THE DEPUTY CHAIRMAN: Hemm rimarki? (Onor. Membri: No) Il-mistoqsija hija l-emenda kif mressqa u moqrija mill-Ministru. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
L-emenda "M" għaddiet nem. con. THE DEPUTY CHAIRMAN: Il-mistoqsija hija klawsola 36 kif emendata. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Klawsola 36, kif emendata, għaddiet nem. con. u ġiet ordnata biex issir parti mill-Abbozz ta' Liġi.
Klawsola 43 -Tibdil fid-dokumentazzjoni.
Clause 43 - Changes in documentation. ONOR. LEO BRINCAT: Sur President, klawsola 43 teħodna għal Taqsima X tal-liġi u titkellem dwar dik li hija tmexxija tal-kummerċ ta' l-assigurazzjoni. Fil-fatt l-ewwel klawsola tikkonċerna t-tibdil f'dak li huwa dokumentazzjoni. Din il-klawsola tipprovdi sabiex detentur ta' awtorizzazzjoni biex imexxi l-kummerċ ta' l-assigurazzjoni u detentur ta' permess biex jagħmel servicing jew run-off ta' dak il-kummerċ għandu jgħarraf bil-miktub lill-awtorita' kompetenti b'kull tibdil materjali fid-dokumentazzjoni provduta jew jeħtieġ li tkun provduta taħt l-abbozz. Tipprovdi wkoll sabiex kull kumpannija lokali qabel ma tagħmel xi żieda jew bidla fil-memorandum jew fl-istatut ta' l-assoċjazzjoni tikseb bil-miktub l-approvazzjoni ta' l-awtorita' kompetenti dwar dik iż-żieda jew bidla.
Is-subklawsola (1) ta' din il-klawsola hija mfassla fuq id-dispożizzjonijiet ta' subartiklu (1) ta' artiklu 9 - Tibdil fit-Tagħrif - ta' l-Att ta' l-1994 dwar Servizzi ta' Investiment. Min-naħa l-oħra subklawsola (2) hija mfassla fuq subartiklu (1) ta' artiklu 6 ta' l-Att ta' l-1981 dwar l-Impriża ta' l-Assigurazzjoni.