SUR CLIVE TONNA (Direttur għas-Saħħa Ambjentali): Meta tidħol applikazzjoni f’dawn iż-żoni, naraw x’se jkun l-effett tagħha fuq ir-residenti fil-viċin u anke nieħdu akkont taż-żona kif inhi mqassma, jiġifieri jekk hijiex industrijali jew residenzjali. Kien hemm istanzi, anke dan l-aħħar, fejn aħna oġġezzjonajna għal tip ta’ industrija qalb ir-residenzi, però kull każ trid tieħdu għalih, ma tistax tiġbor lil kulħadd f’daqqa. Naqblu li għandu jkun hemm zoning għax kif spjegat tajjeb Dr. Gauci, jekk ikollok mixed development żgur li se jkollok impatt fuq is-saħħa tar-residenti. Barra minn hekk, anke jekk ikun hemm permess mill-PA, min-naħa tagħna ninfurzaw il-Public Health Act, kapitlu 465, u dan jagħtina l-fakultà li jekk ikun hemm ilment mill-pubbliku li mbagħad ikun ġustifikat anke minn ċertifikat ta’ tabib, inkunu nistgħu nitolbu lill-proprjetarju ta’ dik l-industrija biex jottempora ruħu mal-liġi, noħorġulu wkoll abatement notice, u f’każ li ma jkun jista’ jagħmel xejn, immorru l-qorti u l-qorti tordna perizja, u skont xi jkun ix-xogħol, jitilgħu l-inġiniera, eċċ. u nimxu minn hemmhekk.