Għarbija li ġie Malta, kollha kien jgħiduli li hu fl-interessi tal-pajjiżi Għarab li Malta tkun membru ta' l-Unjoni Ewropea, għaliex b'hekk ikunu jafu li hemm pajjiż ħabib tagħhom, pajjiż li jifhimhom u pajjiż li jaf x'inhuma l-problemi tagħhom, li għandu vuċi fl-Unjoni Ewropea u allura jista' jkun rilevanti iktar għall-futur u għall-paċi fil-Mediterran stess.

GĦalhekk għalija r-rapport ta' van der Linden - li l-kollega tiegħi, l-Onor. Vella, tant ħares lejh bħala r-realizzazzjoni tal-viżjoni tal-politika Laburista - mhu xejn ħlief immersjoni fil-passat bħala xi ħaġa li għandha tmexxina għal għada. Imma jiena ma nistax inħares lejn dokument li jgħid li rridu mmorru lura u ma nibqgħux mexjin fit-triq biex nidħlu membri fl-Unjoni Ewropea. U naqtgħuha din tal-membru sħiħ u mhux membru sħiħ, għax jew int membru jew m'intix membru fl-Unjoni Ewropea. van der Linden qalilna li jekk il-Gvern Malti ddeċieda li jiffriża d-domanda għad-dħul fl-Unjoni Ewropea, hemm l-Association Agreement li Dr Gorg Borg Olivier, Alla jaħfirlu, iffirmah f'Diċembru ta' l-1970, u għandna nidħlu f'dak il-qafas. U issa l-Ewropa qed tgħidilna: Tridu free trade agreement fejn nesportawlkom ECU1.9 biljun - bejn wieħed u ieħor ¥820 miljun - u intom tesportawlna biss ECU0.8 biljun? Issa dawn kważi nofshom ikunu ġejjin mill-SGS-Thomson u fihom ħafna import element. Dan id-dokument jgħid ukoll:


"... due to the demographic situation and related small internal market needs, as well as the limited agricultural production potential of Malta, agricultural trade is quite unbalanced. The EC exports about 20 times more in value to Malta than it imports from that country."
Nerġa' ngħid, meta qed jitkellem dwar il-current state of trade relations, jgħid:
"EC imports originating in Malta in 1996 amounted to ECU0.8 billion whereas exports to Malta were ECU1.9 billion .".
Dan hu li jgħid ir-rapport li jirrealizza l-ħolma tal-Partit Laburista Malti, u dan mhux qed ngħidu biex ninki.
Min-naħa l-oħra, meta l-Federation of Industry jgħidulna li ma kenux jafu li l-levies kellhom jitneħħew u li l-ewwel darba li semgħu b'din il-kwestjoni kien minn van der Linden, jien nidħak u nistaqsi: Allura dawn lanqas biss isegwu x'jgħid il-Prim Ministru? Ma jafux li f'konferenza stampa li għamel f'Ġunju ta' l-1997 kien qal li hemm kontemplat li jitneħħew 400 levy, fosthom il-levy fuq il-wafers u chocolate eggs, juices, ħwejjeġ tat-tfal u affarijiet bħal dawn? Issa għaliex qed ngħid dawn l-affarijiet? Jiena nifhem li l-industrijalisti Maltin jipprovaw jieħdu kemm jistgħu u ma nagħtihomx tort. Imma meta l-Partit Laburista jgħid li dawn il-levies se jitneħħew - għaliex hemm ħafna każijiet fejn il-prezz ta' l-oġġett qiegħed jogħla proprju minħabba dawn il-levies u dan għad-detriment tal-konsumatur - għalija m'hi xejn ħlief ipokreżija. Mela issa qegħdin nagħmluha ta' paladini tal-kummerċjanti u tan-negozjanti! F'dan il-każ jiena nippreferi niġi identifikat bħala l-paladin tal-bniedem tat-triq u tal-ħaddiema milli niġi identifikat ma' min għandu interess li jkompli jgawdi minn din it-tip ta' protezzjoni, li effettivament huwa metodu kif tħalli prodott bi prezz għoli jħallas għalih il-konsumatur Malti u b'hekk il-kapitalist ikompli jaqla' l-flus. Jiena m'iniex qed ngħid li kulħadd jagħmel hekk imma jagħmel sewwa l-Gvern li jittratta kemm jista' jkun fit-tul meta jasal għan-negozjati għad-dħul fl-Unjoni Ewropea. Dan hu li għandna nagħmlu u nista' ngħid li kieku se nibdew in-negozjati minn hawn u ftit ġimgħat oħra, l-FOI, l-industrijalisti, l-unions u l-Kamra tal-Kummerċ kienu jkunu spalla ma' spalla magħna għax huwa f'dak il-mument li għandek tara kif tista' tieħu l-aqwa kondizzjonijiet biex meta Malta tidħol fl-Unjoni Ewropea terfa' l-piżijiet fuq tul ta' żmien u tieħu l-vantaġġi malajr kemm jista' jkun. Dan huwa l-għaqal tal-politika barranija ta' Malta.
Sur President, jiena nsegwi kulma jingħad kemm minn din in-naħa u kif ukoll min-naħa l-oħra. Artiklu li laqatni ħafna kien l-artiklu bit-titlu "L-ilma tal-Ħajja" tal-kollega tiegħi l-Onor. Lino Spiteri f'''l-orizzont'' ta' nhar it-Tnejn 16, ta' Frar 1998. Din m'hijiex xi ħaġa li qalha lil xi ħadd konfidenzjalment u żgur li ħadd m'għandu jitkellem fuq affarijiet li wieħed jgħid konfidenzjalment imma hija linja ta' ħsieb li qiegħed jimmatura f'dan il-pajjiż. L-Onor. Spiteri qal:
"Jien issa ilni li bdejt nargumenta illi, meta tieħu kollox ma' kollox fil-kontest tal-qagħda li wiret il-Gvern Laburista, kien u għadu jkun aħjar kieku Malta tibda tinnegozja fuq il-bażi ta' proposta għal sħubija."
Nerġa' ngħid, dan qalu l-Onor. Lino Spiteri, ex-Ministru tal-Finanzi u ekonomista li qiegħed jittratta r-rapport imħejji fl-Unjoni Ewropea dwar ir-relazzjonijiet ma' Malta u jesprimi l-veduti tiegħu dwar kif jara l-ġejjieni. Imbagħad ikompli:
"Dan għax, dejjem meta tieħu kollox ma' kollox, inħoss li jista' jkun hemm vantaġġ psikoloġiku - fil-moħħ u fl-istennija - għall-operaturi ekonomiċi, li jista' jkollu bilanċ favorevoli mqabbel ma' l-għażla l-oħra."
Aktar 'l isfel ikompli jgħid:
"Lanqas, forsi wisq inqas, ma se tinżel il-manna mis-sema bin-negozjati għal zona ta' kummerċ ħieles, kif issa ġiet il-bażi tad-diskussjoni. Qabel, il-proposta kienet għal żona industrijali ħielsa, imma ta' l-Unjoni dawruha.".
Issa, jiena qed ngħid dawn l-affarijiet għaliex tajjeb naraw ftit x'inhu l-ħsieb li qiegħed jimmatura f'din il-Kamra. Meta mbagħad qed jirriferixxi għal-levies, l-Onor. Spiteri jgħid:
"Ngħidu aħna, il-Federazzjoni ta' l-Industrija tgħid u ttenni li ma kenitx taf li l-Gvern Nazzjonalista kien intrabat li jneħħi 400 levy (jiġifieri, imposta fuq l-importazzjoni ta' prodotti b'żieda mad-dazju, VAT jew xi jkun li jissejjaħ il-piż normali fuqhom) sa l-1996.

Jien nidħak meta nisma' dan. Il-federazzjoni kienet iddoqq diska waħda. Kienet b'ruħha u ġisimha favur is-sħubija. Il-mexxejja tagħha kienu spalla ma' spalla mal-ministri Nazzjonalisti. Midħla tagħhom. Bieb miftuh min-naħa għal oħra.",


kif inhu miftuħ illum. Aktar 'l isfel l-Onor. Spiteri jgħid:
"Kif issa, mela, jistgħu jgħidu li ma kenux jafu x'kien hemm jinħema fid-diskussjonijiet uffiċjali dwar sħubija fl-Unjoni Ewropea? Kif jistgħu jgħidu li ma kenux jafu li se jiżżarmaw il-levies meta din kienet xi ħaġa li trid issir bilfors, kif bilfors għad trid issir?"
Jiena dan qed ngħidu għaliex huwa faċli li tidħol fid-djalettika tal-kritika reċiproka, huwa faċli li nipprovaw nikkundannaw lil xulxin u huwa faċli li nkomplu nagħmlu ħsara lil Malta flimkien b'dan il-mod.
Jiena smajt b'attenzjoni lill-Onor. Dom Mintoff jitkellem hawn ġew u nifhem li dan il-pajjiż għaddejnih wisq minn sens ta' qasmiet. Nifhem li kien hemm żmien min ried l-integration u min ried l-indipendenza. Kien hemm ukoll żmien fejn dan il-Parlament, b'vot unanimu għadda il-Break with Britain Resolution. Dakinhar kien hemm il-kuraġġ politiku li jingħad li din kienet soluzzjoni li dehret tajba. Is-sitwazzjoni internazzjonali u ekonomika u realtajiet oħra urew li dik is-soluzzjoni ma kenitx tajba u r-riżultat ta' dan kien li erġajna konna flimkien. Is-sitwazzjonijiet forsi m'għadhomx jidhru daqshekk drammatiċi bħalma kienu dakinhar. Jien nitkellem ma' ħafna żgħażagħ li ma jafux xi tfisser li jkollok kostituzzjoni u jiġi xi ħadd minn Whitehall u jneħħihielek u ma jifhmux is-sofferenza kbira ta' dik il-ġenerazzjoni li għexet dawk iż-żmenijiet. Jaħsbu li l-indipendenza hija xi ħaġa normali. Aħna qatt m'aċċettajna, bħalma għamlu ċ-Ċiprijotti, li ġo artna jkollna bażi militari. Allavolja dejjem kien hemm tilwim politiku bejn iż-żewġ partiti prinċipali, dawn dejjem għarfu dak li verament kien l-interess ta' Malta. U jien niftakar li anke f'dak il-ġlied kbir, b'daqqa t'għajn l-Onor. Perit Mintoff u Dr Borg Olivier kienu jiftehemu.
Sinjura President, hawnhekk forsi ż-żmien jagħtini vantaġġ żgħir. Minn ta' qablek u minn min għandu esperjenza iżjed minnek titgħallem tista', u jien nemmen li jekk hemm xi ħadd konvint għas-soluzzjoni Ewropea naħseb li huwa jien ġo dan il-pajjiż. Jekk hemm xi ħadd konvint fuq il-bżonn ta' politika Mediterranja għal Malta, naħseb li jien segwejt dik il-politika Mediterranja li sibt imfassla minn ħaddieħor. Jien din il-politika segwejtha bi twemmin u ma segwejthiex per konvenjenza. Jien naħseb li din Malta tagħna timmerita aħjar u timmerita aktar minn din ir-retorika reċiproka li ilna għaddejjin biha. Timmerita li flimkien għandna niltaqgħu u nipprovaw insibu l-common factor. Forsi jgħiduli li qabel ma kontx nitkellem dwar consensus. Kif stajt nitkellem dwar consensus fi żmien meta kienu jgħidulna li jekk nidħlu fl-Ewropa nġibu l-AIDS! Kif qatt stajt nitkellem dwar consensus f'dak il-kontest? Ma kienx hemm dak it-terren biex stajt titkellem. Illum hemm metodu kif nitkellmu b'mod ċivili, b'mod trasparenti u b'mod korrett lejn xulxin. Naħseb li aħna għandu jkollna dan il-kuraġġ politiku li ngħidu li għandna nipprovaw naraw fuqhiex qegħdin niġġieldu. Ejja naraw ftit jekk dak li qegħdin niġġieldu fuqu effettivament huwiex aktar ingombru milli realta' u humiex iktar preġudizzji tagħna illi forsi verament qegħdin niġġieldu dwarhom.
Illum għandna ngħidu li Malta veru għandha tidħol fl-Unjoni Ewropea pero' forsi għandha bżonn iżjed żmien. Wara kollox x'inhuma għaxar snin jew għoxrin sena fil-ħajja ta' poplu. Jien naf għaliex għandi din il-ħerqa u ninsisti li nidħlu fl-Ewropa meta jkun il-mument biex nidħlu. Jekk nibqgħu barra u ndumu ma nidħlu, l-irwol tagħna jkun ħafna iċken. Jekk aħna nidħlu llum fl-Unjoni Ewropea, nafu bejn wieħed u ieħor il-parametri x'se jkunu. Jekk wieħed jara t-Trattat ta' Amsterdam isib li, fost affarijiet oħra, il-protokoll jgħid li jeħtieġ li kulħadd ikollu kummissarju fil-commission, anke jekk għandna nintroduċu double majority jew weighting differenti. Illum nafu x'inhuma l-parametri, imma għada, jekk jilħqu jidħlu l-Bulgari, ir-Rumeni, l-Estonji, il-Litwani, l-Isloveni, il-Maċedoni u anke forsi l-Albaniżi, dawn il-parametri jkunu differenti. Aħna rridu nkunu rilevanti fil-politika barranija tagħna. Dik hija x-xewqa tagħna. Ejja nitkellmu ftit b'aktar loġika u b'aktar interess nazzjonali flimkien. Naħseb li b'hekk forsi nistgħu nsibu t-triqat li jimmerita dan il-poplu. Grazzi.
MADAM SPEAKER: Aktar rimarki? Il-Prim Ministru.
ONOR. ALFRED SANT (Prim Ministru): Madam Speaker, l-ewwelnett nixtieq nagħmel ftit rimarki partiġjani, imbagħad se nipprova nitkellem b'mod aktar bilanċjat. L-ewwel rimarka li nixtieq nagħmel hija fuq l-akkużi ta' inkompetenza li għoġbu jagħmel il-Kap ta' l-Oppożizzjoni. Frankament ma nikkonsidrawh bl-ebda mod dehen jew f'pożizzjoni li jattakka lil xi ħaddieħor fuq kompetenza u inkompetenza għaliex matul iż-żmien tiegħu bħala prim ministru ta biżżejjed turijiet ta' inkompetenza. Eżempji ta' din l-inkompetenza huma l-400 levy li aċċetta li jneħħi sa tmiem l-1996 u l-maħfra presidenzjali li organizza għat-traffikant tad-droga Queiroz, bit-taħwid kollu li kien hemm magħha.
Eżempji oħra ta' din l-inkompetenza huma l-quays taċ-Ċirkewwa u l-Imġarr, fejn kien hemm il-Gozo Channel li min-naħa kienet qed torganizzahom għal Għawdex, u l-Malta Maritime Authority min-naħa l-oħra torganizza għaċ-Ċirkewwa, u ż-żewġ pjanijiet ma jaqblux flimkien. Kellna wkoll il-kuntratt ta' Lm30 miljun għall-ferries infushom tal-Gozo Channel, li ħabbar fl-aħħar minuta qabel l-elezzjoni mingħajr ma kien jaf li m'hemm l-ebda underpinning serju fuq il-kuntratti.
Eżempju ieħor ta' din l-inkompetenza hu l-mod kif żviluppat il-power station ta' Delimara, fejn telgħu ċmieni m'ogħla s-smewwiet, imbagħad għat-tieni fażi, wara li kienu ntnefqu xi Lm10 miljun, ddeċieda li jagħmel teknoloġija oħra li ma kellhiex bżonn dawk iċ-ċmieni li jidhru mill-postijiet kollha ta' Malta. Fuq l-airport terminal ħadd ma jaf eżattament kif intnefqu bejn Lm6 u Lm10 miljun aktar fuq l-estimi li kien ħareġ bihom.
Eżempju ieħor ta' l-inkompetenza hi li waqqaf Posta Ltd bħala kumpannija, biex taparsi tkun aktar effiċjenti mid-dipartiment tal-gvern, u f'temp ta' sena tilef maż-Lm2 miljun u ħadd ma jaf eżattament kif intnefqu dawn b'kuntratt mal-Ġermanija. L-istess Posta Ltd, fejn taparsi saret iżjed effiċjenti, f'temp ta' sitt xhur iddeċidiet li tonfoq maż-Lm2 miljun biex tixtri art u fuqha tibni l-headquaters tagħha, meta wara l-kantuniera kien hemm bini tal-gvern li faċilment seta' jintuża għal hekk!
Insemmi wkoll ix-xogħol li sar f'Tal-Qroqq għall-bini ta' l-isptar il-ġdid. F'dan il-każ ingħatat direct order ta' Lm2 miljun ta' designs lil San Raffaele u x-xogħol ta' designs kien tant imħarbat li għamilna sitt xhur u għadna qegħdin nipprovaw nifhmu s'issa eżattament fejn kienu se jwasslu dawn id-disinji. Dan ukoll apparti mill-fatt li huma stess għamlu sitt xhur imħawda fejn se jwasslu dawn id-disinji. Hemm ukoll il-każ tal-bus ticketing machines, kuntratt sħiħ li ħadd ma jaf eżattament minn fejn spara, bil-miljuni tal-liri ħerġin.
Hemm ukoll l-eżempju tar-raba' tal-Marsa, li kienet se tingħata biex tinbena fabbrika tal-Coca-Cola, meta kien hemm artijiet oħra fabrikabbli li setgħu jingħataw. It-toroq tħallew jitħarbtu għal snin qabel l-elezzjoni u mbagħad għamlu crash campaign sitt xhur qabel l-elezzjoni u Malta kollha kienet mimlija bit-trakkijiet jirranġaw l-art. F'dak il-każ sibna li kien hemm Lm7 miljun ta' kontijiet mhux imħallsa.
Eżempju ieħor ta' l-inkompetenza kien meta ntefqu Lm1 miljun għal xejn b'xejn fuq forum jismu Crans Montana, biex iġibu xi nies jitkellmu hawn Malta, u ħadd ma ħa assolutament xejn minnhom. Kien hemm ukoll ix-xiri ta' Malta House li saret bl-addoċċ f'Londra, biex taparsi jkun hemm Malta House, u ħadd ma kien jaf eżattament kif ġie deċiż il-kuntratt, apparti l-fatt li kien hemm claim ta' xi Lm500,000 fuq VAT li trid titħallas l-Ingilterra. Din il-claim imbagħad ġejna ffaċċjati biha aħna. Forsi dawn mhux kollha eżempji ta' inkompetenza?
Kien hemm l-argumenti li kien jiżviluppa bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista qabel l-elezzjoni, li l-Partit Nazzjonalista m'għandux bżonn ta' televiżjoni. Issa dawwar kollox u jinsab għaddej bit-trombi kollha biex jiġbor il-flus ħalli jkollu t-televiżjoni. Imbagħad kien hemm id-dikjarazzjoni tassew kompetenti, kif kienu waslu biex joħorġu r-riżultati ta' l-elezzjoni, li ż-żewġ partiti kienu se jispiċċaw photo finish! Dan huwa l-persuna li għandu l-wiċċ jgħajjarna inkompetenti! Aħna ma nistgħu nirrikonoxxu bl-ebda mod li l-Kap ta' l-Oppożizzjoni jkollu xi dritt biex juża dawn il-kliem. L-inkompetenza qegħda bullata fuq il-gvern tiegħu u fuq it-tmexxija tal-partit tiegħu. Dan kien il-kumment ta' natura partiġjana li xtaqt nagħmel. Madam Speaker, nixtieq issa nitkellem b'mod kompletament kliniku. U nitkellem b'mod tassew kliniku mhux biss b'sens ta' relazzjonijiet internazzjonali imma dwar x'inhu l-bżonn strateġiku ta' dan il-pajjiż, din is-soċjeta' u din l-ekonomija.
Il-ħtieġa kbira li għandna hija li nimmodernizzaw l-istrutturi fil-mod kif titmexxa l-ekonomija tagħna, jiġifieri s-settur industrijali, is-settur turistiku u s-settur tal-gvern. Aħna minn hemmhekk irridu nitilqu. Fl-istrutturi attwali jsaltan element qawwi ta' protezzjoniżmu u wasalna fit-tarf ta' fejn nistgħu niżviluppaw b'dan il-mod. Il-protezzjoniżmu tat-tip li eżerċitajna matul is-snin iwassal inevitabbilment biex l-ekonomija u s-soċjeta' tagħna tiżviluppa biss billi l-gvern jippompja dejjem aktar permezz ta' deficit spending. Aħna ma nistgħux nibqgħu sejrin hekk. Wasalna fi stadju fejn l-ispiża li l-gvern iwaddab fl-ekonomija tant żbilanċjat mad-dħul li għandu l-gvern, li qed indaħħlu żbilanċ totali fil-pajjiż u qed indendlu lill-gvern fil-maqbad ta' bankiera barranin. M'hemmx aktar żbokki ta' kif niżviluppaw f'dan il-pajjiż. L-isfida ewlenija li għandna quddiemna hija - u jiddispjaċini ngħid għaliex dik hi r-realta' - kif aħna se noħolqu strutturi produttivi ġodda li jrendu fl-ekonomija tas-suq.
Biex naslu għal dik il-pożizzjoni rridu bilfors niżviluppaw ftuħ fl-ekonomija tagħna u dan il-ftuħ irid ikun maħsub li bil-mod il-mod niżmantellaw il-protezzjoni. Ċerta protezzjoni kienet meħtieġa biex l-istrutturi produttivi jikbru f'dan il-pajjiż imma issa, biex ikomplu jikbru u jiżviluppaw biex tassew jirrendu u jagħtuna l-iżvilupp meħtieġ, hemm bżonn li dawn l-istrutturi jitgħallmu jadattaw ruħhom ħalli jkunu kompetittivi f'sitwazzjoni ta' ekonomija u soċjeta' miftuħa. Allura l-isfida kbira hija kif se niftħu din is-soċjeta' u l-ekonomija tagħna. Din hi l-aqwa sfida f'dan il-pajjiż. Aħna ma nistgħux nibqgħu għaddejjin kif kien għaddej il-Gvern inkompetenti ta' l-Onor. Eddie Fenech Adami. Dawn l-istrutturi kienu jistrieħu fuq l-ossiġenu li jippompja l-gvern bid-deficit tiegħu. Ma tistax tibqa' sejjer biha din u ma nistgħux nibqgħu - kif qal l-Onor. Dom Mintoff u oħrajn - nżidu l-impjiegi mal-gvern biex ngħattu l-problemi reali u nippretendu li l-affarijiet mexjin sew. Ma jistax ikun li nibqgħu għaddejjin b'dan ir-ritmu imma rridu nimmodernizzaw u nirristrutturaw f'kuntest ta' ekonomija miftuħa. Biex nagħmlu dan trid torbot minnufih mar-rabta li jrid ikollna ma' l-Unjoni Ewropea.
F'dan il-qafas l-Unjoni Ewropea tirrappreżenta s-sieħeb ekonomiku u kummerċjali l-aktar importanti li għandna. M'hemm l-ebda dubbju fuqha din. Biex tassew ikollna ekonomija u struttura miftuħa rridu naraw mil-lat ekonomiku x'inhi l-aħjar rabta li jista' jkollna ma' l-Unjoni Ewropea. Dik ir-rabta rridu nfassluha mhux f'xi ħsieb romantiku ta' x'inhi l-Ewropa jew x'inhu l-Mediterran imma f'analisi reali u serja ta' x'inhuma ċ-ċirkostanzi tagħna, ta' x'inhu l-potenzjal tagħna u ta' kif nistgħu nimmobilizzaw ir-riżorsi umani u materjali bl-aħjar mod. Allura aħna minn hemm irridu nitilqu. Hemm bżonn li jkollna l-aħjar rabta possibbli ma' l-Unjoni Ewropea għaliex din tirrappreżenta l-aqwa sieħeb tagħna u allura rridu nfasslu dawn l-affarijiet skond iċ-ċirkostanzi reali tagħna.

Jien ngħid ukoll li ħaġa bħal din torbot anke ma' l-ideal Ewro-Mediterranju li nemmnu fih u mal-ħtieġa li waqt li qegħdin niżviluppaw ir-relazzjonijiet tagħna ma' l-Unjoni Ewropea, b'mod li jagħmel sens għalina, inkunu qegħdin nagħtu kontribut għall-iżvilupp fil-Mediterran, għall-paċi fil-Mediterran, għall-koperazzjoni u l-unita' tal-Mediterran u viċi versa. Kull inizjattiva li nieħdu fil-qafas tal-Mediterran, fl-opinjoni tagħna, dan ikun ukoll kontribut dirett lejn il-paċi, l-iżvilupp u l-integrazzjoni Ewropea, għaliex waħda torbot ma' l-oħra. Issa meta qed ngħidu dan kollu, wieħed irid jara x'inhuma r-rabtiet possibbli li jista' jkollna ma' l-Unjoni Ewropea. Din hija xi ħaġa li ma ssirx min-naħa l-oħra. Min-naħa l-oħra jċallsu l-affarijiet.


Madam Speaker, hawnhekk nistgħu nħarsu b'mod tekniku dwar il-kwestjoni ta' x'inhuma r-rabtiet li pajjiż jista' jkollu ma' l-Unjoni Ewropea. L-ewwelnett hemm ir-rabta li twassal għal żona ta' kummerċ ħieles li se ngħaddi għaliha aktar tard. Imbagħad hemm għażla ta' għaqda doganali li hija differenti minn kummerċ ħieles. Hemm ukoll l-għażla li ma' l-Unjoni Ewropea jkollok rabta li żżommok f'area ekonomika komuni u hemm ukoll is-sħubija sħiħa. Kull waħda għandha l-karattri, ir-rabtiet u r-responsabbiltajiet tagħha. Xi jfisser kummerċ ħieles? Kummerċ ħieles ifisser li meta inti jkollok prodotti ta' fabbriki u ta' azjendi, dawn imorru fl-Unjoni Ewropea mingħajr ma jkollhom barriera ta' dazju lejhom u meta l-pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropea jesportaw lejk ikollhom ukoll l-istess faċilita'. Xi tfisser għaqda doganali?
Għaqda doganali tfisser li inti mhux biss tesporta u lilek jesportawlek bla barrieri ta' xejn imma torganizza madwarek tariffi għal dak li jiġi minn barra l-Unjoni Ewropea. L-Unjoni Ewropea jkollhom l-istess barrieri bħalma għandhom għal pajjiżi bħall-Ġappun. Hemm differenza kbira bejn għaqda li għandha x'taqsam ma' kummerċ ħieles u għaqda doganali. Anke hawn il-Kap ta' l-Oppożizzjoni injora dan il-punt. Mhux veru li t-Trattat ta' l-Assoċjazzjoni bejn Malta u l-Unjoni Ewropea jwassal għal żona ta' kummerċ ħieles imma jwassal għal għaqda doganali, għal customs union. Din kienet ir-raġuni li Gvern Laburista fl-imgħoddi, Gvern Nazzjonalista wara u anke llum, eskludew li jaslu daqshekk malajr għal għaqda doganali. Għaliex? Għaliex l-għaqda doganali minnha nnifisha timponi ħafna aktar obbligi milli timponi żona ta' kummerċ ħieles. Fil-każ ta' żona ta' kummerċ ħieles int trid tiffokka biss fuq ċerti relazzjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' tariffi u ma' dazji. Meta qed nitkellmu fuq għaqda doganali mhux qed nitkellmu fuq dazji lejn il-pajjiżi li qegħdin f'għaqda doganali u lejn pajjiżi li huma barra l-għaqda doganali imma qed nitkellmu wkoll fuq obbligu li inti, bħala membru ta' l-għaqda doganali, tbiddel l-istruttura tat-tassazzjoni tiegħek. Trid tbiddel ukoll ċerti elementi tal-politika kummerċjali biex tkun tista' tgħaqqad il-pajjiż bis-sistema ta' għaqda doganali. Dan hu l-punt. Mela l-obbligi li hemm f'għaqda doganali jmorru ħafna aktar 'il bogħod milli jmorru l-obbligi fil-qasam ta' żona ta' kummerċ ħieles. Allura li jiġi hawn il-Kap ta' l-Oppożizzjoni u jgħid li aħna diġa' qed naċċettaw l-obbligi li hemm fil-Ftehim ta' l-Assoċjazzjoni ta' l-għaqda doganali, assolutament qed iqarraq u jħawwad l-imħuħ. Imma mbagħad hemm it-tielet fażi.
Wara l-għaqda doganali hemm l-arranġament li bih pajjiż terz ma' l-Unjoni Ewropea jista' jkollu ftehim għal area ekonomika komuni, European economic area. Din mhux biss tfisser obbligi ta' għaqda doganali imma ddaħħal ukoll l-obbligi li għandhom x'jaqsmu mal-ħtieġa li l-ewwelnett ċittadini li huma parti mill-Unjoni Ewropea jistgħu jiġu fil-pajjiż li huwa parti mill-economic area u banek u azjendi jistgħu jagħmlu l-istess ħaġa. In-nies jistgħu jmorru min-naħa għall-oħra anke biex jaħdmu u ddaħħal ukoll ċerti aspetti oħra ta' obbligi illi jmorru ħafna oltre minn dak li joħroġ minn għaqda doganali. Mela l-ewwel żona ta' kummerċ ħieles, imbagħad għaqda doganali u mbagħad sistema ta' ftehim li bih ikun hemm area ekonomika komuni. Hemm imbagħad ir-raba' rabta, jiġifieri li twassal biex pajjiż isir membru ta' Unjoni Ewropea.
Issa meta qed nitkellmu fuq pajjiż li jrid isir membru sħiħ ta' l-Unjoni Ewropea ma nkunux qed nillimitaw ruħna għal għaqda doganali - jiġifieri bl-obbligi li nneħħu kull barriera u kull miżura protettiva u naċċettaw il-politika doganali ta' l-Unjoni Ewropea - għax l-affarijiet imorru ħafna iktar 'il bogħod minn hekk. Mhux sew li meta nitkellmu fuq sħubija fl-Unjoni nagħtu l-impressjoni li qed nitkellmu biss fuq dak li joħroġ minn ftehim ta' kummerċ ħieles. Dan mhux veru għaliex sħubija sħiħa tfisser ħafna u ħafna aktar minn hekk. Nerġa' ngħid li din tfisser mhux biss li jkun hemm ħelsien ta' kummerċ bejn iż-żewġ naħat imma tfisser li wieħed jassumi l-obbligi sħaħ li għandu min huwa membru ta' l-Unjoni Ewropea. Huwa veru li hemm vantaġġi f'dan imma hemm l-iżvantaġġi wkoll f'din il-ħaġa. Hawnhekk nitkellmu fuq sħubija sħiħa qisna sempliċement inħabbtu l-bieb u jiġu l-pakketti u l-karrettuni bil-flus!
Imma kemm taħsbu li l-poplu Malti huwa mazzun! Madam Speaker, dan l-aħħar kien hemm programm fuq it-televiżjoni u jidhirli li ħa sehem fih l-Onor. Guido de Marco, li beda jitkellem dwar flus li nistgħu ningħataw u dwar fondi strutturali. Jien inzertajt ltqajt ma' mara xiħa u qaltli: Isma', possibbli li dawn in-nies jagħtuk biss u ma jeħdulek xejn? Dik hija l-mistoqsija. X'se tagħti tagħhom dawn l-affarijiet? Fejn huma l-obbligi? Nitkellmu taparsi fuq il-vantaġġi ta' sħubija imma mbagħad meta niġu biex niddiskutu l-obbligi, hemmhekk ma jgħidu xejn iktar. U dawn mhumiex kwestjoni ta' obbligi li sempliċement għandhom x'jaqsmu ma' flus.
Waħda mill-affarijiet li tiġri minn sħubija sħiħa hija, Onor. de Marco, li inti trid taċċetta d-dimensjonijiet kollha tal-politika li biha l-Unjoni Ewropea timxi, per eżempju, fil-qasam tal-biedja, fil-qasam tal-politika kummerċjali, fil-qasam tal-liberta' li biha n-nies imorru joqogħdu minn post għall-ieħor, fil-qasam tal-politika li biha n-nies jew l-azjendi u s-self-employed iż-żgħar jistabilixxu ruħhom, u fil-mod u fil-liberta' sħiħa ta' kif in-nies jixtru l-art. Għaliex il-Ġermanija ma tridx taċċetta lit-Turkija bħala membru sħiħ ta' l-Unjoni Ewropea? Il-Ġermanja hi l-aktar pajjiż li trid li jidħlu membri fl-Unjoni Ewropea imma lit-Turkija ma tridhiex. Għaliex? Għaliex it-Turkija għandhom l-Islam? Ir-raġuni hija li l-Ġermanija jafu li bit-Turkija bħala membru sħiħ ta' l-Unjoni Ewropea, it-Torok se jkollhom iċ-ċans u d-dritt kollu li jmorru jissettiljaw, joqogħdu u jaħdmu fil-Ġermanija. Mela dak li japplika min-naħa ta' hemmhekk japplika wkoll min-naħa t'hawn isfel.
Waħda mill-affarijiet li ma tissemmiex hija li sħubija sħiħa għal Malta tfisser ħelsien sħiħ għal ċittadini tal-pajjiżi Ewropej li jiġu biex joqogħdu, jaħdmu u jwaqqfu azjendi f'Malta. Issa dan qed ngħidu b'xenophobic sense, għaliex aħna nibżgħu? Xejn minn dan, imma ejja naħsbu fil-fraġilita' ta' l-istrutturi tagħna. Ejja nifhmu li diġa' jiġru dawn l-affarijiet. Hawn Malta diġa' jiġu Ġermaniżi u Franċiżi li jagħmlu sena jew sentejn jaħdmu bħala tourist guides and they undercut the market u jispiċċaw jimpjegawhom tour operators Maltin u barranin għaliex bihom ikunu jistgħu jżommu s-suq maqtugħ minn taħt. Dawn l-affarijiet ma jissemmewx imma qed jiġru. Daqskemm ma jiġrix ukoll li self-employed żgħar minn Sqallija u pajjiżi oħra jiġu f'pajjiżna u jistabilixxu t-trattoria tagħhom hawnhekk. Dawn l-affarijiet għandna nibżgħu minnhom? Jien ngħid li rridu noqogħdu attenti mhux għaliex għandna xi xenophobic sentiment imma għaliex l-istrutturi tagħna huma fraġili. Bħal, per eżempju, l-argument li jiġu u jixtru l-proprjeta' bla ebda constraint ta' xejn. F'ċerti limiti aħna rridu li proprjeta' tista' tinxtara f'pajjiżna, imma jekk ikun hemm xmara ta' nies li għandhom ċertu poter finanzjarju li jiġu jixtru l-artijiet u d-djar, x'se jiġri għas-suq Malti u għaċ-ċittadini Maltin? Dawn l-affarijiet għall-Oppożizzjoni ma jeżistux. L-Oppożizzjoni titkellem biss fuq l-ajruplani u flejjes neżlin u xejn aktar!
Sinjura President, hawnhekk tidher ċar id-diżonesta' politika f'din l-istorja għaliex minflok jifhmu u jfiehmu, jipprovaw iħawdu l-imħuħ. Illum stess, il-Kap ta' l-Oppożizzjoni ġie hawnhekk jgħidilna li biż-żona ta' kummerċ ħieles ħadna l-obbligi kollha ta' sħubija sħiħa. Din min bellagħhielu lill-Kap ta' l-Oppożizzjoni? Jew inkella hi xi ħaġa li jrid ibellagħha lin-nies? Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni ilu jirripeti dawn l-affarijiet għal dawn l-aħħar ġimgħat u dawn l-aħħar xhur. Assolutament mhuwiex veru li meta jkollok kummerċ ħieles ma' l-Unjoni Ewropea ikollok l-istess obbligi - u huma jgħidu mingħajr vantaġġi - ta' sħubija sħiħa. Hi l-akbar diżonesta' li tgħid din il-ħaġa, aktar u aktar meta huwa meħtieġ u huwa fl-interess essenzjali ta' dan il-pajjiż li jiġu żviluppati l-istrutturi b'mod li nimxu lejn kummerċ ħieles. Sa ftit ta' żmien ilu konna ngħidu bil-maqlub. Konna ngħidu li hemm bżonn li niggwidaw dan il-pajjiż taħt sistemi protettivi. Issa ż-żmenijiet qegħdin jinbidlu u jekk ma nagħrfux li nbidlu u ma niġġwidawx lis-soċjeta' u l-ekonomija tagħna biex tinfetaħ taħt kondizzjonijiet kontrollati, inkunu qegħdin infallu bil-kbir. Dan huwa d-dnub fundamentali ta' l-Oppożizzjoni tal-lum, li anke jekk qed tifhimhom dawn l-affarijiet, tant imtliet għajnejha b'din il-fissazzjoni ta' sħubija at all costs, li assolutament m'humiex qed jikkonċentraw fuq l-interess vitali ta' dan il-pajjiż. Jien nibqa' ngħid li aħna għandna kummerċ industrijali ħieles u hekk qed nibqgħu inwettqu. Irridu naċċettaw li taħt sistemi internazzjonali trid tgħid kummerċ ħieles. Imbagħad f'dik l-istruttura nistgħu - u hekk għandna nagħmlu - ninnegozjaw arranġamenti settorali li meta tagħmel il-kalkoli issib li għalkemm qed tgħid kummerċ ħieles tkun qed twettaq kummerċ industrijali. Nista' nkun aktar ċar minn hekk? Aħna rridu naċċettaw din il-loġika diplomatika li taħdem, li hija aċċettabbli u li qed naħdmu fuqha anke meta nħarsu, per eżempju, lejn il-kondizzjonijiet li qegħdin jiġu proposti fir-rapport tal-Kummissjoni. Dan huwa rapport li huwa abbozz ta' mandat. L-Unjoni Ewropea hekk taħdem, b'abbozz ta' mandat. Aħna effettivament se ninnegozjaw fuq dan ir-rapport għaliex inqisuh bħala bażi sodisfaċenti, imma dan ma jfissirx li se naċċettaw il-kondizzjonijiet li hemm fih.
Per eżempju, aħna nħossu u nibqgħu ninsistu li għandna bżonn mill-anqas bejn ħames snin u seba' snin biex inkunu nistgħu niftħu b'mod li nipproteġu l-ħaddiema, l-ażjendi u l-investimenti tagħna. Jien nibqa' ngħid li se jkun hemm setturi fejn nibqgħu ninsistu li għal raġunijiet strateġiċi ta' interess nazzjonali, iridu jkunu esklużi mill-kondizzjonijiet ta' kummerċ ħieles. Dawn huma guidelines, toroq ta' tmexxija, li ilhom ippjanati għal dawn l-aħħar erba' snin. L-Onor. Membri ta' l-Oppożizzjoni tant għandhom moħħhom imdallam li lanqas biss qraw dak li konna ngħidu. Il-mod kif qed naħdmu llum ili nitkellem dwaru pubblikament għal dawn l-aħħar tliet snin jew erbgħa. Konna għidna li se nerġgħu ndaħħlu s-sisa u daħħalniha u għidna li s-sisa, bħala parti miż-żona ta' kummerċ ħieles, nestenduha fuq il-produzzjoni lokali, pass wara ieħor. L-idea u l-ħsieb hemm qegħdin u l-proġett qiegħed jitwettaq. Hija l-inkompetenza tal-Kap ta' l-Oppożizzjoni attwali li lanqas tippermettilu jifhem l-istrateġija li mexjin biha. Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni baqa' jaħdem u jħawwad fuq l-ideat antikwati tiegħu u mhux qed jifhem li aħna mexjin fuq strateġija preċiża.
Jien innotajt kull ħaġa li ntqalet min-naħa ta' l-Onor. Perit Mintoff u min-naħa ta' l-Onor. de Marco dwar il-ħtieġa li jkun hemm konverġenza ta' ħsieb fil-politika barranija. Anke l-mod kif qed nimxu, qed jippreserva din il-ħtieġa fil-limiti tal-fatt li m'hawnx qbil f'dan il-pajjiż fuq x'għandha tkun ir-relazzjoni bejn Malta u l-Unjoni Ewropea. Aħna qegħdin nimxu fuq politika mfassla u maħsuba tajjeb minn qabel. Qegħdin inwassluha b'mod ukoll li bl-ebda mod m'aħna qegħdin nippreġudikaw x'tista' tiddeċiedi maġġoranza oħra, jew x'jista' jiddeċiedi l-poplu Malti għaxra jew 20 sena oħra, skond iċ-ċirkostanzi ta' dak iż-żmien. Ara l-oħrajn mhux hekk għamlu. L-oħrajn ipprovaw jorbtulna jdejna. Aħna għidnilhom li huma mingħalihom qed jorbtu għax il-poplu se jħoll. Il-poplu ħall u aħna qegħdin f'pożizzjoni li nimxu fi triq fejn nagħtu kull ċans u spazju li konverġenza futura tista' tibqa' tinbena. Din nibqgħu ngħiduha u se ntemm fuq dan il-punt.
Jekk irridu tassew naħdmu bi ħsieb komuni, dak li qed nipproponu aħna bl-ebda mod ma jinnega lill-Oppożizzjoni meta tkun fil-gvern, jekk jitbiddlu ċ-ċirkostanzi, jew inkella lill-gvern futur Laburista, milli jimxi 'l quddiem fuq ċerti binarji. Allura x'qed iżomm lill-Oppożizzjoni preżenti milli tikkollabora mal-Gvern biex il-proġett tagħna jitwettaq? Għaliex wara kollox, malli jitwettaq il-proġett ta' kummerċ ħieles, ikunu għamlu pass wieħed milli suppost riedu jagħmlu. Damu għaxar snin jgħidu fuq l-Unjoni Ewropea imma fil-prattika ma wettqu xejn. Aħna f'temp ta' 15-il xahar diġa' ġibna consensus nazzjonali fuq il-ħtieġa li jkollna proċess għaddej ħalli nagħmlu kummerċ ħieles ma' l-Unjoni Ewropea. Sinjura President, jien nemmen li din hija t-triq.
Jien nistieden lill-Oppożizzjoni attwali li jekk tabilħaqq temmen fl-għaqda nazzjonali u fil-consensus, jingħaqdu magħna f'din il-ħaġa u naħdmu flimkien ħalli nwettqu flimkien dan l-ewwel pass ta' proċess għal kummerċ ħieles ma' l-Unjoni Ewropea. Diġa' hawn magħna l-għaqdiet kollha tan-negozju u l-kordinament għaddej mal-unions. L-unika forza soċjali li baqgħet barra minn dan il-proċess hija l-Oppożizzjoni attwali, għaliex din għadha maqbuda fl-ossessjoni skaduta u skreditata tagħha. Jien għalhekk ngħid li jekk l-Oppożizzjoni tibqa' tippersisti fl-iżbalji tagħha affari tagħha, imma ċertament li l-mozzjoni ta' sfiduċja fil-Gvern ma jimmeritahiex li tgħaddi minn din il-Kamra, u jien inħeġġeġ lil din il-Kamra, biex tivvota għall-emenda tal-Gvern.
Yüklə 386,33 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin