Debates tal-kamra tad-deputati


ABBOZZ TA' LIĠI LI JEMENDA L-ATT DWAR DAZJU TAS-SISA (EMENDA NRU 3)



Yüklə 0,76 Mb.
səhifə3/10
tarix23.01.2018
ölçüsü0,76 Mb.
#40416
1   2   3   4   5   6   7   8   9   10

ABBOZZ TA' LIĠI LI JEMENDA L-ATT DWAR DAZJU TAS-SISA (EMENDA NRU 3)

THE EXCISE DUTY (AMENDMENT) (NO. 3) BILL



L-ordni għall-Kumitat ġie moqri.
FIL-KUMITAT
L-Onor Michael Bonnici, President tal-Kumitati, jippresjedi.
Ikompli mit-28 ta' Jannar 1998.
Klawsola 2 - Sostituzzjoni tat-Tieni Skeda li tinsab ma' l-Att prinċipali.

Clause 2 - Substitution of Second Schedule to the principal Act.
ONOR. LEO BRINCAT: Sur President, jien ma xtaqtx nerġa' niftaħ id-dibattitu dwar is-CET u l-VAT, pero' l-aħħar darba kien hemm ċerti rimarki min-naħa ta' l-Oppożizzjoni li naħseb li for the record u mingħajr ma nkomplu l-logħba ping-pong li qiegħda tiżvolġi kważi f'kull diskussjoni li qed ikollna, nirreġistra xi tliet punti jew erba' dwar il-kwestjoni tat-taxxa tas-CET.
L-ewwelnett irrid ngħid li d-dħul nett tal-gvern mit-taxxi tal-VAT u tas-CET sa Diċembru 1997 kien kif se ngħid. Bħala VAT kellek ¥11.3 miljun - imma tajjeb li wieħed jgħid li fl-aħħar xahrejn kellek a negative balance ta' 0.1 u negative 1.5 - ETI kellek ¥17 miljun, ETP u ETS combined kellek ¥9.1 u taxxa fuq stock kellek ¥6.9. Dawn iġibu total ta' ¥44.3 miljun. Minn dawn iċ-ċifri wieħed jista' jinduna li matul l-aħħar sitt xhur id-dħul mill-VAT kien dejjem nieżel u spiċċa biex fl-aħħar xahrejn il-Gvern ħareġ aktar milli daħħal minħabba r-refunds, u ovvjament għad irid joħroġ aktar. Mill-banda l-oħra d-dħul mis-CET kien dejjem tiela' u għad irid jitla' aktar. Dan għaliex, kif spjegajt fl-aħħar seduta li kellna, is-sistema tal-VAT qiegħda tiġi phased out xahar wara l-ieħor filwaqt li s-sistema tas-CET għadha qiegħda tiġi phased in. Jiena niddejjaq nirripeti pero' for the record bilfors ikolli nirripeti li għalhekk m'aħniex qegħdin f'sitwazzjoni - kif forsi wieħed jista' jkollu l-impressjoni - li f'daqqa waħda daħlet is-CET u spiċċat il-VAT.
Per eżempju, huwa importanti li wieħed jinnota li f'Lulju u f'Awissu l-ETP u l-ETS kienu għadhom ma bdewx jirrendu filwaqt li f'Settembru u f'Ottubru mhux żgur irrendew 50% ta' dak li suppost kienu qegħdin jirrendu għall-effectiveness tagħhom. Inċidentalment, kif għidt ukoll fl-aħħar seduta li kellna, imkien ma jidher li l-ETI tirrendi 70% jew 80% tad-dħul kollu mis-CET, kif donni fhimt lill-Onor. John Dalli jgħid f'dan il-Parlament. GĦalhekk huwa inutli li wieħed joqgħod iqabbel id-dħul tas-CET fl-aħħar sitt xhur ta' l-1997 mad-dħul tal-VAT fl-aħħar sitt xhur ta' l-1996. Jien nemmen li għalissa ma jistgħux isiru paraguni bħal dawn, jew għallinqas jekk isiru wieħed għandu jirrikonoxxi l-fatt, jekk irid ikun ġenwin u korrett, li s-sistema tas-CET matul l-1997 kienet għadha m'hijiex fully operational. Dan huwa stat ta' fatt li ma jista' jmerih ħadd u min jipprova jaħbih ikun qiegħed jidħak bin-nies.
It-tieni stat ta' fatt huwa li d-dħul nett tal-gvern mill-VAT u mis-CET matul l-1997 żdied bi kważi ¥6 miljun fuq id-dħul mill-VAT matul l-1996. Jiġifieri s-CET bl-ebda mod ma naqqset ir-ritmu tad-dħul tal-gvern, u naħseb li huwa importanti li dan il-punt jiġi rreġistrat. Anzi biex wieħed ikompli jikkonsolida dan il-fatt, isib li fit-tieni sitt xhur ta' l-1997, jiġifieri meta ġiet fis-seħħ is-CET, id-dħul tal-gvern żdied b'¥4 miljun fuq id-dħul fl-ewwel sitt xhur ta' l-istess sena meta l-VAT kienet għadha waħedha. Il-ħabib tiegħi l-Onor. Bonnici l-ħin kollu jikkompara d-dħul tal-gvern fl-ewwel sitt xhur ta' l-1997 mad-dħul tal-gvern fl-istess perijodu tas-sena ta' qabel. Biss, fil-fehma tiegħi għallinqas, l-Onor. Bonnici jkun qed jagħmel żball meta jikkonkludi li għaliex id-dħul mill-VAT fl-ewwel sitt xhur ta' l-1997 żdied madwar 10% fuq id-dħul mill-VAT fl-ewwel sitt xhur ta' l-1996, allura by extension id-dħul tal-VAT fl-aħħar sitt xhur ta' l-1997 kien se jibqa' jiżdied bl-istess mod.

Li kieku l-affarijiet veru jiġru hekk, kieku d-dħul tal-gvern fit-tieni sitt xhur ta' l-1997 kien ikun ¥47.7 miljun, jew ¥3.4 miljun biss aktar milli fil-fatt kien. Jiġifieri ma konniex immorru wisq aħjar. Iżda dan ma setax jiġri għaliex hemm ħaġa importanti li wieħed ma jridx jinsa, Sur President, u din hija li matul l-ewwel sitt xhur ta' l-1997 ir-rata ta' refunds kienet ferm aktar baxxa meta kkomparata mar-rata ta' refunds fl-istess żmien tas-sena ta' qabel u aktar u aktar meta mqabbla mar-rata ta' refunds fis-sitt xhur ta' wara ta' l-1997. Dan kollu juri li r-refunds li ma tħallsux fl-ewwel sitt xhur ta' l-1997 kien ikollhom jitħallsu fis-sitt xhur ta' wara kif effettivament ġara. U jekk tneħħi dawn is-¥6 miljun mid-dħul tal-VAT matul l-ewwel sitt xhur ta' l-1997 meta dawn ir-refunds suppost ingħataw, l-argument ta' l-Onor. Bonnici li l-VAT kienet tirrendi ferm u ferm aktar mis-CET kieku din baqgħet teżisti, jaqa' waħdu. Il-fatt hu - u dan ma jista' jmerih ħadd - li fl-1995 il-VAT irrendiet ¥78.1 miljun, fl-1996 irrendiet ¥78.6 miljun u fl-1997 ma kenitx se tirrendi aktar għaliex il-gelgul ta' refunds li kienu ħerġin jikber seta' u mhux jiċkien.


Stat ta' fatt ieħor huwa li bis-sistema tas-CET hemm ammonti ta' taxxa li l-gvern mhux qed idaħħalhom bħala CET. Dan l-argument in-naħa ta' l-Oppożizzjoni donnhom li they gloss over it f'kull okkażjoni li jkollhom. Kif ġieli spjegat, il-gvern dawn qabel kien idaħħalhom bħala VAT u issa parti minnhom qed idaħħalhom bħala excise duty u registration tax u parti oħra m'hu qed idaħħalhom xejn għaliex hekk iddeċieda minn jeddu. Dawn huma t-taxxa tal-VAT fuq l-importazzjoni tal-fuel mill-Korporazzjoni Enemalta, it-taxxa tal-VAT fuq l-importazzjoni tas-sigaretti u l-ispirti, it-taxxa tal-VAT fuq it-Telemalta - illum Maltacom - u t-taxxa tal-VAT fuq il-karozzi. Matul it-tliet snin li għaddew, Sur President, mill-Korporazzjoni Enemalta u l-Korporazzjoni Telemalta, il-gvern daħħal 'il fuq minn ¥26.2 miljun. Li kieku dawn il-flus li l-biċċa kbira minnhom il-gvern qed idaħħalhom xorta oħra, daħħalhom bħala CET, kieku s'issa l-gvern kien ikun daħħal madwar ¥4.4 miljun oħra. Minn fuq ir-reġistrazzjoni tal-karozzi u l-importazzjoni tas-sigaretti u l-ispirti, huwa stmat li fl-aħħar sitt xhur ta' l-1997 il-gvern kien ikun daħħal mat-¥3 miljun bħala CET. B'kollox dawn iġibu madwar ¥7.4 miljun matul sitt xhur jew ¥1.2 miljun fix-xahar. Jekk din il-medja tiżdied mal-medja tad-dħul mis-CET, wieħed isib li d-dħul mis-CET matul l-erba' xhur ta' l-1997 kien ikun ta' ¥6.5 miljun fix-xahar minkejja l-fatt li s-CET ma kenitx fully operational. Dan huwa bejn wieħed u ieħor l-ekwivalenti tad-dħul li rrendiet il-VAT kemm fl-1995 u kemm fl-1996.
GĦalkemm m'għandiex x'taqsam mal-kwestjoni tas-CET imma qamet l-aħħar darba fil-kontest tal-birra, nixtieq inpoġġi fatt ieħor for the record. L-aħħar darba tqajjem il-punt li minn mindu daħlet is-CET naqas l-element protettiv għall-birra. Dan il-fatt aħna m'aħniex niċħduh imma biex nagħtu ż-żewġ naħat tal-munita importanti li nuru li anke meta daħlet il-VAT naqas ċertu element protettiv. Fil-fatt huwa kkalkolat li n-net effect tar-reduction fil-productive element meta daħlet il-VAT kien ta' 29.7%. Mingħajr ma nsemmi ditti b'isimhom għandi quddiemi korrispondenza li għaddiet bejn ditta ewlenija lokali u bejn id-Direttorat ta' l-Unjoni Ewropea li kien qed jinnegozja l-kwestjoni tat-trade concessions, fejn f'paragrafu minnhom il-company secretary ta' waħda minn dawn id-ditti jikkonferma dak li għadni kif għidt. Fil-fatt, dan jgħid:
"We concur with your exposition that the introduction of VAT in 1995 and of CET in 1997 lessened the protection of beer produced in Malta when compared to imported EU beer."
Jiġifieri jew se nuru ż-żewġ naħat tal-minuta jew se ngħidu biss dak li jaqbel dwar is-CET, u dan qed ngħidu for the record.
THE CHAIRMAN: Aktar rimarki, jekk jogħġobkom? L-Onor. John Dalli.
ONOR. JOHN DALLI: Ħalli nibda minn dan l-aħħar kumment fuq il-birra, Sur President. L-ewwelnett huwa veru li meta daħħalna l-VAT kien hemm aġġustamenti fl-element protettiv fil-levy pero' l-birra neħħejnilha s-sisa li kien hemm fuqha. Ta' min ifakkar li kif daħlet il-VAT fl-1995, is-sisa li kienet teżisti fil-pajjiż fuq il-mineali, fuq l-ilma u fuq il-birra kienet tneħħiet għal kollox. Jiġifieri meta wieħed jgħid li tnaqqas l-element protettiv, irid jgħid ukoll li tneħħiet is-sisa fuq il-birra lokali u allura saret aktar kompetittiva. Din kienet il-quid pro quo għat-tnaqqis fil-levy li kien sar. U jekk wieħed irid jagħmel l-argument kif qed jagħmlu l-Ministru, biex inkunu qegħdin ngħidu l-affarijiet kif fil-fatt huma u r-riżultat kif fil-fatt ġara, wieħed irid jieħu in consideration dan kollu. Jiġifieri m'huwiex sewwa li tgħid li meta ddaħħlet il-VAT tnaqqset il-protezzjoni mingħajr ma tgħid ukoll li tnaqqas il-prezz fuq il-birra lokali għaliex tneħħiet is-sisa u allura ġiet restitwita l-kompetittivita' li setgħet intilfet meta tneħħiet il-levy. Wieħed irid jagħmel il-kwadru kollu u l-pittura kollha biex naraw l-istampa ta' x'kien qed jiġri. Ma nistgħux nikkwotaw biss parti minn dak li jkun qed jiġri.
L-argument kollu fuq il-birra huwa li meta l-Gvern daħħal is-CET, minħabba l-għaġġla u t-tgerfix li biha daħlet din is-sistema, kellu bilfors jagħmel across the board reduction tal-levies, xi ħaġa li qatt ma jmissu għamilha, u dan għaliex sab ruħu f'morsa u fi problemi kbar mal-commitments internazzjonali li kellu. Kien minħabba f'hekk li kellu jinsa n-negozjati li kienu għaddejjin biex il-kwota tal-birra minn Malta għall-Ewropa tiżdied u naqqas il-protezzjoni b'mod li issa dan it-tnaqqis ma nistgħux nutilizzawh meta niġu biex ninnegozjaw kondizzjonijiet oħrajn ma' l-Unjoni Ewropea. Dan hu l-argument tagħna u dan mhux qed nagħmluh biex nilagħbu xi logħba tal-ping-pong. Dan l-argument il-Ministru jmissu jipprova jifhmu u mhux jipprova jirribatti li anke meta daħlet il-VAT kien sar hekk. L-argument huwa li sar żball proprju għaliex l-affarijiet ma sarux sewwa u rridu nitgħallmu minn dawn l-iżbalji u rridu nkunu accountable għal dawn l-iżbalji.
Rigward il-ħafna ċifri li semma fuq il-VAT u s-CET u s-suppożizzjonijiet ta' x'kien jiġri, jien ma nafx jekk il-Ministru jistax ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istatement li qara vis-a-vis dan l-eżerċizzju biex inkunu nistgħu nanalizzawh għaliex jien ma naqbel xejn ma' ħafna mis-suppożizzjonijiet li beda jagħmel il-Ministru. Huwa qal li minħabba li mis-CET u l-VAT f'daqqa daħħalna ċertu ammont, allura s-CET marret tajjeb. X'għandu x'jaqsam dan! It doesn't follow at all għax jekk tikkompara d-dħul tal-VAT mad-dħul tal-VAT u s-CET f'daqqa żgur li ma tistax toħroġ minnha li s-CET marret aħjar. Kif tista' tagħmel dawn it-tip ta' argumenti!
Barra minn hekk, jiena naħseb li trid issir analisi ftit aħjar milli għamel il-Ministru bit-tneħħija tal-one-time payments and receipts li kien hemm fis-sistema, kemm fl-1996 u kemm fl-1997. Jekk trid issir korrelazzjoni tar-revenue potential taż-żewġ sistemi, din m'għandhiex issir fuq il-mod kif qed jagħmilha l-Ministru imma għandha ssir fuq in-nefqa fis-setturi differenti li jkun hawn fil-pajjiż. Dan għaliex kemm is-CET u kemm il-VAT jintaxxaw konsum ta' prodotti partikolari, u għaliex l-istatistika tagħtina l-consumption pattern tal-popolazzjoni. Allura jekk irridu nagħmlu analisi vera u reali ta' l-effetti taż-żewġ sistemi - u nerġa' ngħid hija għarukaża li l-Gvern din ma għamilhiex - irridu naraw x'inhuma l-ispending patterns li hawn fil-pajjiż. Per eżempju, in-nies kemm jonfqu fuq l-ikel? Nafu li fuq l-ikel la kien hemm VAT u lanqas CET, jiġifieri l-infiq kollu li jsir fuq l-ikel ma jirrendi xejn lill-Gvern. U kemm hi n-nefqa fuq l-entertainment? Nafu li l-VAT kienet tirrendi 15% u s-CET qiegħda tirrendi 5%. Dwar infiq fuq affarijiet ta' hardware nafu li l-VAT kienet tirrendi 15% u s-CET qiegħda tirrendi xi 20%, għaliex tirrendi 15% u mbagħad l-ETP tirrendi 5%. Dawn huma l-analisi li nixtiequ naraw isiru biex wieħed jipperswadi lill-ieħor fuq fatti u mhux suppożizzjonijiet u estrapolazzjonijiet ta' ċifri li jgħoddu kieku qegħdin inqabblu like with like. Dan huwa t-tip ta' eżerċizzju li ilna ngħidu lill-Gvern li għandu jagħmel u li għadu ma sarx.
Imbagħad irridu naraw l-effett li dawn iż-żewġ sistemi tat-taxxi għandhom fuq il-fiscal morality f'pajjiżna u l-counter balances u l-counter effects li għandek fuq id-dħul mill-income tax u d-dħul min-national insurance contributions. Qiegħda ssir din l-analisi? Qegħdin naraw kif il-provisional tax ġiet influwenzata mill-bidla li kien hemm fis-sistema tat-taxxi? Min-naħa tagħna dan l-eżerċizzju konna għamilnih u l-income tal-gvern rajnih jitla' 'l fuq b'mod sostanzjali. Imma għandna analisi ta' kif dawn ġabu ruħhom issa mal-bidla fit-taxxa għas-CET? Din hija l-bażi tal-moralita' fiskali li nitkellmu fuqha, u għalhekk aħna minn din in-naħa nsostnu li s-sistema l-ġdida hija counter productive f'dik li hija moralita' fiskali. Din is-sistema m'għandhiex il-livell ta' moralita' fiskali li għandha s-sistema tal-VAT. Dan hu l-punt tagħna, u mhux qegħdin nilgħabu jew nagħmlu lobbying biċ-ċifri. L-analisi li jridu jsiru għandhom ikunu oġġettivi u purament matematiċi imma l-Gvern għażel li ma jagħmilhomx. Għalfejn għażel li ma jagħmilhomx u jipprova jipperswadina bil-viżjoni tiegħu jiena ma nafx, imma biex jipperswadi lill-poplu u lil din in-naħa li dak li qed jgħid huwa tajjeb u biex aħna ma nkomplux ngħidu li s-CET farrket ir-revenue potential tal-gvern u qiegħda iġġib problemi kbar fil-pajjiż irridu naraw studji tajbin u studji bbażati fuq spending patterns ibbażati fuq l-effett fuq income headings oħra tal-gvern.
THE CHAIRMAN: Aktar rimarki? Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni.
ONOR. EDDIE FENECH ADAMI (Kap ta' l-Oppożizzjoni): Peress li ssemmiet il-kwestjoni tal-moralita' fiskali u s-sistema tas-CET, nixtieq nistaqsi lill-Ministru - forsi jista' jinformana f'dan l-istadju - jekk il-Kummissjoni għal Moralita' Fiskali għamlitlux xi rapport u b'mod partikolari għamlitx rapport dwar is-CET. Dan qed ngħidu għaliex jiena kont ġejt mitlub mill-kummissijoni biex nidher quddiemhom u nagħti l-fehmiet tiegħi, u dan għamiltu ħafna xhur ilu u ma smajt xejn iktar. Jiġifieri jiena dan nafu bħala fatt, għaliex jien stess tkellimt mal-kummissjoni dwar il-problema tal-moralita' fiskali u s-CET. Pero' nixtieq li l-Ministru jgħid jekk għandux xi rapport mill-kummissjoni.
THE CHAIRMAN: Il-Ministru.
ONOR. LEO BRINCAT: Ir-risposta hija fin-negattiv għaż-żewġ mistoqsijiet. S'issa għadni ma rċevejt l-ebda rapport dwar l-ebda suġġett min-naħa tal-Kummissjoni għal Moralita' Fiskali u wisq inqas fuq l-issue tas-CET innifisha. Ovvjament appena nirċevihom, jiena ninforma lil din il-Kamra.
THE CHAIRMAN: Aktar rimarki? L-Onor. Josef Bonnici.
ONOR. JOSEF BONNICI: Qed nifhem sewwa li ma saru l-ebda forecasts tas-CET, kemm kif qiegħda taħdem issa u kemm se tirrendi din is-sena?
ONOR. LEO BRINCAT: Jien naħseb li l-estimi fihom infushom huma forecasts, Sur President.
ONOR. JOSEF BONNICI: Jiena m'iniex qed nirriferi għall-estimi fihom infushom imma qed nirriferi għal rapporti oħrajn li jindikaw kif qiegħda taħdem is-CET, kif se tirrendi u allura x'wieħed jista' jistenna minn din is-sistema ta' tassazzjoni, issa li ilha taħdem sitt xhur, li hija differenti minn ta' qabel. GĦaliex din is-sistema qiegħda tintaxxa inqas is-servizzi, il-hotels u t-turiżmu - u allura ovvjament qiegħda taffetwa d-dħul minn dan il-qasam - qiegħda tintaxxa inqas l-entertainment pero' qiegħda tintaxxa iktar ċertu importazzjoni ta' prodotti. Dan għaliex mhux biss għandek il-15% ETI imma għandek l-5% ETP u allura wieħed jistenna li sar xi forma ta' projections. Imma qed nifhem tajjeb li l-Ministru qed jgħid li ma sar xejn bħala projections?
ONOR. LEO BRINCAT: Ovvjament id-dipartiment jagħmel il-kalkoli tiegħu u mhux jaħdem fid-dlam u fl-għama. Jiġifieri din hija osservazzjoni gratuita min-naħa ta' l-Onor. kollega.
ONOR. JOSEF BONNICI: Imma l-Ministru huwa nformat b'dawn il-kalkolazzjonijiet? Jiena ma rridx noqgħod noħroġ id-dokumenti imma rrid li dan il-Parlament ikollu r-realta' quddiemu. Jekk il-Gvern għandu xi rapporti li s-CET qiegħda tirrendi ferm inqas minn dak li kien mistenni, u jekk għandu projections li jindikaw bl-iktar mod ċar li r-revenue fl-1998 se jkun ferm inqas anke minn dak li ppreżenta fl-estimi ftit ilu, allura nistenna li għandu jgħid hekk quddiem din il-Kamra. S'issa qegħdin nitkellmu fuq id-dħul tas-CET. L-indikazzjonijiet huma li fl-ewwel sitt xhur tagħha rrendiet ¥25 miljun, li ¥7 miljun minnhom huma fuq stocks that are not repeatable, u allura tiġi f'sitwazzjoni li fuq sitt xhur is-sistema ta' tassazzjoni ġdida irrendiet madwar ¥19 miljun bħala revenue. Allura sar xi studju fuq din il-bażi ħalli wieħed jara jekk hemmx bżonn issir xi korrezzjoni? Jiena diġa' għidt li dak li hemm bżonn isir huwa li naraw kif qiegħda taħdem is-sistema ta' tassazzjoni indiretta, u jekk hemm bżonn li ssir korrezzjoni ssir hemmhekk u mhux issir fuq it-tariffi ta' l-ilma u d-dawl, li huma very narrow products li bilfors trid tikkonsma. Mela għandna sistema ta' tassazzjoni indiretta li hija mifruxa fuq ma nafx kemm-il oġġett li daħlet f'Lulju u li se tiġi evalwata anke minn nies barranin biex jaraw x'se jkun ir-revenue tagħha u l-Gvern m'huwiex f'pożizzjoni li wara sitt xhur jgħidilna din x'qiegħda tirrendi!
ONOR. LEO BRINCAT: Sur President, jiena naħseb li l-estrapolazzjonijiet li saru mill-Onor. Bonnici u l-kummenti li għamilna kienu proprju biex juru li dawn ma kenux jorbtu. Fil-fatt, il-punt kollu huwa li bis-CET id-dħul tal-gvern ma naqasx u fil-fatt il-fatti ma jurux hekk. B'kollox ir-revenue mis-CET kien ta' madwar ¥33 miljun u mhux ¥25 miljun kif kien oriġinarjament.
ONOR. JOSEF BONNICI: Jidher li ċ-ċifri qegħdin jinbidlu daqsxejn għaliex l-informazzjoni li tana l-Ministru sal-ġimgħa li għaddiet kienet li d-dħul totali kien ta' ¥83 miljun, maqsumin f'¥51 miljun dħul mill-VAT, Lm25 miljun mis-CET u ¥7 miljun fi stocks. Jiġifieri d-dħul mis-CET huwa kif il-Gvern kien qed jistenna?
ONOR. LEO BRINCAT: S'issa jidher li qegħdin on track.
ONOR. JOSEF BONNICI: Jien nixtieq li nkun konfortat iktar li l-affarijiet qegħdin on track pero' jiddispjaċini ngħid li s'issa l-informazzjoni li qiegħda toħroġ ma tindikax li d-dħul huwa konsistenti ma' dak li kien qed jidħol mill-VAT. Per eżempju, il-Ministru semma li fl-ewwel sitt xhur id-dħul mill-VAT kien 10.6% iktar milli kien is-sena ta' qabel imma qal ukoll li din ma tistax toqgħod fuqha għaliex f'dawk is-sitt xhur ma sarux ħlasijiet biżżejjed ta' refunds. Issa ċ-ċifri li għandi u li tahomli l-Ministru juru ċ-ċifri net, jiġifieri d-dħul kollu wara li jitnaqqsu r-refunds. GĦalhekk ma nistennix li jiġi l-Ministru u jgħidli li hemm iktar refunds li jridu jitħallsu, għaliex jekk nibqgħu sejrin hekk qisna qegħdin nilagħbu b'ċifri tal-lastiku. Il-verita' hija li fl-ewwel sitt xhur tas-sena li għaddiet, skond il-mistoqsijiet parlamentari li għandna quddiemna, id-dħul mill-VAT kien ta' 10.6% iktar mis-sena ta' qabel. Dan jindika aktar revenue għall-pajjiż u allura wieħed jistenna li jara kif qiegħda topera s-sistema l-ġdida meta mqabbla magħha. Jidher pero' li l-Gvern għadu m'huwiex qiegħed jagħtina l-informazzjoni kollha dwar l-operat tas-CET u l-projections tagħha - mhux dak li hemm fl-estimi - u għalhekk nispera li dawn l-affarijiet jiġu ċċarati għaliex dawn huma l-affarijiet li se jkun hemm mistoqsijiet fuqhom, speċjalment meta jiġu fostna dawn in-nies li se jagħmlu assessment tal-credit rating sabiex jaraw l-effectiveness tas-sistema tat-tassazzjoni l-ġdida. Ħalli niġi issa għat-taxxa fuq il-birra.
Jien ma nistax nifhem kif il-Ministru rrisponda bil-mod li rrisponda. Ipprova jargumenta li meta daħlet il-VAT naqset il-protezzjoni. Imbagħad il-kollega tiegħi l-Onor. John Dalli spjega li dan ma kienx il-każ għaliex kien hemm żieda fuq is-sisa, pero' tajjeb li wieħed jgħid li permezz tan-negozjati li kienu għaddejjin ma' l-Ewropa, fl-ewwel sena li fiha kienu se jibdew joperaw dawn in-negozjati, l-ammont ta' birra duty free li aħna stajna nesportaw kien se jirtrippla, jiġifieri minn 5,000 hectolitre jitla' għal 15,000 hectolitre. Imbagħad fit-tieni sena kien se jitla' għal 25,000 hectolitre u fit-tielet sena jitla' għal 35,000 hectolitre. Pero' min-naħa ta' l-Ewropa riedu li nnaqqsu l-protezzjoni fuq il-birra tagħna u f'dik l-iskeda li kont poġġejt fuq il-Mejda tal-Kamra naraw li l-protezzjoni kellha tonqos wara li aħna jkollna aċċess iktar għas-suq Ewropew u tonqos b'ċertu ritmu mhux daqstant mgħaġġel sas-sena 2000.
Pero' ġara, Sur President, li meta daħlet is-CET naqqasna l-protezzjoni b'mod unilaterali għaliex daħlet is-sistema tas-sisa. Jiena ngħid li hawnhekk kien hawn nuqqas ta' ħsieb għaliex fil-paniku li kien hemm biex tidħol din is-sistema, ittieħdet id-deċiżjoni li titnaqqas il-protezzjoni across the board u allura aħna ma ggwadanjajna xejn. Din hija l-verita' imma kull darba li staqsejna lill-Ministru dwar dan jgħidilna li din hija xi ħaġa li se tiġi nnegozjata. Issa meta nqabblu ċ-ċifri ta' l-importazzjoni tal-birra sa Novembru tas-sena li għaddiet imqabbel mas-sena ta' qabel insibu li l-volum żdied bi kważi 9% waqt li l-valur żdied b'29%. U din hija xi ħaġa of concern mhux biss għaliex din il-miżura ttieħdet f'nofs is-sena imma għaliex iċ-ċifri qegħdin jindikaw li kellna erosion sewwa tal-birra lokali mqabbla mal-birra importata. U din m'hijiex biss teorija għaliex kulħadd jaf li meta tnaqqas il-protezzjoni se tiżdied l-importazzjoni, u dan hu li ġara.
Sur President, għandu jsir xi ħaġa biex din is-sitwazzjoni ma tkomplix għaliex meta l-Ministru fid-dokument li għadu jkaxkar saqajh biex ipoġġih fuq il-Mejda tal-Kamra qed jgħid lill-Ewropa li ċerti setturi suppost b'saħħithom se nnaqqsulhom il-protezzjoni malajr - u s-settur tal-beverages huwa meqjus bħala settur li huwa pjuttost b'saħħtu ħdejn setturi oħrajn - dan ifisser li qegħdin nimminaw dik is-saħħa stess. Jiġifieri l-problemi ta' pajjiżna kibru għaliex il-protezzjoni neħħejniha mingħajr ma ggwadanjana xejn. Barra minn hekk, qegħdin inħarsu lejn past data u sfortunatament għad m'għandniex aċċess liberu għas-swieq li għandna bżonn u kif kien qiegħed jiġi nnegozjat. Issa din hija xi ħaġa that is of concern u hija xi ħaġa li hija of national interest u, nerġa' ngħid, jekk għandha ssir xi korrezzjoni, din għandha ssir hawnhekk u nerġgħu mmorru għas-sitwazzjoni li kellna f'Lulju li għadda. Jiena m'iniex qed ngħid li għandha ssir xi ħaġa straordinarja imma għallinqas wieħed għandu jipprova jerġa' jpoġġi dan is-settur lokali li fuqu jiddependu tant impjiegi ta' nies f'pożizzjoni li ma jkunx qiegħed fi żvantaġġ. Wara li jagħmel dan għandu wieħed ikompli jinnegozja u mhux l-ewwel innaqqsu l-protezzjoni u mbagħad ngħidu li se ninnegozjaw. Din hija xi ħaġa li ma tagħmilx sens u hija xi ħaġa li qiegħda tattakka settur importanti ta' l-ekonomija tagħna li jista' jkollu potenzjal kbir jekk nagħrfu nittrattawh tajjeb u ngħinuh b'mod li jkun jista' jesporta. Imma meta nistaqsu lill-Ministru jispiċċa jagħmlilna comparison ma' dak li kellna bil-VAT u l-interess nazzjonali jibqa' jsaffar.
ONOR. LEO BRINCAT: Sur President, jiena naħseb li lanqas id-ditti lokali stess fil-korrispondenza li kellhom mal-Gvern mhu qed juru dan il-concern qawwi li qed jipprova juri l-Onor. Bonnici. Dan il-punt diġa' tqajjem min-naħa tiegħu fis-seduta tal-ġimgħa l-oħra, anke fil-kwestjoni tal-perċentwali, u għalhekk ma nħossx li għandi x'inżid ma' dak li diġa' għidt.
THE CHAIRMAN: Aktar rimarki, jekk jogħġobkom? (Onor. Membri: No) Il-mistoqsija hija klawsola 2. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Carried.
Klawsola 2 għaddiet u ġiet ordnata biex issir parti mill-Abbozz ta' Liġi.
Klawsola 3 - Emenda tat-Tielet Skeda li tinsab ma' l-Att prinċipali.

Clause 3 - Amendment of the Third Schedule to the principal Act.
ONOR. LEO BRINCAT: Sur President, din il-klawsola qiegħda temenda t-tielet skeda li tinsab ma' l-Att prinċipali u tipprovdi għal żieda fid-dħul fuq is-sisa tas-sigaretti. Fl-iskeda nnifisha hemm l-ammont speċifikat ċar u tond, u jiena diġa' tkellimt fit-Tieni Qari fuq dan is-suġġett. Aħna ħassejna li l-kwestjoni tas-sigaretti kellha tkun targeting naturali meta għandek budget ta' ċertu ebusija, biex ngħid hekk, u kienet ħaġa naturali li min-naħa tagħna nagħfsu kemm fuq dak li huwa alkaħol kif ukoll fuq dawk li huma sigaretti.
THE CHAIRMAN: Aktar rimarki, jekk jogħġobkom? L-Onor. Dalli.
ONOR. JOHN DALLI: Dwar din il-miżura naturalment la nistgħu ngħidu li naqblu u lanqas nistgħu ngħidu li ma naqblux għaliex hija miżura fiskali u jekk wieħed għadu jintaxxa għandu jintaxxa dawn l-affarijiet. Qegħdin ninnotaw ukoll li tkompliet il-politika li jikber id-differential bejn is-sigaretti żgħar u s-sigaretti itwal, u dan huwa ta' ġid għall-industrija lokali.
THE CHAIRMAN: Aktar rimarki? L-Onor. Bonnici.
ONOR. JOSEF BONNICI: Kif qal il-kollega tiegħi, huwa tajjeb li nkomplu nħarsu l-interess tas-settur lokali billi ngħidu li s-sigaretti ta' daqs żgħir ma jiġux manifatturati barra. Pero' skond statistika li l-Gvern ippreżenta jidher li minn meta daħlet is-CET is-sigaretti mportati roħsu. Mela ġejna f'pożizzjoni fejn waqt li s-sigaretti ta' Malta żdiedu, is-sigaretti ta' barra roħsu. Barra minn hekk, insibu li l-importazzjoni minn 361,000 kg żdiedet għal 529,000 kg. Fil-fatt in terms of value s-sigaretti importati minn ¥3.3 miljun fl-1996 żdiedu għal ¥4.3 miljun minn Jannar sa Novembru 1997. GĦalhekk wieħed ma jistax jifhem x'direzzjoni qabad dan il-Gvern għaliex, kif għidt ftit ilu, raħħasna l-birra importata, raħħasna wkoll is-sigaretti importati u l-prodotti lokali qegħdin nagħtuhom bis-sieq. Imma dan x'sens jagħmel! Issa, dawn inzertaw prodotti negattivi imma sigarett importat huwa negattiv daqs sigarett lokali. Allura jekk wieħed ma għandux ipejjep, ma għandux ipejjep mit-tnejn. Imma ma jagħmilx sens li nagħtu vantaġġ lilll-prodott importat għad-detriment tal-prodott lokali. U kien ikun faċli għall-Gvern li jara li l-prodott lokali ma jiġix diskriminat against sakemm jara li dan is-settur jista' jopera u għandu futur.
Meta jiena kont responsabbli mill-industrija kont nitkellem ma' diversi kumpanniji u nixtieq li l-Ministru jgħidilna jekk dan is-settur tat-tabakk huwiex se jispiċċa meta jkollna free trade. GĦaliex jekk aħna ma nikkreawx ċertu niche għalina - u huwa tajjeb li l-emenda li għandna hawnhekk qiegħda tipprova tagħmel dan biex dan is-settur, li minnu jiddependu ħafna familji, jibqa' għaddej - ..... Pero' bil-bidla tat-tassazzjoni f'Lulju li għadda, is-sigaretti mportati raħsu fil-prezz bir-riżultat li l-importazzjoni minn 361,000 kg żdiedet għal 529,000 kg. GĦalhekk, x'beħsiebu jagħmel il-Gvern biex din is-sitwazzjoni ma jħallihiex għaddejja?
THE CHAIRMAN: Nixtieq niġbed l-attenzjoni ta' l-Onor. Membri li qegħdin fl-istadju tal-Kumitat u mhux fis-Second Reading! Il-Ministru Brincat.
ONOR. LEO BRINCAT: L-osservazzjoni li rrid nagħmel hija li lil din l-industrija aħna xorta qegħdin nagħtuha l-importanza li jixirqilha. Qabel il-budget kellna konsultazzjonijiet ma' l-industrija fuq talba tagħhom stess għaliex l-industrija nnifisha, meta kienet qiegħda tara l-feelers li beda jitfa' l-Gvern fuq il-kontenut tal-budget, hi stess indunat jew intebħet minn rajha li kienet se tkun waħda mis-setturi li se jiġu affetwati bil-miżuri tal-budget. Li nista' ngħid ukoll huwa li għalkemm kellna dawn il-konsultazzjonijiet mas-settur qabel ma tħabbar il-budget, wara li tħabbar ma kellna l-ebda rappreżentazzjonijiet min-naħa tas-settur inniffsu. GĦalhekk, nerġa' ngħid, ikun daqsxejn out of place li l-Oppożizzjoni tieħu attitudini allarmista iżjed minn dik li qed jieħu s-settur innifsu. Dwar id-differential, jien ngħid li dan tant huwa qawwi bejn l-imported u l-locally produced product li l-effett xorta huwa wieħed marġinali fuq it-trade innifisha.
THE CHAIRMAN: Aktar rimarki? L-Onor. Josef Bonnici.
ONOR. JOSEF BONNICI: Jidhirli li ċ-ċifri li ta l-Gvern stess ma jurux effett marġinali; iż-żieda minn 361,000 kg ta' sigaretti importati għal 529,000 kg m'hijiex żieda marġinali. GĦalhekk ikun tajjeb li l-Gvern jara naqra din is-sitwazzjoni li ġiet preċipitata bil-bidla fis-sistema ta' tassazzjoni ta' Lulju li għadda.
THE CHAIRMAN: Il-Ministru Brincat.
ONOR. LEO BRINCAT: M'għandix x'inżid ma' dak li diġa' għidt.
THE CHAIRMAN: Aktar rimarki, jekk jogħġobkom? (Onor. Membri: No) Il-mistoqsija hi klawsola 3. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Carried.
Klawsola 3 ġaddiet u ġiet ordnata biex issir parti mill-Abbozz ta' Liġi.
Klawsola 4 - Emenda tar-Raba' Skeda li tinsab ma' l-Att prinċipali.

Clause 4 - Amendment of the Fourth Schedule to the principal Act.
ONOR. LEO BRINCAT: Sur President, klawsola 4 tikkonċerna dak li għandu x'jaqsam primarjament mal-kwestjoni tal-pitrolju, u fil-fatt temenda r-raba' skeda li tinsab ma' l-Att prinċipali. Il-pożizzjoni min-naħa tal-Gvern rigward dan is-suġġett elaborajniha fit-Tieni Qari u għalhekk ma nħossx li għandi nerġa' nirripeti affarijiet li diġa' għidt u nirriduċi dan l-istadju ta' Kumitat għal stadju ta' Second Reading.
THE CHAIRMAN: Aktar rimarki, jekk jogħġobkom? L-Onor. John Dalli.
ONOR. JOHN DALLI: Sur President, ma' din il-klawsola l-Oppożizzjoni ma taqbel xejn għaliex fl-opinjoni tagħna ma sarx l-istudju neċessarju ta' l-effett soċjali li se jkollha din it-tip ta' żieda fil-prezzijiet tal-pitrolju. Barra minn hekk, meta l-Ministru ġabilna l-istatistika biex jurina kemm l-Enemalta marret tajjeb minħabba ż-żieda fil-prezz tal-pitrolju, naqas assolutament milli jagħtina indikazzjoni ta' x'effett kellha din iż-żieda fuq il-popolazzjoni Maltija. U ta' min jara ftit x'ġara f'din l-aħħar sena.
Sur President, sa Ġunju tas-sena l-oħra t-taxxa fuq il-pitrolju kienet ta' ¥1 kull 1,000 litru, u llum qegħdin nitkellmu fuq ¥86 kull 1,000 litru, jiġifieri qegħdin nitkellmu fuq żieda ta' 'l fuq minn 8,000%. U kellna dan il-prezz mhux b'kapriċċ imma għaliex minn studji li kienu saru meta l-Enemalta kienet ressqet it-talba biex tiżdied is-sisa, irriżulta li hemm livell għoli - għalissa ninsew l-abbużi - ta' konsum ta' pitrolju fl-istrata tas-soċjeta' tagħna li ma tiflaħx għal dawn it-tip ta' żidiet. Nerġa' ngħid, meta daħlet is-CET żidna t-taxxa għal ¥11 u issa qegħdin inżiduha għal ¥86, u dawn huma affarijiet li aħna min-naħa ta' l-Oppożizzjoni assolutament ma nistgħux naqblu magħhom.
THE CHAIRMAN: Aktar rimarki? Il-Ministru.
ONOR. LEO BRINCAT: Sur President, inkun diżonest mal-Kamra jekk ngħid li l-pitrolju ma jużah ħadd imma fl-istess ħin irrid nagħti stampa ċara ta' l-affarijiet kif inhuma. GĦal dak li huwa domestic kerosene, meta pparagunat ma' l-użu li kien qed isir minnu fil-qasam kummerċjali u fil-qasam industrijali, insibu li dan qabad id-downturn, u dan mhux taħt dan il-Gvern biss imma anke taħt l-amministrazzjoni l-oħra. Ħalli nagħti żewġ eżempji biex nelabora fuq dak li qed ngħid.
Jekk wieħed jieħu l-annual report tal-Korporazzjoni Enemalta għall-1995, isib li sa tmiem Settembru ta' dik is-sena d-domestic kerosene kien jirrappreżenta wieħed minn kull ħamsa, jiġifieri 20% tal-consumption. Dan ifisser li jekk kellek consumption totali ta' 17,500 metric tons, id-domestic consumption kienet ekwivalenti għal madwar 3,500 metric tons. Jekk imbagħad nieħdu l-annual report għall-1996 insibu li d-domestic consumption niżlet għal 11%. Fil-fatt minn 18,000 metric tons inżilna għal xi 1,980 metric tons. Dawn huma żewġ rapporti li ġew ippubblikati taħt l-amministrazzjoni l-oħra u allura ħadd ma jista' jgħid li qegħdin nilagħbu mal-figuri. Dan juri wkoll li kulma jmur il-pitrolju - anke sa qabel ma daħlet il-miżura tal-budget - kien qiegħed jiġi użat b'rata inqas milli kien jiġi użat qabel. Ħalli nillimita ruħu issa għal dak li qed jintuża għas-settur domestiku.
Bejn l-1982 u l-1986, meta l-konsum tal-pitrolju minn 28,000 metric tons per annum niżel b'xi 10,000 metric tons, il-korporazzjoni kellha madwar 80 hawkers li kienu qed iduru Malta primarjament għal dak li huwa domestic sector. Effettivament fl-1997, minkejja li l-konsum kien tela' għal 19,000 metric tons per annum, il-hawkers niżlu għal 30, u dan juri li kellek sitwazzjoni anomala fejn bi 63% inqas hawkers kien hemm żieda effettiva ta' 90% għal dak li huwa pitrolju. Jiena naħseb li dan juri li x-shift kienet minn dak li huwa domestic kerosene għal dak li huwa użu kummerċjali u użu industrijali. Fil-fatt, meta sar il-ftehim mal-GRTU dwar il-hawkers fis-26 ta' Marzu 1996, għamlu quota biex jiżguraw li ċerti sales ma jiżdidux u ma jiġux eċċeduti, u dan kien pass tajjeb.
Allura, Sur President, jiena nkompli ntenni li filwaqt li huwa veru li hemm faxx żgħir tas-soċjeta' Maltija li jista' jkun li se jintlaqat minn din il-miżura, dan il-faxx meta paragunat ma' dak li kien tlieta, erbgħa, ħamsa jew sitt snin ilu, kompla jonqos sostanzjalment. Barra minn hekk, aħna konna diġa' tajna indikazzjoni f'dan ir-rigward u fil-fatt jekk wieħed jara l-budget li kien sar għas-sena 1997 isib li konna diġa' qegħdin inwittu t-triq biex il-pitrolju jiġi ekwivalenti għall-prezz tad-diesel, kif effettivament ġara din is-sena.
THE CHAIRMAN: Aktar rimarki? L-Onor. John Dalli.
ONOR. JOHN DALLI: Allura għandna nikkonslaw ladarba kienu qegħdin iwittu t-triq, Sur President? Nixtieq li l-Ministru jilluminana dwar kemm huwa żgħir dan il-faxx li qiegħed jgħid li għadhom jużaw il-pitrolju vis-a-vis il-konsum lokali. Kemm-il household hawn fl-estimu tagħhom li jużaw il-pitrolju l-aktar għas-sħana matul ix-xitwa? Kemm mill-500 tunnellata ta' konsum ta' pitrolju kull xahar, skond iċ-ċifri li ta l-Ministru, huwa kkonsmat minn households? Jista' l-Ministru f'dan l-istadju jgħidilna jekk it-tnaqqis fl-użu tal-pitrolju, anke fis-settur domestiku, kienx qiegħed jikkonċentra l-istrata l-iktar baxxi tas-soċjeta'? Min kienu dawk li kienu qegħdin jaqtgħu l-konsum tal-pitrolju? Kienu dawk li setgħu jduru għall-konsum ta' l-elettriku jew tal-gass, jew inkella dawk li ma setgħux, u allura r-rata li baqgħet tikkonsma l-pitrolju kienet iktar konċentrata fil-klassijiet li ma setgħux iħallsu għall-konsum tal-gass, li kien iktar ogħli? Jaf x'ġara l-Ministru?
THE CHAIRMAN: Il-Ministru Brincat.
ONOR. LEO BRINCAT: Jiena m'għandix il-figuri quddiemi tan-number of households pero', ovvjament anke bil-miżuri korrettivi li beħsiebna nieħdu, dan huwa faxx li se jiġi ndirizzat.
ONOR. JOHN DALLI: Sur President, għalija dawn huma risposti daqsxejn konfużi. Ftit ilu l-Ministru għamel statement fejn qal li hemm faxx żgħir tal-popolazzjoni li għadhom jużaw il-pitrolju imma ma jafx kemm huma. Allura kif nistgħu ngħidu jekk dan huwiex ammont żgħir jew kbir! Qegħdin ngħidu li fix-xahar jintużaw 500 tunnellata ta' pitrolju, u dan wieħed irid jaqta' minnu l-abbuż li kien isir. Allura nistgħu nassumu li dan huwa konsum domestiku? X'perċentwali minn dawn il-500 tunnellata huwa konsum domestiku? X'inhu l-konsum domestiku normali f'kull household? Nistgħu nestrapolaw in-numru ta' households li qegħdin jużaw dan it-tip ta' fuel għall-użu tagħhom ta' kuljum? Nistgħu nkunu nafu min qed juża dan il-fuel?
Sur President, ma nistgħux nieħdu deċiżjoni meta ma nkunux studjajna l-effetti ta' dik id-deċiżjoni iżda fil-fatt dan hu li qiegħed jiġri għax qegħdin nistudjaw l-effetti ħafna xhur wara li ħadna d-deċiżjoni u qegħdin ngħaddu liġi fil-Parlament fejn se ngħollu s-sisa pero' qegħdin ngħidu li iktar 'il quddiem se nagħmlu xi ħaġa biex nagħmlu tajjeb għal dak li se ngħaddu mill-Parlament illum! Imma dan x'sens jagħmel?
ONOR. LEO BRINCAT: Sur President, jiena diġa' speċifikajt li figuri aktar dettaljati minn dawk li tajt ma nistax nagħti, biss irrid nenfasizza l-fatt li meta qegħdin nitkellmu fuq domestic consumption ta' 11%, qegħdin ninkludi magħhom anke dawk li jużaw il-pitrolju għas-central heating. Jiġifieri meta tkellimt fuq central heating ma kontx qed ngħid over and above 11% imma inclusive. GĦalhekk naħseb li wieħed jista' jasal għal ċertu guesstimate.
ONOR. JOHN DALLI: Pero' meta kellna domestic consumption ta' 11%, il-konsum kien xi 1,600 metric tons fix-xahar u mhux 500 metric tons fix-xahar. Jiena fuq dan qed nistaqsi. Kemm minn dawn li se ngħollulhom il-prezz tal-konsum huma households? U f'liema strata tas-soċjeta' huma?
ONOR. LEO BRINCAT: Sur President, jien ma għandix il-figuri quddiemi pero' jekk l-Onor. Interpellant jagħmilli mistoqsija bil-miktub jiena nipprova nagħtih id-data kollha neċessarja.
ONOR. JOHN DALLI: Sur President, nixtieq nagħmel l-aħħar kumment tiegħi. Jiena nippretendi li dawn l-affarijiet ma għandhiex tistaqsihom l-Oppożizzjoni imma huma studju li suppost għamel il-Ministru meta kien qiegħed jipprepara l-budget u qabel ma ddeċidew fuq dawn il-miżuri. Wieħed irid jara kif miżuri bħal dawn se jaffetwaw il-popolazzjoni Maltija qabel jeħodhom, u mhux joqgħod jistenna mistoqsija mill-Oppożizzjoni biex forsi jaħseb xi ftit fuq dawn l-effett. Aħna mhux għall-istatistika qegħdin niddiskutu f'dan il-Parlament imma għall-kwalita' tal-ħajja tal-poploazzjoni tagħna.
THE CHAIRMAN: Aktar rimarki? L-Onor. Bonnici.
ONOR. JOSEF BONNICI: Mr Chairman, id-domanda tiegħi hija jekk wara li sar l-aħħar budgetary survey, fejn nafu li kienu ġew intervistati madwar 500 pensjonant, saritx analisi mid-dipartiment ta' l-istatistika, li jaqa' taħt ir-responsabbilta' diretta tal-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ, biex jistudjaw l-effett ta' din il-miżura, partikolarment fuq il-pensjonanti, għalkemm ilkoll kemm aħna nafu li mhux il-pensjonanti biss jużaw il-pitrolju. Fi żmieni, kemm-il darba kont issib xi uffiċjal għoli li jaqta' għad-dritt u jgħidlek: Ministru, għolli l-prezz tal-pitrolju! Imma aħna għalhekk għandna responsabbilta' politika, biex nagħrfu nagħmlu l-aħjar deċiżjonijiet b'mod bilanċjat. Għalhekk jien nistaqsi: Ġie kkwantifikat l-effett negattiv fuq il-pensjonanti ta' miżura bħal din? Il-Ministru talab lid-dipartiment ta' l-istatistika biex jagħmel dan l-eżerċizzju? Din l-analisi saret? Jew forsi l-Ministru ma jridx jurina x'sab? Aħna rridu nipprovaw naraw x'inhi s-sitwazzjoni u mhux billi jgħidilna li 'l quddiem forsi jsiru xi aġġustamenti. Niftakar li fi żmienna l-analisi li kienet saret kienet turi li l-impatt fuq il-pensjonanti kien wieħed mhux żgħir u dan konna rrikonoxxejnih fil-Kabinett Nazzjonalista. Fil-fatt konna għidna li jekk xi darba tittieħed xi miżura li tista' żżid xi ftit il-prezz tal-pitrolju - u żgur li mhux b'dan l-ammont esaġerat - għandu jkun hemm żieda lil dawk is-setturi fis-soċjeta' tagħna li se jiġu milquta b'mod negattiv. Imma dan il-Gvern lanqas biss staqsa lil min se jolqot. Donnu li fejn laqat laqat u fejn ħabat ħabat! Din hija s-sitwazzjoni. Il-Gvern Laburista ma jistax jgħid li ma kienx hemm żmien għaliex issa għaddew xahrejn u iktar minn meta ġie ppreżentat il-budget. Jiġifieri jiena nistenna li saret xi analisi. Jien ili xahar u nofs li staqsejt lill-Ministru biex jgħidli l-miżuri tal-budget x'impatt se jkollhom fuq l-għoli tal-ħajja imma għadni ma rċevejt l-ebda risposta. Allura l-poplu Malti jkollu jikkonkludi li l-Gvern il-homework tiegħu ma għamlux u qiegħed jieħu miżuri fil-għama u litteralment miexi mingħajr boxxla. Ħalli ndur issa għal kwestjoni oħra inkwetanti li għandha x'taqsam mal-light fuel oil.
Fil-mistoqsija parlamentari numru 10,454 jiena staqsejt lill-Ministru dwar il-pollution content tal-fuel oil imqabbel mal-pitrolju u l-Ministru weġibni li waqt li l-pitrolju għandu sulphur content ta' 0.3%, dak tal-light heating oil huwa ta' 1.7%, jiġifieri kważi sitt darbiet iżjed minn dak tal-pitrolju. Din hija xi ħaġa nkwetanti mhux biss għaliex għandha impatt ambjentali negattiv li l-Gvern ma ħax ħsiebu imma għaliex il-pitrolju huwa wżat b'mod estensiv mill-furnara li, kif jaf kulħadd, ħafna drabi nsibuhom fil-qalba ta' l-irħula tagħna. Issa mid-dehra dawn se jkollhom jaqilbu għal dan il-light fuel oil minflok il-pitrolju li għandu pollution content ta' 5.6 drabi aktar mill-pitrolju. Tajjeb li ngħid li meta jiena osservajt dan l-argument fit-Tieni Qari, il-Ministru ħariġli b'risposta li assolutament ma ssegwix. Fil-fatt il-Ministru qalli li l-faħam m'għadux jintuża u li għandu sulphur content inqas miż-żejt. Jista' jkun li dan huwa minnu imma l-pollution ma ssirx biss permezz tas-sulphur content u allura jibqa' l-fatt li l-Ministru ma ndirizzax il-problema fundamentali. U din il-problema fundamentali hija li l-Gvern ħa miżura biex jiffranka l-flus mingħajr ma ta attenzjoni biżżejjed lill-impatt ambjentali u lis-saħħa tal-poplu tagħna.
Fit-Tieni Qari, il-Ministru qal ukoll li l-Enemalta qiegħda taħdem biex issib light fuel oil li huwa iktar nadif. Imma allura dan ma setax isir qabel ma ttieħdet din il-miżura? Fil-fehma tiegħi, dan il-pass li ħa l-Gvern għandu riperkussjonijiet negattivi pero' dan kollu seta' jiġi evitat bi ftit preparazzjoni. Kieku llum m'huwiex qiegħed jiġi wżat dan il-light fuel oil li għandu ferm aktar sulphur content mill-pitrolju. Jista' l-Ministru jikkummenta fuq dan u jgħid kemm se ddum l-Enemalta sabiex iddaħħal tip ta' fuel oil ieħor u x'pollution content se jkollu? Jista' jserraħ ras il-poplu Malti li meta l-fran se jaqilbu kompletament għal din is-sistema, dan mhux se joħloq impatt ambjentali negattiv? Dan huwa l-homework li wieħed jistenna li jsir b'mod urġenti. Anzi jien ngħid li dan il-Gvern, li tela' fuq il-prinċipju li huwa spokesparty għall-ambjent, imissu jipposponi li jdaħħal il-light fuel oil fl-ifran biex ma nkunux qegħdin inħassru l-ambjent u wkoll naffettwaw is-saħħa tal-poplu tagħna meta nafu li dan għandu pollution content ta' 5.6 drabi aktar mill-pitrolju. Din hija xi ħaġa verament inkwetanti pero' s'issa għadni ma smajt xejn min-naħa tal-Gvern sabiex jipprova jipperswadi lill-poplu li miexi fid-direzzjoni t-tajba.
THE CHAIRMAN: Il-Ministru Brincat.
ONOR. LEO BRINCAT: Sur President, meta jiena ġibt il-paragun fuq id-differenza jew għall-qlib mill-faħam għaż-żejt, din m'għamilthiex għaliex għandha x'taqsam direttament mal-kwestjoni tal-fran imma biex nuri d-double standards, it-two weights two measures li timxi bihom l-Oppożizzjoni. L-argument li għamilt dik inhar kien li meta qlibna mill-faħam għaż-żejt, minkejja li s-sulphur content kien seven times as much, ma kien hemm l-ebda kummenti min-naħa l-oħra. Jien tekniku m'iniex, biss wara li kkonsultajt ruħi, fil-winding-up kont speċifikajt li s-sulphur content, anke jekk jintuża fil-fran, m'għandux ikun a matter of concern minħabba ċertu absorption tiegħu fl-arja. Wara kollox, Sur President, dan huwa l-istess prodott li jintuża fl-Ewropa u effettivament huwa magħruf bħala low sulphur fuel oil.
THE CHAIRMAN: Aktar rimarki, jekk jogħġobkom? L-Onor. Ninu Zammit.
ONOR. NINU ZAMMIT: Sur President, jiena naħseb li jkun aħjar li l-Ministru jiċċekkja daqsxejn ma' min qiegħed jagħtih din l-informazzjoni għaliex hemm varjeta' ta' fuel oil. Is-sulphur content fil-fuel oil jista' jvarja bejn 1%, 2.5% u anke 3.5%. U meta qed tgħid 3.5%, dan ifisser li s-sulphur content fil-fuel oil huwa ogħla mis-sulphur content fil-faħam.
THE CHAIRMAN: Aktar rimarki? L-Onor. Josef Bonnici.
ONOR. JOSEF BONNICI: Mr Chairman, il-Ministru qed jerġa' jgħidilna l-istess ħaġa li qalilna waqt is-Second Reading u mhux qed jgħidilna kif se jiġu affetwati l-fran tagħna. Possibbli m'għandux risposta aħjar minn din? (Interruzzjonijiet) Le, fis-Second Reading ma weġibtnix fuq dik. (Interruzzjonijiet) Il-power station x'għandha x'taqsam mal-fran! L-ewwelnett fran għandna kemm-il wieħed fl-irħula tagħna u power stations għandna tnejn. It-tieni, il-faħam kellu wkoll impatt ambjentali kbir ta' l-irmied u l-particles li jitfa' fl-arja u mhux is-sulphur content biss. Allura x'sens jagħmel li nistaqsi x'se jagħmel il-Gvern fil-kwestjoni tal-fran biex jiżgura li ma jkollniex pollution meta hu jogħġbu jirrispondini fuq il-faħam! Din hija xi ħaġa of national concern u m'hijiex politika. Kulma qed ngħid jiena huwa li l-Gvern ħa miżura li għandha effett negattiv kemm fuq l-ambjent u wkoll fuq is-saħħa tal-poplu tagħna. Imma minflok ma l-Ministru qed jipprova jagħtina risposta qed iqabbel il-faħam maż-żejt u jsemmielna l-power station. Imma dan x'għandu x'jaqsam mal-fran? Huwa veru li hemm min juża injam li lkoll nafu li jħalli ċertu effett imma lanqas dan m'għandu x'jaqsam. Il-punt li rrid nagħmel jiena huwa li fil-fran tagħna, biex nagħmlu l-ħobż li jikkonsmah prattikament kulħadd, se nużaw fuel oil li għandu sulphur content ta' 5.6 drabi iktar mill-pitrolju u dan minflok ma dan il-Gvern jittratta l-problema u jgħidilna li l-fran se jħalluhom jaħdmu bil-pitrolju sakemm inkunu ċerti li s-substitute fuel huwa nadif daqs il-pitrolju .... X'hemm ħażin billi jgħid hekk? Kemm se jitlef flus jekk jagħmel hekk? Is-saħħa tal-poplu tagħna m'għandhiex tiddomina? Inkella ngħid li mhux politika tal-calculator għandna imma politika ta' calculator fażull! Għaliex jekk ma ddaħħalx il-cost fuq is-saħħa tal-poplu tagħna allura qed tħalli barra l-iktar ħaġa importanti.
Sur President, hawnhekk nerġgħu nikkonfermaw li l-miżuri tal-budget ma tqisux sewwa u ma sar l-ebda l-ħsieb mill-Gvern biex jara l-impatt ta' dawn il-miżuri. Barra minn hekk, il-Ministru m'huwiex qed jgħidilna x'se jagħmel biex ma jkollniex din il-problema f'pajjiżna.
THE CHAIRMAN: Aktar rimarki? Il-Ministru Brincat.
ONOR. LEO BRINCAT: Kieku tan-naħa ta' l-Oppożizzjoni ma qagħdux jinterrompu meta konna qegħdin nagħmlu s-Second Reading u l-winding-up, kienu jsegwu l-argument li kont ġibt, jiġifieri li l-effett huwa biss wieħed marġinali. Nirriferi lill-Onor. Bonnici għal dak li għidt fil-winding-up għaliex ma nħossx li għandi nerġa' nirripeti dak li għidt dik inhar.
THE CHAIRMAN: L-Onor. Josef Bonnici.
ONOR. JOSEF BONNICI: Bir-rispett kollu, jien kont preżenti u smajt il-winding-up kollu u għalkemm huwa veru li l-Ministru tkellem fuq is-sulphur content pero' ma rrispondiex dwar il-każ tal-fran. Kif diġa' għidt, li jrid jagħmel il-Gvern huwa li jgħid li l-fran se jibqa' jissussidjahom biex inkunu f'pożizzjoni li nżommuhom għaddejjin fuq il-pitrolju sakemm ikollna alternative fuel li huwa nadif daqs il-pitrolju. X'fiha ħażin li jkollna din is-sitwazzjoni? Se tqum il-miljuni? Forsi s-saħħa tal-poplu m'hijiex aktar importanti minn dan? Nerġa' ngħid, jiena kont preżenti waqt is-Second Reading u ċertament li r-risposta ma ħarġitx. Jekk irid il-Ministru, nistgħu anke niċċekkjaw it-text. Imma bħalma ma kellniex risposta llum lanqas dak inhar ma kellna risposta.
THE CHAIRMAN: Hemm aktar rimarki, jekk jogħġobkom? (Onor. Membri: No) Il-mistoqsija hija klawsola 4. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Carried.
ONOR. MEMBRU: Division.
THE CHAIRMAN: Din il-votazzjoni tittieħed fil-ħin ta' l-interruzzjoni tax-xogħol tal-Kamra, skond il-Mozzjoni Nru. 60.
Klawsola 1 - Titolu fil-qosor u bidu fis-seħħ.

Clause 1 - Short title and commencement.
THE CHAIRMAN: Hawn rimarki? (Onor. Membri: No) Il-mistoqsija hi klawsola 1. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri:No) Carried.
Klawsola 1 għaddiet u ġiet ordnata biex issir parti mill-Abbozz ta' Liġi.
Fit-8.20 p.m. il-Kamra rriżumiet u l-President tal-Kumitati rrapporta progress u talab il-permess tal-Kamra biex il-Kumitat jerġa' jiltaqa'.
MADAM SPEAKER: Il-Ministru Brincat.
ONOR. LEO BRINCAT: Madam Speaker, in-nies tekniċi ta' l-MFSC qegħdin jgħiduli li jagħmel iktar sens jekk l-ewwel niddiskutu l-Abbozz ta' Liġi dwar il-Kummerċ ta' l-Assigurazzjoni minflok l-Abbozz ta' Liġi dwar Brokers fl-Assigurazzjoni u Intermedjarji Oħra. Għalhekk nitlob il-permess sabiex il-Kamra tgħaddi għall-ordni tal-ġurnata numru 10 kif jidher fuq l-aġenda.
Dwar dan ikkonsultajt ruħi anke mal-kelliema ta' l-Oppożizzjoni u jidher li min-naħa tagħhom m'hemmx oġġezzjoni.
MADAM SPEAKER: L-Onor. John Dalli.
ONOR. JOHN DALLI: Madam Speaker, dan li qed jissuġġerixxi l-Ministru jiena kont diġa' issuġġerejtu qabel għaliex fil-verita' hekk jagħmel aktar sens. Pero' jiena ma kontx qed nifhem li llejla stess kellna mmorru għal dan l-item. Min-naħa tiegħi jien ippreparat biex nitkellem fuq l-abbozz ta' liġi li jirregola l-insurance brokers u mhux l-insurance business, pero' jekk il-Ministru għandu opening statement sostanzjali ma nsib l-ebda oġġezzjoni li nbiddlu s-sekwenza ta' l-aġenda għal-lum.
ONOR. LEO BRINCAT: Jiddispjaċini li kien hemm dan il-misunderstanding pero' l-messaġġ hekk deherli li kien.
ONOR. JOHN DALLI: Il-messaġġ għadda - kont jiena li ma fhimtx li se naqilbu s-sekwenza ta' l-aġenda - u m'għandi l-ebda oġġezzjoni li nipproċedu kif qed jitlob il-Ministru.
MADAM SPEAKER: Hawn permess? (Onor. Membri: Iva)
Il-permess ingħata.

Yüklə 0,76 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7   8   9   10




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin