Jien stennejtu jgħidli l-Onor. Cardona jekk ir-riforma tal-MITA tatx ir-riżultati! Tant tat riżultati, li ġejna l-ewwel fl-Ewropa! Jien stennejtu jgħidli jekk il-ħitan interni kissirnihomx fil-MITA! Dak li jrid jgħidli l-Onor. Cardona, jekk neħħejniex min-nofs dawk il-ħafna li ilhom jagħtu gambetti, li ilhom għaddejjin ma jridux ir-riformi! U għaliex ġejna l-ewwel fl-Ewropa? Għaliex fl-aħħar, fil-MITA, għandna nies li jaħdmu fuq l-e-government u mhux dejjem kellna ċerti kapijiet li qatt ma riedu jagħmlu section tal-e-government fil-MITA! U għalhekk timxi ’l quddiem għax tieħu deċiżjonijiet politiċi diffiċli. Veru li tiġi kkritikat u mxandar fuq il-gazzetti, però dawn id-deċiżjonijiet trid teħodhom għax għalhekk qiegħed fil-politika! Imbagħad jiġi l-Kap tal-Oppożizzjoni u jgħidilna li s-sena l-oħra għedna li se nagħmlu fibre to the home u dan m’għamilnihx. Tifhmu x’jiġifieri li tagħmel fibre to the home? Jew taqraw xi comic u tiddeċiedu x’inhu fibre to the home? Tafu li fibre to the home ifisser li kull triq li hawn Malta trid taqlagħha biex int tgħaddi pipe li jwassallek il-fibre? Qed nirrealizzaw li dan ifisser meta ngħidu li se nagħmlu fiber to the home?
Is-sena l-oħra prinċiparjament ħdimna fuq is-sistema teknika kollha. Illum nafu teknikament fejn irridu naslu bieb bieb, dar dar, triq triq u nafu bejn wieħed u ieħor xi jfisser il-cost tekniku. Ix-xahar li għadda l-Unjoni Ewropea ddeċidiet il-politika tagħha dwar il-finanzjament li kien kruċjali għax b’eċċezzjoni għall-market principles qed tħalli ċerta għajnuna tal-gvern tidħol u allura aħna ma stajniex nimxu fuq il-finanzjament ta’ din is-sistema qabel ma tiddeċiedi l-Unjoni Ewropea. U issa qegħdin naħdmu bil-gwida tal-MCA flimkien mal-Enemalta, mal-Water Services Corporation, mar-Roads Department, mal-ADT u eventwalment mal-kunsilli lokali, kif se naffrontaw din il-problema l-kbira biex inwasslu l-fibre mit-toroq kollha tagħna. Din mhijiex problema sempliċi imma hija enormi! Immaġina taqla’ t-toroq kollha b’mod jew ieħor biex twassal il-fibre to the home f’kull abitazzjoni!
Parti minnhom tista’ tgħaddiha wara li tidentifika minn fejn għaddiet ċerta infrastruttura imma f’ħafna mit-toroq m’għandniex din l-infrastruttura. Allura għandna nħallu lil xi ħadd barra? Is-sena d-dieħla se niddedikawha għal dan ix-xogħol. Is-sena d-dieħla mhux se nwasslu l-fibre to the home però se nkunu qed nagħmlu l-istudji infrastrutturali bażiċi li jridu jwasslu għal dawn l-affarijiet. U niġi fuq il-proġetti ta’ dawn l-affarijiet kif tkellmet l-oppożizzjoni. Dwar l-IT rrid nagħmel rimarka li fl-opinjoni tiegħi hija importanti ħafna. Pajjiżna huwa suċċess f’dan il-qasam. Ejjew ma noqogħdux niddieħku bih minħabba l-politika. Hawn Malta jiġu investituri li huma top end. Ġibna waħda mill-aħjar kumpaniji - anzi ġiet hi minn jeddha minħabba s-servizzi finanzjarji – li tibni l-logħob elettroniku u mhux gaming tal-poker iżda logħob tat-tfal, li permezz tiegħu tispara u tiġġieled. Din hija waħda mill-aħjar kumpaniji ta’ games developers li jeżistu fid-dinja!
Dawn ikollhom 400,000 subscribers ġodda kuljum li jidħlu biex jilagħbu l-games fuq il-website tagħhom. Dawn qegħdin hawn Malta mingħajr ħafna trombi! Ma jimpjegawx 200 ruħ u lanqas irriduhom jimpjegaw daqstant nies, imma ġew Malta għax għandna sistema tajba. Għandna sistema tajba ta’ IT, sistema tajba finanzjarja, għandna temp tajjeb u għandna nies tajbin! U mela jiġi l-Onor. Cardona jiddieħak u jistaqsina x’qed noħorġu mill-MCAST u mill-università! Jista’ jkun li n-numru ma lħaqniehx però aħna l-kwalità qegħdin noħorġu u dawn ma tistax tiddieħak bihom, Onor. Cardona. Ejja niftaħru bihom! U għalhekk l-oppożizzjoni ma tasal qatt. Għalhekk l-oppożizzjoni qatt ma tkun fil-gvern! Għax l-oppożizzjoni tgħaddi lin-nies biż-żmien biss! L-oppożizzjoni mhijiex kapaċi tgħid fejn wasalna u mexjin! B’kollox trid tiddieħak, anke bl-istudenti tal-MCAST u tal-università! Hawn Malta ġejja kumpanija li lesta toffri Ph.D fil-GIS u se niddieħku bihom issa! U ejja, dan mhuwiex mod kif nagħmlu l-affarijiet. U għalhekk jiddiżappuntani ċertu diskors li jsir hawnhekk, Sur President.
Qasam ieħor li l-Onor. Muscat iddedika minuta u nofs għalih huwa dak dwar il-proġetti. Is-sena d-dieħla l-ministeru tiegħi se jkun qed jindirizza proġetti infrastrutturali u se npoġġi xi dokumenti fuq il-Mejda tal-Kamra biex inkunu nafu fuqiex qegħdin nitkellmu. Ejjew ninsew l-utilities, il-Water Services Corporation u l-Enemalta. Bejn id-Dipartiment tat-Toroq, l-MMA, il-Grand Harbour Regeneration u l-ADT hemm 23 proġett b’kollox. Tafu kemm se jqumu dawn? €226 miljun. Dawn mhux se nagħlquhom kollha s-sena d-dieħla però se nkunu qegħdin naħdmu fuqhom kollha. Alla jbierek minn dawn il-proġetti kollha, il-Kap tal-Oppożizzjoni ma semma xejn la dwar it-toroq u lanqas dwar l-MMA. L-unika ħaġa li għoġbu jsemmi kien il-proġett ta’ Renzo Piano dwar Bieb il-Belt u qal li ma jaqbilx li l-parlament isir hemmhekk. Qal li għandna nisimgħu min-nies jekk għandniex nibnuh jew le. Biex inkunu preċiżi għandna nisimgħu minn parti min-nies. Hemm uħud li jgħidulek biex ma tibnix parlament u oqgħod fejn int. Hemm uħud li jgħidulek biex tibni l-parlament.
Jien mhux b’dan nistagħġeb. Jien nistagħġeb kif minn 23 proġett li jiswew €226 miljun, il-Kap tal-Oppożizzjoni sab minuta biex fiha jgħid jekk għandniex jew m’għandniex nibnu l-parlament. U l-Onor. Buhagiar illum kien kemm kemm iktar ġeneruż għax iddedika erba’ minuti biex jgħidilna li hu estetikament ma jaqbilx li għandna nagħmlu bieb u mhux bieb u li m’għandniex nagħmlu d-ditch. Hu għandu opinjoni u jien għandi opinjoni differenti, qegħdin draw. Allura fejn wasalna b’daqshekk? Imbagħad joqogħdu jqabblu – ara verament irid ikollok wiċċ qiegħed biex tagħmel dan – it-twaqqigħ tas-sur fl-Arċipielgu mill-ex-Ministru Lorry Sant mal-proġett ta’ Renzo Piano! X’għandu x’jaqsam! L-Arċipielgu kien sur, kissru u għadda triq li minnha jgħaddu erba’ karozzi! Li qed jagħmel Renzo Piano hu li għandu sur imkisser u minflok qed jagħmel gate, m’hu se jagħmel xejn! Allura dan għandu x’jaqsam mal-isfreġju li għamel il-Partit Laburista! U ddaħħqux nies!
Sur President, se nagħmlu proġetti li se jiswew €226 miljun. Imma mhux hekk biss, għax jista’ jkun li għada bħala headline fil-gazzetti se jkollna “€226 miljun ta’ proġetti”. Se jkollna €226 miljun fil-bwiet tal-Maltin! Veru li parti se jmorru għand Renzo Piano, parti se jmorru għand l-ieħor u parti se jmorru għal management barrani però 75% se jmorru għand il-bajjada Maltin, għand it-tilers Maltin, għand l-electricians Maltin, għand il-plumbers Maltin eċċ. Dawn se jmorru fi bwiet il-Maltin! U mela niġu ngorru li qed nonfqu l-flus għax hawn ir-riċessjoni u ma nagħmlux il-proġetti! Fejn huma dawn l-ekonomisti? Fiex jifhmu dawn l-ekonomisti? Anzi aħna sena jew sentejn wara se nagħmluhom dawn l-affarijiet! Fi Franza, l-Italja u l-Ingilterra l-ewwel ħaġa li għamlu kienet li għamlu public projects u dawn ġew funded għax dak huwa l-aktar mod ċert kif inti ddaħħal il-flus fil-but tan-nies! U s-sena d-dieħla aħna se nibdew nonfqu €226 miljun biex il-kuntratturi mhux tal-bini biss iżda tal-elettriku, tal-madum, tal-ilma, huma x’inhuma, jibdew jieħdu minnhom u nibdew niċċirkolaw il-flus!
Issa ħalli niġi għall-parlament, mela le! L-Onor. Muscat qed jinsa li l-pjan li nitilqu minn dan il-parlament ifisser li diġà għamilna lill-ħabib tiegħi, l-Imħallef Giovanni Bonello, supretendent tal-Palazz tal-Granmastri - għax dan hu palazz tal-granmastri u qatt ma messu kien parlament - biex nerġgħu nġibuh lura fil-glorja fejn kien? Dan huwa l-pjan. Allura l-flus li se nonfqu biex nibnu parlament ġdid se nonfuqhom hawn biex il-Palazz tal-Granmastri jkun ġojjell li verament ingawduh u mhux bħal-lejla, jien qiegħed waħdi hawnhekk nitkellem mal-ħitan u miegħek, Sur President! Hawn imissu jkun mimli nies minn filgħodu sa filgħaxija! U mhux għandna armata hemm barra li lanqas tħalli lit-turisti jidħlu fil-bitħa ta’ Nettuno għax hawnhekk hawn il-parlament! Għalhekk ukoll qed nibnuh il-parlament. Però għandna ħafna aktar proġetti għaddejjin. Imma l-Kap tal-Oppożizzjoni qal li aħna jmissna nibnu dak li jrid il-poplu. Anzi peress li llum il-Kap tal-Oppożizzjoni sar jikteb id-diskors tiegħu, jaqrah u jagħtihulna qabel, u allura huwa faċli li wieħed isegwih, se ngħid eżattament x’qal. Dan qal hekk:
“Naqblu mal-proġett tad-daħla tal-Belt, iżda ma nemmnux li jekk jintnefqu dawn il-miljuni kollha, parlament ġdid huwa prijorità. Nappellaw biex jisma’ lill-poplu ...”
U hawnhekk inkixef. Din hija politika popolista. Mhijiex politika ta’ prinċipju u lanqas politika ta’ għażliet. L-aqwa l-voti. Nistadu għall-voti għax is-sewwa jirbaħ żgur, però s-sewwa tagħna rebaħ, mhux is-sewwa tan-naħa l-oħra u s-sewwa tagħna jibqa’ jirbaħ.
Qabel ma nitkellem dwar il-Water Services Corporation, nixtieq nirrispondi żewġ affarjiet li qal l-Onor. Buhagiar. Hu kkalkola li l-Belt se titlef 800 parking space. Mhux veru. Din hija gidba. Hu qraha x’imkien ieħor u qed jirrepetiha, jiġifieri qed jirrepeti gidba. B’St. George’s Square, Freedom Square u kollox, il-Belt se titlef 462 parking spaces. U mhux veru li fit-tender għedna li l-park and ride se jkun bi ħlas. Għedna illi l-operatur jagħmel li jrid. Jista’ jagħmlu bi ħlas, jista’ ma jagħmlux, però mhux veru li l-park and ride ġej bi ħlas. Jiġifieri l-Onor. Buhagiar irrepeta gidba li kien hemm fil-ġurnali “KullĦadd” u “It-Torċa”. U mhux veru li se nitilfu 800 parking space. Se nitilfu 462 parking space u qed nagħmlu mill-aħjar biex dawn il-parking spaces nissostitwuhom kemm jista’ jkun viċin barra l-Belt.
M’għandix il-ħin għax kieku nitkellem dwar il-proġetti kollha wieħed wieħed, però se npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument li juri l-proġetti kollha li għandna għas-sena d-dieħla, li jinkludu t-terminal taċ-Ċirkewwa, iż-żewġ breakwaters fil-Belt u Marsaxlokk u boiler wharf fid-dredging ta’ Marsaxlokk. Se nonfqu €22 miljun biex nagħmlu dredging f’Marsaxlokk biex il-vapuri l-kbar jibqgħu jidħlu fil-Freeport u 1,600 ħaddiem Malti jibqa’ jaħdem. Imma għall-Kap tal-Oppożizzjoni dawn ma jeżistux. Dan x’jimpurtah! Basta nagħmlu l-make-up, inċaqilqu l-ingravata u ejja ħa nmorru! Imbagħad għandna s-City Gate, għandna l-lift tal-Belt li għadu mwaħħal il-MEPA, għandna Santa Margerita, għandna l-bridge tal-breakwater, għandna t-terminals il-ġodda u għandna l-interchanges. Dwar it-toroq nitkellem aktar tard u mbagħad eventwalment nitkellem fuq affarijiet oħra.
Dwar il-WSC tajjeb li ngħid li b’għaġeb kbir din hija waħda mill-korporazzjonijiet kbar tal-gvern! Nixtieq inkun naf min hu l-kelliem fuq il-WSC għax ħadd ma tkellem dwarha! Lanqas fuq il-Malta Communications Authority, ħadd ma tkellem! Tistagħġeb! Hawn oppożizzjoni jew hawn il-fantażmi? Għax ħadd ma tkellem fuq dawn l-affarijiet. Dwar is-Central Registry u l-Land Registry tkellimna aħna. Ħadd ma tkellem min-naħa l-oħra! Min huma l-kelliema ewlenin ta’ dawn l-oqsma! Jew dawn mhuwiex importanti? Ovvjament għax inkella l-ingravati ma joqogħdux fuq dawn l-affarijiet u allura ninjorawhom!
Però ħadd ma jittendi li s-sussidju ta’ €32 miljun li kienet tieħu l-WSC tmienja jew disa’ snin ilu, illum niżel għal €14-il miljun! Ħadd ma jittendi illi d-differenza ta’ €18-il miljun m’għadhiex tmur għall-ilma u għad-drenaġġ imma qed tmur għall-pensjonijiet, għall-pagi u għal affarijiet oħra? Ħadd ma jinnotah dan? Ħadd ma jinnota li fi żmien ħames snin, meta ħadna over id-drenaġġ fl-2004, kellna 1,631 ħaddiem u llum il-WSC niżlet għal 1,151 ħaddiem? Ħadd ma jittendihom dawn l-affarijiet? Dawn huma r-riformi veri! Veru li dawn saru fis-skiet! Veru li saru bil-mod! Però r-riżultati finanzjarji jfissru – u dawn huma li l-WSC illum ma titlifx flus – li flus li konna nitfgħu fil-WSC biex nissussidjawlek l-ilma, illum qegħdin nitfgħuhom biex nissussidjawlek il-pensjoni, biex nissussidjawlek il-mediċini, biex nissussidjawlek l-operazzjonijiet! Din hija l-veru riforma! Imma Alla jbierek għall-oppożizzjoni xejn!
Hawnhekk għandna żewġ sfidi enormi li ħadd ma jsemmihom! Ħalli nkun onest. L-Onor. Pullicino qalet xi ħaġa li għaġġbitni waħda minn dawk il-kbar. Qalet li l-ilma li qegħdin insaffu mid-drenaġġ imissna nużawh għall-agrikoltura u nagħtuh lill-bdiewa b’xejn! Minn dan il-kliem assumejt li forsi setgħet kienet hi l-kelliema ewlenija tal-oppożizzjoni f’dan il-qasam, però jekk inhi hi, għandha bżonn naqra crash course dwar il-WSC. Għax imissha taf li l-ilma li nsaffu mid-drenaġġ mhuwiex tajjeb biex nagħtuh għall-agrikoltura imma rridu nsaffuh aktar u nonfqu aktar flus biex ikun kapaċi jintuża u mbagħad jidħol fil-water table wkoll. Allura d-domanda tkun: Għandna nonfqu aktar flus biex nagħtuh lill-bdiewa b’xejn? U l-Onor. Pullicino u l-kostitwenti tagħha, bħall-kostitwenti tiegħi, huma lesti li jħallsu biex insaffu d-drenaġġ aktar biex nagħmluh tajjeb għall-agrikoltura u nagħtuh b’xejn?
Ovvjament imbagħad jekk ngħollu t-tariffi minħabba f’hekk, mur żommu lill-Kap tal-Oppożizzjoni! Ara kemm jistira l-ingravata u jgħidilna kemm hi għolja t-tariffa jekk nagħtuhulhom b’xejn! Għax għalhekk iġennuk tan-naħa l-oħra! Jagħmlu statements li ma jagħmlux sens! Li qed nipprovaw nagħmlu aħna huwa dan. U naħseb li wasalna għax probabbilment fl-aħħar ta’ Diċembru jkolli rapport mill-WSC. Qbadna lil Għawdex, fejn ilna sena nsaffu d-drenaġġ u qegħdin nagħmlu l-kontijiet u naraw teknikament x’għandna bżonn nagħmlu biex intellgħu l-ilma kemm għas-second level - li huwa għall-użu tal-agrikoltura – kif ukoll għat-third level, biex inħalltuh mal-ilma l-ieħor li ġej mill-ground water u mir-reverse osmosis, fil-baċiri tagħna. Però dan iqum il-flus! U l-flus trid tiġborhom mingħand in-nies li jħallsu t-tariffi!
Mela ejja ma noqogħdux nitkellmu b’dan il-mod leġġer. Ejja nitkellmu b’saqajna mal-art għal dak li rridu nidħlu għalih! Bħal dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni u li qalet l-Onor. Pullicino li niżżiltu kelma b’kelma. Din qalet li l-gvern għażel li ma jgħarrafx lill-poplu x’se jkunu t-tariffi. Ipprovajna, Onor. Pullicino. Din għedthielek il-Ħamis li għadda meta ġejt mal-Kap tal-Oppożizzjoni fl-uffiċċju u qiegħda fil-press release, li l-MRA qaltilna biex ma ngħiduhomx. Jien m’għandi l-ebda oġġezzjoni li ngħidhom! Tant hu hekk li l-Onor. Pullicino jmissha taf li meta l-Kap tal-Oppożizzjoni ġie l-uffiċċju tiegħi għedtlu li lilu se ngħidhomlu t-tariffi. U pprefera li ma ngħidhomlux biex jekk ikun hemm xi leak, ma jeħilx hu biha. U għamel sew. Jien qbilt miegħu u ma tajnihomlux. Però aħna lesti li navżaw lil kulħadd.
Issa l-Onor. Pullicino qed titfagħha fuqi li ma żvelajthomx u qed tagħmel ħażin u qed tivvinta. Barra minn hekk qed tgħidli li jien ma nobdix lir-regolatur. Ma nistax nifhem kif nistgħu niġu fi stat li l-ewwel nagħmlu lir-regolaturi u mbagħad nitmejlu bihom! Dak tgħidu l-Onor. Pullicino. Jien m’iniex lest li nagħmilha. Nista’ nirrispondi fuq il-power station imma se ninjorahom għax se jkollna dibattitu hawnhekk, però ma nistax ma nirrispondix meta tgħidli li aħna waħħalna fil-ħaddiema fuq dak li ġara fil-power station. Il-kronoloġija hija pprovata u m’hemmx għalfejn temmnu lili. Bejn id-9.30 a.m. u l-10.15 a.m., il-gazzetta
“The Times” għamlet il-konnessjoni bejn il-qtugħ tad-dawl, l-intervista ma’ Alex Tranter, l-intervent tal-Prim Ministru u dak li ġara qabel. Iċ-chairman irrepeta preċiż dak li qalet “The Times” u ma semma lil ħadd. La semma ħaddiema, la semma estranei u ma qalx Tizju u Sempronju. In-nies li semmew il-ħaddiema kienu l-General Workers’ Union u ħadd aktar. Dawk huma l-fatti. U jien nistenna li d-deputati hawnhekk ikunu jafu l-fatti u mhux jivvintawhom.
Ma nistax ukoll ma nsemmix, fil-każ tal-Water Services Corporation, jekk nirrealizzawx li minbarra l-€226 miljun li għandna fuq il-proġetti bejn l-Enemalta u l-Water Services Corporation qegħdin ninvestu €358 miljun oħra bejn Ta’ Barkat, bejn l-infrastruttura għad-drenaġġ, bejn l-ismart meters, bejn il-power station, bejn boiler No. 1 u l-infrastruttura tal-Enemalta. Meta tgħoddhom dawn jiġu €580 miljun, jiġifieri €0.5 biljun bejn proġetti u investimenti tal-ilma u d-dawl! Imbagħad jiġu xi tliet kelliema u jgħidulek: Dawn fejn qegħdin fil-budget? Possibbli ma nirrealizzawx li dawn ma nħallsuhomx cash u li ma mmorrux b’pile ta’ karti biex inħallsuhom wieħed wara l-ieħor? Ma nafux li dan huwa kollu debt financing u li d-debt financing ma jidħolx fil-budget b’dan il-mod? Ma nafux li mhux se nsibu linja fejn ikun hemm miktub li għas-City Gate se jkollna €80 miljun u se nħallsu minnha! U ejja. Naħseb li l-Onor. Charles Buhagiar li huwa perit u l-Onor. Chris Cardona li huwa avukat, it-tnejn li huma m’intix se tagħmlilhom il-bżar fuq imneħirhom u jafu kif imorru l-affarijiet. Mela ejjew ma noqogħdux nipprovaw ngħaddu lill-poplu biż-żmien !
Niġi biex nibda nagħlaq fuq l-Enemalta. Il-Kap tal-Oppożizzjoni qalilna biex ma ngħollux it-tariffi. Tista’ ma tgħollihomx? Is-sena l-oħra l-Enemalta tilfet €21 miljun minħabba ż-żejt. Is-sena d-dieħla, komparata mas-sena l-oħra, se nonfqu €47 miljun iktar fuq iż-żejt biss. F’Marzu, meta għamilna l-aħħar tariffi, il-prezz taż-żejt kien ikkalkolat fuq USD54, illum huwa madwar USD80. U ma noqogħdux inħalltu l-ħass mal-qargħa aħmar, kif jgħid il-Malti! Semmew il-kompetittività. Jien se npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra mhux biss in-numri kollha li wżajna biex naħdmu, imma anke statistika li niżżilt illum mill-EU energy portal, li juri l-pożizzjoni ta’ Malta vis-à-vis l-kompetituri tagħha. Meta niġu għad-dawl fid-djar aħna qegħdin mill-irħas li jeżistu, meta niġu għall-kompetizzjoni fir-rigward tal-kummerċ, aħna qegħdin fin-nofs għal min juża inqas minn 2,000,000 unit, u qegħdin mill-irħas fis-sitt post għal min juża 4,000,000 unit jew aktar. Jiġifieri aħna qegħdin kompetittivi ħafna.
Dawn huma n-numri ta’ Jannar qabel ma raħħasna! Issa dawn in-numri jiċċaqilqu u trid tarahom xahar b’xahar, però żgur li aħna kompetittivi. It-tieni, staqsewna jekk il-hedging huwiex inkluż. Le, ilna ngħidu sena sħiħa li l-hedging mhuwiex inkluż. Li nagħmlu mill-hedging u li nitilfu mill-hedging, inħalluh barra minn dawn l-affarijiet. Hemm sistema totalment differenti. It-tielet, staqsewna dwar l-ineffiċjenzi. Dawn qegħdin nittrattawhom permezz tal-ismart meters. Din ħelwa! Il-General Workers’ Union qalet li l-ismart meters huma ħela ta’ flus. Aħna Ilum nitilfu bejn wieħed u ieħor €12-il-miljun fis-sena għax il-meters tagħna mhumiex tajbin, għax ma tlaħħaqx taqra lil kulħadd, għax taqrahom ħażin, għax iddaħħal in-numri ħżiena eċċ. L-ismart meters għall-Enemalta se jiġu jiswew €28 miljun, jiġifieri f’sentejn u nofs se niġbru kollox. U tan-naħa l-oħra qegħdin jgħidu li dan huwa investiment ħażin. Naħseb li aħjar joqgħod attent min jgħidhom dawn l-affarijiet.
Kellna argumenti fuq l-ROCE. Nispera li l-KPMG ikkonvinċew lill-Kap tal-Oppożizzjoni – għandi d-dubji tiegħi dwar dan - però l-importanti huma l-priniċipji tal-MRA, li qisu ħadd ma ta kashom. Però żgur li ma tatx kashom l-oppożizzjoni, għax meta ppubblikawhom għall-konsultazzjoni l-MRA, jiġifieri r-regolatur, kien ippubblika l-prinċipji li fuqhom għandhom isiru t-tariffi. La l-General Workers’ Union, la l-Malta Labour Party – dak iż-żmien hekk kien għadu jissejjaħ – u lanqas il-forum tal-unions ma rrispondew lir-regolatur. U kemm it-tariffi li għaddew, jiġifieri dawk li raħħasna u dawk ta’ issa se jkunu mibnijin fuq dawk il-prinċipji. Sur President, tista’ ma tgħollix? Le, ma tistax ma tgħollix, għax l-għoli huwa marbut totalment mal-għoli taż-żejt li jiġi minn barra. Ma nilludux ruħna għax il-veru argument mhuwiex dan! Mela jiġi l-Kap tal-Oppożizzjoni u jgħid li jrid jagħti garanzija fuq il-petrol, fuq id-diesel u fuq il-gass! Ma ndaħħkux lin-nies! Ħadd ma jista’ jagħmilha! Lanqas hu ma ta garanzija li meta jitla’ hu – probabbilment sa dak iż-żmien ikun xjieħ sew - se jraħħas id-dawl! Ma jistax jagħmilha din! Għax aħna ġejna bħad-dinja kollha u l-prezz irid jiċċaqlaq skont dak internazzjonali!
Is-suq jiddetta, irridu jew ma rridux! U ma nibqgħux nilludu ruħna li ma ngħollux it-tariffi! Mela ma nistgħux ma ngħollux it-tariffi! Nuża l-flus tiegħek tat-taxxi biex nissussidja lill-Enemalta mod ieħor! Imma mhux xorta minn butek ħerġin? Fl-opinjoni tiegħi, dan huwa l-veru diskors li jmissna nagħmlu. X’inhu soċjalment ġust, li kulħadd iħallas għall-konsum tiegħu, jonfoq kemm jonfoq u mbagħad lill-batut jew lil min għandu bżonn, anke jekk ikun industrijalist, ngħinu? Jew naqbad sussidju, nagħtih lill-Enemalta u min għandu swimming pool jieħu €200 u min għandu biċċa fanal, jieħu €200 ukoll? Għax meta tagħti l-flus lill-Enemalta dak li jiġri, inqassmuh fuq kulħadd. Kulħadd jieħu l-istess, tonfoq kemm tonfoq! U allura s-sistema tal-lum, fejn l-Enemalta tiġbor it-tariffi kollha u l-gvern jgħin lil min għandu bżonn, hi l-iktar sistema soċjalment ġusta!
Jien nispera li l-Partit Laburista jikkonvinċi ruħu fuq din. Ngħinu kemm għandna ngħinu u nargumentaw jekk għandniex ngħinu aktar jew m’għandniex ngħinu aktar, l-energy benefit min għandu jieħdu jew min ma jeħdux, però hekk għandna nagħmlu. U hekk qed nagħmlu, Sur President. Aħna għandna 132,000 kont - mhux qed nirriferi għall-household għax dak tista’ taqilbu fuq żewġ postijiet – fejn hemm xi ħadd reġistrat. Fuq l-10,000 unit kulma għandna 4,300 kont, jiġifieri 128,000 kont, is-sena d-dieħla bejn l-energy benefit u bejn il-benefiċċju ġdid li ħriġna, se jieħdu xi tip ta’ sussidju fil-but. 96.7% tal-kontijiet se jirċievu xi sussidju! Issa nistgħu nargumentaw li minflok nonfqu €10 miljun, nistgħu nonfqu €15 miljun jew li minflok nonfqu €15 miljun nistgħu nonfqu €20 miljun jew €5 miljun, però din għandha tkun is-sistema, li lilek li qed tonfoq il-flus għall-enerġija, se nagħtik is-sussidju. U l-Enemalta tiġbor il-flus kollha li għandha tiġbor! Hekk għandna naħdmuhom l-affarijiet u hekk hu d-diskors onest, Sur President.
Għalxejn il-Kap tal-Oppożizzjoni joqgħod jgħidilna li fl-iskola tal-knisja fejn kienu jmorru hu u l-Prim Ministru kienu jgħallmuhom il-valur tal-onestà. Sur President, jien ma mortx skola tal-knisja - ma nafx jekk mortx int - imma kont immur il-liċeo and I am proud of it. Ma naħsibx li l-onestà għandha xi privileġġ fl-iskejjel tal-knisja u lanqas hu xi privileġġ li jgħallmuhulek imma trid tipprattikah! Huwa faċli li tippriedka li għallmuk il-valur tal-onestà u mbagħad kulħadd jiġġudikak! Jien nippreferi li kieku ma noqogħdux niġġudikaw lil xulxin però jekk il-Kap tal-Oppożizzjoni għoġbu jiġġudika lill-Prim Ministru, ma nistax ma nirrimarkax ċerti affarijiet u nillimita ruħi biss għad-dekasteru tiegħi.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni kien onest meta fir-rigward tal-power station qal – se naqra mid-diskors tiegħu li nerġa’ ngħid li kitbu minn qabel u qrah hawn ġew kontra t-tradizzjonijiet kollha li għandna u ma poġġihx fuq il-Mejda tal-Kamra kif suppost skont ir-regolamenti – li kuntrattur, li nzerta ex sindku Nazzjonalista, se jitħallas il-miljuni għax se jkun hu li se jagħmel ix-xogħol tal-bini? Imissu qal mill-ewwel li kien qiegħed jirriferi għal Żaren Vassallo, mhux kulħadd jaf min hu! M’għandniex għalfejn ninħbew! Għax jekk tkun ex-sindku Nazzjonalista ma tistax tieħu kuntratti, ma tarax! Jekk inti tieħu l-kuntratti bilfors trid tkun ħadthom bit-taħwid u bil-korruzzjoni għax Nazzjonalist, ma tarax! Il-Laburisti biss għandhom dritt jieħdu l-kuntratti! Però x’qal?
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal hekk:
“Dan il-kuntrattur impjega f’waħda mill-kumpaniji tiegħu liċ-chairman tal-Enemalta li nħatar f’din il-kariga mill-Onor. Austin Gatt”.
Tafu x’ma qalx il-Kap tal-Oppożizzjoni? U hawn in-nuqqas ta’ onestà, Sur President. Il-Kap tal-Oppożizzjoni ma qalx li ċ-chairman tal-Enemalta ddikjara konflitt ta’ interess u ma kellu x’jaqsam xejn! B’kumbinazzjoni ħalliha barra din? Għax li kieku kellu din il-ħaġa waħda biss, mid-dekasteru tiegħi biss, wieħed kien jgħid “U iva, one slip!”
It-tieni, fil-paġni ta’ wara, meta kien qiegħed jitkellem dwar il-privatizzazzjoni tal-Maltacom qal hekk :
“Dan biex ma nsemmux li l-art tal-Qawra, li tiswa’ €23 miljun, b’inkompetenza jew b’xi ħaġa oħra, il-gvern ma żammhiex għandu meta pprivatizza l-Maltacom.”.
Issa jien ngħid li dan jew huwa nuqqas ta’ onestà jew gideb sfaċċat! Għax l-arbitraġġ li għandna bħalissa huwa proprju għax aħna żammejniha għalina, bl-obbligu tat-titoli tgħaddiha lilna! Għandna dan fil-kuntratt. U aħna fittixna lil TECOM biex ngħidulhom li l-obbligu tagħhom m’għamluhx. Dan nuqqas ta’ onestà, invenzjoni, x’inhi?
It-tielet, meta kien qiegħed jitkellem dwar il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal hekk:
“Din hija t-tieni sena konsekuttiva li l-Prim Ministru ddeċieda li jgħolli dawn il-kontijiet iżda ma jħabbarhomx fil-budget.”.
L-Onor. Muscat għadu żgħir, iżgħar minni, allura possibbli l-memorja bdiet titlaqlu? Nesa meta konna raħħasnihom? Veru li meta ssir Kap tal-Oppożizzjoni kollox jibda jitgħabba fuqek, però nesa li f’Marzu li għadda, tmien xhur ilu, raħħasnihom? Din hija l-onestà li tgħallem fl-iskejjel tal-knisja? Naħseb li l-Ġiżwiti li kienu jgħallmuh dwar l-onestà – dawn baqgħu jgħallmuh anke meta l-ex-Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonnici għalaqlu l-iskejjel għax kien imur fil-garaxxijiet tal-galoppini Nazzjonalisti biex jitgħallem u jgħidilhom “grazzi” – ma qalulux biex ikollu memorja parzjali iżda li fl-onestà l-memorja kollha kemm hi trid tkun. Imbagħad f’paġna waħda kellu tlieta f’daqqa!
Imbagħad ikompli hekk:
"Naħseb li l-Ministru Gatt jista’ jfakkrek kif is-sena l-oħra meta s-surcharge kienet ta’ 95%, kien ta "garanzija assoluta" li kien lest iraħħasha jekk il-prezz taż-żejt jinżel taħt il-USD85. Il-prezz taż-żejt raħas anke bin-nofs, iżda intom ma żammejtux kelmtkom.”.
Ara x’gideb! Mela jien nagħmel din il-wegħda meta ż-żejt ikun USD110, jinżel USD85, inraħħsuh f’Marzu u jgħid li ma żammejniex kelmtna! Ara x’diżonestà! Fl-istess paġna jirrepeti dak li qal, jew l-Onor. Pullicino tirrepeti. Dan qal hekk:
“Ma nistgħux lanqas nifhmu dan il-ħabi kollu min-naħa tal-gvern li ma jridx jgħid x’inhuma t-tariffi proposti li bagħat quddiem l-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi.”.
Qal dan il-kliem meta jaf li kienet l-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi li qaltilna biex ma niżvelawhomx! Din l-onestà li tgħallem il-Kap tal-Oppożizzjoni?
Imbagħad biex jagħlaq qalli hekk:
“Xi studji għamilt biex se terġa’ tgħolli l-kontijiet tad-dawl u l-ilma? Fejn hu dan l-istudju?”
Il-Ħamis li għadda wrejtulu fejn hu l-istudju li għamilt lill-Kap tal-Oppożizzjoni! Urejtu paġna wara paġna ta’ dettall! Allura kif jgħid il-Malti, min jiskonġra jrid ikun pur. Mela ejjew ma niġux nitkellmu fuq l-onestà, ejjew nitkellmu fuq il-prinċipji politiċi, Sur President. U l-prinċipji politiċi jridu ħaġa, iridu dibattitu qawwi, sħiħ u mimli. Dan il-parlament irid politiċi li kapaċi jieħdu deċiżjonijiet diffiċli, irid politiċi li ma joqogħdux fuq l-ixkaffa, irid politiċi li ma jkunux popolisti, li jaħsbu li jġibu l-voti għax tissieħeb ma’ dak u mal-ieħor! Araw l-intervista li saret mal-ex-segretarju ġenerali Duminku Fenech dwar il-Partit Laburista! Il-Partit Laburista sar qisu ice cream – għalkemm dan ma qalx hekk – bil-flavours kollha li wieħed ikun irid; strawberry, chocolate, vanilla, vermicelli, li trid! (Onor. Membri: Hear, hear) Il-Partit Laburista sar qisu ice cream u l-Kap tal-Oppożizzjoni sar qisu l-cone fejn titfa’ l-ice cream. (Onor. Membri: Hear, hear)
Nagħlaq billi nitlob il-permess biex inpoġġi xi dokumenti fuq il-Mejda tal-Kamra.
THE CHARIMAN: Hawn permess? (Onor. Membri: Iva)
Il-permess ingħata.
ONOR. AUSTIN GATT: Sur President, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Lista ta’ proġetti u n-nefqa fuqhom li l-Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni għandu programmati għall-2010;
Dokument li juri l-kriterji prinċipali li fuqhom kienet ibbażata r-reviżjoni tat-tariffa tal-elettriku f’Marzu 2009 u l-iżvuluppi li kien hemm matul l-2009;
Stqarrija għall-istampa maħruġa mill-Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni dwar it-talba li l-Enemalta u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għamlu lill-Awtorità għar-Riżorsi ta’ Malta fis-6 ta’ Novembru 2009 għal żieda fit-tariffi tal-elettriku u l-ilma b’effett mill-1 ta’ Jannar 2010;
Dokument datat 5 ta’ Mejju 2009 maħruġ mill-Awtorità għar-Riżorsi ta’ Malta intitolat Review of Proposed Electricity Tariffs – Summary of Review Process and Conclusions; u
Tabella li turi t-tariffa fis-seħħ f’Jannar 2009 għal kull kWh ta’ elettriku li jiġi kkunsmat fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
THE CHAIRMAN: Grazzi. Skada l-ħin tad-diskussjoni fil-Kumitat ta’ Provvista. Il-mistoqsija hi l-emenda għal Vot 15 imressqa mill-Onor. Chris Cardona. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Negatived.
ONOR. MEMBRU: Division.
THE CHAIRMAN: Billi ntalbet votazzjoni, skont il-ftehim milħuq din se tittieħed fil-ħin tal-interruzzjoni tax-xogħol tas-seduta tal-Erbgħa, 25 ta’ Novembru, 2009 filgħodu.
Naturalment il-mistoqsija fuq Vot 15 fuq il-Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni mhux se titpoġġa issa. Għalhekk se ngħaddi biex inqiegħed il-mistoqsija għal Vot 16.
Il-mistoqsija hi:
VOT 16 - AVJAZZJONI ĊIVILI
Illi s-somma ta' mhux iżjed minn €2,448,000 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot 16 – Avjazzjoni Ċivili, kif dettaljata fl-Abbozz tal-Estimi Ġenerali ta' Nefqa għas-sena 2010.
Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Carried.
Ir-Riżoluzzjoni taħt Vot 16 għaddiet.
THE CHAIRMAN: Il-mistoqsija hi:
VOT 17 - DIVIŻJONI TAL-ARTIJIET U REĠISTRU PUBBLIKU
Illi s-somma ta' mhux iżjed minn €2,535,000 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot 17 – Diviżjoni tal-Artijiet u Reġistru Pubbliku, kif dettaljata fl-Abbozz tal-Estimi Ġenerali ta' Nefqa għas-sena 2010.
Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Carried.
Ir-Riżoluzzjoni taħt Vot 17 għaddiet.
THE CHAIRMAN: Il-mistoqsija hi:
VOT IV - MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, TRASPORT U KOMUNIKAZZJONI
Illi s-somma ta' mhux iżjed minn €121,988,000 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot IV – Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni, kif dettaljata fl-Abbozz tal-Estimi Ġenerali ta' Nefqa għas-sena 2010.
Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Carried.
Ir-Riżoluzzjoni taħt Vot IV għaddiet.
Fid-9.33 p.m. il-Kamra rriżumiet u l-President tal-Kumitat irrapporta li r-Riżoluzzjonijiet taħt Voti 16, 17 u IV tal-Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni ġew approvati mill-Kumitat ta’ Provvista.
Dostları ilə paylaş: |