THE DEPUTY CHAIRMAN: L-Onor. Leo Brincat.
ONOR. LEO BRINCAT: Mr Chairman, xtaqt li fil-ħin li għandi niffoka ftit fuq is-seba' areas differenti li jaqgħu taħt ir-responsabilta' ta' dan il-ministeru. L-ewwel ma xtaqt niffoka fuqu huwa proprju l-METCO. Is-sena 1996 kienet sena ta' sfida għall-METCO għaliex iddaħħlu fiha diversi servizzi ġodda filwaqt li ġew imsaħħa dawk stabbiliti. Mill-informazzjoni li għandi, b'kollox n-numru ta' METCO users illum tela' għal figura record ta' 600 kumpanija u din tirrappreżenta żieda ta' 80% fuq dak li kien hemm fl-1992. Jekk naraw kemm il-METCO assistiet kumpanniji fi żjarat barra l-pajjiż insibu li kien hemm 190 kumpannija. L-aktar areas li ġew imsaħħa fl-1996 kienu dawk tat-trade information services, il-qasam ta' l-information technology, dak tat-taħriġ u l-Euro Info Centre. L-istess jista' jingħad ukoll għall-business links unit li twaqqaf bil-għan li jippromwovi alleanzi strateġiċi bejn ditti Malti u ditti barranin. B'kollox ġew organizzati erba' trade missions li t- target tagħhom kien li nsibu swieq relattivament ġodda għal pajjiżna mill-Ġappun u r-Repubblika Ċeka. F'dawk li huma trade fairs u exhibitions saru f'seba attivitajiet u ħadu sehem 63 kumpannija. Kien hemm imbagħad il-business co-operation missions - f'waħda minnhom kelli x-xorti li nipparteċipa jien personalment - li ġabru flimkien sħab lokali u barranin f'dawk li huma joint ventures, bdil ta' knowhow u affarijiet simili. Ftit ġimgħat ilu, il-METCO kellha anke okkażjoni tillonċja servizz ġdid fl-export market research scheme, li nittamaw li fil-ġejjieni dan inkunu nistgħu nsaħħuh. Filwaqt li l-METCO kompliet tinvesti f'phone line information u anke f'faċilitajiet ta' CD ROM huwa ippjanat li din is-sena jkun hemm business co-operation missions lejn l-Ingilterra. Fir-rigward ta' l-Italja l-ħsieb huwa li tkun hemm an incoming business co-operation mission nawguraw li dawn ikollhom is-suċċess li s'issa kellhom l-outgoing missions ta' din l-organizzazzjoni.
Prijorita' oħra għal METCO fis-sena li qegħdin fiha hija l-espansjoni u l-iżvilupp ta' l-Euro Information Centre. Dan qed ngħidu għaliex pajjiżi kompetituri bħal tagħna, bħat-Tuneżija u Ċipru, qed jagħmlu dan ukoll u għal daqstant huwa importanti ħafna li nsaħħu dak li għalina huwa ta' importanza strateġika. Permezz ta' l-Internet Service tal-METCO tajna lill-kumpanniji Maltin opportunita' li jiżviluppaw paġni li huma tailor-made fuq l-Internet. Nittamaw li fil-limiti tar-riżorsi li għandna nimbarkaw fuq proġetti ta' information technology aktar ambizzjużi tul is-snin li ġejjin. Dan mhux jien biss nemmnu imma jemmnuh anke d-diriġenti tal-METCO li l-information technology issaħħaħ l-oqsma tat-trade facilitation and support, issaħħaħ it-trade information, issaħħaħ it-trade promotion u ssaħħaħ ukoll l-international business co-operation. Ta' min wieħed jgħid li għalkemm il-maġġoranza tal-users huma ditti tal-manifattura u ta' l-esportazzjoni li proporzjon kbir minnhom huma ta' sidien Maltin u huma anke ditti kkontrollati lokalment, xorta waħda numru ta' ditti kbar ibbażati f'Malta qed iżidu l-użu li qed jagħmlu mill-METCO. Ħafna nies kienu jaħsbu li l-METCO qiegħda hemmhekk biss għas-servizz ta' ditti li huma purament Maltin. Din hija idea fallaċi, għaliex fil-fatt 11% tal-users huma ditti barranin li jagħmlu l-marketing tagħhom minn Malta, filwaqt li 9% jinsabu f'joint venture mal-Maltin. Interessanti wkoll li wieħed jinnota li l-maġġoranza tal-users huma ditti żgħar u mezzana tant li 86% tal-users iħaddmu 50 ruħ jew inqas.
Importanti, Sur President, li wieħed jifhem - u dan huwa importanti li nfehmuh anke lin-nies - li l-METCO m'hijiex qiegħda hemm biss biex iġġib l-ordnijiet imma qiegħda hemm l-aktar bħala support u qiegħda l-aktar bħala infrastruttura. Fi kliem ieħor, l-iskop tal-METCO huwa li sservi ta' katalista u ta' facilitator għal min irid sħab u swieq barranin. Huwa pjaċir tiegħi li ngħid li l-inizjattiva li qed tħejji l-METCO bħalissa biex ikun hemm trade mission lejn l-Eġittu u Tuneż lejn tmiem ix-xahar id-dieħel attirat numru record ta' ditti Maltin jew ditti bbażati f'Malta tant li dawn ilaħħqu madwar 43. Dan in-numru huwa iktar milli kellna f'business co-operation missions lejn postijiet Ewropej. Għalhekk dejjem skond il-ħteġijiet tal-users, il-METCO se tkompli bil-politika tagħha li tħares 'il hinn mis-swieq tradizzjonali tagħha filwaqt li ovvjament tikkonsolida dawk is-swieq li huma diġa' stabbiliti.
Niġi issa għal ftit kummenti dwar il-Counter Trade li tagħha ħadt ir-responsabbilta' riċentement. Minħabba raġunijiet ta' indisposition ta' persuna partikolari - jiġifieri mhux minħabba tnikkir - ma kellniex iċ-ċans li nagħmlu l-meetings li xtaqna. Madanakollu diġa' għandi up-date report mid-diretturi li kien hemm qabel fuq il-Counter Trade u għalhekk diġa' stajt nieħu stampa tas-sitwazzjoni li writna. Mir-rapport li għaddewli d-diretturi l-antiki tal-Counter Trade jidher li sibna kobba mħabbla sew li magħha hemm impjegat biss messaġġier u fejn il-bord ilu sena ma jkun kostitwit kif suppost. Meta xi sentejn ilu rriżenjaw żewġ membri minn fuq il-bord jidher li lanqas biss ġew sostitwiti. Jidher ċar mir-rapport li għandi mid-diretturi li kien hemm qabel fuq il-Counter Trade li l-qofol ta' kollox hija r-relazzjoni bejn il-Counter Trade u d-ditta Camarco. Mill-informazzjoni li għandi jidher li għal bidu l-Camarco, bħala aġent ta' l-AWT ta' l-Aswtrija, kienet taġixxi f'isem il-Counter Trade iżda aktar tard ittieħdet deċiżjoni fejn il-Camarco - AWT suppost li bdew jagħmlu transazzjonijiet f'isimhom u jagħtu anke commission lill-Countrer Trade. Abbozz ta' ftehim kien ġie sottomess lill-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin li min-naħa tiegħu kien ippropona xi tibdil. In-negozjati dwar dan kienu ħadu ż-żmien u sadanittant id-ditta AWT ħarġet mix-xena qabel ma ġie ffirmat l-ftehim. Il-final draft - jidher li mir-rapport li għandi l-Kabinett approva l-final draft - kien ġie ffirmat mill-Camarco Trading Limited, issapportjati mill-Camarco Limited, nhar it-30 ta' Awissu 1993 bid-data tal-ftehim, back-dated, li tmur lura għall-1 ta' April 1992. Fil-fatt, il-Malta Counter Trade għad trid tieħu commissions għas-snin 1992/93 li jlaħħqu 'l fuq minn miljun dollaru Amerikan. Hemm imbagħad liabilities oħra li jlaħħqu miljuni ta' dollari.
Tajjeb li wieħed jieqaf hawnhekk illum, qabel ma nkunu nistgħu ninvestigaw iktar fit-tul.
Osservazzjoni li rrid nagħmel hija li fl-1994 il-Camarco kienu nformaw lill-Counter Trade li ma kenux lesti li jħallsu l-interessi għax il-Gvern ta' Malta ma kienx ġedded garanzija li skadiet f'Lulju ta' l-1993. Skond id-dokumenti li għandi bil-miktub, meta kollox kien lest biex tittieħed azzjoni legali kontra l-Camarco bil-barka tal-Viċi Prim Ministru li ngħatat nhar it-13 ta' Marzu 1995, ġara li dawn l-istruzzjonijiet inbidlu nhar l-10 ta' Mejju 1995 mill-Ministru tal-Finanzi wara li dan ħa r-responsabbilta' tal-kumpannija f'idejh. Għandi informazzjoni wkoll li nhar it-3 ta' Mejju 1996 din il-faċilita' kien ġiet issapportjata minn letter of comfort mill-istess Ministru tal-Finanzi wara laqgħa li huwa kien organizza ma' uffiċjali għolja tal-Mid-Med Bank. Aħna nittamaw, Sur President, li permezz ta' bord ġdid inkunu nistgħu nidħlu iktar fil-fond ta' din il-kwestjoni.
Fuq il-kumpannija LIMSUC nista' ngħid li l-affarijiet kienu ilhom staġnati sa mill-bidu ta' l-1995 meta kienu ġew shipped biss affarijiet li jiswew b'xi 378,000 dollaru. Il-ħidma ta' din il-joint venture bejn l-MGI Malta u l-ASWAC National Department Stores tal-Libja hija bbażata, kif forsi jiftakru ħafna, fuq bejgħ ta' prodotti Maltin lejn supermarkets fil-Libja. Tajjeb li wieħed jenfasizza li l-kontroll effettiv hawnhekk qiegħed fuq in-naħa Libjana li għandhom anke chairman Libjan f'din l-organizzazzjoni. Tajjeb li wieħed jinnota, Sur President, li kien hemm żmien twil fejn ma sarux shipments, għaliex ma kienx hemm importation budgets u anke letter of credit coverage min-naħa Libjana. Għandi pjaċir ngħid li l-affarijiet issa jidhru li ġew normalizzati u sa ftit jiem ilu kienu nfetħu iktar minn 40 letter of credit b'total ta' 13,662,017 dollaru Amerikan. Naħseb li wieħed irid japprezza li għalkemm dan huwa suq li kultant jaf ikun diffiċli u li kultant jimxi daqsxejn bis-sulluzzu, huwa suq imfittex ħafna mill-esportaturi Maltin għax huwa wieħed li jirrendi u fl-istess ħin qiegħed biss tefa' ta' ġebla 'l bogħod minn pajjiżna. Wieħed jittama u jawgura bl-ikbar sinċerita' li jkun hemm kontinwita' f'dan is-squ biex, nerġa' ngħid, l-affarijiet ma jimxux bl-iskossi jew bis-sulluzzu li għadni kif semmejt. Min-naħa tagħna żgur li se nagħmlu l-almu tagħna kollu biex jiġi kkoltivat dan is-suq mill-aħjar mod possibbli għall-benefiċċju tad-diversi esportaturi Maltin f'diversi oqsma tal-manifattura. Issa nixtieq nieħu ftit ħin biex nitkellem dwar l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta.
Sur President, fiż-żmenijiet tal-lum hemm erba' metodi ta' kif wieħed jista' jersaq lejn iċ-ċaqliq u l-abbużi fil-prezzijiet; jew jirrikorri għal metodi antikwati u mwarrbin ta' price controls, li llum mhux biss huma metodi mmuffati u ineffettivi talli m'għadhom japplikaw imkien fl-Ewropa moderna tal-lum; jew tħalli s-suq għal kollox ħieles mingħajr ebda safety nets jew ilqugħ ta' xejn u allura tħalli l-liġi tal-ġungla tipprevali; jew taħdem fi ħdan qafas ta' leġislazzjoni ta' kompetizzjoni permezz ta' uffiċċju bħal tal-kompetizzjoni ġusta b'mod, biex ngħid hekk, passiv; jew inkella tista' tħaddem il-poteri li jagħtik dan l-istess uffiċċju biex tinvestiga fil-fond kull allegat abbuż jew suspett ta' abbuż fil-prezzijiet. Forsi mingħajr wisq pubbliċita' aħna għażilna it-triq ta' l-aħħar u beħsiebna nintensifikaw l-isforzi tagħna f'din id-direzzjoni. L-ewwel ħaġa li għamilt kif assumejt ir-responsabbiltajiet ta' Ministru tal-Kummerċ f'Ottubru ta' l-1996 kienet li żort iż-żewġ dipartimenti li huma preżentement responsabbli għall-prezzijiet, jiġifieri d-Dipartiment tal-Kummerċ u l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta u rajt x'sistemi kienu qed jintużaw taħt l-Amministrazzjoni preċedenti. Hawnhekk sibt li l-qasam tal-prezzijiet kien qiegħed fil-fażi li jgħaddi mid-Dipartiment tal-Kummerċ għal għand dak tal-Kompetizzjoni Ġusta u fil-fatt biex inkun fair - u jien irrid inkun oġġettiv kemm jista' jkun - il-prezz tal-mediċini kien diġa' qed jiġi amministrat mill-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta li min-naħa tiegħu kien qed jagħmel stħarriġ fuq il-prezzijiet u f'ċerti każi anke sar ċertu tnaqqis. Aħna qed nimxu bil-politika li fejn jinstabu prezzijiet mhux ġustifikati, l-importatur se jkun imġiegħel iraħħashom mingħajr il-ħtieġa li l-każ jmur quddiem il-qorti biex b'hekk l-azzjoni biex jiġu kkorreġuti dawn il-prezzijiet tkun iżjed rapida u iżjed effettiva. Fil-fatt, fis-26 ta' Novembru tas-sena l-oħra aħna diġa' ppubblikajna lista ta' prezzijiet ta' mediċini li ġew imraħħsa u bħalissa d-Dipartiment qed ikompli jaħdem fuq listi oħrajn. Fil-preżent dan l-Uffiċċju jagħmel monitoring ta' prezzijiet ta' madwar 600 prodott, li huma konsidrati bħala importanti f'dik li hija n-nefqa normali tal-mara tad-dar. Dan isir billi jiġu spezzjonati dawn il-prodotti u l-prezzijiet tagħhom fi 13-il store u ħanut differenti mxerdin ma' Malta u GĦawdex. L-ispezzjonijiet isiru f'ċerti postijiet fuq bażi ta' darba fix-xahar u f'ċerti stabbilimenti oħrajn fuq bażi ta' kull xahrejn. Fil-fatt kien wara l-elezzjoni li għaddiet li dawn l-ispezzjonijiet bdew isiru anke ġewwa GĦawdex u huwa ppjanat li kemm in-numru ta' prodotti kif ukoll in-numru ta' ħwienet li jiġu spezzjonati jiżdied mal-milja taż-żmien.
Irrid nagħmilha ċara li fejn jirriżultaw xi żidiet fil-prezzijiet ta' xi prodotti li jkunu jew f'pożizzjoni dominanti fis-suq jew ikunu meqjusa bħala prodotti essenzjali jew ikun hemm is-suspett li din iż-żieda setgħet kienet ir-riżultat ta' xi ftehim restrittiv bħal, per eżempju cartels, dan l-uffiċċju mill-ewwel jibda l-investigazzjonijiet tiegħu fil-każ. Dan bl-ebda mod ma jfisser li aħna qed immorru lura għas-sistema ta' price controls li seta' kien hemm taħt gvernijiet oħra fl-imgħoddi. Bis-saħħa li tagħtih il-liġi, speċjalment bil-multi iebsa li hemm kontemplati għal min ma jikkoperax fl-investigazzjonijiet, l-uffiċċju f'qasir żmien ikun f'pożizzjoni li jġiegħel lill-importatur jikkorreġi l-prezz jekk dan ma jkunx prezz verament iġġustifikat. Dan jista' jsir mingħajr il-ħtieġa li jidħol fil-qrati, bit-telf ta' żmien li dan jinvolvi, kif kien isir taħt l-Att dwar il-Provvisti u s-Servizzi amministrat mid-Dipartiment tal-Kummerċ.
L-Uffiċċju tal-Kompetitzzjoni Ġusta fil-preżent qed jaħdem iżjed u iżjed b'kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Kummerċ, fis-sens li fejn waqt l-inspections li jagħmlu l-uffiċjali mill-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta jirriżulta li jkun hemm abbużi min-naħa ta' xi ħanut, bħal per eżempju, nuqqas ta' prezzijiet fuq xi prodott jew ħruġ ta' invoices ħżiena, id-Dipartiment tal-Kummerċ jiġi ovvjament informat bihom. Barra minn hekk, l-uffiċċju qed jitlob u se jkompli jitlob il-costings speċjalment tal-mediċini, li jiġu sottomessi lid-Dipartiment tal-Kummerċ. B'hekk aħna nemmnu li dan l-uffiċċju ikun jista' janalizza aħjar iż-żieda fil-prezzijiet tal-prodotti billi jkollu stampa ċara ta' kif jiċċaqilqu l-prezzijiet u anke r-rati tal-kambju fuq medda ta' żmien. L-uffiċċju jkun qiegħed f'pożizzjoni wkoll li mhux biss jinnota dawk il-prezzijiet li telgħu għax ikun hemm currency li tkun apprezzat, imma jkun qiegħed f'pożizzjoni wkoll li jassigura li jsir roħs f'dawk il-prezzijiet li jkunu għolew minħabba f'tisħiħ f'xi munita barranija imma li mbagħad din terġa' titbaxxa fis-swieq internazzjonali tal-kambju. Hawn huwa fejn irridu nagħfsu l-iżjed.
Dan l-aħħar kien hemm ġurnal qrib il-Partit Nazzjonalista li ppubblika diversi listi ta' prodotti li għolew u kien hemm anke gazzetti oħrajn bħal, "it-Torċa", li forsi ġabu inqas listi imma xorta waħdu ġabu items li ġew rapportati li għolew, u hawnhekk jiena kont nippreferixxi li kieku l-ispjega flok nagħtuha aħna jagħtiha n-negozjant innifsu, jekk dan dejjem ma jkollux faħam miblul. Imma jidher li ċerti negozjanti lanqas jindenjaw ruħhom li jispjegaw il-pożizzjoni tagħhom mal-media għax kieku jiffrankaw lill-Gvern li joqgħod jintervjeni biex jispjega l-pożizzjoni ta' ċertu ċaqliq fil-prezzijiet. Għaldaqstant fin-nuqqas ta' spjega min-naħa ta' l-importatur innifsu, aħna ovvjament inħossu li għandna d-dover lejn il-konsumatur illi, mingħajr ma nagħmlu kontrolli żejda, fejn huwa opportun, nibdew nagħtu spjega pubblika ta' l-investigazzjonijiet li nkunu għamilna. Naħseb li dan huwa l-anqas li wieħed jistenna minna f'sitwazzjoni ta' suq ħieles kif għandna llum.
Jiena nixtieq nagħmilha ċara li aħna m'aħniex se noqogħdu ninħlew fuq dawk l-items li ssib ħafna minnhom fil-pajjiż u dawk illi forsi ssib duplikazzjoni, triplikazzjoni u kwadriplikazzjoni tagħhom sforz l-għażla ħielsa li jkun hawn fil-pajjiż. Jien qed nitkellem l-aktar fuq mediċinali u affarijiet ta' l-ikel. Il-focus tagħna se tkun fuq dawn l-areas essenzjali li jolqtu l-cost of living tal-familji. Irrid nammetti li bħalissa qed isiru ċerti abbużi li hemm bżonn jiġu mrażżna, preferibbilment bil-kelma t-tajba u bil-koperazzjoni ta' kulħadd. Fil-fatt nhar il-Ġimgħa jew nhar it-Tnejn, jien għandi meeting maċ-Chamber of Commerce u nixtieq illi fit-taħdidiet li jkollna nwasslu dan il-messaġġ. Aħna ma nemmnux la fl-arm-twisting u lanqas fil-coercion, imma nemmnu illi aktar ma jkun hemm ġentlomerija miż-żewġ naħat aktar ikun faċli biex wieħed japplika r-regoli tal-fair competition mingħajr ma jkun hemm bżonn ta' din it-tip ta' pressjoni. Jiena qed ngħid dan kollu għaliex is-sitwazzjoni kif inhi tirrikjedi ċertu azzjoni min-naħa tagħna bħala Amministrazzjoni.
Biex ħadd ma jaħseb li aħna qed naqbdu u naqtgħu l-affarijiet bħal giljottina, aħna ta' rasna fuq għonqna biżżejjed li nagħrfu l-fatt li ħafna prodotti minn dawk li għolew oriġinaw mir-Renju Unit fejn l-Isterlina fil-fatt apprezzat b'madwar 10.5% matul l-1996 u b'madwar 7% minn Ottubru sal-lum. Fil-fatt meta darba eżaminajna lista ta' 46 oġġett li dehru f'ġurnal lokali sibna li 40 minnhom kienu invoiced fl-Isterlina, 4 kellhom żieda ġustifikata fis-CIF costs u f'każ ieħor - naħseb bi żball min-naħa tal-ġurnal - il-prezz kien naqas flok żdied kif qal jew allega l-ġurnal stess. Imma min-naħa l-oħra, biex ma naħsbux li dawn ir-rapporti jkunu kollha nfondati, ftit ilu wasalli rapport mill-Ministru tal-Biedja stess, li ħafna pestiċidi għolew f'daqqa waħda u meta nvestigajna sibna li minn 17-il item li żdiedu fil-prezz, tlieta biss kienu żidiet ġustifikati. Aħna fejn ikunu żidiet ġustifikati mhux se nieħdu azzjoni għax napprezzaw li kultant ikun hemm ċirkostanzi lil hinn mill-kontroll ta' kulħadd li jwasslu għal ċertu żidiet fil-prezzijiet, imma fejn iż-żidiet, bħal fil-każ tal-pestiċidi, jsiru bla ġustifikazzjoni, bilfors kif jgħidu l-Ingliżi we have to put our foot down. Fil-każi fejn il-poplu ġie overcharged, ġbarna l-importation documents mingħand l-importaturi u ħadna passi mmedjati.
Nista' ngħid ukoll li fir-rigward ta' prezzijiet li dehru f'ġurnal lokali inqas minn ġimgħa ilu, diġa' saru l-investigazzjonijiet meħtieġa, u kif wegħdna, se nippubblikaw id-dettalji dwar dawk il-każi fejn irriżultalna li kien hemm overcharging u intransiġenza min-naħa ta' l-importaturi. Biex ħadd ma jieħu l-impressjoni li aħna qed ngħidu l-importaturi huma xi "qatta ħallelin", issib importaturi li appena tkellimhom, mill-ewwel jaqbdu u jbaxxu l-prezz għal dak li kien qabel. Hawnhekk jiena nixtieq insellem - mingħajr ma nsemmi ismijiet - importaturi partikolari fil-qasam tal-camera films li appena ġew avviċinati mid-dipartiment ikkonċenat reġgħu lura minnufih milli jgħollu l-prezzijiet u reġgħu għamluhom għal li kienu f'Ottubru 1996. J'Alla d-ditti l-oħrajn jimxu bl-istess mod realistiku u bl-istess mod prammatiku.
Sur President, għal dak li għandu x'jaqsam ma' ċereali, ta' min igħid illi 91% ta' dak li nimportaw jitħallas bl-Isterlina filwaqt li fil-każ tal-butir 45% jiġi mill-istess sors. Irrid inżid ukoll li minn qabel l-elezzjoni t'Ottubru, id-dairy products, bħall-ġobon ġew effettwati minn Brussels bit-tibdil fir-restitution li kien hemm min-naħa ta' l-Unjoni Ewropea għal diversi pajjiżi, fosthom Malta. Jiġifieri, anke hawnhekk għandna każ ieħor fejn qed nitkellmu fuq fatturi estranei għal pajjiżna li żgur ħadd m'għandu ebda kontroll fuqhom u hawnhekk la wieħed jista' jwaħħal fil-Gvern u lanqas jista' jwaħħal fl-importatur ikkonċernat. Hawnhekk pero' xorta waħda nemmen illi jista' jkun hemm min qiegħed jabbuża u dan jagħmlu billi jkollu ċertu stocks li jkunu ilhom għandu għal ċertu ammont ta' żmien u xorta jaqbad u jgħolli l-prezzijiet tagħhom appena jisma' fl-aħbarijiet illi t-tali munita ssaħħet mis-sors jew mill-pajjiż minn fejn ikun qiegħed jimporta l-prodotti tiegħu.
Naturalment, l-aktar li se jagħfas l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta huwa fuq dawk il-każi fejn ma teżistix kompetizzjoni qawwija jew inkella fejn il-prodott hu meqjus li għandu sehem qawwi mis-suq. Qegħdin naraw ukoll jekk iż-żidiet fil-prezzijiet tal-mediċinali kif irrapportati jkunux iġġustifikati jew le u jekk ikun il-każ, bħalma diġa' għamilna, inġiegħlu lill-importatur iraħħashom u l-prezzijiet riveduti jiġu anke ppubblikati biex kemm l-ispiżjar kif ukoll il-konsumatur ikun jaf kemm għandu jħallas għal dik il-mediċina partikolari.
Biex inkun għidt kollox irrid ngħid li dan l-aħħar kien hemm mediċini li ġew irrapportati li żdiedu, u fil-fatt, mill-informazzjoni li tani d-Dipartiment tal-Kummerċ, dawn il-mediċini - nista' nsemmihom b'isimhom għax roħsu mhux għolew - li huma Actifed, Rynacrom u Imodium illi ġurnal qal illi għolew, fil-fatt dawn kienu għolew qabel Ottubru ta' l-1996. Aħna nfakkru fil-wegħda elettorali li konna għamilna illi anke jkollna regolaturi fl-oqsma ekonomiċi ewlenin li jistudjaw il-qagħda ta' diversi setturi u li perjodikament jippubblikaw studji xjentifiċi dwar dawn l-oqsma. Ma nħossx li għandna nistennew it-twaqqif ta' l-Awtorita' għall-Kompetizzjoni Ġusta biex nagħmlu dan il-pass importanti f'setturi vitali għall-ħajja tagħna ta' kuljum.
Għal dawk li staqsew dwar l-Awtorita' għall-Kompetizzjoni Ġusta - għamel referenza għaliha l-Onor. Francis Agius u anke l-ħabib tiegħi l-Onor. Michel Frendo - għandi l-pjaċir ngħid li diġa' għandna quddiemna l-ewwel draft tal-liġi li tipprovdi għat-twaqqif ta' l-Awtorita' għall-Kompetizzjoni Ġusta li se tkun responsabbli kemm għall-kompetizzjoni ġusta kif ukoll għall-ħarsien tad-drittijiet tal-konsumatur. Id-diskrezzjoni fuq dawn il-ħwejjeġ se tkun f'idejn din l-awtorita' minflok dik id-diskrezzjoni ministerjali li kien hemm taħt l-Amministrazzjoni ta' qabel u li s'issa għadha teżisti anke taħt l-Amministrazzjoni tal-lum. Din l-awtorita' se jkollha l-poter li tappunta regolaturi fl-oqsma ekonomiċi ewlenin u li llum ikollhom ir-responsabbilta' li jsegwu l-qagħda kompetittiva f'dawn l-oqsma li skond il-ħtieġa jippubblikaw ir-riżultati ta' l-istħarriġ tagħhom. Li rrid ngħid huwa li filwaqt li nixtieq li nagħtu attenzjoni urġenti lejn din l-awtorita', ma nixtiequx ngħaġġlu żżejjed u għalhekk nixtiequ li jkollna l-iktar konsultazzjoni wiesa' mal-korpi kostitwiti kollha konċernati kif ukoll - kien punt validu dak li semma l-ħabib tiegħi l-Onor. Michel Frendo - irridu noqogħdu attenti li għalkemm ikollna awtorita' waħda ma nagħmlux xi ħaġa illi fiha jkun hemm ċertu overlapping fejn jiġu fudged id-dmirijiet ta' l-Awtorita' tal-Kompetizzjoni Ġusta u, biex ngħid hekk, id-driegħ l-ieħor ta' l-awtorita' li għandu x'jaqsam ma' l-affarijiet tal-konsumatur. Fil-fatt għadu kif inħatar Kunsill ġdid għall-Affarijiet tal-Konsumatur, u għalkemm dawn huma liberi li jiddiskutu l-issues li jidhrilhom, jien se nistedinhom biex waħda mill-issues li jiddiskutu fil-ġejjieni qarib tkun proprju kif huma bħala driegħ tal-konsumatur iħarsu lejn ir-rwol futur tagħhom u tad-Dipartiment ta' l-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan din l-awtorita' ġdida li s'issa għadha biss, biex ngħid hekk, sempliċi abbozz.
Sur President, tajt ukoll struzzjonjiet, biex l-Att dwar il-Kompetizzjoni jiġi emendat ħalli jitnaqqas il-persentaġġ ta' 40% li ntrapriża jrid ikollha biex titqies li qegħda f'pożizzjoni dominanti biex b'hekk ikun hemm aktar intrapriżi li jkunu soġġetti għall-iskrutinju minn dan l-uffiċċju u allura jkun aktar faċli li jiġu regolati ċerti abbużi fil-prezzijiet. Jekk se nemendaw l-affarijiet, ikun importanti li naraw emendi oħra għal din il-liġi li korpi kostitwiti ssuġġerewlna tul ix-xhur li għaddew biex b'mod modern aħna nassiguraw li jkun hemm kompetizzjoni ġusta u anke kompetizzjoni ħielsa fis-suq li noperaw fih biex filwaqt li jissaħħaħ is-suq il-konsumatur ikun jista' jgawdi mill-aħjar prezzijiet possibbli fiċ-ċirkostanzi attwali. Il-liġi se tiġi emendata wkoll biex skond il-manifest elettorali tagħna dawk l-intrapriżi li jkunu qed joperaw f'suq protett permezz ta' import levies, u għalhekk ma tistax tikkonsidrahom li qed jaħdmu f'suq kompetittiv, ikollhom iċ-ċaqliq fil-prezzijiet tal-prodotti tagħhom irregolat minn dan l-Uffiċċju.
Fl-aħħar nett, b'konformita' mal-wegħda tagħna li nistudjaw il-vijabilita' li l-parellel trading jiġi estiż fl-oqsma ewlenin ta' l-importazzjoni, b'mod partikolari għal dak tal-mediċinali, ħalli jkun hemm iżjed kompetizzjoni fis-suq li mbagħad għandu jirriżulta fi prezzijiet irħas, għandi l-pjaċir ngħid li għadni kif waqqaft ad hoc committee li ngħata xahrejn żmien biex jirrapporta lill-Ministeru tal-Kummerċ. Bħala chairman ta' dan il-kumitat ħtarna lil Dr Godfrey Pirotta, filwaqt li l-membri jinkludu lis-Sur Alex Attard mill-Kamra tal-Kummerċ, is-Sur Effie Micallef mill-GRTU, is-Sur Sergio Galea gradwat fil-Business Management, is-Sur Benny Borg Bonello, chairman tal-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur, is-Sur Marcel Pizzuto, Agent Direttur ta' l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni Ġusta u bħala segretarju s-Sur Joe Schembri mid-Dipartiment ta' l-Affarijiet tal-Konsumatur. Qabel ngħaddi għal dipartimenti oħra, nixtieq nitkellem fuq xi proviżjonijiet tal-Liġi tal-Kompetizzjoni.
Qiegħed ngħid li issa l-proviżjonijiet kollha se jiġu fis-seħħ mill-1 ta' Frar u dan wara li kien ingħata perjodu transitorju ta' sitt xhur għal ftehim li kien jaqa' taħt il-Block Exemption Regulations għall-exclusive purchasing u exclusive distributions ta' birra, beverages, u affarijiet simili: F'dan l-aħħar sena ta' min jgħid li l-Office of Fair Competition beda jinvestiga 33 każ ta' unfair competition, 29 minnhom qegħdin jiġu nvestigati abbażi ta' ilmenti li waslulhom filwaqt li l-oħrajn saru fuq inizjattiva ta' l-uffiċċju stess. Ħamsa mill-ilmenti kienu inammessibbli u ġew sottomessi lill-Kummissjoni għall-Kummerċ Ġust li min-naħa tagħha qablet ma' dawn il-konklużjonijiet. Irrid ngħid ukoll li issa li l-liġi kollha tal-kompetizzjoni se tiġi fis-seħħ fi żmien tlett ijiem oħra, huwa ttamat li l-Office of Fair Competition jintensifika l-isforzi tiegħu biex ma jkun hemm ebda ksur fl-ebda aspett tal-liġi. L-Office of Fair Competition għandu jkun f'qagħda aħjar, Sur President, biex jgħasses fuq abbużi li jsiru minn pożizzjoni dominanti, fuq iffissar tal-prezzijiet u fuq l-impożizzjoni ta' prezzijiet minimi li ma jkunux in line mar-regolamenti tal-block exemptions. Ninsab mgħarraf ukoll li l-Office of Fair Competition għandu l-ħsieb li fil-ġejjien qarib jorganizza seminar dwar l-operat tiegħu u jniedi kampanja pubbliċitarja biex teduka aħjar lill-pubbliku. Xtaqt li nitkellem dwar diversi aspetti oħra li jolqtu dan is-settur imma l-ħin qed jagħfas.
Nixtieq ngħid li kemm l-Office of Fair Competition kif ukoll id-Dipartiment tal-Kummerċ b'seħħ immedjat se jintroduċu free phone service ħalli jkunu jistgħu jilqgħu b'aktar ħeffa l-ilmenti tal-konsumaturi dwar abbużi fil-prezzijiet. Ninsabu wkoll f'kuntatti mal-PBS ħalli jkun hemm programmi b'phone in slots fejn uffiċjali tal-Office of Fair Competition ikunu jistgħu jikkummentaw dwar ilmenti ta' xi żidiet fil-prezzijiet ta' oġġetti essenzjali li jkunu ġew investigati min-naħa tagħhom. In-numru ta' items u outlets li se jkunu monitored se jiżdied u permezz ta' aktar komputerizzazzjoni dan l-uffiċċju għandu jkun f'qagħda aħjar li jintensifika l-investigazzjonijiet tiegħu b'mod aktar profond, effettiv u mgħaġġel. Irridu ninvestigaw ukoll id-discounts u l-bonuses li qed jingħataw lil tal-ħwienet li kultant qed ikunu għad-detriment tal-prezzijiet għall-konsumatur. Hemm il-ħsieb li l-Office of Fair Competition jibda jagħmel ċerti surveys u jiġu pubblikati prezzijiet dwar ċerti prodotti essenzjali biex fil-pajjiż ikun hemm price consciousness kemm fost in-negozjanti u anke fost il-konsumaturi. Hawnhekk irrid insellem lill-membri tal-Kummissjoni għal Kummerċ Ġust għax-xogħol siewi li għamlu u għandi l-pjaċir ngħid li dawn dalwaqt se jkollhom premises - long overdue - fejn ikunu jistgħu jiltaqgħu.
GĦal dak li huwa kummerċ, nieħu gost ninnota li l-proċess tal-liberalizzazzjoni se jitkompla tant li dalwaqt jitneħħa l-bżonn ta' liċenzja ta' importazzjoni fuq madwar 200 oġġett li jaqgħu taħt 41 intestatura ta' l-iskeda. Fil-fatt 32 minn dawn se jitneħħew kompletament biex b'hekk se jitħaffef ix-xogħol amministrattiv għall-importaturi. B'dan il-ħsieb ukoll se jsir sforz biex kemm jista' jkun tiġi mgħaġġla aktar il-proċedura tal-ħruġ tal-liċenzji li għad fadal billi jitnaqqas dak il-ġiri minn dipartiment għall-ieħor. Meta s-sitwazzjoni tkun tippermetti beħsiebna nintroduċu sistema li biha l-applikant jinqeda minn post wieħed biss. Effettivament il-bżonn ta' liċenzja ta' l-importazzjoni se jinżamm prinċipalment fuq prodotti li jistgħu jkollhom effett fuq, per eżempju, is-saħħa, fuq l-ambjent u anke fuq is-sigurta'. Fuq il-qmuħ u l-ħobż tal-Malti, se jitkompla l-ħlas ta' sussidju li din is-sena se jlaħħaq Lm2.8 miljun bejn fuq sussidju ta' qmuħ lill-furnara u lill-imtieħen u kemm fuq it-trasport ta' dqiq għal GĦawdex. Dan għandu jassigura li ma jgħollix il-prezz tal-ħobż tal-Malti u oġġetti oħra ta' l-ikel bħal, laħam u ħalib, li fuqhom għandu effett dirett il-prezz tal-qmuħ għall-annimali. Aħna rċevejna proposti mingħand il-koperattiva tal-furnara, li d-Dipartiment tal-Kummerċ se jara u jistudja billi anke jagħmel il-costings meħtieġa ħalli mbagħad meta jkun opportun jiltaqgħu miż-żewġ partijiet.
Fuq kummerċ barrani, Sur President, il-Gvern beda jwettaq ħidma kontinwa speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-iżvilupp tal-kummerċ internazzjonali. GĦal dak li għandu x'jaqsam ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, il-Gvern ħa sehem fl-ewwel konferenza ministerjali ta' l-Organizzazzjoni Dinija tal-Kummerċ, il-WTO, li saret f'Singapore f'Diċembru li għadda. Ħassejna li din kienet konferenza tassew ta' fejda għall-Ministeru tal-Kummerċ għaliex minbarra l-iżviluppi ta' natura teknika li qablu fuqhom il-pajjiżi membri ta' din l-organizzazzjoni, il-laqgħa serviet ukoll biex jissaħħu r-relazzjonijiet kummerċjali ma' diversi pajjiżi permezz tal-laqgħat bilaterali li saru ma' ministri tal-kummerċ ta' diversi pajjiżi. Il-ministeru ħejja wkoll l-ewwel analisi preliminari dwar l-oqsma tal-politika kummerċjali li sar qbil fuqhom fil-konferenza kif ukoll laqqa' lill-korpi kostitwiti biex jiddiskuti magħhom dawn l-iżviluppi tekniċi bil-ħsieb li jinżamm il-kuntatt neċessarju għall-implimentazzjoni ta' tibdil fil-politika kummerċjali. Ninsab informat li fir-rigward ta' relazzjonijiet ma' pajjiżi Ewropej, miexja sew anke l-evalwazzjoni fuq livell tekniku għal dik li hija l-proposta ta' ftehim ta' kummerċ ħieles mal-pajjiżi ta' l-EFTA.
Sur President, se nerġa' mmur lura għad-WTO Singapore Conference billi ngħid li l-implikazzjonijiet u l-obbligi li joħorġu mid-dikjarazzjoni dwar trade in information technology products qed jiġu miflija minn kumitat apposta li għandu rappreżentanza inter-ministerjali u liema kumitat mistenni jikkonkludi x-xogħol tiegħu fi żmien xahrejn jew tlieta oħra. Ikun tajjeb jekk wieħed jgħid li fid-WTO, Malta hija meqjusa bħala an importing developing country u fil-fatt bħalissa qed niżnu l-impatt ekonomiku ta' dan kollu kif ukoll ix-xejriet u l-pluraliżmu li hemm madwar id-dinja in ġenerali. Jien nista' nassigura lill-Kamra li fid-WTO Malta qed tersaq lejn l-impenn tagħha fuq l-aktar livell tekniku u serju possibbli.
GĦal dak li għandu x'jaqsam ma' l-Industrial Property Office diġa' tlesta abbozz ta' liġi dwar il-patents u qed tiġi mfassla copyright law ġdida filwaqt li nbeda ukoll xogħol fuq trade mark law ġdida. Bħala għanijiet ewlenin ta' dan id-dipartiment hemm it-tisħiħ tal-proċeduri amministrattivi kif ukoll l-intensifikar tax-xogħol fuq komputerizzazzjoni tat-trade mark procedures permezz ta' l-inputting tad-data ta' xi 25,000 trade mark.
Sur President, xtaqt li kieku kelli iktar ħin biex nitkellem fuq il-qasam tal-konsumaturi u allura se jkolli ngħid biss li nistenna li l-kunsill il-ġdid ikun iktar pro-attiv u nawgura li jkun f'qagħda li joffri pariri u suġġerimenti siewja lill-ministeru dwar it-tisħiħ tal-ħidma f'dan il-qasam, aktar u aktar, jekk kif semmejna iktar kmieni se nersqu lejn it-twinning ta' l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta fi ħdan l-Awtorita' għall-Kompetizzjoni Ġusta u Ħielsa. L-appell tiegħi jmur lejn iċ-ċittadini nfushom għax fil-pajjiż għandna għatx kbir għal assoċjazzjonijiet tal-konsumatur u sakemm il-liġi tibqa' kif inhi din hija ta' diżinċentiv għar-reġistrazzjoni ta' għaqdiet tal-konsumatur peress li n-numru minimu ta' membri meħtieġa biex assoċjazzjoni tiġi reġistrata huwa għoli wisq. L-appell tiegħi jmur ukoll lejn il-kultura li għandna bżonn insawru f'pajjiżna u għalhekk qiegħed nappella sinċerament lil kulħadd biex tinbidel il-mentalita', l-orjentazzjoni u anke l-attitudni ta' ċerti ċittadini li jħarsu lejn il-protezzjoni tal-konsumatur biss meta xi darba jintlaqtu fil-laħam il-ħaj. Filwaqt li nemmen li huwa importanti ħafna li nsaħħu l-qasam ta' l-edukazzjoni tal-konsumatur hemm bżonn ukoll li nsaħħu anke l-kuxjenza dwar il-ħidma ta' dan id-Dipartiment għaliex jisgħobija ninnota li xi żmien ilu kien sar survey u minnu rriżulta li inqas minn 50% ta' dawk intervistati kienu jafu li jeżisti dan id-Dipartiment.
Sur President, l-aħħar kummenti tiegħi xtaqt nagħmilhom fuq l-Enemalta. Fil-fatt jien skantajt kif illum, għalkemm diġa' tkellmu tliet kelliema min-naħa ta' l-Oppożizzjoni u ħadu s-siegħa u nofs statutarji tagħhom, l-Enemalta ftit li xejn kien hemm riferenzi għaliha u għalkemm jien naf li dan l-aħħar kien hemm dibattitu sħiħ fuq l-Estimi ta' l-Enemalta naħseb li hemm diversi affarijiet li ta' min wieħed jitkellem fuqhom. Nibda biex ngħid li ftit ilu kont ħabbart li kkummissjonajt studju dwar l-istruttura tal-management ta' l-Enemalta u dan għamiltu għax mill-bidu nett kont ħassejt li kien hemm difetti serji fis-set-up ta' din l-organizzazzjoni. Fil-fatt għandi l-pjaċir ngħid li dan l-istudju tlesta minn Coopers & Lybrand li hija d-ditta lokali ta' Zammit Tabona, Bonello and Co. u naħseb li għalkemm l-Kap ta' l-Oppożizzjoni b'mod partikolari għandu tendenza li jieħu dawn ir-rapporti with a pinch of salt, żgur li bl-ebda mod ma jista' jitfa' xi dell fuq l-integrita' u fuq is-serjeta' ta' dawn in-nies li għamlu l-istudju tagħhom b'mod mill-iktar professjonali u mingħajr ma kellhom l-iċken indħil jew nudging min-naħa tal-ministeru tiegħi.
Sur President, bil-permess tiegħek nixtieq inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ kopji ta' dan ir-rapport filwaqt li ninforma li l-kopji tar-rapport se jitqassmu lill-press għada permezz tad-Dipartiment ta' l-Informazzjoni.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Hemm permess? (Onor. Membri: Iva)
Il-permess ingħata.
ONOR. LEO BRINCAT: Sur President, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Rapport intitolat "Review of Management Structure and Financial Control - 24 January 1997" tal-Korporazzjoni Enemalta.
Fil-ħin limitat li għandi żgur li mhux se jkolli ħin nidħol fid-dettall tar-rapport imma nħoss li għandi nagħti ħarsa lejn l-executive summary tal-konklużjonijiet li dan ir-rapport wasal għalihom għax fil-fatt dawn l-affarijiet huma daqsxejn tal-waħx.
Sur President, l-ewwelnett instab li l-Enemalta għandha struttura pedantika u fiha element ta' reżistenza qawwija għal bidla. Hawnhekk ta' min jgħid li b'kollox ġew intervistati 22 persuna li jinkludu kważi l-managers u l-assistant managers kollha flimkien mas-senior internal auditors u nstab li l-Enemalta għandha problemi serji fil-livelli kollha ta' l-istrutturi tal-management, fil-kultura, fl-attitudni, fid-drawwiet tax-xogħol u fis-sezzjonijiet kollha tagħha. Il-koordinazzjoni interna tagħha hija dgħajfa filwaqt li l-komunikazzjoni interna hija fqira. Il-kultura tal-Korporazzjoni kienet li ma tħarisx lejn il-proġetti ġodda minn perspettiva kummerċjali u fil-fatt, ftit li xejn tingħata konsiderazzjoni lill-flus għall-investiment tal-kumpannija, la minn fejn ġejjin u lanqas kif dawn se jiġu serviced. Il-management accounts jistgħu jkunu aħjar filwaqt li l-Korporazzjoni hija nieqsa sew minn sistemi ta' informazzjoni. L-ikbar żewġ difetti strutturali ta' l-Enemalta huma li din ma għandhiex pjan strateġiku komprensiv u lanqas għandha chief executive, liema chief executive għandu jiġi ngaġġat mingħajr iktar dewmien. Instab ukoll li l-produttivita' tan-nies hija baxxa ħafna filwaqt li l-moral u l-motivazzjoni tal-ħaddiema huma ta' livell baxx. Fl-istess ħin, f'għajnejn is-soċjeta' l-kumpannija m'hijiex meqjusa bħala waħda effiċjenti minħabba l-livell għoli ta' lmenti li njkollha mingħand il-pubbliku. Biex inkun fair irrid ngħid ukoll li għalkemm il-bord antik kien għaraf il-bżonn ta' pjan strateġiku ma kienx beda jħejji biex jipprepara għal dan u billi ma hemmx chief executive il-bord huwa non-eżekuttiv u allura dan kien qed jaqdi rwol amministrattiv minflok ma jiffoka fuq policies u direzzjoni għall-ġejjieni. Ikun tajjeb jekk ngħid ukoll li ftit li xejn hemm delegazzjoni ta' l-awtorita' filwaqt li l-kultura eżistenti hija li d-deċiżjonijiet jiġu dejjem riferuti 'l fuq minflok ma jiġu deċiżi minn min suppost jerfa' r-responsabbilta'. Ħafna mill-business processes tal-korporazzjoni huma maqsumin f'diversi biċċiet u nistgħu naraw project offices separati bħal, fost oħrajn, fil-power station ta' Delimara u f'dik tal-Marsa, hemm diviżjoni separata għas-civil works, kif ukoll hemm il-fatt li l-iżvilupp tal-high voltage network huwa r-responsabbilta' tal-Planning and Development Section fi ħdan l-Electricity Division. Ġie rrimarkat ukoll li d-Dipartiment tax-Xiri m'huwiex meqjus bħala wieħed dedikat jew professjonali u għalkemm ħafna mill-managers - dan mhux qed ngħiduh bi kritika għalihom ħalli ħadd ma jaħseb li qed nattakka lill-managers b'xi mod kapriċċjuż - huma inġiniera mħarrġin tajjeb dawn ma għandhom l-ebda management skills. Tant hu hekk, li meta ġew intervistati huma stess irrikonoxxew dan il-fatt u għarfu l-bżonn li jieħdu management skill training, taħriġ li sal-lum il-korporazzjoni għadha qatt ma tathom. Hawnhekk ta' min jgħid li lanqas f'livelli iktar baxxi m'hemm leadership skills u ħafna drabi l-promotions jingħataw skond is-snin ta' servizz u mhux skond il-kapaċita' ta' l-individwu. Fil-fatt, jidher li fil-jobs infushom hemm nuqqas kbir ta' flessibilita' u jidher ukoll li f'ċerti postijiet hemm animożita' komuni bejn ċertu management u ħaddiema - biex ma nkunx qed nitkellem b'mod ġeneriku - filwaqt li l-work practices m'humiex definiti bil-miktub.
Sur President, fl-Enemalta hemm ċerti sistemi ta' shifts li skond l-awdituri huwa diffiċli li tifhem kif u għaliex ġew introdotti, bħal per eżempju, dak fuq il-programme maintenance work. GĦalkemm il-korporazzjoni għandha sistema formali biex tevalwa l-jobs tan-nies, din m'hijiex effettiva għax fil-fatt ftit jilħqu nies skond il-mertu tagħhom. Għalkemm fid-dehra s-sistema dixxiplinarja tidher li hija waħda stretta, din ġiet meqjusa mill-awdituri bħala waħda pedantika li timxi b'mod u li ma taħdimx effettivament għax fil-fatt ftit li xejn ikun hemm follow-up għall-ksur tar-regoli tal-kumpannija.
Jidher li l-ippjanar finanzjarju tal-kumpannija huwa bbażat l-aktar fuq it-tħejjija tal-budget annwali iżda m'hemmx sistema effettiva ta' budgetary control f'din il-korporazzjoni. Per eżempju, m'hemmx proċeduri biex jintiżnu bil-quddiem proġetti ta' spiża kapitali. Il-monthly management acounts - u dan m'huwiex tort tal-financial comptroller - ġieli jdumu bejn sitta u tmien ġimgħat biex jitħejjew.
Imbagħad għandna pjaga li tidher li qiegħda tikber, dik li l-Ingliżi jgħidulha a national disease, li rajniha fil-każ tar-rapport dwar id-Dockyard u għandna riferenza għaliha f'dan ir-rapport wkoll. Din hija l-kwestjoni ta' kontroll jew nuqqas ta' kontroll fuq l-overtime. Minkejja li l-managers iħossu li l-Enemalta għandha ħafna nies żejda u li ħafna ħaddiema ma jagħtux il-ġurnata sħiħa tax-xogħol tagħhom, insibu li fl-1995/96 intnefqu 12% tal-pagi fuq overtime, jiġifieri total ta' ¥1.3 miljun. Biex ħadd ma jaħseb li hawnhekk aħna qegħdin nissuġġerixxu xi overtime ban u niġu miżinterpretati, kull ma qed ngħidu - u dan qed jgħiduh ukoll l-awdituri - huwa li hemm bżonn li l-overtime ikun ippjanat u strutturat u li min jordnah irid jerfa' r-responsabbilta' tiegħu. Dan għaliex jekk se nħallu f'idejn il-ħaddiem li jiddeċiedi hu kemm jagħmel overtime, ovvjament huwa fl-interess tiegħu li jagħmel overtime kemm jidhirlu hu.
Il-kontroll fuq l-istores ġie dikjarat bħala wieħed difettuż ħafna. Fil-korporazzjoni hemm nuqqas serju ta' accountants kwalifikati, imma mbagħad meta dan l-aħħar sar reklutaġġ ġara li ma applika ħadd. L-arranġament li l-kontijiet jinħarġu mill-Water Services Corporation qed iwassal għal ċerti difetti f'dak li huwa credit control. Hemm numru limitat wisq ta' personal computers u ftit wisq minnhom jaħdmu fuq network.
Barra minn hekk m'hemmx pjanijiet imħejjija fit-tul dwar il-finanzi tal-korporazzjoni, dwar żvilupp tar-riżorsi umani, dwar żvilupp ta' sistemi ta' informazzjoni u dwar product and service development. Donna żviluppat il-kultura fejn kull problema li jkun hemm tiġi riferuta liċ-chairman.
Ftit ilu kellna r-rapport ta' Doublet, Mizzi & Scerri fejn qalulna li l-Enemalta qiegħda titmexxa b'dak li jissejjaħ management by crisis, u issa għandna dan ir-rapport ta' Coopers & Lybrand li qegħdin jgħidulna "the corporation appears to be simply fire-fighting". Jiġifieri hawnhekk fiż-żewġ każijiet għandna konferma ċara ta' kif l-Enemalta timxi mal-kurrent flok tissettja t-targets u l-prijoritajiet tagħha.
Filwaqt li f'management moderna ma ssibx ħafna strutturi bejn il-kbir u ż-żgħir, fl-Enemalta għandek seba' saffi bejn top management u operators. Imma l-isbaħ ironija hija li għandek managers li għandhom biss tlieta jew erba' min-nies taħthom u mbagħad għandek assistant managers li ġieli jkunu responsabbli għal 500 ruħ.
Fil-qasam tal-konsumaturi, is-servizzi jiġu provduti minn żewġ taqsimiet differenti, id-Distretti u l-Meter Section u hawn qed jiġi suġġerit li b'xi mod dawn għandhom jiġu aktar kumplimentari ma' xulxin. Ħaġa oħra hija li għalkemm l-Fire-fighting u s-Sigurta' huma relatati dawn qegħdin taħt managers differenti. Imbagħad għandek id-distakk li jeżisti bejn l-inġiniera u l-ħaddiema. Huma biss il-junior engineers, dawk tax-shifts, li jkunu f'kuntatt dirett ma' l-operators tal-generation. Hija stramba li l-inġinera in charge tad-Distretti ssibhom il-head office b'distanza fiżika mill-qasam ta' l-operations. Imbagħad għandek l-impjegati ġodda li, kif għidt aktar kmieni, ma jitħarrġux fit-tmexxija tan-nies. Ħafna foremen - u m'hux b'tort tagħhom - lanqas għandhom taħriġ meħtieġ iżda jkunu biss tradesman li telgħu tarġa 'l fuq filwaqt li ħafna mill-managers m'għandhomx responabbilta' finanzjarja. Kull meta l-Korporazzjoni pprovat tnaqqas in-nefqa u żżid il-produttivita', spiss sabet attitudni ta' nuqqas ta' koperazzjoni mill-istaff operazzjonali, jiġifieri mil-livell ta' shop-floor. Jekk naraw imbagħad il-procurement ta' affarijiet, insibu li ċerti ordnijiet ġieli damu sena sħiħa biex jiġu proċessati, jiġifieri minn meta tiġi stabbilita l-ħtieġa sakemm effettivament jaslu l-oġġetti għand l-Enemalta. Dan ovvjament qed iwassal għal konsegwenzi negattivi u qed jonfoħ f'mod drammatiku l-inventarju tal-Korporazzjoni. Aktar inkwetanti huwa l-fatt li ġieli jitqiegħdu ordnijiet ma' suppliers li l-Enemalta tkun diġa' stabbiliet minn qabel li ma tistax torbot fuqhom.
Difett forsi prinċipali fl-Enemalta huwa li għandek wisq nies b'titli speċifiċi bħal, per eżempju, drivers, jointers u fitters u b'hekk ma teżistix dik li tissejjaħ a multiskilled work-force bil-konsegwenza li tbati l-aktar ħaġa importanti, li hija l-flessibilita'. Imbagħad teżisti ukoll attitudni negattiva fost il-ħaddiema li, skond l-awdituri, ġieli twassal għal serq mill-istores, għall-abbużi fl-overtime u anke għal tnikkir serju fuq ix-xogħol. Skond ir-rapport, hemm ħafna nies fil-korporazzjoni li m'humiex interessati fix-xogħol tagħhom u jħarsu biss lejn bħala l-qliegħ finanzjarju. L-awdituri dehrilhom ukoll li ħafna shifts qegħdin hemm biss biex jgħollu l-labour cost tal-Korporazzjoni f'forma ta' shift allowances. Jiena ngħid li ma jagħmilx sens li b'dawn il-ħafna shifts hemm dak l-overtime li jammonta għal ¥1.3 miljun.
Il-korporazzjoni għandha difett ieħor li m'hijiex maqsuma fi profit centres jew cost centres. Fil-fatt ma ssir ebda cost benefit analysis biex tifli proġetti ta' natura kapitali u għalkemm tħejja pjan ta' l-enerġija sas-sena 2010, jekk m'iniex sejjer żball fl-1994, id-Dipartiment tal-Finanzi qatt ma ġie nvolut f'dan l-istudju. Jirriżultali li fil-bord, per eżempju, il-manager finanzjarju qatt ma kien jiġi mistieden jattendi jew jiddiskuti l-qagħda finanzjarja. Il-computerisation teżisti biss fil-payroll system u fil-bejgħ tat-Taqsimiet tal-Petrol u tal-Gass. GĦalkem il-management accounts jiġu ċirkolati lid-diretturi, jiena ninsab informat li ftit li xejn kien ikun hemm feedback dwarhom. Fl-istores hemm differenzi kbar bejn il-book stocks u l-istocks fiżiċi. Biex nagħti eżempju, fl-Airport Petroleum Stores lanqas hemm storekeeper u allura kulħadd jista' faċilment jaqbad u jieħu li jrid. Barra minn hekk il-heads ta' l-Internal Audit, lanqas jattendu l-management meetings tal-Korporazzjoni.
GĦalhekk wieħed jifhem għaliex għandu jkun hemm pressjoni qawwija fuq il-korporazzjoni biex issaħħaħ l-effiċjenza, ittejjeb il-customer service issaħħaħ il-control mechanisms u anke biex timxi fuq linji kummerċjali. Sur President, qed jiġi suġġerit, li m'għandu jitħejja ebda tibdil fundamentali qabel jinħatar chief executive ġdid u tiġi formulata strateġija korporattiva. Jiena nemmen li jekk fost in-nies kollha, inklużi aħna min-naħa tal-Gvern u d-diretturi tal-korporazzjoni, ma tidħolx rieda qawwija li jinbidlu l-affarijiet, se nibqgħu staġnati. Li hemm bżonn żgur huwa li fi pjan short-term isir studju tekniku dwar l-electricity loses li qegħdin jikkawżaw ħafna telfien lill-kumpannija, pjan għall-kontroll fuq l-overtime, review tal-proċeduri dixxiplinarji, proċeduri mandatorji dwar nefqiet kapitali, studju dettaljat dwar l-optimum employment levels, titjib fis-sigurta' tal-kumpannija u standardisation dwar il-proċeduri għall-istallazzjoni tas-substations.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Onor. Brincat, baqagħlek żewġ minuti għad-dispożizzjoni tiegħek.
ONOR. LEO BRINCAT: Ladarba baqagħli dan il-ħin limitat, nixtieq qabel nagħmel l-għeluq tiegħi ngħid ili meta konna qed niddiskutu l-Estimi ta' l-Enemalta, l-ex-Segretarju Parlamentari l-Onor. Ninu Zammit kien ħadha bi kbira meta jien għidt li f'laqgħat li huwa kellu ma' uffiċjali ta' l-Enemalta kien qal li jekk issir elezzjoni ġenerali u jerġa' jitla' l-Partit Nazzjonalista huwa kien beħsiebu jgħolli r-rati ta' l-elettriku
b'seħħ immedjat. Dak inhar hu din ċaħadha kategorikament u llum, bil-permess tiegħek, Mr Chairman, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra affidavit minn wieħed mill-uffiċjali għoljin ta' l-Enemalta illi fiha qed jgħid ċar u tond li meta kienu jiġu diskussi l-problemi finanzjarji ta' l-Enemalta ma' l-Onor. Ninu Zammit huwa kien jirrispondi li r-rati ta' l-elettriku jogħlew from day one. Anke fil-fehma ta' min kien preżenti għal din il-laqgħa kif ukoll għalija stess, mingħajr l-iċken dubbju, din kienet tfisser li dawn ir-rati kienu se jogħlew ftit wara l-elezzjoni li kieku, ovvjament, telgħet l-Amministrazzjoni li kien hemm qabel.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Hawn talba biex l-Onor. Leo Brincat ipoġġi dokument fuq il-Mejda tal-Kamra. Hawn permess? (Onor. Membri: Iva) Hawn permess.
Il-permess ingħata.
ONOR. LEO BRINCAT: Mr Chairman, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Affidavit mis-Sur Tarcisio Mifsud, Finance Manager tal-Korporazzjoni Enemalta.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Jekk jogħġbok ikkonkludi għax sar il-ħin.
ONOR. LEO BRINCAT: Jien se nirringrazzja lill-impjegati kollha tal-corporation, anke lil dawk li forsi kkritikajt f'xi wieħed mid-diskorsi tiegħi, u lin-nies kollha li hemm fid-diversi fergħat tal-Ministeru tal-Kummerċ kif semmejt aktar kmieni fl-intervent tiegħi għaliex jien sibt lealta' sħiħ kemm mill-ogħla uffiċjali u anke mill-iżgħar uffiċjali u nawgura li s-sena li ġejja tkun sena ta' ħidma li tkun ta' fejda għall-benefiċċju mhux biss ta' l-Amministrazzjoni imma tal-Maltin u l-GĦawdxin kollha. Nirringrazzjak. (Onor. Membri: Hear, hear)
THE DEPUTY CHAIRMAN: Skada l-ħin tad-diskussjoni fil-Kumitat ta' Provvista.
Il-mistoqsija hi l-emenda għal Vot 28 imressqa mill-Onor. Francis Agius. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Negatived.
L-emenda m'għaddietx.
ONOR. MEMBRU: Division.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Din id-Division tittieħed minn hawn u 5 minuta oħra skond il-Mozzjoni Nru. 37 tal-15 ta' Jannar, 1997.
Billi ntalbet votazzjoni l-Kumitat ġie sospiż fid-9.30 p.m. u rriżuma fid-9.35 p.m.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Il-mistoqsija hi l-emenda għal Vot 28. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Negatived.
ONOR. MEMBRU: Division.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Ninforma lill-Kumitat li min-naħa tal-Gvern l-Onor. Alex Sceberras Trigona, l-Onor. Karl Chircop u l-Onor. Marija Camilleri se jiġu paired ma' l-Onor. Lawrence Gonzi, l-Onor. Guido de Marco u l-Onor. John Vella min-naħa ta' l-Oppożizzjoni.
VOTAZZJONI NRU. 6
FAVUR : 31
L-Onor.
Abela Tony
|
Galea Pace Victor
|
|
Agius Francis
|
Gatt Austin
|
|
Bonnici Josef
|
Hyzler George
|
|
Bonnici Michael
|
Mifsud Bonnici Antoine
|
|
Borg Joe
|
Mugliett Jesmond
|
|
Borg Tonio
|
Muscat Claude
|
|
Cassar Joe
|
Muscat Richard
|
|
Dalli John
|
Psaila Savona Joe
|
|
D'Amato Helen
|
Pullicino George
|
|
Debono Giovanna
|
Pullicino Orlando Jeffrey
|
|
Deguara Louis
|
Refalo Michael
|
|
Farrugia Jean Pierre
|
Tabone Anton
|
|
Fenech Adami Eddie
|
Vassallo Edwin
|
|
Frendo Michael
|
Zammit Ninu
|
|
Galea Censu
|
Zammit Dimech Francis
|
|
Galea Louis
|
|
|
|
|
KONTRA : 32
L-Onor.
Abela Carmelo
|
Farrugia Noel
|
Abela Joseph
|
Grech Edwin
|
Agius Chris
|
Gulia Gavin
|
Attard Montalto John
|
Herrera Jose'
|
Bartolo Evarist
|
Mangion Charles
|
Borg Karmenu
|
Mintoff Dom
|
Brincat Leo
|
Mizzi Joe
|
Buhagiar Charles
|
Pace Bertu
|
Buhagiar Louis
|
Portelli Alfred
|
Cardona Chris
|
Refalo Anton
|
Cilia Joe
|
Sant Alfred
|
Dalli Helena
|
Schembri Adami Sandro
|
Debono Grech Joe
|
Spiteri Lino
|
Farrugia Anglu
|
Vassallo Adrian
|
Farrugia Joe
|
Vella George
|
Farrugia Michael
|
Vella Karmenu
|
L-ermenda m'għaddietx
THE DEPUTY CHAIRMAN: Issa se nqiegħed il-mistoqsija fuq ir-riżoluzzjinijiet inressqa mill-Ministru tal-Kummerċ.
VOT 28 - MINISTERU TAL-KUMMERĊ
Illi s-somma ta' mhux iżjed minn Lm 700,000 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot 28 - Ministeru tal-Kummerċ, kif dettaljata fl-Abbozz ta' l-Estimi Ġenerali ta' Nefqa għas-sena 1997.
Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Carried
Ir-riżoluzzjoni taħt Vot 28 għaddiet
VOT 29 - IMPORTAZZJONI U KUMMERĊ DOMESTIKU
Illi s-somma ta' mhux iżjed minn Lm 3,406,000 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot 29 - Importazzjoni u Kummerċ Domestiku, kif dettaljata fl-Abbozz ta' l-Estimi Ġenerali ta' Nefqa għas-sena 1997.
Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Carried.
Ir-riżoluzzjoni taħt Vot 29 għaddiet
VOT V - MINISTERU TAL-KUMMERĊ
Illi s-somma ta' mhux iżjed minn Lm 1,041,000 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot V - Ministeru tal-Kummerċ, kif dettaljata fl-Abbozz ta' l-Estimi Ġenerali ta' Nefqa għas-sena 1997.
Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Carried.
Ir-riżoluzzjoni taħt Vot V għaddiet
Fil-9.39 p.m. il-Kamra rriżumiet u l-Viċi President tal-Kumitati rrapporta li l-Voti 28, 29 u V taħt il-Ministeru tal-Kummerċ ġew approvati mill-Kumitat ta' Provvista.
MADAM SPEAKER: Il-Viċi Prim Ministru ,jekk jogħġbu jressaq l-Aġġornament.
Dostları ilə paylaş: |