ONOR. JOE MIZZI:Madam Speaker, f'isem il-Prim Ministru inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Rapport Annwali ta' l-Awtorita' tax-Xandir għas-sena 1996; u
f'isem il-Ministru tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:-
K.L.B.L. 47/1/97 - Bye-laws ta' l-1997 dwar Reklami fuq Għamara tat-Toroq (Kunsill Lokali Pieta').
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Leo Brincat.
ONOR. LEO BRINCAT (Ministru tal-Finanzi u Kummerċ): Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Ir-Rapport Finanzjarju għas-sena 1996 maħruġ mit-Teżor;
Tabella li turi r-rata ta' twelid ta' trabi fl-1996, maqsuma skond il-lokalita' tar-residenza tal-ġenituri, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 7795; u
Tabella li turi r-rata ta' mewt fl-1996, maqsuma skond il-lokalitajiet, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 7797.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Debono Grech.
ONOR. JOE DEBONO GRECH (Ministru tat-Trasport u Portijiet): Madam Speaker, inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra:
Malta-Gozo Channel Co Ltd Consultancy Report flimkien ma' 4 volumi ta' supporting documentation u erba' volumi ta' appendiċi.
ONOR. LEO BRINCAT: Madam Speaker, iktar milli nagħmel stqarrija xtaqt nagħmel sempliċement riferenza għal xi ħaġa li ġrat illum fuq punt ta' informazzjoni, biex il-pubbliku jkun mgħarraf dwarha. Matul il-ġurnata ġejt informat li wħud miċ-ċekkijiet tal-pagi kienu se joħorġu b'xi ammont imnaqqas u għaldaqstant tlabna biex issir investigazzjoni minnufih ħalli naraw jekk dan kienx minħabba xi computer virus jew bug jew jekk kenitx xi ħaġa ikkawżata minn negliġenza. Jekk ovvjament jirriżulta li kienet ikkawżata minn negliġenza diġa' tlabt biex jiġu rrikkmandati l-passi dixxiplinarji neċessarji. Tajt ukoll struzzjonijiet biex id-dipartimenti konċernati mhux joqogħdu jistennew il-paga li tmiss biex jagħmlu l-adjustment neċessarju imma jekk hemm bżonn joħroġ l-adjustment minnu fih manwalment.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Hemm mistoqsijiet? L-Onor. Tonio Borg.
ONOR. TONIO BORG: Jien dalgħodu stess wasluli rapporti li ħarġu - jekk fhimt sew - ċekkijiet ta' salarji imnaqqsin u r-raġuni kienet minħabba li xi persuni li rċevew is-salarju kellhom jagħtu xi arretrati tat-taxxa. Jiena qed ngħid xi smajt. Jista' l-Ministru jikkonferma jekk inħarġux ċekkijiet diġa' jew kenux waslu biex jinħarġu dawn iċ-ċekkijiet tas-salarji?
MADAM SPEAKER: L-Onor. Louis Galea.
ONOR. LOUIS GALEA: Peress li l-Ministru indika, kif inhu xieraq, li qiegħed jistħarreġ biex jara r-raġuni ta' din is-sitwazzjoni, jista' jindika lil din il-Kamra meta jaħseb li dan l-istħarriġ se jintemm u jkun jista' jħabbar ir-riżultati ta' dak l-istħarriġ biex b'hekk jinformana jekk dan kienx riżultat ta' negliżenza jew inkella ta' xi żball ieħor tekniku?
MADAM SPEAKER: L-Onor. Zammit Dimech.
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Jirriżultalu l-Ministru li dak li kien qiegħed isir huwa xi forma ta' tax settlement u li fejn kien hemm żball - apparti jekk setax jew kellux isir tax settlement f'dan l-istadju tas-sena - dan kien ibbażat fuq tħaddim ħażin tar-rata ta' diversi persuni? Per eżempju, kien hemm min ivverifika u qalulu li r-rata tiegħu ġiet meqjusa bħal dik ta' bniedem waħdu u mhux bħala persuna miżżewwġa. Allura kollox kien marbut ma' dan u forsi l-Ministru għandu jikkjarifika dan fit-tweġibiet tiegħu u mhux joqgħod iwaħħal fil-computer. Jista' jassigura lill-Kamra li fl-iqsar żmien possibbli d-diversi nies li diġa' rċevew, mhux se jirċievu, pagi mnaqqsin, tingħatalhom lura d-differenza?
MADAM SPEAKER: Aktar mistoqsijiet? (Onor. Membri: No) La m'hawnx aktar mistoqsijiet nistieden lill-Ministru Brincat biex jagħti tweġiba.
ONOR. LEO BRINCAT: Madam Speaker, għada stess beħsiebni nsegwi l-każ personalment ħalli ma l-ewwel opportunita' nagħti t-tagħrif neċessarju lill-Parlament, u kif diġa' spjegajt iktar kmieni, qed nagħmluha ċara li f'dawn il-każi fejn inħarġu jew jistgħu jinħarġu ammonti mnaqqsin, mhux se noqogħdu nistennew li tiġi l-paga li jmiss imma jekk hemm bżonn isir adjustment minnufih u jekk hemm bżonn anke manwalment. Dan juri li min-naħa tagħna, kien x'kien li sar ħażin, sarx b'negliġenza jew le, l-iżball se jiġi rrimedjat minnufih.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Mozzjonijiet? Ordnijiet tal-Ġurnata. Il-Ministru Edwin Grech.
ORDNIJIET TAL-ĠURNATA
ABBOZZ TA' LIĠI LI JEMENDA L-ATT DWAR IS-SIGURTA' SOĊJALI
Il-President, wara li kien informat dwar is-suġġett ta' l-Abbozz ta' Liġi "biex jemenda l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali, Kap 318" jirrakkommandah għall-konsiderazzjoni tal-Kamra tad-Deputati.
18 ta' Lulju 1997
ONOR EDWIN GRECH: Madam Speaker, nipproponi t-Tieni Qari ta' l-Abbozz ta' Liġi msejjah "Att biex jemenda l-Att dwar is-Sigurta Soċjali, Kap 318".
MADAM SPEAKER: Min jissekonda?
ONOR. JOE DEBONO GRECH : Nissekonda.
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. EDWIN GRECH: Madam Speaker, fis-seduta parlamentari tat-3 ta' Frar, 1997 - meta ressaqt għall-approvazzjoni ta' din il-Kamra l-voti li jaqgħu taħt il-ministeru tiegħi - kont spjegajt kif taħt il-vot tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali, fuq benefiċċji soċjali biss konna qed nipprovdu nefqa ta' 'l fuq minn Lm152 miljun. Din kienet żieda ta' aktar minn Lm12-il miljun fuq in-nefqa tas-sena ta' qabel. Kont spjegajt ukoll li l-għanijiet ewlenin għal din in-nefqa kienu tnejn. L-ewwel għan kien iż-żieda fir-rati tal-benefiċċji soċjali u l-pensjonijiet, kif inhi relatata maż-żieda għall-għoli tal-ħajja ta' Lm1.75 fil-ġimgħa, skond kif titlob il-liġi; u t-tieni għan kien it-twettiq ta' l-ewwel pass fl-implimentazzjoni tal-wegħda li ma jibqax isir tnaqqis fil-pensjoni tas-sigurta soċjali ta' dawk li qed jirċievu pensjoni tas-servizz mingħand il-Gvern Ingliż. Għalhekk illum qed inressaq l-abbozz ta' liġi li se jġib fis-seħħ dan l-ewwel pass biex, kif għamilna f'oqsma oħra, nwettqu dak li wegħedna liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin. Ma' dan qed nagħtu wkoll forza legali liż-żidiet fil-benefiċċji, pensjonijiet, għajnuna u ħlas ta' kontribuzzjonijiet li attwalment ilhom li bdew jitħallsu minn Jannar li għadda.
Sa minn qabel l-elezzjoni ta' Ottubru, 1996 il-Partit Laburista kien determinat li, bħalma rnexxielhom jagħmlu gvernijiet Laburisti fil-passat fil-qasam tas-sigurta' soċjali, kien se jerġa' jispikka billi juri l-fibra morali u l-kuraġġ li jwettaq kull tibdil meħtieġ biex mhux biss tkompli titjieb il-qagħda tal-pensjonanti u benefiċċjarji soċjali oħra, iżda wkoll li joħroġ b'miżuri ġodda u meqjusa li b'pass wara pass iwasslu biex jiġi assigurat li, dak li beda Gvern Laburista fl-aħħar tas-snin erbgħin, jiġifieri l-introduzzjoni tal-pensjonijiet għall-anzjani fil-bżonn u, iżjed tard, f'nofs il-ħamsinijiet, l-introduzzjoni ta' skemi ta' għajnuna nazzjonali u ta' assigurazzjoni soċjali, ikompli jitkattar. Dan mhux jien biss qed ngħidu iżda l-istess storja tas-sigurta' soċjali ġewwa pajjiżna tixhed dan li qed ngħid. Riedu jkunu gvernijiet Laburisti biex f'pajjiżna beda jitqassam il-ġid soċjali u jserraħ ras il-ħaddiem Malti minn pensjonijiet u benefiċċji soċjali xierqa u fejjieda.
Illum aħna lkoll nafu li kull ħaddiem, kull anzjan, kull armel u armla, anke ż-żgħażagħ u t-tfal, jiġifieri kull membru tas-soċjeta tagħna, hu kopert b'sistema ta' sigurta' li flimkien ma' l-iskema tas-saħħa tassigura liċ-ċittadini tagħna ħarsien soċjali mill-aktar sħiħ. Dan hu kollu frott tal-ħidma bla heda li kull gvern Laburista, wieħed wara l-ieħor, stinka biex jara li l-qafas li nbena kważi ħamsin sena ilu jiżviluppa f'binja li tagħti l-kenn meħtieġ liċ-ċittadini tagħna kollha, iżda l-iżjed lil dawk li huma l-aktar fil-bżonn. Madam Speaker, dan kien u għadu l-impenn ta' Gvern Laburista. Kien għalhekk li jekk inħarsu daqsxejn fil-passat insibu, per eżempju, li fl-1948 varajna liġi dwar il-pensjonijiet għax-xjuħ. Fl-1956 bis-saħħa ta' żewġ liġijiet, jiġifieri l-Att dwar is-Sigurta' Nazzjonali u l-Att dwar l-Għajnuna Nazzjonali, ħloqna skema kontributorja u oħra li mhix kontributorja, li bihom prattikament tajna l-bidu għall-welfare state f'pajjiżna. Fl-1974 u fil-1975 komplejna inwessgħu l-firxa tal-welfare state billi ħloqna c-childrens allowance u pensjonijiet għal dawk li għandhom xi diżabilita'.
Fl-1979 Gvern Laburista issiġilla dak kollu li għamilna matul it-tletin sena ta' qabel billi ntroduċejna għall-ewwel darba f'pajjiżna l-iskema tal-pensjoni taż-żewġ terzi għal min jirtira u oħra għar-romol tagħhom mibnija fuq l-istess konċett, jiġifieri dak ta' pensjoni maħduma skond il-paga li kien jgawdi il-mejjet żewġha fl-aħħar snin ta' qabel irtira. Hawnhekk ta' min jinnota illi sa dak inhar 37% biss tal-ħaddiema Maltin kellhom iċ-ċans illi jieħdu pensjoni kkalkolata fuq is-salarju tagħhom, liema pensjoni kienet titħallas lilhom min minn kien iħaddimhom. B'din il-miżura li qed inressqu llum, Madam Speaker, se jgawdu biha l-ħaddiema Maltin u Għawdxin kollha. B'hekk skema ta' din ix-xorta ma baqgħetx biss monopolju tal-gvern Malti jew tal-gvern Ingliż jew ta' xi employer b'saħħtu, iżda serviet biex anke ħaddiema f'intrapriżi żgħar, inklużi s-self-employed,setgħu jibdew igawdu pensjoni relatata mad-dħul tagħhom u fil-każ tar-romol din laqtet tajjeb lir-romol kollha.
Semmejt biss dawk il-benefiċċji soċjali li nistgħu ngħidu li huma l-ħaġar taż-żonqor u kull waħda minnhom se tibqa' minquxa fl-istorja tas-sigurta' soċjali ta' pajjiżna. Kien hemm ħafna titjib ieħor, iżda dawn li għadni kif semmejt kienu jitolbu ħafna ħsieb fit-tfassil tagħhom u kuraġġ biex jitwettqu. Kull waħda minnhom ħolqot skema ġdida li n-nuqqas tagħha kien ilu jinħass miċ-ċittadini tagħna. Mhux biss, iżda dan in-nuqqas kien qiegħed ifixkel il-mixja lejn livell ta' għajxien aħjar ta' eluf ta' Maltin u Għawdxin. Din kienet il-qagħda ta' eluf ta' Maltin sal-ħamsinijiet, eluf ta' familji Maltin bit-tfal u ta' dawk li kellhom xi diżabilita' fis-snin ta' qabel is-sebgħinijiet. Kien dejjem Gvern Laburista li ħass il-ħtieġa li f'dan il-qasam jwettaq tibdil sostanzjali biex itejjeb il-qagħda tal-kotra u dejjem kien attent li ma jagħmilx biss irtokki 'l hawn u 'l hinn biex jidher li qed issir xi ħaġa. Wieħed irid jifhem li tibdil sostanzjali ma jistax jiġi mplimentat f'daqqa waħda u f'nifs wieħed. Dan ma jfissirx li m'għandux ikollna l-kuraġġ li nagħmlu l-ewwel pass biex naqbdu t-triq li twassalna għall-mira tagħna. Hawn jidħol l-għaqal ta' gvern serju, l-għaqal ta' Gvern Laburista ġdid li iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar qed jiddistingwih minn dak li għamel il-Gvern ta' qabilna.
Wieħed jistaqsi, Madam Speaker, x'qed jitwettaq bis-saħħa ta' dan l-abbozz ta' liġi li llum qed inressqu f'din il-Kamra? Minn dak li ntqal f'din il-Kamra fis-seduti waqt id-diskussjoni dwar l-Estimi, wieħed jikkonkludi, li skond l-Oppożizzjoni, aħna pprovajna niġbdu l-voti qabel l-elezzjoni u għamilna wegħda lil dawk li kienu jaħdmu mal-gvern Ingliż u din għamilniha mingħajr ma qisna li dak li konna qed inwegħdu kien joħloq diskriminazzjoni. Saħansitra dawn l-avukati tad-drittijiet tal-bniedem bdew isemmu l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kostituzzjoni u ma nafx x'kien jonqoshom isemmu. Fortunatament hu faċli biex wieħed jifhem ir-raġuni għaliex l-Oppożizzjoni ħaditha kif ħaditha. Hemm żewġ raġunijiet u t-tnejn huma sempliċi biex tifhimhom. L-ewwel raġuni hi li huma stess ma jistgħux jifhmu għaliex minkejja l-wegħda tagħhom qabel l-elezzjoni ta' l-1987, li l-pensjoni taż-żewġ terzi tkun l-anqas u mhux l-aktar, f'disa' snin ma rnexxilhomx iwettqu din il-wegħda u xorta waħda baqgħu jnaqqsu l-pensjoni tas-servizz. It-tieni raġuni, u jien naħseb li din hi aktar sempliċi biex tifhimha, hu l-fatt li dawn għadhom ma fehemux il-programm elettorali tal-Gvern Laburista fejn għanda x'taqsam l-politika soċjali.
Għalhekk, Madam Speaker, naħseb li jkun xieraq li nkompli nispjega l-għan ta' dan l-abbozz u l-politika li fuqu hu msejjes. Irridu nuru kif b'dan l-abbozz aħna qegħdin naqbdu l-barri minn qrunu, filwaqt li bl-istess tibdil li qed inressqu, nisiltu politika ċara fejn iċ-ċittadin jiġi l-ewwel. Qed nuru biċ-ċar u mingħajr biża', minkejja t-tkeskis kollu li ġie minn naħa ta' l-Oppożizzjoni, li fejn jidħol il-ħarsien soċjali Gvern Laburista jrid ikun proattiv u mhux reattiv għal problemi li jeżistu fil-liġi tas-sigurta' soċjali, liema problemi kien jgħajjat bihom il-Gvern ta' qabilna u li tant nganna nies bil-wegħda li se jirranġa biex fl-aħħar mill-aħħar ma kellux il-kuraġġ li jiffaċċa. Minn fuq, illum jiġu quddiem il-poplu jipprovaw ixerrdu d-dmugħ tal-kukkudrilli u jkesksu kemm jifilħu lill-pensjonanti kontra xulxin bl-għajta li l-Gvern Labursita se jwettaq diskriminazzjoni. B'dan l-abbozz mhux talli bgħatnihom jgħajtu fid-deżert talli qed nuruhom ukoll li bil-mod bdejna nneħħu d-diskriminazzjoni u li fil-fatt kienu huma stess l-arteċifi ta' din id-diskriminazzjoni.
Fil-programm elettorali tal-Partit Laburista aħna wegħedna li Gvern Laburista ġdid kien se jieħu passi minnufih sabiex jassigura li ċ-ċittadini tagħna jgħixu bħal aħwa billi naraw li jsir titjib fil-ħarsien soċjali. Biex dan iseħħ aħna nemmnu li gvern serju jrid jagħmel ħiltu biex jifrex is-servizzi u l-benefiċċji soċjali skond kemm tkun tiflaħ l-ekonomija. Hekk ukoll, il-ħarsien soċjali jrid ikun imfassal skond iċ-ċirkostanzi u l-potenzjal li jinsabu fil-pajjiż. Gvern li jemmen tassew f'soċjeta' ħanina jrid jara li jimplimenta bil-fatti miżuri li jgħinu biex jinħoloq dak il-makkinarju meħtieġ li jkun jippermetti ħidma regolari li biha kull ħin nkunu nistgħu niflu xi jkun għaddej biex fejn hemm bżonn li jinżabar jinżabar u fejn hemm bżonn li jitkabbar allura nkabbruh.
Madam Speaker, kien il-Partit Laburista li welled is-solidarjeta' vera fost iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin. Iżda meta l-Partit Laburista għamel dan kien jaf li l-welfare state mhux xi konċett dwar sistemi ta' benefiċċji u sigurta' soċjali li m'għandhom l-ebda rabta mal-politika fil-qasam tax-xogħol, ta' l-edukazzjoni, tas-saħħa, tad-djar u iktar u iktar ta' l-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż. Gvern Laburista jemmen li biex il-welfare state jissaħħaħ, irid jissaħħaħ l-impenn tal-gvern li jara li ma jkunx hemm tberbiq ta' flus il-poplu. Jekk gvern ma jagħmilx hekk jaqa' fin-nasba kif ġralhom ta' qabilna li, riedu jew ma riedux, kellhom ifarfru minn fuq spallejhom billi jgħaddu r-responsabbilta' u d-doveri tagħhom fuq dik li huma jsejħu l-welfare society. Din hi sistema li jekk wieħed ma joqgħodx attent tista' tfisser il-privatizzazzjoni tal-benefiċċji soċjali, b'vantaġġ għal dawk li jifilħu jħallsu l-aktar. Aħna, min-naħa l-oħra, filwaqt li rridu li jkompli jingħata aktar spazju lill-għaqdiet volontarji, lill-aġenziji li wrew li l-attivita' tagħhom hi ta' fejda għaċ-ċittadini tagħna, rridu nsaħħu l-welfare state għax nemmnu li dan hu l-aħjar mezz li jassigura li s-solidarjeta' fost iċ-ċittadini tkun mifruxa b'mod universali li jagħmilha aktar faċli li tingħata għajnuna akbar fejn l-aktar tkun meħtieġa. Dawn huma s-sisien li fuqhom hi bbażata l-politika soċjali ta' dan il-Gvern, politika ċara u impenjattiva li hi sostnuta minn rieda qawwija li f'kull qasam naraw li jitwettqu miżuri li l-għan ewlieni tagħhom hu li jixprunaw ir-ritmu ta' l-espansjoni ekonomika. B'hekk tkun garantita l-ispiża meħtieġa fl-oqsma soċjali, spiża li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar trid tikber, mhux biss minħabba ż-żieda fin-numru ta' l-anzjani - li hija mistennija - iżda wkoll, u din se tkun il-mira tal-Gvern Laburista ġdid, biex naraw li l-livell ta' l-għajxien taċ-ċittadini kulma jmur jkompli jiżdied f'termini reali billi ż-żidiet f'benefiċċji u l-pensjonijiet ma jitnaqqrux minn għoli tal-ħajja sfrenat. Ħafna drabi dan ikun ikkaġunat mhux minn żidiet normali fil-prezzijiet, żidiet li wieħed jistenna li jkun hemm f'kull ekonomija moderna bbażata fuq ir-regoli tas-suq ħieles, iżda jkun ġej minn nuqqas ta' serjeta' fil-makkinarju ta' kontrolli bażiċi, li jkompli jaggrava ruħu bin-nuqqas ta' serjeta' fl-infurzar tal-liġijiet fejn għandu x'jaqsam id-dħul u l-infiq tal-gvern. Hekk ġara ħafna drabi taħt Gvern Nazzjonalista.
Madam Speaker, hekk kif Gvern Laburista ħa t-tmexxija f'idejh mill-ewwel beda biex jiżgura li l-livell ta' għajxien taċ-ċittadin jogħla f'termini reali. Bdejna bil-ħarsien fl-infiq tal-gvern billi rażżanna l-ħela u tberbiq ta' flus il-poplu li tħalla mill-Gvern Nazzjonalista. Komplejna bit-tneħħija tat-taxxa tal-VAT, li bl-għoli tal-ħajja li ħolqot kienet laqtet l-aktar lil dawk li kienu jiddependu mill-benefiċċji soċjali. Fil-fatt il-VAT naqqset is-saħħa ta' dawn il-benefiċċji, speċjalment ta' dawk li kienu jiddependu biss mill-pensjoni u mill-għajnuna soċjali. Sa minn qabel l-aħħar elezzjoni l-Partit Laburista kien ħass il-karba tal-poplu u għalhekk kien pass meqjus li ftit xhur wara li ħadna l-gvern f'idejna ppreżentajna lill-poplu sistema ġdida ta' tassazzjoni li għandha tagħti nifs ġdid liċ-ċittadin.
Meta wieħed jifhem il-loġika ta' din il-politika jibda biex jifhem ukoll il-loġika li hemm f'dan l-abbozz ta' liġi u kif dan l-abbozz hu l-ewwel ħolqa fil-katina li trid torbot il-politika soċjali mal-qagħda ekonomika tal-pajjiż u fl-istess waqt jibda l-proċess f'dan il-qasam ukoll, bħalma beda f'oqsma oħra, li bih jitneħħew l-anomaliji li tant ilna nitkellmu dwarhom u li nħolqu fil-liġi tas-sigurta' soċjali. Wieħed irid jifhem li nistgħu ngħidu li, b'mod ġenerali, sal-lum kellna żewġ tipi ta' pensjonanti. Kellna dawk li m'għandhomx pensjoni tas-servizz - jiġifieri pensjoni mħallsa mingħand min kienu jaħdmu - u dawk li għandhom pensjoni tas-servizz. Issa fost dawk li għandhom pensjoni tas-servizz hemm tliet kategoriji. Hemm dawk li l-pensjoni tagħhom ma tiżdiedx; hemm dawk li l-pensjoni tagħhom tiżdied għall-għoli tal-ħajja biss; u hemm dawk li minbarra ż-żieda għall-għoli tal-ħajja tiżdied ukoll biż-żieda fis-salarju kurrenti, b'riżultat ta' xi reviżjoni fl-istruttura tas-salarji jew pagi. Naħseb li hawn diġa' wieħed beda biex jifhem kemm hi kkomplikata din il-liġi u kemm hu faċli li jekk wieħed ma joqgħodx attent tinħoloq xi anomalija jew, aktar agħar, issir xi diskriminazzjoni bejn kategorija ta' pensjonanti u oħra. Il-qofol ta' dan l-abbozz jinsab fi klawsola 2 li biha qegħdin nemendaw it-tifsira ta' "pensjoni tas-servizz".
B'seħħ mis-6 ta' Jannar ta' l-1996 kienet saret emenda mill-Gvern ta' qabel f'din id-definizzjoni ta' pensjoni tas-servizz li biha ż-żidiet mogħtija għall-għoli tal-ħajja wara s-7 ta' Jannar, 1995 fil-pensjoni tas-servizz ma baqgħux jiġu meqjusa fil-kalkolazzjoni tal-pensjoni tas-siġurta' soċjali. Dan il-Gvern jemmen li din kienet li ħolqot inġustizzja ma dawk kollha li l-pensjoni tas-servizz tagħhom tiżdied minħabba l-għoli tal-ħajja. Din l-inġustizzja l-aktar li tinħass hu fil-każ fejn għal snin twal il-pensjoni tas-servizz kienet dejjem tiżdied minħabba l-għoli tal-ħajja u din iż-żieda kienet ġejja minn sorsi minn barra l-pajjiż, bħalma hu l-każ ta' dawk li kienu jaħdmu mal-gvern Ingliż u entitajiet oħra barranin. M'hemmx dubju li hawn ukoll il-Gvern Nazzjonalista ried jagħmel biss ftit irtokki biex jidher li qed jagħmel xi ħaġa u għax ried jixxaħħaħ mal-pensjonanti tas-servizzi Ingliżi injora għal kollox iż-żidiet li kienu tnaqqsulhom matul is-snin twal mill-pensjoni tas-sigurta' soċjali, b'riżultat taż-żidiet li kienu ħadu fil-pensjoni tas-servizz mingħand il-gvern Ingliż jew kif ġa spjegajt mingħand xi enti oħra barra l-pajjiż.
Għalhekk Gvern Laburista ġdid ħass li jkun qed jonqos mill-ġustizzja soċjali jekk ma' l-ewwel opportunita' li jkollu ma jeħux passi biex ineħħi din l-anomalija li nħolqot. Wieħed malajr jifhimha din. Jekk fil-prinċipju taqbel li għandek tinjora ż-żidiet fil-pensjoni tas-servizz li ngħataw għall-għoli tal-ħajja dan għandek tagħmlu mill-bidunett, jiġifieri minn meta tkun ingħatat l-pensjoni tas-servizz l-ewwel darba u mhux għal żmien twil ta' snin tqishom u wara li temenda l-liġi tibqa' tqishom xorta waħda. Madam Speaker, issa bis-saħħa ta' l-emendi li qed nressqu f'dan l-abbozz qegħdin ngħidu li kull żieda għall-għoli tal-ħajja li ngħatat fil-pensjoni tas-servizz, ilu kemm ilu li ngħatat, u ġejja minn fejn ġejja, mhijiex se tibqa' tiġi meħuda fil-kalkolazzjoni tal-pensjoni tas-sigurta' soċjali.
Din l-emenda tkompli ssaħħaħ prinċipju li kien daħal fil-liġi iżda sfortunatament, bħalma jgħid il-Malti, kien baqa' nofs leħja. Qed nirriferi għall-każ fejn il-pensjoni tas-servizz kienet f'xi żmien ġiet ikkommutata kollha. Sal-lum, minkejja li jkunu għaddew snin twal minn mindu tkun ġiet ikkommutata l-pensjoni kollha u l-pensjonant ma jkun qed jirċievi xejn f'idejh, xorta waħda kien qed jibqa' meqjus daqslikieku kien qed jirċievi nofs il-pensjoni oriġinali. Issa qed ngħidu li pensjoni li f'xi żmien kienet ġiet ikkommutata kollha mhijiex se tibqa' tiġi meqjusa fil-kalkolazzjoni tal-pensjoni tas-sigurta' soċjali. Allura ma dan il-grupp ta' pensjonanti se nwettqu l-wegħda li konna għamilna u l-pensjoni se jeħduha in total. Qed ngħidu wkoll li, fi kwalunkwe każ, pensjoni tas-servizz li tkun anqas minn Lm200 fis-sena se tiġi njorata u mhijiex se taffettwa r-rata tal-pensjoni taż-żewġ terzi. Dawn l-emendi huma applikabbli għal kulħadd l-istess, inklużi l-pensjonanti romol, dejjem skond iċ-ċirkostanzi li semmejt, biex b'hekk jibdew jitneħħew l-anomaliji mingħajr ebda diskriminazzjoni. Xi jfissru dawn l-emendi?
Jekk immorru lura għall-ewwel emenda nikkalkolaw li madwar 2,500 pensjonant se jgawdu minn din l-emenda. Hemm xi numru żgħir ta' pensjonanti li mhux se jgawdu żieda għax dawn il-pensjonijiet ħaduhom riċentement mill-gvern Ingliż. It-tieni emenda tirrigwarda lil dawk li kienu kkommutaw il-pensjoni kollha - nikkalkolaw li hemm xi 90 - u b'hekk il-wegħda elettorali qed tiġi mwettqa kompletament. It-tielet emenda tirrigwarda l-każ fejn il-pensjoni tas-servizz tkun anqas minn Lm200 fis-sena. F'din il-kategorija nikkalkolaw li hemm xi 1,300 pensjonant tas-servizzi Ingliżi. Ma dawn hemm numru ieħor ta' xi 40 pensjonant tal-gvern Malti li huma kważi r-romol ta' dawk li kellhom il-pensjoni.
Madam Speaker, biex nagħlaq irrid infakkar li dan hu biss l-ewwel pass li qed jieħu Gvern Laburista ġdid biex jibda jitwettaq b'mod konkret u bis-serjeta' programm ta' tibdil sħiħ fil-qasam tal-ħarsien soċjali. B'dawn l-emendi waħedhom hu stmat li se nżidu n-nefqa kurrenti b'madwar Lm1.5 miljun fis-sena. Altru li aħna ma nagħmlux irtokki. Meta nagħmlu tibdiliet nagħmlu tibdiliet li minnhom igawdi l-poplu Malti u Għawdxi kollu. Grazzi.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? l-Onor. Gonzi.
ONOR. LAWRENCE GONZI: Madam Speaker, forsi ta' min jibda dan id-diskors billi nenfasizza lapsus min-naħa tal-Ministru waqt li kien qiegħed jaqra d-diskors li ppreparawlu, jew li pprepara hu.
ONOR. EDWIN GRECH: Noġġezzjona. Trid tirtiraha din.
ONOR. LAWRENCE GONZI: X'nirtira? Li kont qed taqra d-diskors? (Interruzzjonijiet) Jiġifieri naqblu li kont qed taqra d-diskors. Waqt li l-Ministru kien qiegħed jaqra d-diskors, f'mument minnhom bi żball qal li dan kien eżerċizzju ta' "għaraq" - fil-fatt nimmaġina li ried jgħid "għaqal" - u naħseb li tassew dan id-diskors li smajna l-lejla kien eżerċizzju ta' għaraq, eżerċizzju ta' sforz li ma nħossx li kien ... (Interruzzjonijet) Madam Speaker, il-Ministru Grech qed jgħidli li jien qed naqra. Kieku kelli d-don li nkun naf minn qabel l-iżbalji li kien se jagħmel il-Ministru waqt li kien qed jaqra id-diskors tiegħu ngħidlu veru li qed naqra, pero' ma jistax ikun li għandi dan id-don u allura naċċertah li miniex qiegħed naqra imma qiegħed sempliċement inħares lejn in-noti li jien għamilt waqt li hu kien qiegħed jaqra.
Pero' rrid ngħid li kien diskors li ma jidhirlix li kien jagħmel ġustizzja kemm ma' l-istorja ta' dak li għandu x'jaqsam mal-qasam tas-servizzi soċjali f'pajjiżna, speċjalment matul dawn l-aħħar għaxar snin meta kien hawn amministrazzjoni Nazzjonalista, u agħar minn hekk, lanqas kien ġust mal-qasam proprju li qed nitkellmu fuqu. Il-qasam tas-servizzi soċjali, fl-opinjoni tiegħi, għandu dejjem ikun qasam fejn ikun min ikun fil-gvern għandu jikkompeti ma' dak li ġie rreġistrat fil-passat biex dejjem jipprova jtejjeb il-qagħda tas-setturi kollha li għandna fis-soċjeta' tagħna, b'mod partikolari u b'attenzjoni iktar bir-reqqa u iktar viċina lil dawk l-individwi li l-aktar li għandhom bżonn spalla fuq min iserrħu. Naħseb ikun tajjeb jekk ilkoll kemm aħna nagħmlu sforz biex f'dan il-qasam tas- servizzi soċjali infittxu dejjem kif naħa tagħmel aħjar minn oħra u tirranġa l-affarijiet biex min verament għandu bżonn f'dan il-pajjiż ikun jista' jsib l-għajnuna u l-appoġġ li għandu bżonn biex ikun jista' jgħix kwalita' ta' ħajja aħjar. Il-Ministru ntroduċa liġi li aħna m'aħniex kontra tagħha anzi naqblu mal-miżuri li qegħdin jiġu proposti.
F'dan il-Parlament fil-passat kienet daħlet id-drawwa li sempliċement għaliex liġi jkollha d-definizzjoni ta' dak li aħna nsejħulu money bill, jiġifieri liġi li qed iżżid il-piż fuq il-finanzi tal-gvern, liġi li jkollha bżonn ir-rakkmandazzjoni u l-messaġġ tal-President u għax għandha bżonn il-messaġġ tal-President u għaliex hija money bill f'ċertu sens tfisser jew ġiet interpretata b'mod żbaljat li tfisser bħala xi fiduċja jew sfiduċja fil-gvern, l-Oppożizzjoni Laburista matul l-aħħar żewġ leġislaturi li għaddew kienet tivvota kontra. Aħna indipendentement minn din id-drawwa li ddaħħlet f'dan il-Parlament jidhrilna li miżura bħal din hija miżura li aħna favur tagħha u m'għandna xejn kontra dak li qed jiġi propost. Għandna ħafna xi ngħidu, għandna ħafna x'nikkummentaw, pero' m'aħniex kontra dak li qed jiġi propost f'din il-liġi u m'hemmx għalfejn kontroversja u m'hemmx għalfejn nippernjaw id-diskors kollu bil-mod kif irnexxielu jdawwru l-Ministru fuq dan l-abbozz ta' liġi li għandna quddiemna. Madam Speaker, qabel ma nidħol f'ċerti aspetti u punti li semma l-Ministru nixtieq nagħmel riferenza malajr malajr għas-sustanza ta' dan l-abbozz ta' liġi, liema abbozz ta' liġi fl-aħħar mill-aħħar jimplimenta dak li diġa' ġie diskuss f'dan il-Parlament meta kellu quddiemu l-budget u l-vot għall-ministeru tal-ħarsien soċjali.
Wieħed jista' jiddeskrivi dan l-abbozz ta' liġi billi jgħid li dan jolqot żewġ kategoriji ta' emendi fit-total ta' seba' jew tmien klawsoli li għandu; l-ewwel parti ta' l-emendi tolqot il-pensjoni tas-sigurta' soċjali u dak li jitnaqqas minnha, jiġifieri dik li għandha x'taqsam mal-pensjoni tas-servizz - issa jekk dan japplikax għall-pensjoni tas-servizzi Ingliżi jew għall-pensjoni tas-servizz in ġenerali huwa argument li wieħed irid jiddiskutih - u t-tieni parti ta' l-emendi tolqot iż-żidiet - dawn jammontaw għal ċenteżmi - li jingħataw fuq id-diversi servizzi, li huma msemmija fl-iskeda ta' dan l-abbozz ta' liġi, b'riżultat tal-proporzjon taż-żieda fl-għoli tal-ħajja li l-Gvern Laburista ta fil-budget li għadda. Meta tpoġġi ż-żewġ kategoriji ta' emendi f'dan l-abbozz ta' liġi fuq miżien u tara d-differenza bejn x'qed jiġi propost għal dak li għandu x'jaqsam mal-pensjoni, inkluż il-pensjoni tas-servizz, u ż-żidiet l-oħra li qed jingħataw għal servizzi soċjali oħra forsi ssib li l-iktar waħda ta' importanza hija dik tal-pensjoni tas-servizz. Fil-fatt, kif qal il-Ministru, dan l-abbozz ta' liġi jipproponi tliet bidliet li jekk tagħsarhom flimkien issib li fil-qosor huma dawn li se nsemmi.
Madam Speaker, l-ewwel bidla li qed tiġi proposta hija li f'dawk il-każijiet fejn individwu jkun ikkommuta l-pensjoni tas-servizz - hawnhekk m'iniex nirriferi għall-pensjoni tas-servizzi Ingliżi biss imma għal kwalunkwe pensjoni tas-servizz - minn Ottubru li ġej 'il quddiem din m'hijiex se tibqa' tiġi kkalkolata meta jkollok pensjoni tas-sigurta' soċjali taż-żewġ terzi u jkollok tagħmel reviżjoni tagħha jew inkella tiġi ntitolat għall-pensjoni taż-żewġ terzi, jiġifieri l-pensjoni tas-servizz kkommutata kollha kemm hi m'hijiex se tiġi kkalkolata iżjed. Issa hawn irrid ngħid li fil-passat diġa' kien sar pass mill-Gvern Nazzjonalista biex tiġi rranġata din l-anomalija pero' fuq dan se niġi iktar tard.
It-tieni bidla li qed jipproponi dan l-abbozz ta' liġi għal dik li hi pensjoni taż-żewġ terzi hija li mhijiex se tibqa' tiġi kkalkolata l-pensjoni tas-servizz li tammonta għal taħt il-Lm200 biex tiġi ddeterminata l-pensjoni taż-żewġ terzi.
It-tielet bidla tittratta dwar dawk iż-żidiet fl-għoli tal-ħajja li setgħu ngħataw fil-passat fuq il-pensjoni tas-servizz mill-mument li l-individwu jkun ġie intitolat għal dik il-pensjoni sa l-1 ta' Jannar, 1995. Għax fl-aħħar budget li għamel il-Gvern Nazzjonalista, jiġifieri dak ta' l-1995 għas-sena 1996, flimkien ma' miżuri oħra li kienu ttieħdu fis-snin ta' qabel, dan kien għamel l-ewwel pass biex iż-żidiet kollha li ngħataw minn Jannar ta' l-1995 'il quddiem għall-għoli tal-ħajja ma jiġux ikkonsidrati meta tiġi kkalkolata l-pensjoni taż-żewġ terzi. Il-Ministru qal li permezz ta' dawn it-tliet emendi li qed jipproponi dan l-abbozz ta' liġi se jgawdu 2,500 ruħ mill-ewwel emenda, 90 minn dawk li kkommutaw il-pensjoni kollha kemm hi u madwar 1,300 ruħ li jirċievu pensjoni tas-servizz li tammonta għal taħt il-Lm200. Madam Speaker, apparti t-teknikalitajiet u d-dettalji ta' dan l-abbozz ta' liġi, hawnhekk wieħed irid jistaqsi x'inhi l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista fid-dawl ta' dan l-abbozz ta' liġi.
Kif għidt diġa', il-Partit Nazzjonalista m'huwiex kontra u ma jista' qatt ikun kontra kull miżura li ttejjeb is-servizzi soċjali f'pajjiżna, tkun xi tkun. Ma jistax ikun li l-Partit Nazzjonalista qatt ikun kontra miżuri bħal dawn u dan jixhdu r-rekord li għamel il-Partit Nazzjonalista fil-qasam tas-servizzi soċjali tul is-snin kollha li huwa għamel jamministra dan il-pajjiż. Fil-fatt nistgħu mmorru iktar 'il bogħod minn hekk għax il-Partit Nazzjonalista mhux talli ma jista' qatt ikun kontra t-titjib fil-miżuri li jittieħdu għall-qasam tas-servizzi soċjali, imma talli dan minn dejjem kellu filosofija ċara li tiddistingwih u tisseparah mill-filosofija adottata mill-Partit Laburista għall-qasam tas-servizzi soċjali għax il-Partit Nazzjonalista jħaddem filosofija li permezz tagħha s-servizzi soċjali nistgħu nsejħulhom bħala "personalizzati". Fil-fatt forsi waħda mill-ikbar bidliet li saru tul l-għaxar snin ta' amministrazzjoni Nazzjonalista bejn l-1987 u l-1996 kienet proprju dik li bdiet it-triq - irrid ngħid li din it-triq hija kkopjata wkoll minn esperjenzi tajbin ħafna li seħħew f'pajjiżi oħra - li twassal biex is-servizzi soċjali ta' pajjiżna jkunu personalizzati, jiġifieri kemm jista' jkun ikunu ddisinjati b'tali mod li jaqdu l-bżonnijiet individwali ta' kull individwu fiċ-ċirkostanzi partikolari tiegħu. Madam Speaker, dan li qed ngħid iwassalni għall-qasma l-kbira li teżisti bejn iż-żewġ partiti.
Fil-fatt hawn ta' min jgħid li fl-ewwel ftit ġimgħat ta' amministrazzjoni Laburista jien kont ħsibt li ż-żewġ partiti kienu fuq l-istess wavelength, pero' iktar ma qed jgħaddi żmien iktar qed nirrealizza li jew kien hemm xi U-turn ieħor fil-Partit Laburista jew inkella jien kont qed nifhem ħażin. Ħalli nispjega għaliex qed ngħid dan. Il-Partit Nazzjonalista ilu ħafna jgħid li hemm bżonn li pajjiżna jagħmel pass importanti biex ikollna servizzi soċjali personalizzati, jiġifieri biex mill-welfare state immorru għall-welfare society. Fil-fatt jien għamilt żmien naħseb li l-Partit Laburista kien resaq ukoll għal din id-direzzjoni u li kien qed jaqbel li pajjiżna jitlaq is-sistema ta' welfare state u jmur għas-sistema ta' welfare society. Issa biex niftiehmu aħjar ħalli nispjega x'inhi d-differenza bejn welfare state u welfare society.
Madam Speaker, għalkemm wieħed jista' jagħmel teżi sħiħa fuq dawn l-affarijiet, id-differenza bażika hija li fil-welfare state għandek wirt ta' politika li madwarha jduru l-poter u s-saħħa tal-gvern, jiġifieri jkollok gvern paternalista li jieħu ħsiebek mill-mument li titwieled sal-mument li tmut. F'welfare state kollox ikun jiddependi fuq il-gvern u għalhekk dan jiġbor it-taxxi mingħand kulħadd biex ikollu biżżejjed flus f'butu ħalli mbagħad ikun jista' jqassam kif jidhirlu hu lil dawk li jaħseb li huma l-iktar fil-bżonn. Mela fi kliem ieħor il-welfare state huwa konċett li minnu nnifsu r-responsabbilta' soċjali prattikament tintrefa' biss mill-gvern. Issa hawn irridu ngħidu li matul l-amministrazzjoni Nazzjonalista, flimkien ma' pajjiżi oħra, Malta bdiet il-mixja biex din is-sitwazzjoni tinbidel għax ħasset li kien wasal iż-żmien li s-soċjeta' tagħna kollha kemm hi, b'sens ta' solidarjeta' ma' xulxin, tifhem li kulħadd għandu piż u kontribut x'jagħti u li s-solidarjeta' soċjali ta' bejnietna qatt ma tista' tkun mitfugħa kompletament fuq spallejn il-gvern imma għandha tkun mifruxa fuq kull wieħed u waħda minna li ngħixu f'din il-komunita'. GĦalhekk fil-pajjiż bdiet it-triq biex kemm jista' jkun il-gvern jaħdem id f'id ma' għaqdiet volontarji, jgħinhom fil-qasam tas-servizzi u fil-qasam ta' inizjattivi soċjali, jinkoraġġihom u jidħol fi sħab magħhom fil-proġetti li jkunu qed jagħmlu, ħalli bil-mod il-mod tinfirex dejjem iżjed l-idea li s-soċjeta' kollha kemm hi hija responsabbli għall-qasam soċjali li għandna fil-pajjiż.
Jien fhimt li matul is-snin, speċjalment f'dawn l-aħħar sentejn jew tlieta, anke meta l-Partit Laburista kien fl-Oppożizzjoni kien qed jaqbel ma' din il-linja. Fil-fatt meta tagħsar id-diversi diskorsi li saru min-naħa tal-kelliema tal-Partit Laburista ssib li dawn juru li anke huma għamlu din il-qabża, jiġifieri li qed jaqblu li dan m'huwiex xi piż tal-gvern jew ta' l-Istat biss imma huwa piż li għandu jintrefa' minn kull wieħed u waħda minna li nagħmlu parti mis-soċjeta'. Kull wieħed u waħda minna għandna nkunu konxji mid-dover li għandna lejn dawk li l-iktar huma fil-bżonn fis-soċjeta' u l-gvern għandu jkun il-mutur li jimmotiva lil kulħadd b'sistema ta' kordinazzjoni u ta' sħubija ħalli dan kollu jkun jista' jkompli jiżviluppa. Pero' jien l-ewwel xokk li ħadt kien meta xi erba' xhur ilu f'forum li sar waqt fiera li ġiet organizzata għal għaqdiet volontarji - fil-fatt din il-fiera ġabret diversi għaqdiet volontarji li huma mpenjati fil-qasam soċjali - ġewwa l-grounds tat-trade fair fin-Naxxar, fejn kien hemm preżenti kemm il-Prim Ministru kif ukoll il-Kap ta' l-Oppożizzjoni, il-Prim Ministru waqt l-intervent tiegħu għamel dikjarazzjoni kategorika li jien kont ili ma nismagħha numru ta' snin. Madam Speaker, id-dikjarazzjoni kategorika li għamel il-Prim Ministru kienet li hu ma jaqbel xejn mal-konċett ta' welfare society imma jemmen li għandna nimxu fid-direzzjoni ta' welfare state.
Ngħid is-sew meta smajt dan il-kliem jien għidt: Imma qed nisma' sew? Jiġifieri issa anke fil-qasam soċjali se ndawru l-arloġġ lura meta l-pajjiżi kollha qed iħarsu lejn dan il-qasam bħala dak prinċipali għall-ħidma politika għax idur kollox madwaru? Il-verita' sagrosanta hi li meta gvern jirnexxielu jiġġenera l-ġid fil-pajjiż wieħed ma jeħux pjaċir għax kulħadd ikun jista' jixtri yacht imma għax il-gvern ikun jista' jkompli jqassam il-ġid lil kull min għandu l-iktar bżonn. GĦalhekk hawn wieħed bilfors jgħid: Imma meta kulħadd huwa miexi fid-direzzjoni li jkollu soċjeta' li tagħraf dejjem iżjed il-piżijiet u r-responsabbilta' li għandha li tagħti kontribut ...? Is-soċjeta' ma għandhiex tagħti kontribut biss billi tħallas it-taxxa - għax mhux imbilli noqogħdu ngħidu li għandna nwaqqfu kummissjonijiet għall-moralita' fiskali - u tagħti lil Ċesri dak li hu ta' Ċesri imma għandha tmur iktar 'il bogħod minn hekk. Aħna rridu naslu f'sitwazzjoni fejn is-soċjeta' stess tħoss li għandha tagħti kontribut kemm mill-aspett volontarju kif ukoll minn kwalunkwe aspett ieħor sabiex il-qasam soċjali ta' pajjiżna jkun jista' jkompli jikber dejjem iktar u mhux tfarfar minn fuq spallejha billi tgħid li ġaladarba qed tħallas it-taxxi għandha tħalli f'idejn il-gvern biex jieħu ħsieb lil dawk li huma fil-bżonn.
Madam Speaker, kien il-konċett tal-welfare society li ġab kambjamenti kbar anke f'pajjiżna, fosthom rikonoxximent ikbar tad-dmirijiet tagħna bħala soċjeta' lejn, per eżempju, il-persuni b'diżabilita' jew lejn dawk li jgħaddu minn problemi ta' saħħa mentali u l-bżonn li kull wieħed minna jneħħi l-istigma u l-fissazzjonijiet li ħafna drabi aħna jkollna f'rasna għax ma nifhmux li bniedem jista' jgħaddi minn problema u jista' jirkupra minnha. GĦalhekk huwa d-dmir tagħna bħala soċjeta' li naċċettaw lil kulħadd l-istess għax kulħadd għandu dritt jifforma parti mis-soċjeta' tagħna. Iktar minn hekk aħna għandna ndaħħlu servizzi ġodda li jiġu ntegrati fil-komunita' biex dawn ikunu jistgħu jifformaw parti dejjem ikbar mill-komunita' tagħna. Dan kollu kien frott tal-welfare society u bilfors li jkun hekk. (Interruzzjonijiet) Il-Ministru qed jistaqsini fejn huma. Jien lill-Ministru nistaqsih: Fejn kont, Ministru? GĦax jien kultant ngħid li f'dan il-pajjiż qisna qed ngħixu f'żewġ pajjiżi differenti.
Madam Speaker, jien inħoss li kultant meta l-Gvern jagħmel ċerti dikjarazzjonijiet qed isib ruħu f'kontradizzjoni kbira għax filwaqt li dan stess jgħid li huwa kontra l-welfare society u favur il-welfare state, imbagħad f'ħafna okkażjonijiet tisimgħu jgħid li huwa favur is-servizzi fil-komunita' u l-għaqdiet volontarji u li huwa lest jidħol fi sħab magħhom u jinkoraġġihom jagħtu s-sehem tagħhom. Imma aħna x'qed ngħidu? GĦax jien kultant ma nkunx nista' nifhem ċerti affarijiet. (Interruzzjonijiet) Il-Ministru qed jgħidli li qed nilgħab bil-kliem. Donnu għal uħud preżenti f'din il-Kamra m'huwiex ċar f'moħħhom xi tfisser il-kelma "welfare state", bħalma m'huwiex ċar f'moħħhom xi tfisser il-kelma "welfare society", imma jien dawn diġa' spjegajthom u għalhekk issa min irid jifhem jifhem u min ma jridx jifhem ma jifhimx. Il-verita' hi li pajjiżna fil-qasam tal-politika soċjali qabad triq li għandna nkunu kburin biha. Onor. Ministru, aħna m' għandniex noqogħdu nfittxu kif se nagħmlu l-kritika għax il-politika timponi hekk imma għandna nkunu kburin bl-avvanzi li għamilna f'dan il-qasam, kemm bl-avvanzi li seħħew qabel ma kien hawn Gvern Nazzjonalista, jiġifieri anke fi żmien Gvern Laburista ... Iva, dawn kienu avvanzi pożittivi wkoll, pero' fl-opinjoni tiegħi daqstant ieħor jekk mhux ħafna iżjed kienu pożittivi l-avvanzi li saru kull meta kien hemm Gvern Nazzjonalista jamministra lil dan il-pajjiż.
Madam Speaker, fil-fatt jien ninkwieta, anke għas-serjeta' ta' dan il-Parlament, li meta l-Ministru kien qed jipprova jagħti l-isfond storiku li wassal għal dan l-abbozz ta' liġi għoġbu jsemmi - għax jien ħadt in-noti ta' dak li kien qed jaqra - x'sar fl-1949 - dan huwa tajjeb u jien m'iniex qed nikkritikah - x'sar fl-1956, fl-1974, fl-1975 u fl-1979 u sejjaħ dan kollu "ħaġar taż-żonqor". Imma mbagħad għall-Onor. Grech donnu li l-istorja tieqaf hemm! (Interruzzjonijiet)