THE CHAIRMAN: L-Onor. George Hyzler.
ONOR. GEORGE HYZLER: Sur President, meta l-Kap ta' l-Oppożizzjoni għabbieni bl-inkarigu ta' shadow spokesman tas-Segretarju Parlamentari għas-self-employed ħadtha bħala sfida għaliex ħassejt li ġejt inkarigat b'piż, forsi xi ftit itqal minn ta' sħabi ta' din in-naħa tal-Kamra, jiġifieri li nġib lura n-nagħaġ mitlufa. Dan għaliex kif nafu lkoll dan is-settur kien il-mira ta' l-istrateġisti tal-Partit Laburista u ħafna huma konvinti li dan is-settur ċeda għall-propaganda Laburista u allura kkontribwixxa bi sħiħ għas-suċċess elettorali sorprendenti tal-Partit Laburista. Fil-fatt is-self-employed kienu minn ta' quddiem nett fost dawk iċ-ċittadini li poġġew l-interessi tagħhom l-ewwel. L-appell għall-egoiżmu tal-Kap Laburista intlaqa' u llum sfortunatament bdejna lkoll ingawdu l-frott li qed naraw jissarraf f'dan il-budget. Pero' ejja ma nattribwux mottivi egoisti biss għal din is-swing, ejja naraw x'wiegħed il-Partit Laburista u x'għamel s'issa f'dan is-settur partikolari.
Qabel xejn, Sur President, infakkar kemm il-Partit Laburista għamel sforzi kbar f'dawn l-aħħar snin biex jidher li qed jinħall mill-għeruq tiegħu, dawk ta' partit tal-ħaddiema u l-ideoloġija li tmur miegħhu. Il-Partit Laburista libes il-libsa ta' partit taċ-ċittadin għaliex għall-ewwel darba fl-istorja tiegħu rrealizza li gvern għandu jkun gvern ta' kulħadd. Huwa pprova jixxiebah u jagħmel dak li għamel il-Partit Nazzjonalista billi għall-ewwel darba jsir partit ta' kulħadd, għallinqas fid-deher. Din, Sur President, kienet libsa konvenjenti u mmirata għal settur partikolari tas-soċjeta', dak is-settur fejn minħabba l-miżuri fiskali li ġew introdotti f'dawk iż-żmenijiet kien hemm fih ċertu ammont ta' taqlib. L-ironija hija li lkoll nafu li dan kien proprju l-iktar settur li gawda mill-bidla fil-politika li ġab miegħu l-Gvern ta' l-1987, prinċipalment il-politika tal-liberalizzazzjoni jiġifieri, is-settur ta' dawk li jaħdmu għal rashom, is-self-employed, partikolarment dawk li jaħdmu fl-industrija tas-servizzi u l-kummerċjanti.
Il-Partit Laburista, din id-darba fuq parir tal-konsulenti Amerikani - u mhux ta' l-Ewropej ta' Abell - ra kemm dan is-settur kien vulnerabbli u attakkah b'għajtiet bħal: "Nifs ġdid għas-settur privat", "Gvern Laburista jneħħi l-VAT", "L-aħħar ċans biex tneħħi l-VAT" u "Malta Svizzera fil-Mediterran". Dawn kienu xi wħud mill-għajtiet maħsuba biex isaħħru u jisseduċu lil dawk li jaħdmu għal rashom. Dan għaliex ilkoll nafu li l-introduzzjoni tal-VAT kienet l-għarqub ta' Achille fis-suċċess tal-Gvern Nazzjonalista ma' l-elettorat. Min jaħdem għal rasu ma jridx indħil mill-gvern tal-ġurnata u ma jridx jinħela f'amministrazzjoni u f'burokrazija. Fuq kollox, min jaħdem għal rasu m'għandu ebda akkaniżmu li juri x'jaqla'.
Sfortunatament il-propaganda Laburista pinġiet il-VAT bħala l-epitome ta' dan kollu u l-poplu, partikolarment dawk li jaħdmu għal rashom, waqa' għalija. Dawn emmnu li l-Partit Laburista nbidel u emmnu wkoll li l-Partit Laburista se jimxi fuq il-passi tal-Partit Nazzjonalista, ħlief li se jneħħi l-VAT u se jagħtihom nifs ġdid. Iżda ma rrealizzawx, Sur President, li l-qofol tas-suċċess Nazzjonalista f'dawn l-aħħar snin kien il-fiduċja li kien hawn fil-pajjiż. Matul il-leġislatura kollha l-Gvern Nazzjonalista kien kapaċi jżomm livell għoli ta' fiduċja, il-fiduċja tal-konsumatur, dik li l-ekonomisti jsejħulha a high consumer confidence, li l-iktar li jgawdu minnha naturalment huma n-negozjanti u min jaħdem għal rasu.
Sur President, kull min kellu l-opportunita' li jdur fit-toroq tal-Belt f'dawn l-aħħar xhur, kif għamel il-bieraħ stess il-Prim Ministru akkompanjat mill-konsulent tiegħu l-Avukat Abela flimkien ma' l-Onor. Spiteri, ra b'għajnejh l-istaġnar tan-negozju, kemm m'hemmx nies fil-ħwienet. Il-Prim Ministru ra b'għajnejh stess li lanqas għand Cafe Cordina fejn daħal jieħu kafe' ma kien hemm nies, ra kif fi ftit xhur il-Gvern preżenti rnexxielu joqtol il-fiduċja u jmewwet il-kummerċ.
Jekk inħarsu lejn il-mission statement tal-Ministeru tal-Kummerċ, f'paġna 189 ta' l-Estimi ta' din is-sena, bħala l-ewwel missjoni dikjarata tal-Ministru nsibu dan:
"generate renewed confidence within the commercial sector particularly the small self-employed;"
Imbagħad iktar 'il quddiem nerġgħu nsibu
"The Government is confident that the removal of VAT will generate renewed confidence within the commercial sector particularly the small self-employed.".
Ir-rabta f'moħħ l-istrateġisti Laburisti bejn il-confidence u l-VAT hija waħda ċara; Neħħi l-VAT u jerġa' jkun hawn il-fiduċja! Issa x'ġara f'dan il-budget, Sur President? Il-VAT ma tneħħitx. Mhux biss, imma hemm indikazzjonijiet ċari li dawk l-elementi li jikkomponu l-VAT, jiġifieri l-irċevuta fiskali, it-taxxa fuq is-servizzi u l-audit trail se jibqgħu.
Qishom dawn ma kenux biżżejjed għal min emmen, hawnhekk ta' min jgħid ukoll li għal dawk li jaħdmu għal rashom u ma jħallsux se tiġi introdotta piena ta' ħabs. Fil-fatt fuq din il-miżura, jiġifieri fuq il-miżura tal-ħabs, jien ninsab xi ftit konfuż speċjalment wara li smajt lill-Onor. Lino Spiteri fuq il-programm "Topik", li sar ftit jiem ilu, fejn b'reazzjoni għall-intervent tas-Sur Vincent Farrugia tal-GRTU, bil-kalma kollha u forsi b'xi ftit sens paternalistiku żżejjed qal kliem fis-sens: U ejja ħalluna, mela f'Malta qatt xi ħadd imur il-ħabs! Lanqas jekk toqtol, għax issib żewġ avukati tajbin u teħlisha! Tista' teħlisha wkoll - pero' ovvjament din ma qalhiex l-Onor. Spiteri - b'xi amnestija, minkejja l-wegħdiet li kien hawn li l-amnestiji ma jingħatawx. Imma issa fuq dan il-każ tal-ħabs x'qed jgħid sewwa sew l-Onor. Spiteri? Qed jgħid proprju kontra dak li qed jipproponi huwa stess? Qed jgħid biex ma nagħtux kas din il-miżura għax din ma saritx bis-serjeta'! Ma jistax ikun li qed jgħid hekk għax f'kull diskors li nisimgħu qed nisimgħu, ad nauseum, kemm dan hu Gvern serju. Il-Prim Ministru jirripetiha din. Mela bilfors li huwa Gvern serju, bl-istess mod kif nisimgħu ad nauseum li huma moderni. Kemm ilna nisimgħu li dan huwa partit modern, tant li anke xtraw għamara moderna għal Kastilja! Mela bilfors li dan huwa partit modern. Allura għalfejn daħlet din il-miżura tal-ħabs?
Sur President, jien ngħid li din forsi saret biex taparsi nissodisfaw il-morali tagħna. Aħna tant għadna bil-moralita' fiskali li anke għamilna kummissjoni u semmejniha bl-iktar mod bombastiku Kummissjoni għal Moralita' Fiskali, isem li jimpressjonak. Kos, għamilna ħafna kummissjonijiet u awtoritajiet u biddilna ħafna ismijiet f'dan il-budget! Anke għal dawk li jaħdmu għal rashom ħsibnilhom għal xi tip ta' kummissjoni li se nsemmuha Istitut għat-Tkattir ta' l-Intrapriża ż-Żgħira u din se topera mill-Marsa. Hawnhekk ikolli nistqarr li beda jidħolli s-suspett li wara sensiela ta' rapporti ta' kafkaf ġej xi gvern tal-kumitati u jien frankament xejn ma jien konvint li l-kumitati huma l-aħjar mod ta' tmexxija.
Imma issa, Sur President, ippermettili niġi lura għal x'wiegħed dwar il-VAT il-partit fil-Gvern - hawn se nikkwota - fil-Programm Elettorali:
"Gvern Laburista jneħħi l-VAT u flokha jdaħħal struttura ta' taxxi u dazji ekwivalenti għal dawk li kienu fis-seħħ qabel l-1 ta' Jannar 1995.".
Din hija wegħda speċifika li ma tagħtix lok għal interpretazzjoni. Kull miżura li tista' tittieħed u li ma tkunx tammonta għat-tneħħija tal-VAT tmur direttament kontra din il-wegħda speċifika. Issa, kuntrarjament għal dak li qal il-Prim Ministru lill-kummerċjanti fl-ikla li għamlulu fil-11 ta' Diċembru tas-sena l-oħra ċ-Chamber of Commerce, u kuntrarjament għal dak li qal l-Onor. Brincat meta kien fl-Oppożizzjoni - kif semma l-kollega tiegħi ftit minuti ilu - diġa' nkisret il-wegħda għal dak li huwa ż-żmien li fih kellha ssir is-sostituzzjoni tas-sistema tal-VAT. Issa naraw huwiex veru li se tiddaħħal l-istruttura ta' taxxi u dazji li wegħdu. Anzi nżid ukoll li issa ħarġet l-idea - forsi biex jintrebaħ xi żmien - li minflok titneħħa fi żmien sitt xhur titneħħa aktar tard wara li ssir white paper.
Sur President, f'dan l-ewwel intervent tiegħi f'din il-kariga ma nistax ma nikkummentax dwar il-ħatra ta' segretarju parlamentari għal dawk li jaħdmu għal rashom, jew kif issejjaħ mill-Prim Ministru Segretarju Parlamentari għas-Self-Employed. Meta staqsejt għaliex għażel isem bl-Ingliż ir-risposta li ħadt kienet għaliex huwa isem aktar eleganti. Nistqarr li ma nistax nikkummenta negattivament la fuq il-ħsieb wara l-ħolqien ta' dan is-segretarjat u inqas u inqas fuq il-persuna maħtura. Li settur ikollu segretarjat dedikat biex iħares l-interessi tiegħu jawgura tajjeb, għallinqas fil-prinċipju, għal dak is-settur. Pero' għad irrid niġi konvint li din l-istrateġija m'hijiex ħlief waħda intiża bħala eżerċizzju ta' relazzjonijiet pubbliċi, m'hijiex l-estensjoni loġika ta' l-istrateġija tal-konsulenti Amerikani biex b'xi mod jinżammu l-voti ta' dawk li fil-passat is-soċjalisti in ġenerali u l-Partit Laburista in partikolari tant kienu jagħtuhom bis-sieq u m'hijiex attentat biex jinżammu in-nagħaġ avventurużi tal-Partit Nazzjonalista.
Dwar l-operat tas-Segretarju Parlamentari responsabbli mis-self-employed ma tantx nista' nikkummenta anke għaliex billi huwa segretarjat ġdid s'issa saru biss is-soltu stqarrijiet ta' laqgħat ta' kortesija li jagħmlu l-korpi konċernati għalkemm intqal ukoll li l-Onor. Gavin Gulia ndaħal fi kwestjoni dwar it-traffiku fi triq fil-Mosta. Altrimenti żgur li fil-budget ma kellu l-ebda sehem għax tant hu hekk li kull miżura li ttieħdet nafu kemm laqtet ħażin lil dan is-settur. Kull żieda fil-prezzijiet u liċenzji tolqot ħażin lil dan is-settur; dawn huma spejjeż li lis-settur privat u lil min jaħdem għal rasu se jkomplu jinkwetawh, huma government induced costs li lis-settur privat ikissruh.
Barra miż-żidiet fil-prezzijiet imħabbra fil-budget kellna wkoll dik il-famuża miżura tal-ħabs għall-evażjoni tat-taxxa. Hawnhekk ta' min wieħed ikun jaf x'qed jgħidu r-rappreżentanti tas-settur li tant kienu vociferi qabel l-elezzjoni. X'qed jgħidu dawk in-negozjanti? Li għaliex jogħlew il-prezzijiet tal-prodotti tagħhom minn barra minn Malta jew minħabba differenzi fir-rati tal-kambju qed jitqiegħdu kontinwament taħt inkjesta, saħansitra bil-pulizija fl-uffiċini!
Jiena smajt b'attenzjoni l-ewwel intervent fil-Parlament tal-ħabib u kollega tiegħi l-Onor. Gavin Gulia fid-dibattitu dwar il-Korporazzjoni ta' Xogħol u Taħriġ. Huwa esprima diżappunt għall-fatt li fl-1995 l-ETC organizzat biss erba' korsijiet ta' taħriġ għal dawk li xtaqu jaħdmu għal rashom. Jiena frankament kont sorpriż meta smajtu jgħid dan għaliex lanqas ġietni f'rasi li l-ETC kellha torganizza korsijiet għal min huwa self-employed jew xtaq ikun self-employed, għax din qatt ma ħarist lejha bħala vokazzjoni. Jien stennejt għalhekk li fl-Estimi tas-segretarjat tiegħu nsib ivvotata somma li tixraq, meħuda in konsiderazzjoni l-preokkupazzjoni u importanza li taha s-Segretarju Parlamentari, tant li ddedika l-maiden speech tiegħu għal din il-preokkupazzjoni. X'sibt? Għat-taħriġ sibt ivvotati Lm2,000 u hawn nixtieq nistaqsi x'se jħarreġ b'Lm2,000? Hemm ivvotati iżjed għall-hospitality għax hemm Lm4,000, għas-safar hemm ivvotati Lm3,000 u għat-trasport Lm3,000. Jidher, bir-rispett kollu, li t-training malajr ċeda postu għas-safar u l-entertainment!
Ħsibt li se nara xi inċentivi ġodda mqar għat-taħriġ ta' min jixtieq jaħdem għal rasu. Forsi biex isuq xi vettura għal fuq is-silġ! Dan qed ngħidu għaliex jidher li wara li taħt Gvern Nazzjonalista ġew importati coaches għat-turisti ntiżi biex jagħtu spinta lit-turiżmu u wara li f'dawn il-ġranet, proprju l-ġimgħa li għaddiet, bdew ġejjin il-karozzi tal-linja bis-saħħa tal-ftehim milħuq ukoll ma' Gvern Nazzjonalista, issa jidher li se nimportaw vetturi oħra, din id-darba għal fuq is-silġ! Nistiednek, Sur President, tara l-ewwel abbozz għal din is-sena, l-Abbozz Nru. 1 li qiegħed naturalment diġa' fuq il-Mejda tal-Kamra fejn fl-ewwel paġna, fl-ewwel klawsola ġiet stabbilita r-rata ta' 50.2% dazju għall-importazzjoni ta' vetturi li huma maħsuba speċjalment għas-sewqan fuq is-silġ, vehicles specially designed for travelling on snow. Malta Svizzera fil-Mediterran! Tidher li din vera telgħet għall-irjus. Sur President, jien nistieden lill-abbli Segretarju Parlamentari għas-Self-Employed jispjega din iċ-ċajta. Huwa veru li l-HS Code partikolari li qiegħed hemmhekk huwa ripetut u ovvjament ħadd ma ta kas, imma din issa jispjegaha s-Segretarju Parlamentari għas-Self-Employed. Pero' kif ikun in vena nixtieq li jispjega lil dawk kollha li jaħdmu għal rashom li vvotaw biex titneħħa l-VAT, kif il-VAT baqgħet hemm. Kif anke wara li ngħad li se jitneħħa se jibqa' l-cash register li hu tant għal qalb xi wħud Kif wara li taparsi titneħħa VAT se tibqa' t-taxxa fuq is-servizzi u kif se tibqa' l-audit trail. U għal din l-ispjegazzjoni ma naħsibx li se jinfetħu fliexken ta' xampanja minn dawk li għall-ewwel darba taw fiduċja lill-Partit Laburista u dan mhux għaliex ix-xorb kien fost l-oġġetti li għolew sostanzjalment bil-miżuri mħabbra fil-budget.
Sur President, nagħmel appell lill-kollega tiegħi: Ħallik mill-wegħdiet vojta, aħseb bis-serjeta' fi skemi kif tinċentiva lil dawk li jaħdmu għal rashom għaliex dan il-budget kien nieqes minn dawn l-iskemi. Aħseb fi skemi biex teduka lil dawk li jaħdmu għal rashom sabiex jifhmu aħjar ir-responsabbiltajiet tagħhom lejn Ċesri u għinhom jattrezzaw l-azjendi tagħhom f'dinja li dejjem qed tinbidel. Kompli fit-triq li kien qabad il-Partit Nazzjonalista ta' tisħiħ ta' l-infrastruttura, tat-teknoloġija u ta' l-informatika għaliex il-kummerċ għandu bżonn dik it-tip ta' għajnuna. Ma ninsewx li meta l-Partit Nazzjonalista ħa l-gvern fl-1987 kien hawn diżastru fl-infrastruttura, kien hawn preġudizzju kontra t-teknoloġija u preġudizzju ferm akbar, partikolarment mil-Leader ta' dak iż-żmien, kontra l-informatika. Aħseb biex tikkonvinċi lil sħabek fil-Gvern li sakemm tagħmlu dak li wegħedtu se tkompli l-inċertezza u n-nuqqas ta' fiduċja li żrajtu u li issa qed taħsdu. Kompli ibni fuq l-iskemi li kien beda l-Partit Nazzjonalista fil-gvern, aqbad il-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista u ara kif kien maħsub li jiġi żviluppat dan is-settur. Hawn nixtieq anke nikkwota mill-istess programm elettorali fejn kien imwiegħed - li huma wegħdiet li jsegwu loġikament il-passi li kienu qed jittieħdu dak iż-żmien - illi Gvern Nazzjonalista kien se:
"Jagħmel liġi favur in-negozjant iż-żgħir li tgħinu jikseb finanzi, ikollu aċċess għat-teknoloġija moderna, tgħinu jsib sħab, jekk jixtieq, u li tipprovdi qafas li tipproteġi lin-negozjant iż-żgħir fil-konfront tal-kbar, anki bi ħwejjeġ bħall-provvediment kontra d-dewmien biex jitħallsu;"
- nafu xi problemi għandhom in-negozjanti għal dak li huwa aċċess għall-flus mill-banek -
"Isir koordinament bejn l-MDC u l-METCO għat-tisħiħ tal-mezzi li diġa' jeżistu u li jistgħu jinħolqu għall-appoġġ tan-negozji ż-żgħar, fost dawk li jeżistu, insemmu dawk li tagħti l-METCO, fosthom ċentru li jgħin lin-negozjant iż-żgħir jibbenefika mis-sistemi ġodda ta' l-informatika u servizzi ta' informazzjoni dwar għajnuna li tista' tinkiseb mill-Unjoni Ewropea,"
- għajnuna li sfortunatament illum forsi nistgħu nsellmulha -
"L-MDC issaħħaħ fi ħdanha l-faċilitajiet li jagħtu appoġġ lill-azjendi ż-żgħar, dawn il-faċilitajiet għandhom jagħtuhom konsulenzi f'materji finanzjarji, żvilupp tal-prodott, bejgħ ta' sistemi amministrattivi u produttivi, żvilupp u taħriġ tagħhom u tal-ħaddiema tagħhom.
Għandhom jgħinu b'mod prattiku biex isiru rappreżentazzjonijiet ma' banek u aġenziji oħra għall-finanzjament meħtieġ u fl-iffaċilitar tar-relazzjonijiet mal-burokrazija. GĦandhom jagħtu l-għajnuna meħtieġa f'każ ta' problemi li jinqalgħu."
Dawn huma fost diversi miżuri oħra illi, frankament, min jixtieq jarahom kollha issa jista' jaqra l-programm elettorali.
Hemm anke aspetti oħra li forsi wieħed jista' jikkonsidra u li s'issa qatt ma ġew indirizzati. Per eżempju, waħda mill-affarijiet li tippreokkupani hija illi hawn perċentwali għoli ta' nies li jaħdmu għal rashom li għandhom ukoll impjieg. Dawn, naturalment, ma jidhrux fiċ-ċifra ta' 16,000 li hawn reġistrati bħala li jaħdmu għal rashom għaliex ladarba jkollhom impjieg jitniżżlu bħala employed. Peress li dawn huma impjegati allura l-bolla li jħallsu hija relatata ma' l-impieg tagħhom għax m'hemmx bolla li tkopri l-parti ta' l-impieg tagħhom bħala self-employed. GĦalhekk jien nissuġġerixxi li ta' min jistudja l-mezzi kif jista' jkun hemm xi tip ta' combined national insurance contribution biex tirrifletti aħjar l-income ta' l-individwu għaliex meta jiġi għall-pensjoni wieħed isib li l-pensjoni se tirrifletti due terzi tas-salarju tiegħu fl-impieg li kellu u bl-ebda mod ma tirrifletti l-qligħ tiegħu mill-impieg li jaħdem għal rasu.
Miżura oħra li jien xtaqt - u anke kelli okkażjoni nitkellem fuqha f'xi wieħed mill-kumitati s-sena l-oħra - hija dwar għajnuna li tista' tingħata lil azjendi, lil negozjanti żgħar li jkunu fit-trouble. Sfortunatament - u jien dan narah b'għajnejja fix-xogħol tiegħi fil-qorti - jien nara kif meta negozjant żgħir ikollu daqsxejn ta' inkwiet finanzjarju jdur għalih id-dubbien, litteralment il-każ tal-ħmar il-magħkus li jdur għalih id-dubbien. Malli negozjant żgħir ikun fit-trouble l-ewwel ma jduru għalih huma d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali, id-Dipartiment tat-Taxxi Interni u naturalment il-banek. Frankament ma tantx hemm rispetti - issa "rispetti" mhux fis-sens ħażin tal-kelma - imma wieħed li qiegħed f'dik is-sitwazzjoni - li ħafna drabi jkun qed iħaddem xi tnejn jew tlieta min-nies miegħu li probabbilment ukoll lanqas ikunu għadhom tħallsu - għandna nsibu l-mod kif ngħinuhom biex joħorġu mill-inkwiet li jkunu għaddejjin minnu matul dak iż-żmien. Jien f'dik l-okkażjoni kont issuġġerejt xi tip ta' għajnuna billi minflok ma jittieħdu miżuri li loġikament iwasslu għall-falliment u għall-għeluq ta' l-azjenda ikun hemm xi tip ta' rappreżentanza fuq il-bord tal-kumpannija tiegħu stess b'tali mod li deċiżjonijiet ta' sustanza jittieħdu bl-approvazzjoni ta' rappreżentant tad-dipartimenti jew tal-banek konċernati.
Sur President, issa ħalli niġi għall-punt li kont qed nagħmel l-ewwel u li nixtieq nagħlaq bih. Il-VAT tinkwieta biss lil min ma jixtieqx jaġġorna ruħu maż-żmenijiet u lil min huwa mdorri b'ċerti sistemi u ma jixtieqx jinqala' minnhom. Id-dinja nbidlet u jeħtieġ li kulħadd jifhem li jekk ma jaġġornax jaqa' lura. M'huwiex sew li dak l-individwu li ma jixtieqx jaġġorna ruħu jsib wens f'wegħdiet fil-vojt. Kollega, għandek tkun minn ta' quddiem li tniedi kampanja ta' edukazzjoni għan-negozjant iż-żgħir biex ineħħi l-għanqbut minn moħħu u jaġġorna ruħu u dan mhux billi theddu bil-ħabs iżda billi tibni fuq sistemi effiċjenti u moderni ta' tassazzjoni fejn dak li huwa ta' Ċesri jinġabar b'effiċjenza u b'regolarita'. Neħħuha l-VAT minn fuq in-negozji ż-żgħar, mela le! Dak kien il-pass loġiku ddikjarat u ppjanat li konna se nagħmlu aħna stess, iżda tidħkux iżjed bil-poplu! Diġa' rnexxilkom tidħku bih f'din l-elezzjoni fejn b'suċċess appellajtu għall-egoiżmu u din kienet ta' ħasra għall-pajjiż. Madanakollu jien konvint li l-lezzjonijiet kulħadd tgħallimhom u fuq kollox min jaħseb li bħala ċittadin jista' jqiegħed l-interessi tiegħu qabel ta' pajjiżu huwa żbaljat u min jaħseb li jista' jmexxi billi jissodisfa l-egoiżmu qabad triq żbaljata u qed jibni fuq pedamenti ħżiena. Grazzi, Sur President. (Onor. Membri: Hear, hear)
THE CHAIRMAN: L-Onor. Michael Frendo.
ONOR. MICHAEL FRENDO: Mr Chairman, il-kollegi tiegħi li tkellmu qabli fuq dan is-suġġett diġa' semmew ċerti aspetti li naħseb li huwa tajjeb jekk nenfasizzawhom fid-diskors li għandna nagħmlu llum. Diġa' ssemmew diversi aspetti u fil-fatt, l-Onor. George Hyzler, semma punt tajjeb meta qal li dan il-Gvern irnexxielu joqtol il-fiduċja u jmewwet il-kummerċ. Jien naħseb li meta wieħed ikun qed jitkellem fuq il-vot tal-Ministeru tal-Kummerċ ma jridx jitkellem biss fuq id-dettalji li fihom l-Estimi għas-sena d-dieħla jew fuq il-mission statements li għandu l-Ministeru tal-Kummerċ, imma jrid iwessa' xi ftit id-diskors ukoll. Għaliex qed ngħid dan? Qed ngħid dan għax il-qasam tal-kummerċ huwa wieħed li bl-Ingliż naħseb nistgħu ngħidulu "volatile" għax huwa qasam li ma jiddependix biss miċ-ċifri jew minn dak li jingħad imma jiddependi ħafna mill-atmosfera li jkun hemm fil-pajjiż. Aħna nafu li f'pajjiżi - mhux neċessarjament f'Malta - fejn ikun hemm atmosfera ta' ripressjoni u ta' instabbilita' politika huwa inutli li jkun hemm ħafna programmi għall-kummerċ u ħafna
tentattivi biex il-kummerċ ikun jista' jimxi 'l quddiem għaliex jekk ma jkollokx l-istabilita' politika, jekk ma jkollokx l-atmosfera fejn is-settur privat u min jaħdem fil-kummerċ ikollu fiduċja sħiħa fil-futur ta' dak il-pajjiż, allura l-kummerċ jieħu daqqa u ħafna drabi tinqatel il-fiduċja u allura jitmewwet il-kummerċ . Jiena naħseb li din hija l-ewwel osservazzjoni li rridu nagħmlu fid-diskors relatat ma' dan il-Ministeru.
Kulħadd jaf - u għalhekk ma naħsibx li hemm bżonn insemmu figuri għaliex ilkoll ngħixu f'dan il-pajjiż - li sakemm kien hemm il-Partit Nazzjonalista fil-gvern f'dan il-pajjiż, sena wara sena, kien hemm "vibrancy" kbira fil-qasam tal-kummerċ, kien hemm moviment kbir, kien hemm ritmu li bih dan il-pajjiż mexa 'l quddiem. Tant kien hemm ritmu kbir u mgħaġġel li saħansitra kien hemm min ħaseb li dan huwa mgħaġġel wisq. Il-kwestjoni ma kenitx jekk għandekx tkabbar il-kummerċ, jekk għandekx issib metodi kif tkabbar l-intrapriża tiegħek u tieħu inizjattivi ġodda, imma kienet jekk kull min huwa nvolut setax ilaħħaq ma' dan l-iżvilupp daqshekk mgħaġġel u jekk pajjiżna huwiex miexi mgħaġġel iżżejjed. X'ġara mbagħad? Ġara li kien hawn elezzjoni u qisu ġie xi ħadd, tefa' gverta u tefa dan in-nar ta' attivita' u ta' enerġija li kien hawn f'dan il-pajjiż. Issa wieħed irid ikun realistiku wkoll. M'għandniex ngħidu li kull meta jkun hemm gvern ġdid ma jkunx hemm min jgħid: "Ejjew nistennew, ejjew naraw ftit x'se jiġri", pero' żgur li gvern ġdid ikollu immedjatament jieħu l-passi kollha neċessarji biex ma jwaqqafx u ma jnaqqasx dik il-fiduċja li tkun qed tkabbar il-kummerċ fil-pajjiż. Mr Chairman, dan il-Gvern, bir-rispett kollu, dan m'għamlux. Mhux talli m'għamlux, mhux talli ma ħadimx biex jipprova jkabbar il-fiduċja u l-atmosfera ta' fiduċja li tiġġenera l-kummerċ imma talli bl-azzjonijiet tiegħu għamel affarijiet li dik il-fiduċja jnaqqasha. GĦaliex? L-ewwelnett il-fiduċja hija bbażata fuq iċ-ċarezza tal-ħsieb u fuq dak li trid tagħmel u fuq il-fatt li l-komunita' kummerċjali tkun taf eżattament x'inhuwa l-futur għaliha ħalli b'hekk tkun tista' tippjana bl-iktar mod seren u bl-iktar mod kalm. Din hija xi ħaġa li l-komunita' kummerċjali f'pajjiżna sfortunatament illum ma tistax tagħmilha.
Qabel l-aħħar elezzjoni kellna l-wegħda elettorali li l-VAT se titneħħa, pero' ma kien hemm qatt il-wegħda ċara li se jitneħħew ukoll il-cash registers. Imma kull min isegwi l-politika, kull min jaqra bl-iktar mod ġeneriku l-attivita' politika, seta' faċilment fehem dan u fil-fatt kien hemm ħafna li fehmuh dan. Allura dan huwa suċċess
tar-relazzjonijiet pubbliċi li għal ċertu żmien ikollu frott pero' mbagħad, iktar ma jgħaddi ż-żmien, dak il-frott isir qares aktar għal min ikun ħaseb li fehem dak li qed jgħid. Kellna l-wegħda li l-VAT għandha titneħħa f'ċertu żmien imma mbagħad qegħdin naraw dan iż-żmien dejjem jitwal.
Wara li kellna l-elezzjoni u nbidel il-gvern, ħafna nies qalu li issa jistennew il-budget il-ġdid. Ħafna nies fil-kummerċ iddeċidew li qabel ma jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom dwar kif ikabbru l-kummerċ tagħhom, ta' kif jiġġeneraw iktar ġid fil-pajjiż u allura jiġġeneraw iktar impjiegi u jsaħħu l-ekonomija, kellhom joqogħdu jistennew x'se jgħid il-budget tal-Gvern il-ġdid. Pero' dan iż-żmien li għamlu jistennew kien kollu żmien għal xejn għaliex għalkemm wieħed stenna li l-budget se jagħti direzzjoni ċara, fil-fatt kellna budget li ma kien xejn ħlief an accounting exercise li lanqas kellu dik id-direzzjoni politika neċessarja li hija fil-qalba tal-ħajja kummerċjali tal-pajjiż.
Sa ċertu punt jiena għandi simpatija mal-Ministru responsabbli mill-kummerċ għaliex filwaqt li f'din il-Kamra wieħed jagħtih ir-responsabbilta' għall-iżvilupp ta' dan is-settur, nafu li ħafna mill-affarijiet li hu jista' jagħmel se jeħlu - u qegħdin jeħlu - minħabba fatturi li forsi m'humiex direttament taħt il-kontroll tiegħu. Hawnhekk qed nirriferi għall-fiduċja kbira u l-atmosfera pożittiva li kien hawn f'dan il-pajjiż meta kien hawn il-Partit Nazzjonalista fil-gvern, ħaġa li ntilfet b'dan il-Gvern il-ġdid. In-nuqqas ta' ċarezza fuq kif se tinbidel il-VAT huwa fattur ieħor li qed itellef milli dan is-settur ikun jista' jkompli jikber u jsib il-vitalita' li kellu. L-istess nistgħu ngħidu għan-nuqqas ta' direzzjoni li teżisti dwar fejn hu sejjer il-pajjiż.
Mr Chairman, jiena naħseb li x-xogħol ta' dan il-ministeru se jeħel fil-problemi li qegħdin jinħolqu, se jeħel minħabba t-telfien tal-fiduċja u tal-kunfidenza li kien hawn fil-pajjiż kif ukoll se jeħel minħabba l-inċertezza li hawn fuq l-aspett tal-VAT. Kif diġa' għidt dan il-pajjiż tilef id-direzzjoni ta' fejn hu sejjer u ma nafux - għalkemm jista' jkun li hemm xi ħadd li jaf - jekk dan il-pajjiż huwiex sejjer lejn l-Unjoni Ewropea jew huwiex se jibqa' għaddej għal rasu. Barra minn hekk ma nafux xi tfisser relazzjoni speċjali ma' l-Unjoni Ewropea għaliex il-kontenut ta' din ir-relazzjoni speċjali hija misteru mhux biss għall-Ewropej imma wkoll
għal ħafna Maltin. Sur President, għalhekk ma tistax tara kif il-kummerċ se jimxi 'l quddiem f'pajjiżna la hemm dawn it-tliet fatturi li qed jagħmlu breaks kbar għall-iżvilupp ta' dan is-settur. Fil-fatt ikun tajjeb jekk hawnhekk wieħed iħares lejn il-mission statement tal-Ministeru tal-Kummerċ - dan ikkwotah ukoll l-Onor. George Hyzler - fejn l-ewwel ħaġa li ssib hija eżattament din:
"generate renewed confidence within the commercial sector ...".
Issa jekk irrid inkun daqsxejn puntiljuż u forsi daqsxejn sarkastiku nieqaf fuq il-kelma "renewed confidence". Din forsi hija Freudian slip, jiġifieri hija magħmula tajjeb ħafna għax qabel kien hemm din il-confidence u issa hemm bżonn li din il-confidence nerġgħu nsibuha u jien naħseb li din hija xi ħaġa li ssegwi mill-fatt li nbidel il-gvern u allura nbidlu l-policies ċari li kellu l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern.
Sur President, il-Partit Nazzjonalista fil-gvern ta lis-settur tal-kummerċ dak li dan il-Gvern m'huwiex qed jagħtih. Dan billi l-ewwelnett tah l-istabbilita' u hawnhekk ta' min ifakkar li meta l-Partit Nazzjonalista ħa l-gvern f'idejh fl-1987 kellu diffikulta' kbira biex jipprova jassigura li dan il-pajjiż se jkollu politika stabbilita', problema li fortunatament dan il-Gvern ma għandux. Il-Gvern Nazzjonalista kellu l-missjoni li jagħti lil dan il-pajjiż stabbilita' politika u dan irnexxielu jagħmlu billi ta spazju lis-settur privat, urieh li riedu jaħdem, urieh li ma kienx sejjer ifixklu u wrieh ukoll li kien hemm bżonn li dan is-settur jingħata nifs ġdid. Fil-fatt il-Gvern Nazzjonalista għamel dan b'suċċess, liema suċċess ġie rikonoxxut anke mill-Kap ta' l-Oppożizzjoni ta' dak iż-żmien, illum il-Prim Ministru. Dawn kienu bidliet radikali bħalma kienu l-bidliet bit-tneħħija tal-liċenzji għall-importazzjoni, fejn prattikament aħna ftaħna u għamilna l-free market fejn ġibna kemm il-possibbilta' ta' kompetizzjoni kif ukoll iċ-ċans li jkun hawn għażliet kbar għall-konsumatur. Dawn kollha kienu bidliet li lin-negozjant tawh fiduċja kbira bħalma tatielu wkoll l-introduzzjoni tal-VAT, li minn naħa waħda kienet tfisser ukoll it-tneħħija tad-dazji. GĦalhekk in-negozjant seta' jippjana b'mod mill-iktar ċar u mill-iktar sempliċi għax peress li kien jaf x'inhi r-rata tal-VAT allura dan kien jista' jagħmel il-kalkoli tiegħu b'mod ħafna iktar sempliċi.
Sur President, madanakollu kien hemm min ipprova juża l-VAT għal skopijiet politiċi u minflok ma fiehem li biex il-kummerċ ikompli jikber kien neċessarju li jkun hemm il-VAT għax il-flus li jinġabru mill-VAT kienu se jerġgħu jiġu ppumpjati lura fl-ekonomija biex b'hekk l-ekonomija tkompli għaddejja b'dak ir-ritmu li kienet għaddejja bih meta kien hemm il-Partit Nazzjonalista, kien hemm min utilizza l-VAT bħala arma li biha jkun jista' jirbaħ il-voti u utilizzaha wkoll bħala arma biex lin-negozjant ipoġġilu quddiem għajnejh karrotta billi jgħidlu li jekk il-Partit Laburista jitla' fil-gvern kien se jneħħi l-VAT. Fil-fatt kien hemm min kiel din il-karrotta imma mbagħad wara skopra li din ma kellha togħma tajba xejn għax jidher ċar ... Forsi nagħmel żball jekk ngħid "jidher ċar" u jkun aħjar jekk ngħid "jidher" biss għaliex s'issa dan il-Gvern għar-rigward tal-policies tiegħu fuq kull aspett tal-politika xejn m'huwa ċar. Jekk hawn xi ħaġa li hija ċara dwar dan il-Gvern hija li xejn m'huwa ċar fir-rigward tal-policies tagħhom fid-diversi setturi, xi ħaġa li fil-fehma tiegħi qed tagħmel ħsara għax qed tnaqqas il-fiduċja fil-futur u tnaqqas ukoll ir-ritmu tal-kummerċ. Il-Partit Nazzjonalista fil-gvern mexa b'policies ċari. Il-kummerċjanti jgħidu li meta kien hemm il-Partit Nazzjonalista fil-gvern kienu jafu x'inhi d-direzzjoni u allura, tajjeb jew ħażin, kienu jafu fejn sejrin u setgħu jimxu u jirregolaw ruħhom. Illum, wara dan il-budget - l-accounting exercise - qegħdin naraw dak li nistgħu nsejħulu l-mewt tal-politika. Qegħdin naraw accounting exercise, budget li jitkellem biss dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-pajjiż minflok ma' jagħti wkoll direzzjoni ċara fejn il-pajjiż sejjer u allura llum għandna baħħ kbir għar-rigward ta' dawn l-ideat. Allura hawn naturalment għandna d-diffikulta' ta' kif pajjiżna issa jrid jirreaġixxi għal din is-sitwazzjoni.
Meta kien hemm il-Partit Nazzjonalista fil-gvern ir-realta' tas-sitwazzjoni kienet ċara ħafna. Il-Partit Nazzjonalista ried idaħħal lil pajjiżna fl-Unjoni Ewropea, ried jagħmel forsi dak il-mission statement li hemm fit-tieni paragrafu tal-Ministeru tal-Kummerċ, jiġifieri dak li ried jinkoraġġixxi l-integrazzjoni tal-business Malti fl-ekonomija globali. Jekk kien hawn gvern li ħadem biex jagħmel dan kien żgur il-Gvern Nazzjonalista għax kien hu li neħħa l-barriers foloz li kien hemm u li kienu jfixklu l-kummerċ, kif ukoll kien kapaċi jiftaħ beraħ il-kummerċ b'mod li wera li pajjiżna għandu jkun integrat fl-ekonomija internazzjonali. Din ukoll hija bidla li nisperaw li tkompli u tiġi kkonfermata fil-politika ta' dan il-Gvern għax hija bidla radikali minn dak li kellna qabel. Qabel konna naħsbu li l-ekonomija rridu mmexxuha billi nagħlqu l-bibien, billi ningħalqu għalina, billi nipprovaw nipproduċu kollox għalina, billi nipprovaw nagħlqu t-trade ma' pajjiżi oħrajn - ħlief f'ċirkostanzi fejn aħma stajna nagħmlu l-parametri tagħhom - u spiċċajna li fil-fatt konna qegħdin naġixxu qisna pajjiż kbir, b'suq u b'popolazzjoni kbar meta fil-fatt aħna ma kellna xejn minn dan. Il-Partit Nazzjonalista fil-gvern kien għamel għażla ċara u kien realistiku meta ddeċieda li dan il-pajjiż huwa żgħir u allura għandu ekonomija żgħira u li biex ikompli jgħolli l-livell ta' l-għajxien tan-nies tiegħu ried bilfors jintegra n-negozju Malti fl-ekonomija globali. Nisperaw li dan ikun jista' jsir, pero' jiena qed nara s-sinjali li juru l-kuntrarju, għax meta inti ma tafx jekk il-politika tiegħek hijiex li tidħol jew le fl-Unjoni Ewropea mill-ewwel qed tibgħat sinjali ħżiena anke lil dan is-settur tal-kummerċ.
Mr Chairman, taqbel jew ma taqbilx, il-fatt hu li pajjiżna kellu quddiem għajnejh, bl-iktar mod ċar, li jidħol membru ta' l-Unjoni Ewropea u dan kien fattur li kien qed jikkondizzjona pożittivament in-negozju kollu f'pajjiżna. Anke dawk in-nies li forsi kellhom xi riżervi jew li belgħuha li l-VAT hija marbuta ma' l-Unjoni Ewropea - għax ma fehmux li l-VAT qiegħda f'ħafna u ħafna pajjiżi li m'humiex membri ta' l-Unjoni Ewropea u li dan huwa metodu modern ta' tassazzjoni li jintuża fl-istati moderni, metodu li kien ikun ġust għal Malta moderna - ukoll kienu qed jagħmlu minn kollox biex jaġġornaw in-negozju tagħhom ħalli jaraw x'qiegħed jiġri f'dak is-suq kbir u biex jaraw fejn se jkollhom in-niches tagħhom f'dak is-suq u allura riedu jaraw kif se jkunu kompetittivi internazzjonalment. Il-mument li inti neħħejt il-mira ta' l-Unjoni Ewropea minn quddiem għajnejn is-settur kummerċjali, dan il-pajjiż mill-ewwel spiċċa kummerċjalment in the doldrums, għax spiċċa f'sitwazzjoni ta' inċertezza. Kulħadd jaf li l-inċertezza ġabet il-brakes u allura ħadd m'hu qiegħed iħares lejn l-espansjoni. Din hija ta' ħsara kbira għal pajjiżna u mill-bankijiet ta' l-Oppożizzjoni qed ngħidu bl-iktar mod ċar li ma neħdux pjaċir naraw affarijiet bħal dawn jiġru f'pajjiżna.
Aħna nixtiequ li pajjiżna jkompli jkabbar r-ritmu li kien qabad taħt il-Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista u li tirritorna dik l-atmosfera ta' fiduċja li kien hawn biex il-pajjiż jerġa' jaqbad it-triq it-tajba għas-settur tal-kummerċ. Imma dan ma jistax isir jekk ma jitteħdux id-deċiżjonijiet neċessarji u dawn mhux bilfors huma marbutin direttament ma kemm se nonfqu fil-METCO jew kemm se nonfqu fil-Ministeru tal-Kummerċ jew kemm se nonfqu fuq training għas-self-employed. Dan il-punt semmieh tant tajjeb il-kollega tiegħi l-Onor. George Hyzler u fil-fatt dan juri li anke hemmhekk il-paroli huma ħafna differenti mill-commitment u mill-impenn veru. Imma hemm affarijiet li mhumiex neċessarjament fil-figuri ta' l-estimi imma li huma kruċjali biex ikollna kummerċ b'saħħtu. Jien ngħid li din ta' l-Unjoni Ewropea hija xi ftit bħall-istorja tad-demokrazija jiġifieri, bħal meta kellna demokrazija li kienet qed taħdem bl-iktar mod kalm u bl-iktar mod ordnat tant li konn ħadniha for granted biex imbagħad meta l-poplu kellu diffikultajiet enormi fid-demokrazija - għar-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u fil-mod kif jgħix u jesprimi ruħu liberament f'soċjeta' libera, bħala poplu liberu - dan il-pajjiż beda japprezza dawk il-valuri tad-demokrazija li kien tilef u li kienu tant importanti għalih. Imbagħad kellu jiġġieled għalihom biex reġa' akkwistahom jew forsi għamel renewal tagħhom - biex inżomm mal-lingwaġġ tal-mission statement ta' dan il-Ministeru - u beda japprezzahom aktar.
Dan il-pajjiż se jiġrilu l-istess fil-kwestjoni ta' l-Unjoni Ewropea. Meta t-triq tagħna kienet ċara, jiġifieri li l-Gvern kien committed u mpenjat li jimxi lejn l-Unjoni Ewropea - anke jekk ma jirnexxilux fiż-żmien li xtaq hu, imma d-direzzjoni kienet ċara għal kulħadd u kulħadd ried jipprepara ruħu għal dik it-triq, għax fi kwalunkwe każ din kienet xi ħaġa li kellna nippreparaw ruħna għaliha għaliex hija l-bażi li fuqha pajjiżna jista' jkun kompettitiv - kien hawn min forsi ħadha for granted u kien hawn min forsi m'apprezzax l-importanza li biex il-kummerċ ikompli jikber u jissaħħaħ irid ikollna dik il-goal quddiem għajnejna. Issa li qegħdin jirrealizzaw li dak il-goal hemm ċans tajjeb ħafna - anzi ħażin ħafna - li jintilef għax se jkun hemm pajjiżi oħrajn li jidħlu qabilna u allura aħna nkomplu nistennew li jgħaddi dan is-seklu u anke l-ewwel għaxar snin tas-seklu li ġej, in-nies forsi tibda tirrifletti fuq x'inhuwa l-ħlas talli ma tkunx membru ta' l-Unjoni Ewropea. Jiena nemmen li fis-snin li ġejjin il-poplu Malti - bħalma beda japprezza d-demokrazija l-iktar meta kien tilifha - se jibda japprezza iktar l-Unjoni Ewropea meta jibda jara l-possibbilta' ta' sħubija tisparixxi minn quddiem għajnejh.
Dan huwa diskors li huwa rilevanti ħafna għal dak li qegħdin ngħidu llum għaliex jekk inti se titkellem fuq l-exports u jekk inti tgħid li se tagħmel programm għall-METCO biex jesporta allura jrid ikollok quddiem għajnejk eżattament fejn trid tmur. Ma tistax tagħmel kollox kif ġieb u laħaq, tagħmel kollox ad hoc u skond l-opportunitajiet li jiġu mingħajr ma jkollok pjan strateġiku ċar tad-direzzjoni li trid taqbad. Dan il-Gvern m'għandux pjan strateġiku ċar ta' fejn sejjer u dan qed jaffettwa l-attivita' kummerċjali li qiegħda tagħmel dawn il-brakes kollha. Jiena ma nixtieqx inpoġġi ruħi fil-pożizzjoni tal-Ministru responsabbli mill-kummerċ għax kif diġa' għidt ħafna minn dawn il-fatturi huma beyond il-kompetenza tiegħu - mhux kompetenza fis-sens ta' kapaċita' - beyond id-dekasteru tiegħu u imma li fl-istess ħin irid joqgħod għalihom, irid jaċċettahom għaliex huwa parti mill-Gvern.
Mr Chairman, naħseb li hemm importanza kbira mhux biss li nintegraw in-negozju Malti fl-ekonomija globali, imma li nkomplu nagħtu saħħa kbira lill-esportazzjoni Maltija. Kien il-Partit Nazzjonalista li ħa l-inizjattiva, li ħoloq il-METCO bil-għan li tagħti għajnuna lis-settur kummerċjali biex isib opportunitajiet ta' business internazzjonalment. Il-METCO hija waħda mill-istituzzjonijiet li għamel il-Partit Nazzjonalista fil-gvern biex isaħħaħ il-mod istituzzjonalizzat li bih isir il-kummerċ, ħaġa li s'issa għadhom ma biddlulhiex isimha imma żgur li xi ħaġa jsibu xi jsemmuha. Din l-istituzzjoni qiegħda hemmhekk u tajjeb li jkollha support anke finanzjarju. Jien informat li - jista' jkun li wieħed irid jivverifika din l-informazzjoni - kien hemm min xtaq ikompli jnaqqas l-impenn finanzjajru li gvern jagħti lill-METCO biex tkun tista' tgħin lin-negozjant Malti - anke jekk huwa negozjant kbir għax għar-rigward tal-bqija tad-dinja xorta huwa negozjant żgħir. Aħna pajjiż żgħir u allura rridu nkunu iktar magħqudin flimkien meta niġu biex nagħmlu l-export promotion tagħna u allura tajjeb li nutilizzaw kull makkinarju li għandna fil-gvern biex insaħħu l-kummerċ u biex ngħinu l-export tas-servizzi u tal-prodotti tagħna. Dan ma jsirx biss permezz tal-METCO imma nispera wkoll li l-ambaxxati tagħna - hemmhekk hemm makkinarju ieħor - jiġu utilizzati wkoll għax dawn huma makkinarju importanti biex jagħtu support sħiħ lil dawk li qed jagħmlu kummerċ ma' barra. Jista' jkun li matul is-snin Malta ma tatx is-sostenn li kellha tagħti lil dan l-aspett, cioe' l-aspett li tuża mhux biss il-METCO imma wkoll l-ambaxxati tagħna biex tkun tista' ssaħħaħ il-preżenza kummerċjali ta' l-esportatur Malti. Il-Ministru issa jibda jgħaddi mill-esperjenzi ta' ambaxxaturi li jmorru jkellmuh biex jissapportjaw il-prodott ta' pajjiżhom ħalli jkunu jistgħu jesportaw lejn Malta. Aħna għandna nwettqu din il-funzjoni permezz tas-sistema li għandna ta' relazzjonijiet diplomatiċi ma' pajjiżi oħrajn għaliex illum kull pajjiż jutilizza dan il-mezz biex jipprova jgħin lid-ditti tiegħu biex jesportaw. Aħna nistennew li l-Ministeru tal-Kummerċ jagħti s-support tiegħu għal din il-funzjoni u li jinfluwenza wkoll lill-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin għall-ġid tas-settur kummerċjali. Jien inħoss li f'pajjiżna hemm bżonn inkabbru ħafna din il-kuxjenza għaliex sfortunatament ħafna drabi naħsbu li din hija xi ħaġa infra dig u li m'għandhiex issir ukoll mil-livell ta' diplomazija. Din m'hijiex xi ħaġa infra dig imma hija xi ħaġa li ssir mill-pajjiżi kollha. Pajjiż żgħir bħal tagħna huwa iktar importanti li jagħmel dan l-effort biex jgħin lil min qed jesporta barra minn pajjiżna għaliex dan huwa kummerċ li jfisser xogħol u allura għandna ngħinuh b'kull mezz.
Jiena ma nistax nifhem - u hawn nixtieq li l-Ministru jaħseb iktar qabel ma jaġixxi għaliex jidher li hemm dan il-ħsieb fil-Ministeru tiegħu - kif żewġ aspetti li ġew introdotti mill-Partit Nazzjonalista fil-gvern jingħaqdu flimkien. Hawnhekk qed nirriferi għall-aspett tal-kompetizzjoni ġusta u għal dak tal-protezzjoni tal-konsumatur. Għalkemm dawn veru huma aspetti li għandhom relazzjoni bejniethom u li loġikament hemm ukoll punti fejn jiltaqgħu fl-istess ħin huma wkoll distinti. Rigward il-protezzjoni tal-konsumatur, inti trid tħares lejn il-materja mill-punto di vista tal-konsumatur u hemm regoli partikolari biex jgħinuh jiġi protett fir-relazzjoni man-negozjant. Skond il-liġi din m'hijiex relazzjoni ugwali imma hija relazzjoni inugwali u allura tagħti iktar saħħa u protezzjoni lill-konsumatur f'dik ir-relazzjoni partikolari. Pero' meta tħares lejn il-qasam tal-kompetizzjoni inti tkun qed tħares lejn qasam li jmur oltre minn hekk għax fir-regolamentazzjoni tiegħu irid iħares lejn l-interessi ta' l-ekonomija in ġenerali. Inti trid tħares lejn settur li jassigura li l-kompetizzjoni tkun a favur tal-konsumatur. Dan ifisser li ma jridx ikun hemm dominazzjoni ta' l-ekonomija f'pajjiż minn gruppi li jkunu qed jużaw dik id-dominazzjoni għall-finijiet tagħhom. Jien nixtieq niġbed l-attenzjoni tal-Ministru biex, mill-punto di vista tiegħi f'din il-materja, jaħseb iktar fuq kif jista' jżomm dawn iż-żewġ materji distinti - anke jekk huwa jħoss li hemm bżonn li jirregola dawn l-affarijiet b'mod differenti minn dak tal-Gvern ta' qablu - għax naħseb li jkun jagħmel iktar sens.
Mr Chairman, irrid ngħid li dawn huma żewġ materji li ġew introdotti f'dan il-pajjiż mill-Partit Nazzjonalista fil-gvern. Meta dan il-Partit Nazzjonalista fetaħ is-suq għall-kummerċ kien hemm min ikkritikah u qal li kien qed jagħmel hekk għax huwa l-partit tal-kummerċjanti u n-negozjanti. Kienet saret ħafna kritika meta l-ekonomija tagħna kienet qed tinfetaħ b'dak il-mod. Dan il-ftuħ ta' l-ekonomija kabbar ħafna l-attivita' u s-settur kummerċjali żied l-impjiegi u anke l-Kap ta' l-Oppożizzjoni semma kif kostantement, sena wara sena, il-Partit Nazzjonalista fil-gvern żied l-impjiegi. Dan ġara għax ħa ħsieb is-settur kummerċjali. Il-Partit Nazzjonalista m'għamilx hekk biss imma daħħal ukoll regolamentazzjoni ġdida bil-Liġi dwar il-Kompetizzjoni Ġusta u bil-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Konsumatur. biex b'hekk ġab bilanċ fis-soċjeta' tagħna bejn soċjeta' li temmen fil-free trade u soċjeta' li tagħti protezzjoni lill-konsumaturi u li trid tassigura li ma jkun hemm ħadd li juża l-kompetizzjoni biex jiddomina s-suq. Il-Partit Nazzjonalista fil-gvern ried li jżomm is-suq miftuħ għal kulħadd. Dan kien partit li kellu viżjoni ċara għax ried juri lill-Maltin li jrid ikollhom il-fiduċja fihom infushom u ma jibqgħux bil-mentalita' tas-sur, jiġifieri li jintefgħu wara s-sur għaliex jibżgħu li se jiġu attakkati minn barra. Fil-fatt il-Partit Nazzjonalista kien kabbar dan is-settur tal-kummerċ għaliex mhux biss kellu fiduċja fil-poplu Malti imma fil-futur ta' dan il-pajjiż. Dan kien partit li mexa bi kjarezza fil-policies tiegħu u li kellu direzzjoni ċara li twassal lejn l-Unjoni Ewropea.
Dostları ilə paylaş: |