Malta debates tal-kamra tad-deputati


TQEGĦID TA' KARTI FUQ IL-MEJDA



Yüklə 467,41 Kb.
səhifə2/8
tarix16.01.2019
ölçüsü467,41 Kb.
#97520
1   2   3   4   5   6   7   8

TQEGĦID TA' KARTI FUQ IL-MEJDA



ONOR. ALFRED SANT: Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Lista ta' membri fis-segretarjati privati ta' ministri u segretarji parlamentari, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 2262; u
Lista ta' applikazzjonijiet għall-ftuħ ta' ħwienet ġodda matul l-1996, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 2282.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Viċi Prim Ministru.

ONOR. GEORGE VELLA (Viċi Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent): Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Lista ta' akkordji u trattati li ġew iffirmati bejn Malta u pajjiżi oħra, bi tweġiba għall-mistoqsijiet parlamentari numru 2029; u
Lista ta' akkordji u trattati li kienu bdew jiġu negozjati sas-26 ta' Otturbu, 1996, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 2060.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Spiteri.
ONOR. LINO SPITERI (Ministru ta' l-Ekonomija u l-Finanzi): Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Informazzjoni dwar ħlasijiet u benefiċċji oħra li jirċievu d-Diretturi tal-Malta Government Investments Limited u kumpanniji oħra li fihom għandha sehem l-MGI, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 1063.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Bartolo.
ONOR. EVARIST BARTOLO (Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali): Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Kopja tar-rapporti finanzjarji dwar il-Pixxina Nazzjonali għas-snin mill-1994 sa l-1996 bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 2264.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Brincat.
ONOR. LEO BRINCAT (Ministru tal-Kummerċ): Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Kummenti mid-dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru tal-Kummerċ dwar ir-Rapport ta' l-Awditur għas-sena 1995; u
F'isem il-Ministru tat-Turiżmu inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Kummenti mid-dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru tat-Turiżmu dwar ir-Rapport ta' l-Awditur għas-sena 1995.
Dan qed isir mingħajr ma nassumi l-ebda responsabbilita' politika għal dak li sar taħt l-amministrazzjoni l-oħra.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Mangion.
ONOR. CHARLES MANGION (Ministru tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali): Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Kummenti mid-dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru tal-Ministeru tal-Ġustizzja u tal-Kunsilli Lokali dwar ir-Rapport ta' l-Awditur għas-sena 1995.
Nixtieq li ningħaqad mal-kollega tiegħi u ngħid li jiena wkoll dan qed nagħmlu mingħajr ma nassumi l-ebda responsabbilita' politika għal dak li sar taħt l-amministrazzjoni l-oħra.
MADAM SPEAKER: Il-Ministru Joe Mizzi f'isem il-Ministru Attard Montalto.
ONOR. JOE MIZZI ( f'isem il-Ministru ta' l-Industrja) Madam Speaker, f'isem il-Ministru ta' l-Industrija nqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Kummenti mid-dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru ta' l-Indusrtija dwar ir-Rapport ta' l-Awditur għas-sena 1995.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Joe Debono Grech.
ONOR. JOE DEBONO GRECH (Ministru għat-Trasport u Portijiet) Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Kummenti mid-dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru għat-Trasport u Portijiet dwar ir-Rapport ta' l-Awditur għas-sena 1995.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Buhagiar.
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Lista ta' toroq li fihom irid isir xogħol ta' asfaltar, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 2042.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Michael Farrugia.
ONOR. MICHAEL FARRUGIA (Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja): Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Kummenti li saru mid-dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru tas-Saħħa, Kura ta’ l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja dwar ir-Rapport ta’ l-Awditur għas-sena 1995.

MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Edwin Grech.
ONOR. EDWIN GRECH (Ministru tal-Ħarsien Soċjali): Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:

Kummenti magħmula mid-Direttur tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar ir-Rapport ta’ l-Awditur 1995.


Jien ma nassumi l-ebda responsabbilta' għal dak li ġara qabel ma jien nħtart responsabbli għal dan il-qasam .
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Noel Farrugia.
ONOR. NOEL FARRUGIA (Ministru tal-Biedja u Sajd): Inqiegħed fuq il-Medja tal-Kamra:
Kummenti tad-Dipartiment tal-Corporate Services fil-Ministeru tal-Biedja u Sajd dwar ir-Rapport ta’ l-Awditur għas-sena 1995.

Inżid ngħid li qed inpoġġi dawn il-kummenti mingħajr ma nassumi ebda responsabbilta' politika għalihom.


MADAM SPEAKER: Grazzi. Stqarrijiet ministerjali? Mozzjonijiet? Ordnijiet tal-Ġurnata.

ORDNIJIET TAL-ĠURNATA

KUMITAT TA' PROVVISTA'

ESTIMI ĠENERALI 1997

IT-TIENI JUM STABBILIT

MINISTERU TAL-KUMMERĊ



L-ordni għall-Kumitat ġie moqri
FIL-KUMITAT
L-Onor. Michael Bonnici, President tal-Kumitati jippresjedi.
THE CHAIRMAN: Skond il-Mozzjoni Nru. 37 tal-15 ta' Jannar, 1997 il-ħin tad-diskussjoni tal-lum għandu jinqasam indaqs bejn kelliema tal-Gvern u kelliema ta' l-Oppożizzjoni, bl-aħħar nofs għall-Gvern.
Issa jekk jogħġbu, l-Ministru tal-Kummerċ, iressaq ir-riżoluzzjonijiet tiegħu.
ONOR. LEO BRINCAT: Mr Chairman, nipproponi:
VOT 28 - MINISTERU TAL-KUMMERĊ
Illi s-somma ta' mhux iżjed minn Lm 700,000 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot 28 - Ministeru tal-Kummerċ, kif dettaljata fl-Abbozz ta' l-Estimi Ġenerali ta' Nefqa għas-sena 1997.

VOT 29 - IMPORTAZZJONI U KUMMERĊ DOMESTIKU
Illi s-somma ta' mhux iżjed minn Lm 3,406,000 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot 29 - Importazzjoni u Kummerċ Domestiku, kif dettaljata fl-Abbozz ta' l-Estimi Ġenerali ta' Nefqa għas-sena 1997.


VOT V - MINISTERU TAL-KUMMERĊ
Illi s-somma ta' mhux iżjed minn Lm 1,041,000 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot V - Ministeru tal-Kummerċ, kif dettaljata fl-Abbozz ta' l-Estimi Ġenerali ta' Nefqa għas-sena 1997.

THE CHAIRMAN: Rimarki? L-Onor. Francis Agius.
ONOR. FRANCIS AGIUS: Sur President, inressaq din l-emenda:

VOT - 28 Ministeru tal-Kummerċ

Personal Emoluments
ITEM 11 - Ministru
Ħassar iċ-ċifra "Lm 10,297 " u ssostitwixxi minflok iċ-ċifra "Lm 10,296”.
Delete the figure "Lm 10,297" and substitute therefor the figure "Lm 10,296”.
Sur President, illum għandna quddiemna l-Estimi li jaqgħu taħt il-Ministeru tal-Kummerċ, inkluż il-qasam ta' l-enerġija u għal darba oħra fl-istess xahar se jkolli nitkellem fuq qasam kompletament ġdid għalija. Pero' ma nistax mill-ewwel ma nurix l-importanza u x'relevanza għandhom dawn iż-żewġ oqsma, iktar u iktar fl-iżviluppi politiċi li seħħew f'dawn l-aħħar ftit xhur li laħqu r-rilevanza totali tagħhom f'dan l-ewwel budget ta' Gvern Laburista. Dan il-budget mill-ewwel ifakkarna fil-kelma "awsterita'", kelma li kważi konna nsejniha - "awsterita'" bil-Malti ċar tfisser li nissikkaw iċ-ċintorin. Ma kienx hemm qasam wieħed li l-Gvern il-ġdid ma qalx li ma sabux fallut. In-numru kbir ta' ħofor kbar, kif ġew impinġijin mill-Gvern il-ġdid iwasslu biex dawn jagħmlu barriera sħiħa jew ħofra kbira! Hawnhekk qed nirriferi għal barriera f'sens ieħor, jiġifieri barriera għall-iżvilupp Malti.
Il-Gvern pinġielna ħofra kbira illi li kieku taqa' fiha tikser sieqek, imma bħalma jgħidu "kieku waqa' u kiser siequ" għaliex id-differenza kollha bejn dawn iż-żewġ naħat tal-Kamra hija fil-"kieku". Jien nistaqsi lill-poplu: Kieku reġa' tela' Gvern Nazzjonalista kien jagħmel budget bħal dan fejn setturi sħaħ bħal per eżempju l-anzjani, l-istudenti, is-single parents u n-nisa tad-dar tħallew kważi għal kollox barra mill-programm tal-Gvern? Il-Gvern Laburista ddeċieda li għas-sena li ġejja dawn ma jeżistux u ta wieħed x'jifhem li forsi għal xi sentejn oħra se jibqa' miexi hekk biex, skond hu, l-ewwel jirranġa l-qagħda finanzjarja prekarja.
Il-budget laqat b'ħafna modi kull attivita' ekonomika, soċjali u rikreattiva għax meta l-Gvern għolla l-petrol, id-diesel u l-pitrolju laqat il-qalba tas-settur ta' l-enerġija, li mbagħad jolqot il-qalba tas-settur tal-produzzjoni li min-naħa l-oħra jolqot il-kummerċ u tibqa' sejjer hekk bħal mazz karti jżommu li jżommu ma' xulxin imma x'ħin taqa' waħda jaqgħu l-karti l-oħra kollha. Ir-riżultat se jkun li l-ħajja tkompli togħla iżjed minn dik ir-rata li wieħed kien dejjem jistenna. F'dan il-każ ir-raġuni se tkun minħabba deċiżjoni diretta li dan il-Gvern ta fil-budget.
Il-ħajja rikreattiva tal-poplu wkoll ġiet milquta meta wieħed iqis jistaqsi liż-żgħażagħ li jmorru Paceville, lil dawk li jħobbu jsiefru u lil dawk li jużaw it-trasport. Dan kien budget li ffoka wisq fuq il-finanzjament bħala prijorita' ewlenija u assoluta filwaqt li warrab l-aspirazzjonijiet ta' dawk li l-iktar għandhom bżonn f'dan il-mument ta' żvilupp li kien għaddej bih il-pajjiż. Ikun tajjeb li naraw oġġettivament x'kien qed jiġri u filwaqt li nagħmel dan se nipprova ma nintilifx fil-figuri u fl-indiċi.
L-Economic Survey jurina ċar li s-sitwazzjoni sa Settembru ta' l-1996 kienet tajba u wieħed jista' jqabbel dan ma' meta nbidel il-Gvern f'Ottubru ta' l-istess sena. Fil-qosor se ngħid x'kienet il-qagħda eknomika qabel l-elezzjoni. Għandna indikat li l-ekonomija għalkemm kienet qegħda tnaqqas sew ir-ritmu tagħha kienet qed tikber b'4%.

L-infiq min-naħa tal-konsumatur u anke min-naħa tal-Gvern kien qed jiżdied, ir-rata ta' l-inflazzjoni domestika kienet iktar baxxa għalkemm fl-istess ħin kienet ogħla minn dik ta' pajjiżi li magħhom Malta għandha aktar kummerċ. Naqas in-numru ta' turisti, liema settur joffri l-qligħ sostanzjali għall-kaxxa ta' Malta. F'Settembru ta' l-1995 il-qgħad kien ta' 3.4%, filwaqt li sena wara, jiġifieri f'Settembru ta' l-1996, l-aħħar xahar sħiħ li għamel il-Gvern Nazzjonalista dan kien ta' 3.7%.


Sur President, semmejt ħames indikaturi, ħames kwalitajiet ta' kejl ta' l-ekonomija Maltija ta' l-aħħar disa' xhur ta' Gvern Nazzjonalista. Jeħtieġ li l-poplu jsegwi sew xi jkun jingħad u ħalli ħadd ma jidħak b'ħadd. Jekk l-infiq kien qed isir b'ritmu qawwi - dan jixhduh il-figuri fl-Economic Survey li impossibbli, nerġa' ngħid, li toqgħod tagħti l-figuri kollha - nistgħu naraw almenu fejn marru dawn il-flus kollha? X'inhi l-verita'? Skond il-Gvern il-ġdid dawn tberbqu kollha u nħlew għax kellna gvern tal-ħela u l-isparpaljar li wassalna għall-ħofor f'kull qasam. Allura l-proġetti u s-servizzi ssussidjati u l-flus fil-but tal-poplu permezz ta' l-overtime u ta' job jew tnejn - altru minn one man one job! - allura dawk mhumiex rendikont ukoll ta' fejn marru dawn il-flus li l-Gvern il-ġdid isejħilhom tberbiq! Il-Gvern Nazzjonalista ġie mlaqqam gvern ta' money no problem, pero' kif inqaleb il-gvern anke din il-frażi nqalbet għaliex illum għandna Gvern ta' problem, no money.
L-Onor. Sant qed jgħid lil ħafna setturi li m'hemmx flus, li n-Nazzjonalisti ma ħallew xejn u li meximxuha sa l-għadma. S'issa ħadd qatt m'għadu indika bis-serjeta' fejn seta' mar dan id-deficit, anke jekk tgħodd il-flus hekk imsejħa moħlija mill-Gvern Nazzjonalista ssib li dak, li għall-Gvern Laburista l-ġdid hu ħela, għall-Gvern Nazzjonalista kien investiment. Naħseb hawnhekk hemm daqsxejn ta' differenza għal kif qed inħarsu lejn l-affarijiet. Kif setgħu jsiru investimenti kbar fil-power station, għad-distribuzzjoni ta' l-enerġija, f'toroq ġodda u fil-kunsilli lokali li mbagħad huma stess wettqu proġetti, li għalkemm forsi żgħar kienu ta' fejda għal-lokalitajiet, u tant flejjes oħra f'investiment li ma jidhru mkien fid-diskors tal-Ministru tal-Finanzi, imma qegħdin hemm biex jitgawdew mill-istess poplu għax wara kollox dawk flusu! Il-proġetti ta' investiment, partikolarment f'dik li hija infrastruttura hemm qegħdin u se jibbenefikaw minnhom il-Maltin u l-Għawdxin kollha.
Sur President, biex nagħtu stampa bilanċjata rridu nsemmu kollox għax jekk niġġeneralizzaw u ngħidu li kulma sar kien ħela u tberbiq allura ma nkunux ġusti magħna nfusna. Veru li żdied l-infiq rikorrenti u tajjeb li l-Gvern jifli sew li l-ispejjeż ikunu kkontrollati u kontenuti, pero' ma tridx tmur overboard għaliex inkella tispiċċa b'policy ta' akkarija, nuqqasijiet u livell baxx ta' kwalita' tal-ħajja. Fuq kollox jekk tħares lejn l-ispejjeż ta' l-amministrazzjoni f'dan il-budget, inkluż fil-ministeri, fejn jidħlu mpjiegi, karozzi, hospitality u affarijiet simili, il-Gvern il-ġdid ma biddel xejn. Jeħtieġ li npoġġu l-bniedem l-ewwel u mhux in-numri u ċ-ċifri.
Il-Gvern Nazzjonalista kellu wkoll problemi finanzjarji, pero' Malta kellha aktar direzzjoni għax konna nafu 'l fejn qed naqdfu għalkemm it-triq forsi fiha l-ħofor - bħall-ħajja ta' kuljum - din kellha twassalna biex nieħdu l-istat tagħna mal-pajjiżi żviluppati ta' l-Ewropa. B'dan il-budget fejn sejrin? Jista' l-Kap tal-Gvern jew il-Ministru jurina d-direzzjoni li dan il-budget se jqabbadna? Dawn huma l-mistoqsijiet li qed jagħmilhom kulħadd, speċjalment aħna l-Membri ta' l-Oppożizzjoni. Pero' mhux aħna biss għax qed jagħmluhom ukoll l-istudenti li jħossu futur inċert kemm fl-edukazzjoni u anke fil-qasam tax-xogħol u jagħmluhom l-anzjani li jridu jġorru parti mill-piż għaliex dawn kważi ntesew f'dan il-budget. Il-konklużjoni bilfors tiġi waħedha: Issa ħadnielhom il-vot, sa ħames snin oħra l-poplu jkun nesa u l-aħħar budget jew tnejn naraw kif nagħmlu u nirranġaw l-affarijiet. Dan in-nuqqas ta' direzzjoni jirrifletti wkoll tħassib ieħor li lilna jinkwetana - il-hidden agenda. Aħna qegħdin hawn biex nikxfu l-aġenda moħbija tal-Gvern. Dan hu budget li jrid jieħu l-iktar bench-mark baxxa possibbli, għalhekk dan il-falliment totali, dawn il-ħofor kbar ma' kullimkien, ħalli mbagħad aktar 'l quddiem jiġifieri, meta tiġi l-elezzjoni, jkollna biex niftaħru li dawn il-ħofor issa imlejnihom, meta fil-fatt dawn il-ħofor jew ma kenux daqshekk kbar jew inkella ġew verament imkabbra, kif spjegalna b'mod tant konvinċenti, il-Kap ta' l-Oppożizzjoni l-ġimgħa l-oħra.
Sur President, inkomplu naraw il-qagħda ekonomika, skond l-Economic Survey. fejn jurina li l-esportazzjoni naqset, f'termini reali, b'5.7%. Fl-istess żmien, jiġifieri bejn Jannar u Settembru tas-sena l-oħra, l-importazzjoni naqset b'1.7%. Il-Gross Domestic Product żdied b'7.4%, jew bi Lm53.7 miljun għal total ta' Lm783.1 miljun. L-ikbar żieda ta' dan il-Gross Domestic Product, li jkejjel x'nipproduċu u x'kapaċi nipproduċu, marret fuq il-qligħ tal-ħaddiema li bħala average żdied b'Lm4.37 għal total ta' Lm79.35 fil-ġimgħa. X'iżdied aktar skond l-Economic Survey? Kiber ukoll id-dħul minn investiment li qiegħed barra li kien ta' Lm23.8 miljun, żieda ta' 17.8% li kien attribwit għal inqas ħruġ ta' flus minn individwi u nuqqas ta' ħlasijiet ta' imgħax fuq self magħmul f'isem il-Gvern u korporazzjonijiet pubbliċi.
Xi ngħidu mbagħad għall-qgħad li huwa wieħed mill-iktar indikaturi importanti fl-ekonomija? Dan żgur li għandu dimensjoni ferm iktar wiesgħa minn sempliċement ċifra jew statistika. In-numru ta' nies jaħdmu tela' b'2,354 minn Settembru ta' l-1995 sa Settembru ta' l-1996 għal total ta' 148,085. Il-qgħad kien ta' 3.7% f'Settembru ta' l-1996, żieda ta' 0.3% fuq is-sena ta' qabel. F'din il-Kamra diġa' kien hawn diversi mistoqsijiet u nuqqas ta' qbil ta' x'ġara minn Ottubru sal-lum, x'qed u x'jista' jiġri. Nawguraw bis-sħiħ li din il-figura tibqa' baxxa għax jekk jerfa' rasu l-qgħad imbagħad mhux ħofor fin-finanzi tal-Gvern ikollna imma jkollna ħofor fil-familji u fis-soċjeta' tagħna. Inkunu morna lura mhux biss fil-livell ta' dawk li qed jaħdmu imma nkunu morna lura wkoll bħala repubblika li hija mibnija fuq ix-xogħol. Il-Gvern preżenti jrid ikun responsabbli li jieħu ħsieb li b'kull mezz iħares dak li wiret fil-qasam tax-xogħol għax ikun inutli li ngħawġu l-istatistika u li nwaħħlu f'ta' qabilna. Id-dover tagħna hu li niftħu l-għajnejn u li nuru x'qed naħsbu u x'qed iħassibna u nispera li dan ma jitteħidx bħala tixwix jew bħala diskors irresponsabbli. J'Alla l-Gvern ikollu suċċess għax jekk le jkun il-poplu li jbati. Veru li fuq din tal-Labour ma wiegħdu xejn u ma jidhirx li tawha wisq importanza la fid-Diskors tal-President u lanqas fil-budget.
Sur President, jekk naraw l-attivita' produttiva nsibu tnaqqis ta' 5% f'dik li hi manifattura. Fil-qasam ta' l-ikel, il-bejgħ żdied kemm f'dak li esportajna u anke f'dak li hu bejgħ lokali. Fis-settur tal-minerali - tal-beverages - għalkemm żdiedet l-esportazzjoni naqas il-bejgħ lokali x'aktarx minħabba li naqsu t-turisti. Il-bejgħ tal-prodotti tat-tabakk żdied u għalkemm forsi ekonomikament din tidher ħaġa tajba, personalment ngħid li l-vizzju tat-tipjip nixtieq narah jonqos għax għandna waħda mill-ogħla rati fid-dinja. Ara hawnhekk jien naqbel mal-budget tal-Gvern, pero' xorta ma naħsibx li se jilħaq l-għan tiegħu u dan għaliex il-Gvern qed jaħseb biss fin-numri u mhux fin-nies. Li żżid il-prezz tas-sigarretti biss m'huwiex biżżejjed imma jrid ikollok ukoll kampanja edukattiva qawwija biex tgħin lil dawk il-ħafna li jixtiequ jieqfu mit-tipjip. L-ekonomija għandha l-fattur uman u f'dan il-każ anke l-fattur kulturali, għax fostna għadu m'huwiex moda li ma tpejjipx anzi, pjuttost bil-maqlub u min kien ipejjep gerger daqsxejn imma xorta baqa' għaddej idaħħan.
Settur ieħor li wera titjib sostanzjali huwa dak kimikali. Dan is-settur wieħed jista' jaqsmu fi tnejn; għandek qasam bi prodott għall-industrija li s-suq tiegħu hu lokali u l-qasam l-ieħor bi prodott indirizzat lejn il-konsumatur bħalma huma, l-kosmetiċi, toiletries u prodotti fermaċewtiċi li huma orjentati lejn l-esportazzjoni. Dan il-qasam jidher li kien l-aktar wieħed li espanda fl-ekonomija Maltija fis-snin riċenti. Għalhekk jidher li ta' min isegwi u jinkoraġġixxi din il-linja li titlob kontroll strett fuq il-kwalita' kif ukoll ħaddiema mħarrġin tajjeb.
Fil-qasam tas-servizzi jidher li d-dħul mit-turiżmu niżel b'4.7% għalkemm fl-istess ħin inżamm il-livell ta' nies jaħdmu f'dan il-qasam li huwa ta' 10,112 jew 7.1% ta' dawk kollha li jaħdmu bi qligħ. Kompla jiżdied ukoll il-kontribut kemm mill-Malta Financial Services Centre kif ukoll mill-Malta Freeport.
Madam Speaker, kejl ieħor ta' mportanza kif ukoll ta' kontroversja huwa r-rata ta' inflazzjoni. Skond l-aħħar Economic Survey din kienet ta' 2.94% li, għalkemm tqarreb għall-average Ewropew, li huwa ta' 2.6%, xorta waħda kienet daqsxejn aktar għolja. Minn dawn il-figuri wieħed jista' joħroġ il-qagħda ta' l-ekonomija Maltija matul l-ewwel disa' xhur ta' l-1996, u għalkemm wieħed qatt ma jista' jkun kuntent biżżejjed, għax inkella żgur li jieqaf il-progress, pero' din l-ekonomija li wiret il-Partit Laburista ċertament la hi tat-Tielet Dinja u wisq inqas hija falluta, kif qegħdin jipprovaw ibellgħuhielna.
Nixtieq ma nirrepetix dak li diġa' ntqal fuq aspetti differenti tal-budget għax nixtieq niffoka fuq is-settur kummerċjali u l-qasam ta' l-enerġija. Fuq is-self-employed se jitkellem sieħbi, l-Onor. George Hyzler, pero' hawn nixtieq infakkar x'kien qal l-Onor. Leo Brincat, ix-shadow minister għall-kummerċ ta' dak iż-żmien, fl-aħħar seduta ta' l-aħħar budget li saret fl-4 ta' Diċembru ta' l-1995, kważi sena u xahrejn ilu meta dak inhar il-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni kien wiegħed it-tneħħija tal-VAT. L-Onor. Leo Brincat kien qal dawn il-preċiżi kelmiet:
"Aħna diġa' kkommettejna ruħna ma' l-għaqdiet tas-self-employed għal time-frame speċifiku ta' konsultazzjonijiet li fih niżmantellaw din it-taxxa agressiva minn ġo nofsna".
Dak inhar - sena u xahrejn ilu - ix-shadow minister għall-kummerċ kompla jgħid hekk:
"Illum is-self-employed qed iħarsu lejn il-Partit Laburista b'tama u fiduċja".
Kemm għadu jgħodd dan il-kliem wara dan il-budget? L-indikazzjonijiet dwar din il-wegħda jidhru illi fis-sustanza u fil-konċett din it-taxxa m'hijiex se titneħħa, u dan joħroġ minn dak kollu li qed jiġri f'pajjiżna.

Sur President, pajjiżna għat-tajjeb jew għall-ħażin sar pajjiż konsumista, jiġifieri n-nies tonfoq biex tixtri ħafna affarijiet u servizzi. Għalhekk il-Gvern preċedenti kien daħħal din it-taxxa biex nagħtu sens veru lill-kelma "modern". Jekk il-poplu qed jonfoq u qed jikkonsma tista' tintaxxah fuq dik l-attivita' ukoll minbarra t-taxxa fuq id-dħul. Ħadd ma jieħu gost iħallas it-taxxa - allavolja l-munita jkollha wiċċ Ċesri - u l-Partit Laburista bil-mod kif wiegħed li titneħħa t-taxxa tal-VAT żgur li ta x'jifhem lil ħafna nies li taħt Gvern Laburista kienu se jmorru aħjar fil-qasam tal-finanzi personali tagħhom. Issa li rajna l-ewwel budget, ħafna qed iħossu li ngidmu u li daħku bihom, pero' lil dawn it-talin ngħidilhom li dan ma setax ikun mod ieħor. Kull gvern, hu min hu - l-Onor. Sant ma qagħadx idur mal-lewża dwar din għax qalielna ċara u tonda u rnexxielu - l-ewwel bżonn li jkollu biex jitla' fil-gvern huwa dak tal-vot, pero' mbagħad ikollu bżonn ukoll il-flus biex imexxi. Ma nafx jekk is-self-employed illum għadhomx bl-istess tama u fiduċja li kienu wrew fil-Partit Laburista 14-il xahar ilu! Forsi l-white paper tkun l-aħħar karta li dawn it-talin jilagħbu mal-Partit Laburista!


Il-VAT żgur li kienet issue kruċjali fl-elezzjoni, iżda minkejja l-wegħdiet kollha li saru min xtaq li din titneħħa żgur li qed iħoss li għaddewh biż-żmien. Fejn hu t-time-frame speċifiku ta' konsultazzjonijiet? Per eżempju, dawn ilhom aktar minn tliet xhur fil-gvern u għadhom iltaqgħu darba biss mal-GRTU. Iż-żmien għad jagħtina parir dwar jekk fil-fatt il-VAT titneħħiex għal kollox, ibiddlulhiex isimha jew idaħħlux taxxa ġdida minflokha. Jeħtieġ li l-business confidence f'pajjiżna jiżdied u jiżdied malajr jekk ma rridux li l-qagħda kummerċjali tistaġna.
Kritika oħra li kienet issir u li ntrabtet magħha wegħda oħra hi dik li l-Onor. Leo Brincat - fl-istess diskors li semmejt aktar kmieni - kien jipparaguna lil Malta bħala l-Colombia tal-Mediterran. Fejn huma n-negozjanti l-kbar u l-barunijiet? X'sar minnhom dawn? Fl-Estimi nsibu li se jkun hemm leġislazzjoni kontra monopolji u sistemi ta' kummerċ unfair u mhux aċċettabbli. Jissemma wkoll it-twaqqif ta' awtorita' awtonoma li għandha tassigura kompetizzjoni xierqa u li tħares l-interess tal-konsumatur u għal dan il-għan hemm ivvotati Lm24,000. Issemma wkoll li l-Ministru se jgħaddi l-poteri diskrezzjonali li għandu bħalissa lil din l-awtorita'. Nixtieq inkun naf iktar kif se taħdem din l-awtorita', kif se tkun magħmula u kif se tkun tista' topera b'mod awtonomu, għaliex din tidher bħala l-unika iniżijattiva ġdida f'dan il-qasam, anke jekk jidher li hemm bdil fl-isem biss.
Se jintnefqu kważi Lm1 miljun biex tingħata għajnuna lill-esportaturi Maltin ħalli jakkwistaw ordnijiet minn barra. Aħna nawguraw li Malta tkompli tifrex l-esportazzjoni tagħha ħalli l-ħaddiem Malti jkollu aktar xogħol u qliegħ.
Sur President, issemma ħafna d-deficit u d-dejn nazzjonali u hawnhekk huwa tajjeb li nżommu kollox fil-perspettiva tiegħu. Lil pajjiżna ma nistgħux narmuh u ngħidu li huwa fallut. Minn wara l-indipendenza 'l hawn kull darba li jinbidel il-Gvern Nazzjonalista, kemm fl-1971 u anke issa dejjem saret din l-għajta ta' pajjiż fallut. Minbarra li dan m'huwiex eżatt, għax id-deficit u d-dejn li għandu pajjiżna jikkompara tajjeb ma' dawk ta' diversi pajjiżi żviluppati, dan jista' jagħmel ħsara lil pajjiżna f'għajnejn il-barranin, ħaġa li tista' tkun counter productive anke għall-Gvern tal-ġurnata, il-Gvern Laburista, jekk kemm-il darba ma jridx iżid il-problemi lilu nnifsu. Wisq nibża' li dan hu paraventu tal-Gvern biex jiġġustifika l-miżuri li ħa f'dan il-budget u l-miżuri strinġenti li beħsiebu jieħu aktar 'l quddiem. Ħalli ngħidilkom x'kellu xi jgħid fuq id-dejn pubbliku l-famuż ekonomista Amerikan Galbraith waqt lecture li sar riċentement: "Attitudes on public debts have now reached paranoid proportions but these attitudes must be ignored.". L-iffissar fuq id-deficit, id-dejn u l-ħofor se jtellifna milli niffokaw fuq l-iktar ħaġa li tista' tiswielna f'dan l-istadju ta' żvilupp ta' pajjiżna jiġifieri, l-investiment, it-tifdil u t-tkattir tax-xogħol.
Ngħaddi issa biex nitkellem fuq il-qasam ta' l-enerġija għax għalkemm riċentement diġa' kelli okkażjoni biex nitkellem fuq dan il-qasam, dak inhar kien għadu ma tħabbarx il-budget u l-miżuri meħuda fih li jirrigwardjaw prinċipalment is-settur ta' l-enerġija bħalma huma l-petrol, id-diesel, il-pitrolju, it-trasport bl-art, bil-baħar u anke bl-ajru. Ir-raġuni wara dawn iż-żidiet intqal li hija waħda ta' natura ambjentali, pero' kemm fil-fatt dawn il-miżuri se jirnexxilhom ibiddlu l-kultura tal-Maltin dwar l-użu tal-karozza privata tagħhom, ma nafx. Wisq naħseb li dan l-effett se jkun bħal dak tas-sigaretti, fejn kulħadd jidrah u kull min se jiżdiedulu l-ispejjeż se jgħaddihom lill-konsumatur. Kollox jindara u kulma jkun ġara huwa li l-affarijiet jogħlew iktar minħabba raġunijiet interni. Minkejja dan kollu nieħu pjaċir ninnota li x-xogħol mibdi mill-Amministrazzjoni preċedenti fl-Enemalta se jitkompla b'nefqa ta' 'l fuq minn Lm26 miljun. Fost il-proġetti diġa' mibdija nsibu l-Phase II B tal-Power Station ta' Delimara, l-extension tal-13KV mill-Marsa għall-Mosta u madwar 30 substations ġodda. Fil-budget issemma wkoll li se jkun hemm programm ta' komputerizzazzjoni. Aħna dejjem emminna fit-teknoloġika avvanzata u tajjeb li wieħed jistaqsi kif jinkwadra dan fil-programm mibdi mill-Gvern Nazzjonalista.
Kollox ma' kollox jidher li dan il-budget kien eżerċizzju ta' accounting, ta' sistema ta' finanzjament li fiha nnifisha veru għandha ċerti defiċjenzi strutturali u eżempju ħaj ta' dan hi l-istess Enemalta, kumpannija suppost kummerċjali imma li tipprovdi servizz sussidjat u li tagħti u tieħu mingħand il-gvern ċentrali. Li għamel il-Gvern hu li l-problemi tal-finanzi, dawk li sejħilhom ħofor, se jindirazzahom billi jħaffer ħofor fil-but tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Dan se jagħmlu biex ikollna kontijiet sbieħ u tajbin. Jien nistaqsi: Dan hu li vvota għalih il-poplu Malti? Fejn huma l-ideat ta' żvilupp u ta' xogħol? Kif se ddur ir-rota tal-ġid? Xi triq qbadna?
Sur President, il-Gvern il-ġdid issa wasal lejn tmiem qamar il-għasel tiegħu imma l-budget li ġie ppreżentat lill-poplu mhux għasel fih imma żidiet li mbagħad se jġibu żidiet oħra magħhom. Skond kliem il-Prim Ministru stess iż-żidiet fil-pagi li ngħataw ma kenux biżżejjed biex ilaħħqu ma' l-għoli tal-ħajja. Il-ħabel tas-slogan Soċjalista ta' qabel l-elezzjoni issa nqata' u ċ-ċittadin hu l-ewwel wieħed li jrid iħallas l-ispejjeż tal-bidla fil-gvern. Grazzi, Sur President. (Onor. Membri: Hear, hear)
Yüklə 467,41 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7   8




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin