Malta debates tal-kamra tad-deputati (Rapport Ufficjali u Rivedut)



Yüklə 327,92 Kb.
səhifə4/6
tarix27.12.2018
ölçüsü327,92 Kb.
#87064
1   2   3   4   5   6

THE DEPUTY SPEAKER: Ippermettili, Onorevoli, skadielek il-ħin. Għandek bżonn extension. Xi ħadd jipproponi biex tkompli tinstema’?
ONOR. GUIDO de MARCO: Nipproponi li l-Onor. Sceberras Trigona jkompli jinstema'.
THE DEPUTY SPEAKER: Min jissekonda?
ONOR. MARIA CAMILLERI: Nissekonda.
THE DEPUTY SPEAKER: Hawn talba biex l-Onor. Sceberras Trigona jkompli jinstema. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Il-mozzjoni għaddiet nem. con.

ONOR. ALEX SCEBERRAS TRIGONA: Nirringrazzja lill-proponent, lis-sekondant u lill-Kamra kollha għal din l-estensjoni.
Sur President, għaldaqstant jien nara li m’hemmx urġenza biex dan il-proġett kif inhu mfassal s'issa jgħaddi minn din il-Kamra għaliex kif kont qed ngħid, qabel tliet snin oħra huwa diffiċli li wieħed jibda jara u jgawdi l-effetti u l-benefiċċji ta’ dan il-proġett, allavolja waqqajna l-ħajt ta' Bormla. Dan il-ħajt seta’ twaqqa' żmien ilu u l-koinċidenza fiż-żmien mad-dibattitu f'dan il-Parlament hija koinċidenza politika, pero’ l-fatt li twaqqa' issa mill-Gvern xorta ma jfisser xejn għal dan il-proġett. L-affarijiet li għandhom isiru biex itejbu s-sitwazzjoni ma nistgħux inkomplu nwaħħluhom ma' dan il-proġett u huwa importanti li dawn l-affarijiet isiru.
Kif diġa’ għidt, dan il-Parlament ma messux baqa' mwaħħal mar-riżoluzzjoni dwar dan il-proġett għal xahar sħiħ minflok ma ddiskuta suġġetti oħra li setgħu ġew cleared minn dan il-Parlament. Jien naħseb li l-aħjar ħaġa hija li nissospendu id-diskussjoni fuq dan il-proġett għal xi ħamest ijiem biex ikunu jistgħu jingħataw spjegazzjonijiet fid-dettall dwar il-labour content, il-financial feasibility, kulħadd jingħata kopja tal-pjanti u tiġi ċċarata jekk il-klawsola li tgħid ''to develop and operate to its own benefit'' hijiex destinata għal finijiet turistiċi u/jew għal finijiet ta’ divertiment. Imma jekk min-naħa tal-Gvern hawn min bilfors irid li l-vot jittieħed illejla allura m’hemmx x'tagħmel, pero’ ma naħsibx li huwa healthy li ma tingħatax spjegazzjoni fuq diversi fatturi li ma jirrikjedux risposta sommarja. La dawn ir-risposti għadhom ma ġewx ċirkolati s'issa, it-tip ta' risposti li jistgħu jfaqqsu malajr illejla jistgħu jqajmu xi suspetti. Għalhekk ma naħsibx li dawn l-affarijiet għandna nagħmluhom kif ġieb u laħaq, qisu għandna xi commitment li sa pitgħada kollox irid ikun lest, marbut b'ċoff u ssiġġilat u nhar it-Tnejn ngħaddu biex niddiskutu xi ħaġa oħra. Nhar it-Tnejn faċilment nistgħu nimxu għal xi business ieħor tal-Parlament li qiegħed quddiemna u din ir-riżoluzzjoni li ilha quddiemna għal iktar minn xahar inkomplu niddiskutuha nhar l-Erbgħa forsi jilħqu jiġu ċirkolati dawn l-istudji tant essenzjali u nkunu nistgħu nikkonsidraw b'mod raġunat u b'mod tassew analitiku.
Sur President, irrid ngħid ukoll li huwa diffiċli li wieħed jara kif ġew inkwadrati ċerti aspetti oħra ta' dan il-proġett u se nibda billi nirriferi għal dak li semmejt f'artiklu li ktibt f'''The Times'' ta’ nhar it-Tlieta. Ovvjament nhar it-Tlieta jien kont qed nikteb fuq l-abbozz ta' kuntratt li kien ġie ċċirkolat lill-Membri kollha ta' din il-Kamra nhar il-Ġimgħa, 26 ta' Ġunju. U hawnhekk nagħmel parentesi u ngħid li m’iniex se noqgħod inqajjem ksur ta' privileġġ kontra s-Sur Bondi’, li kiteb illum u qed jgħid li jien kelli l-kopja tal-kuntratt ħażina, imma nitolbu biex jiġi għand il-Clerk of the House biex jagħtih il-kopja tal-kuntratt li ġie ċirkolat lill-Membri kollha fis-26 ta' Ġunju u jara jekk jien kontx qed nikkummenta fuq il-kuntratt tas-26 ta' Ġunju. Jien m’iniex xi profeta u allura ma stajtx nikkummenta fuq emendi li daħlu wara li ktibt l-artiklu li deher f'''The Times''.
F’dan l-artiklu attribwejt b’mod ċar u tond lil Karmenu Mifsud Bonnici, ex-Prim Ministru ta' Malta, li ssuġġerixxa bil-mod eleganti u fin legali tiegħu li jekk il-kumpannija se tgħaddi d-drittijiet tagħha lil terzi persuni fuq il-mollijiet, dan irid isir lil a fit and proper person fil-fehma tal-gvern u mhux li din il-kumpannija ikollha permess li tgħaddiha, per eżempju, lill-Mafia jew lil xi ħadd li jista’ jkisser il-proġett. Il-gvern bħala s-sid aħħari ta' din l-area tal-moll u tal-bini għandu kull interess li jissorvelja t-terzi persuni li din il-kumpannija tista’ tgħaddi d-drittijiet tagħha. Għalhekk ħadt gost nara li fil-kuntratt li ġie ċċirkolat lill-Membri kollha ta' din il-Kamra nhar il-Ġimgħa 26 ta' Ġunju kien hemm miktub b’mod ċar u tond li filwaqt li l-kumpannija tista’ tgħaddi d-drittijiet tagħha fuq dan il-moll ta' 12,000 metru kwadru lil terzi persuni wara sentejn li tkun kkompletat il-proġett, dan jista’ jsir jekk fil-fehma tal-gvern din it-terza persuna tkun a fit and proper person.
Issa din il-ġimgħa l-Prim Ministru qiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra abbozz ta’ kuntratt fejn din il-parti tħalliet barra u sal-lum il-Kamra għadha ma ngħatatx spjegazzjoni għaliex tħalliet barra. Kulħadd jaf li sa 99 sena oħra ħadd minna m'hu se jkun hawn, imma huwa fl-interess ta’ uliedna u ulied uliedna li naraw li dan iċ-ċens jew id-dritt ta' operating 'il quddiem ma jgħaddix f’idejn nies li għall-Gvern ta' Malta ta’ dak inhar ma jkunx a fit and proper person. Jien intenni li huwa importanti li jkun hemm din is-salvagwarda meta qed tagħti d-dritt li dan il-post jista' jerġa' jiġi mgħoddi lil terzi persuni. Għaliex tħalliet barra din il-parti? Forsi kien hemm xi typing error? Jekk inhu hekk allura nistennew li t-typist terġa' tittajpjah, jerġa’ jiġi ċċirkolat lil kulħadd ħalli naraw li ma jkunx hemm xi żball ieħor f’din l-emenda. Imma m'huwiex sew li dak li kien ċirkolat bħala maqbul bil-firem ta' min qed jidher għal-Land Department, ta’ min qed jidher għall-Port Cottonera Ltd., ta’ min qed jidher għall-Malta Maritime Authority u ta’ min qed jidher għan-NTOM fil-marġini ta’ fuq kull faċċata - nispera li issa ma nġibux l-iskuża li dik li kellna f’idejna ma kenitx veru fotokopja tal-kuntratt għaliex inkella nkunu qed nitmellħu bid-69 Membru ta' dan il-Parlament u ma naħsibx li se naslu to the extent li hawn ġew stess ngħajtu bi frodi ....
Hawn nerġa’ niġbed l-attenzjoni tas-Sur Bondi’, li qisu is-70th member ta' din il-Kamra - bir-rispett kollu lejn Madam Speaker għax mhux se jieħu postha - għax jiddiletta ħafna fuq proċeduri parlamentari imma għadu ma qabadx art fuqhom, li kien imissu ra kopja tal-kuntratt tas-26 ta' Ġunju li kellu l-firem kollha tal-partijiet konċernati. Xi ħadd jista’ jgħidli li l-firem ma jfissru xejn għaliex dak għadu draft contract, imma jien ngħid li ffirmawh biex juru lil dan il-Parlament li għalihom dan id-draft contract huwa aċċettabbli u l-Attorney General ħarġilna stqarrija fejn qalilna li dan huwa kollu aċċettabbli. Issa ovvjament jista' jqum l-Prim Ministru u jgħid li dak il-kuntratt m'huwiex finali u jista' jerġa' jiġi mtejjeb. Fil-fatt jien qed nitlob li fejn nistgħu nkomplu ntejbuh u qed nitlob wkoll li dik il-parti tal-klawsola li tgħid li t-terzi persuni li se jirċievu d-drittijiet jekk din il-kumpannija tittrasferihomlhom iridu jkunu a fit and proper person għandha tibqa’ salvagwardata ħalli l-gvern, ikun min ikun, ikun jista' jibqa' jiċċekkja min tkun it-terza persuna li jkollha l-operation agreement tal-mollijiet tat-12,000 metru kwadru li jibdew mill-aħħar parti tal-Forti Sant'Anglu sa ġewwa nett ta’ Bormla, bil-Birgu nkluż. Allura meta wieħed jibda jara dawn l-affarijiet, jirrealizza li jagħmel sens li nissospendu din id-diskussjoni.
Dawn m'humiex - u din imissni għidtha fil-bidu ta’ l-intervent tiegħi - kummenti kontra l-proġett, Sur President, imma huma kummenti fuq it-termini ta' negozjati. Il-Gvern għamel tajjeb ħafna li għażel dan is-sit biex jagħmel dan il-proġett imma t-termini u l-kondizzjonijiet tiegħu għad għandhom fejn jiġu rranġati. Ovvjament il-Gvern jista' jgħid li dawn dejjem jistgħu jiġu rranġati, imma jien ngħid li meta l-affarijiet għadhom jidhru b’mod manifest li hemm bżonn jiġu arranġati, allura hemm bżonn nagħmlu xi ħaġa biex nirranġawhom. Allura issa wara li daħal Dr Karmenu Mifsud Bonnici li fis-sapjenza legali u politika tiegħu ssuġġerixxa li nagħmlu l-kwalifika tal-fit and proper person li sa nhar il-Ġimgħa li għaddiet kienet fil-draft contract pero’ tneħħiet din il-ġimgħa, se noqogħdu ngħidu li hemm xi ġlieda bejn il-Prim Ministru Alfred Sant u l-ex-Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonnici? Jien ngħid li għandna nwarrbu din l-impostazzjoni żejda ta' personalitajiet u piki personali. Wara kollox m’hawn l-ebda dubju li f'dan ix-xahar li għadda sar titjib mid-draft contract li ġie quddiemna fis-26 ta' Mejju għad-draft contract li tressaq quddiemna fis-26 ta' Ġunju. Jiġifieri dak ix-xahar ma kienx moħli imma saru diskussjonijiet biex jittejjeb dan il-kuntratt mhux biss għall-ġid tal-Gvern jew tal-Partit Laburista imma għall-ġid tal-Maltin kollha għaliex minn dan il-proġett se jgawdu n-nies tal-Kottonera, se tgawdi l-kumpannija u se jgawdi kulħadd. Jien ngħid li kemm jista’ jkun għandna nwarrbu l-emozzjonjiet personali min-nofs u nkomplu naraw il-fatturi fundamentali li għandna bżonn nikkoreġu f'dan il-ftehim.
Nerġa' ntenni li jien qed nagħmel proposti biex intejbu l-ftehim u m’iniex nipproponi li għandna nissospendu d-diskussjoni għal xi sitt xhur, imma qed nissuġġerixxi li nipposponu d-diskussjoni għal xi ħamest ijiem sakemm isir studju fuq il-labour content u l-financial pre-feasibility ta’ dan il-proġett, li jiġi ċċirkolat lill-Membri kollha ħalli nkunu nafu il-Lm5.5 miljun fejn se jintnefqu għax inkella hawn ir-riskju li l-proġett kollu kemm hu jiffonda. Jien naħseb li għandi kull dritt f'dan il-Parlament li nkun naf id-differenza li tibqa’ wara li ssir in-nefqa fil-bini tal-pontoons u tal-ħwienet fejn se tmur. Il-kumpannija se tmur tissellef Lm6 miljun mill-banek Maltin għall-proġett u min-naħa tagħhom dawn se jagħtuha l-flus għaliex jgħidu li minn dan il-proġett għandhom dħul biżżejjed u ipoteka biżżejjed ta’ 99 sena? Fiex se jonqfuhom Lm6 miljun? Il-problema mhux se tkun biss fuq dan il-Parlament jew fuq il-Gvern imma se tkun ukoll fuq il-banek li se jsellfu lill-kumpannija għaliex jekk allaħares wara li jkunu ħadu l-flus jaqbdu u jitilqu bihom, x'se jiġri minn dan il-proġett? Il-problema hi li ma nafux kif se jintnefqu dawn is-Lm6 miljun gradatament, fażi wara fażi u x’inhuma l-benefikati ta' dawn is-Lm6 miljun. Jien ċert li ma tridx xi spiża enormi biex isiru l-bankijiet, is-siġġijiet u l-imwejjed fuq il-moll jew biex jinbnew il-pontoons jew il-ħwienet ġebel u saqaf. Jien naħseb li dawn huma mistoqsijiet fundamentali u m’humiex xi irtokki.
Il-ġimgħa l-oħra tressqet emenda sostanzjali li tirrigwarda r-reviżjoni taċ-ċens b’10% kull għaxar snin. Dan ifisser li se nirrevedu ċ-ċens b’1% fis-sena. Allura qed nassumu li l-għoli tal-ħajja se jiżdied l-iktar b'1% biss fis-sena? Dan biss jixraqlu jieħu l-Gvern u l-poplu Malti għaż-żieda ta' l-għoli tal-ħajja miċ-ċens li qed jagħti? X’hemm x’ipatti għall-iżvalutar tal-lira li jista’ jkun hemm matul id-99 sena? Wieħed jistenna tweġiba għal dawn il-queries. Imma filwaqt li l-Prim Ministru kien qed jgħid kullimkien li r-reviżjoni kellha tkun ta' 10% kull għaxar snin tul id-99 sena, meta tiftaħ il-kuntratt tas-26 ta' Mejju - l-ewwel riżoluzzjoni li tressqet f’din il-Kamra fuq dan il-proġett u m’għaddietx - ssib li kif kienet miktuba kienet tfisser biss li jiżdied wara l-ewwel għaxar snin u wara t-tieni għaxar snin, filwaqt li s-seba’ drabi l-oħra li jkun fadal biex jammontaw għal 99 sena ma kenux koperti u kienet biss bl-emenda li tressqet il-ġimgħa l-oħra li ġew koperti d-99 sena kollha. Issa hawnhekk mhux qed nitkellmu fuq xi telf ta’ Lm200 imma meta tgħodd dawn iż-żidiet kollha kemm huma ssib li jammontaw għal Lm14.5 miljun. Dan ifisser li bit-tibdil li sar bejn il-kuntratt tas-26 ta' Mejju u dak li sar fis-26 ta' Ġunju, salvajna għall-Gvern Malti Lm14.5 miljun. Issa l-klawsola għad-draft contract li għandna quddiemna tas-26 ta' Ġunju kif ġiet tabled mill-Prim Ministru stess fit-30 ta' Ġunju tgħid b’mod ċar li r-reviżjoni ta' 10% kull għaxar snin għandha ssir f'kull għaxar snin tul il-perjodu ta' 99 sena. Allura mhux aħjar nerġgħu naraw dawn il-fatturi li għad m'għandniex quddiemna, li jirrigwardaw il-labour content, il-financial pre-feasibility, il-klawsola li l-operation agreement ma jiġix assenjat lil terzi persuni li ma jkunux fit and proper persons, li l-pjanti tal-proġett jiġu ċċirkolati lil kulħadd u li naraw li d-destinazzjoni tal-post tkun għal finijiet esklussivament turistiċi u għal ebda objettiv ieħor?
Nerġa’ ntenni li għandna nissospendu din id-diskussjoni minħabba dawn il-kwestjonijiet fundamentali li għadhom m'humiex koperti f'dan l-abbozz ta' kuntratt li għandna quddiemna. Jew inkella se nkomplu niġu naqgħu u nqumu minn kull min jitkellem u jqajjem dubji fuq il-kuntratt u ngħidu li dan il-proġett għandu jsir? Huwa veru li tista’ taħdem b’dan il-mod imma mbagħad kulħadd irid jerfa' l-konsegwenzi ta' dak li jkun qed jagħmel jekk minflok ma nagħmlu analiżi xjentifika noqogħdu nimpikaw ma’ xulxin. Jekk se noqogħdu ndaħħlu l-piki bejnietna, ma naħsibx li dan il-Parlament ikun dieħel fil-millennju l-ġdid bl-aqwa libsa għall-aspirazzjonijiet tan-new dawn u new age, anzi jkun sejjer lura għall-piki tal-MedjuEvu. Tkun saħta għal dan il-Parlament u għal dan il-pajjiż jekk se nitgerbu bil-piki u ma narawx bl-iktar mod stakkat dawn il-fatturi bil-kwiet u bi preparazzjoni. U dan irid isir mill-gruppi parlamentari taż-żewġ naħat tal-Kamra, li għandhom jiltaqgħu biex jerġgħu jeżaminaw dawn il-fatturi ġodda. Għalkemm dawn il-fatturi ġodda nistgħu niddiskutuhom hawnhekk għal xi jumejn, żgur li l-pjanti ma nistgħux nikkonsidrawhom b'mod idoneu hawnhekk. Ħadd minna m'hu qed jaspira li jidħol fiż-żarbun ta' perit biex jeżamina l-pjanti, imma l-pjanti għandhom ċerti konsegwenzi finanzjarji għaliex anke biex tibni sempliċement garage illum jista' jgħidlek bejn wieħed u ieħor kemm se jiġuk il-costings. Jekk se naħdmu b'dan l-approach se nkunu ħafna ‘l bogħod minn new age idealism li suppost qegħdin nipproklamaw għall-millennju l-ġdid u għalhekk hemm bżonn li jitressaq quddiemna financial feasibility study u l-Kamra tkun tista’ teżaminah biex tara jekk huwiex validu jew le u jkun hawn diskussjoni fuq dawk il-punti li nsibu li m'humiex validi.
Jien nistaqsi wkoll: Għaliex l-Employment and Training Corporation ma tippreparax rapport suret in-nies fuq il-labour content f’dan il-proġett u ma tirrakkomandax il-klawsola li għandha tidħol fil-kuntratt biex tiggarantixxi minimum ta' jobs ġewwa l-Kottonera? Forsi m’huwiex healthy li naqbad u nagħti ċifri dwar in-numru ta’ impjiegi li jista’ jkunu garantiti minn dan il-proġett, imma kif nistgħu nivvotaw fuq il-kuntratt li għandna quddiemna meta lanqas klawsola dwar il-labour content ma fih? Wieħed jista' jgħid li huwa tort tiegħi ukoll għax kont fuq il-kumitat tar-reviżjoni u ma daħħaltx klawsola ta' reviżjoni fuq labour content. Jien nammetti l-ħtija u nagħmel l-indiema li tiddeċiedi din il-Kamra imma nibqa' ngħid li hemm bżonn ta' klawsola fuq labour content. Jekk saret mill-Maritime Authority, min-National Tourism Organisation jew mill-Commissioner of Lands b'xi side-letter għandhom juruhielna ħalli aħna nkunu sodisfatti li l-jobs li għandu jiġġenera proġett ikunu garantiti. Bħala Partit Laburista dan huwa l-minimum li jmissna qegħdin nitolbu mingħand il-consortium.

Sur President, meta nara dawn l-affarijiet neqsin u li għad għandhom bżonn jittejbu, naħseb li l-iktar ħaġa sana, valida u rakkomandabbli hija li din id-diskussjoni tiġi posposta għal xi ħamest ijiem u nkomplu b’business ieħor leġislattiv ħalli lill-pajjiż nuruh li l-Gvern qed jiggverna għaliex m’għandniex għalfejn inkomplu bid-diskussjoni ta’ din ir-riżoluzzjoni fil-għodu u fil-għaxija jekk ma jkollniex quddiemna r-rapporti dwar labour content u financial feasibility u l-pjanti mqassmin għand il-Membri kollha. Il-Gvern għandu jimxi b’mod matur u jkompli l-business l-ieħor kollu tal-Gvern għaliex b’dan il-mod nuru lill-poplu Malti li meta rajna li kien hemm x'jiġi rranġat qbadna u rranġajnih u mhux qgħadna lura u għidna li l-kelma li tajna se tibqa'.


Fil-fatt it-tibdiliet li saru biex jittejjeb il-kuntratt saru b’mod konsistenti l-ewwel minħabba d-data tat-12 ta' Ġunju li kellha titneħħa u tiġi replaced bi sliding date ta' four days minn meta din il-Kamra tapprova r-riżoluzzjoni; daħlet il-kwestjoni ta' l-aċċess pubbliku; il-ġimgħa l-oħra saru tmien emendi oħra u din il-ġimgħa tressqet l-emenda tat-30 sena, 30 sena, 30 sena u 9 snin; u mbagħad tressqet dik l-emenda faħxija li neħħiet waħda mit-tmien emendi, dik li kienet tirrigwarda l-klawsola tal-fit and proper person. Dan ifisser li qed inkunu flessibbli u maturi u għalhekk għandna nkomplu nkunu maturi billi naraw tassew kif nistgħu niggarantixxu l-labour content f'dan il-kuntratt. Wara kollox dan l-effort kollu li qed nagħmlu mhux qed nagħmluh biss biex il-post ikun sabiħ. X’se jiġri jekk il-consortium jitlob biex iġib impjegati barranin minflok iħaddem il-Maltin u jingħata l-permess għax nibżgħu li jikser il-kuntratt? U jekk jibda jirrikatta li bil-barranin biss se jaħdem? X’se nagħmlu jekk il-consortium ikun irid pilots barranin biex jiggwidaw il-yachts biex jidħlu fil-marina tiegħu jew ikun irid li l-impjegati tal-ħwienet ikunu barranin ukoll? Allura x'se jibqa' mil-labour content Malti? Għalhekk jien qed nisħaq kemm huwa importanti li f’dan il-kuntratt ikollna klawsola li tiggarantixxi l-minimum amount of jobs fl-ewwel fażi, fit-tieni fażi u fit-tielet fażi ta' dan il-proġett.

Sur President, jien nara li filwaqt li dan il-proġett huwa validu fil-ħsieb jonqsu xi affarijiet kemm minħabba fatturi ġodda li qamu minn nhar it-Tlieta 'l hawn u kif ukoll minħabba l-fatturi li qegħdin insemmu hawnhekk għall-ewwel darba. Għalhekk jeħtieġ li nieħdu l-pariri ta' l-aqwa nies li għandna fuq dan il-proġett għaliex sinċerament naħseb li fuq dawn il-punti li qed insemmi hawnhekk illejla dan il-Parlament jixraqlu li jkollu l-pariri ta' l-aqwa nies hawn Malta. Jien naħseb li l-kwestjoni tal-labour content huwa punt validu u naħseb li f’din il-Kamra kulħadd jaqbel li aħna m’aħniex se nagħmlu dan il-proġett biex nagħmlu l-lapida ta' l-irħam biss imma se nagħmluh biex jinħolqu iktar jobs għan-nies tal-Kottonera u għalhekk naħseb li huwa d-dmir tagħna li niċċekkjaw l-affarijiet sewwa.


THE DEPUTY SPEAKER: Onorevoli, skadielek il-ħin u għandek bżonn il-Leave of House. Il-Kamra taqbel? (Onor. Membri: Iva)
Il-permess ingħata u l-Onor. Alex Sceberras Trigona kompla bid-diskors tiegħu.
ONOR. ALEX SCEBERRAS TRIGONA: Sur President, jien nemmen li rnexxilna nagħmlu titjib sostanzjali f’dan il-kuntratt li jagħmel dehen kbir lill-Partit Laburista, lill-Gvern Laburista u lil dan il-Parlament għaliex konna kapaċi b'mod riflessiv u b'mod studjat inġibu dan il-kuntratt f'pożizzjoni ħafna aħjar milli kien meta ġie ppreżentat l-ewwel darba fis-26 ta' Mejju. Per eżempju, il-kwestjoni dwar l-aċċess pubbliku ġiet irranġata għal darba darbtejn biex id-drittijiet ta’ aċċess għal u mill-areas kollha allura jibqgħu f'idejn il-pubbliku Malti, għamilna wkoll li l-parti ta' l-irmiġġijiet għandhom ikunu f'areas differenti u mhux il-kumpannija taqbad u tiddeċiedi hi fejn tagħmel l-irmiġġijet. Daħħalna wkoll il-klawsola ta’ l-insurance li kienet nieqsa minn dan il-kuntratt. Issa kulħadd jaf li l-klawsola ta’ l-insurance tidħol anke f'kuntratt ordinarju bħal dawk li jagħmlu l-Bank of Valletta, il-Mid-Med Bank, l-APS Bank u l-Lohombus Bank. Daħħalna l-klawsola ta’ l-insurance biex jekk jiġri xi ħaġa lill-benefikati li jkun hemm fil-post, il-kumpannija ma tħarrikx lill-gvern li jrid jerġa' jibnihulha mingħajr ma l-Gvern ikollu fall-back position. Fil-fatt daħħalna din il-klawsola sabiex l-insurance tkun miktuba for the benefit and in the interests of the Government of Malta u l-Gvern Malti mill-insurance ikun jista’ jieħu r-rikavat kollu għat-telf kollu li jkollu bħala sid jew inkella għal xi ħlasijiet meta qed jikkonċedi l-operations fuq il-mollijiet jew fuq l-irmiġġijiet. Huwa importanti li l-Gvern ikun kopert b’insurance għaliex jekk, per eżempju, il-kumpannija tagħmel kawża lill-Gvern għaliex ma tkunx tista’ tkompli topera, il-Gvern ma jkollux jerġa' jibni kollox mill-bidunett a spejjeż tiegħu mingħajr ma jkun covered b'insurance. Dawn huma affarijiet elementari ta' insurance li kienu nieqsa mill-kuntratt u kellna ndaħħluhom fid-draft ta' nhar il-Ġimgħa li għaddiet. Madam Speaker, dawn huma affarijiet sostanzjali u m'humiex irtokki u għalhekk ħarisna fit-tul u daħħalna dawn il-klawsoli li jagħmlu tant sens għall-mod kif nistgħu niġġestixxu proġetti f'dan il-pajjiż.
Nerġa’ ntenni kemm huwa importanti li l-aspett tal-labour content jiġi nkluż fil-kuntratt għaliex, ladarba l-consortium ikun issellef il-flus mill-banek u jkun irid jimpjega nies barranin, il-banek min-naħa tagħhom jibdew jagħfsu lill-ETC biex toħroġ il-permessi biex il-consortium ikun jista’ jġib in-nies minn barra u jimpjegahom fuq il-proġett. Għaliex fil-kuntratt m’għandux ikun hemm labour clause li tieħu ħsieb li l-ingaġġ ta’ persuni Maltin fuq il-proġett? Għaliex m’aħniex nieħdu ħsieb li nanalizzaw bl-iktar mod preċiż kemm se jkun hemm impjiegi għall-Maltin f’kull settur involut f’dan il-proġett? Jien naħseb li dawn huma aspetti importanti li jistgħu jwasslu biex inkomplu ntejbu dan il-proġett li għandna quddiemna. Huwa faċli li llejla jittieħed il-vot fuq din ir-riżoluzzjoni u minn għada l-consortium imur japplika għand il-Planning Authority? Imbagħad, jekk ma jibdewx jiġu impjegati Maltin, mhux għand in-naħa tal-Gvern se jiġu jilmentaw għaliex ma nkunux ħadna ħsieb li ndaħħlu klawsola fil-kuntratt li tiggarantixxi l-ingaġġ ta’ Maltin fuq il-proġett sena wara sena? Kulħadd jaf li ditta barranija jaqblilha timpjega lill-Filippini bi kwart tas-salarju tal-Maltin. F’każ li jiġri hekk, ikollna noqogħdu għar-rikatt tal-consortium għaliex jibda jgħidilna biex ma nindaħlulux għax inkella jħassar il-proġett u nkunu tajna medda ta’ art bħal dik mingħajr ma naraw Maltin impjegati fuq il-proġett. Se nikkuntentaw għaliex se jkollna xi ftit artisti jikkummissjonaw il-pitturi tagħhom? Madam Speaker, jien naħseb li jekk nagħmlu hekk, la nkunu qed nifhmu r-realta' ta' Malta u wisq inqas tal-Kottonera, għaliex kulħadd jaf li l-ewwel ħaġa li rridu niggarantixxu lin-nies tal-Kottonera huma l-impiegi.
Aħna rridu nagħmlu l-isforzi kollha tagħna biex fil-Kottonera jiżdiedu l-impjiegi u għalhekk jeħtieġ li flimkien ma' l-Employment and Training Corporation naraw x'tip ta' klawsola li tagħmel sens nistgħu ndaħħlu f'dan il-kuntratt. Jien ċert li jekk il-consortium huwa bona fide - u s’issa m’hawn xejn x'inaqqsilna l-fiduċja fih - huwa stess jaqbel li għandna ndaħħlu klawsola fil-kuntratt fejn hu jiggarantixxi n-numru ta’ persuni li se jimpjega biex jieħdu ħsieb il-yachts, biex jaħdmu fuq fuq il-mollijiet u biex jaħdmu fil-ħwienet li se jinbnew. Jien ċert li l-consortium jaċċetta li jagħti garanzija ta' impjiegi li żgur tkun showpiece għall-area kollha tal-Kottonera. Aħna rridu naraw li l-impjiegi fil-Kottonera jkunu garantiti b'mod mill-iktar espliċitu u naħseb li fuq dan hawn qbil miż-żewġ naħat tal-Kamra. Għalkemm l-Oppożizzjoni l-iktar li żammet lura kienet fuq id-dritt ta' użu - li jien sejjaħtlu operating agreement - li issa minn konċessjoni enfitewtika tal-mollijiet inbidel għal operating agreement, u fuq l-obbligu fuq il-consortium li jagħmel ir-riparazzjonijiet u l-manutenzjonijiet kollha neċessarji tal-mollijiet, naħseb li l-Onor. Fenech Adami kien ħa falza stikka meta qal li issa li l-moll inqala' miċ-ċens, mhux se jkun hemm l-obbligu fuq il-kumpannija li tieħu ħsieb il-manutenzjoni u tagħmel ir-riparazzjoni neċessarja fuq il-mollijiet għaliex dan huwa miktub b’mod ċar fil-kuntratt. Jien naħseb li l-Oppożizzjoni m’hijiex se tivvota kontra klawsola li tiggarantixxi li jiġu impjegati minimum ta' ħaddiema minn kull settur, sena wara oħra, u għalhekk klawsola bħal din għandha tikseb ukoll l-appoġġ ta' l-Oppożizzjoni. Inkunu qed inwettqu għan mill-iktar nobbli meta nagħtu konċessjoni enfitewtika ta' bini ta' mollijiet u irmiġġijiet, għax dawn huma l-effetti immedjati għall-ħaddiema Maltin u għall-familji tagħhom, li jkunu jistgħu jiġu impjegati f'dan il-proġett tal-Kottonera kemm jista' jkun malajr u b'garanzija. Imma mhux li jkunu at the mercy ta’ consortium kbir li jkun jista' jirrikatta lill-Gvern billi jgħid li fuq il-proġett irid jimpjega nies barranin għaliex ikun irid nies li jifhmu teknikament fil-yachts jew li fil-cafeteria se jagħmel menu barrani u jkun irid nies barranin jiġġestixxu l-cafeteria. Għalhekk nerġa’ nisħaq li għandna bżonn indaħħlu klawsola dwar il-labour content f'dan il-kuntratt.
Jien naħseb li dan se jkollu jkun ir-rallying point nazzjonali għalina. Meta konna qed nitkellmu l-ġimgħa li għaddiet li l-Avukat Joe Brincat bl-intelliġenza tiegħu ħareġ bi proposta verament tajba dwar kif l-aħjar jiġi rivedut dan il-kuntratt, fejn qal li jekk il-Planning Authority tibqa' tkarkar bil-permessi

jista' jkun hemm awtorizzazzjoni b'leġislazzjoni apposta minn dan il-Parlament, naħseb li dan għandu jgħaqqad ukoll liż-żewġ naħat tal-Kamra għaliex in-Nazzjonalisti jwaħħlu fil-Planning Authority li tellfithom l-elezzjoni u aħna f'din l-aħħar sena u tmien xhur ħlief problemi ma ltqajniex mal-Planning Authority b'mod mill-iktar kapriċċjuż u arroganti. Jien nista’ nsemmi każ li ltqajt miegħu l-ġimgħa li għaddiet - u kien hemm l-Onor. Jesmond Mugliett miegħi dak il-ħin - fejn lil wieħed ma tawhx permess biex jiftaħ ħanut tal-pastizzi għaliex qalulu li jista' jiġġenera unauthorised parking! Għandna bord kostitwit bil-liġi biex jiċċekkja affarijiet unauthorised li jistgħu potenzjalment u possibilment jsiru? Jista' bord imwaqqaf b'liġi minn din il-Kamra jiċħad id-dritt ta' ċittadin li jiftaħ ħanut għaliex ikun hemm il-possibilita’ ta’ unauthorised parking? Dan huwa kompitu tal-pulizija u mhux tal-Planning Authority. Mhux ta' xejn li l-consortium beda jistaqsi lill-Gvern x’jiġri jekk il-Planning Authority ma toħroġx il-permessi u bir-raġun beda jgħid li l-aħjar ħaġa hija li ma jħallasx iċ-ċens sakemm joħorġu l-permessi mill-Planning Authority. U jekk iddum tkarkar xi ħames snin biex toħroġ il-permessi? Għalhekk Dr Joe Brincat daħħal dik l-emenda li ġiet approvata l-ġimgħa li għaddiet li jekk ma joħorġux il-permessi mill-Planning Authority, allura tista' sseħħ awtorizzazzjoni b'leġislazzjoni ad hoc. Naħseb li dan il-Parlament irid jasserixxi s-sovranita' tiegħu f'dan il-pajjiż. Ma jistax ikun li jkollna Planning Authority li qiegħda teċċedi l-poteri tagħha manifestament b’mod li tista’ tnaffar lill-barranin milli jiġu jinvestu hawn Malta. Fil-kuntratt ma nsibu l-ebda time limit li fih il-Planning Authority trid toħroġ il-permessi għal dan il-proġett. Tista' tibqa' tkarkar sena sħiħa u toqgħod titlobhom li jridu jemendaw dik il-parti jew xi parti oħra.


Wieħed ma jridx jinsa li dawn l-affarijiet jinvolvu l-ispejjeż u l-barranin lanqas jibdew jifhmu x’inhu jiġri fil-Planning Authority. Din il-fetħa kbira fil-kuntratt li l-Planning Authority tista' tibqa' tkarkar biex toħroġ il-permessi tista’ tiġi magħluqa xi ftit billi l-awtorizzazzjoni neċessarja ssir b'leġislazzjoni ad hoc minn dan il-Parlament. Forsi l-ministru responsabbli għall-Planning Authority jista' juża l-GDO’s f’xi każijiet partikolari jekk l-applikazzjonijiet għall-permessi jsiru waħda waħda. Imma jekk il-Planning Authority tidba tidħol fil-fond tal-proġett u tibda tikkwerja aspetti fundamentali tal-proġett, min se jżommha milli tostakola dan il-proġett jekk ma jkunx hemm closure ċar mill-bidu nett? Jien ngħid li l-Planning Authority għandha tkun soġġetta għal dak li jgħid dan il-Parlament u hija stess għandha tassumi r-responsabbilta' li min-naħa tagħha se tipproċessa kollox fi żmien predeterminat, inkella l-proġett se jkun wieħed dubjuż għaliex il-kumpannija tkun fil-pussess ta’ dik l-art mingħajr ma tkun dovuta tħallas iċ-ċens sakemm joħorġu l-permessi mill-Planning Authority. Sakemm joħorġu l-permessi la nkunu daħħalna l-ebda ċens ta’ Lm120,000 fl-ewwel sena u Lm170,000 fit-tieni sena li jkunu jistgħu jiġi devjati għas-servizzi soċjali u lanqas inkunu nistgħu naraw li l-labour content qed jiġi rispettat u rikonoxxut. Aħna rridu bl-iktar mod matur neżaminaw kif nistgħu ndaħħlu dan il-fattur tal-labour content b'mod ċar f’dan il-kuntratt, Madam Speaker. Għaldaqstant għal dawn ir-raġunijiet - għalkemm hemm raġunijiet oħra imma l-ħin beda jagħfas ġmielu - jien nara li dan il-kuntratt irid jiġi rivedut fuq diversi fatturi u jiġi mtejjeb f’dawn id-direzzjonijiet speċifiċi li qed insemmi.
Jien m'iniex qed nitlob li nissospendu din id-diskussjoni għal xi ħamest ijiem minħabba s-sħana li qed tagħmel imma qed ngħid speċifikament fejn għandu jiġi mtejjeb dan il-kuntratt. Dan jista’ jsir billi l-klawsoli speċifiċi jiġu drafted ma' l-entitajiet awtorizzati, bħalma hija l-ETC li hija istituzzjoni li l-iktar tista’ tippresta ruħha biex tissorvelja x-xogħol li jkun qed jiġġenera dan il-proġett u l-impjiegi li jkunu qed jinħolqu. Fil-fehma tiegħi għandha titfassal klawsola li mhux biss torbot lill-kumpannija li timpjega numru ta’ nies imma li tiddaħħal multa jekk kemm-il darba ma jiġux impjegati n-numri ta’ persuni li jkun ġie miftiehem. Din l-istituzzjoni mhux biss għandha tkun in charge li tiġbor il-multi imma trid tara li n-nies li tibgħat ikunu ttrejnjati f'xi settur partikolari ħalli l-kumpannija ma tkunx tista’ ġġib skuża li n-nies mibgħuta mill-ETC ma jkunux ittrejnjati. L-ETC trid tiggrantixxi li kull raġel u mara li tkun qiegħda tibgħat għal xogħol fil-proġett tal-Kottonera jkunu kompetenti u kwalifikati u ma jkun hemm l-ebda dubju fuq il-karattru tagħhom, l-integrita' u l-onesta’ tagħhom u fuq l-effiċjenza tagħhom fuq il-post tax-xogħol. B’dan il-mod l-ETC tkun tista' tissorvelja l-labour content f’dan il-proġett. Dan huwa proġett eminentement tal-Labour għal-labour u allura hemm bżonn li l-labour content ikun imfisser b’mod espliċitu u jkollu sorveljanza ċara fuqu. Fil-kuntratt għandu jkun ċar li jekk il-kumpannija ma tonorax il- labour content teħel il-multi ħalli aħna bħala Partit Laburista nkunu orgoljużi li mhux biss għamilna proġett bħal dan imma daħħalna l-labour content ċar u evidenti quddiem kulħadd li fl-ewwel sena, per eżempju, se jiġu impjegati 60 ruħ, fit-tieni sena 120 ruħ u fit-tielet sena 180 ruħ. Jien naħseb li jkun iktar ta’ ġid għalina kieku ndaħħlu dan il-fattur fil-kuntratt milli kieku nħalluh barra.
Madam Speaker, meta jqum l-inkwiet f’din il-Kamra, is-Sinjorija Tiegħek iddoqq il-qanpiena biex tissospendi s-seduta u jkun hawn pawsa għar-riflessjoni u jien naħseb li f’dan l-istadju għandna bżonn ta’ pawsa biex nirriflettu b’mod iktar serju fuq il-kuntratt li għandna quddiemna minħabba dawn il-punti li jridu jiġu mtejba. Fid-diskussjoni li kellna dwar din ir-riżoluzzjoni tkellmu diversi Membri fuq dan il-proġett f'dan il-Parlament u jien żammejt kemm jista' jkun għall-aħħar għaliex ma xtaqtx noqgħod nintervjeni, imma ma flaħtx nara li niġu għall-winding-up u ngħaddu għall-vot mingħajr ma nkunu kkonsidrajna dawn l-aspett fundamentali. Dawn huma aspetti li mhux biss jolqtu il-proġett imma jolqtu anke l-aspetti ta' demokrazija u l-aspetti ta' tmexxija ġusta u leġittima f’din il-Kamra u fl-entitajiet rispettivi tagħna. Jien nemmen, Madam Speaker, li jekk nerġgħu nikkonsidraw il-punti li semmejt mhux biss se nkunu qed insaħħu dan il-proġett imma se nkunu qegħdin insaħħu d-demokrazija f'dan il-pajjiż.
Jien nixtieq nistaqsi jekk kienx hemm xi commitment biex il-kuntratt dwar dan il-proġett jgħaddi minn din il-Kamra sa l-aħħar ta' Ġunju. Fil-fatt kienet stramba li fil-kuntratt tniżżlet id-data tat-12 ta' Ġunju li mbagħad kellha tiġi emendata għal erbat ijiem minn meta din il-Kamra tapprova l-kuntratt! Jien ma nafx għalfejn irridu naħdmu b'dan il-mod għaliex din m'hijiex xi mozzjoni manifestament fuq xi ammonti kbar ta' flus għaliex, kif kont qed ngħid, jekk il-Planning Authority tieħu sena żmien biex toħroġ il-permessi neċessarji u l-kumpannija għandha sentejn żmien biex tibni u tikkompleta l-proġett, jilħqu jgħaddu tliet snin mil-lum u nkunu kważi fil-ħames sena ta' din il-Leġislatura, imbagħad il-kumpannija tħallas Lm120,000 ċens għall-ewwel sena u allura ma tistax issejjaħlu money bill għal din is-sena. Naħseb li nkunu qed inġebbduha ftit iż-żejjed jekk nirriferu għal money bill u allura Allura bdejna nsejħulha mozzjoni ta' fiduċja! Kulħadd jista’ jagħmel dikjarazzjoni ta’ vot u jiddefenixxiha kif irid hu u nistgħu, per eżempju, niddikjaraw mozzjoni li tagħmel relazzjoni bejn it-tul li tieħu din il-mozzjoni ma' kemm qed tiżdied it-temperatura fl-istess żmien barra. F’dak il-każ tkun dikjarazzjoni mill-iktar xjentifika għaliex tkun saret dikjarazzjoni hawn ġew u tkun korroborata minn barra. Imma, kif diġa’ għidt pubblikament, jien ma nistax nifhem kif mozzjoni fuq proġett bħal dan tista’ ssejħilha mozzjoni ta' fiduċja. Fil-fehma tiegħi l-aspett kostituzzjonali jirrenja għaliex subartiklu (5) ta' artiklu 76 tal-Kostituzzjoni jitkellem b’mod ċar fuq mozzjoni ta' sfiduċja u mhux mozzjoni ta' fiduċja. Jien naħseb li għandi dritt intenni l-opinjoni tiegħi ħalli jekk trid il-maġġoranza tivvota kontra dak li naħseb jien individwalment.
Jien ma jidhirlix li kostituzzjonalment il-vot fuq din il-mozzjoni jista’ jittieħed bħala mozzjoni ta' fiduċja fil-gvern għaliex mozzjoni ta' sfiduċja kif inhi elaborata f'subartiklu (5) ta' artiklu 76 tal-Kostituzzjoni tagħna tirrikjedi li din il-mozzjoni trid tiġi tabled espliċitament bħala mozzjoni ta' sfiduċja u ma ssirx biss bi stqarrija verbali. Sa nofs siegħa ilu jien ma rajt l-ebda mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern għand l-Iskrivan tal-Kamra. U lanqas kieku daħlet nofs siegħa ilu ma kienet tkun valida għal-lejla għaliex mozzjoni ta' sfiduċja kif inhi rikjesta mill-Kostituzzjoni tagħna trid tiġi ippreżentata bil-miktub lill-Iskrivan tal-Kamra bi tlett ijiem notice. Jekk m'huwiex money bill għalfejn noqogħdu ngħollu l-istakes u ngħidu li din hija mozzjoni ta' fiduċja biex nagħmlu l-maqlub ta' l-isfiduċja? Għalfejn ma nibqgħux nanalizzaw kif nistgħu ntejbu l-elementi essenzjali ta' dan il-kuntratt fl-aħjar interess tal-Maltin u ta’ l-Għawdxin u partikolarment fl-aħjar interess tan-nies tal-Kottonera? Aħna għandna quddiemna proġett, Madam Speaker, u naħseb li nkun qed ngħabbi lilek b’ċertu responsabilita’ bħala Speaker ta' din il-Kamra jekk nitolbok tagħti ruling li mozzjoni ta' sfiduċja bilfors trid tiġi nkwadrata u maħduma bil-proċedura tal-Kostituzzjoni. Għalhekk ma jistax ikun li wieħed jifhem li l-Prim Ministru qed jgħid li din hija mozzjoni ta' fiduċja fil-Gvern għaliex il-Prim Ministru ma jistax jitkellem ħlief skond il-liġi kostituzzjonali ta' pajjiżna. U jien nifhmu li qed jitkellem skond il-Kostituzzjoni ta' pajjiżna li tgħid li li l-mozzjoni ta' sfiduċja fil-gvern trid tkun espliċitament miktuba bi tlett ijiem notice.
Allura l-uniku mod kif jista' jinftiehem il-Prim Ministru huwa li jekk allaħares neħlu fuq dan il-proġett, imbagħad ikun qiegħed jiċċalinġja lil din il-Kamra biex tagħmillu mozzjoni ta’ sfiduċja skond it-termini tal-Kostituzzjoni u naraw jekk il-Gvern ikollux fiduċja biżżejjed f'din il-Kamra jew le. Imma din il-mozzjoni fiha nnifisha ma tistax tittieħed bħala mozzjoni ta' fiduċja b'sempliċi dikjarazzjoni verbali għax, kif għidt qabel, wieħed jista' jiddikjara b'dikjarazzjoni ta' vot li dan il-vot huwa biss riflessjoni taż-żieda tat-temperatura barra din il-Kamra u noqogħdu niddiskutu jekk hijiex relatata jew le. Il-Kostituzzjoni titkellem b’mod ċar ħafna fuq mozzjonijiet ta' sfiduċja u naħseb li l-Prim Ministru għandu l-Attorney General u min jagħtih pariri biżżejjed li jgħidulu li hu jista' jitkellem u jiġi mfisser biss fis-sens uniku u esklussiv tal-Kostituzzjoni. Huwa veru li aħna politiċi hawn ġew, imma malli ssemmi xi ħaġa li hija diġa' definita fil-Kostituzzjoni ma tistax tiġi mifhuma b'mod ieħor jekk mhux fis-sens kostituzzjonali tagħha.
MADAM SPEAKER: Onorevoli, ippermettili ninterrompik għaliex sar il-ħin. Tibqa' in possession?
ONOR. ALEX SCEBERRAS TRIGONA: Iva, nibqa' in possession. Grazzi, Madam Speaker.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Sar il-ħin. Jekk jogħġbu, il-Ministru Mizzi, iressaq l-Aġġornament.
Fid-9.00 p.m. id-diskussjoni ġiet interrotta u baqgħet aġġornata.


Yüklə 327,92 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin