Malta debates tal-kamra tad-deputati



Yüklə 323,07 Kb.
səhifə3/5
tarix15.01.2019
ölçüsü323,07 Kb.
#96754
1   2   3   4   5

ONOR. MEMBRU: Fis-snin ta' in between ħadd m'għamel xejn!
ONOR. MEMBRU: Jew jaqbillu jinsa!
ONOR. LAWRENCE GONZI: Jista' jkun li l-Ministru qabeż faċċata jew kien hemm xi paġna li ma nqratx! Onor. Ministru, jien naħseb li kien hemm xi paġna jew tnejn jew inkella anke tlieta li ma nqrawx fid-diskors tiegħek għax din hija stramba. Intant waqaft fl-1979, Onor. Ministru? Ħalli ngħidlek għaliex.
Madam Speaker, l-1979 hija dik il-famuża sena li ħolqot dan it-trouble kollu għax kieku aħna m'aħniex qegħdin hawn. F'din is-sena twaqqfet liġi b'konfużjoni totali fejn b'xi mod jew ieħor iddaħħallek il-pensjoni tas-servizzi Ingliża u mhux Ingliża ... Fil-fatt din il-liġi hija waħda mill-iktar liġijiet kkomplikati li jeżistu fid-dinja u ftit huma dawk in-nies li jifhmu kif taħdem din il-liġi. Ħafna minn dan kollu huwa tort ta' dak li ġara fil-famuża sena li l-Ministru sejħilha "ħaġra taż-żonqor".
ONOR. LOUIS GALEA: Din kienet mażżra taż-żonqor! (Interruzzjonijiet)
ONOR. LAWRENCE GONZI: Madam Speaker, forsi bħalma waqt li l-Ministru kien qed jaqra l-kelma "għaqal" qraha bħala "għaraq" jista' jkun li l-kelma "mażżra" qraha bħala "ħaġra" għax l-1978 tassew kienet mażżra u din kienet is-sors ta' dan id-diżgwid, ta' l-inġustizzji u ta' l-anomaliji kollha li mbagħad twieldu u bdew ifaqqsu. (Interruzzjonijiet)
MADAM SPEAKER: Jekk jogħġobkom, tinterrompux.
ONOR. LAWRENCE GONZI: Onor. Ministru, jien ħallejtek taqra d-diskors tiegħek u allura issa nitolbok tħallini nagħmel id-diskors tiegħi. Ippermettili ftit! (Interruzzjonijiet)
MADAM SPEAKER: M'hemmx interruzzjonijiet, jekk jogħġobkom.
ONOR. LAWRENCE GONZI: L-1978 kienet is-sena li ħolqot dan kollu. F'dan il-battibekk, li ma ġara xejn billi jsir bejnietna, il-Ministru staqsa għaliex ma rranġajnihiex. Aħna ma rranġajnihiex għax fl-1978 kien hemm Gvern Laburista, fl-1979 kien hemm Gvern Laburista, fl-1980 kien hemm Gvern Laburista, fl-1981, fl-1982, fl-1983, fl-1984, fl-1985 u fl-1986 kien hemm Gvern Laburista u kien fl-1987 li kien hemm Gvern Nazzjonalista. (Interruzzjonijiet) Onor. Ministru, fl-1987 kien wasal iż-żmien li jkun hemm Gvern Nazzjonalista li jgħid li jrid jara kif jista' jibda jnaqqar il-mażżra li wiret mingħand il-Gvern Laburista biċċa biċċa. Biex inkunu ġusti ma' l-istorja, naħseb li ta' min wieħed jara x'għamel Gvern Nazzjonalista biex inaqqar din il-mażżra u sadanittant jagħmel passi kbar ta' ġgant 'il quddiem fl-oqsma l-oħra li għandhom x'jaqsmu mas-servizzi soċjali ta' pajjiżna.
Madam Speaker, għalhekk hawn qed ngħidu li fl-1978 twieldet din il-problema taħt il-Gvern Laburista. Aħna m'għandniex għalfejn nidħlu wisq fid-dettall tar-riżultat ta' dak li sar fl-1978 għax dak iż-żmien b'daqqa ta' pinna l-Gvern Laburista kien qal li hu ma jimpurtahx mill-kontribuzzjonijiet li ħallas il-poplu għas-servizzi, mill-iskemi u mill-affarijiet li l-poplu għandu fil-postijiet tax-xogħol. Dak il-Gvern kien qal li minn dakinhar 'il quddiem dawn ma jeżistux u l-massimu li jistgħu jieħdu hija pensjoni ta' żewġ terzi. Dan kien il-bidu ta' l-isfond storiku li rrid nibda bih u li kumbinazzjoni l-Ministru spiċċa bih għax waqaf hemm. Imbagħad, kif għidt diġa', mill-1978 il-Ministru qabeż għal-liġi li għandna quddiemna llum u ħalla dan il-vojt kbir li assolutament ma nafx fejn intilef.
Madam Speaker, grazzi għall-miżuri li ttieħdu fis-snin l-imgħoddija minn Gvern Nazzjonalista mill-1987 'l hawn, illum ir-riżultat hu li f'dan il-pajjiż pressappoco għandna xi 10,500 ruħ li għadhom affettwati ħażin bil-miżura li kien ħa l-Gvern Laburista fl-1978. Fil-fatt hawn ta' min jgħid li 3,000 minnhom huma ex-servicemen tal-forzi Ingliżi u għandek 7,500 ruħ oħra li jirċievu xi forma ta' pensjoni minn servizzi li m'humiex tal-British services. Kif għidt diġa' malli fl-1987 il-Gvern Nazzjonalista sab din il-problema ħadha fuq spallejh biex jipprova jibda jnaqqarha biċċa biċċa.
Onor. Ministru, apparti l-pensjonanti li jirċievu l-pensjoni tas-servizz u dawn il-komplikazzjonijiet kollha aħna dejjem ngħidu li l-aqwa servizz soċjali għall-pajjiż hu x-xogħol. Minn hemm jibda r-radd tas-salib, minn hemm tibda t-triq ta' kull gvern u minn hemm tibda r-riga li biha wieħed ikejjel kemm il-gvern qiegħed tassew jikkrea l-ġid għal dan il-pajjiż. Jien naħseb li meta wieħed isemmi n-numru ta' postijiet tax-xogħol li nħolqu matul l-amministrazzjoni Nazzjonalista tul l-1987 sa l-1996 ma jkunx qed iġib argument politiku għax dan huwa fatt li jista' jarah kulħadd. GĦalhekk meta wieħed isemmi dan il-fatt ma jkunx qed jiftaħar imma jkun qed isemmi rekord li mhux biss huwa l-għira tal-Gvern Laburista Malti imma anke ta' gvernijiet barranin. Qed ngħid dan għax meta l-gvernijiet barranin kienu jsiru jafu li r-rata tal-qgħad f'pajjiżna kienet konsistentement dik ta' 3.5% kienu jistaqsuna kif qed jirnexxielna nagħmlu ħaġa bħal din. GĦalhekk hawn wieħed bilfors ikollu jirrealizza li l-Gvern Nazzjonalista pprovda l-aqwa servizz soċjali li pajjiż jista' jkollu. Meta jinħoloq ix-xogħol awtomatikament fil-pajjiż ikun qed jinħoloq iktar ġid u waqt li tkun qed iddur din ir-rota sħiħa l-gvern ikun qed iżid id-dħul tiegħu biex imbagħad ikun jista' jqassam il-beni, partikolarment lil dawk li l-iktar għandhom bżonn.
Pero' iktar minn hekk ta' min jgħid li l-ispiża totali li ddedika l-Gvern Nazzjonalista għall-qasam tas-servizzi soċjali rdoppjat. M'hijiex ċajta li tirdoppja dawn il-miljuni ta' liri f'perijodu daqshekk qasir, iktar u iktar meta mbagħad magħhom iżżid il-kwantita' ta' servizzi oħra li għalkemm m'humiex relatati direttament mas-servizzi soċjali huma servizzi ta' support, ta' kura u ta' ambjent aħjar fl-isptarijiet u fid-djar ta' l-anzjani tagħna. Meta tqis dan kollu tibda tinduna li jekk kien hawn gvern li ħaqqu prosit għal dak li għamel fil-qasam soċjali ta' pajjiżna dan kien proprju l-Gvern Nazzjonalista. Hawn ikun tajjeb jekk insemmi wkoll il-fatt li minkejja li taħt Gvern Nazzjonalista l-ħajja għoliet b'rata medja ta' 2% fis-sena s-servizzi soċjali żdiedu b'rata medja ta' 15%, jiġifieri fl-aħħar mill-aħħar is-settur soċjali ta' pajjiżna gawda minn rata netta ta' 13%. Din m'hijiex żieda taċ-ċajt u ma għandha x'taqsam xejn maż-żieda ta' ftit ċenteżmi li qed tingħata fil-benefiċċji soċjali li għandna koperti b'din il-liġi. Madam Speaker, il-livell ta' l-għajxien tal-pensjonanti kollha Maltin u GĦawdxin matul id-disa' snin ta' amministrazzjoni Nazzjonalista tjieb minn sena għall-oħra u dan joħroġ mill-figuri stess. Per eżempju, bejn l-1987 u l-1994 id-dħul ta' koppja pensjonanta żdied b'19%.
Issa hawn ta' min jgħid ukoll li matul id-disa' snin ta' Gvern Nazzjonalista tneħħew diversi anomaliji li kienu jaffettwaw lir-romol direttament. Per eżempju sa l-1986, jiġifieri sa meta konna taħt Gvern Laburista, lili dejjem kien jinkwetani l-fatt li jekk armla jkollha tlett itfal u wieħed minnhom ikompli bl-istudji tiegħu, u għalhekk ikun qed jirċievi l-istipendju, Alla jbierek l-istipendju li kien jirċievi dan it-tifel kien jitnaqqas mill-għajnuna soċjali li kienet tirċievi dik l-armla. Pero' l-Gvern Nazzjonalista ma damx wisq biex neħħa din l-anomalija, anzi hawn ta' min jgħid li filwaqt li fl-1986 armla bi tlett itfal kienet tirċievi kważi Lm19 fil-ġimgħa bħala għajnuna soċjali, sa l-1994 din l-għajnuna telgħet għal Lm52 fil-ġimgħa. Din hija qabża inkredibbli u fantastika li żgur għenet ħafna lir-romol li għandna fis-soċjeta' tagħna. Wieħed irid jifhem li r-romol għandhom bżonn l-għajnuna għax ikunu jridu jrabbu lil uliedhom u jkampaw mal-piżijiet kollha li jsibu ma' wiċċhom. GĦalhekk il-Gvern Nazzjonalista ddedika l-massimu li seta' biex il-kwalita' tal-ħajja ta' dan is-settur fis-soċjeta' tagħna tkun dejjem aħjar.
Madam Speaker, hawn ta' min jgħid ukoll li minn Lm14.50 il-pensjoni minima nazzjonali għal persuna weħidha żdiedet għal Lm32.50 fil-ġimgħa, jiġifieri kien hemm żieda ta' 124%. Mill-banda l-oħra koppja miżżewġa pensjonanta minn Lm22.80 żdiedet għal Lm32.27 fil-ġimgħa, jiġifieri kellha żieda ta' 63% u l-pensjoni ta' l-irtirar żdiedet bi 80%. Fil-fatt hemm diversi miżuri oħra li jien m'iniex se noqgħod nidħol fid-dettall fihom anzi se naqbiżhom, pero' se naqbiżhom għax irrid jien u għax tajt indikazzjoni ta' xi wħud mill-miżuri importanti li għamel il-Gvern Nazzjonalista u li l-Onor. Ministru għal xi raġuni jew oħra deherlu li lanqas biss kellu jgħid kelma ta' rikonoxximent għal dan il-fatt storiku. (Interruzzjonijiet) Madam Speaker, issa ħalli ngħaddu għall-pensjoni taż-żewġ terzi u dik tas-servizz.

L-ewwelnett x'kienu l-miżuri li ħa l-Partit Nazzjonalista tul id-disa' snin li amministra dan il-pajjiż?


Madam Speaker, Gvern Nazzjonalista beda mill-ewwel billi neħħa l-provvedimenti kollha li bihom fejn hemm pensjoni tas-servizz kienet titnaqqas il-pensjoni ta' l-invalidita'. Onor. Ministru, sa l-1986 mill-pensjoni kienet titnaqqas ukoll il-pensjoni għall-invalidita' u din kienet waħda mill-ewwel miżuri li kien ħa l-Partit Nazzjonalista ftit wara li tela' fil-gvern. Il-Gvern Nazzjonalista biddel ukoll il-liġi sabiex jiżgura li l-pensjoni ta' l-irtirar mhux talli ma tkomplix titnaqqar imma talli jibda jirċeviha kull min b'xi mod jew ieħor kellu kwalunkwe pensjoni oħra, anke pensjoni tas-servizz, jiġifieri l-pensjoni ta' l-irtirar bdew jirċevuha wkoll persuni li kienu jieħdu wkoll il-pensjoni tas-servizz. Il-Gvern Nazzjonalista neħħa wkoll il-provvediment li bih iktar minn pensjoni tas-servizz waħda kienet titnaqqas mill-pensjoni tas-sigurta' soċjali.
Gvern Nazzjonalista wettaq ukoll il-wegħda - Onor. Ministru, jien naħseb li dan għandek tivverifikah u meta tiġi biex tagħmel il-winding up tikkoreġi d-dikjarazzjoni żbaljata li saret waqt id-diskors tiegħek - li kien għamel taż-żewġ terzi bħala l-minimum tal-pensjoni. Onor. Ministru, din il-wegħda twettqet 100% u mhux biċċa biċċa. Filwaqt li taħt Gvern Laburista l-massimu tal-pensjoni li wieħed seta' jieħu kienet tammonta għal żewġ terzi tal-paga, taħt Gvern Nazzjonalista dawk iż-żewġ terzi, b'wegħda li kienet saret mill-istess gvern, saru l-inqas li tista' tieħu. Meta jiġi biex jagħmel il-winding-up tat-Tieni Qari jien nixtieq li l-Ministru jivverifika ma' l-esperti li huwa għandu jekk dan li qed ngħid jien huwiex korrett għax li qed ngħid jikkontradixxi kompletament l-istatement tiegħu, jiġifieri jew huwa żbaljat hu jew żbaljat jien. Jien f'dan il-Parlament insostni li l-wegħda tal-Partit Nazzjonalista li ż-żewġ terzi jsiru l-minimum seħħet 100%. B'riżultat ta' dan filwaqt li fl-1987 il-pensjonanti li jirċievu l-pensjoni tas-servizzi minbarra l-pensjoni tas-sigurta' kienet ta' Lm16.25, fl-1995 din żdiedet għal Lm32.85 fil-ġimgħa. Issa wara li rajna parti mix-xenarju storiku tal-pensjonijiet li għandna f'dan il-pajjiż ikun tajjeb jekk nagħtu ħarsa lejn dak li kien jgħid il-Partit Laburista meta kien fl-oppożizzjoni, partikolarment fl-aħħar xhur ta' qabel l-elezzjoni.
Madam Speaker, wieħed mid-dokumenti li ħareġ il-Partit Laburista meta kien fl-oppożizzjoni dwar il-pożizzjoni tiegħu jġib l-isem "GĦal Titjib fil-Ħarsien Soċjali". Jien naħseb li dan kien xi policy document li ġie ppreparat qabel ma kien ippubblikat id-dokument tal-programm elettorali tal-Partit Laburista "Iċ-Ċittadin l-Ewwel - Viżjoni għal Malta Moderna". Fid-dokument imsejjaħ "GĦal Titjib fil-Ħarsien Soċjali" - hawnhekk se nikkwota - jintqal hekk:
"Il-Partit Laburista jemmen li jeħtieġ li s-sistemi tas-sigurta' soċjali li nbnew b'tant sagrifiċċju u kuraġġ fis-snin l-imgħoddija jerġgħu jitmexxew f'rabta sħiħa u onesta mal-linja ekonomika u soċjali tal-pajjiż"."
Imbagħad dan ikompli jgħid li:
"Allura għandu jkun hemm rabta ma' politika li trażżan iż-żieda mhux ġustifikata fil-prezzijiet biex b'hekk il-valur tal-benefiċċji soċjali ma jitnaqqrux minħabba l-għoli tal-ħajja.".
Dak li ntqal f'dan id-dokument insibu eku tiegħu fid-dokument tal-programm elettorali tal-Partit Laburista "Iċ-Ċittadin l-Ewwel - Viżjoni għal Malta Moderna" fejn, f'paġna 13, li ġġib l-isem ta' "Sigurta' u Solidarjeta Soċjali", fost ħwejjeġ oħra, jingħad hekk:
"Il-politika l-ġdida tal-Partit Laburista ttenni l-ħtieġa li tinżamm sħiħa r-rabta bejn il-politika soċjali u r-rażan ta' l-inflazzjoni, sabiex l-għoli tal-prezzijiet ma jitħalliex igerrem il-benefiċċji soċjali. Hekk ukoll, il-mira ewlenija tal-politika ekonomika għandha tkun dik li tassigura l-ogħla livell possibbli ta' impjiegi.".
Meta tagħsar dan kollu ssib li l-ħafna kliem li kien hemm miktub f'dawn id-dokumenti, fil-policy documents u fil-programm elettorali ta' eżerċizzji li jrażżnu l-għoli tal-ħajja - dan huwa bżonnjuż għax minnu jiddependi kemm ikun qawwi l-effett ta' l-għajnuna u tas-servizzi soċjali f'dan il-pajjiż - issa rridu npoġġuh fid-dawl ta' l-esperjenza li qed ngħixu fiha flimkien u li issa wasalna fid-disa' xahar tagħha. Issa li wasalna fl-għeluq tat-tqala bdejna naraw it-tarbija qed titwieled u sirna nafu jekk hux tifel jew tifla, jekk hux bjonda jew le u jekk għandhiex għajnejha ċelesti jew le. GĦalhekk issa wara disa' xhur magħluqin bdejna naraw il-frott u sa dalgħodu stess f'dan il-Parlament rajna x'isarraf dan il-wild ta' disa' xhur tqala. Jien m'iniex se nirriferi għad-dibattitu li sar dalgħodu għax dan għadu għaddej imma fih qed niddiskutu abbozz ta' liġi li qed jisraq wieħed mid-drittijiet li għandha l-Oppożizzjoni li huwa parti mill-wild wara li għaddew id-disa' xhur. Disa' xhur m'humiex disa' t'ijiem jew disa' ġimgħat! Disa' xhur m'humiex honeymoon! (Interruzzjonijiet) Onor. Ministru, disa' xhur huma kważi one sixth ta' leġislatura u għalhekk issa qed nibdew naraw ir-riżultati tal-ħidma tal-Gvern Laburista f'dan il-pajjiż. Kif jgħidu tajjeb id-dokumenti li għadni kif ikkwotajt minnhom, aħna rridu naraw kif l-inflazzjoni tista' tiġi mrażżna ħalli ma titħallhiex tgerrem il-benefiċċji soċjali.
Sur President, aħna x'għidna min-naħa tagħna? Aħna għidna lill-Gvern biex joqgħod attent għax kulma għamel s'issa, fosthom li neħħa l-liġi tal-VAT - li l-Ministru għoġbu jsemmi wkoll fid-diskors tiegħu - u li ntroduċa l-liġi dwar id-dazji u s-sisa - li safejn naf jien il-Ministru ma għoġbux isemmi fid-diskors tiegħu, għallinqas nispera li din ma qabżitlux! - b'riżultat ta' dan inħolqot inċertezza li mhux biss jista' jkollha effett negattiv fuq l-impjiegi imma wkoll fuq l-inflazzjoni u fuq iż-żieda tal-prezzijiet. Dan għidnieh biex nipprovaw niftħu għajnejn il-Gvern. Aħna għidnielu joqgħod attent għax diġa' żdied l-għoli tal-ħajja bil-miżuri li kien introduċa fil-budget. Għadu kemm ġie ppubblikat ir-rapport tal-Bank Ċentrali ta' l-ewwel tliet xhur ta' din is-sena. Dan jgħid li kien hemm żieda fl-għoli tal-ħajja u jgħid ukoll li parti mit-tort huma ż-żidiet fit-taxxi li ġew imposti mill-Gvern stess fil-budget li għadda. Dan qalulkom il-Bank Ċentrali. Mela l-Gvern stess fil-budget diġa' kkrea żieda fl-għoli tal-ħajja. Allura lill-Gvern aħna għidnielu: Oqgħod attent għaliex bis-sistema ta' dazji u sisa li qed tipproponi, l-effett se jkun żieda fl-għoli tal-ħajja. Issa agħmel int imma aħna ftaħnielek għajnejk. Pero' meta qed ngħidulu "agħmel int", sa ċertu punt, għax fl-aħħar mill-aħħar min qed jaqlagħha d-daqqa? Mhux il-Gvern, mhux il-ministri u mhux id-deputati li hawn bil-qiegħda faċċata tagħna imma d-daqqa jaqilgħuha l-pensjonanti, in-nies li jgħixu fuq l-għajnuna soċjali u n-nies li qed jitkeċċew mill-post tax-xogħol tagħhom. Dawn mhux qed jitkeċċew għaliex m'humiex tajbin imma għax m'hemmx xogħol għalihom. Dawn huma n-nies li qed jaqilgħu d-daqqa. Mela l-ewwel nies li se jħossu l-effett immedjat ta' l-għoli tal-ħajja huma proprju dawn, l-iktar nies li għandhom bżonn l-appoġġ.
Id-dokument ippubblikat mill-Partit Laburista jgħid ukoll kemm hija importanti r-rabta tal-qasam tas-servizzi soċjali mal-mod kif inhi miexja l-ekonomija f'dan il-pajjiż. U qed jgħid sew fuq il-karta li l-mutur ekonomiku ta' dan il-pajjiż waħdu jkaxkar miegħu wkoll kull titjib li jista' jkun hawn fil-qasam tas-servizzi soċjali. Hekk hu, pero' kemm hu faċli li tikteb l-affarijiet fuq biċċa karta! Kemm hu faċli tgħid affarijiet sbieħ u tipprova tbigħ il-pakkett bil-marketing kollu tiegħek imbagħad meta tiġi għas-si u n-no dak il-pakkett tibda ttiegħem x'fih u ma fihx! Kemm hu faċli l-marketing pero' kemm hi diffiċli r-realta'! Għaliex x'inhi l-verita' sagrosanta, x'inhi s-sitwazzjoni llum fil-qasam ekonomiku f'dan il-pajjiż? Lanqas għandi bżonn nikkwota ċifri. Jien ngħid lill-Ministru u lill-ministri l-oħra kollha fuq in-naħa tal-Gvern biex imorru jduru l-ħwienet. Il-Gvern qalilna li qiegħed jikkonsulta, jagħmel diskussjonijiet u djalogi, pero' aħna wkoll qed immorru nduru l-ħwienet u nitkellmu mas-sidien tagħhom u kollha jgħidulna s-sitwazzjoni ekonomika li qed jiffaċċaw huma ta' kuljum - ta' kuljum, nerġa' ngħid - kemm min għandu biċċa bar, restaurant, ħanut tal-ħwejjeġ, ħanut taż-żraben, ħanut tan-nuċċalijiet u min għandu ħanut li jbigħ is-souvenirs f'Tas Sliema. Morru tkellmu magħhom u staqsuhom. Dan il-pajjiż ma nistgħux nittrattawh qisu xi tifel żgħir. Ara kemm qed issir kritika min-naħa tal-Partit Laburista lejn il-Partit Nazzjonalista fejn qed jgħidu li m'aħniex qed nikkomunikaw, m'aħniex qed nitkellmu u jaħsbu li qed ngħixu f'xi bozza, pero' jien wisq nibża' li huwa l-Partit Laburista li ntefa' f'bozza. Hu mingħalih li minn dik il-bozza qed jitfa' d-dawl u kulħadd qed jara u jgħammex għajnejh, imma mhux qed jinduna għax hu stess m'għandux il-polz veru ta' dak li għaddej, jew jekk għandu l-polz irid ikompli bl-ingann li qed isir mal-poplu Malti.
Qed ngħid il-kelma "ingann" b'ċerta responsabbilta', Sur President, għaliex din il-famuża storja tar-reklamar kollu fuq il-mezzi tax-xandir li ħafna mill-oġġetti qed jorħsu, li allura nimmaġina jien l-argument min-naħa tal-Gvern huwa li l-għoli tal-ħajja qed jitrażżan, li l-prezzijiet m'humiex qed jogħlew, fl-aħħar mill-aħħar x'qed jiġri? Filgħodu n-nies jisimgħu dak ir-riklam fuq ir-radio - forsi qabel jew wara l-aħbarijiet - ftit wara jmorru għand tal-grocer biex jixtru l-affarijiet tas-soltu bħall-ħalib, il-ħobż, eċċ. u hemmhekk jibdew jgħidu lil tal-grocer: Imma jien għadni kemm smajt fir-riklami li dak l-oġġett naqas, allura kif ma naqas xejn! Imbagħad is-sid tal-ħanut jirrispondi li mhux talli ma naqasx il-prezz talli żdied. Dan li qed jiġri f'dan il-pajjiż u allura la qed jiġri hekk huwa dmir tal-Gvern li jivverifika jekk huwiex qed jiġri hekk. (Interruzzjonijiet) Iva, huwa dmir tal-Gvern li jivverifika jekk huwiex qed jiġri hekk. (Interruzzjonijiet) Jekk qed jiġri hekk tort ta' xi ħaġa oħra ... Hawn qed jiġri bħal meta l-Gvern Soċjalista kien għadda liġi fl-1978 li biha kien ħoloq problema enormi fil-qasam tal-pensjonijiet f'dan il-pajjiż u issa qed jgħid li jrid isolviha. Issa qed jiġri l-istess ħaġa fil-qasam ta' l-għoli tal-ħajja. Ivvinta liġi li kienet assolutament bla bżonn - nerġa' ngħid, bla bżonn - li l-effett prinċipali tagħha huwa li se jaffettwa l-għoli tal-ħajja, insista li jwebbes rasu f'din it-triq, u għax irriżulta li veru qed ikun hawn dan l-għoli tal-ħajja, f'daqqa waħda qam paniku assolut ħalli b'xi mod jew ieħor jara x'jagħmel biex irażżan din iż-żieda li hu stess ġab b'idejh.
Sadanittant m'huwiex qed joqgħod attent fuq periklu serju ħafna, cioe' jekk il-prezzijiet qed jogħlew - mhux qed ngħid meta jogħlew għax ikun hemm min jabbuża għax dan aħna bħala Oppożizzjoni serja nikkundannawh minn dan il-Parlament - minħabba li l-Gvern stess ġab b'idejh piżijiet ġodda fuq is-settur kummerċjali ta' pajjiżna, li r-reazzjoni tiegħu hi li jara kif jagħmel biex dawk iż-żidiet fil-prezzijiet b'xi mod jew ieħor jirkuprahom, jekk il-Gvern ma joqgħodx attent jista' jkun hemm effetti negattivi fuq il-qasam ta' l-impjiegi f'dan il-pajjiż. Ma rridx intawwal iżjed fuq dan il-punt pero' rrid nirreġistra l-fatt biss, għax hu dmir tagħna li nirreġistrawh, li qegħdin navżaw lill-Gvern li għandu joqgħod attent ħafna għax dan huwa qasam delikat ħafna. Allaħares l-indikazzjonijiet li għandna jkomplu juruna din is-sitwazzjoni li donnha qed tiżviluppa iktar ma jgħaddi ż-żmien u iktar ma nibdew nifhmu l-effetti ta' din il-liġi tad-dazji u sisa li daħħal il-Gvern f'pajjiżna.
Sur President, ma nixtieqx intawwal ħafna pero' qabel ma nagħlaq tajjeb li nagħtu ħarsa wkoll lejn dak li ntqal oriġinarjament fid-Diskors tal-Budget mill-Gvern Laburista - jiġifieri l-aħħar budget li kellna - u npoġġu din il-liġi li għandna quddiemna fil-qafas ta' dak li smajna lill-Gvern Laburista jgħid meta ppreżenta d-Diskors tal-Budget. Jien se naqra minn paġna 96 fejn il-ministru tal-finanzi, li dak iż-żmien kien l-Onor. Spiteri, qal hekk:
"Mill-1 ta' Ottubru ta' din is-sena se nibdew l-ewwel fażi biex nies li - għax igawdu minn pensjoni tas-servizzi Ingliżi - isirilhom tnaqqis mill-pensjoni dovuta lilhom skond il-liġi dwar is-sigurta' soċjali, jibdew jieħdu din il-pensjoni sħiħa. Miżuri oħra diġa' mibdija biex ċerti pensjonijiet ikunu miżjudin gradatament ikomplu."
Mela f'dan id-Diskors tal-Budget l-ex-Ministru Spiteri qal żewġ affarijiet; l-ewwel li kien qed jipproponi li tibda fażi li bis-saħħa tagħha tiġi rranġata s-sitwazzjoni ta' dawk li kienu qed jirċievu l-pensjoni tas-servizzi Ingliżi; u t-tieni ħaġa semma miżuri oħra li kienu diġa' mibdija u hawn ovvjament kien qed jirriferi għall-miżuri li l-Gvern Nazzjonalista kien beda. Allura nsellem lill-Onor. Spiteri li rrikonoxxa l-parti li kien għamel il-Partit Nazzjonalista fil-gvern u qal li dawk il-miżuri se jitkomplew. Pero' jidher li ġara xi ħaġa wara li sar dan il-budget u wara li ddiskutejna l-estimi tal-ministeru tal-ħarsien soċjali waqt id-dibattitu tal-budget. X'ġara?

Ġara li aħna, min-naħa ta' l-oppożizzjoni, għidna li huwa tajjeb li qed nimxu f'din id-direzzjoni, pero' għaliex il-pensjoni tas-servizzi Ingliżi biss? Din hija miżura li għandna naraw kif nagħmlu ħalli minnha jibbenefika kulħadd u konna qegħdin inwasslu f'din l-istituzzjoni - l-ogħla istituzzjoni ta' pajjiżna - il-preokkupazzjoni ta' l-għaqdiet tal-pensjonanti kollha. L-għaqdiet kollha tal-pensjonanti f'Malta huma unanimi f'dan il-punt li għamlu, fejn qalu li dan huwa pass tajjeb pero' m'għandhiex tkun il-pensjoni tas-servizzi Ingliżi biss għax din hi miżura li għandha tkun miftuħa għal dawk kollha li jirċievu pensjoni tas-servizz, sija Ingliża u sija le. Allura aħna ressaqna f'dan il-Parlament dan l-eku u dak il-messaġġ li l-għaqdiet tal-pensjonanti riedu jagħmlu. Fil-fatt nieħu pjaċir ninnota li l-Gvern ta widen għal din is-sejħa għax issa l-miżuri li hawn proposti f'din il-liġi m'humiex aktar kif ħabbarhom l-ex-Ministru tal-Finanzi fid-Diskors tal-Budget. Sar pass 'il quddiem kif xtaqna, kif ridna ... (Interruzzjonijiet) L-Onor. Buhagiar qed jgħid "prammatiżmu". Kollox sew sejjaħlu li trid, ma ġara xejn.


Onor. Buhagiar, sinċerament li jinteressani hu li dan huwa pass tajjeb u dan huwa pass li jwieġeb għall-preokkupazzjoni serja tal-Partit Nazzjonalista u ta' l-għaqdiet tal-pensjonanti li ġiet imressqa hawn u ġiet aċċettata min-naħa tal-Gvern. Imma skużi, issa l-Ministru m'għandux jiġi jgħajjarna għaliex aħna attirajna l-attenzjoni tal-Gvern għal din is-sitwazzjoni! (Interruzzjonijiet) Ara kemm hi tajba! (Interruzzjonijiet) Dawn affarijiet tal-ġenn!
THE DEPUTY SPEAKER (Onor. Michael Bonnici): Jekk jogħġobkom ħallu lill-Onor. Membru jitkellem u mbagħad wara wieħed jirrispondi.
ONOR. LAWRENCE GONZI: Fd-diskors li għadu kemm għamel, il-Ministru għajjar lill-Oppożizzjoni li meta semgħet id-Diskors tal-Budget tal-Gvern tiegħu stess ... Dan id-diskors mhux jien kont qed ngħidu imma l-ex-Ministru tal-Finanzi Laburista, l-Onor. Lino Spiteri. Qed naqra minn paġna 96. (Interruzzjonijiet)

ONOR. MEMBRU: Forsi għalhekk irriżenja!
ONOR. LAWRENCE GONZI: Il-Ministru qed jgħid li jiena ma fhimtx lill-Onor. Spiteri. Mela ħalli nerġa' naqra paġna 96 tad-Diskors tal-Budget li għamel l-Onor. Spiteri. Kien qal hekk:
"Mill-1 ta' Ottubru ta' din is-sena se nibdew l-ewwel fażi biex nies li - għax igawdu minn pensjoni tas-servizzi Ingliżi - isirilhom tnaqqis mill-pensjoni dovuta lilhom skond il-liġi dwar is-sigurta' soċjali, jibdew jieħdu din il-pensjoni sħiħa."
Issa hawnhekk għandna l-kliem "servizzi Ingliżi". (Interruzzjonijiet) Il-Ministru ma jridx jifhem jew ma jistax jifhem. Seta' kien l-Onor. Spiteri u seta' kien xi ħadd ieħor, jien m'iniex qed ngħid proprju għax kien l-Onor. Spiteri. Li bniedem ikun ġenwin ma' l-istorja u mal-fatti jien nirrikonoxxilu l-irġulija. F'dan id-Diskors tal-Budget l-Onor. Spiteri qal, fost affarijiet oħrajn, li miżuri oħra diġa' mibdija biex ċerti pensjonijiet ikunu miżjudin gradatament ikomplu u ammetta r-realta' ta' l-affarijiet kif għandhom ikunu. Hekk għandu jkun f'dan il-Parlament, jiġifieri m'għandniex noqogħdu nilagħbu bil-bżallu ma' xulxin għax dawn huma affarijiet li tista' tivverifikahom. Kultant qisna tfal żgħar!
F'Marzu li għadda meta l-Gvern Laburista ressaq il-budget ġie ppreparat hawnhekk u qalilna: Ara kemm jien bravu, se nirranġa s-sitwazzjoni ta' dawk li jirċievu l-pensjoni tas-servizzi Ingliżi. Qbiżna aħna u għidnilu: Bil-mod, tgħaġġilx għax hemm pensjonanti li jirċievu pensjoni minn x'imkien ieħor. Oqgħod attent, din il-miżura trid tkun mifruxa fuq kulħadd. U wara li sema' din il-kritika min-naħa tagħna, bħala oppożizzjoni, u min-naħa ta' l-għaqdiet tal-pensjonanti kollha, ninnotaw illum li għandna liġi quddiemna li hija skond kif għidnielu aħna u mhux skond kif qal hu fil-budget. (Interruzzjonijiet) Le, din m'hijiex kwestjoni ta' mertu. (Interruzzjonijiet) Il-Ministru qed jgħid li se nieħdu l-mertu aħna. Li kieku qed nagħmlu xi kompetizzjoni għall-midalja ta' Ġieħ ir-Repubblika forsi kont nifhmu. Din m'hijiex kwestjoni ta' mertu imma qiegħed ngħid li f'dan il-qasam l-affarijiet iridu jsiru bi ftit iktar serjeta'.
THE DEPUTY SPEAKER: Jekk jogħġobkom, nieqfu minn dawn l-interruzzjonijiet. Ħallu lill-Onor. Membru jitkellem.

ONOR. LAWRENCE GONZI: Ma tistax tiġi quddiem dan il-Parlament fl-iktar mument kruċjali tal-ħajja parlamentari u fl-iktar perijodu importanti ta' leġislatura, cioe' il-budget - meta l-Gvern iressaq quddiem l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż il-programm finanzjarju tiegħu għal 12-il xahar bi preparazzjoni ddettaljata - tgħid li se tagħmel miżura li mbagħad jirriżultalek li ma tistax tagħmilha! Dik hi s-serjeta'. Il-qasam tas-servizzi soċjali jitlob li nħarsu lejh b'aktar serjeta' u mhux b'din l-għaġġla, b'dan il-marketing u b'dan il-pakkett biex nintgħoġbu ma' xi settur. Dan huwa settur delikat ħafna. Ħafna delikat u ma jistax jiġi ttrattat hekk. (Interruzzjonijiet)
THE DEPUTY SPEAKER: Onor. Ministru, jekk jogħġbok.
ONOR. LAWRENCE GONZI: Il-Ministru m'għandux il-paċenzja jisma'. (Interruzzjonijiet) Ma jimpurtax billi aħna nagħmlu battibekk bejnietna, b'daqshekk m'hijiex se taqa' d-dinja.
L-aktar ħaġa importanti f'diskors ta' budget hi li ma tistax tersaq hawnhekk bi proposta li aħna stess inkunu għidnielek li se ssib diffikulta' biex timplimentaha. Is-settur tas-servizzi soċjali fil-pajjiż jitlob ħafna iżjed serjeta', ħafna iżjed attenzjoni u meta nersqu quddiem dan il-Parlament għandna nkunu ppreparati biex l-affarijiet nagħmluhom bi studju li jkun jagħti każ tal-bilanċ delikat ħafna li jeżisti f'dan il-qasam.
Sur President, nagħlaq billi nagħmel dawn it-tliet punti fil-qosor. L-ewwelnett il-Partit Nazzjonalista jieħu pjaċir jinnota li mxejna pass ieħor biex tiġi rranġata l-inġustizzja li kienet inħolqot b'riżultat ta' liġi Soċjalista li kienet għaddiet fl-1978. Dak li qed nagħmlu llum ikompli miexi - kif qal tajjeb l-Onor. Spiteri fid-diskors tiegħu - fid-direzzjoni li kien qabad il-Gvern Nazzjonalista tul id-disa' snin li għaddew, billi bil-mod il-mod, skond iċ-ċirkostanzi tal-pajjiż, irranġa kull meta u kull fejn seta' bi spejjeż u b'investiment kbir. Pero' mill-banda l-oħra ninnotaw li ż-żidiet li ngħataw fil-budget għall-għoli tal-ħajja, dik il-famuża Lm1.50 u l-famużi 25c li bdew jitħallsu mill-1 ta' April ta' din is-sena, assolutament m'humiex biżżejjed biex jagħmlu tajjeb għall-piżijiet tan-nies li jaqgħu taħt is-settur soċjali li l-aktar għandhom bżonn. Jekk wieħed jagħti daqqa t'għajn malajr lejn x'qed ifissru fil-prattika ż-żidiet li għandna hawn fl-iskeda - ħalli naqbad waħda bl-addoċċ - per eżempju, l-allowance ta' iltim, jara li hawn qed nitkellmu fuq żieda ta' 39c fil-ġimgħa. Naraw ukoll li bħala allowance ta' iltim supplimentari hemm żieda ta' Lm1 fil-ġimgħa, jekk m'iniex sejjer żball. (Interruzzjonijiet) Rata fil-ġimgħa qed jgħid hawn. Dawn huma żidiet li ma jagħmlux ġustizzja u assolutament ma jersqu xejn viċin lejn il-piżijiet il-kbar li dawk fis-soċjeta' tagħna li l-aktar għandhom bżonn qed ikollhom jiffaċċaw minn mindu tela' Gvern Laburista f'dan il-pajjiż. Issa huwa inutli li ngħixu fl-isħab.
Dan il-Gvern irid jibda jaħseb bis-serjeta' lejn il-qagħda ta' l-impjiegi u lejn il-qagħda ta' l-ekonomija tal-pajjiż. In-negozju, il-kummerċ u l-industrija huma l-mutur li fl-aħħar mill-aħħar jiġġeneraw il-fondi biex il-gvern ikun jista' tassew jamministra l-qasam tas-servizzi soċjali b'mod li jindirizza l-bżonnijiet tal-poplu tagħna, speċjalment dawk li l-aktar għandhom bżonn. Jekk l-ekonomija ma tiċċaqlaqx, kif nixtiquha tiċċaqlaq ilkoll kemm aħna - ilkoll kemm aħna nixtiquha tiċċaqlaq l-ekonomija - allura bħalma din il-liġi fl-aħħar mill-aħħar qiegħda tagħti benefiċċji lil setturi importanti li għandna f'dan il-pajjiż, benefiċċji ta' ċenteżmi li huma loqom ipparagunati mal-bżonnijiet tagħhom, u jekk din l-ekonomija ma terġax taqbad ir-ritmu li konna drajna biha tul l-amministrazzjoni Nazzjonalista, se jiġri li l-ewwel settur li se jaqla' l-ikbar daqqa ta' ħarta se jkun proprju s-settur tas-servizzi soċjali.

Dan ma nawgurahx u nħeġġeġ u nappella lill-Gvern biex joqgħod b'seba' għajnejn illi jqis kollox, iqis mitt darba u jara x'jista' jagħmel biex dak li għandna f'pajjiżna, f'dak li għandu x'jaqsam man-negozju li jiġġenera dan il-ġid, jagħtih l-attenzjoni kollha li ħaqqu għax jekk jiġi ġġenerat dak il-ġid biss il-qasam tas-settur soċjali jista' jimxi 'l quddiem. Nirringrazzjak, Sur President.


THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Louis Buhagiar.
ONOR. LOUIS BUHAGIAR (Segretarju Parlamentari għall-Kura ta' l-Anzjani): Sur President, ma jistax jonqos li l-qasam tal-pensjonijiet u s-servizzi soċjali huwa ta' interess kbir għall-pajjiż kollu, għaċ-ċittadini kollha u speċjalment għall-anzjani u għall-pensjonanti. Ħadt gost nisma' d-diskors interessanti ta' l-Onor. Gonzi, li huwa l-kelliem ewlieni ta' l-Oppożizzjoni dwar is-servizzi soċjali. Ħaġa ta' l-iskantament li wara li dam jitkellem għal perijodu relattivament twil, ma sabx kelma waħda biss xi jgħid kontra din il-liġi, lanqas kelma waħda biss. Anzi kważi fil-bidu tad-diskors tiegħu tana x'nifhmu li kien se jkun ta' dispjaċir kbir li minħabba li din il-liġi hija money bill, l-Oppożizzjoni kienet forsi se tkun kostretta li tivvota kontra u bilkemm ma xtaqx jgħidilna li kien ikun il-pjaċir tiegħu li jivvota favur din il-liġi li aħna qegħdin nipproponu.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Lawrence Gonzi, bil-permess ta' l-Onor. Buhagiar.
ONOR. LAWRENCE GONZI: Nixtieq niċċara punt. Bil-kontra, aħna se nivvotaw favur. Naħseb li fhimtni ħażin. Filwaqt li hawnhekk kienet daħlet dik id-drawwa, allavolja dan huwa money bill, aħna se nivvotaw favur.
ONOR. LOUIS BUHAGIAR: Iżjed u iżjed interessanti għax l-Oppożizzjoni se tivvota favur din il-liġi u ma sabux kelma waħda biss x'jgħidu kontra din il-liġi li l-Gvern qed jipproponi.
Sur President, f'dan il-kontest ma rridux ninsew li meta l-Partit Nazzjonalista fl-1987 kien għadu fl-oppożizzjoni kien wiegħed lill-pensjonanti li kien se jirranġa dik "il-konfużjoni" - kif sejħilha l-Onor. Gonzi - li kien iġġenera l-Gvern Laburista bil-liġi ta' l-1978. Mela dawn wegħdu li kienu se jirranġaw dawk l-anomaliji li nqalgħu bħala riżultat ta' dik il-liġi. Għaddew disa' snin sħaħ, tela' Gvern Laburista ġdid u qiegħed iressaq din il-liġi li l-Gvern Nazzjonalista kien wiegħed li se jagħmel u għandna l-Oppożizzjoni li se tivvota favuriha! Mela lill-Onor. Gonzi nistaqsih: Fejn kien il-partit tiegħek għal disa' snin u nofs sħaħ! Kienet traskuraġni li ma ressaqtux liġi bħal din li llum, disa' xhur biss wara l-bidla fil-gvern, se tiġu hawnhekk u tivvutaw favuriha? Allura kontu traskurati? Dan kien juri nuqqas ta' impenn mill-Gvern Nazzjonalista li dam disa' snin sħaħ u baqa' ma ressaqx din il-liġi? Jew kienet negliġenza min-naħa tal-Gvern Nazzjonalista ta' dak iż-żmien? Fejn kontu! U jgħidilna li aħna qed ngħixu fis-sħab. Min kien qed jgħix fis-sħab? Il-Gvern Laburista tal-lum li ressaq din il-liġi li l-Oppożizzjoni, nerġa ngħid, se tivvota favur? Jew Gvern Nazzjonalista preċedenti li kien wegħedha biex jakkwista l-voti fl-1987 u baqa' ma ressaqha qatt? Min jgħix fl-isħab? Huwa veru li għaddew disa' xhur ta' Gvern Laburista, disa' xhur ta' "tqala" - kif qalilna l-Onor. Gonzi - u se jkollna wild. Għandna l-wild ta' din il-liġi. Jekk din il-liġi hija eżempju ta' kif se jkunu l-affarijiet 'il quddiem ngħidlu li għandna wild sabiħ, se jkollna tifel b'saħħtu, se jikber, għandna gvern b'saħħtu u j'Alla din il-liġi tawgura għal liġijiet oħra li se jkollna taħt dan il-gvern.
Sur President, huwa veru li hawn Malta l-anzjani kollha huma dipendenti ħafna fuq il-pensjonijiet biex jgħixu ħajja aċċettabbli. L-anzjani tagħna jibbażaw ħafna fuq il-pensjonijiet u għalhekk din il-liġi hija ta' interess kbir għalihom. Hemm bżonn li l-anzjani jkollhom aspettattivi li dejjem jiżdiedu u bis-saħħa ta' titjib fil-pensjonijiet ikunu jistgħu jilqgħu għall-aspettattivi li jiżdiedu u jogħlew maż-żmenijiet. Fl-istess ħin għandna sitwazzjoni ta' inflazzjoni li, trid u ma tridx, ikun hemm min ikun hemm fil-gvern, trid dejjem tipprova tiekol mil-livell ta' l-għajxien ta' l-anzjan u dan huwa punt importanti ħafna. Il-gvern, ikun min ikun, irid jara li bil-miżuri li jieħu jżomm baxxa l-inflazzjoni fil-pajjiż għal ħafna raġunijiet imma ċertament waħda mir-raġunijiet prinċipali minħabba li, kif qal il-kelliem ta' qabli, l-inflazzjoni tolqot ħażin ħafna lill-pensjonanti li jiddependu ħafna mill-pensjonijiet. Jiġifieri kull gvern irid jara li jrażżan l-inflazzjoni u jrażżan l-għoli tal-ħajja. Dan konna ngħiduh fl-oppożizzjoni u nibqgħu ngħiduh fil-gvern u l-Oppożizzjoni tal-lum targumenta l-istess.
Huwa importanti wkoll li l-pensjonijiet iridu jkunu aġġornati u ndirizzati għall-bżonnijiet reali tal-pensjonanti tagħna. Il-pensjonijiet ma rridux inqisuhom f'qafas għalihom imma jridu jkunu relatati mal-potenzjal ekonomiku tal-pajjiż. Huwa importanti ħafna li biex ikollok sistema ta' sigurta' soċjali b'saħħitha jrid ikollok ekonomija b'saħħitha, ekonomija li tiffjorixxi u ekonomija li dejjem tikber. Dan huwa punt kardinali. Biex ikollok pensjonijiet li jkunu sostenibbli jeħtieġ li l-gvern jara li l-ekonomija fil-pajjiż tinżamm b'saħħitha. Tajjeb ukoll li nsemmi l-fatt li faċli, ikun min ikun fil-gvern, jaqa' fl-iżball li fil-ġirja biex itejjeb il-pensjonijiet jinsa l-bażi ekonomika tal-pajjiż. Jiġifieri kulħadd jixtieq li dejjem itejjeb u jżid il-pensjonijiet u huwa faċli li jinsa li dawk il-pensjonijiet bilfors iridu jkunu msejsa fuq ekonomija b'saħħita. Meta tiġi biex twiegħed il-pensjonijiet jeħtieġ li żżomm quddiem għajnejk dan il-punt kardinali li niġi għalih iżjed 'il quddiem.
Il-gzejjer Maltin qed jiffaċċaw żewġ realtajiet demografiċi. Waħda hija l-fatt li f'pajjiżna għandna labour force dejjem tiżdied u min-naħa l-oħra għandna settur ta' l-anzjani dejjem jiżdied ukoll. Hemm relazzjoni bejn il-piż u l-kontribut ta' kull waħda minn dawn iż-żewġ fatturi. Hemm relazzjoni bejniethom u huma relatati anke ma' l-ekonomija tal-pajjiż. Madam Speaker, huwa pproġettat li sas-sena 2005 se jkun hemm żieda fil-labour force f'pajjiżna, jiġifieri se jkun hemm żieda kbira ta' l-age bracket bejn is-17 u d-59 sena. Dan il-grupp huwa mistenni li jiżdied u mistenni li jiżdied b'ċifra ta' madwar 14,000, speċjalment din iċ-ċifra se tkun iżjed qawwija bejn l-age bracket ta' 50 u 59 sena. Bħalissa l-anzjani jifformaw mas-16% tal-popolazzjoni ta' dawn il-gżejjer, jiġifieri hawn 16% tal-popolazzjoni li għandhom iżjed minn 60 sena. Dan il-persentaġġ mistenni jiżdied għal 18% sa l-2005. Wara dak iż-żmien minħabba l-baby boom li kien hemm fl-aħħar ta' l-erbgħinijiet u fil-bidu tal-ħamsinijiet, sa l-2025 din ir-rata mistennija tiżdied b'mod qawwi u tilħaq il-persentaġġ ta' bejn 23% u 24%.
Dan insemmih minħabba li meta nitkellmu dwar is-settur tal-pensjonijiet huwa mportanti li nżommu dawn il-figuri, inżommu dawn l-andamenti quddiemna biex inkunu realistiċi meta nitkellmu f'dan il-kontest. F'dawn ir-realtajiet irridu naraw li ż-żidiet li nagħtu jkunu sostenibbli għax inkella jekk nagħtu pensjonijiet li ma jkunux ibbażati fuq dawn ir-realtajiet ekonomiċi u demografiċi nkunu qegħdin nidħku bina nfusna. Irridu ngħaddu messaġġi liċ-ċittadini tagħna, irridu ngħaddu messaġġi lill-anzjani tagħna li l-ebda pajjiż, speċjalment pajjiż bħal tagħna, ma jista' jagħti iżjed milli jiflaħ u ma rridux nagħtu l-impressjoni liċ-ċittadini tagħna li s-servizzi soċjali jaqgħu mis-sema. Irridu ngħallmuhom li s-servizzi soċjali m'humiex b'xejn, is-servizzi soċjali jqumu l-flus, iqumu l-miljuni tal-liri u huwa importanti li dan iċ-ċittadini jkunu jafuh. Kull servizz soċjali, kemm fil-qasam tas-sigurta' soċjali kif ukoll f'għajnuniet lill-anzjani, dawn huma servizzi soċjali li jiswew lill-pajjiż miljuni kbar. Irridu ngħallmuhom ukoll - kif diġa' għidt - li kull servizz li jingħata għandu prezzu u xejn m'huwa b'xejn, kollox iqum il-flus.
Irridu wkoll inżidu l-awareness fil-pajjiż li kulħadd għandu jitlob skond il-bżonn li għandu mhux kulħadd jippretendi b'xejn dak li jixtieq. Aħna rridu nindirizzaw rwieħna għall-bżonnijiet, għan-needs u mhux għall-wants tas-soċjeta'. U dan iċ-ċittadini u l-anzjani tagħna jridu jifhmuh. Kulħadd għandu jieħu dak li għandu bżonn u ma jitlobx dak li m'għandux bżonn għax inkella nispiċċaw f'sitwazzjoni fejn is-servizzi soċjali tagħna ma jkunux sostenibbli.
Jiena nsostni li rridu wkoll ngħallmu lis-soċjeta' tagħna li kulħadd irid jikkontribwixxi biex inżommu l-livell ta' l-għajxien għoli u żgur li kulħadd irid jikkontribwixxi biex inżommu għoli l-livell ta' l-għajxien ta' l-anzjani. Il-Gvern għandu l-kontribut tiegħu mportanti u tajjeb li nressqu liġijiet bħal dawn li juru l-impenn tal-Gvern li dejjem itejjeb u jsostni l-kontribut tiegħu pero' rridu ngħallmu lill-pensjonanti, lill-anzjani u liċ-ċittadini li huma wkoll għandhom kontribut qawwi x'jagħtu kemm lilhom infushom kif ukoll lis-soċjeta'. Kuntrarjament għal dak li kien qed jgħid qabli l-Onor. Gonzi, dan il-Gvern qed isostni li l-għaqdiet volontarji ta' dan il-pajjiż għandhom kontribut siewi x'jagħtu lis-soċjeta' u li mhux il-gvern biss huwa ċ-ċentru tal-qasam soċjali. Filwaqt li l-gvern huwa l-mutur għax jagħti d-direzzjoni, jgħin u jippromwovi l-liġijiet hemm diversi setturi oħra, bħal ngħidu aħna l-Knisja, il-volontarjat, il-pensjonanti u l-anzjani li għandhom importanza daqs il-gvern fil-qasam soċjali. Kuntrarjament għall-impressjoni li pprova jagħti l-Onor. Gonzi, il-Gvern preżenti mhux talli qed jirrikonoxxi dan il-fatt imma talli qed iħejji programm ta' edukazzjoni biex il-pensjonanti jiġu mgħallma li anke huma għandhom dmir importanti x'jaqdu.
Sur President, il-qasam soċjali jiddependi minn kemm l-ekonomija qed tirristruttura ruħha u minn kemm aħna kapaċi niġġeneraw impjiegi u kemm aħna kapaċi nkabbru d-dħul nazzjonali. Dan huwa l-bażi tat-titjib kollu li jista' jsir 'il quddiem f'dan il-qasam u fil-fatt jien għalhekk qed insostni dan il-punt. Minħabba dan il-fatt l-ewwel tir tagħna huwa li nedukaw u ngħallmu lill-pensjonanti u lill-anzjani li m'għandhomx jiddependu totalment mill-qasam tas-servizzi soċjali tal-gvern - dan huwa punt importanti u jeħtieġ li ċ-ċittadini jibdew jirrikonoxxuh - imma għandu jkollhom dħul minn imgħaxijiet ta' tifdil, minn investimenti kif ukoll minn private pension schemes u mbagħad l-Istat ikompli jgħinhom permezz tas-servizzi soċjali. Jekk irridu li l-qasam tas-sigurta' soċjali jiġi msaħħaħ għandna nkomplu nikkreaw l-impjiegi ħalli ma jkollniex diffikultajiet fl-ekonomija tagħna għax, bħalma qal il-kelliem ta' qabli, l-Onor. Gonzi, biex ikollna moħħna mistrieħ mis-servizzi soċjali jeħtieġ li naraw kif se nikkreaw l-impjiegi ħalli b'hekk insaħħu l-ekonomija tagħna. Is-servizzi soċjali b'hekk biss jistgħu jiġu sostnuti. It-tieni tir tagħna huwa li meta nkunu qed nagħmlu xi pjanijiet għall-futur f'dan il-qasam inżommu quddiem għajnejna ċerti fatturi demografiċi. Fil-fatt fid-diskors tiegħi diġa' semmejt diversi fatturi demografiċi li għandhom kontribut kbir x'jagħtu lill-qasam tal-pensjonijiet.
Punt ieħor li diġa' semmejt huwa li rridu nissodisfaw il-bżonnijiet reali tal-pensjonanti u ta' l-anzjani tagħna mingħajr ma noħolqu oħrajn fittizji. Qed ngħid dan għax hemm tentazzjoni qawwija li waqt li wieħed ikun qed jipprova jaqdi l-bżonnijiet ta' l-anzjani jkun qed joħloq oħrajn fittizji. Dan pajjiżna ma jistax jaffordjah u għalhekk għandna nsibu mezz biex nevitaw li noħolqu dawn il-bżonnijiet fittizji. Ħalli nagħti eżempju ta' dan li qed ngħid. Aħna nibnu d-djar ta' l-anzjani għal dawk li ma jkollhomx min idur bihom u ma jkunux f'qagħda li jgħixu weħidhom, pero' anzjani oħra tiġihom it-tentazzjoni li japplikaw għal dawn id-djar minkejja li jkunu għadhom f'saħħithom u jkollhom min jieħu ħsiebhom. Dan aħna bħala bħala pajjiż għandna nevitawh u għalhekk għandna nħeġġu lill-poplu li kollox għandu prezzu, anke l-benefiċċji soċjali, u jeħtieġ li wieħed jibda jaħseb ftit għal rasu wkoll u mhux jiddependi għal kollox mill-Istat. Hawnhekk jien ma rridx ninstema' allarmista pero' biżżejjed wieħed jifli ftit il-welfare policy ta' pajjiżi oħra li huma ferm ikbar minna, bħall-Ġermanja u l-Ingilterra, biex jinduna li l-anzjani qed jiġu mħeġġa jżidu d-dħul tagħhom permezz ta' pensjonijiet oħra ħalli b'hekk jaħsbu ftit għal rashom u ma jiddependux għal kollox mis-servizzi soċjali ta' l-Istat.
Sur President, issa hawnhekk nixtieq nagħmel parentesi żgħira billi nirrakkonta l-istorja tal-pensjonijiet f'pajjiżna. Fil-fatt din l-istorja hija twila ħafna u tmur lura sa l-erbgħinijiet. Il-gvernijiet Laburisti taw kontribut qawwi ħafna f'dan il-qasam billi ħolqu diversi konċetti ġodda u għamlu ħafna titjib. Il-qasam tal-pensjonijiet huwa pern sabiħ ta' gvernijiet Laburisti u għandu biex jiftaħar il-Partit Laburista. F'dawn l-aħħar żewġ leġislaturi Gvern Nazzjonalista biddel l-atteġġament ta' gvernijiet Nazzjonalisti preċedenti għal kollox u kompla miexi fuq il-passi mnedija mill-gvernijiet Laburisti tas-snin sebgħin u tmenin. Fil-fatt mill-1987 'l hawn il-gvernijiet Nazzjonalisti għamlu titjib kbir fil-qasam tal-pensjonijiet u aħna nirrikonoxxu l-fatt li dan kien fattur importanti għar-rebħa tal-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni ta' l-1992. Matul is-snin li dam fil-gvern mill-1987 'l hawn il-Partit Nazzjonalista mexa fuq il-passi ta' gvernijiet Laburisti preċedenti u tejjeb diversi liġijiet li kienu introdotti minn dawn il-gvernijiet.
Sur President, l-Onor. Gonzi għoġbu jgħid li l-Gvern Laburista kien ħoloq problema meta introduċa l-liġi ta' l-1978 għax din aċċertat li malli jasal għall-eta' tal-pensjoni kull ċittadin ikollu dritt għal pensjoni ta' żewġ terzi tal-paga. Jien lill-Onor. Gonzi ngħidlu biex imur jistaqsi lill-pensjonanti jekk il-Gvern Laburista kienx ħoloq problema b'din il-liġi! GĦall-Gvern Laburista din il-liġi kienet landmark li hija l-għira ta' gvernijiet Ewropej ħafna iżjed żviluppati minna u żgur li ma servietx ta' problema. Il-verita' hi li meta nħolqot din il-liġi tpoġġiet ġawhra oħra fil-kuruna ta' titjib fil-qasam tas-servizzi soċjali li ħolqu diversi gvernijiet Laburisti. Jien lill-Onor. Gonzi ngħidlu li wara din il-ġawhra mhux biss kien hemm l-għaqal tal-Gvern Laburista ta' dak iż-żmien imma kien hemm ukoll l-għaraq tiegħu għax dan kellu jaqta' bi snienu, jaħseb b'moħħu u jagħmel ħafna kuraġġ biex idaħħal liġi bħal dik.
Hawn irridu niftakru li dak iż-żmien pajjiżna kellu sitwazzjoni ekonomika diffiċli u kien qed jipprepara ruħu biex ikun ħieles kompletament mill-preżenza militari u għalhekk il-Gvern Laburista ta' dak iż-żmien ma sabhiex faċli biex jintroduċi liġi li tiggarantixxi pensjoni ta' żewġ terzi tal-paga li wieħed kien jaqla' qabel ma kien jasal għall-eta' tal-pensjoni. Dan kien l-iktar pass importanti u kuraġġuż li qatt sar favur l-anzjani u l-pensjonanti ta' pajjiżna. Fil-fatt dan il-pass kien l-għira ta' ħafna pajjiżi iktar żviluppati minna u l-anzjani mill-1978 'l hawn għadhom qed ibierku dak il-mument meta l-Gvern Laburista iggarantixxa pensjoni bħal din. Sur President, madanakollu llum l-Onor. Gonzi, il-kelliem ewlieni għas-servizzi soċjali min-naħa ta' l-Oppożizzjoni, qed jgħid li din il-liġi qajmet konfużjoni u diversi anomaliji.
Hija ħasra li qed jinġieb dan it-tip ta' argument għalkemm, kif se nispjega iktar 'il quddiem, huwa veru li dan il-pass kien ħoloq ċerti anomaliji. Minħabba s-sitwazzjoni ekonomika tal-mument, dak iż-żmien il-Gvern ma setax jaffordja li jagħti lil dawk il-pensjonanti li kienu qed jirċievu pensjoni mis-servizzi Ingliżi l-pensjoni tas-servizzi soċjali wkoll. GĦalkemm f'dan il-każ huwa veru li nħolqot anomalija, din l-anomalija ma nħolqitx minħabba xi traskuraġni, xi negliġenza, xi oversight jew xi diskriminazzjoni kontra dawn in-nies imma minħabba li l-Gvern ried ikun ċert li jkun f'pożizzjoni li jiggarantixxi l-pensjoni taż-żewġ terzi lil kulħadd. Dak iż-żmien is-sitwazzjoni ekonomika ma setgħetx tiggarantixxi l-pensjoni taż-żewġ terzi lil dawk li kienu qed jirċievu l-pensjoni tas-servizzi Ingliżi jew xi pensjoni oħra wkoll. GĦalhekk apparti li dan il-pass kien importanti u kuraġġuż, fl-istess ħin dan kien ukoll pass kawt, meqjus, realistiku u ambizzjuż. Fil-fatt dan il-pass kien ambizzjuż ħafna għax illum għad baqa' ħafna gvernijiet ta' pajjiżi Ewropej li għad ma kellhomx il-kuraġġ idaħħlu liġi bħal din f'pajjiżhom. Filwaqt li kif għidt diġa' dan il-pass kien ambizzjuż, kien ikkontrollat ukoll għax il-Gvern Laburista ta' dak iż-żmien kien iggarantixxa li jagħti l-pensjoni taż-żewġ terzi minflok il-pensjoni tas-servizzi Ingliżi lin-nies konċernati.
Aħna nirrikonoxxu l-fatt li dawk li kienu qed jirċievu l-pensjoni tas-servizzi Ingliżi ntlaqtu ħażin minn dan il-pass u wieħed ma setax jonqos milli jifhem l-ilmenti tagħhom u nifhem li kienu qed iħossuhom diskriminati. Fil-fatt waqt li qabel dawn l-aħħar żewġ elezzjonijiet kont qed nagħmel il-home visits, spiss kont niltaqa' ma' min kien għadu qed iħossu urtat mid-deċiżjoni li kien ħa l-Gvern Laburista ta' dak iż-żmien u għalhekk jien kont nipprova nfiehem lil dawn in-nies li dak iż-żmien il-Gvern ma kienx seta' jagħmel mod ieħor. Madanakollu ħadd ma jista' jiċħad il-fatt li dawn in-nies batew minħabba l-impenn nazzjonali li l-pajjiż jeħles mill-preżenza militari kompletament. Fil-fatt ħafna minnhom sofrew mill-kondizzjonijiet tax-xogħol tagħhom hekk kif ġew jaħdmu mal-gvern Malti u tilfu l-karriera tagħhom għax ħafna drabi spiċċaw jagħmlu xogħol li kien ferm inferjuri minn dak li kienu jagħmlu meta kienu jaħdmu mas-servizzi Ingliżi. Pero' għalkemm batew, dawn in-nies ħassewhom kuntenti li qed jagħmlu dawk is-sagrifiċċji għall-ħelsien ta' pajjiżhom u għalhekk il-poplu Malti huwa rikonoxxenti lejn dawn in-nies. Ċertament il-Gvern Laburista preżenti huwa konxju mit-tbatijiet li għaddew minnhom dawn in-nies; u jixtieq ipattilhom billi jirranġa l-anomaliji li qed jolqtuhom. Fil-fatt kien għalhekk li fil-programm elettorali tiegħu l-Gvern Laburista wiegħed li se jirranġa s-sitwazzjoni ta' dawn in-nies, u hekk ġara għax wara biss disa' xhur fil-gvern illum qed inressqu dan l-abbozz ta' liġi, liema abbozz ta' liġi l-Oppożizzjoni għandha l-pjaċir li tivvota favuru.
Madam Speaker, l-abbozz ta' liġi li qed inressqu llum għandu żewġ għanijiet prinċipali; l-ewwel għan huwa li jsir titjib fil-pensjonijiet mhux kontributorji u t-tieni għan huwa li tiġi implimentata l-ewwel fażi ta' riforma fil-pensjonijiet biex jitneħħew xi anomaliji li nħolqu minħabba li hemm min għandu pensjoni ta' xi servizz ieħor. Kif għidt diġa' dan l-abbozz ta' liġi oriġina mill-wegħda li saret min-naħa ta' l-Oppożizzjoni Laburista qabel l-1996. GĦalkemm huwa veru li, kif qal l-Onor. Gonzi, il-mod kif issemma dan l-abbozz ta' liġi fid-Diskors tal-Budget ta lil wieħed x'jifhem li dan se jaffettwa biss lil dawk li huma intitolati għall-pensjoni tas-servizzi Ingliżi, wara diversi diskussjonijiet, sottomissjonijiet u studji ekonomiċi dan il-ħsieb wessajnieh. Hawn irrid nenfasizza li qabel ma ressaqna dan l-abbozz ta' liġi kellna diskussjonijiet intensi ma' diversi għaqdiet ta' l-anzjani u pensjonanti, speċjalment ma' l-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Pensjonanti li għamlet sottomissjonijiet lill-Prim Ministru. Fil-fatt jien għandi l-unur ngħid li dakinhar kont preżenti. Ta' min jgħid ukoll li meta tkellimna ma' l-għaqdiet tal-pensjonanti u ta' l-anzjani dawn qalulna li dan l-abbozz ta' liġi jista' jiġi mtejjeb billi jiġi mwessa' għal iktar pensjonanti u anzjani. Il-Partit Laburista hekk għamel għax dan ibiddel il-policies tiegħu u d-dettalji tal-liġijiet skond il-bżonnijiet tas-sitwazzjoni u llum għandna l-pjaċir ngħidu li lqajna s-sottomissjonijiet li għamlulna l-għaqdiet tal-pensjonanti u ta' l-anzjani bir-riżultat li dan l-abbozz ta' liġi ġie milqugħ tajjeb ħafna. Fil-fatt dalgħodu stess jien kelli laqgħa ma' membru ta' l-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Pensjonanti u dan qalli li huwa ħa gost b'dan l-abbozz ta' liġi u jaqbel miegħu perfettament għax filwaqt li jolqot lill-anzjani kollha ma joħloq diskriminazzjoni ma' ħadd.
Madam Speaker, kif għidt diġa' aħna qabel l-elezzjoni għamilna wegħda mal-poplu li se nressqu abbozz ta' liġi bħal dan u fil-fatt illum ninsabu kuntenti għax, għalkemm dan għamilnieh f'perijodu relattivament qasir, dan l-abbozz ta' liġi ntlaqa tajjeb ħafna għax ma jiddiskriminax bejn il-pensjonanti. Kif fassalna dan l-abbozz ta' liġi qabditna ċerta biża' għax bżajna li f'ċerti każi dan seta' joħloq xi diskriminazzjoni bejn il-pensjonanti, pero' wara li għamilna diversi diskussjonijiet u sottomissjonijiet ma' l-għaqdiet konċernati biddilna dan l-abbozz b'tali mod li ma jiddiskriminax. Fil-fatt aħna ninsabu kuntenti wkoll minħabba l-fatt li dan l-abbozz ta' liġi ġie milqugħ tajjeb ħafna mill-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Pensjonanti. Dan l-abbozz ta' liġi huwa fejjiedi mmens u żgur li m'aħniex nitkellmu fuq ftit ċenteżmi, kif qal l-Onor. Gonzi, għax biss biss il-Gvern se jiddedika Lm1.5 miljun għal dan il-għan. Il-verita' hi li dan l-abbozz ta' liġi se jolqot eluf kbar ta' pensjonanti. Onor. Gonzi, fil-fatt inti stess semmejt kemm-il elf pensjonant se jolqot dan l-abbozz ta' liġi.
Dan l-abbozz ta' liġi kien ilu mistenni mill-pensjonanti mill-1978 għax għalkemm qabel l-elezzjoni ta' l-1987 intom wegħdtu li se tressqu abbozz ta' liġi bħal dan, din il-wegħda baqgħet ma twettqitx. Intom stess qed tgħidu li dan l-abbozz ta' liġi huwa money bill u li se tivvotaw favuru u aħna dan il-fatt nilqgħuh bil-qalb kollha. Onor. Gonzi, madanakollu inti għoġbok issejjaħ dan l-abbozz ta' liġi "taċ-ċenteżmi", jiġifieri filwaqt li qed tgħid li l-Oppożizzjoni se tivvota favuru, minħabba li ma sibt tgħid xejn kontra tiegħu qed tikkritika l-fatt li f'ċerti każi ż-żieda hi ta' xi ċenteżmi. Hawnhekk aħna għandna nkunu realistiċi u serji, irridu nkunu rġiel magħna nfusna u mal-poplu billi ma niżnux dan l-abbozz ta' liġi mil-lat ta' żieda ta' flus biss. Irridu nifhmu li dan l-abbozz ta' liġi ġie jiswa lill-Gvern somom kbar ta' flus u biex qabel l-elezzjoni stajna nwiegħdu lill-poplu li se nfasslu abbozz ta' liġi bħal dan għamilna studju serju biex naraw jekk nistgħux nagħmlu dan il-pass. Fil-fatt minkejja li kif tlajna fil-gvern sibna li l-Gvern Nazzjonalista ħalla sitwazzjoni ħafna agħar milli ħsibna, peress li konna lħaqna wegħdna lill-poplu li se nressqu dan l-abbozz ta' liġi - għax aħna l-wegħdi nwettquhom, mhux bħalkom! - illum hekk qed nagħmlu biex ħafna mill-miżuri li fih jiġu implimentati din is-sena stess, eżattament mill-1 ta' Ottubru.
Onor. Gonzi, inti semmejt il-U-turn. Ċertament dan l-abbozz ta' liġi ma jurix U-turn imma juri li l-Partit Laburista għandu direzzjoni waħda. Dan turih l-istorja stess għax meta fl-1978 il-Partit Laburista daħħal il-liġi li ħolqot il-pensjoni taż-żewġ terzi, minħabba r-realtajiet ekonomiċi ta' dak iż-żmien mill-ewwel fiehem lill-poplu li ma setax jaffordja li jagħti din il-pensjoni lil min kien qed jirċievi xi pensjoni oħra wkoll, bħal dik tas-servizzi Ingliżi, pero' qabel l-aħħar elezzjoni dan għamel studju biex ikun jista' jagħti din il-pensjoni lill-pensjonanti kollha, jiġifieri anke lil dawk li qed jirċievu xi pensjoni oħra, u meta ra li dan seta' jitwettaq lill-poplu għamillu din il-wegħda bir-riżultat li llum, wara disa' xhur, eżattament il-perijodu li tieħu tqala, qed inressqu dan l-abbozz ta' liġi, liema abbozz ta' liġi l-Oppożizzjoni qed taqbel miegħu, biex inkunu nistgħu nwettqu din il-wegħda. Kif għidt diġa', dan juri kemm il-Gvern Laburista jżomm direzzjoni waħda u kemm huwa serju għax filwaqt li dejjem iżomm ir-realtajiet ekonomiċi quddiemu jwiegħed biss dak li huwa kapaċi jagħmel u dak li huwa kapaċi jagħmel iressqu fil-Parlament, jivvota favuru u jagħmlu verament. Imma intom mhux hekk.
Onor. Gonzi, inti semmejt l-U-turn, pero' ċertament li l-U-turn mhux tagħna kienet imma kienet tal-Partit Nazzjonalista meta qabel l-1987, minħabba li kontu qed tistadu għall-voti, wegħdtuhom lil dawn in-nies u għidtulhom: Isma', araw x'għamlilkom il-Partit Laburista. Ma takomx iż-żewġ terzi u l-pensjonijiet tas-servizzi Ingliżi u nwegħdukom li jekk nitilgħu fil-gvern nagħtukom il-pensjoni taż-żewġ terzi plus il-pensjoni tas-servizzi Ingliżi. Il-U-turn saret fl-1987, hekk kif tlajtu intom fil-gvern, għax għal disa' snin u nofs sħaħ m'għamiltu xejn minn dak kollu li wegħdtu. Imbagħad tiġu hawnhekk u tivvotaw favur liġi li qed inressqu aħna favur liġi li anke intom wegħdtu fl-1987! Madam Speaker, ċertament li d-direzzjoni u l-politika tagħna ma tħallix lok għal U-turns bħal dawn. Aħna serji, aħna gvern serju, aħna gvern modern u kif wegħdna aħna nagħmlu l-istudju tagħna mbagħad inwettqu dak kollu li nwegħdu.
Madam Speaker, niġi issa għall-benefiċċji li joħorġu minn din il-liġi. L-ewwel u qabel kollox irrid ngħid li t-titjib li se jsir f'dak li ġie mwiegħed lill-pensjonant u lill-anzjan se jsir b'mod gradat; se jsir b'mod gradat minħabba li aħna konxji mis-sitwazzjoni ekonomika tal-pajjiż u minħabba li l-Gvern Laburista preżenti huwa gvern serju. Għalhekk it-titjib li se jsir se jsir fuq bażi gradata għax hekk titlob is-serjeta'. Is-serjeta' titlob li kollox isir b'mod studjat u fejn ikun hemm bżonn, iva jsir b'mod gradat biex l-ekonomija u l-pajjiż ilaħħaq mal-wegħdi, jiġifieri jlaħħaq mal-pensjonijiet li jkunu mwegħda. L-ewwel benefiċċju huwa li dawk il-pensjonanti ta' xi servizz li l-pensjoni tagħhom ma taqbiżx il-Lm200 fix-xahar se jieħdu ż-żieda kollha dovuta lilhom fl-ewwel fażi - dan huwa l-ewwel benefiċċju. It-tieni benefiċċju importanti huwa li dawk li kienu kkommutaw il-pensjoni privata kollha tagħhom se jieħdu 50% tal-bilanċ tal-pensjoni li kkommutaw, magħduda mal-pensjoni tas-sigurta' soċjali. Imbagħad il-wegħda li għamilna ma tkunx ristretta biss għan-nies li kienu jaħdmu mas-servizzi Ingliżi imma se tolqot b'mod vantaġġuż u tajjeb lill-pensjonanti tal-gvern Malti u tal-Pulizija li rtiraw qabel l-1978 - dawn se jiżdiedu. Dawn in-nies, inklużi l-ex-pulizija, se jkollhom żieda fil-pensjoni tas-sigurta' soċjali ekwivalenti għall-ammont li jkun imniżżel fil-PI column tas-slip li jirċievu maċ-ċekk.
MADAM SPEAKER: Onorevoli, se jkolli ninterrompik għax sar il-ħin. Tibqa' in possession?
ONOR. LOUIS BUHAGIAR: Iva, jekk jogħġbok, Madam Speaker.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Mizzi, jekk jogħġbu jressaq l-aġġornament.
Fid-9.00 p.m. id-diskussjoni kienet interrota u baqgħet aġġornata.

Yüklə 323,07 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin