ONOR. JOE MIZZI:Madam Speaker, nipproponi l-Aġġornament tal-Kamra għal nhar il-Ġimgħa, 25 ta' Lulju, 1997 fid-9.00 a.m. b'din l-aġenda:
Ordnijiet tal-Ġurnata Abbozz ta' Liġi li jħassar l-Att dwar Nomini mill-Oppożizzjoni - it-Tieni Qari (Kont.);
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Proprjeta' Industrijali - it-Tielet Qari;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar l-Ippjanar ta' l-Iżvilupp - it-Tieni Qari (Kont.);
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali - it-Tieni Qari (Kont.);
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar l-Amministrazzjoni tat-Taxxa - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar Taxxa tar-Reġistrazzjoni ta' Vetturi bil-Mutur (Emenda Nru 2) - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar il-Pools tal-Gvern Malti fuq il-Logħob - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Ordinanza dwar il-Lottu Pubbliku - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar Dazju tas-Sisa (Emenda Nru 2) - it-Tieni Qari; u
Xi aġenda oħra li tista' tiġi komunikata aktar tard.
---------------------------------
Abbozz ta' Liġi dwar il-Condominia - Kumitat Permanenti;
Abbozz ta' Liġi dwar Garanziji ta’ Self lil Impriżi Żgħar - Kumitat Permanenti; u
Abbozz ta' Liġi biex jagħmel Provvedimenti Speċjali dwar Proċeduri quddiem Qrati - Kumitat Permanenti.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Rimarki? L-Onor. Francis Agius.
ONOR. FRANCIS AGIUS: Grazzi. Madam Speaker, fil-fatt nixtieq nieħu dan l-aġġornament biex kemm lis-semmiegħa li qed jisimgħuna kif ukoll lill-Onor. Membri ta' din il-Kamra nfakkarhom li diġa' għaddietilna sena f'dan il-Parlament u wisq probabbli dan se jkun l-aħħar aġġornament qabel inxolju għall-vaganzi tas-sajf. Għal min kellu l-paċenzja joqgħod isegwi x'kien qed jiġri, nixtieq li nieħu din l-okkażjoni biex nara eżattament x'sar u x'qed isir f'dan il-Parlament u x'karatteristika nara li qed jieħu dan il-Gvern.
Madam Speaker, bħala deputat ġdid u żagħżugħ fuq in-naħa ta' l-Oppożizzjoni kelli ħafna iktar opportunita' li noqgħod nisma' milli kelli opportunita' li nitkellem pero' kultant li tisma' huwa tajjeb ħafna iktar milli titkellem u, fl-opinjoni tiegħi, naħseb li l-ewwel linja żbaljata ta' dan il-Gvern hija li qed jitkellem ħafna u qiegħed iġib serje ta' liġijiet - li se nitkellem fuqhom - li biċċa minnhom anke n-naħa ta' l-Oppożizzjoni qbilna magħhom għaliex huma liġijiet fl-interess tal-pajjiż pero' hemm oħrajn li, fl-opinjoni tagħna, m'humiex fl-interess tal-pajjiż. Huwa tajjeb li wieħed jirrifletti wkoll x'inhu r-rwol ta' l-oppożizzjoni u fuq dan irriflettejt ħafna drabi. Ċertament li r-rwol ta' l-oppożizzjoni għandu jkun wieħed 100% kostruttiv, pero' l-oppożizzjoni qiegħda hemmhekk sabiex tkun dejjem lesta bħala alternattiva għall-gvern tal-ġurnata. Jien inħoss li l-Partit Laburista f'disa' snin fl-oppożizzjoni ħela ħafna żmien biex jipprepara ruħu għall-gvern. Dan qegħdin narawh ċar u tond fis-serje ta' liġijiet li ressaq quddiemna, li ħafna minnhom kienu kontinwazzjoni ta' dak li għamel u pprepara Gvern Nazzjonalista. Ċertament m'hemm xejn ħażin li jkun hemm din il-kontinwazzjoni.
Madam Speaker, f'dan il-Parlament rajna numru ta' liġijiet li għaddew nem. con., jiġifieri kulħadd qabel magħhom. Riċentement għaddejna emendi għall-Att dwar l-Edukazzjoni, għaddejna żewġ mozzjonijiet dwar il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni u dwar il-Kummissjoni Nazzjonali għat-Teknoloġija ta' l-Informatika, għaddejna l-Att dwar l-Awditur Ġenerali u għaddejna l-emenda kostituzzjonali marbuta ma dan l-Att u dawn għaddejnihom kollha bi qbil. Jien inħoss - u dan nixtieq nenfasizzah - li l-livell ta' ħafna mill-kontribuzzjonijiet li jkun hawn huwa tajjeb u dan jindika li d-deputati qed ikunu ppreparati. Madam Speaker, dan qed ngħidu għas-semmiegħa u għal min isegwi l-gazzetti għaliex ħafna drabi, b'mod kważi leġġer, in-nies tgħid: U iva, iparlaw u jgħidu ħafna diskors imma x'se joħroġ minnu! Pero' ċertament li l-preparazzjoni li qed ikun hawn fil-Parlament hija waħda ta' livell tajjeb, ta' livell li iktar ma nidħlu f'maturita' politika - din verament hi xi ħaġa li nixtieq li jkolli ċans li nitkellem fuqha - iktar igawdi l-pajjiż u aktar igawdi l-Parlament, għax b'hekk il-Gvern u l-Oppożizzjoni jkunu jistgħu jaħdmu ħafna u ħafna aħjar.
Kif semmejt fil-bidu, waħda mill-karatteristiċi ta' dan il-Gvern hija li f'ċerti affarijiet jgħaġġel wisq. Fil-preżent, per eżempju, inħoss li qisna ntfajna fuq il-computer u ftaħna numru ta' windows u għandna wisq windows miftuħin. Illum bdejna nitkellmu fuq il-liġi dwar is-social security, għandna liġi oħra - waħda minn dawk kontroversjali - rigward it-tneħħija jew abrogazzjoni tan-nomini ta' l-Oppożizzjoni fuq diversi korpi parastatali u għadna għaddejjin fuq xi żewġ liġijiet oħra li nħoss li d-diskussjoni fuqhom u anke l-mod kif qed ikun organizzat ix-xogħol fil-Parlament ..... Bħalissa hawn ġew forsi m'hawnx dik is-sħana għax għandna l-air-conditioning pero' ċertament li s-sħana ta' barra qed ittellef ħafna mill-attenzjoni li jkun hawn fuq il-Parlament. Aħna qegħdin niltaqgħu fil-għodu u fil-għaxija u dan qed ngħidu mhux għaliex aħna se ngħejjew jew se niddejqu nagħmlu dan ix-xogħol, pero' l-fatt hu li bil-mod kif il-Gvern impona s-sistema parlamentari f'dawn l-aħħar xhur minn mindu rtirajna l-pairing għal raġunijiet ferm magħrufa - ma nixtieqx nerġa' mmur fuq dak l-inċident ikrah li jien ukoll bħala deputat ġdid inħoss li skandalizzani - inħoss li l-attenzjoni parlamentari qiegħda tkun sfukata minħabba din is-sistema verament mhux ċivili ta' kif jiltaqa' l-Parlament. Għalhekk forsi jista' jiġri - nispera li dan mhux bi pjan strateġiku - li dan ma jagħtix lok li jkun hemm l-iżvilupp u l-andament naturali tad-diskussjoni fil-Parlament.
Madam Speaker, nixtieq nitkellem fuq kif dan il-Gvern, wara li għamel kampanja elettorali fuq għadd ta' issues, issa x'ħin sab ruħu fil-gvern qed isib ċerti diffikultajiet kif jindirizzahom. Dan il-Gvern żgur li qiegħed juri ingann mhux biss mal-poplu imma, fl-opinjoni tiegħi, qed juri ingann anke miegħu nnifsu, fis-sens li meta kien fl-oppożizzjoni qal ċerti affarijiet li llum jirealizza li ma jmissux qalilhom. Per eżempju, dwar il-problema tat-Tarzna għamel roundabout turn sħiħa, fejn l-ewwel qal li qatt m'hu se jkun li t-tmexxija ma tibqax f'idejn il-ħaddiem u llum nafu x'inhija s-sitwazzjoni. Hemm ħafna u ħafna eżempji ta' dan it-tip. Aħna llum qegħdin fl-oppożizzjoni u rridu nitgħallmu mill-oppożizzjoni tal-Labour Party li, fl-opinjoni tiegħi, ħlew ħafna żmien, ma kenux ippreparati għall-gvern u ma rnexxilhomx jipprovaw jantiċipaw xi problemi jista' jkollhom una volta jkunu fil-gvern biex jiffaċċaw problemi ta' finanzi.
Veru li hemm il-problemi, pero' jien ma nistax ma nikkummentax fuq id-dejn li daħal għalih il-Partit Laburista meta kien qiegħed jagħmel kampanja sħiħa kontra l-Partit Nazzjonalista hekk kif tela' fil-gvern billi qal kemm sab ħofor f'kull azjenda u f'kull dipartiment tal-gvern. Jiġifieri altru milli int tkun fl-oppożizzjoni sempliċement tattakka u tikkritika. Dak li m'aħniex nagħmlu aħna u ma nixtieqx li nagħmlu u, għalkemm l-elezzjoni għadha 'l bogħod, irridu noqogħdu attenti mil-lum li ma nagħmlux bħal ta' qabilna, li nwiegħdu ħafna affarijiet u mbagħad nibdew ngħidu li l-affarijiet qed jogħlew minn barra, għandna l-inflazzjoni li dejjem taħdem kontra l-gvern u dejjem taħdem kontra dak li tixtieq tagħmel. Jiġifieri fuq din tad-dejn nazzjonali ċertament li wkoll hemm element kbir ta' ngann.
L-istess nistgħu ngħidu għall-għoli tal-ħajja li tant ħambaqqtu fuqha fuqu qabel l-elezzjoni u nerġa' nirripeti li l-misquote tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista baqgħu għaddejjin biha. Li naf hu li qatt ma qalu li hija misquote għaliex dak li qal l-Onor. Fenech Adami kien marbut mal-fatt li f'pajjiżna jkun hawn full employment, bħalma kien marbut mal-fattur tal-full employment li Gvern Nazzjonalista kien iktar iħalli s-suq imexxi l-ekonomija. Hekk ukoll il-wegħda tat-tneħħija tal-VAT kellha tkun marbuta ma' l-għoli tal-ħajja, ċioe' mhux li l-għoli tal-ħajja jibqa' kif inhu imma li jonqos u ċertament li dan mhux qiegħed jiġri.
Madam Speaker, se nagħmel ftit riflessjonijiet fuq kif nitkellmu min-naħa tagħna. Jien ma nemminx li l-istorja tista' tmur lura pero' rridu noqogħdu attenti ħafna. L-istorja dejjem miexja 'l quddiem, dejjem miexja bi problemi soċjali ġodda, bi problemi finanzjarji ġodda, b'relazzjonijiet internazzjonali dejjem jinbidlu. Ta' dan aħna, bħala Oppożizzjoni alternattiva għall-Gvern tal-lum, qegħdin dejjem niżviluppaw dawn il-ħsibijiet. Pero' ċertament li min ma jagħrafx l-istorja ta' pajjiżu huwa kkundannat li jirrepetiha. Fil-każ tal-PBS, per eżempju, rajna li b'mod sottili l-Gvern - u hawnhekk ir-responsabbilta' taqa' direttament fuq il-Prim Ministru - ipprova joħnoq l-għajta ta' l-Oppożizzjoni, mhux l-għajta biss imma l-ispjegazzjoni tas-sistema tat-tneħħija tal-VAT u kif se tolqot lill-konsumatur u l-ekonomija Maltija. Għalkemm forsi llum m'hawnx dik it-tensjoni u ċertament m'hawnx dak l-ambjent li għixna fis-snin tmenin, jien li għixt dawk iż-żmenijiet meta kont student nħossni mpenjat li qatt ma jerġgħu jaslu dawk iż-żminijiet fuq iż-żgħażagħ tagħna u fuq Malta tagħna. Ċertament li din ir-reazzjoni timlina b'entużjażmu iktar li nikkumbattu kull aspett li dan il-Gvern qed jipprova joħloq mill-ġdid biex ifakkarna fil-passat. Jien ma nemminx, nerġa' ngħid, li nistgħu mmorru lura pero' ma rridux inkunu, kif wieħed jgħid, maqbudin mhux attenti għal din is-sitwazzjoni li tista' tiżviluppa. U tista' tiżviluppa. Għaliex kellna mmorru l-qorti biex nieħdu dan id-dritt? Dan kien imissu ggarantihulna l-Gvern li qed jgħid li qed jimxi bi trasparenza, issue oħra li hemm element qawwi ta' ingann fuqha.
Dawk il-prezzijiet imtambrin kull fil-għodu fuq ir-radio, b'ilħna li jagħtu xejra l-iktar oġġettiva, li ma tassoċjahomx ma' partit politiku partiġjan. Dan huwa abbuż mill-perception li jkollu l-poplu. Jien inħoss li meta l-Partit Laburista fl-oppożizzjoni wiegħed li se jneħħi l-VAT, il-poplu kellu perception li l-affarijiet fl-ekonomija se jmorru ħafna aħjar. Ċertament dik kienet il-perception li kellhom in-negozjanti. L-Onor. Alfred Sant ma kkommettiex ruħu li jneħħilhom il-cash registers u ħafna affarijiet oħrajn; dawn huma l-affarijiet li jsiru mill-politiċi u n-nies li ma jkunux daqshekk midħla ta' kif jaħdmu l-politiċi jiġu ngannati. Ċertament li b'dan il-mod ħafna nies iddeċidew li jibdlu l-partit u jibdlu l-Gvern Nazzjonalista. Din hi l-politika li miexi biha l-Gvern Laburista, li ħafna drabi jgħid kelma u din il-kelma, fir-realta' li jagħtiha l-Gvern, tkun qiegħda tfisser xi ħaġa bil-maqlub. Nieħdu l-kelma "modern" li qed tintuża ħafna drabi wkoll. Xi jfisser pajjiż modern? Pajjiż modern ifisser li juża l-aħjar u l-aħħar teknoloġija; li jkun minn ta' quddiem biex jakkwista din it-teknoloġija u jipprovdiha lill-parti l-kbira tal-popolazzjoni tiegħu fl-inqas żmien possibbli; u li jkompli għaddej bl-iżvilupp infrastrutturali li kien għaddej bih pajjiż diġa' modern. Ċertament li jekk kien hawn żmien fejn verament imxejna 'l quddiem f'dan l-aspett huwa f'dawn l-aħħar disa' jew għaxar snin u din il-kelma xejn m'hi prerogattiva għall-Gvern Laburista. Anzi jien inħoss li filwaqt li l-Gvern Laburista qed jgħid li huwa modern - u nixtieq li nikkonkludi fuq dan il-punt li diġa' tkellmu ħafna minn sħabi fuqu u se jitkellmu ħafna iktar fis-sitt xhur li ġejjin speċjalment - fl-istess ħin qiegħed jitfa' lura, biex ma ngħidx ineħħi għal kollox, ix-xewqa tal-pajjiż li jingħaqad ma' dak li huwa fiż-żgur, jiġifieri t-tmun li bħalissa, biex ngħid hekk, qed imexxi lill-pajjiżi żviluppati, pajjiżi li jappartjenu għall-Unjoni Ewropea. Qegħdin jgħidulna li għandna fissazzjoni fuq l-Unjoni Ewropea u jista' jkun li pajjiż modern mhux bilfors ikun fl-Unjoni Ewropea, pero' żgur li l-poplu Malti għandu jingħata kull opportunita' biex jara x'inhuma l-vantaġġi u l-iżvantaġġi li jkun f'din il-komunita' u nħoss li l-poplu Malti għadu mhux informat biżżejjed u ma jistax ikun informat biżżejjed jekk jibqa' fil-friża. Biex tkun informat irid ikollok moħħ miftuh, irid ikollok applikazzjoni attiva u mhux applikazzjoni fil-friża. Grazzi.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Iktar rimarki? L-Onor. Francis Zammit Dimech.
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Madam Speaker, illum fuq il-Mejda tal-Kamra tqiegħed ir-rapport anwali ta' l-Awtorita' tax-Xandir u billi l-Awtorita' tax-Xandir u l-PBS bħalissa jinsabu ħafna fl-aħbarijiet, deherli li jkun opportun li nirriferi għal dan ir-rapport u nagħmel ukoll xi ħsibijiet fuq dak li għaddej minnu bħalissa l-pajjiż. L-ewwelnett fl-introduzzjoni taċ-Chairman, fir-rapport ta' l-Awtorita' tax-Xandir li għadu kif tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, hemm miktub korrettement li l-awtorita' tinsab fi stadju fejn wasal iż-żmien li wieħed jagħmel stocktaking tas-sitwazzjoni. Iċ-Chairman jgħid dan b'riferenza għad-doveri ġodda li evolvew fuq l-Awtorita' tax-Xandir minn meta hi kellha tibda wkoll tipprovdi l-community channel, pero' fil-fatt din ir-rimarka tista' ssir għar-rwol kollu ta' l-Awtorita' tax-Xandir f'pajjiżna. Nikkwota wkoll żewġ sentenzi oħra mill-introduzzjoni taċ-Chairman li t-tnejn naqbel magħhom; waħda hi fejn iċ-Chairman jenfasizza li l-interess pubbliku huwa r-raison d'être ta' l-Awtorita' tax-Xandir u l-oħra li x-xena tax-xandir f'pajjiżna hi min-natura tagħha fi stat ta' tibdil kontinwu.
Naħseb li dak li għandu jkun enfasizzat hawn huwa li mill-1991, jiġifieri minn meta dan il-Parlament għadda l-liġi ġdida dwar ix-xandir, kellna żewġ żviluppi importanti ħafna. L-ewwelnett kellna l-iżvilupp li ċ-Chairman ta' l-Awtorita' tax-Xandir qed jagħmel ħafna enfasi fuqu fid-daħla għar-rapport annwali ta' l-awtorita', cioe' l-iżvilupp li l-awtorita' tipprovdi hi wkoll mezz ta' xandir biex jagħti servizzi lil stazzjonijiet li huma b'orjentament iktar kummerċjali u li jkun diffiċli għalihom li jagħmluh. Naturalment żvilupp ieħor b'ħafna aspetti akbar u li jagħmel sfidi ġodda fuq kull min hu konness mal-qasam tax-xandir huwa l-iżvilupp tal-pluraliżmu. Dan huwa riżultat ta' dik il-liġi ta' l-1991 li ggarantiet li f'pajjiżna jrid ikun hawn numru kbir ta' stazzjonijiet differenti tar-radio u anke tat-television.
F'dan il-kontest illum irridu nħarsu lejn ix-xandir tal-pajjiż u fl-opinjoni tiegħi f'dan il-kontest irridu nħarsu wkoll lejn sfidi ġodda li għandha quddiemha l-Public Broadcasting Services.
Nemmen li l-PBS għandha verament tistaqsi lilha nnifisha x'inhu r-rwol ta' organizzazzjoni pubblika ta' xandir pubbliku, għan-nom tal-poplu kollu, quddiem pluraliżmu ta' stazzjonijiet. Hemm numru ta' suġġerimenti li bl-ikbar umilta' naħseb li għandhom isiru lil dan l-istazzjon u li l-istazzjon, jekk irid, għadu fiż-żmien li jista' jattwa dawk is-suġġerimenti. L-ewwelnett irid ikun stazzjon li "jirrispetta lilu nnifsu", biex nikkwota frażi li ntqalet fl-aħħar sentenza tal-Qorti ta' l-Appell. Stazzjon ma jistax jirrispetta lilu nnifsu jekk fit-tmexxija tiegħu jkun hemm nies li jaħsbu li b'arroganza jagħmlu dak li jidhrilhom f'moħħhom u li jaħsbu li jista' qatt ikun hemm ċirkostanza fejn anke ma jobdux direttivi ta' l-Awtorita' tax-Xandir. Ngħid hekk ukoll għaliex l-aħħar żewġ stqarrijiet li saru mill-PBS għalija juru li dan l-istazzjon għad fadallu ħafna x'jitgħallem biex almenu jkun immatura fil-ħsieb kif jitmexxa.
Kellna stqarrija mill-PBS li tgħid li huma se jimxu ma' l-ordni tal-Qorti ta' l-Appell u mad-direttivi li jingħataw mill-Awtorita' tax-Xandir, kemm wara s-sentenza tal-Qorti ta' l-Appell u kif ukoll direttiva oħra li tat l-Awtorita' tax-Xandir fejn il-Partit Nazzjonalista talab għal rimedju fuq riklami li qed jidhru in konnessjoni mat-taxxi l-ġodda. Kieku l-PBS illimitat ruħha u qalet hekk biss naħseb li l-istqarrija wkoll kienet tkun żejda għaliex f'soċjeta' demokratika m'għandu qatt ikun hemm dubju jekk stazzjon pubbliku huwiex se jimxi fuq direttiva ta' l-Awtorita' tax-Xandir jew fuq deċiżjoni tal-Qorti ta' l-Appell. Naturalment dak li ġara riċentement f'Malta wera li kien hemm min jiddubita kemm il-PBS timxi fuq direttivi ta' l-Awtorita' tax-Xandir. Pero' l-istqarrija ma waqfitx hemm, imma kompliet biex tipprova tagħti ġustifikazzjoni għaliex il-PBS ma mxietx fuq id-direttiva li kienet tat l-Awtorita' tax-Xandir wara s-sentenza tal-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili. Qalu li ma mxewx fuq dik id-direttiva għaliex kellhom il-konvinċiment morali li l-Awtorita' tax-Xandir kienet tat dik id-direttiva mhux biex taqdi d-doveri kostituzzjonali tagħha imma biex tesegwixxi sentenza tal-qorti biss.
Issa l-inqas li l-PBSu min imexxi għandu jkun jaf huwa li l-Qorti ta' l-Appell fis-sentenza tagħha ħadet l-opportunita' biex tikkonferma bl-iktar mod assolut dak li kulħadd fil-pajjiż kien qed jgħid lill-PBS, jiġifieri li għandha obbligu li timxi mad-direttivi ta' l-Awtorita' tax-Xandir, anke jekk ikun hemm appell jew proċeduri pendenti quddiem il-qrati. Il-Qorti ta' l-Appell dan qalitu ċar u tond. Mela l-fatt li l-PBS reġgħu għamlu stqarrija biex jgħidulna li ma obdewx qabel għax kellhom dan il-konvinċiment morali, bir-rispett kollu, l-ewwelnett meta jitkellmu b'dan il-mod il-PBS jekk ma juruna xejn, iktar juruna li b'kumbinazzjoni jew xorta oħra jużaw l-istess kliem li kien juża l-Onor. Alfred Sant fil-kampanja elettorali tal-Partit Laburista qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali li għaddiet. Naħseb li dan fih innifsu, se mai għandu jinkwieta lil min imexxi l-PBS flok li jużaha bħala ġustifikazzjoni.
It-tieni stqarrija li għandi f'moħħi hija l-istqarrija li għamlet il-PBSillejla. Illum l-Awtorita' tax-Xandir wasslet it-tape ta' xandira ta' 60 minuta għand il-PBS li din se xxandar għada fil-għaxija fl-10.00 p.m. fuq il-mezzi tax-xandir tagħha. Skond l-istqarrija tagħha wara li raw it-tape it-tekniċi qalu li hemm xi stampa partikolari b'difett tekniku u li hemm xi każ fejn xi nies ma jinstemgħux ċar fuq il-microphone. Wara dan ir-rapport tekniku l-PBS talbu lill-Awtorita' tax-Xandir tawtorizzahom biex qabel il-programm ta' għada fil-għaxija jkunu jistgħu jgħidu li dan difett tekniku fit-tape li huma m'humiex responsabbli għalih. Issa wieħed jifhem li jekk dawn għamlu din it-talba lill-Awtorita' tax-Xandir il-prudenza, l-etika tirrikjedi li dawk jistennew ir-risposta mingħand l-Awtorita' tax-Xandir u joqogħdu għal dik id-direttiva. Ladarba l-PBS ħarġet stqarrrija biex tgħid li hi talbet lill-Awtorita' tax-Xandir tagħmel hekk u ġabet dik l-istqarrija fl-aħbarijiet tal-lejla fit-8.00 p.m., jien nifhem li allura din għandha indikazzjoni mill-Awtorita' tax-Xandir li ma tistax tagħmel dak it-tip ta' kumment qabel il-programm. Allura peress li hi jidhrilha li l-ġudizzju tagħha jista' jkun aħjar minn dak ta' l-Awtorita' tax-Xandir, x'għamlet? Allura ħarġet stqarrija biex tgħaddi minn tieqa aħjar għax tuża prime time ikbar u ġġib l-istqarrija ta' dak li ddiskutiet ma' l-Awtorita' tax-Xandir fl-aħbarijiet tat-8.00 p.m.
Bir-rispett kollu lejn il-PBS, jiennappellalhom, jekk mhux ħaġa oħra, li ma jkunux bad losers, li jkunu iktar serji, li jkunu iktar nies li jafu jirrispettaw lill-poplu Malti kollu. Il-fatt li joħorġu stqarrija bħal din qishom qed jinkwetaw, qishom qed jiddispjaċihom ... Jien ngħid lill-PBSli kieku huma mxew mal-Partit Nazzjonalista bil-mod li mxew mal-Gvern meta xandar hu s-siltiet, naħseb li l-ewwel ħaġa li kienu jagħmlu l-PBS, u kont nippretendi li jagħmluha minn jheddhom, kienet li jiġu għand il-Partit Nazzjonalista u joffrulna l-assistenza teknika tagħhom għal din il-produzzjoni. F'dan il-każ ma ngħidx li kien hemm bżonnha imma żgur li m'huwiex aġir serju li l-PBS - anke lejliet li se ssir ix-xandira b'ħafna sforzar u żgur mingħajr entużjażmu daparti tagħhom - issa jagħmlu stqarrija pubblika biex jgħidu x'talbu lill-Awtorita' tax-Xandir peress li dik it-talba jew ma ġietx milqugħa jew għad m'għandhomx risposta. X'inhuma d-doveri tal-PBS? Qabel ma niġi għad-doveri tal-PBS nagħmel rifless anke fuq ir-rimedju li tlabna rigward ir-riklami. Ir-riklami jridu jkunu riklami li jagħtu informazzjoni sħiħa. Il-Gvern qed jgħid li dawk ir-riklami jiġġustifikahom għax huwa jrid jaqbeż għall-konsumatur. Kif tista' taqbeż għall-konsumatur billi tgħidlu li hemm roħs ta' prodotti? Ħalli għall-argument ngħidu li kull prodott li qed isemmu roħos bil-mod li qed jgħidu - anqas dan m'hu veru għax qed isemmu ħafna prodotti li jgħidu li roħsu b'mod u fil-fatt meta tmur għand min jissupplixxi dawk il-prodotti jirriżultalek li dak ir-riklam qed jidħak bik, qed iqarraq bik u allura meta n-nies tmur għand in-negozjanti jgħidulhom li huma ħallelin għax fuq ir-riklam raw mod ieħor - għaliex il-Gvern m'għandux ikollu l-obbligu li jgħid lill-poplu fejn hemm differenza fil-prezzijiet li kkaġunat għoli tal-ħajja u mhux roħs? Għaliex il-Gvern ma jkunx serju biżżejjed u jammetti li s-sistema tat-taxxi l-ġdida fiha nnifisha tikkaġuna li l-prezzijiet jogħlew u mhux jorħsu? Jekk il-Gvern ma jagħmilx dan, min qiegħed fil-qasam tax-xandir irid ikollu d-deċenza li jagħti opportunita' biex nies b'opinjonijiet differenti jwasslu l-fehma tagħhom.
It-test kruċjali tax-xandir, speċjalment f'kontest ta' pluraliżmu, huwa li l-PBS trid tkun xempju u għadhom biċ-ċans li jkunu jekk iridu jieħdu lezzjonijiet anke mis-sentenza tal-Qorti ta' l-Appell u mid-direttivi ta' l-Awtorita' tax-Xandir, minflok li jagħmlu l-parti ta' bad losers. Ir-rwol tagħhom għandu jkun li jagħtu diversita' assoluta ta' informazzjoni; li l-aċċessibilita' għall-mezzi tax-xandir tkun ugwali lejn nies b'fehmiet differenti u ma jiddiskriminawx bejn parti u oħra; li l-kredibilita' tagħhom tiġi qabel kull konsiderazzjoni oħra; u li jagħtu importanza kbira lis-sens ta' professjonaliżmu li għandhom ħafna mill-ġurnalisti li hemm fi ħdan il-PBS. Huma ma jkunux qed jirrispettaw lilhom infushom jekk jipprovaw isiru appendiċi tal-makna propagandistika tal-Gvern jew tal-Labour Party. Il-hallmark ta' l-istazzjon, it-test tiegħu għandu jkun li huwa stazzjon imparzjali, stazzjon bi programmi kulturali li jagħtu dehen bħala stazzjon tal-poplu kollu f'Malta u stazzjon li fil-qasam ta' l-informazzjoni tiegħu - u din trid tkun l-ikbar karatteristika - jagħti mhux biss diversita' ta' informazzjoni imma r-regoli ta' l-imparzjalita' josservahom bl-iktar mod assolut. Nenfasizza dan il-ħsieb għaliex il-PBSkkritikat lill-Awtorita' tax-Xandir għaliex id-direttiva li tatha ma tathiex lil stazzjonijiet oħra privati, anzi qalet li l-istess direttiva missha tatha b'miżura ikbar lill-istazzjonijiet privati - naturalment il-PBS hawn qed tagħmel riferenza pulita għas-Super I Television. Il-PBS għandha tifhem li meta l-istazzjonijiet privati jiżbaljaw dak huwa żball skond il-liġi, pero' fl-aħħar mill-aħħar f'sitwazzjoni ta' pluraliżmu fix-xandir dawn jistgħu jibbilanċjaw lil xulxin. Imma l-PBS m'huwiex privat, imma huwa stazzjon pubbliku, ta' kulħadd, huwa ffinanzjat mill-poplu kollu u allura l-karatteristika trid tkun mhux li l-PBS ikun ix-xempju jew il-mudell bħas-Super I Television jew li b'xi mod tixbah stazzjon tat-television tal-Partit Nazzjonalista fil-futur jew li jikkopja l-iSmash Television, imma jrid ikun l-istazzjon li jkun fuq l-istazzjonijiet kollha għaliex ikollu l-ogħla standards ġurnalistiċi u serji f'pajjiżna. Il-PBS dan li jrid jagħmel għall-futur. Għadhom biċ-ċans li jipprovaw jibdew paġna ġdida, jitgħallmu anke mil-lezzjoni ta' l-iżbalji ovvji li għamlu fl-aħħar ġranet, ikunu umli magħhom infushom u jgħidu li żbaljaw u mhux jibqgħu joħorġu stqarrijiet u jgħidu kemm kellhom konvinċiment morali li ma żbaljawx jew jipprovaw jagħmlu stqarrijiet fuq dawk li qed jissejħu żbalji tekniċi. GĦandhom jikbru anke fil-maturita' tagħhom.
Dan l-appell tiegħi lill-PBS illejla, lejliet li se jkollhom ixandru dak li l-Labour Party ma riedx li l-poplu Malti jara. Din hi opportunita' għalihom ukoll biex jimmaturaw u jibdew jagħtu s-servizz mistħoqq u mistenni minnhom mill-poplu Malti kollu.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Sar il-ħin, il-Kamra hija aġġornata għal nhar il-Ġimgħa 25 ta' Lulju, 1997 fid-9.00 a.m., bl-agenda kif ikkomunikata mill-Ministru Mizzi.
Fid-9.30 p.m. il-Kamra aġġornat mingħajr ma saret il-mistoqsija.