Il-ktieb tas-salmi


[S:74:12] Iżda int, Alla, sultan tiegħi sa mill-qedem; int tikseb ir-rebħa fl-art kollha. [S:74:13]



Yüklə 1,16 Mb.
səhifə7/13
tarix15.01.2019
ölçüsü1,16 Mb.
1   2   3   4   5   6   7   8   9   10   ...   13

[S:74:12] Iżda int, Alla, sultan tiegħi sa mill-qedem;

int tikseb ir-rebħa fl-art kollha.


[S:74:13] Int fridt b'qawwietek il-baħar,

u sħaqt irjus id-draguni ta' l-ilma.



[S:74:14] Int farrakt l-irjus tal-Levjatan,

u tajtu b'ikel lil klieb il-baħar.



[S:74:15] Int ftaħt għejun u widien,

u nixxift xmajjar dejjem għaddejja.



[S:74:16] Tiegħek il-jum u tiegħek il-lejl;

il-kwiekeb u x-xemx int għamilthom.



[S:74:17] Int ħażżejt it-truf kollha ta' l-art;

is-sajf u x-xitwa inti ħlaqthom.



[S:74:18] Ftakar, Mulej, kif qiegħed ikasbrek l-għadu,

kif il-boloh qegħdin iżebilħu ismek.



[S:74:19] Titlaqx lill-bhejjem lil min ifaħħrek;

tinsiex għal dejjem il-ħajja tal-fqajrin tiegħek.



[S:74:20] Żomm quddiem għajnejk il-patt tiegħek,

għax l-art mimlija dlamijiet u dnewwa.



[S:74:21] Tħallix l-imgħakkes fil-mistħija,

biex il-fqajjar u l-imsejken ifaħħru ismek.



[S:74:22] Qum, o Alla, aqbeż għall-kawża tiegħek;

ftakar kif l-iblah qiegħed ikasbrek il-ħin kollu.


[S:74:23] Tagħlaqx widnejk għall-għajat ta'

l-għedewwa tiegħek

għall-ħsejjes bla heda ta' min jeħodha miegħek.
75 (74). Alla hu l-imħallef
[S:75:1] Għall-mexxej tal-kor. Fuq "La teqridx".

Salm ta' Asaf.
[S:75:2] Lilek infaħħru, o Alla, lilek infaħħru;

ismek inxandru, għemilek ta' l-għaġeb inħabbru.



[S:75:3] "Meta jasal il-waqt li jien għażilt,

jien nagħmel ħaqq bis-sewwa.



[S:75:4] Jekk titriegħed l-art u kull ma fiha,

jiena nżomm sħaħ il-pilastri tagħha."


[S:75:5] Lill-kburin ngħidilhom: "La titkabbrux?"

u lill-ħżiena: "La terfgħux raskom."



[S:75:6] Terfgħux kontra s-sema raskom;

titkabbrux ma' Alla bi kliemkom.


[S:75:7] Għax ebda għajnuna ma ssibu,

la mil-lvant, la mill-punent,

la mit-tramuntana u lanqas minn nofsinhar;

[S:75:8] għax Alla hu l-imħallef:

lil wieħed iniżżlu, lil ieħor jgħollih.


[S:75:9] Il-Mulej għandu f'idu bieqja,

bi nbid qawwi, mħawwar tajjeb;

minnha jisqihom sa l-aħħar qatra:

il-ħżiena kollha ta' l-art jixorbuha.


[S:75:10] Iżda jien għal dejjem nifraħ;

ngħanni lil Alla ta' Ġakobb.



[S:75:11] L-irjus kollha tal-ħżiena jitkissru;

u jintrefgħu l-irjus tal-ġusti.


76 (75). Tifħir lil Alla wara r-rebħa
[S:76:1] Għall-mexxej tal-kor. Fuq l-istrumenti

tal-korda. Salm ta' Asaf. Għanja.
[S:76:2] Magħruf hu Alla f'Ġuda,

kbir hu ismu f'Iżrael.



[S:76:3] F'Salem hemm l-għarix tiegħu,

u l-għamara tiegħu f'Sijon.



[S:76:4] Hemm hu kisser il-vleġeġ ta' l-ark,

it-tarka, is-sejf u l-armi tal-gwerra.



[S:76:5] Int kollok dija u glorja,

aktar mill-aqwa muntanji.



[S:76:6] L-irġiel ta' qalbhom qawwija

tilfu l-priża tagħhom;

il-gwerriera qalbiena waqgħu f'raqda,

idejhom tmewwtulhom.



[S:76:7] Għall-għajta tiegħek, Alla ta' Ġakobb,

f'ħedla jaqgħu r-rikkieba u ż-żwiemel.



[S:76:8] Tal-biża' int; int, min jiqaflek,

meta tqum fuq tiegħek, Mulej?



[S:76:9] Mis-smewwiet semmajt il-ħaqq tiegħek;

twerwret l-art u tbikkmet,



[S:76:10] meta Alla qam biex jagħmel il-ħaqq,

biex isalva l-imsejkna kollha ta' l-art.


[S:76:11] Mqar fil-korla tiegħek il-bnedmin ifaħħruk;

u kull min jeħles mill-għadab tiegħek ifaħħrek.



[S:76:12] Wiegħdu u roddu lill-Mulej, Alla tagħkom;

ta' madwaru lkoll iġibulu d-doni,

lilu, li hu tal-biża';

[S:76:13] lil dak li jifni l-kbarat,

u jnissel il-biża' fis-slaten ta' l-art.


77 (76). Ilment u tama fl-hemm
[S:77:1] Għall-mexxej tal-kor. Fuq "Ġedutun".

Salm ta' Asaf.
[S:77:2] B'leħen qawwi 'l Alla nsejjaħ,

nsejjaħ 'l Alla biex jismagħni.



[S:77:3] Fid-diqa tiegħi lil Sidi nfittex;

ma negħjiex billejl nerfa' idi u nitlob;

ma tridx taf b'faraġ qalbi.

[S:77:4] Niftakar f'Alla u nitniehed;

jien u naħseb, tinfena qalbi.



[S:77:5] Nżomm miftuħa xfar għajnejja;

jiena mħawwad u ma nistax nitkellem.



[S:77:6] Naħseb fiż-żmien l-imgħoddi,

niftakar fis-snin ta' qabel;



[S:77:7] billejl nitħaddet f'qalbi,

naħseb u nixtarr ġewwa fija.


[S:77:8] Tgħid għal dejjem se jwarrabna Sidna?

M'hux se jibqa' jurina mħabbtu?



[S:77:9] Waqfet għal dejjem it-tjieba tiegħu?

M'hux se jibqa' jżomm kelmtu minn nisel għal ieħor?



[S:77:10] Nesa Alla juri ħniena magħna?

Jew ħeba ħnientu fl-għadab tiegħu?


[S:77:11] Ikolli ngħid: "Dan hu l-għali tiegħi:

li Alla l-Għoli biddel għemil lemintu."



[S:77:12] Mbagħad niftakar f'għemilek, Mulej;

naħseb fl-għeġubijiet li għamilt fl-imgħoddi.



[S:77:13] Naħseb f'kull ma int għamilt;

nixtarr l-għemejjel kbar tiegħek.


[S:77:14] Qaddisa triqtek, o Alla!

Liema alla hu kbir bħal Alla tagħna?



[S:77:15] Int Alla li tagħmel ħwejjeġ ta' l-għaġeb,

li turi qawwietek fost il-popli.



[S:77:16] Bi driegħek fdejt il-poplu tiegħek,

l-ulied ta' Ġakobb u ta' Ġużeppi.


[S:77:17] Rawk l-ilmijiet, o Alla,

rawk l-ilmijiet u twerwru;

u sa qiegħ il-baħar triegħed.

[S:77:18] Mis-sħab niżlet ix-xita,

u s-smewwiet triegħdu;

leħħ ma' kullimkien il-beraq tiegħek.

[S:77:19] Il-ħsejjes tar-ragħad tiegħek waħda

f'waħda,

il-beraq dawwal id-dinja;

triegħdet u theżhżet l-art.


[S:77:20] Triqtek fuq il-baħar,

fuq l-ibħra l-kbar il-mixja tiegħek;

u ħadd ma jsibhom il-passi tiegħek.

[S:77:21] Mexxejt bħal merħla l-poplu tiegħek,

b'id Mosè u Aron.


78 (77). Tagħlim mill-istorja ta' Iżrael
[S:78:1] Maskil. Ta' Asaf.
Poplu tiegħi, agħtu widen għal-liġi tiegħi,

iftħu widnejkom għal kliem fommi.



[S:78:2] Niftaħ fommi biex inxandar kliem l-għerf;

nitkellem fuq ħwejjeġ moħbija mill-qedem.



[S:78:3] Dak li smajna u tgħallimna,

dak li qalulna missirijietna,



[S:78:4] aħna ma naħbuhx lil uliedhom,

iżda nxandruh lin-nisel ta' warajhom:

tifħir il-Mulej u l-qawwa tiegħu,

u l-għeġubijiet li għamel.


[S:78:5] Waqqaf drawwa b'tifkira għall-poplu ta'

Ġakobb,


għamel liġijiet għal Iżrael;

u ordna lil missirijietna

biex jgħallmuhom lil uliedhom,

[S:78:6] ħalli jkun jafhom in-nisel ta' warajhom;

u l-ulied li jitwieldu minnhom

jgħarrfuhom ukoll lil uliedhom,

[S:78:7] biex f'Alla jqiegħdu t-tama tagħhom;

ma jinsewx l-għemejjel ta' Alla,

iżda jħarsu l-kmandamenti tiegħu;

[S:78:8] u ma jkunux bħal missirijiethom,

nies ta' ras iebsa li b'xejn ma tisma',

li qalbhom kienet bla mistrieħ,

u ruħhom lejn Alla infidila.



[S:78:9] Ulied Efrajm, mħarrġa fl-ark,

treġġgħu lura f'jum it-taqbida;



[S:78:10] ma ħarsux il-patt ta' Alla,

ma ridux jimxu fuq il-liġi tiegħu.



[S:78:11] Nsew l-għemejjel tiegħu

u l-għeġubijiet li kien uriehom:



[S:78:12] l-għeġubijiet li għamel quddiem

missirijiethom

f'art l-Eġittu, fir-raba' ta' Sogħan.

[S:78:13] Feraq il-baħar biex għaddiehom minnu,

l-ilmijiet bħal ħitan waqqaf;



[S:78:14] mexxiehom bi sħaba binhar,

u b'ħuġġieġa ta' dawl billejl.



[S:78:15] Xaqqaq il-blat fid-deżert,

sqiehom bħal b'baħar ta' l-ilma;



[S:78:16] ħareġ il-gliegel mill-blata,

ġerra bħax-xmajjar l-ilma.


[S:78:17] Iżda huma kontrih komplew dinbu,

qamu kontra Alla fid-deżert.



[S:78:18] Ġarrbu lill-Għoli f'qalbhom,

billi talbuh l-ikel li xtaqu.



[S:78:19] Tkellmu kontra Alla, u qalu:

"Jista' Alla jħejji mejda fid-deżert?



[S:78:20] Hu ħabat il-blat, u l-ilma ħareġ,

widien ta' l-ilma gelglu;

ma jistax jagħti ħobż ukoll,

jew iħejji laħam għall-poplu tiegħu?"



[S:78:21] Għal dan il-kliem għadab il-Mulej;

tkebbes in-nar għal Ġakobb,

u s-saħna tiegħu xegħlet għal Iżrael.

[S:78:22] Għax huma ma emmnux lil Alla,

ma ttamawx fl-għajnuna tiegħu.


[S:78:23] Imma hu ordna s-sħab fl-għoli,

u fetaħ bwieb is-smewwiet;



[S:78:24] u xita ta' manna bagħtilhom x'jieklu,

tahom il-qamħ mis-sema.



[S:78:25] Kull wieħed kiel il-ħobż tal-qalbenin,

ikel bix-xaba' bagħtilhom.



[S:78:26] Tella' r-riħ ilvant fis-smewwiet,

ħareġ ir-riħ isfel b'qawwietu.



[S:78:27] Xita ta' laħam bħat-trab bagħtilhom,

għasafar bħar-ramel tal-baħar;



[S:78:28] u waqqagħhom f'nofs it-tined tagħhom,

madwar l-għerejjex fejn kienu jgħammru.



[S:78:29] Huma kielu u xebgħu għalkollox,

għax hu tahom kemm kienu xtaqu.


[S:78:30] Anqas laħqu temmew xewqithom,

kienu għadhom bl-ikel f'ħalqhom,



[S:78:31] xħin il-Mulej raġa' inkorla għalihom;

qatlilhom l-aħjar nies tagħhom,

iż-żgħażagħ ta' Iżrael ma' l-art xeħtilhom.

[S:78:32] B'danakollu baqgħu jidinbu,

ma emmnux fl-għeġubijiet tiegħu.



[S:78:33] U temm ħajjithom f'nifs wieħed,

is-snin tagħhom b'mewt għal għarrieda.



[S:78:34] Mbagħad kienu jfittxuh meta kien

jeqridhom,

kienu jindmu u jfittxu 'l Alla bil-ħerqa;

[S:78:35] kienu jiftakru li Alla l-blata tagħhom,

Alla l-Għoli l-feddej tagħhom.



[S:78:36] Imma kienu jqarrqu bih bi kliemhom,

kienu jigdbulu bi lsienhom.



[S:78:37] Għax qalbhom ma kinitx sewwa miegħu,

ma kinux fidili mal-patt tiegħu.


[S:78:38] Iżda hu kien iħenn u jaħfrilhom il-ħtija,

ma kienx jasal biex jeqridhom;

ħafna drabi kien iżomm il-korla,

ma kienx jixgħel qilltu kollha.



[S:78:39] Kien jiftakar li bnedmin huma,

bħal żiffa li tgħaddi u ma terġax lura.


[S:78:40] Kemm-il darba qamu kontrih fid-deżert,

kemm-il darba nikktuh fl-art niexfa!



[S:78:41] Kienu jerġgħu jġarrbu lil Alla,

u jħeġġu l-korla tal-Qaddis ta' Iżrael.



[S:78:42] Ma kinux jiftakru f'għemil idejh,

fil-jum li fdiehom mill-għadu,



[S:78:43] meta għamel il-mirakli fl-Eġittu,

l-għeġubijiet fir-raba' ta' Sogħan.


[S:78:44] Bidel f'demm ix-xmajjar tagħhom,

ma setgħux jixorbu min-nixxigħat tagħhom.



[S:78:45] Bagħtilhom dubbien li qeridhom,

u żrinġijiet li ħarbtuhom.



[S:78:46] Telaq għad-dud l-uċuħ tar-raba',

u għall-ġradijiet ix-xogħol ta' idejhom.



[S:78:47] Ħarbtilhom bis-silġ id-dwieli tagħhom,

u s-siġar tat-tin bil-ġlata.



[S:78:48] Qered bis-silġ il-bhejjem tagħhom,

u bis-sajjetti l-imrieħel tagħhom.


[S:78:49] Fetaħ għal fuqhom qawwet qilltu,

is-saħna, l-għadab u l-hemm.

Bagħtilhom l-anġli tal-ħsara,

[S:78:50] u witta t-triq għall-għadab tiegħu.

Ma ħafrilhomx il-mewt,

imma telaqhom għall-pesta.

[S:78:51] Qatel l-ulied il-kbar fl-Eġittu,

l-ewwel frott ta' rġulithom fl-għerejjex ta' Ħam.



[S:78:52] U ħareġ bħal nagħaġ il-poplu tiegħu,

bħal merħla fid-deżert mexxiehom.



[S:78:53] Qegħedhom fiż-żgur, u ma beżgħux;

imma l-għedewwa tagħhom għattiehom il-baħar.



[S:78:54] U daħħalhom fl-art imqaddsa tiegħu,

fuq l-għolja li kisbet il-leminija tiegħu.



[S:78:55] Keċċa l-ġnus minn quddiemhom,

u arthom qassam b'wirt lil Iżrael,

fi djarhom daħħal il-poplu tiegħu.
[S:78:56] Ġarrbu u kiddu lil Alla l-Għoli,

ma ħarsux il-kmandamenti tiegħu.



[S:78:57] Reġgħu lura u naqsu bħal missirijiethom,

għawwġu triqthom bħal ark li jqarraq bik.



[S:78:58] Regħxuh fuq l-għoljiet tagħhom,

kebbsulu l-għira bl-idoli tagħhom.


[S:78:59] Sama' b'dan Alla, u nxtegħel bl-għadab,

u warrab għalkollox lil Iżrael.



[S:78:60] Telaq is-santwarju ta' Silo,

l-għarix fejn kien jgħammar fost il-bnedmin.



[S:78:61] Ħalla f'idejn l-għadu l-arka tiegħu,

fejn kien hemm il-qawwa u l-glorja tiegħu.



[S:78:62] Telaq għas-sejf il-poplu tiegħu,

ħadha bl-aħrax kontra wirtu.


[S:78:63] In-nar qered liż-żgħażagħ tagħhom,

siket l-għana taż-żwieġ għax-xbejbiet tagħhom.



[S:78:64] Il-qassisin tagħhom mis-sejf intlaqtu,

u ma setgħux jibkuhom ir-romol tagħhom.



[S:78:65] Qam imbagħad Sidi l-Mulej bħal minn raqda,

bħal gwerrier li jqum minn sakra.



[S:78:66] Laqat fuq wara l-għedewwa tiegħu,

tefagħhom fl-għajb għal dejjem.



[S:78:67] U warrab id-dar ta' Ġużeppi,

ma għażilx it-tribù ta' Efrajm;



[S:78:68] iżda għażel it-tribù ta' Ġuda,

u l-għolja ta' Sijon li kien iħobb.



[S:78:69] Hemm bena s-santwarju tiegħu bħall-ogħla

smewwiet,

bnieh fis-sod bħall-art għal dejjem.
[S:78:70] Għażel lil David, qaddej tiegħu,

ħadu minn qalb l-imrieħel;



[S:78:71] minn wara n-nagħaġ bil-ħrief tagħhom

ġiebu,


biex jirgħa 'l Ġakobb il-poplu tiegħu,

u lil Iżrael il-wirt tiegħu.



[S:78:72] Hu kien jirgħahom b'qalb safja,

bil-ħila ta' idejh mexxiehom.


79 (78). Lment għall-ħerba ta' Ġerusalemm
[S:79:1] Salm ta' Asaf.
O Alla, daħlu l-ġnus f'wirtek,

niġġsu t-tempju mqaddes tiegħek,

għamlu 'l Ġerusalemm ħerba waħda.

[S:79:2] Taw l-iġsma tal-qaddejja tiegħek

b'ikel lit-tjur ta' l-ajru;

taw laħam ħbiebek lill-bhejjem ta' l-art.

[S:79:3] Xerrdulhom demmhom bħal ilma madwar

Ġerusalemm;

u ma kienx hemm min jidfinhom.
[S:79:4] Waqajna għaċ-ċajt mal-ġirien tagħna,

għad-daħk u ż-żebliħ għal ta' madwarna.



[S:79:5] Mulej, għal dejjem se tibqa' inkurlat magħna?

Se tibqa' mkebbsa bħan-nar il-ħeġġa tiegħek?



[S:79:6] Sawwab qilltek fuq il-ġnus li ma jagħrfukx,

fuq is-saltniet li ma jsejjħux ismek.



[S:79:7] Għax huma belgħu l-poplu ta' Ġakobb,

u ħarbtu l-art fejn jgħammar.


[S:79:8] Tiftakrilniex il-ħtijiet ta' l-imgħoddi;

fittex ejja u lqagħna bi ħnientek,

għax ninsabu mifnija għall-aħħar.

[S:79:9] Għinna, o Alla, Salvatur tagħna,

f'ġieħ is-sebħ ta' l-isem tiegħek;

eħlisna u aħfrilna dnubietna,

minħabba l-isem tiegħek.


[S:79:10] Għaliex għandhom jgħidu l-ġnus:

"Fejn hu Alla tagħhom?"

Ħa jkunu jafu l-ġnus quddiem għajnejna

li int titħallas tad-demm li xerrdu tal-qaddejja tiegħek.



[S:79:11] Ħa jasal quddiemek ilfiq l-imjassrin;

fil-kobor ta' qawwietek

salva 'l dawk li huma għall-mewt.
[S:79:12] Dawwar għal seba' darbiet għal fuq

il-ġnus ta' madwarna

it-tkasbir li tefgħu fuqek, Sidna.
[S:79:13] U aħna, il-poplu tiegħek u l-merħla

tal-mergħa tiegħek,

niżżuk ħajr għal dejjem;

minn żmien għal żmien inxandru tifħirek.


80 (79). Talba tal-mirbuħin
[S:80:1] Lill-mexxej tal-kor. Fuq "Il-Ġilji".

Xhieda. Ta' Asaf. Salm.
[S:80:2] O Ragħaj ta' Iżrael, agħti widen,

int li tmexxi bħal merħla 'l Ġużeppi.

Int li qiegħed fuq il-kerubini,

[S:80:3] iddi quddiem Efrajm, Benjamin u Manassi.

Qajjem il-qawwa tiegħek,

u ejja ħa ssalvana.

[S:80:4] Reġġagħna għal li konna, Alla ta' l-eżerċti;

itfa' fuqna d-dija ta' wiċċek, u nkunu salvi.



[S:80:5] Mulej, Alla ta' l-eżerċti,

kemm se ddum tinkorla minkejja t-talb tal-poplu

tiegħek?

[S:80:6] Tmajthom il-ħobż magħġun bid-dmugħ,

sqejthom id-dmugħ bix-xaba'.



[S:80:7] Għamilt minna t-tilwim tal-ġirien tagħna,

l-għedewwa tagħna jiddieħku bina.



[S:80:8] Reġġagħna għal li konna, Alla ta' l-eżerċti;

itfa' fuqna d-dija ta' wiċċek, u nkunu salvi.



[S:80:9] Int qlajt dielja mill-Eġittu,

warrabt il-ġnus biex tħawwel lilha.



[S:80:10] Ħejjejt l-art għaliha;

hi xenxlet għeruqha u mliet l-art.



[S:80:11] Tgħattew l-għoljiet bid-dell tagħha,

bħaċ-ċedri l-kbar il-friegħi tagħha.



[S:80:12] Meddet sal-baħar il-friegħi tagħha,

sax-Xmara ż-żraġen tagħha.



[S:80:13] Għaliex, mela, ġarraft il-ħitan tagħha,

u kull min jgħaddi jqaċċat minnha?



[S:80:14] Iħarbatha l-ħanżir selvaġġ,

il-bhejjem tar-raba' jirgħu fiha.



[S:80:15] Erġa' ejja, Alla ta' l-eżerċti;

ħares mis-sema, u ara,

u żur 'il din id-dielja.

[S:80:16] Ħu ħsieb dak li ħawwlet lemintek,

ir-rimja li int kabbart għalik.


[S:80:17] Jinqerdu mal-ħarsa qalila ta' wiċċek

dawk li tawha n-nar u qaċċtuha.



[S:80:18] Ħa tkun idek fuq il-bniedem ta' lemintek,

fuq il-bniedem li int saħħaħt għalik.



[S:80:19] Aħna ma nitbegħdux minnek;

roddilna l-ħajja, u aħna nsejjħu ismek.



[S:80:20] Reġġagħna għal li konna, Alla ta' l-eżerċti;

itfa' fuqna d-dija ta' wiċċek, u nkunu salvi.


81 (79). L-għanja tal-Festa ta' l-Għerejjex
[S:81:1] Għall-mexxej tal-kor. Fuq "L-Imgħasar".

Ta' Asaf.
[S:81:2] Għannu bil-ferħ lil Alla, qawwa tagħna,

għajjtu bil-ferħ lil Alla ta' Ġakobb!



[S:81:3] Għollu leħen l-għana, doqqu t-tnabar,

doqqu ċ-ċetra ħelwa ma' l-arpa.



[S:81:4] Doqqu t-tromba mal-qamar ġdid,

mal-qamar mimli f'jum il-festa tagħna.



[S:81:5] Għax dan hu kmandament għal Iżrael,

din liġi ta' Alla ta' Ġakobb.



[S:81:6] Dan l-ordni hu tah lil Ġużeppi,

huwa u ħiereġ minn art l-Eġittu.

Kliem li ma nafux qiegħed nisma':

[S:81:7] "Neħħejtlek it-tagħbija minn fuq dahrek,

ħlistlek idek mill-irfigħ tal-qoffa.



[S:81:8] Fid-dwejjaq sejjaħtli, u jiena ħlistek;

b'leħen moħbi, bħal f'ragħda, weġibtek;

ħdejn l-ilma ta' Meriba ġarrabtek.

[S:81:9] Ismagħni, poplu tiegħi, ħa nlumek:

Iżrael, m'hux li kont tismagħni!



[S:81:10] Ma jkollokx alla ieħor f'nofskom,

tinxteħitx quddiem alla barrani.



[S:81:11] Jiena l-Mulej, Alla tiegħek,

li tellajtek mill-art ta' l-Eġittu.

Iftaħ ħalqek u jien nimlihulek.

[S:81:12] Iżda l-poplu tiegħi ma semax minni,

Iżrael ma riedx jaf bija.



[S:81:13] Għalhekk tlaqthom għall-ebusija ta'

qalbhom,

biex imxew skond il-fehmiet tagħhom.

[S:81:14] Jekk il-poplu tiegħi jisma' minni,

jekk Iżrael jimxi fi triqati,



[S:81:15] minnufih inniżżel l-għedewwa tagħhom,

idi ndawwar fuq dawk li huma kontrihom.



[S:81:16] Dawk li jobogħduhom jersqu jitkaxkru

quddiemhom;

din tkun xortihom għal dejjem.

[S:81:17] U lilhom nitmagħhom b'qamħ mill-aħjar,

nxebbagħhom bl-għasel mill-blat."


82 (81). L-Imħallef fuq l-imħallfin
[S:82:1] Salm ta' Asaf.
Alla joqgħod fil-laqgħa ta' l-allat,

f'nofs l-allat jaqta' s-sentenza:



[S:82:2] "Kemm se ddumu taqtgħu l-ħaqq bil-ħażen,

u tħarsu lejn wiċċ il-ħżiena?



[S:82:3] Agħmlu l-ħaqq mal-miskin u l-iltim;

mal-magħkus u l-fqir agħmlu s-sewwa.



[S:82:4] Eħilsu d-dgħajjef u l-fqajjar,

minn id il-ħżiena salvawhom."


[S:82:5] La jafu u lanqas jifhmu, fid-dlam qegħdin

jimxu;


u s-sisien kollha ta' l-art qed jitheżhżu.
[S:82:6] Jien għedt li allat intom,

ulied l-Għoli lkoll kemm intom.



[S:82:7] Imma bħal kull bniedem intom tmutu,

bħal kull wieħed mill-kbarat taqgħu.


[S:82:8] Qum, o Alla, agħmel ħaqq mill-art;

għax tiegħek huma l-ġnus kollha!


83 (82). Kontra l-ġemgħa ta' l-għedewwa
[S:83:1] Għanja. Salm ta' Asaf.
[S:83:2] O Alla, la torqodx,

tiqafx u tiskotx, o Alla!



[S:83:3] Għax, ara, qamu l-għedewwa tiegħek,

dawk li jobogħduk refgħu rashom.



[S:83:4] Jiftiehmu bejniethom kontra l-poplu tiegħek, jingħaqdu kontra l-poplu l-għażiż tiegħek.

[S:83:5] U jgħidu: "Ejjew, ħa nwarrbuhom minn fost

il-ġnus;


ma jissemmiex iżjed isem Iżrael!"

[S:83:6] Huma ngħaqdu fehma waħda,

u għamlu patt bejniethom kontra tiegħek.



[S:83:7] Ir-razez ta' Edom u l-Ismagħelin,

Mowabin u Ħagarin,



[S:83:8] Gebal, Għammon u Għamalek,

il-Filistja man-nies ta' Tir;



[S:83:9] Assur ukoll ingħaqad magħhom,

saru d-driegħ qawwi ta' wlied Lot.



[S:83:10] Imxi magħhom kif imxejt ma' Midjan u

ma' Sisera,

ma' Ġabin ħdejn il-wied ta' Kison,

[S:83:11] li nqerdu ħdejn Għajn-dor,

saru bħal demel ta' l-art.


[S:83:12] Agħmel lill-kbarat tagħhom bħal Għoreb

bħal Żeb;

bħal Żebaħ u Salmunna lill-kapijiet tagħhom ilkoll.

[S:83:13] Għax ilkoll kienu qalu: "Ħa nieħdu taħt

idejna


l-aħjar oqsma tal-poplu ta' Alla."
[S:83:14] Alla tiegħi, agħmilhom bħal tromba tar-riħ,

bħal karfa li ttir maż-żiffa,



[S:83:15] bħal nar li l-bosk iqabbad,

bħal ħuġġieġa li tkebbes l-għoljiet.


[S:83:16] Hekk ilħaqhom bit-tempesta tiegħek,

werwirhom bir-riefnu tiegħek.



[S:83:17] Iksilhom wiċċhom bil-mistħija,

li jaslu biex ifittxu ismek, Mulej.



[S:83:18] Jistħu u jinfixlu darba għal dejjem,

jitħawwdu sa ma jintilfu.



[S:83:19] Biex jagħrfu li Jaħweh hu ismek,

li int waħdek l-Għoli fuq l-art kollha.


Yüklə 1,16 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7   8   9   10   ...   13




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2020
rəhbərliyinə müraciət

    Ana səhifə