Debates tal-kamra tad-deputati


ORDNIJIET TAL-ĠURNATA ABBOZZ TA' LIĠI DWAR IL-KUMMERĊ TA' L-ASSIGURAZZJONI



Yüklə 326,35 Kb.
səhifə3/6
tarix23.01.2018
ölçüsü326,35 Kb.
#40417
1   2   3   4   5   6

ORDNIJIET TAL-ĠURNATA

ABBOZZ TA' LIĠI DWAR IL-KUMMERĊ TA' L-ASSIGURAZZJONI

INSURANCE BUSINESS BILL



L-ordni għal Kumitat ġie moqri.
FIL-KUMITAT
L-Onor Michael Bonnici, President tal-Kumitati, jippresedi.
Ikompli mis-7 ta' April, 1998.
Klawsola 35 - Trasferiment ta' kummerċ fit-tul.
Clause 35 - Transfer of long term business.
(Posposta mis-7 ta' April, 1998)
THE CHAIRMAN: Il-Ministru Brincat.
ONOR. LEO BRINCAT: Sur President, din il-klawsola tipprovdi sabiex meta jkun propost li titmexxa skema li biha l-kummerċ fit-tul kollu jew parti minnu li jitmexxa minn kumpannija awtorizzata jkun se jiġi ttrasferit lil kumpannija oħra, sew jekk awtorizzata u sew jekk le, il-kumpannija għandha, b'applikazzjoni li ssir lit-tribunal għal servizzi finanzjarji, titlob li l-iskema tkun approvata. Il-klawsola tipprovdi wkoll għall-proċeduri kollha kif it-talba għandha tkun eżaminata u ttrattata sa l-approvazzjoni.
Din il-klawsola hija mfassla fuq id-dispożizzjonijiet ta' artiklu 49 - Sanction of Court for Transfer of long-term Business - ta' l-Insurance Companies Act, 1982 tar-Renju Unit, kif emendat bir-regolament 28 ta' l-insurance companies third insurance directive regulations 1994 u l-ewwel parti tat-tielet skeda ta' dawk ir-regolamenti.
THE CHAIRMAN: Aktar rimarki? L-Onor. Francis Zammit Dimech.
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Sur President, ir-rimarki tagħna fuq din il-klawsola huma bbażati fuq żewġ prinċipji. L-ewwelnett meta qed nitkellmu dwar trasferiment ta' kummerċ fit-tul irridu nieħdu deċiżjoni fundamentali jekk dan il-kummerċ fit-tul għandniex niddistingwuh minn kummerċ ieħor ta' assigurazzjoni, fis-sens li applikazzjonijiet għal dan ir-rigward iridu jsiru lit-tribunal li hawn riferenza għalih f'din il-liġi, jiġifieri t-tribunal għal servizzi finanzjarji, jew jekk għandniex nimxu mal-prinċipju li din l-applikazzjoni, bħall-applikazzjonijiet l-oħra kollha tas-servizzi finanzjarji, ikun tajjeb li ssir lill-istess awtorita' kompetenti. Ma jistax ikun li ngħidu li l-awtorita' kompetenti hija kompetenti f'kollox, anke taħt liġijiet oħra fuq investiment, nawtorizzawha li tagħti hi l-liċenzji meħtieġa, anke għal skopijiet ta' banking u ta' financial institutions - għalkemm għalissa hemmhekk l-awtorita' kompetenti hija l-Bank Ċentrali - imbagħad fejn jidħlu applikazzjonijiet ta' trasferiment ta' kummerċ fit-tul ngħidu li dawn jridu jsiru lit-tribunal. Mela l-ewwel prinċipju hu li nsostnu li l-awtorita' kompetenti għandha tkun kompetenti għal hekk ukoll. Imma hemm żewġ aspetti oħra, Sur President, li wieħed jista' jorbot ma' dan il-ħsieb.
Meta inti jkollok applikazzjonijiet li huma diskussi mill-awtorita' kompetenti, it-tribunal jista' b'mod ferm iktar faċli jaqdi l-funzjoni oriġinali tiegħu li jservi bħala tribunal ta' appell. The minute you say li dan it-tribunal jagħti jew ma jagħtix hu liċenzja, jikkonsidra jew ma jikkonsidrax hu applikazzjoni, awtomatikament tkun qed tisvesti lill-awtorita' kompetenti minn parti minn proċess importanti - qisna għandna fiduċja assoluta f'din l-awtorita' kompetenti ħlief f'dak il-qasam - u tkun qed tisvesti wkoll it-tribunal għal servizzi finanzjarji - li inċidentalment għadu s'issa ma twaqqafx - mill-funzjoni proprja tiegħu li jservi bħala tribunal ta' appell. Inti ma tistax tgħid - u lanqas l-abbozz kif inhu miktub ma jikkontempla dan - li t-tribunal jiġġudika hu dawn l-applikazzjonijiet u mbagħad ikun hu stess li jservi għal appell. Jiġifieri l-mument li ngħidu li t-tribunal sejjer jiġġudika dawn l-applikazzjonijiet ifisser ukoll li qed ngħidu li fuq dan is-settur importanti ta' l-assigurazzjoni mhux se jkun hemm appell.
Punt ieħor li jorbot ma' dan kollu huwa l-kompożizzjoni tat-tribunal. Naturalment nistgħu nitkellmu dwar il-kompożizzjoni tat-tribunal taħt partijiet oħra ta' dan l-abbozz pero' naħseb m'hemm xejn ħażin li wieħed isemmi l-prinċipju anke f'dan l-istadju. B'din il-liġi qed nipprovdu li t-tribunal ikollu kompożizzjoni differenti minn dik li normalment għandu taħt liġijiet finanzjarji oħrajn. Il-prinċipju li t-tribunal ikun iktar speċjalizzat għal iktar skop ta' assigurazzjoni fih innifsu ma fih xejn ħażin. Pero' li forsi seta' ġara hu - u hawnhekk nirriferi għal-liġi Ingliża - li meta f'liġijiet oħra hemm riferenza għat- tribunal għal servizzi finanzjarji, nistgħu nipprovdu mill-ewwel li jkun kompost minn president u minn panel ta' nies esperti f'oqsma differenti tas-servizzi finanzjarji u b'hekk dan jista' jkun kompost b'mod differenti għall-iskop ta' din il-liġi milli għall-iskop, per eżempju, ta' liġi rigward l-investiment. Jiġifieri li wieħed jikkomponi tribunal b'mod differenti għal liġijiet differenti huwa skop li nistgħu naqblu dwaru. Li ma naħsibx li jagħmel sens hu li nagħmluha bil-mod li huwa mniżżel f'dan l-abbozz. Ma naħsibx li hu tajjeb ngħidu li t-tribunal taħt din il-liġi hu mill-ewwel kompost b'mod differenti. Ikun aħjar li noħolqu konċett ferm iktar flessibbli billi mmorru għal-liġijiet fejn dan it-tribunal huwa almenu mil-lat legali mwaqqaf - għaliex fil-prattika mhux imwaqqaf, għax s'issa għadu ma nħassx il-bżonn, tajjeb jew ħażin, li t-tribunal ikun fil-fatt kompost - u hemmhekk ngħidu mill-ewwel li t-tribunal għandu jkun kompost minn president u minn panel ta' sitta, tmienja jew għaxar min-nies, u b'hekk ikun hemm il-poter kif imbagħad it-tribunal ikun kompost b'mod differenti skond il-każ li jkun hemm quddiem it-tribunal. Naħseb li dan jkun mod ferm iktar organiku u organizzat milli nibdew nirriferu għat-tribunal b'mod differenti taħt liġijiet differenti.
Mela ejjew inżommu dan it-tribunal għal servizzi finanzjarji, għall-mument irrespettivament mill-mod kif inhuwa kompost, fil-kapaċita' tiegħu li jservi bħala tribunal ta' appell u nħallu għand l-awtorita' kompetenti l-funzjonijiet kollha marbutin mas-servizzi finanzjarji, inkluż allura l-funzjonijiet rigward trasferiment ta' kummerċ fit-tul.
THE CHAIRMAN: Aktar rimarki? Il-Ministru.
ONOR. LEO BRINCAT: Sur President, fil-fatt dan il-punt kien ġie sollevat anke fil-winding-up meta konna ddiskutejna l-liġi tal-brokers. Il-long-term business jirriferi għal dak li huwa long-term contracts bejn policy holder u insurance company, u fil-preżent jirrikjedi li jkun hemm novation agreement sabiex ikun jista' jseħħ dak li huwa magħruf bħala portfolio transfer. Kif diġa' ġie spjegat din hija proċedura tqila u pedantika, li tagħmilha kważi impossibli biex titrasferixxi l-policies kollha b'mod effettiv. Semmejt ukoll li f'ġurisdizzjonijiet oħrajn bħal dawk tar-Renju Unit, ta' l-Awstralja, ta' l-Isle of Man u ta' postijiet oħra dawn it-transfers jiġu deċiżi normalemt mill-qrati nfushom. Imma fil-każ tagħna ġaladarba diġa' għandna stabilit tribunal għal servizzi finanzjarji - kellna anke expert overseas advice f'dan ir-rigward - it-tribunal għandu jkun l-appropriate body li għandu jiddeċiedi jekk business għandux jiġi ttrasferit minn kumpannija għal oħra. Il-fehma tagħna hija - u din hija l-fehma anke ta' l-expert advice li għandna - li r-rwol ta' l-awtorita' għandu jkun limitat biex isiru sommissjonijiet ta' l-opinjoni tagħha lit-tribunal.
THE CHAIRMAN: Aktar rimarki? L-Onor. Zammit Dimech.
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Sur President, ma nafx jekk il-Gvern hux qed jipprova li jgħaddi l-klawsoli kollha li fadal ta' dan l-abbozz ta' liġi qabel ma l-Parlament jaġġorna għall-vaganzi ta' l-Għid - nafu li din hija liġi importanti li iktar ma tidħol fis-seħħ malajr iktar ikun aħjar - pero' irrid ngħid li jekk inħarsu lejn dak li qed jiġri l-Ingilterra bħalissa, insibu li t-tendenza hi preċiżament li inti tikkonsolida kemm jista' jkun kwalunkwe materja konnessa ma' servizzi finanzjarji taħt awtorita' waħda, f'dan il-każ taħt il-financial services authority. Jekk wieħed iħares anke lejn dokumenti differenti ġewwa l-Ingilterra jsib li filwaqt li t-tendenza fil-passat kienet waħda li tispezzetta, illum it-tendenza hi li tikkordina u li jkollok punt wieħed ta' riferenza. U minn dak li qrajt dwar dak li qed jiġri fl-Ingilterra, żgur li anke għal-long-term business r-riferenza hi preċiżament għall-financial services authority. F'Malta l-ekwivalenti għall-financial services authority - bid-diffikulta' li s'issa mxejna li l-awtorita' kompententi tista' tfisser ħaġa taħt liġi waħda u tista' tfisser ħaġa oħra taħt liġi oħra, imma dak forsi huwa dibattitu daqsxejn itwal li rriferejna għalih diġa' f'din il-Kamra u forsi rridu nsibu l-mument iktar opportun meta nidħlu fih - hija l-competent authority. Issa f'Malta żidna l-komplikazzjoni li l-competent authority mhux dejjem niddefinixxuha l-istess taħt il-liġijiet varji. Li nżidu l-komplikazzjoni li ngħidu li l-long-term business jagħmlu l-financial services tribunal, naħseb li m'huwiex meħtieġ.
Sur President, aktar ma nisma' argumenti min-naħa tal-Ministru li dan huwa suġġett li huwa cumbersome, li jieħu fit-tul u li għandu proċeduri metikolużi kif tirregolah, kważi nasal għall-konklużjoni bil-maqlub. Għaliex jekk hi proċedura li tieħu fit-tul, jekk hi proċedura anke metikoluża u trid il-mod dettaljat kif applikazzjoni tiġi eżaminata, l-aħħar ħaġa li trid hu li flok ma jkunu n-nies li għandhom il-hands-on experience kontinwa għaddejjin fl-oqsma tas-servizzi finanzjarji kollha, b'mod partikolari dak ta' l-assigurazzjoni, u li dawn bil-mod organizzattiv tagħhom li naf li huma kapaċi jagħmluh jgħidu li se jkollhom unit speċjalizzata fuq long-term business, fejn anke hemm il-back-up amministrattiv kollu u l-expertise meħtieġ li jagħmlu dan ix-xogħol, twaddab l-applikazzjonijiet għand tribunal li fl-aħħar mill-aħħar għandu t-tajjeb kollu tat-tribunal imma għandu l-iżvantaġġi wkoll ta' tribunal, jiġifieri huma persuni li bażikament qed jistabilixxu r-rwol tagħhom prinċipali biex isegwu appelli li jkun hemm min-nies li d-deċiżjonijiet ta' l-awtorita' kompetenti ma jkunux qed jaqblu magħha għal raġuni jew oħra. Iktar ma noħolqu dan id-distakk naħseb li flok inkunu qed nirregolaw bil-konċett ta' awtorita' waħda inkunu qegħdin nispezzettaw. Wara kollox x'inhu l-prinċipju li kollok awtorita' waħda?
Il-prinċipju li jkollok awtorita' waħda, fl-aħħar mill-aħħar jgħin immensament biex meta niġu biex nagħmlu l-marketing tas-servizzi finanzjarji, b'wiċċna bil-quddiem inkunu nistgħu ngħidu li f'Malta hawn financial services centre, ċentru mwaqqaf b'politika ta' consensus assoluta u anke b'mod bipartisan bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra, kemm fil-liġijiet li saru oriġinarjament fl-1994 u anke f'kull emenda sussegwenti li qed issir għalihom, u wieħed mill-preġji l-kbar li għandu ċ-ċentru hu li jrid iservi bħala one-stop shop. Issa jekk inti lill-kumpanniji ta' l-assigurazzjoni tgħidilhom li għalihom hawn l-MFSC biex jirregola n-negozju kollu tagħhom, u mbagħad nibdew nagħmlu eċċezzjonijiet, naħseb li nkunu qed noħolqu diffikulta' li m'hemmx bżonnha.
Wara kollox irridu niftakru li l-financial services tribunal oriġinarjament kien twaqqaf taħt artiklu 10 tal-Banking Act ta' l-1994 u hemmhekk diġa' kien provdut li dan irid ikun tribunal li għandu funzjoni ta' appell minn deċiżjonijiet ta' l-awtorita' kompetenti rigward awtorizzazzjoni, rigward revoki u rigward anke kondizzjonijiet li jsiru fuq liċenzji ta' banking. Issa hemm id-diffikulta' li semmejt qabel li l-awtorita' kompetenti, għall-iskopijiet ta' dik il-liġi, għal raġunijiet storiċi partikolari ta' pajjiżna, sal-mument preżenti hi l-Bank Ċentrali u mhux l-MFSC. Pero' mbagħad għandek it-tribunal għal servizzi finanzjarji li allura għandu dan ir-rwol ta' appelli mill-awtorita' kompetenti kif definita hemmhekk. Fil-liġi dwar il-banking hemm provdut ukoll kif inhu kompost dak l-istess tribunal. Issa fl-abbozz li għandna quddiemna, jiġifieri f'dan l-artiklu u mbagħad anke f'artiklu 57, qed inżidu funzjoni addizzjonali li mhijiex eżistenti fil-liġijiet preżenti li jirriferu għat-tribunal għal servizzi finanzjarji. Issa din qed nagħmluha f'kontest ta' liġi fejn diġa' hawn il-qbil taż-żewġ naħat tal-Kamra li l-qasam totali ta' assigurazzjoni għandu jirriferi kollu għal awtorita' kompetenti waħda. Jiġifieri diġa' kkjarifikajna - u hawn impenn f'dan is-sens - li meta l-Parlament se jiddiskuti fl-istadju ta' Kumitat l-abbozz ta' liġi dwar brokers u intermedjarji oħra, se ngħidu li l-awtorita' kompetenti hija l-awtorita' kompetenti taħt din il-liġi. Allura l-konċett ta' one-stop shop ġie definit u aċċettat b'mod ċar ħafna. Naħseb li allura jkun żball li naqbdu l-long-term business u ngħidu one-stop shop għal kollox ħlief għal dan in-negozju.
It-tribunal għal servizzi finanzjarji la għandu l-expertise meħtieġ, kif għandha l-awtorita', u lanqas għandu l-garanzija ta' back-up amministrattiv u ta' l-istrutturi kollha li għandna l-MFSC imma huwa tribunal li lanqas huwa mwaqqaf, waqt li l-MFSC - jekk wieħed imur lura għal meta kien jissejjaħ il-MIBA - huwa ċentru b'back-up u esperjenza ta' għaxar snin. Jiġifieri qegħdin nissostitwixxu dan iċ-ċentru li evolva prattiċi, li evolva guidelines, li ħadem fuq direttivi, li ħadem anke fuq kodiċi ta' prattika, li għandu din l-istruttura kollha, ma tribunal kompletament ġdid li għalkemm fil-liġijiet eżistenti diġa' ilu jissemma' erba' snin s'issa ma twaqqaf qatt, minn l-ebda amministrazzjoni, u dan forsi għaliex iż-żewġ amministrazzjonijiet s'issa ma kellhomx każijiet li jirrikjedu t-twaqqif tiegħu. Hawn qed ngħidu li l-kompożizzjoni tiegħu se tkun differenti u se ngħidu li dan it-tribunal issa se nwaqqfuh b'kompożizzjoni differenti taħt il-liġi ta' l-1998 u mill-ewwel nagħtuh funzjoni ta' liċenzjar u mhux biss ta' appelli kif għandu. Jien naħseb li jekk se nagħmlu hekk ma jkunx l-iktar pass għaqli. L-iktar pass għaqli jkun li nieħdu l-opportunita' ta' din il-liġi biex dan it-tribunal jitwaqqaf. Fl-opinjoni tiegħi għandna niddiskutu kif jitwaqqaf b'mod li jorbot għal-liġijiet kollha, u mhux f'liġi noqogħdu ngħidu li huwa kompost mod u f'liġi oħra ngħidu li huwa kompost b'mod differenti.
Infatti jekk immur fuq il-liġi Ingliża ta' l-1986, fil-Financial Sevices Act ta' l-Ingilterra hemm provdut li jkollok it-tribunal kompost bi struttura fejn ikollok panel ta' nies, imbagħad kif inti minn dak il-panel tagħżel in-nies l-iktar idonei għal kull każ tiddeċiedi skond il-każijiet li jkollok. Din m'hijiex xi ħaġa li fil-liġijiet l-oħra Maltin m'għandniex. F'pajjiżna għandna liġijiet diversi - hawn l-Avukat Ġenerali u flimkien man-nies mill-Malta Financial Services Centre jista' jikkonfermalna dan - fejn għandek tribunali li l-kompożizzjoni tkun ta' panel, imbagħad il-kompożizzjoni għal każijiet partikolari naturalment tkun skond l-eżiġenzi tal-każ jew tat-tip ta' każ. M'iniex qed ngħid li rridu nikkomponu b'mod differenti għal kull każ pero' jekk inti tagħmel panel għandek vantaġġi oħrajn ukoll, inkluż il-vantaġġ li jekk xi ħadd għandu interess fil-każ li qed jiġi diskuss quddiem it-tribunal in kwestjoni huwa iktar faċli li tissostitwixxi milli kieku t-tribunal ikun kompost b'mod iktar riġidu. Naħseb li dan nistgħu nagħmluh.
Sur President, jekk aħna rridu ngħaddu l-klawsoli kollha li fadal sad-9.00 p.m. tal-lejla allura aħjar insibu formola u nipprovaw naqblu għaliex aħjar li nimxu f'dan il-qasam. Nista' ngħid li fuq dan l-artiklu m'hawn l-ebda casus belli min-naħa ta' l-Oppożizzjoni. Jiġifieri jekk l-intenzjoni tal-Gvern hija hekk, jgħidilna u l-Ministru jkollu l-koperazzjoni sħiħa tagħna. Pero' jekk għad hemm opportunita' li naħsbu iktar u li naraw mhux biss il-liġi Ingliża eżistenti imma anke x'qed ikun propost l-Ingilterra, fid-dawl tar-riforma kbira li qed issir bħalissa, preċiżament biex kollox ikun iktar kordinat, ma naħsibx li f'Malta għandna nitilfu din l-opportunita' li dan it-tribunal inħalluh fil-funzjoni tiegħu ta' appell, niftehemu flimkien kif l-aħjar ikun kompost u nagħtu l-fiduċja tagħna lill-MFSC, anke biex jagħti l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa fuq il-long-term business. Wara kollox il-MFSC min jaf kemm se jkollha każijiet fejn tkun qiegħda f'diskussjoni kontinwa ma' ditti fuq oqsma differenti ta' assigurazzjoni. Għandek il-long-term, għandek il-policies l-oħrajn li qegħdin niddiskutu, għalfejn dawn ir-rappreżentanti anke li jiġu u jagħżlu lil Malta bħala ċentru minn fejn jagħmlu n-negozju....
Fl-aħħar mill-aħħar aħna qed niddiskutu din il-liġi mhux biss mil-lat purament legali u mil-lat purament tekniku imma qed niddiskutu anke bħala parlamentari li nixtiequ li Malta tkun ċentru ta' reputazzjoni għolja u ċentru li jħabbatha ma' l-aqwa postijiet finanzjarji madwar id-dinja. Mela meta aħna qegħdin nipprovaw nattiraw negozju ġdid lejn pajjiżna, l-aħjar ħaġa li nistgħu nagħmlu hija li ngħidu li l-MFSC huwa a one-stop shop, kemm fis-sens ekonomiku u kummerċjali, u kemm fis-sens legali u tekniku.
THE DEPUTY CHAIRMAN (Onor. Anġlu Farrugia): Aktar rimarki? Il-Ministru.
ONOR. LEO BRINCAT: Sur President, naħseb li tajjeb li wieħed jissolleva l-fatt li jekk se nġibu l-eżempju ta' l-Ingilterra rridu nenfasizzaw li l-financial services authority hemmhekk hi s-sole regulator imma ma tiddeċidix fuq dak li huwa business portfolio transfers. Fil-fatt ma nafx kemm kien feliċi l-eżempju li nġab tal-leġislazzjoni Ingliża għaliex hawnhekk għandi l-Insurance Companies Act ta' l-1982 u fi klawsola 49, li titkellem dwar long-term business transfers, hemm paragrafu li espressament jitkellem dwar dak li jissejjaħ sanction of courts for transfer of long-term businesses. Jiġifieri hemm l-element tal-qrati. Din il-klawsola tal-liġi Ingliża tgħid hekk:
"Where it is proposed to carry out a scheme under which the whole or part of the long-term business carried on in the UK by an insurance company to which this part of this Act applies .... the transferor company or transferee company may apply to the court by petition for an order sanctioning the scheme.".
Fuq l-aspett ta' one-stop shop nista' ngħid li aħna favur tiegħu imma dan jista' jiġi applikat biss f'dan l-istadju f'dawk li huma affarijiet li għandhom x'jaqsmu ma' affarijiet tal-qasam regolatorju. Jiġifieri f'dan l-istadju ma nistgħux li nestendu l-affarijiet oltre dan.
Tajjeb li wieħed jgħid ukoll li dan l-Att se jestendi r-rwol u anke l-funzjoni tat-tribunal. Fil-fatt klawsola 57 tipprovdi proprju għal dan.

Irrid ngħid ukoll li t-tribunal se jkollu żewġ persuni li mistennija li jkollhom ċerta esperjenza fil-qasam ta' l-assigurazzjoni. Dan it-tribunal mhux se jkun qiegħed jieħu responsabbilta' biex jillinċenzja kumpanniji imma sempliċement biex japprova t-trasferiment ta' business ta' kumpannija jew lil kumpannija li tkun effettivament liċenzjata min-naħa ta' l-MFSC.



THE DEPUTY CHAIRMAN: Aktar rimarki? L-Onor. Zammit Dimech.
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Sur President, veru li fil-liġi Ingliża eżistenti hemm riferenza f'dan ir-rigward partikolari għall-qrati. Naturalment wieħed jifhem li l-mument li inti tagħmel hekk tkun qed tirriferi wkoll għal struttura li awtomatikament tfisser ukoll proċedura differenti. Bi proċedura differenti nifhem ukoll dik il-proċedura li jekk inti mort quddiem qorti u għall-argument il-qorti ma aċċettatx applikazzjoni, għaliex saret petizzjoni jew sar rikors għat-talba li tkun partikolari li qed tissemma fil-liġi Ingliża, għandek ukoll awtomatikament marbuta magħha l-proċedura kollha ta' appell. Issa hawn aħna qed naqblu li ħafna mill-funzjonijiet li jirrelataw ma' l-assigurazzjoni nistgħu nafdawhom f'idejn il-MFSC.
Jiena naqbel li f'dan l-aspett partikolari mhux neċessarjament qed nitkellmu dwar aspett regolatorju, allavolja fl-aħħar mill-aħħar jiddependi x'definizzjoni nieħdu tal-kelma "regolatorju", għax regolatur ħafna drabi għandu wkoll il-funzjoni li japprova jew ma japprovax applikazzjoni għal liċenzja partikolari. Dik hi kruċjali f'definizzjoni ta' ''regolatur'' - u mhux regolatur biss fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, għax jista' jkun regolatur tat-telekomunikazzjoni jew regolatur ta' utilities b'mod ġenerali; anzi meta titkellem dwar servizzi, ħafna drabi r-regolatur tiddefenih b'riferenza għar-rwol tal-fatt li min ikollu l-appikazzjoni quddiemu jara jekk il-persuna hijiex idonea, jekk il-livell ta' stabilita' finanzjarja huwiex suffiċjenti u anke jekk ir-rekwiżiti kollha ta' l-applikazzjoni humiex hemm - għax jista' jkun hemm metodi differenti kif niddefenixxu din il-kelma.
Jien qiegħed ngħid, la qed naqblu li dak kollu li m'huwiex long-term business f'Malta jsir miċ-ċentru, possibbli hemm xi diffikulta' min-naħa tal-MFSC - forsi wieħed għandu jikkonsulta hemmhekk ukoll - li dawn jagħmlu dawn ukoll, u mbagħad it-tribunal jkun qiegħed hemm bħala mezz ta' appell? Għaliex jibqa' l-argument, anke meta nirriferu għal-liġi Ingliża, li issa t-tribunal żgur mhux se jkun tribunal li jista' jservi ta' appell fuqu nnifsu. Mela x'se jiġri jekk it-tribunal ma japprovax applikazzjoni a tenur ta' artiklu 35 ta' dan l-abbozz? Min japplika jrid joqgħod imur quddiem il-qrati ordinarji u jara jekk hemmx xi abbuż ta' diskrezzjoni fis-sens amministrattiv, jiġifieri taħt normi tal-liġi b'mod iktar ġenerali? X'inhija l-proċedura li jrid jagħmel? Jekk nirriferu għall-qrati fl-Ingilterra awtomatikament ifisser li għandek il-proċedura wkoll ta' appell. Imma hawn lanqas dan m'aħna qed nagħmlu. Hawn qed ngħidu li mmorru quddiem tribunal, li normalment għandu funzjoni ta' appell, u f'daqqa waħda qed ngħidulu li għall-iskopijiet ta' din il-liġi inti trid tiddeċiedi li tapprova jew le l-applikazzjonijiet li jkollok għal trasferiment ta' kummerċ fit-tul. Jiġifieri - u se naqra mill-abbozz li għandna quddiemna -
''Meta jkun propost li titmexxa skema li biha l-kummerċ fit-tul kollu jew parti minnu li jitmexxa minn kumpannija awtorizzata taħt dan l-Att (''il-kumpannija ċedenti'')...''
Issa meta ngħidu ''kumpannija awtorizzata taħt dan l-Att'', naturalment jien qed nifhem li din hija kumpannija diġa' awtorizzata mill-awtorita' kompetenti. Issa din hija l-kumpannija ċedenti. Għaliex? Għaliex hi se tittrasferixxi lil kumpannija oħra.
''... ikun se jiġi trasferit lil kumpannija oħra sew jekk hekk awtorizzata taħt l-Att jew le,''.
Donnu l-kumpannija l-ġdida tista' tiġi awtorizzata iktar tard. Imbaħgad ikompli jingħad li:
''meta l-kumpannija ċessjonarja...''
- jiġifieri dik li se tirċievi issa, mhux iċ-ċedenti naturalment -
''...tkun kumpannija li l-uffiċċju prinċipali tagħha jkun f'Malta, il-kummerċ propost li jiġi trasferit ikun kummerċ li jitmexxa f'Malta jew minn Malta jew f'pajjiżi barra minn Malta;''
- u għandna wkoll -
''meta l-kumpannija ċessjonarja...''
- dejjem il-kumpannija li qed tirċievi -
''...tkun kumpannija li l-uffiċju prinċipali tagħha jkun f'pajjiż barra minn Malta, il-kummerċ propost li jiġi trasferit ikun kummerċ li jitmexxa f'Malta jew minn Malta,
il-kumpannija ċessjonarja jew il-kumpannija ċedenti għandha, b'applikazzjoni li ssir lit-Tribunal għal Servizzi Finanzjarji, titlob li l-iskema tkun approvata.''.
Għaliex qed nipprovaw nikkwota fit-tul mingħajr ma nidħol fis-subartikli l-oħrajn ta' dan l-artiklu? Għaliex iktar ma taqra x'inhi l-materja li għandna quddiemna iktar nikkonvinċi ruħi li l-awtorita' kompententi - sakemm hi stess għal raġunijiet li forsi nsib diffiċli biex nifhem ħlief naturalment b'rispett lejn l-awtonomija tagħha nifhem ukoll il-parir tagħha - li wieħed almenu għandu jiddiskuti mal-MFSC, fis-sens li nistaqsuhom jekk humiex disposti li dan ix-xogħol, flimkien max-xogħol l-ieħor kollu tagħhom, imexxuh huma wkoll u t-tribunal ikun l-appell minn fuqhom jekk min jagħmel applikazzjoni f'dan is-sens ma jaqbilx mad-deċiżjoni tagħhom. Jekk il-Ministru naturalment għandu parir jew xewqa - sejħilha li trid - miċ-ċentru għal servizzi finanzjarji ta' Malta li dan ix-xogħol ma jixtiequhx li jkun inkluż max-xogħol l-ieħor ta' dak iċ-ċentru - insibha diffiċli nifhem għaliex qed jgħidu hekk - nirrispetta wkoll dik il-fehma. Pero' jekk huma disposti li jagħmlu dan ix-xogħol, onestament ma naħsibx li hemm skop għalfejn niddistakkaw dan ix-xogħol kollu u nitfgħuh quddiem it-tribunal flok inħallu lit-tribunal f'vesti ta' appell li wkoll hu garantit fis-sistema Ingliża għax meta tmur quddiem il-qrati ordinarji jinkludu proċedura ta' appell magħhom.
Yüklə 326,35 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin