ONOR. OWEN BONNICI: Le, għax din hija liġi li tirregola l-finanzjament tal-partiti.
ONOR. CHRIS SAID:Bir-rispett kollu, mhux biss. Din il-liġi tirregola kemm jistgħu jonfqu l-kandidati, u hemm capping ta’ kemm jista’ jonfoq kandidat f’elezzjoni. M’aħniex qed nitkellmu fuq finanzjament ta’ partiti biss meta, iktar tard, se nkunu qed ngħidu kandidat m’għandux ...
ONOR. OWEN BONNICI: Tridx niddiskutuh aktar tard dan il-punt? Mingħajr ma nnaqqas xejn mill-punt tiegħek, ma nixtieqx noqgħod naqbeż minn naħa għal oħra, imma nixtieq li nkunu strutturati u, jekk għandek xi emenda għal klawsola 35, niddiskutuha bil-qalb kollha. Però, jekk qed nitkellmu fuq capping tan-nefqa, niddiskutuha fil-parti li titkellem dwar il-capping tal-infiq tal-kandidati, jekk inti taqbel.
ONOR. CHRIS SAID: Dak hu l-punt li se nkunu qegħdin nissottomettu, li anke l-partiti għandu jkollhom capping ta’ kemm jistgħu jonfqu f’tipi ta’ elezzjonijiet differenti.
ONOR. OWEN BONNICI: Mhux fi klawsola 35 tidħol, imma xi mkien ieħor.
ONOR. CHRIS SAID: Le, trid tidħol fil-klawsoli li ġejjin, tidħol fejn tidħol.
ONOR. OWEN BONNICI: Imbagħad niddiskutuha bil-qalb kollha.
THE CHAIRMAN: Mela ngħaddu għall-vot fuq klawsola 35. Kien hemm emenda, hux hekk?
ONOR. OWEN BONNICI: Fl-aħħar laqgħa konna ressaqna l-emenda dwar l-anonymous donations, li diġà qbilna fuqha.
THE CHAIRMAN: Il-mistoqsija hi l-emenda għal klawsola 35, kif imressqa u moqrija mill-Ministru fil-laqgħa Nru 59. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed. L-Emenda “AA” għaddiet nem. con. THE CHAIRMAN: Il-mistoqsija hi klawsola 35, kif emendata. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Carried. ONOR. OWEN BONNICI: Jiġifieri l-Oppożizzjoni vvotat kontra klawsola 35?
THE CHAIRMAN: Iva, Ministru.
ONOR. CLAUDIO GRECH: Għaliex minn kull punt li semmejna ma ġie aċċettat xejn.
ONOR. OWEN BONNICI: X’jiġifieri ma ġie aċċettat xejn?
ONOR. CLAUDIO GRECH:Meta semmejna l-issues tat-trust għedtulna li se taħsbuha u se taraw ...
ONOR. OWEN BONNICI: Le, le, stenna ftit!
ONOR. CLAUDIO GRECH: M’aċċettajtuhx l-argument. Għedtulna ħalli naraw fid-definitions clause. ONOR. OWEN BONNICI: Ippermettili, on a point of order. THE CHAIRMAN: Il-Ministru Owen Bonnici, on a point of order.
ONOR. OWEN BONNICI: Dwar l-issues tat-trust, jien tajt commitment li meta niġu għad-definition of ‘donations’ jew ‘persons’ jew definition oħra in article 2, jien ippromettejt u għamilt nota hawnhekk biex niddiskutuha.
ONOR. CLAUDIO GRECH: Imma m’għedtlix li qed taqbel magħha.
ONOR. OWEN BONNICI: U s-sentiment huwa favur li jkun hemm din it-tip ta’ trasparenza. Biss irridu naraw kif nagħmluha, u għedt li hemm commitment li meta niġu għal klawsola 2 naqblu magħha. Fuq il-kwestjonijiet l-oħrajn, qbilna. Li m’hemmx qbil huwa fuq il-capping tal-€40,000; jiġifieri fuq dik qed tivvotaw kontra? Jien qed nipprova nsib consensus.
ONOR. CLAUDIO GRECH: Għall-inqas, nixtiequ nagħmlu emenda għaliha u nivvotaw fuq l-emenda tal-€40,000.
ONOR. OWEN BONNICI: Fuq paragrafu (e)?
ONOR. CHRIS SAID: Qed ngħidu li f’paragrafu (e) ta’ klawsola 35 ngħidu li partiti politiċi m’għandhomx jirċievu donazzjonijiet ta’ aktar minn €40,000 fuq tliet snin mill-istess sors.
ONOR. OWEN BONNICI: Ejja naqblu fil-prinċipju li għandha tkun kull sena, għax aħna qed nitkellmu dejjem fuq kontijiet ta’ sena; allura, naħseb li hija kruċjali li norbtuha ma’ sena. Issa, jekk il-€40,000 irridu nagħmluha inqas, biex ikun hawn consensus kemm jista’ ikun ...
ONOR. CHRIS SAID: Le, ma tagħmilx differenza għax il-kontijiet se jkunu qegħdin isiru kull sena, u dawn se jkunu qed jiġu submitted ...
ONOR. OWEN BONNICI: Jien qed ngħid li ejja naqblu li jkunu kull sena. Issa, jekk qed nitkellmu fuq l-ammont, niddiskutuh. Hemm xi proposta? Taqblu miegħi li tkun kull sena, jew lanqas fuq din ma taqblu?
ONOR. CLAUDIO GRECH: L-accounts se ddaħħalhom kull sena, però aħna hawnhekk mhux qed nitkellmu fuq l-accounts;aħna hawnhekk qed nitkellmu fuq hijiex donazzjoni permissibbli, u donazzjoni permissibbli tista’ tkun fuq iktar minn medda ta’ sena. Jien qed ngħid li nestendu l-€40,000 fuq tliet snin. Tista’ tagħmilha €40,000 divided by 3 jekk nimxu bil-matematika.
ONOR. OWEN BONNICI: Jekk il-proposta hi li tkun €12,000 fis-sena, qed ngħidu l-istess ħaġa.
ONOR. CLAUDIO GRECH: Mhux hekk!
ONOR. OWEN BONNICI: Jien qed ngħid, ‘Ejja naqblu fuq l-ammont’. Tajjeb jekk minn €40,000 jinżel €35,000 jew €30,000? I’m open to suggestions. M’għandix diffikultà, as long as it is per year, għax per year naħseb iddaħħal ċertu ordni.
ONOR. CHRIS SAID: Il-punt mhux jekk l-€40,000 jinżilx jew le, imma li aħna konna ssuġġerejna li għandu jkun inqas. Fl-abbozz oriġinali kien €50,000, u issa niżel għal €40,000. Il-punt hu, kif spjega l-Onor. Grech, li jekk ikollok persuna jew kumpanija li fuq medda ta’ ħames snin tagħtik €40,000 fis-sena, dawn jammontaw għal €200,000. Allura, aħna qed ngħidu tista’ tagħti mhux iżjed minn €40,000 fuq medda ta’ tliet snin, u r-raġuni hi li inti jista’ jkollok kumpanija li tagħtik €40,000 f’sena, però prattikament tkun qed tipprekludiha milli fis-sentejn ta’ wara tagħtik donazzjonijiet oħrajn.
ONOR. OWEN BONNICI: Onor. Said, ara naqblux fil-prinċipju. Jiena nixtieq li tibqa’ kemm jista’ jkun per year, għaliex hawnhekk it-thresholds kollha huma per year. Jekk hemm bżonn li minn €40,000 l-ammont inniżżluh għal €35,000 jew €30,000, inniżżluh; imma, trid tkun realistiku għax inkella ... Ma rridux ninsew li mhux biss qed nitkellmu għall-iffinanzjar tal-kampanja elettorali, imma biex partit politiku jgħix, iħallas il-pagi tan-nies tiegħu, eċċ., jiġifieri l-ammont irid ikun raġunevoli, għax inkella qed nistiednu li ma tkunx prattika.
ONOR. CLAUDIO GRECH: Naqblu. Ejja nimxu mal-linja li qed tirrakkomanda inti li jkunu annually, u kieku wieħed kellu jaqsam l-€40,000 fuq medda ta’ tliet snin jiġi circa €13,000. Però, aħna qed nipproponu li nagħmluha €20,000 kull sena.
ONOR. OWEN BONNICI: Forsi l-kompromess ikun €30,000. Aħna qed ngħidu €40,000, intom qed tgħidu €20,000 – nagħmluha €30,000. Il-kompromess ta’ €30,000 naħseb ikun aċċettabbli.
ONOR. CHRIS SAID: €30,000 fis-sena fuq ħames snin ifisser li persuna waħda tista’ tagħtik €150,000 f’leġiżlatura.
ONOR. OWEN BONNICI:Dawn se jkunu ddikjarati, u n-nies se jkunu jafu u jagħmlu l-konklużjonijiet tagħhom. Illum hemm il-problema għax jistgħu jagħtu mhux biss €30,000, imma jistgħu jagħtu €200,000 ... għalkemm ma nafx kemm hawn min jagħti €200,000.
ONOR. CHRIS SAID: Aħna qed nagħmlu liġi.
ONOR. OWEN BONNICI: Kollox sew. Jien qed nistieden lill-ħbieb tiegħi li nagħmlu liġi li tkun tajba, li tkun prattika u li tagħmel sens. Jien qed ngħid li jekk se nagħmlu ammont baxx iżżejjed, qed nistiednu lil dak li jkun biex jipprova joqgħod jiksirha.
ONOR. CLAUDIO GRECH: Ma naħsibx li €20,000 huwa ammont baxx, Ministru, għax €20,000 fuq medda ta’ leġiżlatura huma €100,000.
ONOR. OWEN BONNICI: €20,000 għalija personali huma ħafna.
ONOR. CLAUDIO GRECH: €100,000 qed tgħid int, mhux €20,000. Jiġifieri, fuq medda ta’ leġiżlatura, aħna qed nagħmlu limit ... ONOR. OWEN BONNICI: Imma, meta qed naraw partit politiku llum, naħseb €20,000 huwa ammont ...
ONOR. CLAUDIO GRECH: Qed nagħmlu limit li kull persuna tista’ tagħti €100,000 f’leġiżlatura. Jien ma nixtieqx neħodha fuq medda ta’ sena, u għalhekk issuġġerejt a rolling period. Jekk se ngħidu li €20,000 f’sena jew €100,000 fuq medda ta’ ħames snin huma ftit, nerġa’ ngħidlek, relattivament mal-income tal-partiti – għall-inqas dak li jgħidu li għandhom – huwa ammont għoli.
ONOR. OWEN BONNICI: Intom ħriġtu bl-idea tal-€20,000, u jien qed ngħid €40,000. It’s better to err on the side of caution għax, jekk nagħmluha baxxa żżejjed, imbagħad nibdew naraw affarijiet li ...
ONOR. CHRIS SAID: €20,000 mhux baxxa żżejjed. €20,000 fis-sena huma ...
ONOR. OWEN BONNICI: Mhux fis-sena, jien qed nikkalkula ma’ sena ...
ONOR. CHRIS SAID: Mhux inti tlabtna biex nagħmluha kull sena?
ONOR. OWEN BONNICI:Kollox sew, imma m’hemmx garanzija li l-istess individwu se jagħti €20,000 kull sena. Però, jekk hemm xi ħadd li tant iħobb lill-partit li jkun irid jagħti l-iktar li jista’, jien ngħid li l-massimu ta’ €20,000 jista’ jkun li mhix prattika. Nerġa’ ngħid li ma naħsibx li hawn ħafna joqogħdu jagħtu €20,000 lill-partiti: imma, lanqas irridu nagħmlu liġi u mbagħad irridu noqogħdu nemendawha wara kull sena jew kull sentejn għax €20,000 tiġi baxxa. Jien nippreferi tkun daqsxjen on the high side u jiddikjaraha, milli tkun on the low side, imbagħad biex jevaduha ma jiddikjarawhiex. Jien nippreferi hekk.
ONOR. CHRIS SAID: Ministru, irridu niftakru wkoll li wieħed mill-iskopijiet prinċipali ta’ din il-liġi hu li ebda partit politiku ma jispiċċa at the whim ta’ xi kumpanija, ta’ xi persuna.
ONOR. OWEN BONNICI: U għalhekk qed issir din il-liġi, għax kieku ma konna nagħmlu xejn. L-eħfef ħaġa li ma nagħmlu xejn.
ONOR. CHRIS SAID: Dak huwa l-iskop prinċipali; allura, iktar ma tkun baxxa t-threshold tal-ikbar donazzjoni li tista’ tingħata, iktar tonqos il-possibbiltà li xi partit ikun kontrollat minn xi persuna jew minn xi kumpanija.
ONOR. OWEN BONNICI: Però trid tkun realistika.
ONOR. CLAUDIO GRECH: Ministru, €100,000 fuq leġiżlatura qed ngħidu.
ONOR. CHRIS SAID: Inti stess għadek kemm għedt li ftit huma n-nies li jaslu biex jagħtu €20,000 fis-sena lil partit politiku. Almenu jien ma naf b’ħadd li jagħti €20,000 fis-sena lill-partiti. Jekk aħna rridu nilħqu l-iskop ta’ din il-liġi, irridu nbaxxu t-threshold tal-massimu li wieħed jista’ jagħti bħala donazzjoni f’sena.
ONOR. OWEN BONNICI: Però, jiena ma rridx li nbaxxu t-threshold u mbagħad – irrid noqgħod attent kif ngħidha – noħolqu realtajiet hemm barra ta’ nies li jipprovaw jaraw minn fejn jgħaddu.
ONOR. CHRIS SAID: Le, ikunu qed jiksru l-liġi. Naqbel miegħek. Bl-istess argument, jekk jiġi ppruvat iridu jħallsu ta’ dak li jkunu kisru.
ONOR. DEBORAH SCHEMBRI: Il-fatt li xi ħadd li qed jikkontribwixxi €30,000 bilfors huwa magħruf –skont din il-liġi – qed inaqqas ir-riskju li partit ikun at the whim of anybody. Ġaladarba aħna nafu min se jkunu d-donaturi, il-partit fl-Oppożizzjoni se jaqbeż fuq il-partit fil-Gvern jekk jagħmel xi ħaġa biex jaġevola persuna li it is known li tat ċertu ammonti kbar ta’ flus lill-partit fil-Gvern.
ONOR. OWEN BONNICI:What I’m suggesting is – u qed nitkellem above party politics – let us make this law realistic. Jiena naħseb li l-ammont ta’ €50,000 li pproponejt l-ewwel darba jien – għax jien ipproponejtha – veru kien eċċessiv; però, €40,000 bħala capping huwa raġunevoli. Jien qed ngħid li ninżlu għal €30,000, imma donnu l-ħbieb tiegħi mhumiex qed jaqblu; jiġifieri, fil-każ nibqgħu bil-vot li kellna. Kontra qalbi għax, kif tafu, ipprovajt nasal għal consensus, imma ... Nirrispetta l-fehmiet tagħkom, jiġifieri ara ma taħsbux li qed ngħid hekk mingħajr rispett.
ONOR. CLAUDIO GRECH: Il-punt prinċipali hu r-relattività, u r-relattività tal-ammont ma jistax jiġi injorat. Meta tqabbel l-ammont ta’ €20,000 mal-income tal-partiti, ma tistax tgħid li huwa ammont żgħir. Inti għedt you would prefer to err on the side of caution, u naqbel miegħek jien.Naħseb li f’dan l-istadju jkun iktar għaqli kieku kellna nibdew b’ammont li hu iktar raġunevoli, ammont li hu iktar baxx. Naħseb l-element l-ieħor hu li, jekk fuq medda ta’ ħames snin inti se tkun qed tippermetti li entità waħda, persuna waħda tagħtik €100,000, ...
ONOR. OWEN BONNICI: Li se tkun magħrufa, jiġifieri kulħadd ikun jaf li ...
ONOR. CLAUDIO GRECH:Hopefully jekk nagħmlu dik l-emenda li semmejna qabel.
ONOR. OWEN BONNICI: Le, dik żgur, m’hemmx emendi u mhux emendi. Dik żgur.
ONOR. CLAUDIO GRECH: Jekk nagħmlu l-emenda limhux aċċettabbli donations minn kumpaniji tat-trusts u l-affarijiet l-oħra.
ONOR. OWEN BONNICI: Dik m’għandix diffikultà.
ONOR. CLAUDIO GRECH: Jien għalhekk qed nappellalek li nagħmluha €20,000. Kieku kellek taqsam €40,000 fuq tliet snin jammontaw għal €13,000; apparti li, iktar ma tkun għolja t-threshold, iktar nemmen li se jkun hemm żvantaġġjar ta’ partiti li huma on the smaller side. ONOR. OWEN BONNICI: Għaliex imma?
ONOR. CLAUDIO GRECH: Huwa naturali.
ONOR. OWEN BONNICI: Anzi, iktar bil-maqlub. Il-proposta tiegħi hi li tkun €30,000; issa, jekk il-ħbieb tiegħi ma jaqblux, m’hemmx mod ieħor u rridu nsolvuha bil-vot.
ONOR. CHRIS SAID: Tagħmel l-emenda inti?
ONOR. OWEN BONNICI: Hemm qbil li tinżel €30,000?
ONOR. CHRIS SAID: Aħna se nagħmlu emenda għal paragrafu (e) billi nissostitwixxuh bil-kliem: “li jkunu aktar minn €20,000 matul sena kalendarja waħda mill-istess sors.”
ONOR. OWEN BONNICI: Mela m’aħniex se naqblu. Issa, jew tiktbu l-emenda u nivvotaw, inkella sakemm tikteb l-emenda – bħalma għamilna fuq l-oħrajn – nistgħu ngħaddu għal klawsola 36, imbagħad nieħdu l-vot fuq l-emenda.
ONOR. CHRIS SAID: Ministru, inti se tagħmel kontro-emenda ta’ €30,000?
ONOR. OWEN BONNICI: Le, le. Intom qed tgħidu le, hux hekk? Jien qed ngħid bħala kompromess inniżżluha għal €30,000.
ONOR. CHRIS SAID: Allura mbagħad se tibqa’ €40,000.
ONOR. OWEN BONNICI: Iva, hekk qed ngħid.
ONOR. CHRIS SAID: Jiġifieri l-Gvern qed jgħid tibqa’ €40,000. Kollox sew.
ONOR. OWEN BONNICI:Ippermettuli ftit, jekk jogħġobkom.
ONOR. MEMBRU: Kif kienu qablu ż-żewġ partiti.
ONOR. CHRIS SAID: Din li qablu ż-żewġ partiti ... Aħna fil-proposti bil-miktub tagħna ma kenitx €40,000!
ONOR. OWEN BONNICI: Intom qed tgħidu €20,000, u aħna qed nipproponu €40,000, wara li nżilna minn €50,000. Jien qed ngħid biex nipprovaw nilħqu kompromess, u meta tagħmel kompromess, kull wieħed jipprova javviċina. Fil-kuxjenza nħoss li, jekk tagħmilha baxxa wisq, din iktar problemi se toħloq milli soluzzjonijiet, għax aħjar bniedem jagħtini donazzjonijiet u jien inkun naf min hu. Jekk intom taqblu mal-ammont ta’ €30,000, nistgħu nemendawha għal €30,000. Jekk ma taqblux ...
IL-PERIT CARMEL CACOPARDO: Nistgħu nagħmluha €25,000?
ONOR. OWEN BONNICI: Minn €50,000 inżilna ... Nitlobkom tifhmuni. Jien fil-kuxjenza nħoss li, jekk se nagħmluha baxxa żżejjed, se nagħmlu xi ħaġa li qed tistieden biex dak li jkun jipprova jdur magħha, xi ħaġa li ma rridx.
ONOR. CHRIS SAID: Għalik €20,000 huwa baxx?
ONOR. OWEN BONNICI: Għalija personali, Owen Bonnici, €20,000 huma ħafna; imma, fil-kuntest ta’ partiti kbar li jimpjegaw in-nies li għandhom dawk l-overheads kollha ... Mhux qed nitkellmu fuq ħanut tat-tè. Nerġa’ ngħid, jekk trid naslu fuq €30,000 fi spirtu ta’ kompromess naslu: imma, jekk intom qed tgħiduli le, tibqa’ €40,000. Ċara?
ONOR. CLAUDIO GRECH: Paragrafu 35(f) għamilnieh?
ONOR. OWEN BONNICI: Jien spjegajtha, din fuq l-imgħax.
ONOR. CLAUDIO GRECH: Però jista’ ikollok każ fejn ...
ONOR. OWEN BONNICI: Ippermettuli ftit, jekk jogħġobkom. Jiġifieri, qed nagħmlu re-committal? Konna vvotajna fuq klawsola 35.
ONOR. CHRIS SAID: Le le, ma vvotajniex!
ONOR. OWEN BONNICI: Iva, ivvotajna.
ONOR. CHRIS SAID: Għal klawsola 35 se nagħmlu emenda.
ONOR. OWEN BONNICI: Kollox sew. Hemm xi kummenti fuq paragrafu (f)?
ONOR. CLAUDIO GRECH: Hawnhekk qed ngħidu li d-differenza hija l-imgħax. Inti jista’ jkollok ċirkostanza fejn l-ammont mogħti jingħata bħala self; però, fil-fatt, ma jkunx self, ma jkunx repayable lura, jiġifieri mhux ingħata self b’imgħax vantaġġjuż jew interest-free, però ngħataw flus in the guise ta’ self. Dr Grech, din il-klawsola tkopriha?
ONOR. OWEN BONNICI: Wieħed jista’ jkun intelliġenti u jgħid li sellfek u effettivament ikun tak għax, minflok mort tieħu loan il-bank bi 8%, b’6%, b’5% jew bi 3%, fil-fatt ikun tak €100,000 mhux €40,000, allura din qed nagħmluha biex nagħlqu dak l-abbuż.
THE CHAIRPERSON: Dak mhux iktar favorevoli mir-rati kummerċjali, jekk ma jkunx b’imgħax?
DR PETER GRECH: Hawnhekk qed nikkontemplaw sitwazzjoni fejn partit jiġi misluf somma ta’ flus, u d-differenza bejn l-imgħax li qed iħallas fuqha u kieku ħa dak is-self b’mod kummerċjali, taqbeż l-€40,000. Dik tiġi a prohibited donation, jiġifieri għandek skont fis-self illi ...
ONOR. CLAUDIO GRECH: Dak huwa ċar. Jien li qed nirreferi għal meta xi ħadd jagħti €40,000 lil partit u jitniżżlu bħala self, però dan is-self ma jkunx pagabbli lura.
DR PETER GRECH: Dik diġà koperta fid-definition ta’ donazzjoni, għax il-paragrafu (d), fid-definizzjoni ta’ “donazzjoni”, jgħid: “Kull self mogħti fuq kondizzjonijiet aktar favorevoli minn dawk il-kondizzjonijiet ordinarji kummerċjali ...”
PERIT CARMEL CACOPARDO: Jien nissuġġerixxi li l-massimu f’paragrafu (e) jkun €25,000 minflok €40,000.
ONOR. OWEN BONNICI: Issa jikteb l-emenda Dr Grech.
DR PETER GRECH: Imbagħad irid jiġi emendat paragrafu (f) ukoll.
PERIT CARMEL CACOPARDO: L-€40,000 jiġu €25,000.
DR PETER GRECH: L-€40,000 jiġu €25,000 bħala differenza fl-imgħax.
ONOR. OWEN BONNICI: Sur President, nistgħu ngħaddu għal klawsola 36. Nipproponi li klawsola 35 tiġi posposta sakemm tinkiteb l-emenda.
THE CHAIRMAN: Hawn qbil? (Onor. Membri: Iva)
Il-Kumitat qabel li klawsola 35tiġi posposta.
Klawsola 36 – Valur ta' donazzjoni
Clause 36 – Value of donation THE CHAIRMAN: Il-Ministru.
ONOR. OWEN BONNICI: Hawnhekk qed nipprovaw innaqqsu l-loopholes għax, jekk jien nagħti servizz u mhux flus, dik taqa’ taħt donazzjoni jew le? Għalhekk għamilna elenku fejn ipprovajna kemm jista’ jkun nagħlqu u nkaħħlu l-possibbiltà tal-abbużi.
THE CHAIRMAN: Hawn kummenti? L-Onor. Chris Said.
ONOR. CHRIS SAID: Fi klawsola 36 qed nitkellmu dwar rigal lill-partit politiku, allura qed nitkellmu anke fuq proprjetà li tiġi trasferita lil partit politiku li l-valur li jkun qed iħallas tagħha ma jkunx il-valur reali tas-suq, jew ma jkunx il-valur kemm fil-verità tiswa dik il-proprjetà. U hawnhekk din il-liġi, rightly so, qed tgħid li, jekk jien għandi proprjetà “A” li qed inbigħha lil partit politiku bi prezz ta’ €5,000, meta fil-verità din il-proprjetà tiswa €100,000, qisni qed nagħti donazzjoni ta’ €95,000 lil dak il-partit politiku. Bl-istess raġunament, jekk jien għandi proprjetà li l-valur lokatizju tagħha huwa X amount, imma jien qed ngħaddi dik il-proprjetà lil dak il-partit politiku b’valur lokatizju ferm ridott, allura hemmhekk dik ukoll għandha titqies li hija donazzjoni. Naħseb li għandu jiġi ċċarat li din għandha tapplika wkoll fejn tidħol proprjetà tal-Gvern li tingħata b’dan il-mod lil xi partit politiku.
THE CHAIRMAN: Il-Perit Carmel Cacopardo.
IL-PERIT CARMEL CACOPARDO: Għandha bżonn tkun ikkjarifikata fejn titħalla proprjetà b’wirt lill-partit. Issa, ħafna mill-proprjetà se taqbiżhom il-€25,000, u allura rridu naraw jekk il-partit effettivament jistax jiret.
THE CHAIRMAN: Għaliex m’għandux jiret?
IL-PERIT CARMEL CACOPARDO: Għax jekk inti qed tagħmel limitazzjoni ta’ €25,000 ...
ONOR. OWEN BONNICI: Kollox sew, imma aħna qed ngħidu li jekk hemm xi ħadd irid iħalli dar lill-Partit Nazzjonalista ...
IL-PERIT CARMEL CACOPARDO: Imma jekk inti qed tipprojbixxih milli jirċievi donazzjoni ta’ iktar minn €25,000?
ONOR. OWEN BONNICI: Kollox sew; imma fil-liġi nistgħu nagħmluha li minkejja l-projbizzjoni ...
IL-PERIT CARMEL CACOPARDO: Imma rridu nindirizzawha, għax mhijiex hawn fl-opinjoni tiegħi.
ONOR. DEBORAH SCHEMBRI: M’għandix tkun ipprojbita għax, ovvjament, xi ħadd li huwa deċedut ma jistax jinfluwenza lill-Gvern.
DR PETER GRECH: Jekk hu mejjet, x’vantaġġ se jieħu?
ONOR. OWEN BONNICI: Forsi jieħdu vantaġġ uliedu għall-argument.
IL-PERIT CARMEL CACOPARDO: Fil-każ tal-argument tal-Onor. Chris Said – li naqbel miegħu – dwar proprjetà tal-Gvern li tkun b’kera baxxa, li effettivament hija donazzjoni wkoll, wieħed ikun irid jintroduċi mekkaniżmu ta’ reviżjoni ta’ dawn il-kirjiet.
ONOR. OWEN BONNICI: Introduċejnieh u daħħalnieh fis-seħħ diġà permezz ta’ avviż legali li għadda s-sena li għaddiet, u li kkonsultajt mal-Onor. Fenech Adami dwaru. Inbidlet id-definition of fair rent u llum, jekk inti sid, tista’ tieħu anke persentaġġ tat-turnover ta’ dak il-każin, hu x’inhu, football, banda, boċċi, partiti, eċċ. Jiġifieri dan li qed tgħidli inti diġà sar.
X’kien l-argument l-ieħor ta’ Dr Said?
ONOR. CHRIS SAID: L-ewwel argument huwa fuq l-issue tal-proprjetà li tingħata b’valur li ma jkunx il-valur reali tas-suq, kemm jekk tkun b’bejgħ, u kemm jekk tkun b’kera.
ONOR. OWEN BONNICI: Dik se niġu għaliha meta niġu għal klawsola 2, id-definitions clause. Fil-fatt, fil-proviso tal-paragrafu (e) tad-definizzjoni ta’ “donazzjoni”, jingħad: “Iżda l-proprjetà ta’ kwalunkwe natura li tiġi trasferita lil partit politiku causa mortis, u xogħol volontarju u bla ħlas ...” Dik niġu għaliha iktar tard.
ONOR. CHRIS SAID: Hawnhekk qed nitkellmu fuq proprjetà tal-Gvern li tkun qed tingħata lil xi partit politiku bi prezz li ma jkunx il-valur lokatizju tas-suq.
ONOR. OWEN BONNICI: “Proprjetà tal-gvern” minn fejn qed toħroġ?
ONOR. CHRIS SAID: Aħna qegħdin nissuġġerixxu li tidħol hawnhekk biex tkun ċara li anke hemmhekk dan irid ikun meqjus bħala donazzjoni.
ONOR. OWEN BONNICI: Le, ma naqblux dwar il-kwestjoni tal-proprjetajiet, kif diġà spjegajna fit-Tieni Qari.
ONOR. CHRIS SAID: Ministru, għandna sitwazzjoni fejn gvern jgħaddi lil xi partit politiku proprjetà li l-valur lokatizju tagħha jkun ta’ €1,000 fix-xahar, imma dan ikun għaddiha lil dak il-partit politiku b’€10 fix-xahar. Fit-termini ta’ kif tista’ tiġi interpretata din il-liġi – però mhijiex ċara, u aħna rridu niċċarawha – il-Gvern qisu qed jgħaddi donazzjoni – jista’ jkun il-privat – ta’ €990 fix-xahar, fuq sena tiġi kważi €12,000, lil dak il-partit politiku fuq proprjetà waħda.
ONOR. OWEN BONNICI: Jekk ikun hemm gvern li jagħti lil partit politiku proprjetà b’kirja ta’ €100 fis-sena, inti qed tgħid li ma tinqabadx minn din?
ONOR. CHRIS SAID: Jekk il-gvern ta lill-partit politiku proprjetà li kieku nkriet fuq is-suq kienet se tinkera b’€1,000 fix-xahar, imma l-gvern deherlu li jrid jagħtiha lil dak il-partit politiku, probabbilment biex jaġevolah ... (Interruzzjonijiet) Jekk inti qed taqbel li hija covered, allura ejja niċċarawha billi jidħol li din tinkludi proprjetajiet tal-gvern li jingħataw lil partiti politiċi.
ONOR. OWEN BONNICI: Onor. Said, jekk il-kwestjoni hija dwar il-kirjiet tal-każini, nafu li mhux qed naqblu fuqha ...