MADAM SPEAKER: L-Onor. Austin Gatt.
ONOR. AUSTIN GATT:Madam Speaker, nixtieq niġbidlek l-attenzjoni li m’hawnx quorum.
MADAM SPEAKER: Is-Seduta hija sospiża minħabba nuqqas ta' quorum.
Is-Seduta ġiet sospiża fl-10.41 p.m. u rriżumiet ħames minuti wara. MADAM SPEAKER:Il-Ministru Brincat jista' jkompli bid-diskors tiegħu.
ONOR. LEO BRINCAT: Madam Speaker, kont qed ngħid li saret kritika min-naħa ta’ l-Oppożizzjoni għaliex aktar kmieni jien għidt li jidher li hemm xi xaqq ta’ dawl. Talli għidt hekk saret l-akkuża lin-naħa tagħna li konna qed noħolqu sens falz ta’ sigurta’ u għalhekk se nwieġeb għal dan il-kumment b’mistoqsija: Allura biex tkun oġġettiv trid tkun allarmista, kif kienu diversi kelliema ta’ l-Oppożizzjoni matul dan id-dibattitu maratona li kellna? Jien niċħad li f'xi waqt ippruvajt inpinġi li kollox ward u żahar fl-ekonomija. Fakkart biss kif ir-rota bdiet iddur f’ċeri oqsma u x'titjib qed isir f’ċerti setturi, b’kuntrast ma’ l-istaġnar li kellna fl-1996 meta l-pajjiż kien qed joqrob u fil-fatt għadda minn elezzjoni ġenerali, kif għamel f’Ottubru ta' dik is-sena.
Madam Speaker, xtaqt nagħti eżempju ta' wieħed mill-argumenti li saru min-naħa ta’ l-Oppożizzjoni, b'riferenza għal dak li semmejt jien fl-introduzzjoni tiegħi dwar rata għolja ta’ savings. Skond l-Oppożizzjoni, in-nies qed iġġemma aktar għax kulħadd huwa ppreokkupat minħabba l-kontijiet tad-dawl u l-ilma. L-ewwelnett l-istatistika turi li l-pajjiż kellu a higher savings rate matul ix-xhur kollha ta' l-1997. Jiġifieri dan żgur li ma jirrispekkjax l-argumenti li ġabet l-Oppożizzjoni, li l-higher savings li għandu l-pajjiż huma attribwibbli għall-miżuri kkontemplati fil-budget li tressaq f'Novembru 1997.
Saret kritika wkoll għall-fatt li jien tkellimt fuq il-politika monetarja tal-Bank Ċentrali u saritli l-akkuża li meta tkellimt fuq dan is-suġġett ma kontx oġġettiv. Modestia a parte naħseb li jien kont oġġettiv għaliex kuntrarju għall-attitudni li ħadet l-Oppożizzjoni, min-naħa tiegħi urejt ċerti riżervi dwar il-Bank Ċentrali u għidt li stennejt li f’ċerti każi setgħu kienu aktar liberali fit-tħaddim tal-politika monetarja tagħhom. Jien sħaqt ukoll - u nerġa’ nisħaq illum - li nemmen li l-Bank Ċentrali għandu l-awtonomija tiegħu u din għandha tiġi rrispettata miż-żewġ naħat tal-Kamra. Għidt ukoll li fhimt x’kien qed jimbotta lill-Bank Ċentrali ‘l quddiem mingħajr ma qbilt mija fil-mija ma’ dak li kien qed jingħad min-naħa tagħhom. Għalhekk jien ngħid li hija rresponsabbilta’ kbira min-naħa ta’ l-Oppożizzjoni li qed tpinġi dak kollu li għaddej fil-pajjiż bħala xenarju fejn kollox qed jaqa’ biċċiet, fejn ninsabu lejliet kriżijiet kbar u fejn anke kellna l-akkuża li ninsabu lejliet riċessjoni. Jien ngħid li dan it-tip ta’ diskors ifakkarna fl-Oppożizzjoni Nazzjonalista fin-nofs tas-snin sebgħin meta l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni ta’ dak inhar kien għadu kif laħaq mexxej tal-partit. Jien naħseb li dan kollu jirrifletti b’mod negattiv fuq it-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista minħabba l-fatt li dawn mill-elezzjoni sal-lum mhux talli ma kenux kapaċi joħorġu b'ideat ġodda, mhux talli ma kenux kapaċi jmexxu b'politika alternattiva, talli kellhom jaqgħu lura għall-ideat immoffati li forsi ħadmu f’nofs is-snin sebgħin imma li żgur huma antikwati għas-snin li ninsabu fihom illum, 22 jew 23 sena wara dan it-tibdil li kien hemm fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.
Madam Speaker, wieħed mis-setturi fejn in-naħa ta' l-Oppożizzjoni m’aċċettatx il-punti li għamilna aħna kien dak tat-turiżmu. Huma qalu li t-tnaqqis li kellna fl-1995 u l-1996 kien rifless anke f'ċerti pajjiżi oħra tal-Mediterran; imbagħad qalulna li l-fatt li morna daqsxejn aħjar fl-1997 kien riżultat ta' titjib fir-rata ta' l-isterlina. L-Onor. Refalo qalilna wkoll li meta nitkellmu fuq it-turiżmu rridu nitkellmu fuq guest-nights u mhux biss fuq arrivals. Jiena naqbel miegħu dwar dan pero' għandna nitkellmu wkoll fuq employment in the tourist-related accommodation sector. Dan qed ngħidu għaliex bejn l-1996 u l-1997, wara li kellna l-bidla fil-gvern, kellna żieda proprju fl-employment in the tourist-related accommodation sector, għaxinsibu li fl-1996 kellna 8,457 impjieg u fis-sena ta' wara kellna 9,078 impjieg. Din ix-xejra pożittiva baqgħet tiġi sostnuta anke fl-ewwel xhur ta' l-1998, kemm f'termini ta' arrivals kif ukoll f'termini ta' employment. L-Oppożizzjoni ddaħħaqni għaliex fejn jaqblilha tagħmel paraguni ma' barra u fejn jaqblilha tiddistakka ruħha kompletament. Jekk aħna se noqogħdu nkejlu kollox mal-pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea, allura rridu bilfors insemmu anke l-qgħad strutturali li hemm fl-Unjoni. Nisimgħu fuq ħafna aspetti ta' l-Unjoni imma ma ssir l-ebda riflessjoni min-naħa ta' l-Oppożizzjoni Nazzjonalista fuq il-qgħad strutturali li għandhom.
Sur President, intqal ukoll li l-proċess ta' ristrutturazzjoni qed jaqta' nifs is-settur lokali. Jiena naħseb li rridu nitkellmu b'ċertu sens ta' serjeta` għaliex fil-fehma tiegħi l-proċess serju ta' ristrutturazzjoni għadu lanqas biss beda. U jekk se jsir se jsir b'mod ippjanat, b'konsultazzjoni mal-korpi kostitwiti, kif rifless mill-andament pożittiv tal-laqgħat li qed ikun hemm f'livell tat-task forces. Jiena napprezza l-fatt li fi ħdan il-korpi kostitwiti, anke fuq livell settorali, se ssib nies li għandhom attitudni differenti fuq il-protezzjoniżmu. Se jkollok nies li jippreferu li jekk jista' jkun il-protectionism ma titneħħa qatt, lanqas ma titneħħa fuq perijodu twil ta' żmien. Imma jekk nieħdu l-andament ta' dawn it-task forces li qed jiltaqgħu fuq livell tekniku nsibu li dawn sejrin tajjeb u qed ikun hemm attitudni kostruttiva mill-forzi kollha preżenti fi ħdanhom.
Tajjeb wieħed isemmi wkoll il-programm ta' privatizzazzjoni li għandu l-Gvern, li fil-fehma tiegħi għandu jnissel iktar fiduċja fl-image li jipproġetta pajjiżna barra mill-pajjiż, anke fl-image ta' liberalizzazzjoni li jipproġetta 'l hinn minn xtutna. Dan it-tip ta' feedback ħassejtu jien stess meta dan l-aħħar kont imsiefer, mhux biss fl-Ingilterra imma anke fl-Istati Uniti. Dan il-programm min-naħa tal-Gvern ġie kkonsidrat bħala programm realistiku, programm gradwali imma li fl-istess ħin juri ċertu ftuħ fl-ekonomija tal-pajjiż.
Saret kritika wkoll fuq il-kwestjoni tad-dejn, jekk aħniex qed naħdmu b'mod programmat jew le. Tajjeb wieħed jgħid li aħna qed naħdmu fuq internal projections li qed jiġu mgħarbla u diskussi internament fit-tul, mhux biss fi ħdan il-ministeru tal-finanzi imma anke fi ħdan is-sub-committee tal-Kabinett, li huwa chaired mill-Prim Ministru nnifsu, li jiltaqa' fuq bażi regolari u fil-fehma tiegħi qed jagħmel xogħol siewi ħafna, għalkemm huwa xogħol ta' wara l-kwinti u xogħol li mhuwiex ta' glorja, biex ngħid hekk.
Kont qed insemmi l-privatizzazzjoni u for the record irrid naċċerta lil kulħadd li mhux se jkun hemm clashing fil-ħruġ ta' self u x-sharesli se jkunu available għall-pubbliku in ġenerali. Aħna nistgħu nserrħu ras il-pubbliku li se jkun hemm skedar serju proprju biex il-programm ta' privatizzazzjoni ma jaħbatx mal-ħruġ ta' bonds min-naħa tal-Gvern. F'dan ir-rigward aħna għamilna l-konsultazzjonijiet kollha neċessarji fuq livell tekniku biex inkunu żguri minn dak li qed nagħmlu u minn dak li qegħdin infasslu. Ftit ilu f'okkażjoni pubblika kont aċċennajt li konna kkummissjonajna studju min-naħa ta' konsulent li ġie mill-Bank Ċentrali Irlandiż li kien jikkonċerna proprju l-public debt management. Wara li aħna għarbilna r-rakkmandazzjonijiet ta' dan l-istudju dehrilna li filwaqt li d-dejn pubbliku qabel kien jiġi managed internament u strettament mill-ministeru tal-finanzi, kien jagħmel sens kieku aħna nibdew nagħmlu kif jagħmlu ċerti pajjiżi progressivi oħrajn, li nwaqqfu kumitat apposta li ma jkunx kompost strettament min-nies tal-ministeru tal-finanzi biex jissorvelja u jimmaniġġja l-kwestjoni tal-public debt biex ikollna iktar ftuħ u iktar cross-fertilization ta' ideat. Għandi pjaċir ngħid li proprju llum ħtarna public debt management consultative committee li se jkollu bħala chairman lill-Permanent Secretary fil-Ministeru tal-Finanzi, is-Sur Joseph P. Portelli, u bħala membri se jkollu lis-Sur Alfred Mifsud, lil Dr. Reno Borg, lis-Sur Paul Spiteri, General Manager tal-Malta Stock Exchange, lis-Sur Vincent Grech, Direttur Ġenerali fil-Ministeru tal-Finanzi, lis-Sur Saviour Grixti, li huwa l-Accountant General u lis-Sur Paul Zahra, li huwa in charge ta' l-Economic Planning. U b'hekk ħassejna li se jkollna firxa wiesgħa li permezz tagħha tkun tista' ssir il-konsultazzjoni neċessarja dwar dak li huwa l-immaniġġjar tal-public debt tal-pajjiż. Jiena nawgura li dan il-kumitat jagħmel xogħol fejjiedi u persważ li se jagħmlu.