MADAM SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? Il-Viċi Prim Ministru.
ONOR. GEORGE VELLA (Viċi Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent): Madam Speaker, nibda mill-aħħar appell li għamel il-Kap ta' l-Oppożizzjoni - dan l-aħħar xhur qed nisimgħuh spiss - dwar il-consensus. Jien nistaqsi: Xi ħadd jiftakar lill-istess Onor. Membru meta kien prim ministru jitkellem fuq consensus? Għaliex dak iż-żmien ma kienx jitkellem u issa qed jitkellem fuq consensus? Qegħdin hawnhekk biex nerġgħu niddibattu l-kwestjoni ta' l-Unjoni Ewropea u din id-darba fuq mozzjoni ta' sfiduċja. Jien ngħid li l-Kap ta' l-Oppożizzjoni għadu ma qatax qalbu u qisu jrid jinsa x'ġara f'Ottubru ta' l-1996. Se jibqa' ggranfat ma' ankra li għarrqitu dak iż-żmien, jiġifieri l-Unjoni Ewropea, u xi ħaġa korollari għaliha, li hija d-dħul tal-VAT. Jien nawguralu li jibqa' ggranfat ma' dawn l-affarijiet biex ikompli jgħarraq lill-partit tiegħu kif għamel f'Ottubru ta' sentejn ilu.
Fil-mozzjoni tiegħu l-Kap ta' l-Oppożizzjoni qed jikkwota l-programm elettorali tal-Partit Laburista fejn jgħid li:
"ll-Partit Laburista jemmen li Malta m'għandhiex issir membru ta' l-Unjoni Ewropea għax bħala membru jkollha taċċetta u tħaddem il-politika kollha ta' l-Unjoni. Parti ġmielha minn din il-politika tfasslet għall-pajjiżi kbar tal-kontinent Ewropew u ma tgħoddx għal gżejjer ċkejknin bħal Malta u Għawdex, bix-xejriet ekonomiċi u soċjali speċifiċi tagħhom."
Madam Speaker, din in-naħa għadha temmen li dik id-dikjarazzjoni politika fil-programm elettorali tal-partit li qiegħed fil-gvern illum għadha valida. Għadha valida minkejja d-diskors isteriku li nisimgħu fuq l-Unjoni Ewropea. Jien ngħid li d-dinja waqfet għal min kellu l-politika tiegħu kollha tiddependi biss fuq sħubija fl-Unjoni Ewropea u dak kollu li kienu qed jimmaġinaw li ġej b'din is-sħubija. U jien nixtieq li l-analisi pessimista li saret illum mill-Kap ta' l-Oppożizzjoni saret ukoll meta ħareġ l-avis u meta hu kien prim ministru.
Ħafna mill-affarijiet li kien hemm fl-avis ppruvaw kemm kellna raġun din in-naħa fid-diffikultajiet li konna qed naraw li jeżistu fit-triq ta' Malta għal sħubija sħiħa. Dak iż-żmien l-Onor. Fenech Adami mhux talli ma għamilx analisi bħalma għamel illum, fejn ikkwota artiklu wara artiklu, imma kien kuntent li rċevew rapport of a sort. Madam Speaker, fil-programm elettorali tagħhom hemm frażi importanti li taċċetta u tħaddem il-politika kollha ta' l-Unjoni Ewropea. Imma hawnhekk sirna qisna nagħmlu l-blinkers, inkomplu niżvijaw lill-poplu u nkomplu nitkellmu biss fuq parti waħda ta' x'kienet tkun tfisser sħubija fl-Unjoni Ewropea. In-naħa l-oħra dejjem jitkellmu fuq partijiet li jaqblu lilhom u l-affarijiet l-oħra ma jsemmuhom qatt.
Din il-mozzjoni tgħid ukoll li l-komunikat tal-Kummissjoni ma ġiex ippubblikat mill-Gvern, qisu xi ħaġa li ħbejniha aħna. Ovvjament hemm proverbju bil-Malti li jgħid li t-talija milli jkollha tagħtik, għax fil-verita' aħna sibna ħafna affarijiet moħbijin li kellu l-Gvern l-ieħor. Dawn tkellimt fuqhom hawnhekk u għadhom qegħdin hemm għal min irid jarahom - issa anke ġurnalisti qed jinteressaw ruħhom u qed jistaqsu għaliex il-Gvern preċedenti ma tkellimx fuqhom - għax aħna ma ħbejna l-ebda komunikat. Il-kwesjtoni kollha hija li aħna nżommu kelmtna. Lilna tawna dan ir-rapport u qalulna biex jekk jista' jkun ma nippubblikawhx qabel tlett ijiem. Aħna nafu li għandhom il-ħbieb ġo Brussels - (Interruzzjonijiet) nafu li l-etika ħafna drabi tarmiha wara spallejk, qisu ma ġara xejn - u dawn ħarġu bir-rapport qishom għamlu xi bravura. Jiġifieri dan il-komunikat mhux il-Gvern ippubblikah għax il-Gvern żamm kelmtu li jippubblikah fiż-żmien miftiehem.
Madam Speaker, min ġie biex jitkellem magħna kien imlaħħaq ġmielu imma tan-naħa l-oħra lil dan ddeskrivewh bħala "biċċa uffiċjal". Issa dan l-individwu huwa aktar għoli minn Serge Abou, li meta kien jiġi hawn Malta kienu joħorġu l-press releases u
jgħidu li kellhom laqgħat ma' "a senior delegation of European Commission officials". Issa meta ġie l-kap ta' Serge Abou biex jitkellem magħna tan-naħa l-oħra ħarġu jgħidu li ġie "biċċa uffiċjal"! Dan jien qed ngħidu ħalli l-poplu jkun jaf kemm in-naħa l-oħra tbiddel il-lingwaġġ, tbiddel it-ton u tbiddel il-fatti, skond kif ikun jaqbel lilha. Per eżempju, il-Kap ta' l-Oppożizzjoni qal li dan il-komunikat m'hemmx argumenti fuqu u qed jorbtuna bih. Issa fil-mozzjoni tiegħu stess hu qed igħid li dan huwa "il-bażi ta' proposta ta' ftehim". Jiġifieri jew ħaġa jew oħra! X'kienu jgħidu aktar ta' l-Oppożizzjoni?
Dawn kienu jgħidu li ta' l-Ewropa lanqas iridu jifhmuna. Dawn fehmuna, studjaw x'qegħdin ngħidu u għamlu l-proposta tagħhom. Issa n-naħa l-oħra, li qabel kienu lesti jistennew is-snin għax ma kellhom l-ebda idea x'se jiġri, u kienu mitlufin kompletament f'dak li għandu x'jaqsam ma' dati, f'daqqa waħda qegħdin jgħidu li din hija x'qalet l-Unjoni Ewropea u qisu m'hemmx ċans li nitkellmu fuq dawn l-affarijiet. Dawn qed jaġixxu qishom qed jaraw logħba football u fl-ewwel ħames minuti ddeċidew min se jitlef u telqu 'l barra! Hekk qed tagħmel in-naħa l-oħra, Madam Speaker. U jien ngħidilhom li għamlu biżżejjed fouls fid-dikjarazzjonijiet politiċi matul is-snin rigward l-Unjoni Ewropea li bihom urew li jew ma jafux kif l-Unjoni taħdem, jew riedu jgħaddu ż-żmien bil-poplu, jew li ta' l-Ewropa għaddew iż-żmien bihom. U jien ngħidilhom biex joqogħdu attenti għax jekk se jkomplu jagħmlu l-previżjonijiet, se jkollna iktar xi nżidu mal-lista tal-previżjonijiet li marru totalment żmerċ. Issa jekk hemm xi ħadd jieħu gost jagħmel il-previżjonijiet jagħmilhom. Aħna lanqas għadna bdejna nroddu s-salib fid-diskussjonijiet li jridu jsiru bejna u bejn l-Unjoni Ewropea. Wara li jsiru d-diskussjonijiet, nerġgħu niġu hawnhekk, nispera wara ċertu żmien, u nagħmlu l-kontijiet.
Madam Speaker, il-mozzjoni tgħid li:
"... Malta effettivament terfa' l-piżijiet ekonomiċi u soċjali tas-sħubija mingħajr ma tgawdi l-vantaġġi sostanzjali finanzjarji u politiċi li ġġib magħha s-sħubija."
Dawn id-dikjarazzjonijiet faċli titfagħhom f'sentenza waħda imma meta jħares lura, l-ex-Prim Ministru indaga eżatt dwar il-vantaġġi u l-iżvantaġġi? Lill-poplu qallu dwar dan biex ikun kapaċi jiżen? U għalhekk jien ngħid li l-Kap ta' l-Oppożizzjoni fir-realta' qed jagħmel assunzjonijiet li m'għandhom l-ebda bażi. Jekk ikompli jagħmel hekk se jkompli jħawwad l-imħuħ li meta kien fil-gvern ħalla nieqsa mill-informazzjoni. Jien ngħid li dawn għamlu hekk biex ikunu jistgħu jbellgħu li jridu u jġiegħlu lill-poplu jemmen dak li l-makna propagandistika tal-partit tagħhom kienet qed tipprova tbella'. Jekk hawn xi ħadd li fuq l-Unjoni Ewropea m'għandux kredibilita' mal-poplu huwa l-Partit Nazzjonalista. Dan għamel il-previżjonijiet u l-wegħdiet tiegħu marru żmerċ. Ara issa kollha qed jaħslu idejhom u jgħidu li ma qalux hekk, li ma kenux profeti u li kienu kawti. Issa qed jgħidu li kienu qalu li t-triq li twassal għal sħubija kienet diffiċli.
Jekk wieħed iqalleb il-headlines tal-gazzetti ta' sentejn jew tliet snin ilu jara li dak iż-żmien mhux hekk kienu jgħidu. Dak iż-żmien kienu għadhom kompletament mitlufin fid-deżert. Niftakru kemm kienu jidħku bina u jipprovaw jirredikolawna. Illum għandna l-istess pożizzjoni. Qed jergġħu jipprovaw jirredikolaw lill-Gvern. Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni jammetti - u din se ngħidha bl-ebda nuqqas ta' rispett għax naf li ddikjaraha fil-gazzetti - li lagħaq kemm felaħ biex jara sseħħ il-ħolma tagħhom li nsiru membri ta' l-Unjoni Ewropea. Imma aħna m'aħna se nilagħqu lil ħadd. Aħna mhux se nħallsu biex dak li jkun jiġi hawn Malta on a free holiday biex imbagħad noqogħdu nagħmlu l-propaganda. Lanqas se nqabbdu konsulenti barra minn Malta, bi flus il-poplu, biex jagħmlu l-lobbying ħalli pajjiżna jidħol fl-Unjoni Ewropea. Aħna l-flus tagħna qed nonfquhom b'mod differenti. Aħna ma kellniex għalfejn inqabbdu konsulenti għax ta' l-Unjoni Ewropea rnexxilhom jifhmuna.
Madam Speaker, il-Kap ta' l-Oppożizzjoni għamel ħafna plejtu fuq dak li sejjaħlu "l-interess nazzjonali". Skond hu għandu l-primat li jitkellem fl-interess nazzjonali! Kif jaf x'inhu l-interess nazzjonali dan? Xi studji għamel fuq hekk? Għax l-uniku polz li wieħed irid joqgħod fuqu hija l-elezzjoni ġenerali. U l-poplu qallu xi jrid f'Ottubru ta' l-1996. Dawn issa qed jgħidu li l-mandat elettorali ma jgħoddx għax mhux l-issue ta' l-Unjoni Ewropea biss tiddeċiedi l-elezzjoni. Hekk kienu jgħidu hawn Malta imma dawn donnhom insew x'kienu jgħidu barra. Per eżempju, f'April ta' l-1992, fid-diskors li għamel l-Onor. de Marco fil-Kunsill ta' l-Assoċjazzjoni qal li waħda mir-raġunijiet għaliex kellha ssir elezzjoni fl-22 ta' Frar, 1992 kienet għaliex il-Gvern ried li l-elettorat Malti jippronunzja ruħu għal darba oħra fuq l-issue tad-dħul ta' Malta fl-Unjoni qabel ma l-Kummissjoni tippubblika l-opinjoni tagħha. Jien se nikkwotah kif qalha bl-Ingliż. Dan qalilhom hekk:
"One of the reasons for calling the general elections on the 22nd February was because my Government wanted the Maltese electorate to pronounce itself once again on the issue of Malta's membership of the Community before the Commission would have published its opinion.".
Mela meta kienu jitkellmu barra minn Malta, il-mandat tal-poplu kellu valur. Issa li qegħdin hawn Malta m'għandux valur, għax hawn dan il-Gvern. Dan qed ngħidu, Madam Speaker, ħalli l-poplu jkun jaf min qed jgħid dawn l-affarijiet.
Issa min kien jagħmel konferenzi sħaħ u jgħid li "pajjiżu l-Ewropa" kien qed jaġixxi fl-interess nazzjonali? Fl-interess nazzjonali meta kien lest jaċċetta kollox, jagħtuh x'jagħtuh? Dan kien jgħid li trid tinnegozja, imma meta tgħid li trid tidħol hemm akkost ta' kollox ma tistax tinnegozja. Issa llum qed igħidu li jekk ma nsirux membri sħaħ għal dan il-pajjiż spiċċa l-futur. Min-naħa l-oħra kien hemm min qal ukoll li Malta "sparixxiet minn fuq il-mappa tad-dinja". F'moħħok irid ikollok sens ta' kolonjaliżmu biex tirraġuna b'dan il-mod. Jien ngħid: Kien lest li jiddefendi l-interess nazzjonali min kien diġa' ddeċieda li jarmi d-dritt tal-lingwa, li jarmi d-dritt li Malta jkollha l-commissioner tagħha u jarmi d-dritt tal-presidenza, basta nkunu hemm? L-interess nazzjonali wrewh meta kienu jaħdmu minn wara dahar l-industrijalisti? L-interess nazzjonali wrewh meta kienu jiftehmu man-naħa l-oħra mingħajr ma jdaħħlu lill-industrijalisti - li huma x-xewka tad-dahar ta' l-ekonomija tal-pajjiż - fin-negozjati? Dawn għadhom jirrepetu li mhux veru kienu nformati. Lil min se nemmnu, Madam Speaker? Lil min għandu skop politiku biex jgħatti xturu jew lil min verament qed jgħid: Aħna dan kollu ma konna nafu bih xejn. Madam Speaker, min qiegħed jaħdem fl-interess nazzjonali? Min wasal biex wikka lill-Air Malta b'dawk l-ajruplani li ma jiswewx sitt ħabbiet biex jiġbor xi appoġġ minn xi pajjiżi Ewropej, ħalli meta jiġi biex jidher quddiemhom għas-sħubija jgħidulu li kollox sew! Hu fl-interess nazzjonali l-ego politiku li għal akkost ta' kollox naslu hemmhekk, come what may?
Madam Speaker, jien nemmen li dan li qed jgħid il-Kap ta' l-Oppożizzjon li għandu jkun hemm negozjati simultanji għas-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea hija l-aktar ħaġa li tmur kontra l-ispirtu tad-demokrazija. Għandna Kap ta' l-Oppożizzjoni li qed jibqa' jipprova jisfida l-opinjoni espressa bl-iktar mod demokratiku tal-poplu Malti fl-elezzjoni ta' Ottubru 1996, meta l-elettorat Malti wera biċ-ċar xi jrid minn dan il-Gvern li hawn illum il-ġurnata. Bl-arroganza kollha l-Kap ta' l-Oppożizzjoni jibqa' jiġi hawnhekk u jgħid li l-Gvern għandu jinjora kompletament il-mandat li tah il-poplu u għandu jinjora kompletament il-wegħda u l-programm elettorali tiegħu u minn fuq jgħidilna biex nagħmlu dak li m'għandniex id-dritt, m'għandniex il-mandat u m'aħniex konvinti li għandna nagħmlu. Madam Speaker, x'inhi d-differenza bejn il-politika taż-żewġ naħat?
Id-differenza hi li taħt Gvern Nazzjonalista konna ilna staġnati għal numru ta' snin. Issa mhux billi jgħidilna li wegħduh li sitt xhur wara kellhom jibdew jitkellmu miegħu. Kienu qalu li se jibdew jitkellmu "dalwaqt". Pero' mhux light at the end of the tunnel kien hemm, għax naħseb li lanqas it-tunnel ma jafu fejn qiegħda! Jgħidu li kienu se jibdew għax darba f'sena jiltaqgħu madwar mejda, jagħmlu ikla u tliet kwarti mill-ħin jitkellmu dwar problema ta' pajjiż partikolari, bħalma ġara dan l-aħħar fuq Ċipru, u jibqa' ftit tal-ħin biex isir iċ-ċekċik tat-tazzi? L-aqwa li jgħidu li kienu membri tal-konferenza ta' dawk il-pajjiżi li se jsiru membri ta' l-Unjoni Ewropea. Ċerimonji ridna! Ridna xi ħaġa fittizja, noqogħdu nistennew biex jiddeċiedu dwar x'hemm bżonn jagħtuna bħala pajjiż bid-daqs tagħna, bl-ekonomija li għandna u bil-problemi li għandna u wara aħna ngħidulhom: Thank you very much!
Iva, Madam Speaker, aħna qed nipprovaw li jkollna relazzjoni speċjali. Speċjali mhux b'xi drittijiet partikolari imma għaliex tkun relazzjoni mfassla għall-bżonnijiet ta' dan il-pajjiż. Speċjali ma tfissirx privileġġata. Mela aħna għandna xi drittijiet privileġġati ma' xi ħadd? Li nakkwistaw irridu nakkwistawh bid-dinjita' tagħna, bix-xogħol tagħna u bl-intelliġenza tal-politika tagħna, Madam Speaker. Illum il-ġurnata ħadd ma jagħtik xejn ta' xejn. Jiġifieri l-Kap ta' l-Oppożizzjoni m'għandux ikompli jxerred il-miżinformazzjoni billi jipprova jagħti l-impressjoni li b'relazzjoni speċjali aħna fissirna relazzjoni privileġġata. Wara kollox b'din il-politika xi ftit progress għamilna. Ma rridx inkun ferħan iż-żejjed imma għamilna progress meta tqis li fil-każ ta' l-applikazzjoni għal sħubija dawn għadhom qed jistennew. Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni qal li ċ-ċirkostanzi tbiddlu. Tbiddlu għax kien hemm il-Kunsill ta' Amsterdam u Aġenda 2000? Issa ngħidlu x'ifissru dawn u kemm ma biddlu xejn. Mhux talli ma biddlu xejn, talli tefgħu l-affarijiet aktar lura. Dan id-diskors kont għidtu u nerġa' nirrepeti, Madam Speaker, li l-aspirazzjonijiet għall-pajjiżi li qed jimmiraw li jkunu membri tefgħuhom aktar lura.
Ta' l-Oppożizzjoni kienu jgħidu wkoll li ta' Unjoni Ewropea "mhumiex qed jifhmuna", li "ma jafux aħna x'irridu", li "mhux se jitkellmu magħna", li aħna "jew barra jew ġewwa", li se nibqgħu bħal "qażba tixxejjer mar-riħ" u jekk ma nneħħux it-taxxi ġodda "ma jkellmuniex". Jien nixtieq għandi ċ-ċans nikkwotahom għax għandi l-karti kollha hawnhekk pero' nemmen li dawn id-dikjarazzjonijiet li għamlu se jibdew imeruhom. Din drajniha bl-amment. Madam Speaker, dan kollu qaluh u kkwotaw lit-tali prim ministru u t-tali ministru. Kien hemm anke' attentat immedjat wara li tlajna fil-gvern fejn ipprovaw ipinġuna li aħna se ndawru daharna lejn l-Ewropa u li aħna m'aħniex Ewropej. Mela l-fatt li hemm komunikat u li hemm id-dati huwa prova oħra ta' kemm in-naħa l-oħra ma tafx kif taħdem l-Unjoni Ewropea. Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni ikkwota mill-komunikat b'ħafna dettall u ma qalx li wara kollox dawn fehmuna. Kulma qal kienu affarijiet biex jipprova jħawwad ras il-poplu, u issa ngħid x'qed iħawwad il-Kap ta' l-Oppożizzjoni. Madam Speaker, jien nemmen li l-pajjiż se jbati jekk se nibqgħu sejrin b'din il-polemika kollha u ma naċċettawx il-fatti kif inhuma.
L-istorja perenni tal-Partit Nazzjonalista turina li kull meta l-Partit Laburista fil-gvern ipprova jġib ġid lejn pajjiżna, lin-Nazzjonalisti dejjem sibnihom fuq in-naħa l-oħra jagħmlu l-ħsara lill-gvern. Issa dawn mhux lill-gvern ikunu qed jagħmluha l-ħsara imma lil Malta, u huma jafuh dan għaliex huma stess baqgħu jaħsdu l-frott ħażin - dak li l-Onor. Fenech Adami, meta kien prim ministru u kien mar iżur l-Amerka, kien irrifera għalih bħala "ix-xewk" - tal-ħsara li għamlu. Jien ngħidilhom biex ma jkomplux bil-politika antika u msadda tagħhom. Ara l-Partit Laburista biddel ħafna affarijiet. Tbiddlu intom ukoll għax se tibqgħu tagħmlu l-iżbalji li għamiltu għexieren ta' snin ilu! (Interruzzjonijiet) Ma' l-Unjoni Ewropea aħna ma qed nagħmlu xejn ħlief li nitkellmu biex nakkwistaw dak li hu l-aħjar għall-pajjiż, irrispettivament minn tabelli, minn budgets, minn memberships u minn agreements. Aħna qegħdin ngħidu li rridu nfasslu dak li hu l-aħjar għal pajjiżna, settur wara l-ieħor. Aħna lil ta' l-Unjoni Ewropea rnexxielna nuruhom li verament irridu nwettqu dak li qegħdin ngħidu. Din hija importanti għaliex waħda mill-affarijiet li għamel il-Gvern ta' qabilna kien li nkixef li kellu biss paroli. Dan qed ngħidu bil-fatti u mhux qed ngħid dan biex nagħmlu dibattitu politiku.
Wara dawk il-paroli li bihom urejna dik l-ansjeta' għal sħubija, jirriżulta li preparazzjoni ma kien hemm xejn. Kien hemm rapporti u pariri li baqgħu fil-kxaxen, kien hemm ħafna volumi li ħafna mill-informazzjoni tagħhom baqgħet ġewwa wkoll, imma on the ground preparazzjoni ma kien hemm xejn. Meta ġie hawn Malta Van den Broek u xi ħadd staqsieh għaliex kienu daqshekk xħaħ ma' Malta, dan irrisponda li Malta ma kenitx ippreparata. Wara disa' snin u nofs ma konniex preparati! B'dan l-għerf kollu fuq l-Unjoni Ewropea messhom għallinqas kienu bdew! Ħaġa li kulħadd jaf hija li fl-Unjoni Ewropea hemm ċerta serjeta' u din bl-ebda mod ma tipprova tagħmel patt ma' pajjiż li jkun mitruħ, li jkun bla saħħa u li ma jkunx preparat. U tan-naħa l-oħra mhux talli ma kenux preparati talli dawn tilfu ġieħhom u tilfu l-kredtu meta għamlu ċerti wegħdiet u lanqas biss kienu bdew biex iwettquhom. Insemmi l-famuż każ tal-wegħda li jitneħħew il-levies. Tan-naħa l-oħra jistgħu jgħidu li dan mhux veru imma l-fatt jibqa' li ripetutament kien hemm korrispondenza u intendiment bejn in-naħa l-oħra u l-European Union li kellhom ineħħu 400 levy. Illum il-ġurnata kulħadd jaf li lanqas biss kienu bdew jaħsbu kif se jneħħuhom. Lanqas biss kienu bdew jikkonsultaw ħalli jaraw x'effett se jkollhom, aħseb u ara kemm kienu qegħdin jitkellmu b'serjeta' biex ineħħu dawn il-levies! Wegħdu wkoll, u kienu jgħiduha ħafna bil-fomm, li kien hemm bżonn ristrutturazzjoni. Kelma sabiħa din, Madam Speaker, imma x'kienu għamlu? Waslu biex kellhom l-ardir li bl-aktar mod ċar, f'dibattitu fuq it-television, riedu jieħdu l-mertu fuq ir-ristrutturazzjoni li għamlet kumpannija export-oriented privata.
Madam Speaker, jien nistaqsi b'sinċerita': Kienu jafu jew ma kenux jafu x'jiġifieri sħubija sħiħa? Kultant nibda niddubita jien. Anke ċerti setturi li kienu jaqblu magħhom dwar full membership qed jgħidu li dawn l-affarijiet mhux la kemm nagħmluhom. Jien ferħan li issa dawn is-setturi qed jappoġġaw dak li qed jagħmel Gvern Laburista. Dawn qabel ma kenux jafu x'kien għaddej. U jien ngħid lin-naħa l-oħra: Kemm-il darba kellimtuhom lil dawn is-setturi fuq dawn l-affarijiet? Kemm-il darba għamiltu pjani magħhom biex tibdew issaħħu l-industrija Maltija minħabba l-pass li kontu toħolmu li se jiġri fl-1996? Imma jien nista' nemmen bis-serjeta' li politiku serju, li kien jemmen li fl-1996 se nkunu fl-Unjoni Ewropea, seta' qatt kien moħħu mistrieħ meta lanqas biss kienet mibdija r-ristrutturazzjoni ta' l-industrja u meta m'għandu xejn biex jipproteġi lill-industrija Maltija? Dan veru, Madam Speaker, jew konna qed ngħixu f'ħolma? Jien naħseb li konna qed ngħixu f'ħolma. Jew tant kienu ċerti u kienu jafu li mhux veru li qed jgħidu li kienu qed jgħaddu ż-żmien b'kulħadd? Ma nistax nikkonċepixxi li xi ħadd jgħid li deħlin fl-Unjoni Ewropea fi żmien sentejn meta l-homework kienu għadhom lanqas bdewh!
Kienu jgħidu li kienu qed jinnegozjaw, Madam Speaker. Jien se nerġa' nikkwota mid-diskors famuż tal-kollega tiegħi f'Luxembourg fl-1992, biex tara kemm kienu se jinnegozjaw, Madam Speaker. Dan kien qal hekk:
"In line with this policy, my Government has no intention of coming to the Council of Association with a shopping list of trade concessions to be sought from the Community.".
Dan qalilhom li tant hu supperv, tant hu preparat u tant għandu kollox f'postu li m'għandux għalfejn ikollu trade concessions. Dan fl-1992, meta kienu jgħidu li fi żmien tliet snin kienu se jidħlu membri fl-Unjoni Ewropea ma' l-Awstrija u ma' l-oħrajn. Dan huwa dokument li qara l-kollega tiegħi fil-Kunsill ta' l-Assoċjazzjoni ta' Luxembourg fl-1992. Dawn huma l-istess nies li skond huma l-Kummissjoni qed jorbtuna b'rabtiet li ma nistgħux neħilsu minnhom. Jien ngħid li kienu jintrabtu huma bil-fissazzjoni li nkunu membri ta' l-Unjoni Ewropea. Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni joqgħod ibeżża' biċ-ċirkostanzi li jkollna jekk ma nkomplux għal full membership. Jien ngħid li aħjar inkunu nafu x'kien qed jiġi ppreparat minn wara dahar il-poplu Malti u minn wara dahar l-industrija fi żmien il-Gvern tagħhom. Madam Speaker, aħna nemmnu bis-serjeta' li rridu nqarbu lil pajjiżna lejn l-Unjoni Ewropea.
Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni qed jikkwota mill-komunikat tal-Kummissjoni u jgħid li fi tliet snin irridu nkunu lesti. Jien ngħidlu li kieku l-Gvern tiegħek għamel il-homework ma kienx ikun diffiċli biex fi tliet snin tagħmel din it-trade area. Imma intom qgħadtu bil-qiegħda u m'għamiltu xejn, basta kellkom ħafna professuri, ħafna esperti u ħafna rapporti moħbijin fil-kxaxen! L-aqwa li llum ngħajru lil tan-naħa l-oħra! Aħna lill-Unjoni Ewropea għidnilha ċar li fi tliet snin l-industrija Maltija ma tkunx ristrutturata biex nagħmlu a free trade area. U huma dan jafuh, għax l-avis, aktar milli jiddiskuti x'se tiggwadanja u x'se takkwista l-industrija Maltija bil-membership, jgħid: Wieħed jispekula kemm tkun għadha teżisti l-industrija Maltija! Dan fl-avis u mhux qed nivvintah jien. U dawn in-nies li riedu jidħlu fl-Unjoni Ewropea ħallew l-affarijiet kalmi. Dak iż-żmien l-Onor. Fenech Adami ma qagħadx janalizza kelma b'kelma x'jgħid l-avis. Tefgħu fil-kexxun u qal li kien "a slap in the face" u li ma kienx jippretendi daqshekk. Lill-poplu Malti ma qallux li l-avis irid jiġi analizzat ħalli naraw x'diffikultajiet għandna u nipprovaw nirranġaw l-affarijiet jekk irridu mmorru hemmhekk. Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni ma qalx kemm kellna raġun aħna meta għidna li m'aħniex preparati ekonomikament u industrijalment. Kollu għidnih dan, Madam Speaker.
Aħna l-ewwel u qabel kollox irridu nsaħħu s-sinsla tal-pajjiż, jiġifieri l-kummerċ u n-negozju. Aħna ma stajniex nagħmlu l-iżball li għamlu tan-naħa l-oħra li nitilqu għal rasna u ngħidu li aħna mmexxu. Dak iż-żmien ara ma jfettillekx tiftaħ ħalqek fuq l-Unjoni Ewropea! Kont trid tibki biex ikollok dibattitu dak iż-żmien. Issa jridu l-consensus. Issa din il-kelma daħlet fid-dizzjunarju tagħna. Aħna bl-aktar mod prattiku qed ngħidu li rridu nitkellmu mal-Kamra tal-Kummerċ, mal-Federazzjoni ta' l-Industrija u ma' l-unions. Dawn qegħdin jiltaqgħu regolarment, Madam Speaker, u qed iħejju flimkien strateġija għar-ristrutturazzjoni u qed ikunu informati l-ħin kollu dwar x'inhu għaddej. Ma hemm l-ebda ħabi u l-ebda kotba fi kxaxen magħluqin li ma nagħtux lill-poplu. Kollox miftuħ hemm. Fl-istess ħin qegħdin jerfgħu l-inkwiet u r-responsabbiltajiet u qed jiftehmu mal-Gvern dwar dak kollu li hemm bżonn isir ħalli nimxu lejn il-ħolqien ta' żona ta' kummerċ ħieles.
Issa jien niskanta meta nisma' lil min tant jibda jikkritika l-konċett tal-free trade area. Illum ma tantx smajna fuq din il-ħaġa imma l-aħħar darba qalu li dan se jkun kummerċ one-way għaliex aħna nimportaw ħafna u nesportaw ftit. Dan id-diskors qaluh l-istess nies li dejjem jiftaħru dwar kemm għandhom fiduċja fil-kapaċitajiet u fir-riżorsi tal-Maltin. Mela nsejna meta konna ngħidu li meta toħloq dawn il-kondizzjonijiet għandek aktar possibbilta' li tattira lil xi ħadd biex jagħmel investiment hawn Malta biex jużufruwixxi minn dawk il-kondizzjonijiet tal-free trade? Dan spiċċa kollu u m'għadux japplika? Dan japplika bl-istaġuni, japplika meta jkun hemm gvern ta' kulur u meta jkun hemm gvern ta' kulur ieħor ma japplikax? Safejn naf jien dawn huma notions ta' l-ekonomija li japplikaw dejjem. Veru li jaf ikollok ċertu luck u jaf ikollok inqas luck meta inti toħroġ ċerti kondizzjonijiet imma ma tistax tgħid li l-prinċipji jitbiddlu. M'għandniex noqogħdu nbeżżgħu li f'daqqa waħda se nispiċċaw imfarrkin, Madam Speaker. Jien nemmen li jekk tan-naħa l-oħra jagħmlu hekk ikunu qed iżidu aktar imsiemer fit-tebut tagħhom.
Issa meta l-Kap ta' l-Oppożizzjoni tkellem dwar il-bqija tar-rapport ma qalx li hemm żewġ affarijiet importanti fir-rapport, li huma l-parti li titkellem fuq it-twaqqif taż-żona ta' kummerċ ħieles u l-parti dwar l-oqsma ta' koperazzjoni. Le, bl-iktar mod malizzjuż beda jorbot l-oqsma tal-koperazzjoni li huma optional. Jgħidulna biss li jekk ma nkunux membri dawn jagħtuna biss il-loqom. Ma qalx li r-rapport tal-Kummissjoni offrielna l-possibbilta' ta' diskussjoni f'oqsma ta' koperazzjoni, prattikament aktar milli tlabna. Dawn fetħu l-possibbiltajiet kollha. Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni beda jsemmi li dawn qishom marbutin għal free trade area, li mhux il-każ. Ejjew ma nidħkux bil-poplu aktar. Aħna nistgħu nagħmlu a free trade area, irrispettivament mill-oqsma l-oħra ta' koperazzjoni. Aħna ma rridux li dawn ikunu marbutin flimkien.
Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni ried jagħti wkoll l-impressjoni li jekk ma nneħħux is-CET dawn mhumiex se jitkellmu magħna. Allura dawn kif qed jitkellmu magħna issa? (Interruzzonijiet) Dażgur li bis-serjeta'! Vera qed naħli l-ħin fuqek imma bis-serjeta' qed nitkellem jien. Ara inti mhux bis-serjeta' tkellimt! (Interruzzjonijiet)
Dostları ilə paylaş: |